Language of document : ECLI:EU:C:2008:461

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Settembru 2008(*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban – Nazzjonijiet Uniti – Kunsill tas-Sigurtà – Riżoluzzjonijiet adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti – Implementazzjoni fil-Komunità – Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK [PBSK] – Regolament (KE) Nru 881/2002 – Miżuri li jikkonċernaw persuni u entitajiet inklużi f’lista redatta minn korp tan-Nazzjonijiet Uniti – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà (Kumitat tas-Sanzjonijiet) – Inklużjoni ta’ dawn il-persuni u entitajiet fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 – Rikors għal annullament – Kompetenza tal-Komunità – Bażi legali tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE meħuda flimkien – Drittijiet fundamentali – Dritt għar-rispett tal-proprjetà, dritt għal smigħ u dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

Fil-kawżi magħquda C-402/05 P u C-415/05 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa rispettivament fis-17 u fil-21 ta’ Novembru 2005,

Yassin Abdullah Kadi, residenti f’Jeddah (l-Għarabja Sawdita), irrappreżentat minn I. Brownlie u D. Anderson, QC, kif ukoll minn P. Saini, barrister, bħala rappreżentanti ta’ G. Martin, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Al Barakaat International Foundation, stabbilita fi Spånga (l-Iżvezja), irrappreżentata minn L. Silbersky u T. Olsson, advokater,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u E. Karlsson, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, E. Belliard u S. Gasri, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u M. de Mol, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appelli,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Brown, J. Enegren u P. J. Kuijper, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, E. Belliard u S. Gasri, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appelli,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn R. Caudwell, E. Jenkinson u S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn C. Greenwood, QC, u A. Dashwood, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, P. Lindh, J.-C. Bonichot, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduti tas-16 ta’ Jannar 2008 (C-402/05 P) u tat-23 ta’ Jannar 2008 (C-415/05 P),

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom Y. A. Kadi (C-402/05 P) u Al Barakaat International Foundation (iktar’il quddiem “Al Barakaat”) (C-415/05 P) jitolbu l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ Settembru 2005, rispettivament, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑315/01, Ġabra p. II‑3649) kif ukoll Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑306/01, Ġabra p. II‑3533) (iktar’il quddiem, rispettivament, is-“sentenza appellata Kadi” u s-“sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat” kif ukoll, flimkien, is-“sentenzi appellati”.

2        Permezz ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati minn Y. A. Kadi u Al Barakaat kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU L 139, p. 9, iktar’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”, inkwantu dan l-att jikkonċernhom.

 Kuntest Ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 1(1) u (3) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Fransisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945, l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jinkludu dak “[l]i jżommu l-paċi u s-sigurezza [sigurtà] internazzjonali” u dak “[s]abiex jiksbu kooperazzjoni internazzjonali fis-soluzzjoni ta’ problemi internazzjonali ta’ natura ekonomika, soċjali, kulturali jew umanitarja, u fil-promozzjoni u l-inkoraġġiment ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għal kulħadd mingħajr distinzjoni ta’ razza sess, lingwa jew reliġjon”.

4        Skont l-Artikolu 24(1) u (2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti:

“1.      Taħt l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945, il-Membri tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) “jpoġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurezza [Sigurtà] responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurezza [sigurtà] internazzjonali, u jaċċetta li waqt li jkun qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont din ir-responsabbiltà, il-Kunsill tas-Sigurezza [Sigurtà] jkun qed jaġixxi f’isimhom.

2.      Fit-twettieq ta’ dawn id-dmirijiet il-Kunsill tas-Sigurezza [Sigurtà] għandu jaġixxi skont l-Għanijiet u l-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. Is-setgħat speċifiċi mogħtija lill-Kunsill tas-Sigurezza [Sigurtà] sabiex jaqdi dawn id-dmirijiet huma mniżżla fil-Kapit[o]li VI, VII, VIII u XII.”

5        Taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti “[i]l-Membri ta’ l-[ONU] jintrabtu li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurezza [Sigurtà] skont il-Karta preżenti”.

6        L-Artikoli 39, 41 u 48 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jifformaw parti mill-Kapitolu VII tagħha, intitolat “Azzjoni rigward theddid għall-paċi, ksur tal-paċi u atti ta’ aggressjoni”.

7        Skont l-Artikolu 39 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti:

“Il-Kunsill tas-Sigurezza [Sigurtà] jiddeċiedi jekk teżistix xi theddida għall-paċi, ksur tal-paċi, jew att ta’ aggressjoni u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, jew jiddeċiedi x’miżuri għandhom jittieħdu skont l-Artik[o]li 41 u 42, biex iħares jew jerġa’ jġib il-paċi u s-sigurezza [sigurtà] internazzjonali”.

8        L-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprovdi kif ġej:

“Il-Kunsill tas- Sigurezza [Sigurtà] jista’ jiddeċiedi x’miżuri li ma jinvolvux l-użu tal-[forza] armata għandhom jiġu użati biex jitwettqu d-deċiżjonijiet tiegħu, u jista’ jitlob lill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex japplikaw dawn il-miżuri. Dawn jistgħu jinkludu l-qtugħ totali jew parzjali ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru, tal-posta, telegrafu, radju, jew mezzi oħra, u l-ksur tar-relazzjonijiet diplomatiċi”.

9        Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali “għandhom jiġu eżegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz ta’ l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri”

10      Skont l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, “[f’]il-każ ta’ konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skont il-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skont xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skont il-Karta preżenti għandhom jegħlbu”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Il-fatti li wasslu għall-kawża kienu ġew imsemmija fil-punti 10 sa 36 tas-sentenza appellata Kadi u 10 sa 41 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat.

12      Għall-finijiet ta’ din is-sentenza, dawn jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

13      Fil-15 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1267 (1999), li biha huwa b’mod partikolari kkundanna l-fatt li terroristi qed ikomplu jiġu milqugħa u mistħarrġa u li atti terroristiċi huma ppreparati fit-territorju Afgan, afferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u ddeplora li t-Taliban qed ikompli jagħti rifuġju lil Usama bin Laden u li jippermettilu, kif ukoll lill-kollaboraturi tiegħu, li jmexxi netwerk ta’ kampijiet ta’ taħriġ għat-terroristi minn territorju okkupat minnu u li jinqeda bl-Afganistan bħala bażi sabiex imexxi operazzjonijiet terroristiċi internazzjonali.

14      Fil-paragrafu 2 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ordna li t-Taliban jagħti mingħajr iktar dewmien lill-imsemmi Usama bin Laden jew direttament jew indirettament lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat fejn huwa kien ġie akkużat, jew lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat fejn huwa jkun arrestat u ġġudikat. Sabiex jiżgura li dan l-obbligu jiġi osservat, il-paragrafu 4(b) tal-imsemmija riżoluzzjoni jiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b’mod partikolari, “jiffriżaw fondi u riżorsi finanzjarji oħra li ġejjin minn proprjetà li hija tat-Taliban jew ikkontrollata direttament jew indirettament minnu, jew minn xi impriża li hija ta’ jew hi kkontrollata mit-Taliban, kif stabbilit mill-Kumitat imwaqqaf permezz tal-paragrafu 6 hawn taħt, u jiżguraw li la l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra inkwistjoni u lanqas il-fondi l-oħra kollha jew riżorsi finanzjarji hekk identifikati ma jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni jew użati favur it-Taliban jew kull impriża oħra li hija tiegħu jew direttament jew indirettament ikkontrollata mit-Taliban, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinstab fit-territorju tagħhom, sakemm il-Kumitat ma jkunx ta awtorizzazzjoni kuntrarja għal dan, każ b’każ, għal raġunijiet umanitarji”.

15      Fil-paragrafu 6 tal-istess riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jistabbilixxi, skont l-Artikolu 28 tar-regolament intern provviżorju tiegħu, Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà (iktar’il quddiem “il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) kompost mill-membri tiegħu kollha, inkarigat, b’mod partikolari li jiżgura l-implementazzjoni, mill-Istati, tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4, li jidentifka l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra msemmija fl-imsemmi paragrafu 4 u li jeżamina t-talbiet għal deroga mill-miżuri imposti minn dan l-istess paragrafu 4.

16      Peress li azzjoni tal-Komunità Ewropea kienet neċessarja sabiex ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999), tiġi implementata, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-15 ta’ Novembru 1999, adotta l-Pożizzjoni Komuni 1999/727/PESK [PBSK], dwar il-miżuri restrittivi kontra t-Taliban (ĠU L 294, p. 1).

17      L-Artikolu 2 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji oħra li t-Taliban għandu barra mill-pajjiz, taħt il-kundizzjonijiet imfissra fl-imsemmija riżoluzzjoni.

18      Fl-14 ta’ Frar 2000, il-Kunsill adotta fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, dwar il-projbizzjoni ta’ titjiriet u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU L 43 p. 1).

19      Fid-19 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1333 (2000) li teżiġi, b’mod partikolari, li t-Taliban jikkonforma ruħu mar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), b’mod partikolari billi jieqaf jofri refuġju u taħriġ lit-terroristi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tagħhom u billi jagħti lil Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ġġudikat. Il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda, b’mod partikolari, li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u l-iffriżar ta’ fondi imposti skont ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999).

20      Din, kif ukoll il-paragrafu 8 (c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b’mod partikolari, “[j]iffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji oħra ta’ Usama bin Laden u ta’ individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu kif identifikati mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet], inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida, u l-fondi derivati minn beni li huma ta’ [Usama bin] Laden u ta’ individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu jew kontrollati direttament jew indirettament minnu u li jiżguraw li la l-fondi u r-riżorsi finanzjarji l-oħra inkwistjoni u lanqas fondi jew riżorsi finanzjarji oħra kollha ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew jiġu użati direttament jew indirettament favur [Usama bin] Laden, il-kollaboraturi tiegħu jew kull entità oħra li tappartjeni lilu jew hija direttament jew indirettament ikkontrollata minnu, inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinstab fit-territorju tagħhom”.

21      F’din l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà inkariga lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet iżomm, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, lista aġġornata ta’ individwi u entitatjiet li l-imsemmi Kumitat identifika bħala assoċjati ma’ Usama bin Laden, inkluża l-organizzazjoni Al-Qaida.

22      Fil-paragrafu 23 tar-Riżoluzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li l-miżuri imposti, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 8, ser ikunu applikati għal tnax-il xahar, u li fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, huwa jiddetermina jekk dawn għandhomx jiġġeddu għal perijodu ġdid taħt l-istess kundizzjonijiet.

23       Peress li azzjoni tal-Komunità Ewropea kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-26 ta’ Frar 2001 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/154/PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi supplementari kontra t-Taliban u li temenda l-Pożizzjoni Komuni 96/746/ PESK [PBSK] (ĠU L 57 p. 1).

24      L-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/154 jiddisponi:

“Il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta’ Usama bin Laden u ta’ persuni u entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika ser ikunu ffriżati u l-ebda fondi jew riżorsi finanzjarji oħra mhuma ser ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Usama bin Laden, u lanqas ta’ persuni jew entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika, skont id-dispożizzjonijiet [tar-Riżoluzjoni 1333 (2000)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25      Fis-6 ta’ Marzu 2001, il-Kunsill adotta fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 467/2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra li kienu ġew deċiżi fir‑ rigward it-Taliban tal-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1).

26      Skont il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament, il-miżuri previsti mir-Riżoluzzjoni 1333 (2000) “jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implementati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

27      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 467/2001 jagħti t-tifsira ta’ “fondi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “iffriżar ta’ fondi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

28       Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pussess ta’, persuna fiżika jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet […] u [mniżżla] fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.      Il-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra m’għandhomx ikunu disponibbli direttament jew indirettament, lil, lanqas favur, persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban u mniżżla fl-Anness I.

Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għal fondi u riżorsi finanzjarji li huma s-suġġett ta’ deroga mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban. Dawn id-derogi jistgħu jinkisbu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mniżżla fl-Anness II”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29      L-Anness I tar-Regolament 467/2001 jinkludi lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi impost permezz tal-Artikolu 2. Skont l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament Nru 467/2001, il-Kummissjoni hija awtorizzata temenda jew tikkompleta l-imsemmi Anness I fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

30       Fit-8 ta’ Marzu 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika l-ewwel lista kkonsolidata ta’ persuni u entitajiet li l-fondi taghom għandhom jiġu ffriżati skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000) (ara l-komunikat AFG/131 SC/7028 tal-imsemmi Kumitat tat-8 ta’ Marzu 2001). Minn dak iż-żmien din il-lista ġiet emendata u kkompletata diversi drabi. Il-Kummissjoni, minn dak iż-żmien adottat diversi regolamenti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 467/2001, li bihom hija emendat jew ikkompletat l-Anness I tal-imsemmi regolament.

31      Fis-17 ta’ Ottubru u fid-9 ta’ Novembru 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika żewġ addenda ġodda għal-lista tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2001, li jinkludu rispettivament l-isem tal-persuna u tal-entità segwenti:

–        “Al-Qadi, Yasin (A. K. A. Kadi, Shaykh Yassin Abdullah; A. K. A. Kahdi, Yasin), Jeddah, Saudi Arabia”, u

–        “Barakaat International Foundation, Box 4036, Spånga, Stockholm, Sweden; Rinkebytorget 1, 04 Spånga, Sweden”.

32      Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2062/2001 tad-19 ta’ Ottubru 2001, li jemenda għat-tielet darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p. 25), l-isem ta’ Y. A. Kadi ġie miżjud mal-oħrajn, fl-Anness I ta’ dan l-aħħar regolament.

33      Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2199/2001 tat-12 ta’ Novembru 2001, li jemenda, għar-raba’ darba, ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 295, p. 16), l-isem ta’ Al Barakaat kien ġie miżjud ma’ oħrajn, fl-imsemmi Anness I.

34      Fis-16 ta’ Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta’ Usama bin Laden, tal-Membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati. Din ir-riżoluzzjoni, essenzjalment tipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, iż-żamma ta’ miżuri, b’mod partikolari l-iffriżar ta’ fondi, imposti fil-paragrafu 4 (b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) u 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000). Skont il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), dawn il-miżuri ser jiġu rriveduti mill-Kunsill tas-Sigurtà 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni u fl-aħħar ta’ dan il-perijodu huwa jew se jħalli l-kontinwazzjoni ta’ dawn il-miżuri jew jiddeċiedi li jsaħħaħhom.

35      Peress li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-27 ta’ Mejju 2002 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/ PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Usama bin Laden, il-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, u ħassret il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746, 1999/727, 2001/154 u 2001/771/ PESK [PBSK] (ĠU L 139, p. 4). L-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402 tipprevedi, b’mod partikolari, il-proroga tal-iffriżar ta’ fondi u ta’ assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitatjiet indikati fil-lista stabbilità mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000).

36       Fis-27 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament ikkontestat.

37      Skont ir-raba’ premessa ta’ dan ir-regolament, il-miżuri previsti, fost oħrajn, permezz tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) “jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġislazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità”.

38       L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jiddefinixxi “l-fondi” u “l-friża [l-iffriżar]” ta’ fondi bi kliem essenzjalment identiċi, għal dawk tal-1 Artikolu tar-Regolament Nu 467/2001.

39      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses ta’, persuna naturali jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond m’għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I.

3.      L-ebda riżors ekonomiku m’għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I, biex dik il-persuna, dak il-grupp jew dik l-entità tkun tista’ tikseb fondi, merkanzija jew servizzi.”

40      L-Anness I tar-Regolament ikkontestat jinkludi lista ta’ persuni, entitatjiet u gruppi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-fondi impost permezz tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Din il-lista tinkludi b’mod partikolari, l-ismijiet tal-entità u tal-persuni li ġejjin:

–        “Fondation internationale Barakaat; kaxxa postali 4036, Spånga, Stokkolma, l-Iżvezja; Rinkebytorget 1, 04, Spånga, l-Iżvezja”, u

–        “Al-Qadi, Yasin (alias KADI, Shaykh Yassin Abdullah; alias KAHDI, Yasin), Jeddah, l-Għarabja Sawdita”.

41      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452 (2000), intiża sabiex tiffaċilita r-rispett tal-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-paragrafu 1 ta’ din ir-Riżoluzzjoni jipprevedi ċertu numru ta’ derogi u ta’ eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 1390 (2002), li jistgħu jingħataw għal motivi umanitarji mill-Istati, bir-riżerva ta’ awtorizzazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

42      Fis-17 ta’ Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455 (2003), li hija intiża sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti fil-paragrafi 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) kif ukoll 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skont il-paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1455 (2003), dawn il-miżuri ser jerġgħu jkunu mtejjba fi żmien 12-il xahar jew qabel jekk ikun hemm bżonn.

43      Peress li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002), il-Kunsill, fis-27 ta’ Frar 2003 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/140/ PESK [PBSK], dwar eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402 (ĠU L 53, p. 62) L-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2003/140 jipprevedi li, meta tkun qed timplementa l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, il-Komunità Ewropea għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet awtorizzati mill-imsemmija riżoluzzjoni.

44      Fis-27 ta’ Marzu 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 561/2003, li jemenda, għal dak li għandu x’jaqsam mal-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, ir-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 82, p. 1). Fir-raba’ premessa ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill jindika li, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1452 (2002) hemm bżonn li jkunu aġġustati l-miżuri imposti mill-Komunità.

45      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2003, ir-Regolament ikkontestat huwa kkompletat mill-Artikolu segwenti:

“Artikolu 2a

1.      L-Artikolu 2 mhux se japplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi fejn:

(a)      xi awtorità kompetenti tal-Istati Membri, kif imniżżla fl-Anness II, iddeterminat, fuq talba magħmula minn persuna naturali jew legali konċernata, li dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma:

i)      neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta’ oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi;

ii)      maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ miżati xierqa professjonali u għar-rimbors ta’ spejjeż li saru għad-dsiposizzjoni ta’ servizzi legali;

iii)  maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ miżati jew ta’ servizzi biex jibqgħu jinżammu l-fondi ffriżati u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

iv)      neċessarji għal spejjeż straordinarji; u

(b)      determinazzjoni bħal din ġiet innotifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; u

(ċ)       (i)    fil-każ ta’ determinazzjoni taħt punt (a)(i), (ii) jew (iii), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien 48 siegħa min-notifikazzjoni; jew

(ii)      fil-każ ta’ determinazzjoni taħt punt (a)(iv), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet approva d-determinazzjoni.

2.      Kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-disposizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tindirizza t-talba tagħha lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru kif imniżżel fl-Anness II.

L-awtorità kompetenti elenkata fl-Anness II għandha tinnotifika mill-ewwel bil-miktub kemm lill-persuna li għamlet it-talba, kif ukoll lil kull persuna, korp jew entita’ magħrufa li huma direttament konċernati, jekk it-talba ntlaqgħetx..

L-awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lil Stati Membri oħra jekk it-talba għal eċċezzjoni bħal din intlaqgħetx..

3.      Il-fondi maħruġa u trasferiti ġol-Komunità stess sabiex jintlaħqu l-ispejjeż jew li huma rikonoxxuti bis-saħħa ta’ dan l-artikolu mhux se jkunu suġġetti għal iktar miżuri restrittivi skont l-Artikolu 2.

[…]”

 Ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenzi appellati

46      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Y. A. Kadi u Al Barakaat ressqu rikorsi intiżi għall-annullament tar-Regolament Nru 467/2001 kif ukoll, fir-rigward tal-ewwel rikors, tar-Regolament Nru 2062/2001 u, fir-rigward tat-tieni rikors, tar-Regolament Nru 2199/2001, inkwantu dawn ir-regolamenti kienu jikkonċernawhom. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti emendaw it-talbiet u l-motivi tagħhom b’mod li dawn kienu issa jikkonċernaw ir-Regolament ikkontestat, inkwantu dan kien jikkonċernhom.

47       Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-konvenuti fl-ewwel istanza.

48      Fis-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, iddeċidiet li kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li kull wieħed mir-rikorsi kien issa intiż biss kontra l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni kif ukoll mir-Renju Unti, u kellu bħala suġġett biss talba għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, inkwantu dan jikkonċerna lir-rikorrenti rispettivi (sentenzi appellati Kadi, punt 58, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 77).

49      In sostenn tat-talbiet tiegħu, Y. A. Kadi qajjem, fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tliet motivi għal annullament ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni fuq il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet fuq il-ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

50      Minn naħa tiegħu Al Barakaat ibbaża t-talbiet tiegħu fuq tliet motivi għal annullament ibbażati, l-ewwel, fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta r-Regolament ikkontestat, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 249 KE, u, it-tielet, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

 Dwar il-kompetenza tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat

51      Fis-sentenzi appellati, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill kienx kompetenti jadotta r-Regolament ikkontestat fuq il-bażi legali tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, billi kkunsidrat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata Kadi, li dan kien motiv ta’ ordni pubbliku li seta’ jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja.

52      Fis-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel, ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti dwar l-allegat nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament Nru 467/2001.

53      Fil-punt 107 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt iddeċidiet li tali pass kien adatt, anki jekk dan l-ilment kien sar bla skop minħabba li dan ir-regolament kien ġie abrogat permezz tar-Regolament ikkontestat, peress li kienet tqis li l-motivi li fuqhom din iċ-ċaħda kienet ibbażata kienu jikkostitwixxu wieħed mill-premessi tar-raġunament tagħha f’dak li jikkonċerna l-bażi legali ta’ dan l-aħħar regolament, li issa kien l-uniku wieħed li fir-rigward tieħgu kien intiż ir-rikors għal annullament

54      F’dan ir-rigward, hija qabel kollox ċaħdet, fil-punti 112 sa 116 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakkat, l-argument li l-miżuri inkwistjoni jolqtu persuni, u fuq dan ċittadini ta’ Stat Membru, filwaqt li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jawtorizzaw biss lill-Kunsill jieħu miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

55      Fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, bl-istess mod li dawn is-sanzjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji jistgħu legalment jeffettwaw b’mod speċifiku lill-mexxejja ta’ pajjiż terz, iktar milli lil dan il-pajjiż bħala tali, huma għandhom xorta waħda jkunu applikabbli, fil-post li huma jinstabu, fir-rigward ta’ persuni u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom.

56      Skont il-punt 116 ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni, li ma tmurx kontra l-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, hija ġġustifikata kemm mill-kunsiderazzjonijiet ta’ effikaċja kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni umanitarja.

57      Sussegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet, fil-punti 117 sa 121 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, l-argument li l-miżuri inkwistjoni huma intiżi mhux biex jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz, iżda sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali, u b’mod partikolari, kontra Usama bin Laden.

58      Fl-aħħar, fil-punti 122 u 123 ta’ din l-istess sentenza, hija ċaħdet l-argument li l-imsemmija miżuri kienu spoporzjonati fir-rigward tal-għan imfittiex mill-Artikoli 60 KE u 301 KE.

59      Fir-rigward, sussegwentement, tal-ilmenti intiżi kontra l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fl-ewwel lok, li, hekk kif kienu sostnew il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikoli 60 KE u 301 KE, waħedhom, ma jikkostitwixxux, bażi legali suffiċjenti sabiex fuqha jiġi bbażat dan ir-regolament (sentenzi appellati Kadi, punti 92 sa 97, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 128 sa 133).

60      Hija, b’mod partikolari kkonstatat li l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jimplementa sanzjonijiet msejħa “intelliġenti” (“smart sanctions”) ta’ tip ġdid, ikkaratteriżati minn nuqqas ta’ kull konnessjoni bejn dawn u t-territorju jew ir-reġim mexxej ta’ pajjiż terz, peress li, wara l-waqa’ tar-reġim tat-Taliban, il-miżuri inkwistjoni, kif previsti mir-Riżoluzzjoni 1390 (2002), kienu diretti direttament kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll il-persuni u entitajiet assoċjati magħhom..

61      Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, u speċjalment tal-espressjonijiet “għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni” u “ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar” li jinsabu fihom, ma jistax isir rikors għal dawn l-artikoli sabiex jiġu imposti sanzjonijiet ta’ dan it-tip il-ġdid. Fil-fatt dawn jippermettu biss l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiż terz, li jista’ jinkludi l-mexxeja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi jew entitajiet assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew kontrollati direttament jew indirettament minnhom. Madankollu, meta r-reġim kopert minn tali miżuri ma jkunx għadu jeżisti, ma jkunx hemm iktar konnessjoni suffiċjenti bejn dawn l-individwi jew entitajiet u l-pajjiż terż ikkonċernat.

62      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, li l-Kunsill kien ġustament ikkunsidra li l-Artikolu 308 KE, waħdu, ma jikkostitwixxix aktar, bażi legali adattat sabiex tippermetti l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat (sentenzi appellati Kadi, punti 98 sa 121, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 134 sa 157).

63      F’dan ir-rigward hija ddeċidiet li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b’mod aktar partikolari, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji bħal mhuma l-iffriżar tal-fondi, kontra individwi u entitajiet li huma suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tiegħu, ma jistgħux ikunu marbuta ma’ ebda wieħed mill-għanijiet espliċitament assenjati lill-Komunità mill-Artikoli 2 KE u 3 KE (sentenzi appellati Kadi, punt 116, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 152).

64      Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-miżuri previsti mir-Regolament ikkontestat ma jistgħux fil-fatt jiġu ġġustifikati bl-għan li tiġi stabbilita politika kummerċjali komuni [Artikolu 3(1)(b) KE], peress li r-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiż terz mhumiex inkwistjoni f’kuntest bħal dak tal-kawżi li tressqu quddiemha. Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat l-għan intiż sabiex tiġi stabbilita sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata [Artikolu 3 (1)(g) KE], b’mod partikolari, peress li, f’kull każ, l-elementi ta’ evalwazzjoni sottomessi lill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li dan ir-regolament jikkontribbwixxi effettivament sabiex jiġi evitat riskju ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ kapital jew ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

65      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-tielet lok, iddeċidiet li l-Kunsill kien madankollu kompetenti sabiex jadotta r-Regolament ikkontestat, li jimplementa fil-Komunità s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402, fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien (sentenzi appellati Kadi, punt 135, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 170).

66      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi meqjusa r-rabta speċifikament stabbilita, matul ir-reviżjoni li tirriżulta mit-Trattat ta’ Maastricht bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jirrigwardaw sanzjonijiet ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE u l-għanijiet tat-Trattat KE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni (sentenzi appellati Kadi, punt 123, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 159).

67      Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Artikoli 60 KE u 301 KE huma dispożizzjonijiet assolutament partikolari tat-Trattat KE, f’dak illi huma espressament jipprevedu li azzjoni tal-Komunità tista’ ssir neċessarja sabiex jitwettaq mhux biss xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, kif inhuma stabbiliti mit-Trattat KE, iżda wieħed mill-għanijiet speċifiċi assenjati lill-Unjoni mill-Artikolu 2 UE, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ politika barranija u ta’ sigurtà komuni iktar’il quddiem il-“PBSK” (sentenzi appellati Kadi, punt 124, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 160).

68      Fil-kuntest tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-azzjoni tal-Komunità hija fil-verità , skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, azzjoni tal-Unjoni implementata fuq il-bażi tal-pilastri tal-Komunità wara l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni taħt il-PBSK (sentenzi appellati Kadi, punt 125, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 161).

 Dwar il-osservanza tal-Artikolu 249 KE

69      Fis-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement eżaminat motiv esklużivament invokat fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li abbażi tagħha r-Regolament ikkontestat, inkwantu dan jikser direttament id-drittijiet tal-individwi u jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet individwali, mhuwiex ta’ applikazzjoni ġenerali u għaldaqstant imur kontra l-Artikolu 249 KE. Dan ir-regolament għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat mhux bħala regolament, iżda bħala ġabra ta’ deċiżjonijiet individwali.

70      Fil-punti 184 sa 188 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv.

71      Fil-punt 186 tal-imsemmija sentenza, hija ddeċidiet li r-Regolament ikkontestat għandu inkontestabbilment applikazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 249 (2) KE, peress li huwa jipprojbixxi lil kulħadd jqiegħed fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’ ċerti persuni.

72      Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li l-fatt li dawn il-persuni huma b’mod partikolari msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li huma jidhru bħala li dan ir-regolament jirrigwardhom direttament u individwalment, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, bl-ebda mod ma jaffettwa l-ġeneralità ta’ din il-projbizzjoni li tapplika erga omnes, kif jirriżulta wkoll b’mod partikolari mill-Artikolu 11 tal-istess regolament.

 Dwar ir-rispett ta’ ċerti drittijiet fundamentali

73      Fir-rigward, fl-aħħar nett, il-motivi bbażati fiż-żewġ kawżi, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kien opportun li teżamina, fl-ewwel lok, il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew Komunitajra, kif ukoll sa liema punt il-kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha huma marbuta bir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kaptikolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijet Uniti. Fil-fatt, dan l-eżami jiddetermina dak tal-portata tal-istħarriġ tal-legalità, b’mod partikolari fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżerċita fuq atti Komunitarji li jimplementaw tali riżoluzzjonijiet. Huwa biss safejn ikollu jiġi kkonstatat li l-ksur allegat tad-drittijiet fundamentli invokati jaqa’ tassew taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u li dan jista’ jwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat li jkun hemm lok, għall-Qorti tal-Prim’Istanza, tagħti deċiżjoni fuq dan il-ksur (sentenzi appellati Kadi, punti 178 sa 180, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 228 sa 230).

74      Hija u teżamina, għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew Komunitarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, mil-lat tad-dritt internazzjonali, l-Istati Membri, bħala Membri tal-ONU, huma obbligati josservaw il-prinċipju tas-supremazija tal-obbligi tagħhom assunti, “taħt il-Karta” tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit fl-Artikolu 103 tagħha, li jimplika, b’mod partikolari li l-obbligu, previst fl-Artikolu 25 ta’ din il-Karta, li jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jipprevali fuq kull obbligu konvenzjonali ieħor li huma jkunu ffirmaw (sentenzi appellati Kadi, punti 181 sa 184, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 231 sa 234).

75      Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw il-prinċipju tas-supremazija tal-obbligi assunti taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti mhuwiex affettwat mit-Trattat KE, peress li dan huwa obbligu li jirriżulta minn ftehim preċedenti għal dan, li jaqa’ għaldaqstant taħt dak previst fl-Artikolu 307 KE. Barra minn hekk, l-Artikolu 297 KE huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dan il-prinċipju (sentenzi appellati Kadi, punti 185 sa 188, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 235 sa 238).

76      Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom effett obbligatorju għall-Istati Membri tal-Komunità li għandhom għalhekk, f’din il-kwalità, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet u jistgħu, u anki għandhom, iħallu inapplikata kull regola tad-dritt Komunitarju, kemm jekk din tkun dispożizzjoni tad-dritt primarju jew prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li tostakola t-twettiq tajjeb tal-obbligi kkontrattati taħt l-imsemmija Karta (sentenzi appellati Kadi, punti 189 u 190, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 239 u 240).

77      Madankollu, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan l-effett obbligatorju tal-imsemmija riżoluzzjonijiet li jirriżulta minn obbligu tad-dritt internazzjonali mhuwiex impost fuq il-Komunità peress li din, fiha nnifisha, mhijiex direttament marbuta bil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, peress li mhija la Membru tal-ONU, la destinatarja tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u lanqas mhija s-suċċessur tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi li huma għandhom fid-dritt internazzjonali pubbliku (sentenzi appellati Kadi, punt 192, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 242).

78      Min-naħa l-oħra, tali effett obbligatorju huwa impost fuq il-Komunità bis-saħħa tad-dritt Komunitarju (sentenzi appellati Kadi, punt 193, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 243).

79      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi tirreferi, b’analoġija, b’mod partikolari għall-punt 18 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219), iddeċidiet li, f’kull każ fejn, il-Komunità, bis-saħħa tat-Trattat KE, assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta għandhom bħala riżultat li jorbtu lill-Komunità (sentenzi appellati Kadi, punt 203, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 253).

80      Fil-punt segwenti ta’ dawn l-aħħar sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza minn dan ikkonkludiet, minn naħa, li l-Komunità ma tistax tikser l-obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti lanqas tostakola t-twettiq tagħhom u, min-naħa l-oħra, li hija obbligata, bis-saħħa tal-istess Trattat li permezz tiegħu hija ġiet stabbilita, li tadotta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tippermetti lill-Istat Membri tagħha jikkonformaw rwieħhom ma’ dawn l-obbligi.

81      Hekk imwassla, fit-tieni lok tiddetermina l-portata tal-istħarriġ tal-legalità, b’mod partikolari fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, li hija għandha teżerċita fuq atti Komunitarji li jimplementaw riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, bħar-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox fakkret, fil-punti 209 tas-sentenza appellata Kadi u 260 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li, skont il-ġurisprudenza, il-Komunità Ewropea hija komunità ta’ dritt f’dak illi la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħux jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat KE u li dan tal-aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet.

82      Fil-punti 212 tas-sentenza appellata Kadi u 263 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu qieset li fil-kawżi li tressqu quddiemha tqum il-kwistjoni dwar jekk jeżistux limiti strutturali imposti mid-dritt internazzjonali ġenerali jew mit-Trattat KE innifsu, għall-imsemmi stħarriġ ġudizzjarju.

83      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punti 213 tas-sentenza appellata Kadi u 264 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li r-Regolament ikkontestat, adottat fid-dawl tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, jikkostitwixxi l-implementazzjoni, fuq livell Komunitarju, tal-obbligu li l-Istati Membri għandhom, bħala Membri tal-ONU, li jimplementaw, skont il-każ permezz ta’ att Komunitarju, is-sanzjonijiet stabbiliti kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitjatiet oħra assoċjati, li ġew deċiżi u, sussegwentement, rinfurzati permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati fuq il-bażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

84      F’dan il-kuntest, il-Komunità aġixxiet, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, taħt kompetenza limitata, li ma tħallilha ebda marġni diskrezzjonali awtonoma fl-eżerċizzju tagħha, b’tali mod li hija ma setatx la temenda direttament il-kontenut tar-riżoluzzjonijiet inkwistjoni lanqas tistabbilixxi mekkaniżmu li jista’ jagħti lok għal tali emenda (sentenzi appellati Kadi, punt 214, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 265).

85      Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li l-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tal-legalità interna tar-Regolament ikkontestat timplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza tipproċedi għal stħarriġ indirett jew inċidentali tal-legalità tar-riżoluzzjonijiet implementati mill-imsemmi regolament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali kif protetti fis-sistema legali Komunitarja (sentenzi appellati Kadi, punti 215 u 216, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punti 266 u 267).

86       Fil-punti 217 sa 225 tas-sentenza appellata Kadi, li huma fformulati b’mod identiku għal dak tal-punti 268 sa 276 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet is-segwenti:

“217      L-istituzzjonijiet u r-Renju Unit jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad fil-prinċipju kull kompetenza biex isir tali eżami indirett tal-legalità ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet li, inkwantu regoli ta’ dritt internazzjonali li jorbtu lill-Istati Membri tal-Komunità, huma imposti fuqha bħal fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità. Dawn il-partijiet jidrilhom, essenzjalment, li l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat, min-naħa, għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ forma, ta’ proċedura u ta’ kompetenza li, f’dan il-każ, huma imposti fuq l-istituzzjonijiet kommunitarji u, min-naħa l-oħra, għall-verifika ta’ jekk il-miżuri inkwistjoni humiex adegwati u proporzjonati fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma qed jimplementaw.

218      Għandu jiġu rrikonoxxut li limitazzjoni tal-kompetenza bħal din hija imposta bħala korollarja tal-prinċipji enfassizati iktar’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-konnessjoni tar-rabtiet bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali [K]omunitarja.

219      Kif diġà ġie muri, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni ġew adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F’dan il-kuntest, id-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll ta’ miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew sabiex jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid, jaqgħu taħt ir-responsabbilità esklużiva tal-Kunsill tas-Sigurtà u, bħala tali, jaqgħu barra mill-kompetenza tal-awtoritajiet u qrati nazzjonali jew [K]omunitarji, bl-uniku eċċezzjoni tad-dritt naturali għal difiża tiegħu nnifsu individwali jew kollettiva, imsemmi fl-Artikolu 51 tal-imsemmija Karta.

220      Meta, huwa u jaġixxi taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, jiddeċiedi li l-fondi ta’ ċerti individwi jew entitajiet għandhom ikunu ffriżati, id-deċiżjoni tiegħu hija imposta fuq il-Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-Artikolu 48 ta’ din il-Karta.

221      F’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 139 sa 204 iktar’il fuq, l-affermazzjoni ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex teżamina b’mod inċidentali l-legalità ta’ deċiżjoni bħal din skont il-livell ta’ ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif huma rrikonoxxuti fis-sistema legali [K]omunitarja ma tistax għaldqstant tiġi ġġustifikata la fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali u lanqas fuq il-bażi tad-dritt [K]omunitarju.

222      Min-naħa, tali kompetenza hija inkompatibbli mal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari tal-Artikoli 25, 48 u 103 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati [konkluża f’Vienna fit-23 ta’ Mejju 1969].

223      Min-naħa l-oħra, tali kompetenza hija kuntrarja kemm għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b’mod partikolari għall-Artikoli 5 KE, 10 KE, 297 KE u għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 307 KE, kif ukoll għal dawk tat-Trattat UE, b’mod partikolari għall-Artikolu 5 UE, li biha l-qorti [K]omunitarja teżerċita s-setgħat tagħha fil-kundizzjonijiet u għall-għanijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u UE. Din tkun, barra minn hekk, inkompatibbli mal-prinċipju li l-komptenzi tal-Komunità, u, għaldaqstant, dawk tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandhom ikunu eżerċitati b’ osservanza tad-dritt internazzjonali (sentenzi [tal-24 ta’ Novembru 1992,] Poulsen u Diva Navigation, [C−286/90, Ġabra p. I−6019,] punt 9, u [tas-16 ta’ Ġunju 1998,] Racke, [C−162/96, Ġabra p. I−3655,] punt 45).

224      Għandu jintqal ukoll li, bir-rigward b’mod partikolari għall-Artikolu 307 KE u għall-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-invokazzjoni tal-ksur kemm tad-drittijiet fundamentali kif huma protetti mis-sistema legali [K]omunitarja, kif ukoll tal-prinċipji ta’ din is-sistema legali ma jistgħux jaffettwaw il-validità ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà jew l-effett tagħha fit-territorju tal-Komunità (ara, b’anoloġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 3; tat-8 ta’ Ottubru 1986, Keller, 234/85, Ġabra. p. 2897, punt 7, u tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et. vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, Ġabra. p. 3165, punt 38).

225      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni ma jaqgħux fil-prinċipju taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza u li din mhijiex awtorizzata li tikkontesta, anki b’mod inċidentali, il-legalità tagħhom fir-rigward tad-dritt [K]omunitarju. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija obbligata, b’kull mezz possibbli, li tinterpreta u li tapplika dan id-dritt b’mod li huwa kompatibbli mal-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.”

87      Fil-punti 226 tas-sentenza appellata Kadi u 227 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li hija kienet madankollu awtorizzata tistħarreġ, b’mod inċidentali, il-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni fir-rigward tal-jus cogens, intiż bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku internazzjonali li hija imposta fuq dawk kollha li huma suġġetti għad-dritt internazzjonali, inklużi l-istanzi tal-ONU, u li ma tistax issir deroga minnha.

88      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 227 sa 231 tas-sentenza appellata Kadi, li huma fformulati b’mod identiku għal dak tal-punti 278 sa 282 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, dan li ġej:

“227      F’dan ir-rigward, għandu jintqal, li l-Konvenzjoni ta’ Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati, li tikkodifika d-dritt internazzjonali konswetudinarju (u li l-Artikolu 5 tagħha jiddisponi li hija tapplika ‘fir-rigward ta’ kull Trattat li huwa l-att li jistabbilixxxi organizzazzjoni internazzonali u fir-rigward ta’ kull Trattat adottat fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali’), tipprevedi, fl-Artikolu 53 tagħha, in-nullità ta’ Trattati li jkunu f’kunflitt ma’ regola perentorja tad-dritt internazzjonali ġenerali (jus cogens), definit bħala ‘regola aċċettata u rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali tal-Istati fit-totalità tagħha bħala regola li ma tista ssir ebda deroga minnha u li ma tistax tiġi emendata ħlief b’regola tad-dritt internazzjonali ġenerali ġdida li hija tal-istess natura’. Bl-istess mod, il-Konvenzjoni ta’ Vienna fuq il-Liġi tat-Trattati tiddisponi li ‘jekk regola perentorja tad-dritt internazzjonali ġenerali ġdida tidħol fis-seħħ, kull Trattat eżistenti li jkun f’kunflitt ma’ din ir-regola jsir null u ma jiqbax fis-seħħ’.

228      Wara kollox, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti stess tissuponi l-eżistenza ta’ prinċipji perentorji tad-dritt internazzjonali u b’mod partikolari l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fil-preambolu tal-Karta, il-popli tan-Nazzjonijiet Uniti għaldaqstant iddikjaraw li kienu determinati ‘li [j]ġeddu t-twemmin [tagħhom] fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, fid-dinjità u l-valur tal-persuna umana’. Barra minn hekk mill-ewwel Kapitolu tal-Karta intitolat ‘Għanijiet u Prinċipji’ jirriżulta li n-Nazzjonijiet Uniti għandhom b’mod partikolari bħala għan li jinkoraġixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

229      Dawn il-prinċipji huma imposti kemm fuq il-Membri tal-ONU kif ukoll fuq il-korpi tiegħu. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà għandu, fit-twettiq tad-dmirijiet li r-responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali timponi fuqu, jaġixxi ‘skont l-Għanijiet Prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti’. Is-setgħat li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu li jimponi sanzjonijiet fl-eżerċizzju ta’ din ir-responsabbiltà għandhom għaldaqstant jiġu użati fir-rispett tad-dritt internazzjonali u, b’mod partikolari, tal-Għanijiet u tal-Prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

230      Id-dritt internazzjonali għaldaqstant jippermetti li jiġi kkunsidrat li jeżisti limitu għall-prinċipju tal-effett obbligatorju tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurezza: dawn għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet perentorji fundamentali tal-jus cogens. F’każ kuntrarju, anki jekk dan ikun improbabbli, dawn ma jorbtux lill-Istati Membri tal-ONU u lanqas, għaldaqstant, lill-Komunità.

231      Il-kwistjoni dwar l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ att Komunitarju adottat, mingħajr l-eżerċizzju ta’ ebda marġni ta’ evalwazzjoni, sabiex tiġi implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, tista’ għaldaqstant, eċċezzjonalment, tiġi estiża, għall-verifikazzjoni tar-rispett tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens u, b’mod partikolari, mir-regoli perentorji intiżi għall-protezzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, li la l-Istati Membri u lanqas l-istanzi tal-ONU ma jistgħu jidderogaw minnhom minħabba li huma jikkostitwixxu ‘prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li ma jistgħux jiġu miksura’ (opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1996, dwar il-Legalità tat-Theddida jew l-Użu ta’ Armi Nukleari Ġabra 1996, p. 226, punt 79; ara wkoll, f’dan ir-rigwad, [il-punt 65 ta]l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali […] Jacobs [fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996,] Bosphorus [(kawża C-84/95, Ġabra p. I-3953]).”

89      B’mod partikolari, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 237 tas-sentenza appellata Kadi u 288 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li kien hemm lok li jiġi evalwat jekk l-iffriżar tal-fondi previst mir-Regolament ikkontestat, kif emendat mir-Regolament Nru 561/2003 u, indirettament, mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dawn ir-regolamenti jimplementaw, jiksirx id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

90      Fil-punti 238 tas-sentenza appellata kadi u 289 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dan mhuwiex il-każ skont il-livell ta’ ħarsien universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jirriżulta mill-jus cogens.

91      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 239 u 240 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 290 u 291 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li d-derogi u l-eżenzjonijiet mill-obbligu tal-iffriżar tal-fondi previsti mir-Regolament ikkontestat wara l-emenda tiegħu permezz tar-Regolament Nru 561/2003, li huwa stess jimplementa r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002) juru li din il-miżura mhijiex intiża u lanqas m’għandha bħala effett li tissuġġetta l-persuni mniżżla fuq il-lista rikapitulattiva għal trattament inuman jew degradanti.

92      Fil-punti 243 sa 251 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 294 sa 302 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet barra minn hekk li l-iffriżar tal-fondi ma jikkostitwixxix restrizzjoni arbitrajra, inadegwata jew sproporzjonata għad-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati, u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kuntrarju għal jus cogens, fid-dwal taċ-ċirkustanzi segwenti:

–        il-miżuri inkwistjoni għandhom għan ta’ interess ġenerali fundamentali għall-Komunità internazzjonali, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, u l-ONU tista’ legalment tibda azzjoni ta’ protezzjoni kontra l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi;

–        l-iffriżar tal-fondi huwa miżura kawtelatorja li, b’differenza ta’ konfiska, ma tippreġudikax is-sustanza stess tad-dritt għal proprjetà tal-partijiet ikkonċernati fuq l-assi finanzjarji tagħhom, iżda biss l-użu tagħhom;

–        ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni jipprevedu mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tas-sistema ġenerali tas-sanzjonijiet;

–        dawn ir-riżoluzzjonijiet jirregolaw proċedura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati f’kull mument iressqu, il-każ tagħhom quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid, permezz tal-Istat Membru li tagħhom huma ċittadini jew ta’ fejn huma jirrisjedu.

93      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ, u b’mod partikolari, minn naħa, tal-allegat dritt tar-rikorrenti li jiġu mismugħa mill-istituzzzjonjiet Komunitarji, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 258 tas-senenza Kadi, li għalih jikkorrispondi mutatis mutandis il-punt 328 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, kif ġej:

“Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet preliminari fuq ir-rabta bejn is-sistema legali internazzjonali stabbilità min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali [K]omunitarja espressa iktar’il fuq, l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu obbligati jittrasponu fis-sistema legali [K]omunitarja tagħhom ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet li bl-ebda mod ma kienu jippermettulhom, fl-istadju tal-implementazzjoni konkreta tagħhom li jipprevedu xi mekkaniżmu Komunitarju ta’ eżami jew ta’ eżami mill-ġdid ta’ sitwazzjonijiet individwali, peress li kemm is-sustanza tal-miżuri inkwistjoni kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ eżami mill-ġdid (ara l-punti 262 et se[q…]) kienu kompletament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill tas-Sigurtà u tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jiddisponu minn ebda setgħa ta’ investigazzjoni, minn ebda possibbiltà ta’ eżami tal-fatti kkunsidrati mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, minn ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-fatti u minn ebda libertà ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-opportunità tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti. Il-prinċipju ta’ dritt Komunitarju dwar id-dritt għal smigħ ma jistax jiġi applikat f’tali ċirkustanzi, fejn smigħ tal-partijiet ikkonċernati ma jistax, fl-ebda każ iwassal lill-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.”

94      Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 259 tas-sentenza appelalta Kadi, li l-Kunsill ma kienx obbligat li jisma’ lir-rikorrent dwar iż-żamma tiegħu fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplikaw is-sanzjonijiet, fil-kuntest tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni tar-Regolament ikkontestat u, fil-punt 329 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li l-Kunsill ma kienx obbligat li jisma’ lir-rikorrenti fl-ewwel istanza qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

95      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ksur tal-allegat dritt tar-rikorrenti li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fil-kuntest tal-iskrizzjoni tagħhom fuq il-lista rikapitulattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 261 tas-sentenza Kadi u 306 tas-sentenza Yusuf u Al Barakaat, li tali dritt mhuwiex previst mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni.

96      Barra minn hekk hija ddeċidiet, fil-punt 307 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat li ebda regola perentorja li tirriżulta mill-ordni pubbliku internazzjonali ma teżiġi smigħ minn qabel tal-partijiet ikkonċernati f’ċirkustanzi bħal mhuma dawk ta’ din il-kawża.

97      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li, anki jekk dawn ma jipprevedux dritt għal smigħ personali, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni, u r-regolamenti suċċessivi li jkunu implementawhom fil-Komunità, jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid tas-sitwazzjonijiet individwali, billi jipprevedu li l-partijiet ikkonċernati jistgħu jirrikorru għall-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, sabiex jiksbu kemm it-tneħħija tagħhom minn fuq il-lista rikapitulattiva, kif ukoll deroga mill-iffriżar ta’ fondi (sentenzi Kadi, punt 262, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 309).

98      Billi rreferiet, fil-punti 264 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 311 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, għad-“direttivi li jirregolaw l-iżvolġiment tax-xogħolijiet tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet]” kif adottati mill-Kumitat fis-7 ta’ Novembru 2002 u emendati fl-10 ta’ April 2003 (iktar’il quddiem id-“direttivi tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet”), u, fil-punti 266 tas-sentenza appellata Kadi u 313 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, għal diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fl-imsemmija punti, l-importanza li jagħti l-Kunsill tas-Sigurtà, f’kull mezz possibbli, għad-drittijiet fundamentali tal-persuni mniżżla fuq il-lista rikapitulattiva, u b’mod partikolari għad-drittijiet tad-difiża.

99      Fil-punti 268 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 315 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, hija ddeċidiet li ma jistax jitqis bħala inammissibbli fir-rigward tar-regoli perentorji li jirriżultaw mill-ordni pubbliku internazzjonali l-fatt, rilevat fil-punt preċedenti ta’ kull waħda minn dawn is-sentenzi, li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ma tagħtix direttament lill-partijiet ikkonċernati infushom id-dritt li jiġu mismugħa mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li huwa l-unika awtorità kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni, fuq talba ta’ Stat, fir-rigward tal-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħhom, b’mod li dawn jiddependu, essenzjalment, fuq il-protezzjoni diplomatika li l-Istati jagħtu liċ-ċittadini tagħhom.

100    Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li l-partijiet kkonċernati għandhom l-posibbiltà li jippreżentaw rikors ġudizzjarju bbażat fuq id-dritt nazzjonali, anki direttament fuq ir-Regolament ikkontestat kif ukoll fuq ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà li huwa jimplementa, kontra rifjut abbużiv eventwali tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tressaq il-każ tagħhom, għal eżami mill-ġdid, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (sentenzi appelalti Kadi, punt 270, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 317).

101    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi li tressqu quddiemha, fejn hemm inkwistjoni miżura kawtelatorja li tillimita d-disponibbiltà tal-beni tal-partijiet ikkonċernati, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom ma jeħtieġx li l-fatti u l-elementi ta’ prova mressqa kontrihom ikunu mgħarrfa lilhom, ladarba l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jidhrilhom li motivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità internazzjonali jimpedixxu dan (sentenzi appellati Kadi, punt 274, kif ukoll Yusuf u Al Barakaat, punt 320).

102    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 276 tas-sentenza appellata Kadi u 330 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li l-motiv ibbażat mir-rikorrenti fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi miċħud.

103    Għal dak li jikkonċerna, fl-aħħar lok, il-motiv relatat mal-ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 278 sa 285 tas-sentenza appellata Kadi, li huma fformulati b’mod essenzjalment identiku għal dak tal-punti 333 sa 340 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, dan li ġej:

“278      F’dan il-każ, ir-rikorrent seta’ jressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza taħt l-Artikolu 230 KE.

279      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita eżami komplut fuq il-legalità tar-[R]egolament ikkontestat kemm fir-rigward tar-rispett, mill-istituzzjonijiet Komunitarji, tar-regoli ta’ kompetenza kif ukoll tar-regoli ta’ legalità esterna u tar-rekwiżit proċedurali essenzjali li huma imposti fuq azzjoni tagħhom.

280      Il-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina wkoll il-legalità tar-[R]egolament ikkontestat fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-regolament suppost qed jimplementa, b’mod partikolari min-naħa tal-adegwatezza, formali u materjali, tal-koerenza interna u tal-proporzjonalità tal-ewwel fir-rigward tat-tieni.

281      Hija u tiddeċiedi fuq dan l-eżami, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li mhuwiex qiegħed jiġi kkontestat li r-rikorrent huwa tassew wieħed mill-persuni fiżiċi mniżżla, fid-19 ta’ Ottubru 2001 fuq il-lista [rikapitulattiva] tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet (ara l-punt 23 iktar’il fuq).

282      Barra minn dan, fil-kuntest tar-rikors għal annullament preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li hija kompetenti sabiex teżamina l-legalità tar-[R]egolament ikkontestat u, indirettament, il-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni, fir-rigward tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens, b’mod partikolari r-regoli perentorji intiżi għall-ħarsien universali tad-drittijiet tal-bniedem.

283      Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie indikat fil-punt 276 iktar’il fuq, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina indirettament il-konformità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni fihom infushom mad-drittijiet fundamentali kif huma mħarsa mis-sistema legali [K]omunitarja.

284      Iktar u iktar, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika n-nuqqas ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-elementi ta’ prova li l-Kunsill tas-Sigurtà ressaq sabiex isostni l-miżuri li huwa ħa, u lanqas, bl-eċċezzjoni tal-kuntest ristrett definit fil-punt 282 iktar’il fuq, li teżamina indirettament l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri. Tali eżami ma jistax jiġi eżerċitat mingħajr ma jinterferixxi mal-prerogattivi tal-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Unit dwar l-istabbiliment, l-ewwel nett, ta’ theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u t-tieni nett, ta’ miżuri adatti sabiex jaffrontaw jew jgħelbu din it-theddida. Wara kollox, id-domanda dwar jekk individwu jew organizzazzjoni jikkostitwixxix theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, kif ukoll id-domanda dwar liema miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati sabiex din it-theddida tiġi melgħuba, timplika evalwazzjoni politika u deċiżjonijiet ta’ valur li jaqgħu fil-prinċipju taħt il-kompetenza tal-awtorità li lilha l-komunità internazzjonali fdat ir-responsabbiltà prinċipali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

285      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fil-miżura ta’ dak indikat fil-punt 284 iktar’il fuq, li r-rikorrent m’għandu ebda rimedju ġudizzjarju, peress li l-Kunsill tas-Sigurtà ma deherlux opportun jistabbilixxi qorti internazzjonali indipendenti inkarigata li tiddeċiedi, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, dwar ir-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”

104    Fil-punti 286 tas-sentenza appellata Kadi u 341 tas-sentenza appelalta Yusuf u Al Barakaat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li lakuna bħal din fil-ħarsien ġudizzjarju tar-rikorrenti mhijiex madankollu fiha nfisha kuntrarja għall-jus cogens.

105    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 288 sa 290 tas-sentenza appellata Kadi, li huma fformulati b’mod essenzjalment identiku għal dak tal-punti 343 sa 345 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, dan li ġej:

“288      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-qorti tar-rikorrent, li tirriżulta mill-immunità minn proċeduri legali, li minnha jibbenefikaw fil-prinċipju, fis-sistema legali nazzjonali tal-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet, skont il-prinċipju rilevanti tad-dritt internazzjonali (b’mod partikolari l-Artikoli 25 u 103 ta[’ din i]l-Karta) hija inerenti għal dan id-dritt kif iggarantit mill-jus cogens.

289      Tali restrizzjoni hija ġġustifikata kemm min-natura tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill tas-Sigurtà huwa mwassal jieħu taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-interess tar-rikorrent li l-każ tiegħu jiġi mismugħ fuq il-mertu minn qorti mhuwiex biżżejjed sabiex jipprevali fuq l-interess ġenerali essenzjali li hemm sabiex tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali quddiem theddida ċarament identifikata mill-Kunsill tas-Sigurtà, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. F’dan ir-rigward, għandha tingħata importanza sinjifikattiva liċ-ċirkustanza li,’l bogħod milli jipprevedu miżuri ta’ żmien ta’ applikazzjoni illimitat jew indeterminat, ir-riżoluzzjonijiet suċċessivament meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà dejjem ipprevedew mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid tal-possibbiltà li dawn il-miżuri jinżammu wara li jkun għadda terminu ta’ 12 jew 18-il xahar jew iktar […]

290      Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ qorti internazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-legalità tal-atti tal-Kunsill tas-Sigurtà, it-twaqqif ta’ korp bħal mhuwa il-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-possibbiltà, prevista mit-testi, li f’kull mument issir talba lilu sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid ta’ kull każ individwali, permezz ta’ mekkaniżmu formalment stabbilit, li jinvolvi kemm lill-“gvern mitlub” […], jikkostitwixxi mezz ieħor raġonevoli sabiex jiġu mħarsa b’mod adegwat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif huma rrikonoxxuti mill-jus cogens.”

106    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motivi bbażati fuq ksur tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u, sussegwentement, ir-rikorsi fit-totalità tagħhom

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

107    Bl-appell tiegħu Y.A. Kadi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla, fit-totalità tagħha, is-sentenza appellata Kadi;

–        tiddikjara r-Regolament ikkontestat null, u

–        tikkundanna lill-Kunsill u/jew lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

108    Bl-appell tagħha Al Barakaat titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat;

–        tiddikjara r-Regolament ikkontestat null, u

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

109    Il-Kunsill jitlob fiż-żewġ kawżi li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

110    Fil-kawża C-402/05 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li ebda aggravju invokat mill-appellant mhuwa ta’ natura li jinvalida d-dispożittiv tas-sentenza appellata Kadi, filwaqt li tissostitwixxi l-motivi ta’ din kif suġġerit fir-risposta tagħha;

–        konsegwentement, tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

111    Fil-kawża C-415/05 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

112    Ir-Renju Unit iressaq appell inċidentali u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tannulla l-parti tas-sentenzi appellati li tittratta l-kwistjoni tal-jus cogens, jiġifieri l-punti 226 sa 231 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 277 sa 281 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat.

113    Ir-Renju ta’ Spanja, awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill b’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006 (kawża C-402/05 P) u 15 ta’ Mejju 2006 (kawża C-415/05 P), jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad fit-totalità tagħhom l-appelli tal-appellanti u tikkonferma, fit-totalità tagħhom, is-sentenzi appellati;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż;

–        tiċħad il-pretensjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-ewwel aggravju ta’ kull appell u tikkonferma s-sentenzi appellati, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenzi appellati u, għaldaqstant, tiddikjara r-Regolament ikkontestat null, tikkunsidra bħala definittivi l-effetti ta’ dan ir-regolament, skont l-Artikolu 231 KE, sal-adozzjoni ta’ regolament ġdid li jissostitwixxih.

114    Ir-Repubblika Franċiża, awtorizzat tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni b’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006 (kawża C-402/05 P) u tal-15 ta’ Mejju 2006 (kawża C-415/05 P), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appelli tal-appellanti, tilqa’ l-appelli inċidentali tar-Renju Unit u tissostitwixxi l-motivi f’dak li jikkonċerna l-parti tas-sentenzi appellati li tikkonċerna l-jus cogens, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

115    Ir-Renju tal-Olanda, awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill b’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006 (kawża C-402/05 P) u tal-15 ta’ Mejju 2006 (kawża C-415/05 P), jitlob, fiż-żewġ kawżi, li l-appell jiġi miċħud, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi dwar il-portata tal-istħarriġ ta’ legalità u, sussidjarjament, il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli tal-jus cogens kinux ġew trażgrediti.

 L-aggravji għall-annullament tas-sentenzi appellati

116    Y. A. Kadi jqajjem żewġ aggravji bbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament ikkontestat u, it-tieni, fuq il-ksur ta’ diversi regoli tad-dritt internazzjonali li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq il-konsegwenzi li dan il-ksur ikkawża fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-motivi relatati mal-ksur ta’ xi wħud mid-drittijiet fundamentali tiegħu li huwa kien invoka quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

117    Al Barakaat tqajjem tlett aggravji bbażati, l-ewwel fuq, in-nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament ikkontestat, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 249 KE u, it-tielet, fuq il-ksur ta’ xi wħud mid-drittijiet fundamentali tagħha.

118    Fil-kuntest tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju Unit iqajjem aggravju wieħed relatat mal-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza billi kkonkludiet fis-sentenzi appellati li hija kienet kompetenti tistħarreġ il-kompatibbiltà tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni mar-regoli tal-jus cogens.

 Fuq l-appelli

119    Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Novembru 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tħassir tal-isem ta’ Ahmed Ali Yusuf mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja wara li huwa rtira l-appell li huwa kien ressaq flimkien ma’ Al Barakaat fil-kawża C-415/05 P.

120    Wara li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali ġew mismugħa fuq dan il-punt, hemm lok li, minħabba li dawn il-kawżi huma relatati, dawn jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-aggravji relatati mal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat

 L-argumenti tal-partijiet

121    Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, Y. A. Kadi jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 135 tas-sentenza appellata Kadi, li r-Regolament ikkontestat seta’ jkun adottat fuq il-bażi magħquda tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE.

122    Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

123    Permezz tal-ewwel parti, Y.A. Kadi jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Artikoli 60 KE u 301 KE, setgħu jkunu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu bażi legali parzjali għar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tispjegax il-mod li bih dawn id-dispożizzjonijiet, li jistgħu jikkostitwixxu bażi biss għal miżuri kontra pajjiżi terzi, jistgħu jiġu kkunsidrati, flimkien mal-Artikolu 308 KE, bħala bażi legali tal-imsemmi regolament, filwaqt li dan jinkludi biss miżuri intiżi kontra individwi u entitajiet mhux tal-Istat.

124    Permezz tat-tieni parti, Y.A. Kadi jallega li, jekk l-Artikoli 60 KE u 301 KE kellhom xorta waħda jiġu meqjusa bħala bażi legali parzjali tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi inkwantu hija interpretat inkorettament l-Artikolu 301 KE u l-funzjoni ta’ “rabta” li dan jipprevedi, peress li dan l-artikolu ma jinkludi fl-ebda każ is-setgħa li jiġu adottati miżuri intiżi sabiex jitwettaq għan tat-Trattat UE.

125    Permezz tat-tielet parti, Y. A. Kadi jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 308 KE b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’ tipprovdi bażi legali għal leġiżlazzjoni li fir-rigward tagħha s-setgħat ta’ azzjoni neċessarji mhumiex previsti fil-Trattat u li ma kinitx neċessarja sabiex jitwettaq wieħed mill-għanijiet tal-Komunità. Fil-punti 122 sa 134 tas-sentenza appellata Kadi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet xebħet b’mod żbaljat l-għanijiet taż-żewġ sistemi legali integrati iżda distinti li jikkostitwixxu l-Unjoni u l-Komunità u b’hekk kienet kisret il-limiti tal-Artikolu 308 KE.

126    Tali interpretazzjoni tkun barra minn hekk inkompatibbli mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni previst fl-Artikolu 5 KE. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punti 28 sa 35 tal-opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996 (Ġabra p. I−1759), li l-fatt li għan jissemma fit-Trattat UE ma jistax jirrimedja għan-nuqqas ta’ dan il-għan fil-lista ta’ għanijiet tat-Trattat KE.

127    Il-Kunsill u r-Repubblika Franċiża jikkonfutaw l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ Y.A. Kadi billi jsostnu, b’mod partikolari, li r-referenza għall-Artikoli 60 KE u 301 KE fil-bażi legali tar-Regolament ikkontestat hija ġġustifikata mill-fatt li dawn jipprevedu miżuri restrittivi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandu jkun estiż, permezz ta’ referenza għall-Artikolu 308 KE, għal persuni jew entitajiet li mhumiex tal-Istat u għaldaqstant mhux koperti mill-ewwel żewġ artikoli msemmija iktar’il fuq.

128    Ir-Renju Unit isostni, minn naħa tiegħu, li l-Artikolu 308 KE kien ġie użat bħala mekkaniżmu li jippermetti li jiġu kkompletati l-kompetenzi strumentali previsti fl-Artikoli 60 KE u 301 KE, u għalhekk dawn ma jikkostitiwixxux il-bażi legali parzjali tar-Regolament ikkontestat. Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment iressaq l-istess argument

129    Fir-rigward tat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, il-Kunsill isostni li r-raġuni wara r-rabta prevista fl-Artikolu 301 KE tikkonsisti preċiżament f’li tagħtih setgħa li jieħu miżuri intiżi sabiex jitwettaq għan tat-Trattat UE.

130    Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit jsostnu li huwa l-Artikolu 308 KE, u mhux l-Artikoli 60 KE u 301 KE, li ppermetta l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi intiżi għal individwi u entitajiet mhux tal-Istat, billi kkompleta għaldaqstant il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ l-aħħar artikoli.

131    Għal dak li jikkonċerna t-tielet parti tal-ewwel aggravju ta’ Y.A. Kadi, il-Kunsill isostni li raġuni wara r-rabta li jinkludi l-Artikolu 301 KE hija preċiżament li jintużaw, b’mod eċċezzjonali, is-setgħat mogħtija lill-Komunità li timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji sabiex twettaq għan tal-PBSK, u għaldaqstant tal-Unjoni, iktar milli għan tal-Komunità.

132    Ir-Renju Unit u l-Istati Membri intervenjenti fl-appell jaqblu essenzjalment ma’ din il-pożizzjoni.

133    Ir-Renju Unit jippreċiża l-pożizzjoni tiegħu billi jindika li, skontu, l-azzjoni prevista mir-Regolament ikkontestat tista’ tkun ikkunsidrata bħala li tikkontribwixxi sabiex jitwettaq mhux għan tal-Unjoni, iżda għan tal-Komunità, jiġifieri dak, impliċitu, purament strumentali u li hemm wara l-Artikoli 60 KE u 301 KE li jiġu pprovduti mezzi effettivi ta’ implementazzjoni, esklużivament permezz ta’ miżuri ekonomiċi koerċitivi, ta’ atti adottati bis-saħħa tal-kompetenza li t-Titolu V tat-Trattat UE jagħti lill-Unjoni.

134    Skont dan l-Istat Membru meta t-twettieq ta’ dan l-għan strumentali jeħtieġ forom ta’ koerzjoni ekonomika li jeċċedu s-setgħat speċifikament mogħtija lill-Kunsill mill-Artikoli 60 KE u 301 KE, huwa xieraq li ssir referenza għall-Artikolu 308 KE sabiex jiġu kkompletati dawn is-setgħat.

135    Il-Kummissjoni, wara li ddikjarat li hija kienet ikkunsidrat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha, issostni, prinċipalment, li l-Artikoli 60 KE u 301 KE, fir-rigward tal-kliem u tal-kuntest tagħhom, ikkostitwixxew, waħedhom, bażi legali adatta u suffiċjenti għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

136    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka essenzjalment l-argumenti segwenti:

–        il-kliem tal-Artikolu 301 KE huwa wiesgħa biżżejjed sabiex ikopri s-sanzjonijiet ekonomiċi adottati kontra individwi sakemm dawn jinsabu f’pajjiż terz jew huma assoċjati miegħu b’mod ieħor. Il-kliem “relazzjonijiet ekonomiċi” jinkludi gamma vasta ta’ attivitajiet. Kull sanzjoni ekonomika, anki jekk din tikkonċerna pajjiż terz, bħal embargo, taffettwa direttament lill-individwi kkonċernati u biss indirettament lil dan il-pajjiż. It-test tal-Artikolu 301 KE, b’mod partikolari l-kelma “parzjalment”, ma jeħtieġx li miżura parzjali tkopri segment partikolari tal-pajjiżi kkonċernati, bħall-Gvern tiegħu. Peress li tippermetti lill-Komunità tinterrompi totalment ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-pajjiżi kollha, din id-dispożizzjoni għandha wkoll tawtorizzaha tinterrompi r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ numru limitat ta’ individwi f’numru limitat ta’ pajjiżi;

–        il-koinċidenza terminoloġika bejn l-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti u l-Artikolu 301 KE turi l-intenzjoni ċara tal-leġiżlaturi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li jipprovdu bażi għall-implementazzjoni, mill-Komunità, ta’ kull miżura adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà li teħtieġ azzjoni Komunitarja;

–        l-Artikolu 301 KE jistabbilixxi rabta proċedurali bejn il-Komunità u l-Unjoni, iżda mhuwiex intiż la sabiex iżid u lanqas sabiex inaqqas il-kamp tal-kompetenza Komunitarja. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod wiesgħa daqs il-kompetenzi Komunitarji rilevanti.

137    Il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri inkwisjtoni jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni, b’kunsiderazzjoni għall-effett fuq il-kummerċ tal-miżuri li jipprojbixxu l-moviment ta’ riżorsi ekonomiċi, anki jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-kapital, peress li dawn jinkludu l-projbizzjoni li jiġu ttrasferiti riżorsi ekonomiċi lil individwi f’pajjiżi terzi.

138    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li jirriżulta mill-Artikolu 56(1) u (2) KE li l-moviment tal-kapital u l-pagament bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi jaqgħu wkoll taħt il-kompetenza Komunitarja, peress li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ sanzjoni f’dan il-qasam biss fil-kuntest tal-Artikolu 60(2) KE, u mhux f’dak tal-Artikolu 58(1)(b) KE.

139    Konsegwentement il-Kummissjoni tqis li, għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma setatx issir referenza għall-Artikolu 308 KE, peress li setgħa ta’ azzjoni hija prevista fl-Artikoli 60 KE u 301 KE. Dawn l-aħħar artikoli jifformaw il-bażi għall-komponent prinċipali jew predominanti ta’ dan ir-regolament, li fir-rigward tiegħu komponenti oħra, bħall-iffriżar tal-proprjetà ta’ persuni li huma kemm ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll assoċjati ma’ grupp terroristiku barrani, huma purament sekondarji, filwaqt li l-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C−94/03, Ġabra p. I−1, punt 35).

140    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, qabel ma ssir referenza għall-Artikolu 308 KE, għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-artikoli tat-Trattat KE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti.

141    B’mod iktar sussidjarju, hija ssostni li, jekk l-Artikolu 308 KE kellu jitqies li huwa bażi legali tar-Regolament ikkontestat, dan ikun bħala bażi legali unika, peress li r-referenza għal din id-dispożizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-azzjoni tal-Komunità hija neċessarja sabiex jiġi milħuq wieħed mill-għanijiet tagħha, u mhux, kif iddeċidet il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattat UE, f’dan il-każ dawk tal-PBSK.

142    F’dan il-każ, huwa kkonċernat l-għan Komunitarju li jikkostitwixxi l-politika kummerċjali komuni, imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) KE u dak dwar il-moviment liberu tal-kapital, imsemmi impliċitament fl-Artikolu 3(1)(c) KE, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, jiġifieri dawk tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital mal-pajjiżi terzi. Il-miżuri inkwistjoni, inkwantu dawn għandhom effetti fuq il-kummerċ, indipendentement mill-fatt li dawn kienu ġew adottati fil-kuntest tat-twettiq ta’ għanijiet ta’ politika barranija, jaqgħu taħt l-imsemmija għanijiet Komunitarji.

143    Y.A. Kadi, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża kif ukoll ir-Renju Unit jikkonfutaw l-argument prinċipali mressaq mill-Kummissjoni, billi joġġezzjonaw kif ġej:

–        din hija interpretazzjoni estensiva tal-Artikoli 60 KE u 301 KE li tmur kontra n-natura radikalment differenti u ġdida tas-sanzjonijiet imsejħa “intelliġenti” inkwistjoni, peress li dawn ma jippreżentawx iktar ebda konnessjoni ma’ pajjiż terz, interpretazzjoni li hija perikoluża, għaliex dawn l-artikoli kienu ġew introdotti fi żmien fejn is-sanzjonijiet kienu kkaratterizzati minn tali konnessjoni;

–        bid-differenza għas-sanzjonijiet intelliġenti inkwistjoni, embargo totali jkopri essenzjalment il-mexxejja ta’ pajjiż terz li fuqhom tali miżuri hija intiża teżerċita pressjoni u biss b’mod indirett lill-operaturi ekonomiċi tal-pajjiż ikkonċernat, b’mod illi ma jistax ikun sostnut illi kull sanzjoni, inkluż l-embargo, tikkonċerna fl-ewwel lok lil individwi;

–        bid-differenza għall-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Artikolu 301 KE jikkonċerna speċifikament l-interruzzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi “ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar” b’mod illi ebda argument ma jista’ jkun ibbażat fuq ix-xebh tal-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet;

–        l-Artikolu 301 KE mhuwiex semliċi dispożizzjoni proċedurali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi bażi legali kif ukoll proċedura speċifika u tagħti b’mod evidenti kompetenza materjali lill-Komunità;

–        il-miżuri li jimponi r-Regolament ikkontestat ma jikkonċernawx ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi u għaldaqstant ma jistgħux jagħmlu użu mill-għan tal-politika kummerċjali komuni;

–        il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġustament iddeċidiet li dawn il-miżuri ma jikkontribwixxux sabiex jiġi evitat riskju ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital u li l-Artikolu 60(2) KE ma jistax jiġġustifika miżuri restrittivi kontra individwi jew entitajiet. Peress li din id-dispożizzjoni tkopri biss miżuri kontra pajjiżi terzi, il-miżuri inkwistjoni setgħu ġew adottati biss fil-kuntest tal-Artikolu 58(1)(b) KE.

144    L-argument sussidjarju tal-Kummissjoni huwa wkoll ikkonfutat minn Y.A. Kadi kif ukoll mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża.

145    Referenza għall-Artikoli 133 KE jew 57(2) KE mhijiex permessa, peress li l-miżuri previsti mir-Regolament ikkontestat ma jikkonċernawx ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi u ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ moviment tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 57(2) KE.

146    Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li r-Regolament ikkontestat huwa intiż sabiex jitwettqu għanijiet tal-Komunità fis-sens tal-Artikolu 308 KE. Fil-fatt, l-għan tal-moviment liberu tal-kapital huwa eskluż, peress li l-applikazzjoni tal-miżura ta’ ffirżar ta’ fondi prevista minn dan ir-regolament ma tistax tikkawża ebda riskju plawżibbli u serju ta’ diverġenzi bejn l-Istati Membri. L-għan tal-politika kummerċjali lanqas mhuwa rilevanti, peress li l-iffriżar tal-assi ta’ individwu li m’għandux konnessjonijiet mal-Gvern ta’ pajjiż terz ma jikkonċernax il-kummerċ ma’ tali pajjiż u mhuwiex intiż sabiex jilħaq għan ta’ politika kummerċjali.

147    Fil-każ fejn l-argument li hija prinċipalment issostni jkun milqugħ, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u għall-implementazzjoni tajba tal-obbligi assunti fil-kuntest tan-Nazzjonjiet Uniti, tikkunsidra bħala definittivi l-effetti tar-Regolament ikkontestat fit-totalità tiegħu, taħt l-Artikolu 231 KE.

148    Fl-istess każ, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża jintroduċu wkoll talba f’dan is-sens.

149    Min-naħa l-oħra, Y.A. Kadi jopponi għal dawn it-talbiet, billi jargumenta li r-Regolament ikkontestat jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali. F’kull każ, eċċezzjoni għandha ssir għal persuni li, bħall-appellant, diġà ressqu rikors kontra dan ir-regolament.

150    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Al Barakaat takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, li fil-punti 158 sa 170 tas-sentenza appelalta ddeċidiet li r-Regolament ikkontestat seta’ jkun adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE magħquda.

151    Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 160 u 164 tal-imsemmija sentenza, li l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE ma jkoprux esklużivament it-twettiq ta’ azzjoni tal-Komunità, iżda jistgħu jikkonċernaw ukoll wieħed mill-għanijiet speċifiċi assenjati lill-Unjoni mill-Artikolu 2 UE, jiġifieri l-implementazzjoni tal-PBSK.

152    It-tieni nett, Al Barakaat takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li fil-punti 112, 113, 115 u 116 tal-istess sentenza ddeċidiet li sanzjonijiet deċiżi kontra individwi bil-għan li jiġu influwenzati r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 60 KE u 301 KE u li din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata kemm minn kunsiderazzjonijiet ta’ effikaċja kif ukoll minn preokupazzjonijiet ta’ ordni umanitarja.

153    Il-Kunsill jirribatti li kien korrettament li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li, minħabba r-rabta li jinvolvu l-Artikoli 60 KE u 301 KE, is-sanzjonijiet stabbiliti fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wara l-adozzjoni ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni taħt il-PBSK li tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi tal-Komunità ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, huma intiżi sabiex iwettqu l-għan tal-PBSK li dawn l-atti tal-Unjoni jridu jilħqu.

154    Il-Kunsill isostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li referenza għall-Artikolu 308 KE bħala bażi legali supplementari tar-Regolament ikkontestat kienet ġustifikata, peress li dan l-artikolu jservi biss sabiex jippermetti l-estensjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji diġà previsti fl-Artikoli 60 KE u 301 KE kontra individwi jew entitajiet li ma jippreżentaw ebda konnessjoni suffiċjenti ma’ pajjiż terz speċifiku.

155    Fl-aħħar nett, il-Kunsill iqis li l-kritika tal-appellanti dwar l-effettività u l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet previsti minn dan ir-regolament hija irrilevanti f’dak li jikkonċerna l-adegwatezza tal-bażi legali tal-imsemmi regolament.

156    F’dak li jikkonċerna t-tieni aggravju, ir-Renju Unit iqis ukoll li dan huwa irrilevanti fil-kuntest tal-appell imressaq minn Al Barakaat, peress li, skont il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx iktar neċessarju li tiddeċiedi fuq il-legalità tar-Regolament Nru 467/2001.

157    Għall-bqija, l-argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk imqajma minn dawn il-partijiet fil-kuntest tal-appell ta’ Y. A. Kadi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

158    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-aggravji intiżi minn Al Barakaat kontra l-punti 112, 113, 115 u 116 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-punti jikkonċernaw il-bażi legali tar-Regolament Nru 467/2001.

159    Issa, dan ir-regolament kien ġie imħassar mir-Regolament ikkontestat u ssostitwit minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, kif indikat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 77 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat mingħajr ma kienet ikkontestata minn Al Barakaat fl-appell tagħha, ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li hija adattat it-talbiet tagħha u l-motivi tagħha għar-Regolament ikkontestat, kellu bħala uniku suġġett talba għall-annullament ta’ dan l-aħħar regolament, safejn dan kien jikkonċernaha.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija oġġezzjonijiet ma jistgħux f’ebda każ iwasslu għall-annullament tal-imsemmija sentenza u għandhom għalhekk ikunu kkunsidrati bħala bla effett.

161    F’kull każ, il-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat li magħhom huma relatati dawn l-ilmenti, ikkwalifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala premessi tar-raġunament tagħha dwar il-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, huma ripetuti fi punti sussegwenti tal-imsemmija sentenza kif ukoll fis-sentenza appellata Kadi u ser ikunu eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-aggravji intiżi kontra dawn il-punti.

162    Għaldaqstant, mhemmx lok li dawn l-ilmenti jiġu eżaminati inkwantu dawn jikkonċernaw il-bażi legali tar-Regolament Nru 467/2001.

163    Fit-tieni lok hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-argument, sostnut prinċipalment mill-Kummissjoni, li l-Artikoli 60 KE u 301 KE, fid-dawl tal-kliem tagħhom u tal-kuntest tagħhom jikkostitwixxu, waħdehom, bażi legali adatta u suffiċjenti għar-Regolament ikkontestat.

164    Dan l-argument huwa intiż kontra l-punti 92 sa 97 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 128 sa 133 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod kuntrarju.

165    L-imsemmi argument għandu jiġi miċħud.

166    Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ddeċidiet korrettament li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod partikolari tal-kliem, “għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni” u “ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar” li jinsabu fihom, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiżi terżi, peress li dan l-aħħar kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom.

167    Issa, l-miżuri restrittivi previsti mir-Riżoluzzjoni 1390 (2002), li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li jimplementa, jikkostitwixxu miżuri kkaraterizzati minn nuqqas ta’ kull konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, wara l-waqa’ tar-reġim tat-Taliban, dawn il-miżuri huma intiżi direttament kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll il-persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif imsemmija fil-lista rikapitulattiva. Għaldaqstant, dawn ma jaqgħux, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

168    Jekk wieħed jinterpreta l-Artikoli 60 KE u 301 KE li tressaq il-Kummissjoni, li jkun biżżejjed li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkonċernaw persuni jew entitajiet li jinsabu f’pajjiż terz jew li huma assoċjati miegħu b’mod ieħor, tkun qed tingħata portata eċċessivament wiesgħa lil dawn id-dispożizzjonijiet u ma tkun bl-ebda mod qed tittieħed inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa, li tirriżulta mill-kliem stess tagħhom, li l-miżuri deċiżi fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjonjjiet għandhom jittieħdu kontra pajjiż terz.

169    Barra minn hekk, l-għan essenzjali u s-suġġett tar-Regolament ikkontestat huwa li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, b’mod partikolari li jinqataw ir-riżorsi finanzjarji tiegħu billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta miegħu, u mhux li jiġu affettwati r-relazzjonjiet ekonomiċi bejn il-Komunità u kull wieħed mill-pajjiżi terzi li fihom dawn il-persuni jew entitajiet jinsabu, jekk jiġi assunt barra minn hekk li l-post ta’ residenza tagħhom ikun magħruf.

170    Il-miżuri restrittivi previsti mir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u implementati mir-Regolament ikkontestat ma jistgħux fil-fatt jiġu kkunsidrati bħala miżuri intiżi sabiex inaqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi terzi, u lanqas barra minn hekk dawk ma’ ċerti Stati Membri tal-Komunità, li fihom jinsabu persuni jew entitajiet li isimhom huwa inkluż fil-lista rikapitulattiva, li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

171    L-argument sostnut mill-Kummisjoni ma jistax barra minn hekk ikun iġġustifikat mill-espressjoni “parzjalment” li tinsab fl-Artikolu 301 KE.

172    Din l-espressjoni fil-fatt tirreferi għall-eventwali limitazzjoni tal-portata materjali jew personali tal-miżuri li jistgħu, per eżempju, ikunu meħuda fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu din m’għandhiex effett fuq il-kwalità meħtieġa tad-destinantarji potenzjali ta’ dawn il-miżuri u ma tistax għaldaqstant tiġġustifika estensjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn għal destinatarji li m’għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz u li, minħabba dan, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

173    L-argument tal-Kummissjoni dwar il-koinċidenza terminoloġika bejn l-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Artikolu 301 KE, li minnha hija tiddeduċi li din l-aħħar dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi għall-implementazzjoni, mill-Komunità, ta’ kull miżura meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà li teħtieġ azzjoni Komunitarja, lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

174    Fil-fatt, l-Artikolu 301 KE jikkonċerna speċifikament l-interruzzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi “ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar”, filwaqt li tali espressjoni ma tinsabx fl-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

175    Barra minn hekk, f’rigwardi oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonjiet Uniti ma jikkoinċidix lanqas ma’ dak tal-Artikolu 301 KE, peress li l-ewwel dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ numru ta’ miżuri għajr dawk imsemmija mit-tieni, inklużi miżuri ta’ natura fundamentalment differenti minn dawk intiżi sabiex jinterrompu jew inaqqsu relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terżi, bħall-qtugħ tar-relazzjonijiet diplomatiċi.

176    L-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li l-Artikolu 301 KE jistabbilixxi rabta proċedurali bejn il-Komunità u l-Unjoni b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod wiesgħa daqs il-kompetenzi Komunitarji rilevanti, fosthom dawk dwar il-politika kummerċjali komuni u l-moviment libertu tal-kapital, ukoll għandu jiġi miċħud.

177    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 301 KE tista’ fil-fatt tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni, u għaldaqstant l-effett utli, ta’ din id-dispożizzjoni, għaliex hija, fid-dawl tal-istess kliem tagħha, tkopri l-adozzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi potenzjalment differenti ħafna u li għaldaqstant, a priori, m’għandhomx ikunu limitati għall-oqsma li jaqgħu taħt kompetenzi materjali Komunitarji oħra bħal dawk dwar il-politika Kummerċjali komuni jew il-moviment liberu tal-kapital.

178    L-imsemmija interpretazzjoni barra minn hekk lanqas ma ssib sostenn fil-kliem tal-Artikolu 301 KE, peress li huwa jagħti kompetenza materjali lill-Komunità li l-portata tagħha hija, bħala regola ġenerali, awtonoma meta mqabbla ma’ dik ta’ kompetenzi Komunitarji oħra.

179    Fit-tielet lok hemm lok li jiġi eżaminat l-argument imressaq sussidjarjament mill-Kummissjoni li, jekk ir-Regolament ikkontestat ma setax ikun adottat fuq il-bażi legali biss tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, referenza għall-Artikolu 308 KE ma tkunx iġġustifikata, peress li din l-aħħar dispożizzjoni hija applikabbli, b’mod partikolari, biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma tagħti l-kompetenza neċessarja sabiex jiġi adottat l-att ikkonċernat. Issa, il-miżuri restrittivi li l-imsemmi regolament jimponi jaqgħu taħt is-setgħat ta’ azzjoni tal-Komunità, b’mod partikolari tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u tal-moviment tal-kapital kif ukoll tal-pagamenti.

180    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 100 tas-sentenza appellata Kadi u 136 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri, tat-tip bħal dawk previsti mir-regolament ikkontestat, diretti kontra l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b’mod aktar partikolari, għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħal mhuwa l-iffriżar ta’ fondi, fir-rigward ta’ individwi u entitajiet issuspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali li m’għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz, b’mod li l-ewwel kundizzjoni ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 308 KE hija sodisfatta f’dan il-każ.

181    Din il-konkluzjoni għandha tiġi approvata.

182    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-440/05, Ġabra p. I-9097, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Issa, minn naħa, att Komunitarju jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 133 KE biss meta jkun jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali fis-sens li jkun intiż essenzjalment sabiex jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C-347/03, Ġabra p. I-3785, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Fir-rigward tal-għan essenzjali u tas-suġġett tar-Regolament ikkontestat, hekk kif ġie espost fil-punt 169 ta’ din is-sentenza, dawn huwa intiż għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u jipprevedi għal dan il-għan l-impożizzjoni ta’ numru ta’ miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika u finanzjarja, bħall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, kontra individwi jew entitajiet suspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali.

185    Fid-dawl ta’ dan l-għan u ta’ dan is-suġġett, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan ir-regolament jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali inkwantu huwa essenzjalment intiż sabiex jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ.

186    Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmi regolament jista’ ċertament ikollu effetti fuq il-kummerċ internazzjonali, l-għan tiegħu mhuwiex manifestament li jikkawża effetti diretti u immedjati ta’ dan it-tip.

187    Ir-Regolament ikkontestat ma setax għaldaqstant ikun ibbażat fuq il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

188    Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, ir-Regolament ikkontestat, inkwantu dan jipprojbixxi t-trasferiment ta’ riżorsi ekonomiċi lil individwi f’pajjiżi terzi, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti.

189    Din l-affermazzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda.

190    Fir-rigward, qabel kollox, tal-Artikolu 57(2) KE, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri restrittivi li jimponi r-Regolament ikkontestat ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji ta’ miżuri elenkati f’din id-dispożizzjoni.

191    Fir-rigward, sussegwentement, tal-Artikolu 60(1) KE, din id-dispożizzjoni ma tistax lanqas tiġġustifika r-Regolament ikkontestat, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa ddeterminat minn dak tal-Artikolu 301 KE.

192     Issa, hekk kif diġà kien ġie deċiż fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni ma tikkonċernax l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni, li huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ kull konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz.

193    Fl-aħħar, fir-rigward tal-Artikolu 60(2) KE, hemm lok li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tinkludix kompetenza Komunitarja għal dan il-għan, peress li din sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jadottaw, għal ċerti raġunijiet eċċezzjonali, miżuri unilaterali kontra pajjiż terz dwar il-moviment tal-kapital u l-pagamenti, bla ħsara għas-setgħa tal-Kunsill li jimponi fuq Stat Membru li jemenda jew iħassar tali miżuri.

194    Ir-raba’ nett, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti magħmula minn Y. A. Kadi fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tiegħu, kontra l-punti 122 sa 135 tas-sentenza appellata Kadi, u minn Al Brakkat kontra l-punti 158 sa 170 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat kif ukoll il-kritika tal-Kummissjoni kontra dawn l-istess punti tas-sentenzi appellati.

195    F’dawn il-punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li r-Regolament ikkontestat seta’ ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 60 KE, 301 KE u 308 KE magħquda, minħabba li, minħabba r-rabta speċifikament stabbilita bejn l-azzjonijiet tal-Komunità dwar sanzjonijiet ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE, minn naħa, u l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, min-naħa l-oħra, referenza għall-Artikolu 308 KE, fil-kuntest partikolari kopert mill-ewwel żewġ artikoli, hija ġġustifikata sabiex jintlaħqu tali għanijiet u, f’dan il-każ, l-għan tal-PBSK intiż mir-Regolament ikkontestat, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-finanzjament tiegħu.

196    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sentenzi appellati huma effettivament ivviżjati bi żball ta’ liġi.

197    Fil-fatt, għalkemm huwa korrett li jiġi kkunsidrat, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ġiet stabbilita rabta bejn l-azzjonijiet tal-Komunità li jinvolvu miżuri ekonomiċi taħt l-Artikoli 60 KE u 301 KE kif ukoll l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, fosthom il-PBSK, la l-kliem tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u lanqas l-istruttura tiegħu ma jipprovdu bażi għal interpretazzjoni li abbażi tagħha din ir-rabta testendi tiġi estiża sad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 KE.

198    Fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 308 KE, jekk il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet milqugħa din id-dispożizzjoni tippermetti, fil-kuntest partikolari tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, l-adozzjoni ta’ atti Komunitarji li jikkonċernaw mhux xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, iżda wieħed mill-għanijiet li jaqgħu taħt it-Trattat UE fil-qasam tar-relazzjonjiet barranin, li fosthom tinsab il-PBSK.

199    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 308 KE.

200    Fil-fatt, użu ta’ din id-dispożizzjoni jitlob li l-azzjoni kkunsidrata, minn naħa, tikkonċerna l-“funzjonament tas-suq komuni” u, min-naħa l-oħra, huwa intiż li jwettaq “xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità”.

201    Issa, dan l-aħħar kunċett, fid-dawl tal-kliem tiegħu ċari u preċiżi, ma jista’ fl-ebda każ jinftihem li jinkludi l-għanijiet tal-PBSK.

202    Il-koeżistenza tal-Unjoni u tal-Komunità bħala sistemi legali integrati iżda distinti kif ukoll l-arkitettura kostituzzjonali tat-tliet pilastri, li l-awturi tat-Trattati attwalment fis-seħħ riedu, irrilevati ġustament mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 120 tas-sentenza appellata Kadi u 156 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, jikkostitwixxu barra minn hekk kunsiderazzjonijiet ta’ natura istituzzjonali li jimmilitaw kontra estensjoni tal-imsemmija rabta mal-artikoli tat-Trattat KE għajr dawk li magħhom din tistabbilixxi konnessjoni b’mod espress.

203    Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 308 KE jifforma parti integrali minn sistema istituzzjonali bbażata fuq il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni, dan ma jistax jikkostitwixxi bażi sabiex il-qasam ta’ kompetenzi tal-Komunità jitwessa lil hinn mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Trattat meħuda flimkien u, b’mod partikolari, dawk li jiddefinixxu l-missjonijiet u l-azzjonijiet tal-Komunità (opinjoni 2/94, iċċitata iktar’il fuq, punt 30).

204    Bl-istess mod l-Artikolu 3 UE, li għalih tirreferi l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 126 sa 128 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 162 sa 164 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, b’mod partikolari t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu ma jistax iservi ta’ bażi sabiex il-qasam ta’ kompetenzi tal-Komunità jitwessa lil hinn mill-għanijiet tal-Komunità.

205    L-effett ta’ dan l-iżball ta’ liġi fuq il-validità tas-sentenzi appellati ser ikun eżaminat iktar’il quddiem, fl-aħħar tal-evalwazzjoni tal-ilmenti l-oħra mqajma kontra l-iżviluppi ta’ dawn is-sentenzi dwar il-possibbiltà li l-Artikolu 308 KE jiġi inkluż fil-bażi legali tar-Regolament ikkontestat flimkien mal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

206    Dawn l-ilmenti l-oħra jistgħu jiġi miġbura f’żewġ kategoriji oħra.

207    L-ewwel kategorija tinkludi b’mod partikolari l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ Y. A. Kadi, li fiha huwa jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żball ta’ liġi billi aċċettat li l-Artikolu 308 KE seta’ jikkompleta l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat ikkostitwita mill-Artikoli 60 KE u 301 KE. Issa, dawn iż-żewġ l-aħħar artikoli ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi legali, anki jekk parzjali, tar-Regolament ikkontestat, peress li, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza stess, miżuri li jikkonċernaw persuni jew entitajiet li m’għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz, li huma l-uniċi destinatarji tar-Regolament ikkontestat, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija artikoli.

208    Din il-kritika tista’ tkun imxebbħa ma’ dik magħmula mill-Kummissjoni, li abbażi tagħha, kieku kellu jiġi deċiż li r-referenza għall-Artikolu 308 KE tista’ tiġi aċċettata, din għandha tkun bħala l-unika bażi legali, u mhux flimkien mal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

209    It-tieni kategorija tinkludi l-kritika tal-Kummissjoni kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punti 116 u 121 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll fil-punti 152 u 157 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li abbażi tagħha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 308 KE, l-għan tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u, b’mod iktar partikolari, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħal mhuwa l-iffriżar ta’ fondi, kontra individwi u entitajiet issuspettati li jikkontribwixxu għall-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali, ma jistax jiġi konness ma’ wieħed mill-għanijiet assenjati lill-Komunità mit-Trattat KE.

210    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri ta’ implementazzjoni li r-Regolament ikkontestat jimponi fir-rigward ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji jaqgħu, minn natura tagħha, taħt l-għanijiet tal-Komunità, jiġifieri, minn naħa, il-politika kummerċjali komuni u, min-naħa l-oħra, il-moviment liberu tal-kapital.

211    Fir-rigward tal-ewwel kategorija ta’ lmenti msemmija iktar’il fuq, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Artikolu 308 KE huwa intiż li jirrimedja għan-nuqqas ta’ setgħa ta’ azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet Komunitarji mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, safejn dawn is-setgħat jidhru mandankollu neċessarji sabiex il-Komunità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet stabbiliti minn dan it-Trattat (opinjoni 2/94 iċċitata iktar’il fuq, point 29).

212    Issa, ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Artikolu 308 KE seta’ jiġi inkluż, mal-Artikoli 60 KE u 301 KE, fil-bażi legali tar-Regolament ikkontestat.

213    Fil-fatt, dan tal-aħħar, inkwantu jimponi miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika u finanzjarja, jaqa’ manifestament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

214    F’dan il-punt, l-inklużjoni ta’ dawn l-artikoli fil-bażi legali tar-Regolament ikkontestat kienet għaldaqstant iġġustifikata.

215    Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma s-segwitu ta’ prattika, ibbażata, qabel l-introduzzjoni tal-Artikoli 60 KE u 301 KE mit-Trattat ta’ Maastricht, fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat KE ( li wara l-emendi sar l-Artikolu 133 KE) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Werner, C-70/94, Ġabra p. I-3189, punti 8 sa 10, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com, C-124/95, Ġabra p. I-81, punti 28 u 29), li kienet tikkonsisti f’li tiġi fdata lill-Komunità l-implementazzjoni ta’ azzjonijiet deċiżi fil-kuntest tal-kooperazzjoni politika Ewropea u li jinkludu l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika li jikkonċernaw pajjiżi terzi.

216    Peress li l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jipprevedux madankollu setgħat ta’ azzjoni espressi jew impliċiti sabiex jiġu imposti tali miżuri lil destinatarji li m’għandhom ebda konnessjoni mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz bħal dawk intiżi mir-Regolament ikkontestat, dan in-nuqqas ta’ setgħa, dovut għal-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija dispożizzjonijiet, seta’ jiġi rrimedjat billi jintuża l-Artikolu 308 KE bħala bażi legali tal-imsemmi regolament flimkien mal-ewwel żewġ artikoli li jiġġustifikaw dan l-att mill-perspettiva tal-portata materjali tiegħu, sakemm madankollu l-kundizzjonijiet l-oħra li għalihom l-applikabbiltà tal-Artikolu 308 KE hija suġġetta ikunu ġew sodisfatti.

217    Għalhekk hemm lok li jiġu miċħuda bħala mhux fondati l-ilmenti l-oħra miġbura fl-ewwel kategorija msemmija iktar’il fuq.

218    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 308 KE, għandha sussegwentement tiġi eżaminata t-tieni kategorija ta’ lmenti msemmija iktar’il fuq.

219    Il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-Pożizzjoni Komuni 2002/402, li r-Regolament ikkontestat huwa intiż sabiex jimplementa, issegwi l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, għan li jaqa’ taħt il-PBSK, dan ir-regolament għandu, minn naħa tiegħu, ikun ikkunsidrat bħala li jinkludi miżura ta’ eżekuzzjoni intiża sabiex timponi sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji.

220    Issa, dan l-għan jaqa’ taħt l-għanijiet tal-Komunità skont l-Artikolu 308 KE, b’mod partikolari dawk dwar il-politika kummerċjali komuni u l-moviment liberu tal-kapital.

221    Ir-Renju Unit iqis li l-għan propju tar-Regolament ikkontestat, purament strumentali, jiġifieri l-istabbiliment ta’ miżuri ekonomiċi koerċitivi, għandu jiġi distint mill-għan sottostanti, li jaqa’ taħt il-PBSK, dwar iż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali. Issa, l-imsemmi għan jikkontribwixxi għall-għan Komunitarju impliċitu li hemm wara l-Artikoli 60 KE u 301 KE, li huwa li jipprovdi mezzi effettivi ta’ implementazzjoni, esklużivament permezz ta’ miżuri ekonomiċi koerċitivi, ta’ atti adottati fil-kuntest tal-PBSK.

222    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jeskludi minnufih lill-persuni assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk ta’ Al‑Qaida u t-Taliban mid-disponibbiltà mir-riżorsi finanzjarji u ekonomiċi kollha sabiex jiġi evitat il-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C-117/06, Ġabra p. I-8361, punt 63).

223    Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 116 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 152 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, dan l-għan jista’ jkun marbut ma’ għanijiet assenjati lill-Komunità mit-Trattat KE. Is-sentenzi appellati huma għaldaqstant ukoll ivvizzjati bi żball ta’ liġi fuq dan il-punt.

224    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġie espost fil-punt 203 ta’ din is-sentenza, peress li jifforma parti integrali minn sistema istituzzjonali bbażata fuq il-prinċipju ta’ kompetenzi ta’ attribuzzjoni, l-Artikolu 308 KE ma jistax jikkostitwixxi bażi sabiex jitwessa’ l-qasam tal-kompetenzi tal-Komunità lil hinn mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE.

225    Issa, l-għan tar-Reoglament ikkontestat jista’ jkun marbut ma’ wieħed mill-għanijiet tal-Komunità skont l-Artikolu 308 KE, b’mod illi l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ma kkostitwixxietx nuqqas ta’ rikonoxximent tal-qasam tal-kompetenzi tal-Komunità hekk kif jirriżulta mill-kuntest ġenerali li jikkostitwixxi d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE.

226    Fil-fatt, l-Artikoli 60 KE u 301 KE, inkwantu dawn jipprevedu kompetenza Komunitarja sabiex jiġu imposti miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika ħalli jiġu implementati azzjonijiet deċiżi fil-kuntest tal-PBSK, huma l-espressjoni ta’ għan impliċitu u sottostanti, jiġifieri dak li ssir possibbli l-adozzjoni ta’ tali miżuri permezz tal-użu effettiv ta’ strument Komunitarju.

227    Dan jista’ jiqies li huwa għan tal-Komunità fis-sens tal-Artikolu 308 KE.

228    Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-Artikolu 60(2) KE. Fil-fatt, għalkemm l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 60(2) jipprevedi kompetenza, strettament inkwadrata, tal-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri unilaterali kontra pajjiż terz fir-rigward tal-movimenti ta’ kapitali u r-rimessi ta’ ħlasijiet, din il-kompetenza tista’, skont il-kliem ta’ dan l-istess subparagrafu, tkun eżerċitata biss sakemm miżuri Komunitarji ma ttieħdux taħt l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

229    L-implementazzjoni ta’ miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika deċiżi fil-kuntest tal-PBSK permezz tal-użu ta’ strument Komunitarju ma toħroġx’il barra mill-kuntest ġenerali li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat KE, peress li tali miżuri, minn natura tagħhom, jippreżentaw barra minn hekk konnessjoni mal-funzjonament tas-suq komuni, filwaqt li din il-konnessjoni tikkostitwixxi kundizzjoni oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 308 KE, hekk kif issemma fil-punt 200 ta’ din is-sentenza.

230    Fil-fatt, għalkemm miżuri ekonomiċi u finanzjarji bħal dawk imposti mir-Regolament ikkontestat, li jikkonsistu f’iffriżar, inprinċipju ġenerali, tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni u entitajiet ikkonċernati, kienu imposti unilateralment minn kull Stat Membru, proliferazzjoni ta’ dawn il-miżuri nazzjonali tkun tista’ taffettwa l-funzjonament tas-suq komuni. Tali miżuri jistgħu b’mod partikolari jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-moviment tal-kapital u tal-pagamenti, kif ukoll fuq l-eżerċizzju mill-operaturi ekonomiċi tad-dritt ta’ stabbiliment tagħhom. Barra minn hekk, minn dan jistgħu jirriżultaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, peress li differenzi eventwali bejn il-miżuri meħuda unilateralment mill-Istati Membri jistgħu javvantaġġjaw il-pożizzjoni kompetittiva ta’ ċerti operaturi ekonomiċi jew iqegħduha f’perikolu mingħajr ma dawn il-vantaġġi jew l-żvantaġġi jkunu fondati fuq raġunijiet ekonomiċi.

231    L-affermazzjoni, mill-Kunsill, fir-raba’ premessa tar-Regolament ikkontestat, li hemm lok li tiġi adottata leġiżlazjoni Komunitarja “notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni” tirriżulta għaldaqstant rilevanti f’dan ir-rigward.

232    F’dan l-istadju għandha tittieħed deċiżojni fuq l-effett tal-iżbalji ta’ liġi kkonstatati fil-punti 196 u 223 ta’ din is-sentenza, fuq il-validità tas-sentenzi appellati.

233    Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirrivelaw ksur tad-dritt Komunitarju, filwaqt li d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 135 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 158 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri li l-Kunsill kien kompetenti sabiex jadotta dan ir-regolament fuq il-bażi magħquda tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, hija fondata għal motivi oħra ta’ dritt.

235    Fil-fatt, għalkemm, kif ġie deċiż fil-punti 196 sa 204 ta’ din is-sentenza, l-inklużjoni tal-Artikolu 308 KE fil-bażi legali tar-Regolament ikkontestat ma tistax tiġġustifika ruħha mill-fatt li dan l-att isegwi għan li jaqa’ taħt il-PBSK, din id-dispożizzjoni setgħat xorta waħda tkun ikkunsidrata sabiex tiġġustifika dan ir-regolament peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 225 sa 231 ta’ din is-sentenza, huwa leġittimu li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jilħaq għan tal-Komunità u huwa barra minn hekk marbut mal-funzjonament tas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 308 KE. Barra minn hekk, iż-żieda ta’ dan fil-bażi legali tar-Regolament ikkontestat ippermettiet lill-Parlament Ewpropew jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali dwar il-miżuri inkwistjoni li kienu jikkonċernaw speċifikament lil individwi filwaqt li, fil-kuntest tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, ebda rwol mhuwa previst għal din l-istituzzjoni.

236    Għaldaqstant, l-aggravji intiżi kontra s-sentenzi appellati inkwantu, permezz ta’ dawn, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE jikkostitwixxu l-bażi legali legali tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom bħala mhux fondati.

 Fuq l-aggravju relatat mal-ksur tal-Artikolu 249 KE

 L-argumenti tal-partijiet

237    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Al Barakaat takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punt 188 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li r-Regolament ikkontestat jissodisfa l-ħtieġa ta’ applikazzjoni ġenerali li tinsab fl-Artikolu 249 KE, peress li dan huwa indirizzat b’mod ġenerali u astratt għall-persuni kollha li jistgħu jżommu materjalment fondi li jappartjenu għal persuna waħda jew iktar imsemmija fl-anness ta’ dan ir-regolament.

238    Al Barakaat issostni “li huwa inkorrett li ma tiġix ikkunsidrata l-persuna li l-fondi tagħha huma ffriżati bħala destinatarja tal-att ikkonċernat, peress li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni għandha tkun ibbażata, b’mod raġonevoli, fuq miżura legali intiża kontra dik li għandha r-riżorsi”.

239    Barra minn hekk, huwa kuntradittorju li jiġi affermat, minn naħa, fil-punt 112 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li dawn huma miżuri restrittivi li jolqtu direttament lil individwi jew organizzazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, fil-punt 188 tal-istess sentenza, li dawn il-miżuri ma jikkonċernawx lil dawn l-individwi jew organizzazzjonijiet, iżda jikkostitwixxu forma ta’ dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni indirizzati lil persuni oħra.

240    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu, essenzjalment, mal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

241    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġusament iddeċidiet, fil-punti 184 sa 188 tas-senenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li l-fatt li l-persuni u entitajiet li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi li r-Regolament ikkontestat jimponi huma b’mod partikolari msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li huma jidhru bħala li dan ir-regolament jirrigwardhom direttament u individwalment, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ma jimplikax li dan l-att m’għandux applikazzjoni ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 249 KE, u li dan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala regolament.

242    Fil-fatt, għalkemm huwa veru li r-Regolament ikkontestat jimponi miżuri restrittivi fuq il-persuni u fuq l-entitajiet li isimhom jidher fil-lista eżawrjenti li tikkostitwixxi l-Anness I tiegħu, lista li hija barra minn hekk regolarment emendata permezz tat-tneħħija jew taż-żieda ta’ ismijiet, sabiex din tibqa’ konformi mal-lista rikapitulattiva, għandu jiġi kkonstatat li d-destinatarji ta’ dan ir-regolament huma ddeterminati b’mod ġenerali u astratt.

243    Ir-Regolament ikkontestat, bħar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li huwa intiż sabiex jimplementa, jinkludi projbizzjoni, ifformulata b’mod partikolarment wiesgħa, li jitqegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-imsemmija persuni jew entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, iċċitata iktar’il fuq, punti 50 sa 55).

244    Issa, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet fil-punti 186 u 188 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, din il-projbizzjoni hija indirizzata lil kull minn jista’ materjalment iżomm il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni.

245    Huwa b’dan il-mod li l-imsemmija projbizzjoni tapplika f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, iċċitata iktar’il fuq, li kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament ikkontestat jipprojbixxix ir-reġistrazzjoni definittiva tat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’reġistru tal-artijiet wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ jekk wieħed mix-xerrejja huwa persuna fiżika mniżżla fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

246    Fil-fatt, fil-punt 60 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li operazzjoni bħal din ir-reġistrazzjoni hija pprojbita, skont l-Artikolu 2(3) tar- Regolament ikkontestat peress li din timplika li riżors ekonomika titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna mniżżla fuq din il-lista, li jippermettilha tikseb fondi, beni jew servizzi.

247    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-aggravju ta’ Al Barakaat ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 249 KE għandu wkoll jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq l-aggravji relatati mal-ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali

 Fuq l-ilmenti dwar il-parti tas-sentenzi appellati dwar il-limitazzjonijiet tal-istħarriġ mill-qorti Komunitarja, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, tal-legalità interna tar-Regolament ikkontestat.

248    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tieghu, Y. A. Kadi jsostni li s-sentenza appellata Kadi, inkwantu din tiddeċiedi, minn naħa, fuq ir-rabtiet bejn l-ONU u l-Membri ta’ din l-organizzazzjoni, u min-naħa l-oħra, fuq il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, hija vvizjata bi żbalji ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ dritt internazzjonali kkonċernati, fatt li kkawża żbalji oħra ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-motivi relatati mal-ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali speċifiċi tiegħu.

249    Din il-parti tinkludi ħames ilmenti.

250    Permezz tal-ewwel ilment, Y.A. Kadi jsostni li, fil-punti 183 u 184 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi fixklet il-kwistjoni tas-supremazija tal-obbligi tal-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit fl-Artikolu 103 tagħha, ma’ dik, relatata iżda distinta, tal-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmi fl-Artikolu 25 ta’ din il-Karta.

251    Permezz tat-tieni ilment, Y.A. Kadi jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żball ta’ liġi billi telqet mill-premessa, fil-punti 217 sa 225 tas-sentenza appellata Kadi, li, bħall-obbligi konvenzjonali, ir-riżoluzzjonijiet adottati bis-saħħa tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom ikunu awtomatikament inseriti fl-isfera ta’ dritt u ta’ kompetenza tal-Membri tal-ONU.

252    Permezz tat-tielet ilment, Y.A. Kadi jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 212 sa 225 kif ukoll 283 u 284 tas-sentenza appellata Kadi, li hija ma għandha ebda setgħa li tippermettilha tistħarreġ il-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati bis-saħħa tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

253    Peremzz tar-raba’ lment, Y.A. Kadi jsostni li r-raġunament adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 225 sa 232 tal-imsemmija sentenza, dwar il-jus cogens jippreżenta inkoerenza kbira, safejn, jekk kellu jipprevali, il-prinċipju li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà inkwistjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u jibbenefikaw f’dan is-sens minn immunità ta’ ġurisdizzjoni għandu japplika b’mod ġenerali, mingħajr ma l-kwistjonjiet li jaqgħu taħt il-jus cogens jikkostitwixxu eċċezzjoni għal dan il-prinċipju.

254    Peremzz tal-ħames ilment, Y.A. Kadi jsostni li l-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà ma stabbilixxix qorti internazzjonali indipendenti responsabbli milli tiddiċedi, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, dwar ir-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jimplikax la li l-Istati Membri m’għandhom ebda setgħa legali, billi jadottaw miżuri raġonevoli, li jtejbu l-konstatazzjoni tal-fatti sottostanti għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet u l-identifikazzjoni tal-persuni li dawn jikkonċernaw u lanqas li huma pprojbiti milli joħolqu rikors adatt skont il-marġini ta’ toleranza li huma għandhom fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom.

255    Fir-risposta tiegħu, billi jirreferi għas-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar’il fuq, Y.A. Kadi jsostni barra minn hekk li d-dritt Komunitarju jeħtieġ li l-miżuri leġiżlattivi Komunitarji kollha jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkonċerna wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, anki jekk l-oriġini tal-miżura inkwistjoni hija att tad-dritt internazzjonali bħal riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

256     Safejn id-dritt tan-Nazzjonijiet Uniti ma joffrix protezzjoni adatta għal dawk li jaffermaw li d-drittijiet fundamentali tagħhom ġew miksura, għandu jkun hemm stħarriġ tal-atti adottati mill-Komunità sabiex jiġu implementati r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Issa, skont Y.A. Kadi, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, ibbażata fuq il-protezzjoni diplomatika, ma toffrix protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ekwivalenti għal dik garantita mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar’il quddiem il-“KEDB”), kif meħtieġa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi (Bosphorus Airways) vs L-Irlanda, tat-30 ta’ Ġunju 2005 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2005-VI, § 155).

257    Y.A. Kadi jsostni li dan l-argument, li huwa sussidjarju meta mqabbel mal-argumenti bbażati fuq id-dritt internazzjonali, huwa mqajjem għal każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li jeżisti kunflitt bejn l-għanijiet tal-implementazzjoni fidila tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-prinċipji ta’ smigħ xieraq jew ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

258    Barra minn hekk, l-imsemmi lment ma jikkostitwixxix aggravju ġdid, iżda żvilupp tal-proposta fundamentali, ifformulata fl-appell, li l-Komunità hija marbuta, meta tiddeċidi li taġixxi leġiżlattivament sabiex timplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, li tiżgura, inkwantu kundizzjoni tal-legalità tal-leġiżlazzjoni li hija b’hekk trid tistabbilixxi, li din tirrispetta l-kriterji minimi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

259    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, Al Barakaat tikkritika l-osservazzjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat dwar il-konnessjoni bejn is-sistema legali internazzjonali li rriżultat min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali nazzjonali jew is-sistema legali Komunitarja kif ukoll dwar il-portata tal-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tagħmel.

260    Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, fiha nnfisha vinkolanti fid-dritt internazzjonali pubbliku, jista’ jkollha effett ġuridiku kontra persuni suġġetti għal-liġi fi Stat Membru biss jekk din ġiet implementata skont il-liġi fis-seħħ.

261    Issa, ma teżisti ebda bażi legali li tippermetti li jiġi affermat li jeżisti trattament partikolari jew eċċezzjoni għal dak li jikkonċerna l-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fis-sens li regolament Komunitarju intiż għal tali implementazzjoni m’għandux ikun konformi mar-regoli Komunitarju relatati mal-adozzjoni ta’ regolamenti.

262    Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju Unit u l-Kunsill japprovaw essenzjalment l-analiżi magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi appellati u jaqblu mal-konklużjoni li hija siltet minnha, li, għal dak li jikkonċerna l-legalità interna tar-Regolament ikkontestat, dan l-att, dan, inkwantu jimplementa riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, jaħrab bħala regola ġenerali minn kull stħarriġ tal-qorti Komunitarja, inkluż dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, u jibbenefika f’din il-miżura minn immunità ġudizzjarja.

263    Madankollu, kuntrarjament għall-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn il-partijiet iqisu li ebda stħarriġ tal-legalità interna ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà ma jista’ jkun eżerċitat mill-qorti Komunitarja. Dawn imaqdru għaldaqstant lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet li tali stħarriġ huwa possibbli fir-rigward tal-jus cogens.

264    Is-sentenzi appellati, inkwantu dawn jaċċettaw eċċezzjoni f’dan ir-rigward, mingħajr madankollu ma jidentifikaw il-bażi legali tagħha, b’mod partikolari fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, huma inkoerenti, safejn l-argumenti li jeskludu, b’mod ġenerali, l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju, mill-qorti Komunitarja, tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jillimitaw ukoll kontra r-rikonoxximent ta’ ġurisdizzjoni sabiex teżerċità tali stħarriġ fir-rigward tal-jus cogens biss.

265    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li d-drittijiet fundamentali inkwistjoni fil-kawżi preżenti jaqgħu taħt il-jus cogens.

266    Regola tista’ tkun ikkwalifikata bħala jus cogens biss jekk hija ma tistax tippermetti ebda deroga. Issa, id-drittijiet invokati f’dan il-każ, id-dritt għal smigħ xieraq u d-dritt għar-rispett tal-proprjetà – huma s-suġġett ta’ limitazzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet.

267    Ir-Renju Unit iressaq f’dan ir-rigward appell inċidentali, billi jitlob l-annullament tal-parti tas-sentenzi appellati li tikkonċerna jus cogens, jiġifieri l-punti 226 sa 231 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 227 sa 281 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat.

268    Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Olanda, minn naħa tagħhom, jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivi, billi jitolbu ċ-ċaħda tal-aggravji ta’ Y.A. Kadi u ta’ Al Barakkat dwar il-jus cogens minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni totali tal-qrati Komunitarji sabiex jeżerċitaw stħarriġ fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, inkluż fir-rigward tal-jus cogens.

269    Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija ssostni li żewġ raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu ta’ implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà bħal dawk inkwistjoni, li l-kliem strett tagħhom ma jħallix post għal ebda setgħa ta’ interpretazzjoni tal-awtoritajiet Komunitarji fl-implementazzjoni tagħhom, jiġifieri, minn naħa, il-każ fejn ir-riżoluzzjoni kkonċernata tkun kuntrarja għal jus cogens u, min-naħa l-oħra, dak fejn din ir-riżoluzzjoni toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni jew tikser l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u għalhekk tkun ġiet adottata ultra vires.

270    Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà huwa marbut mill-għanijiet u prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż, skont l-Artikolu 1(3) ta’ din il-Karta, l-iżvilupp u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, att adottt minn dan il-korp bi ksur ta’ dawn, inkluż id-drittijiet fundamentali tal-individwi inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat bħala adottat ultra vires u, għaldaqstant, bħala mhux vinkolanti għall-Komunità.

271    Il-Kummissjoni tqis madankollu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet korrettament li l-qorti Komunitarja ma tistax bħala regola ġenerali tistħarreġ il-validità ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fid-dawl tal-għanijiet u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

272    Fil-każ fejn l-eżerċizzju ta’ tali stħarriġ kellu xorta waħda jkun aċċettat, il-Kummissjoni ssosnti li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala qorti ta’ organizzazzjoni internazzjonali għajr l-ONU, tista’ tiddeċiedi hija stess fuq din il-kwistjoni biss jekk il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa partikolarment flagranti u evidenti, billi tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Racke, iċċitata iktar’il fuq.

273    Issa, dan mhuwiex il-każ f’dan il-każ, minħabba l-eżistenza tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet u peress li għandu jkun preżunt li l-Kunsill tas-Sigurtà bbilanċja r-rekwiżiti tas-sigurtà internazzjonali inkwistjoni u d-drittijiet fundamentali kkonċernati.

274    Fir-rigward tat-tagħlim tas-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar’il fuq, il-Kummissjoni ssosnti li, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-kwistjoni dwar il-legalità u l-eventwali nullità tar-riżoluzzjoni inkwistjoni tista’ tqum f’dak li jikkonċerna r-Regolament ikkontestat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-Komunità ma tistax timplementa riżoluzzjoni vinkolanti tal-Kunsill tas-Sigurtà peress li l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem applikati minn din l-istanza, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dritt għal smigħ, huma insuffiċjenti.

275    Barra minn hekk, ir-Renju Unit iqis li l-argument ta’ Y.A. Kadi li l-legalità ta’ kull leġiżlazzjoni adottata mill-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jimplementaw riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tibqa’ suġġetta, skont id-dritt Komunitarju, għall-istħarriġ totali tal-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-oriġini tagħha, peress li dan tressaq għall-ewwel darba fir-risposta tal-appellant, jikkostitwixxi aggravju ġdid. Għaldaqstant, skont l-Artikoli 42(2) u 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-argument għandu jiġi mwarrab.

276    Sussidjarjament, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-istatus speċjali tar-riżoluzzjonjiet adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jirriżulta mill-interazzjoni tal-Artikoli 25, 48 u 103 ta’ din il-Karta, rikonoxxut mill-Artikolu 297 KE, jimplika li l-azzjoni meħuda minn Stat Membru sabiex jeżegwixxi l-obbligi tiegħu bil-għan li jżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali tkun protetta minn kull rikors ibbażat fuq id-dritt Komunitarju. Is-supermazija ta’ tali obbligi testendi ruħha b’mod evidenti għall-prinċipji tad-dritt Komunitarju ta’ natura kostituzzjonali.

277    Dan l-istess Stat Membru jsostni li, fis-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kellha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-validità ta’ regolament intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iżda llimitat ruħha tinterpreta r-regolament ikkonċernat bil-għan li tiddetermina jekk miżura prevista minnu kellhiex tkun applikata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru f’każ konkret. Ir-Repubblika Franċiża essenzjalment taqbel ma’ din l-interpretazzjoni tal-imsemmija sentenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

278    Qabel kollox, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit dwar l-argument imressaq minn Y. A. Kadi fir-risposta tiegħu, li abbażi tiegħu l-legalità ta’ kull leġiżlazzjoni adottata mill-istituzzjonijiet Komunitarji, inkluż dik intiża sabiex timplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, tibqa’ suġġetta, skont id-dritt Komunitarju, għall-istħarriġ totali tal-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-oriġini tagħha.

279    Fil-fatt, hekk kif isostni Y.A. Kadi, dan huwa argument addizzjonali li jikkostitwixxi l-amplifikazjoni tal-aggravju, imressaq preċedentement, anki jekk impliċitament, fl-appell u li jippreżenta konnessjoni stretta ma’ dan l-aggravju, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni kienet obbligata, fl-implementazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, tiżgura, inkwantu kundizzjoni tal-legalità tal-leġiżlazzjoni li hija riedet b’hekk tistabbilixxi, li din tirrispetta l-kriterji minimi tad-drittijiet tal-bniedem (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C-430/00 P, Ġabra. p. I-8547, punt 17).

280    Għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti li bihom l-appellanti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, essenzjalment, li jirriżulta mill-prinċipji li jirregolaw il-konnessjoni tar-rabtiet bejn is-sistema legali internazzjonali li tirriżulta minn-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali Komunitarja li r-Regolament ikkontestat, peress li huwa intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li ma tħalli ebda marġini għal dan il-għan, ma jistax ikun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità interna tiegħu, ħlief għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tiegħu mar-regoli li jirriżultaw mill-jus cogens, u għaldaqstant jibbenefika f’din il-miżura minn immunità ġudizzjarja.

281    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi mfakkar li l-Komunità Ewropea hija Komunità ta’ dritt f’dak illi la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħux jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat u li dan tal-aħħar stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi li jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23).

282    Għandu jiġi mfakkar ukoll li ftehim internazzjonali ma jistax jippreġudika l-ordni tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u, għaldaqstant, l-awtonomija tas-sistema legali Komunitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li tiġi rrispettata bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni esklużiva li hija għandha permezz tal-Artikolu 220 KE, ġurisdizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà kkunsidrat li tirriżulta mill-bażi stess tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punti 35 u 71, kif ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-459/03, Ġabra p. I-4635, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

283    Barra minnhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F’dan ir-rigward, il-KEDB għandha sinjifikat partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

284    Jirrużulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti Komunitarji (opinjoni 2/94, iċċitata iktar’il fuq, punt 34) u li ma jistgħux jiġu aċċettati fil-Komunità miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

285    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-obbligi li ftehim internazzjonali jimponi ma jistgħux ikollhom bħala effett li jippreġudikaw il-prinċipji kostituzzjonali tat-Trattat KE, li fosthom jinsab il-prinċipju li l-atti Komunitarji kollha għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, peress li dan ir-rispett jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tagħhom, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ fil-kuntest tas-sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji li dan it-Trattat jistabbilixxi.

286    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’kuntest bħal dak ta’ dan il-każ, l-istħarriġ tal-legalità li għandu għaldaqstant jiġi ggarantit mill-qorti Komunitarja jikkonċerna l-att Komunitarju intiż sabiex jimplementa l-ftehim internazzjonali inkwistjoni, u mhux dan tal-aħħar fih innifsu.

287    Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ att Komunitarju li, bħar-Regolament ikkontestat, huwa intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-qorti Komunitarja ma għandhiex, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni esklużiva li jipprevedi l-Artikolu 220 KE, tistħarreġ il-legalità ta’ tali riżoluzzjoni adottata minn dan il-korp internazzjonali, safejn dan l-istħarriġ huwa limitat għall-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din ir-riżoluzzjoni mal-jus cogens.

288    Barra minn hekk, sentenza eventwali ta’ qorti Komunitarja li biha jkun deċiż li att Komunitarju intiż sabiex jimplementa tali riżoluzzjoni imur kontra regola superjuri li tirriżulta mis-sistema ġudirika Komunitarja ma timplikax li titqiegħed inkwistjoni s-supremazija ta’ din ir-riżoluzzjoni fuq il-livell tad-dritt internazzjonali.

289    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà annullat deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova ftehim internazzjonali wara li stħarrġet il-legalità tagħha fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni u kkonstatat ksur ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, f’dan il-każ il-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973).

290     Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-prinċipji li jirregolaw il-konnessjoni tar-rabtiet bejn is-sistema legali internazzjonali li tirriżulta minn-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali Komunitarja jimplikawx li stħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità interna tar-Regolament ikkontestat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali huwa fil-prinċipju eskluż, minkejja l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 281 sa 284 ta’ din is-sentenza, tali stħarriġ jikkostitwixxi garanzija kostituzzjonali li tirriżulta mill-bażi stess tal-Komunità.

291    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom ikunu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazjonali (sentenzi ċċitati iktar’il fuq Poulsen u Diva Navigation, punt 9, kif ukoll Racke, punt 45), billi l-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ippreċiżat, fl-istess punt tal-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, li att adottat bis-saħħa ta’ dawn il-kompetenzi għandu jiġi interpretat, u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali.

292    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompetenzi tal-Komunità previsti fl-Artikoli 177 KE sa 181 KE fil-qasam ta’ kooperazzjoni u ta’ żvilupp għandhom ikunu eżerċitati b’rispett għall-impenji meħuda fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-91/05, Ġabra p. I-0000, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

293    L-osservanza tal-impenji meħuda fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti huwa impost bl-istess mod fil-qasam taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, fl-implementazzjoni mill-Komunità, permezz tal-adozzjoni ta’ atti Komunitarji meħuda fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

294    Fl-eżerċizzju ta’ din l-aħħar kompetenza, il-Komunità fil-fatt għandha tagħti importanza partikolari għall-fatt li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta tikkostitwixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà prinċipali li biha dan il-korp internazzjonali huwa inkarigat li jżomm, fuq livell dinji, il-paċi u s-sigurtà, responsabbiltà li, fil-kuntest tal-imsemmi Kapitolu VII, tinkludi s-setgħa li jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi theddida kontra l-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dawn jinżammu jew jerġgħu jiġu stabbiliti.

295    Sussegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-kompetenzi previsti fl-Artikoli 60 KE u 301 KE jistgħu jiġu eżerċitati biss wara l-adozzjoni ta’ pożizzjoni komuni jew ta’ azzjoni komuni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-PBSK li tipprevedi azzjoni tal-Komunità.

296    Issa, jekk, minħabba l-adozzjoni ta’ tali att, il-Komunità hija obbligata tieħu, fil-kuntest tat-Trattat KE, il-miżuri li dan l-att jimponi, dan l-obbligu jimplika, fil-każ tal-implementazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li, fl-elaborazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-Komunità għandha debitament tieħu inkunsiderazzjoni l-kliem u l-għanijiet tar-riżoluzzjoni kkonċernata kif ukoll l-obbligi rilevanti li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tali implementazzjoni.

297    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għall-finijiet tal- interpretazzjoni tar-Regolament ikkontestat, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), li dan ir-regolament, skont ir-raba’ premessa tiegħu, huwa intiż sabiex jimplementa (sentenza Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, iċċitata iktar’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

298    Madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ma timponix l-għażla ta’ mudell speċifiku għall-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta, peress li din l-implementazzjoni għandha ssir skont il-modalitajiet applikabbli f’dan ir-rigward fis-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru tal-ONU. Fil-fatt, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tħalli fil-prinċipju lill-Istati Membri tal-ONU l-għażla libera bejn mudelli differenti ta’ adozzjoni ta’ tali riżoluzzjonijiet fis-sistema legali interna tagħhom.

299    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-prinċipji li jirregolaw is-sistema legali internazzjonali li rriżultat min-Nazzjonijiet Uniti ma jimplikawx li stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità interna tar-Regolament ikkontestat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali jkun eskluż minħabba l-fatt li dan l-att huwa intiż li jimplementa riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà adottata taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

300    Tali immunità ġudizzjarja ta’ att Komunitarju bħar-Regolament ikkontestat, inkwantu korollarja għall-prinċipju ta’ supremazija fuq il-livell tad-dritt internazzjonali tal-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari ta’ dawk dwar l-implementazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta, barra minn hekk ma ssib ebda bażi fit-Trattat KE.

301    Huwa tassew eżatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li l-Artikolu 234 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 307 KE) seta’, jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu kienu sodisfatti, jippermetti derogi anki mid-dritt primarju, per eżempju mill-Artikolu 113 tat-Trattat KE, dwar il-politika kummerċjali komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Centro-Com, iċċitata iktar’il fuq, punti 56 sa 61).

302    Huwa wkoll veru li l-Artikolu 297 KE jippermetti impliċitament ostakoli għall-funzjonament tas-suq komuni li jkunu kkawżati minn miżuri li Stat Membru jadotta sabiex jimplementa impenji internazzjonali li huwa jkun ikkonkluda bil-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

303    Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jintehmu li jawtorizzaw deroga mill-prinċipji ta’ libertà, ta’ demokrazija kif ukoll tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE bħala bażi tal-Unjoni.

304    L-Artikolu 307 KE ma jistax fil-fatt fl-ebda każ jippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni prinċipji li jirriżultaw mill-istess bażi tas-sistema legali Komunitarja, fosthom dak tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jinkludi l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja tal-legalità tal-atti Komunitarji fir-rigward tal-konformità tagħhom ma’ dawn id-drittijiet fundamentali.

305    Immunità ġudizzjarja tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tal-istħarriġ tal-kompatibbiltà tiegħu mad-drittijiet fundamentali li ssib il-bażi tagħha f’allegata supremazija assoluta tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan l-att huwa intiż sabiex jimplementa ma tistax lanqas tkun ibbażata fuq il-pożizzjoni li jokkupaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fil-ġerarkija tar-regoli fi ħdan is-sistema legali Komunitarja jekk dawn l-obbligi kienu kklassifikati f’din il-ġerarkija.

306    Fil-fatt, l-Artikolu 300(7) KE jipprevedi li kull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri.

307    Għaldaqstant, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, jekk din kienet applikabbli għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, din tal-aħħar tibbenefika mis-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008 Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-0000, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

308    Madankollu, din is-supremazija fuq livell tad-dritt Komunitarju ma testendix ruħha għad-dritt primarju u, b’mod partikolari, għall-prinċipji ġenerali li minnhom jifformaw parti d-drittijiet fundamentali.

309    Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-paragrafu 6 tal-istess Artikolu 300, li abbażi tiegħu ftehim internazzjonali ma jistax jidħol fis-seħħ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħat opinjoni negattiva dwar il-kompatibbiltà tiegħu mat-Trattat KE, sakemm dan ma kienx ġie qabel emendat.

310    Madankollu ġie sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari matul is-seduta li, bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, f’diversi deċiżjonijiet riċenti, iddikjarat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-konformità ta’ ċerti atti adotta fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-qrati Komunitarji għandhom jastjenu milli jistħarġu l-legalità tar-Regolament ikkontestat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, peress li dan l-att huwa wkoll intiż sabiex jimplementa tali riżoluzzjonijiet.

311    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stess, teżisti differenza fundamentali bejn in-natura tal-atti kkonċernati mill-imsemmija deċiżjonijiet, li fir-rigward tagħhom din il-qorti ddikjarat li m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex twettaq stħarriġ ta’ konformità fir-rigward tal-KEDB, u dik ta’ atti oħra li fir-rigward tagħhom il-ġurisdizzjoni tagħha tidher inkontestabbli (ara l-Qorti Ewropea D.B., deċiżjoni Behrami u Behrami vs Franza u Saramati vs Franża, Il-Ġermanja u In-Norveġja tat-2 ta’ mejju 2007, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, § 151).

312    Fil-fatt, għalkemm, f’ċerti każijiet li tressqu quddiema, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li m’għandhiex ġurisdizzjoni ratione personae, dawn kienu jikkonċernaw azzjonijiet direttament imputabbli lill-ONU bħala organizzazzjoni b’vokazzjoni universali li twettaq għan imperattiv ta’ sigurtà kolletiva, b’mod partikolari azzjonijiet ta’ korp sussidjarju tal-ONU stabbilit fil-kuntest tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jew azzjonijiet li jinsabu fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħat validament delegati mill-Kunsill tas-Sigurtà b’applikazzjoni ta’ dan l-istess Kapitolu, u mhux azzjonijiet imputabbli lill-Istati konvenuti quddiem l-imsemmija Qorti, peress li dawn l-azzjonijiet barra minn hekk ma seħħewx fit-territorju ta’ dawn l-Istati u ma rriżultawx minn deċiżjoni tal-awtoritajiet tagħhom.

313    Min-naħa l-oħra, fil-punt 151 tad-deċiżjoni Behrami u Behrami vs Franza u Saramati vs Franza, Il-Ġermanja u In-Norveġja, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tagħha Bosphorus Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda, iċċitata iktar’il fuq, dwar miżura ta’ qbid implementata mill-awtoritajiet tal-Istat konvenut fit-territorju nazzjonali tiegħu wara deċiżjoni ta’ ministru ta’ dan l-Istat, hija rrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tagħha, b’mod partikolari ratione personae, fir-rigward tal-Istat konvenut, anki jekk il-miżura inkwistjoni kienet ġiet deċiża fuq il-bażi ta’ regolament Komunitarju adottat huwa stess b’applikazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

314    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolament ikkontestat ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi att direttament imputabbli lill-ONU inkwantu azzjoni li tirriżulta minn wieħed mill-korpi sussidjarji tagħha stabbiliti fil-kuntest tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jew li tinsab fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħat validament delegati mill-Kunsill tas-Sigurtà b’applikazzjoni ta’ dan l-aħħar Kapitolu.

315    Barra minn hekk, u f’kull każ, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-validità tar-Regolament ikkontestat tqum f’kuntest fondamentalment differenti.

316    Fil-fatt, hekk kif diġà ġie mfakkar fil-punti 281 sa 284 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-validità ta’ kull att Komunitarju fid-dawl tad-drittijiet fundamentali għandu jiġi kkunsidrat bħala l-espressjoni, f’Komunità tad-dritt, ta’ garanzija kostituzzjonali li tirriżulta mit-Trattat KE bħala sistema legali awtonoma li ma tistax tiġi ppreġudikata minn ftehim internazzjonali.

317    Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tqum fil-fatt fil-kuntest tas-sistema legali interna u awtonoma tal-Komunità, li taħtu jaqa’ r-Regolament ikkontestat, u li fih il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tal-atti Komunitarji fid-dawl tad-drittijiet fundamentali.

318    Barra minn hekk kien ġie sostnut li, fid-dawl tar-rispett impost fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinunzja milli tistħarreġ il-legalità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, anki jekk tali stħarriġ kien possibbli, peress li, fil-kuntest tas-sistema ta’ sanzjonijiet sabbilita min-Nazzjonijiet Uniti, b’rigward b’mod partikolari għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid hekk kif reċentement ittejbet b’mod kunsiderevoli permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, id-drittijiet fundamentali huma suffiċjentement protetti.

319    Skont il-Kummissjoni, sakemm, fl-imsemmija sistema ta’ sanzjonijiet, l-individwi jew entitajiet ikkonċernati għandhom possibbiltà aċċettabbli li jiġu mismugħa permezz ta’ mekkaniżmu ta’ stħarriġ amministrattiv li huwa integrat fis-sistema legali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tintervjeni bl-ebda mod.

320    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, effettivament, wara l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà ta’ diversi riżoluzzjonijiet, saru emendi għas-sistema tal-miżuri restrittivi stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti għal dak li jikkonċerna kemm l-iskrizzjoni fuq il-lista rikapitulattiva kif ukoll it-tħassir tagħha [ara, b’mod speċjali, ir-Riżoluzzjonijiet 1730 (2006), tad-19 ta’ Diċembru 2006, u 1735 (2006), tat-22 ta’ Diċembru 2006], dawn l-emendi seħħew wara l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, b’tali mod li, bħala regola ġenerali, dawn ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-appelli preżenti.

321    F’kull każ, l-eżistenza, fil-kuntest ta’ din is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet, anki jekk jitqiesu l-emendi reċenti li sarulha, ma tistax tinvolvi immunità ġudizzjarja ġeneralizzata fil-kuntest tas-sistema legali interna tal-Komunità.

322    Fil-fatt, tali immunità, li tikkostitwixxi deroga sinjifikanti mis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet fundamentali prevista mit-Trattat KE, ma tidhirx iġġustifikata, peress li din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ma toffrix manifestament il-garanziji ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

323    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa madankollu possibbli għal kull persuna jew entità tindirizza ruħha direttament lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet billi tissottometti t-talba tagħha għal tħassir tal-lista rikapitulattiva lill-punt imsejjaħ “fokali”, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura quddiem dan il-Kumitat tibqa’ essenzjalment ta’ natura diplomatika u interstatali, peress li l-persuni jew entitajiet ikkonċernati m’għandhomx possibbiltà vera li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u l-imsemmi Kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens, kull wieħed mill-membri tiegħu għadu dritt ta’ veto.

324    F’dan ir-rigward mid-direttivi tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kif emendati l-aħħar fit-12 ta’ Frar 2007, jirriżulta li r-rikorrent li ppreżenta talba għal tħassir ma jista’ bl-ebda mod isostni huwa stess id-drittijiet tiegħu matul il-proċedura quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijiet lanqas ikun irrapreżentat għal dan il-għan, peress li l-Gvern tal-Istat ta’ residenza tiegħu jew tan-nazzjonalità tiegħu biss għandhom il-possibbiltà li jittrasmettu eventwalment osservazzjonijiet fuq din it-talba.

325    Barra minn hekk, l-imsemmija direttivi ma jimponux fuq il-Kumitat tas-Sanzjonijiet l-obbligu li jikkomunika lill-imsemmi rikorrent ir-raġunijiet u l-elementi ta’ prova li jiġġustifikaw l-iskrizzjoni tiegħu fuq il-lista rikapitulattiva lanqas li jagħtih aċċess, anki limitat, għal din id-data. Fl-aħħar, f’każ ta’ ċaħda tat-talba għal tħassir minn dan il-Kumitat, ma jeżisti ebda obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

326    Minn dan li ntqal jirriżulta li l-qrati Komunitarji għandhom, skont il-ġurisdizzjoni li huma għandhom bis-saħħa tat-Trattat KE, jiggarantixxu stħarriġ, bħala regola ġenerali komplet, tal-legalità tal-atti Komunitarji kollha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inkluż tal-atti Komunitarji li, bħar-Regolament ikkontestat, huma intiżi li jimplementaw riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

327    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punti 212 sa 231 tas-sentenza appellata Kadi kif ukoll 263 sa 282 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, li jirriżulta mill-prinċipji li jirregolaw il-konnessjoni tar-rabtiet bejn is-sistema legali internazzjonali li rriżultat min-Nazzjonijiet Uniti u s-sistema legali Komunitarja li r-Regolament ikkontestat, peress li huwa intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li ma tħalli ebda marġini għal dan il-għan, għandu jibbenefika minn immunità ġudizzjarja fir-rigward tal-legalità interna tiegħu ħlief għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tiegħu mar-regoli li jirriżultaw mill-jus cogens.

328    L-aggravji tal-appellanti fuq dan il-punt huma għaldaqstant fondati, b’mod illi hemm lok li jiġu annullati s-sentenzi appellati f’dan ir-rigward.

329    Minn dan jirriżulta li mhemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-ilmenti intiżi kontra l-parti tas-sentenzi appellati dwar l-eżami tar-regolament ikkontestat fir-rigward tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens u, għaldaqstant, lanqas mhuwa neċessarju li jiġi eżaminat l-appell inċidentali tar-Renju Unit fuq dan il-punt.

330    Barra minn hekk, peress li, fil-parti sussegwenti tas-sentenzi appellati dwar id-drittijiet fundamentali speċifiċi invokati mill-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha teżamina l-legalità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ dawn ir-regoli biss, filwqat li kien imissha wettqet eżami, bħala regola ġenerali komplet, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, hemm ukoll lok li tiġi annullata din il-parti sussegwenti tal-imsemmija sentenzi.

 Fuq ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

331    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

332    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikorsi għall-annullament tar-Regolament ikkontestat imressqa fl-ewwel istanza mill-appellanti huma fi stat li jiġu deċiżi u li hemm lok li tiddeċiedi definittivament fuqhom.

333    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġu eżaminati l-ilmenti li Y.A. Kadi u Al Barakaat sostnew dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari dak għal smigħ, u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi hekk kif ġew imposti fuqhom permezz tar-Regolament ikkontestat.

334    F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti li fihom l-ismijiet tal-appellanti ġew inklużi fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat, għandu jiġi deċiż li ma hemm ebda dubju li d-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ kif ukoll id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tagħhom, ma kinux ġew irrispettati.

335    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB u li barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1) (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).

336    Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra (ara, b’mod partikolari s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 462 u 463), għandu jiġi konkluż f’dan il-każ li l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna b’mod partikolari l-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata, f’dan il-każ, l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament ikkontestat u li twassal għall-impożizzjoni fuq dawn id-destinatarji ta’ numru ta’ miżuri restrittivi, timplika li l-awtorità Komunitarja inkwistjoni hija obbligata tikkomunika dawn il-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, jew fil-mument li fih din l-inklużjoni tiġi deċiża, jew, għall-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li din kienet deċiża sabiex dawn id-destinatarji jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini previsti, id-dritt ta’ rikors tagħhom.

337    L-osservanza tal-obbligu li l-imsemmija motivi jiġu kkomunikati huwa fil-fatt neċessarju kemm sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-miżuri restrittivi jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’għarfien komplet tal-fatti jekk huwiex utli li l-każ jitressaq quddiem il-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heylens et, iċċitata iktar’il fuq, punt 15) kif ukoll sabiex iqegħdu lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni li hija għandha tagħmel bis-saħħa tat-Trattat KE.

338    Għal dak li jikkonċerna d-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi bħal dawk li r-Regolament ikkontestat jimponi, ma jistax jintalab mill-awtoritajiet Komunitarji li dawn jikkomunikaw l-imsemmija motivi qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fl-imsemmija lista.

339    Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 308 tas-sentenza appellata Yusuf u Al Barakaat, tali komunikazzjoni minn qabel tkun tali li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li dan ir-regolament jimponi.

340    Sabiex jintlaħaq l-għan segwit minn dan l-imsemmi regolament, tali miżuri għandhom, minn natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat, japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, iċċitata iktar’il fuq, punt 63).

341    Għal raġunijiet relatati wkoll mal-għan tar-Regolament ikkontestat u l-effikaċja tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet Komunitarji ma kinux lanqas obbligati jisimgħu lill-appellanti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

342    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ att Komunitarju intiż sabiex jimplementa riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha jistgħu jopponu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi lill-partijiet ikkonċernati u, għaldaqstant, għas-smigħ tagħhom fuq dawn l-elementi.

343    Madankollu dan ma jfissirx, fir-rigward tar-rispett tal-priċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li miżuri restrittivi bħal dawk imposti mir-Regolament ikkontestat jaħarbu minn kull stħarriġ tal-qorti Komunitarja meta huwa affermat li l-att li jistabbilixxihom jitratta s-sigurtà nazzjonali u t-terroriżmu.

344    Madankollu, fl-istess każ, hija l-qorti Komunitarja li għandha timplementa, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita, tekniki li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, ix-xewqat leġittimi ta’ sigurtà fir-rigward tan-natura u tas-sorsi ta’ tagħrif li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li l-persuna suġġetta għal-liġi tingħata suffiċjentement il-benefiċċju tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, Il-Qorti Ewropea. D. B. sentenza Chahal vs Ir-Renju Unit tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996-V, § 131).

345    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li la r-Regolament ikkontestat u lanqas il-Pożizzjoni Komuni 2002/402 li għaliha dan jirreferi ma jipprevedu proċedura ta’ komunikazzjoni tal-elementi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-ismijiet tal-partijiet ikkonċernati fl-Anness I tal-imsemmi regolament u ta’ smigħ ta’ dawn tal-aħħar, kemm jekk fl-istess ħin ta’ din l-inklużjoni kif ukoll jekk wara.

346    Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li, fl-ebda mument, il-Kunsill ma informa lill-appellanti bl-elementi meqjusa kontrihom li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ isimhom fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat u, għaldaqstant, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi previsti minnu.

347    Fil-fatt mhuxiex ikkontestat li ebda informazzjoni ma ġiet fornuta f’dan ir-rigward lill-appellanti, kemm fir-Regolament Nru 467/2001 kif emendat, rispettivament bir-Regolamenti Nri 2062/2001 u 2199/2001, li semma għall-ewwel darba isimhom f’lista ta’ persuni, entitajiet jew korpi kkonċernati minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, kemm fir-Regolament ikkontestat kif ukoll f’xi stadju ieħor.

348    Peress li l-Kunsill la kkomunika lill-appellanti l-elementi meqjusa kontrihom sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi li ġew imposti fuqhom, u lanqas tagħhom id-dritt li jsiru jafu bl-imsemmija elementi f’terminu raġonevoli wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-appellanti ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu b’mod utli l-opinjoni tagħhom f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, b’mod partikolari dak li jinstemgħu ma ġewx irrispettati.

349    Barra minn hekk, minħabba li ma ġewx informati bl-elementi meqjusa kontrihom u fid-dawl tar-relazzjonijiet, diġà imsemmija fil-punti 336 u 337 ta’ din is-sentenza, eżistenti bejn id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, l-appellanti lanqas ma setgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-imsemmija elementi f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-qorti Komunitarja, b’tali mod li ksur tal-imsemmi dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu wkoll jiġi kkonstatat.

350    Fl-aħħar hekk hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-ksur ma ġiex irrimedjat fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi. Fil-fatt peress li ebda element ta’ din in-natura ma jista’ jkun is-suġġett ta’ verifika mill-qorti Komunitarja, skont il-pożizzjoni prinċipali adottata mill-Kunsill, dan tal-aħħar ma ressaq ebda element għal dan il-għan.

351     Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tikkonstata li hija mhijiex f’pożizzjoni li tipproċedi għall-istħarriġ tal-legalità tar-Regolament ikkontestat inkwantu dan jikkonċerna lill-appellanti, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li, għal dan il-motiv ukoll, id-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv li minnu dawn jibbenefikaw, f’dan il-każ, ma ġiex irrispettat.

352    Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li r-Regolament ikkontestat, safejn dan jikkonċerna lill-appellanti, kien ġie adottat mingħajr ma jipprovdi ebda garanzija fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-elementi meqjusa kontrihom jew fir-rigward tas-smigħ tagħhom f’dan ir-rigward, b’mod li għandu jiġi konkluż li dan ir-regolament ġie adottat skont proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża ma ġewx irrispettati, li wkoll kellu bħala konsegwenza li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie miksur.

353    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motivi invokati minn Y.A. Kadi u Al Barakaat insostenn tar-rikorsi tagħhom għal annullament tar-Regolament ikkontestat u bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma fondati.

354    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, il-motiv imqajjem minn Y.A. Kadi dwar il-ksur tad-dritt għar-rispett tal-proprjetà li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi imposti fuqu permezz tar-Regolament ikkontestat.

355    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal proprjetà jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Madankollu, dan il-prinċipju mhuwiex wieħed assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għal proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali li l-Komunità tfittex li tilħaq u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan mixtieq, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, iċċitata iktar’il fuq, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, fil-kuntest ta’ sistema ta’ miżuri restrittivi, is-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar’il fuq, punt 21).

356    Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjoni Nru 1 għall-KEDB, li jistabbilixxi dan id-dritt.

357    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-miżura ta’ ffriżar prevista mir-Regolament ikkontestat tikkostitwixxix intervent eċċessiv u intolerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà ta’ persuni li, bħal Y.A. Kadi, huma msemmija fil-lista li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament.

358    Din il-miżura ta’ ffriżar tikkostitwixxi miżura konservatorja li mhux suppost tiċħad lill-imsemmija persuni mill-proprjetà tagħhom. Madankollu, din tinvolvi inkontestabbilment restrizzjoni għall-użu tad-dritt għal proprjetà ta’ Y.A. Kadi, restrizzjoni li, barra minn hekk, għandha tkun ikkwalifikata bħala sinjifikanti fid-dawl tal-applikazzjoni ġenerali tal-miżura ta’ ffriżar u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li din kienet applikata fir-rigward tiegħu mill-20 ta’ Ottubru 2001.

359    Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk din ir-restrizzjoni għall-użu tad-dritt għal proprjetà ta’ Y.A. Kadi tistax tkun iġġustifikata.

360    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandha teżisti rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex. Għaldaqstant hemm lok li jiġi mfittex jekk l-ekwilibrju nżammx bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali u l-interess tal-individwu jew tal-individwi kkonċernati. Huwa u jsir hekk, marġini diskrezzjonali wiesgħa għandha tingħata lil-leġiżlatur kemm sabiex jagħżel il-modalitajiet ta’ implementazzjoni kif ukoll sabiex jiddeċiedi jekk il-konsegwenzi tagħhom jirriżultawx leġittimi, fl-interess ġenerali, mix-xewqa li jintlaħaq l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni [ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, Il-Qorti Ewropea D.B., sentenza J. A. PYE (Oxford) Ltd. u J. A. PYE (Oxford) Land Ltd. vs Ir-Renju Unit tat-30 ta’ Awwissu 2007, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet §§ 55 u 75].

361    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest ta’ sistema Komunitarja oħra ta’ miżuri restrittivi ta’ natura ekonomika li wkoll timplementa riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-importanza tal-għanijiet ta’ att Komunitarju bħar-Regolament ikkontestat hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, inklużi dawk li m’għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda li jinsabu b’mod partikolari affettwati fir-rigward tad-drittijiet tal-propjetà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar’il fuq, punti 22 u 23).

362    F’dan il-każ, il-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament ikkontestat jikkontribwixxu għall-implementazzjoni, fuq il-livell tal-Komunità, tal-miżuri restrittivi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà fir-rigward ta’ Usama bin Laden, tan-netwerk Al-Qaida, tat-Taliban kif ukoll ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom.

363    Fir-rigward ta’ għan ta’ interess ġenerali wkoll fundamentali għall-Komunità internazzjonali bħall-glieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li hemm wara l-atti ta’ terroriżmu, l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li huma assoċjati ma’ Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u mat-Taliban ma jistax, fih innisfu, jitqies li huwa inadegwat jew sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar’il fuq, punt 26, kif ukoll il-Qorti Ewropea D.B., sentenza Bosphorus Hava Yolları Turizm vs Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda, iċċitata iktar’il fuq, § 167).

364    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkunsidrat il-fatt li r-Regolament ikkontestat, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament Nru 561/2003, adottat wara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452(2002) jipprevedi, fost derogi u eżenzjonijiet oħra li, fuq it-talba tal-partijiet kkonċernati, u bl-eċċezzjoni ta’ oppożizzjoni magħmula mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddikjaraw l-iffriżar tal-fondi inapplikabbli għall-fondi neċessarji għall-ispejjeż bażiċi, b’mod partikolari dawk għall-għajxien, għall-kiri, għall-mediċini, għat-taxxa jew għas-servizzi ġenerali. Barra minn dan, il-fondi neċessarji għal kull “spiża straordinarja” oħra jistgħu minn issa’il quddiem jiġu liberati sakemm ikun hemm awtorizzazzjoni espressa mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

365    Barra minn hekk hemm lok li jiġi rrilevat li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li r-Regolament ikkontestat huwa intiż sabiex jimplementa jipprevedu mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tas-sistema ġenerali ta’ miżuri li huma jistabbilixxu kif ukoll proċedura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jressqu f’kull mument il-każ tagħhom lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għal eżami mill-ġdid permezz ta’ talba li issa tista’ tkun indirizzata direttament lill-imsemmi Kumitat permezz tal-punt imsejjaħ “fokali”

366    Minn dan għandu jiġi konkluż li l-miżuri restrittivi li r-Regolament ikkontestat jimponi jikkostitwixxu restrizzjonijiet għad-dritt għal proprjetà li, bħala regola ġenerali, jistgħu jkunu ġġustifikati.

367    Barra minn hekk hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fir-rigward ta’ Y.A. Kadi, id-dritt għal proprjetà tiegħu ġiex irrispettat fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

368    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-proċeduri applikabbli għandhom wkoll joffru lill-persuna kkonċernata okkażjoni adatta biex tressaq il-każ tagħha lill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jiġi ggarantit ir-rispett ta’ din il-kundizzjoni, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati minn perspettiva ġenerali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, Il-Qorti Ewropea D.B. sentenza Jokela vs Il-Finlandja tal-21 ta’ Mejju 2002, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002-IV, § 45 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll § 55).

369    Issa, ir-Regolament ikkontestat, inkwantu jikkonċerna lil Y.A. Kadi, ġie adottat mingħajr ma pprovda lil dan tal-aħħar ebda garanzija li tippermettilu jressaq il-każ tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti, u dan f’sitwazzjoni li fiha r-restrizzjoni tad-drittijiet għal proprjetà tiegħu għandha tiġi kkwalifikata bħala kunsiderevoli, fid-dawl tal-applikazzjoni ġenerali u tat-tul effettiv tal-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom.

370    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi li r-Regolament ikkontestat jinkludi, fir-rigward ta’ Y.A. Kadi, minħabba l-inklużjoni ta’ dan ta’ aħħar fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament ikkontestat tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata tad-dritt għal proprjetà tiegħu.

371    Għaldaqstant, l-aggravju bbażat minn Y.A. Kadi fuq il-ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà huwa fondat.

372    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-Regolament ikkontestat, inkwantu dan jikkonċerna lill-appellanti, għandu jiġi annullat.

373    Madankollu, l-annullament, f’din il-miżura, tar-Regolament ikkontestat b’effett immedjat jista’ jippreġudika b’mod serju u irreversibbli l-effikaċja tal-miżuri restrittivi li dan ir-regolament jimponi u li l-Komunità għandha timplementa, peress li, fl-intervall li jippreċedi s-sostituzzjoni eventwali tiegħu b’regolament ġdid, Y. A. Kadi u Al Barakaat jistgħu jieħdu miżuri intiżi sabiex jiġi evitat li miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jistgħu jerġgħu jiġu applikati fir-rigward tagħhom.

374    Barra minn hekk, safejn jirriżulta minn din is-sentenza li r-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat, inkwantu dan jikkonċerna lill-appellanti, minħabba ksur ta’ prinċipji applikabbli fil-kuntest tal-proċedura segwita fl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi stabbiliti minn dan ir-regolament, ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni ta’ tali miżuri fuq l-appellanti tista’ xorta waħda tirriżulta ġġustifikata.

375    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, bis-saħħa tal-Artikolu 231 KE, hemm lok li jinżammu l-effetti tar-Regolament ikkontestat inkwantu dan jinkludi l-ismijiet tal-appellanti fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness I tiegħu għal perijodu qasir li għandu jkun stabbilit b’mod li jippermetti lill-Kunsill jirrimedja għall-ksur ikkonstatat, iżda li jieħu wkoll debitament inkunsiderazzjoni l-effett sinjifikanti li l-miżuri restrittivi għandhom fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-appellanti.

376    F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun saret applikazzjoni korretta tal-Artikolu 231 KE jekk l-effetti tar-Regolament ikkontestat jinżammu, inkwantu dan jikkonċerna lill-appellanti, għal perijodu li ma jistax jeċċedi tliet xhur mid-data li fiha tingħata din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

377    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

378    Peress li l-appelli ta’ Y.A. Kadi u ta’ Al Barakaat huma milqugħa u r-Regolamet ikkontestat huwa annullat inkwantu dan jikkonċerna lil dawn tal-aħħar, hemm lok li l-Kunsill u l-Kummissjoni jiġu kkundannati jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, kull wieħed nofs l-ispejjeż sostnuti minn Y.A. Kadi u Al Barakaat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-okkażjoni ta’ dawn l-appelli, skont it-talbiet tal-appellanti f’dan is-sens.

379    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati kemm mal-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll mal-appelli.

380    Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża kif ukoll ir-Renju tal-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-appelli.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ Settembru 2005, Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-315/01) kif ukoll Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T−306/01), huma annullati.

2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Y.A. Kadi u lil Al Barakaat International Foundation.  

3)      L-effetti tar-Regolament Nru 881/2002, sa fejn jikkonċernaw lil Y.A. Kadi u lil Al Barakaat International Foundation, għandhom jinżammu għal perijodu li ma jistax jaqbeż tliet xhur mid-data ta’ din is-sentenza.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej huma kkundannati jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, kull wieħed nofs l-ispejjeż sostnuti minn Y.A. Kadi u Al Barakaat International Foundation kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-okkażjoni ta’ dawn l-appelli.

5)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-okkażjoni ta’ dawn l-appelli.

6)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża kif ukoll ir-Renju tal-Olanda għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Iżvediż.