Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Lulju 2012 - Spirlea vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-306/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Darius Nicolai Spirlea (Capezzano Pianore, l-Italja) u Mihaela Spirlea (Capezzano Pianore) (rappreżentanti: V. Foerster u T. Pahl, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' r-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE;

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tiddikjara r-rikors fondat u tikkonstata li l-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali u diversi dispożizzjonijiet tad-dritt materjali;

tannulla, abbażi ta' dan, id-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ġunju 2012 (SG.B.5/Mku/psi - Ares (2012) 744102), sa fejn tikkonċerna l-ittri ta' informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2011 u tal-10 ta' Ottubru 2011, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

Ksur tal-obbligu ta' eżami previst fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001  u nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-estent sa fejn kellu jsir dan l-eżami abbażi tal-imsemmi regolament

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li hemm ksur tal-obbligu ta' eżami tal-"eċċezzjonijiet" previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll tal-estent sa fejn kellu jsir dan l-eżami skont l-imsemmija dispożizzjoni.

Ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni fid-deċiżjoni tal-21 ta' Ġunju 2012 marbuta mal-Każijiet GestDem 2012/1073 u 2012/1251

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li timmotiva r-rifjut tal-iżvelar tal-ittri ta' informazzjoni tal-10 ta' Mejju 2011 u tal-10 ta' Ottubru 2011 skont l-estent preskritt mid-dritt.

Assimilazzjoni tal-proċedura pilota "informali" tal-Unjoni ma' proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-assimilazzjoni tal-proċedura pilota "informali" tal-Unjoni ma' proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE ma hijiex fondata fid-dritt.

Żball ta' evalwazzjoni dwar l-aċċess parzjali għad-dokumenti

Fil-kuntest tar-raba' motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dritt tagħhom għal aċċess parzjali għall-ittri ta' informazzjoni (Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001) u naqset b'mod manifest milli twettaq eżami konkret.

Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità/ "interess pubbliku superjuri"

Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità, sa fejn ma eżaminatx b'mod korrett l-eċċezzjoni invokata ("protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta' investigazzjoni") fir-rigward tal-"interess pubbliku superjuri" (Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001).

Ksur tal-Komunikazzjoni COM(2002) 141

Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret b'mod sistematiku, fir-rigward tagħhom, ir-regoli li hija stess stabbilixxiet dwar it-trattament tal-ilmenti taċ-ċittadini tal-Unjoni u għalhekk kisret sostenibbilment l-effett vinkolanti li imponiet fuqha stess (Anness tal-Komunikazzjoni COM(2002) 141).

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).