Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fil-25 ta’ Lulju 2023 – Obshtina Veliko Tarnovo vs Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020

(Kawża C-471/23, Obshtina Veliko Tarnovo)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Obshtina Veliko Tarnovo

Konvenut: Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020

Domandi preliminari

L-amministratur ta’ għajnuna mill-Istat, fil-forma ta’ riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“FSIE”), li ma jkunx il-persuna li tirċievi l-għajnuna, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” tal-għajnuna fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu [2] tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 1 ?

L-amministratur ta’ għajnuna mill-Istat, fil-forma ta’ riżorsi tal-FSIE, li ma jkunx il-persuna li tuża l-għajnuna abbażi ta’ kuntratt pubbliku, jista’ jkun id-destinatarju korrett ta’ att li permezz tiegħu titwettaq korrezzjoni finanzjarja minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku?

Fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ riżorsi tal-FSIE, huwa meħtieġ, fir-rigward ta’ persuna li tkun id-destinatarja ta’ miżura amministrattiva fil-forma ta “korrezzjoni finanzjarja” minħabba irregolarità fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, li din il-persuna tissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: li tkun il-persuna li tirċievi l-għajnuna fil-forma ta’ riżorsi milquta mill-irregolarità u li tkun il-persuna li użat ir-riżorsi kkonċernati?

Ir-responsabbiltà għal ksur ta’ liġi fil-kuntest tal-użu ta’ għajnuna mill-Istat, fil-forma ta’ riżorsi tal-FSIE, tista’ tiġi rregolata jew imqassma kuntrattwalment bejn il-persuna li tirċievi l-għajnuna u l-amministratur tal-għajnuna, jew għandha tinġarr mill-persuna li tirċievi l-għajnuna u li tkun użatha b’mod illegali?

Hemm responsabbiltà in solidum bejn il-persuna li tirċievi l-għajnuna u l-amministratur tal-għajnuna, u tali responsabbiltà in solidum għandha tiġi prevista fil-kuntratt dwar l-għoti tal-għajnuna?

L-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu prassi tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha “operatur ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”, f’dan il-każ “Organizatsia na dvizhenieto, parkingi i garazhi” EOOD, li fir-rigward tiegħu jkun allegat li kiser iż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzata minnu inkonnessjoni mal-użu ta’ fondi tal-FSIE, li huma għajnuna mil-Istat, ma jingħatax id-dritt li jipparteċipa fil-proċedura għad-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja applikabbli għall-kuntratt konkluż minnu u lanqas ma jingħata d-dritt li jipparteċipa fil-proċedura ġudizzjarja mressqa kontra dan l-att amministrattiv, u dan sa fejn dan l-operatur, bħala sieħeb tal-muniċipalità, iġorr responsabbiltà regressiva taħt id-dritt ċivili abbażi tal-kuntratt ta’ sħubija?

____________

1     ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155.