Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Ġunju 2012 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-290/12)

Lingwa tal-kawża: il-Polakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna u M. Szpunar, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punti 2 sa 4, 6, 12 u 13 tal-Artikolu 1, l-Annessi I u II kif ukoll l-Artikolu 2(1) sa (3) ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2012, tal-4 ta' April 2012, li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 99, p. 21);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali u tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati;

Ir-raba' motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' solidarjetà u tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali.

____________