Language of document : ECLI:EU:T:2009:400

Kawża T-140/08

Ferrero SpA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva TiMi KiNDERJOGHURT — Trade mark verbali preċedenti KINDER — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni preċedenti — Nuqqas ta’ res judicata — Artikoli 8(1)(b) u (5), 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 8(1)(b) u (5), u 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Relazzjoni bejn deċiżjoni finali fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Res judicata — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 52(4) u 96(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxiebhux

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(5) u 52(1)(a))

1.      Il-prinċipju ta’ res judicata, li jeżiġi li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni ta’ qorti ma terġax tiġi kkontestata, ma huwiex applikabbli fir-relazzjoni bejn deċiżjoni finali fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li b’mod partikolari, minn naħa, il-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huma ta’ natura amministrattiva, u mhux ta’ natura ġudizzjarja, u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jiġifieri l-Artikoli 52(4) u 96(2), ma jipprovdux regola f’dan is-sens.

Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet li jkunu saru fid-deċiżjoni finali fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma jistgħu jiġu totalment injorati meta trid tittieħed deċiżjoni fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-istess partijiet, li tirrigwarda l-istess suġġett u tkun ibbażata fuq l-istess motivi, bil-kundizzjoni li dawn il-konstatazzjonijiet jew il-punti deċiżi ma jkunux affettwati minn elementi ġodda ta’ fatt, minn provi ġodda jew minn motivi ġodda. Fil-fatt, din l-affermazzjoni hija biss espressjoni partikolari tal-ġurisprudenza li tistipula li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI tikkostitwixxi element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, id-dipartimenti tal-UASI ma humiex marbuta bil-konstatazzjonijiet li jkunu saru fid-deċiżjoni finali mogħtija fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, bis-saħħa tar-regola nemo potest venire contra factum proprium, tal-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, minn naħa, sa fejn id-deċiżjoni, anki jekk definittiva, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma hijiex res judicata, din l-istess deċiżjoni ma tistax toħloq drittijiet kweżiti u lanqas aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-riżultat ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ulterjuri. Min-naħa l-oħra, fil-każ kuntrarju, il-kontestazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni permezz ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-istess partijiet, fuq l-istess suġġett u bbażata fuq l-istess motivi, tkun nieqsa minn kull effett utli, għalkemm hija possibbli skont ir-Regolament Nru 40/94.

(ara l-punti 34-36)

2.      Sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar ix-xebh tat-trade marks imposta mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li jipprovdi protezzjoni tat-trade mark irreġistrata preċedentement li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxiebhux, ma huwiex neċessarju li jintwera li teżisti, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni u t-trade mark ikkontestata. Huwa suffiċjenti li l-livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks ikollu l-effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom. L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Il-paragun tas-sinjali għandu, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, ikun ibbażat fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade marks, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom.

(ara l-punt 54)

3.      It-trade mark figurattiva TiMi KiNDERJOGHURT, irreġistrata bħala trade mark Komunitarja għal “Jogurt, jogurt tal-frott, xorb magħmul mill-jogurt, xorb magħmul mill-jogurt li jikkontjeni frott; platti ppreparati u parzjalment ippreparati prinċipalment abbażi ta’ jogurt jew prodotti magħmula mill-jogurt; kremi magħmula mill-jogurt” li taqa’ fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice, ma tistax tiġi ddikjarata invalida, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, minħabba l-eżistenza tar-raġuni relattiva għal rifjut prevista fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, sa fejn din it-trade mark u t-trade mark KINDER, irreġistrata preċedentement fl-Italja għall-prodotti fil-klassi 30 fis-sens ta’ dan il-ftehim, ma jixxiebhux.

Fl-ewwel lok, l-element “kinder” huwa magħqud mal-element “joghurt”, ħaġa li ċċaħħadhom minn eżistenza awtonoma speċifika. Fil-fatt, minn naħa, mhux biss l-elementi “kinder” u “joghurt” għandhom l-istess importanza viżiva, iżda l-irregolaritajiet stilistiċi tat-tipa ta’ karattri mhux dritti u mhux allinjati tal-element “kinderjoghurt” jagħmluh unità armonjuża li fiha ż-żewġ elementi kostituttivi bilkemm huma perċepibbli. Dawn il-partikolaritajiet juru li l-element “kinder” ma huwiex sempliċement mehmuż mal-element “joghurt”. Min-naħa l-oħra, minħabba t-tipa stilizzata tal-element “kinder” użata fit-trade mark ikkontestata, din tal-aħħar ma tixbahx b’mod viżiv lit-trade mark verbali preċedenti li fuqa hija bbażata l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li hija rrappreżentata b’tipa klassika.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-element “kinder” fit-trade mark ikkontestata tagħmel sempliċement parti mill-element “kinderjoghurt” li għandu biss importanza sekondarja meta mqabbel mal-element “timi”.

Fit-tielet lok, kuntrarjament għall-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark verbali preċedenti li fuqha hija bbażata l-azzjoni għal dikjarazzjonit ta’ invalidità, l-element “kinder” jinsab fit-trade mark ikkontestata fost żewġ elementi oħra li huma, minn naħa, l-element “timi” u, min-naħa l-oħra, l-element “joghurt”. Differenza bħal din tnaqqas b’mod sostanzjali mhux biss ix-xebh fonetiku li jista’ jeżisti bejn iż-żewġ sinjali minħabba l-element komuni bejniethom, iżda wkoll ix-xebh viżiv eventwali li jista’ jeżisti minħabba dan l-element komuni. B’hekk l-element “kinder” jikkostitwixxi element negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark inkwistjoni.

(ara l-punti 56-58)