Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Ottubru 2007 -Nijs vs Il-Qorti ta' l-Awdituri

(Kawża F-108/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Bart Nijs (Bereldange, il-Belġju) (rappreżentant: F. Rollinger, avocat)

Konvenuta: Il-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej li ġġedded il-mandat tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti ta' l-Awdituri għal terminu ta' żmien ġdid ta' sitt snin mill-1 ta' Lulju 2007;

sussidjarjament, tannulla ż-żewġ atti li allegatament jikkostitwixxu "deċiżjonijiet ta' l-Awtorità tal-Ħatra (AIPN)" rispettivament tat-8 ta' Diċembru 2006 rigward l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Ottubru 2006 fil-kawża T-171/05, u tat-12 ta' Lulju 2007, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent tat-12 ta' Marzu 2007.

tordna li l-konvenuta għandha tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka b'mod partikolari l-fatti li ġejjin: i) is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti ta' l-Awdituri aġixxa illegalment minflok ma ressaq il-kwistjoni quddiem l-OLAF, huwa rrifjuta espliċitament li jieħu miżuri, jew li jeżamina l-kwistjoni meta huwa ġie avżat, b'dokumenti in sostenn ta' dan, bl-eżistenza ta' frodi bi ħsara għas-sistema ta' pensjoni għal invalidità; ii) uffiċjal wettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod illegali; iii) in-nuqqas ripetut ta' pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' promozzjoni u d-dati tagħhom; iv) l-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal ta' l-2004 u l-2006 huma illegali għal diversi raġunijiet ; v) hemm numru kbir ta' każijiet ta' abbuż tal-proċedura ta' promozzjoni kif ukoll ta' eżerċizzju illegali tas-setgħa ta' ħatra konċessa lil kap ta' diviżjoni u ta' numru kbir ta' interessi personali li jistgħu jikkompromettu l-indipendenza ta' l-AIPN kważi fit-totalità tad-deċiżjonijiet tagħha; v) id-"deċiżjonijiet ta' l-AIPN" jirriżultaw mill-interessi personali tas-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrent u mill-ħabi ta' talba lil kollega sabiex iwettaq funzjonijiet superjuri ad interim u n-nuqqas ta' referenza lill-OLAF; vii) l-AIPN ibbażat id-deċiżjonijiet ikkontestati fuq l-istess katina ta' żbalji manifesti tad-deċiżjonijiet inizjali li huma jikkonfermaw, fuq il-bażi tas-sentenza li m'għandhiex awtorità ta' res judicata u mingħajr ma ċaħdet l-iċken argument tar-rikorrent; vii) il-kumitati involuti fil-proċedura ta' evalwazzjoni u ta' promozzjoni ma ġewx avżati bl-indipendenza kompromessa tas-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrent.

____________