Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší správny súd (ir-Repubblika Slovakka) fit-22 ta’ Marzu 2023 – BONUL s.r.o. vs Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu

(Kawża C-185/23)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší správny súd (Ir-Repubblika Slovakka)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BONUL s.r.o.

Konvenut: Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu

Domandi preliminari

L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni meta waħda mill-qrati tiegħu tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ kumitat speċjali tal-Parlament tal-imsemmi Stat li tkun ikkonfermat, fl-appell, deċiżjoni amministrattiva tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà li annullat (irrevokat), fir-rigward ta’ persuna ġuridika:

–    minn naħa, iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tawtorizzaha taċċedi informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali,

min-naħa l-oħra, u esklużivament bħala konsegwenza tal-annullament tal-imsemmija ċertifikazzjoni, ukoll

–    iċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali maħruġ lill-imsemmija persuna ġuridika sabiex ikun jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni kklassifikata bħala “SECRET UE/EU SECRET” fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE 1 fil-verżjoni tagħha fis-seħħ?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħhom

id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà li tannulla (tirrevoka) iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li wasslet lill-imsemmija awtorità tikkonkludi li l-kundizzjonijiet għall-annullament (revoka) tagħhom ġew osservati, iżda sempliċiment tirreferi għad-dokument rilevanti tal-fajl ta’ din l-awtorità li jinkludi l-informazzjoni kklassifikata inkwistjoni,

il-persuna ġuridika kkonċernata la jkollha aċċess għall-fajl tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà u lanqas għad-diversi dokumenti li fihom tinsab l-informazzjoni kklassifikata li wasslet lill-imsemmija awtorità tannulla (tirrevoka) iċ-ċertifikazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija,

l-avukat tal-persuna ġuridika kkonċernata jista’ jkollu aċċess għal dan il-fajl u għal dawn id-dokumenti, iżda biss bil-kunsens tad-direttur tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, u jekk meħtieġ bil-kunsens ta’ awtorità oħra li tkun ippreżentat l-imsemmija dokumenti lil awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, u, wara li kellu aċċess għalihom, dan l-avukat jibqa’ obbligat li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-kontenut tal-fajl u ta’ dawn id-dokumenti,

madankollu, il-qorti li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq fl-ewwel domanda jkollha aċċess sħiħ għal dan il-fajl u għal dawn id-dokumenti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu (jew saħansitra jobbligaw) direttament lil qorti li tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq fl-ewwel domanda li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni u l-prattika deskritti fit-tieni domanda u li tawtorizza lill-persuna ġuridika kkonċernata jew lill-avukat tagħha li jkollhom aċċess għall-fajl tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà, u jekk meħtieġ għad-dokumenti li fihom tinsab l-informazzjoni kklassifikata, jekk l-imsemmija qorti tiddeċiedi li dan huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv u proċedura kontradittorja?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

L-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa ta’ qorti li tawtorizza l-aċċess għall-fajl, u jekk meħtieġ għad-dokumenti, skont il-formulazzjoni tat-tielet domanda, tikkonċerna:

–    biss il-partijiet tal-fajl jew tad-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sigurtà industrijali fis-sens tal-Artikolu 11 u tal-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488,

jew

–    anki l-partijiet tal-fajl u tad-dokumenti li jinkludu l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sigurtà industrijali fis-sens tad-dritt nazzjonali, jiġifieri lil hinn mir-raġunijiet previsti mid-Deċiżjoni 2013/488?

____________

1     ĠU 2013, L 274, p. 1.