Language of document : ECLI:EU:F:2009:39



SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL‑UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ April 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Investigazzjoni interna tal-OLAF – Deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni mill-OLAF lill‑awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawżi magħquda F‑5/05 u F‑7/05,

li għandhom bħal suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA,

Antonello Violetti, residenti f’Cittiglio (l-Italja), u t-tnax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness ta’ din is-sentenza, irrappreżentati minn É. Boigelot, avukat,

rikorrenti fil-Kawża F‑5/05,

Nadine Schmit, ex uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Ispra (l-Italja), irrappreżentata minn É. Boigelot, P.-P. Van Gehuchten u P. Reyniers, avukati,

rikorrenti fil-Kawża F‑7/05,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u C. Ladenburger, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u A. Vitro, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kreppel (Relatur), President, H. Tagaras u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej rispettivament fil-11 ta’ Jannar u fis-17 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti jitolbu essenzjalment, l-ewwel nett, l‑annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) iddeċieda li jibda investigazzjoni interna, tal-atti ta’ investigazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni interna, tad-deċiżjoni tal-OLAF li jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani informazzjoni li tikkonċernahom, tar-rapport magħmul fi tmiem l‑investigazzjoni, u t-tieni nett, li l-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tħallashom id-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-OLAF, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, tat-28 ta’ April 1999 (ĠU L 136, p. 20), huwa responsabbli, b’mod partikolari, li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi interni maħsuba sabiex jinvestiga fatti serji, relatati mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Komunitajiet, li jistgħu jwasslu għal proċeduri dixxiplinarji u, jekk ikun il-każ, proċeduri kriminali.

3        Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), jirregola l-ispezzjonijiet, il‑kontrolli u l-miżura l-oħra meħuda mill-persunal tal-OLAF fil-qadi ta’ dmirijietu. L‑investigazzjonijiet magħmula mill-OLAF jikkonsistu f’investigazzjonijiet “esterni”, immexxija barra mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Komunità u f’investigazzjonijiet “interni”, immexxija fi ħdan dawn l‑istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

4        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1073/1999, għandhom jinfetħu investigazzjonijiet interni fuq deċiżjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju, li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija li fi ħdanha jkollha ssir l-investigazzjoni.

5        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li, malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-OLAF, dan tal-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-direttur tiegħu, li jispeċifika, b’mod partikolari, is-sejbiet tal-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-direttur dwar l-azzjoni li għandha tittieħed. Skont l-Artikolu 9(4), ir-rapport imħejji wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat miegħu għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kkonċernata li għandhom, jekk ikun il-każ, jieħdu l-azzjoni dixxiplinari jew legali meħtieġa skont ir-riżultati tal‑investigazzjoni.

6        L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Informazzjoni mibgħuta mill-[OLAF]”, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta’ dan ir-Regolament, id‑Direttur tal-[OLAF] għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru involut l-informazzjoni miksuba mill-[OLAF] waqt investigazzjonijiet interni fi kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ l-investigazzjoni, huwa għandu fl-istess ħin jinforma lill-Istat Membru involut.”

7        Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista’ jippreżenta lill-[OLAF] ilment kontra att, magħmul mill-Uffiċċju bħala parti minn investigazzjoni interna li jikkawżalu preġudizzju, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑Persunal”).

8        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), daħħal fir-Regolamenti tal-Persunal l‑Artikolu 90a, ifformulat kif ġej:

“Kull persuna li għaliha japplikaw dawn r-Regolamenti tal-Persunal, tista’ tibgħat lid-Direttur ta’ l-OLAF talba fis-sens ta’ l-Artikolu 90(1), fejn jitolbu [titlob] lid-Direttur biex jieħu deċiżjoni dwaru [dwarha] b’konnessjoni ma’ l‑investigazzjoni mill-OLAF. It-tali persuna tista’ wkoll tibgħat lid‑Direttur ta’ l-OLAF, ilment fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2) kontra att li se jaffettwaha ħażin f’konnessjoni ma’ investigazzjonijiet mill-OLAF.”

9        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom tal‑Komunità, tat-2 ta’ Ġunju 1999, dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunita (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118), intitolat “Not[i]fika lill-parti interessata”, jipprovdi:

“Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjonijiet. Għal kull fini, konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu.

F’każijiet li jinħtieġu li tinżamm is-segretezza assoluta għal fini ta’ l‑investigazzjonijiet u li jkollhom il-ħtieġa ta’ proċeduri inve[s]tigativi li jaqgħu fil-[ġ]urisdizzjoni ta’ l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-obbligazzjoni li tistieden lill-membru, l-uffiċjal u l‑impjegat tal-Kummissjoni biex jagħtu l-fehmiet tagħhom tista’ titħalla biex dawn jiġu deċiżi flimkien ma’ l-President tal-Kummissjoni jew mas‑Segretarju Ġenerali tagħha rispettivament.”

 Il-fatti

10      Matul is-sena 2002, id-diviżjoni responsabbli għall-verifika interna fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ċentru Komuni ta’ Riċerka” (iktar ’il quddiem iċ-“ĊKR”) fassal rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-persunal ta’ dan id‑direttorat ġenerali assenjat f’Ispra (l-Italja) (iktar ’il quddiem ir‑“rapport ta’ verifika interna taċ-ĊKR”). F’dan ir-rapport ġew deskritti b’mod partikolari l‑fatti li ġejjin:

“–      230 membru tal-persunal taċ-ĊKR f’Ispra (20 % min-numru totali tal-persunal f’Ispra) ibatu minn invalidità permanenti parzjali.

–      EUR 5.7 miljun f’benefiċċji għal invalidità permanenti parzjali tħallsu lill-membri tal-persunal taċ-ĊKR bejn l-1996 u l‑2002.

–      Kull benefiċjarju rċieva medja ta’ EUR 25 000.

–        –            46 membru tal-persunal irċevew kollettivament kważi EUR 3 miljun, u kull wieħed ħa iktar minn EUR 35 000.

–        –            23 membru tal-persunal irċevew kollettivament ftit iktar minn EUR 2 miljun, u kull wieħed minnhom ħa iktar minn EUR 50 000.

–        –            8 membri tal-persunal irċevew kollettivament iktar minn EUR 1 miljun, u kull wieħed minnhom ħa iktar minn EUR 80 000.

–        –            persuna waħda, possibbilment tnejn, irċevew kważi EUR 300 000.

–      76 membru tal-persunal, li diġà kienu jbatu minn invalidità permanenti parzjali, sofrew it-tieni inċident, li wassal għal invalidità permanenti parzjali addizzjonali.

–        30 % tal-benefiċjarji rċevew iktar minn ħlas wieħed għal invalidità permanenti parzjali.

–        10 % tal-benefiċjarji rċevew 3 ħlasijiet jew iktar (sa 11) għal invalidità permanenti parzjali.”

11      Filwaqt li enfasizza li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sede ta’ Ispra ma setgħux jiġġustifikaw tali numru ta’ inċidenti u li kien hemm suspetti dwar il-veraċità tar-rapporti ta’ inċident, ir-rapport ta’ verifika intern taċ‑ĊKR ikkonkluda li kien meħtieġ li l-OLAF jiġi informat fuq dawn il-fatti u ssuġġerixxa li jsir paragun bejn il-frekwenza tar-rapporti ta’ inċident magħmula mill-persunal taċ-ĊKR assenjat f’Ispra u l‑frekwenza tar-rapporti magħmula mill-kumplament tal-persunal tal‑Kummissjoni.

12      Fl-14 ta’ Ottubru 2002, abbażi tar-rapport ta’ verifika intern tal-ĊKR, id-direttur tal-OLAF beda, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 1073/1999, investigazzjoni interna minħabba “suspetti ta’ frodi bi preġudizzju għall-baġit tal-Komunità fil-ġestjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tal-mard fiċ-[ĊKR] ta’ Ispra (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni interna”).

13      Fit-13 ta’ Jannar 2003, l-ex direttur tal-Istitut għall-Ambjent u s‑Sostenibbiltà (iktar ’il qudidem l-“IAS”), li huwa parti miċ-ĊKR instema’ mill-membri tal-persunal tal-OLAF responsabbli għall-investigazzjoni interna. Matul is-smigħ tiegħu, huwa indika li, peress li huwa stess ibbenefika minn kumpens għal diversi inċidenti li sofra fil‑ħajja privata tiegħu bejn l-1997 u l-2001, huwa kien “sorpriż [biċ-]ċerta faċilità li biha l-Kummissjoni [kienet] tagħti kumpens fil-każ ta’ inċident”, u jispjega anki li, fil-kuntest ta’ wieħed mill-inċidenti fejn huwa kien vittima, kienet saritlu offerta ta’ kumpens meta fil-fatt huwa ma kienx bagħat ir-rapport tal-espert mediku u li l-“uġigħ residwu li [huwa kien qed isofri wara dan l‑inċident] kien żgħir sabiex [jiġġustifika] kumpens.” L-ex direttur tal-IAS għamel ukoll l-osservazzjoni li ġejja:

“Dehrli li l-mekkaniżmu [tal-konstatazzjoni tal-eżistenza u tal-livell tal-perċentwali ta’ invalidità permanenti parzjali wara inċident] huwa superfiċjali ħafna meta mqabbel ma’ inċident [li jseħħ] fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Fl‑aħħar nett, hemm espert mediku li ilu hemm diversi snin, [...] li jipproponi l-perċentwali ta’ invalidità. Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tal‑espert mediku ma kinitx ikkontestata b’mod dettaljat mill-konsulent mediku. Ikun faċli li tingħeleb din il-problema billi l-konsulent mediku jiġi ssostitwit b’tabib li ma huwiex ta’ oriġini lokali. Ir-riskju huwa għoli għaliex iż-żewġ tobba jidher li huma tal-istess età (madwar is-sittin sena), jgħixu fl-istess reġjun u x’aktarx jafu lil xulxin.”

14      Fuq talba tal-membri tal-persunal tal-OLAF maħtura sabiex iwettqu l‑investigazzjoni, id-Direttorat Ċ tal-OLAF għamel analiżi tad-data tal‑kompjuter tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” dwar in-numru u l-ammont tar-rimborsi magħmula skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti, u qabbel din l-informazzjoni ma’ dik fid-database tas‑sistema tal‑kontabbiltà tal-Kummissjoni fis-seħħ qabel l-1998. Abbażi ta’ din l-analiżi, l-OLAF osserva li kull wieħed minn 42 uffiċjal taċ-ĊKR f’Ispra ddikjara mill-inqas disa’ inċidenti bejn Jannar 1986 u Lulju 2003 u li dawn il-każijiet, li mal-ewwel daqqa t’għajn setgħu jidhru supettużi, kellhom ikunu suġġetti għal eżami dettaljat.

15      Permezz ta’ nota tal-5 ta’ Awwissu 2003 (iktar ’il quddiem in-“nota tal-5 ta’ Awwissu 2003”), id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, skont l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, bagħat lill‑prosekutur ta’ Varese (l-Italja) informazzjoni miksuba matul l‑investigazzjoni interna dwar fatti li jistgħu, skont l-OLAF, ikunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani”). Ma’ din in-nota ġiet annessa “nota ta’ informazzjoni”, bid-data tat-23 ta’ Lulju 2003, imfassla mir‑rappreżentanti responsabbli għall-investigazzjoni interna (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003”), li fiha kienu ssejħu l-42 uffiċjal taċ-ĊKR ta’ Ispra msemmija fil‑punt preċedenti. Man-nota tal-5 ta’ Awwissu 2003 ġie anness ukoll il-verbal tas-smigħ tal-ex direttur tal-IAS.

16      Wara li rċieva l-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF fin-nota tal-5 ta’ Awwissu 2003, il-prosekutur ta’ Varese beda investigazzjoni dwar l‑eżistenza ta’ reati kriminali eventwali.

17      Fis-7 ta’ April 2004, l-OLAF bagħat lir-rikorrenti, li kienu fost it-42 uffiċjal imsemmija fin-nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003, l‑ittra li ġejja:

“Fl-14 ta’ Ottubru 2002, l-OLAF beda investigazzjoni interna dwar l‑applikazzjoni f’Ispra tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-investigazzjoni ffokat fuq l‑uffiċjali li ddikjaraw iktar minn [disa’] inċidenti matul il‑perijodu Jannar 2003 sa Lulju 2003. Ġie kkonstatat li intom kontu tinsabu fost dawn il-persuni. Fil-5 ta’ Awwissu 2003, l-OLAF bagħat rapport lill‑prosekutur ta’ Varese (l-Italja) sabiex jinforma lil din l-awtorità bil-possibbiltà tal‑eżistenza ta’ ksur, li jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri jekk l-eżistenza tiegħu tiġi kkonfermata. […]”

18      Bejn il-11 u t-30 ta’ Ġunju 2004, kull wieħed mill-rikorrenti fil‑Kawża 5/05 ressaq, abbażi tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti, quddiem id‑direttur tal-OLAF ilment kontra d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani. Ukoll bejn il-11 u t‑30 ta’ Ġunju 2004, kull wieħed minnhom ressaq, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) ilment kontra d-deċiżjoni msemmija hawn fuq, fejn ingħad li din la kienet motivata fil-forma, u lanqas fondata fil-mertu u li hija setgħet tippreġudika l-unur tiegħu, u wkoll ressaq talba sabiex il-Kummissjoni tipprovdilu assistenza skont l‑Artikolu 24 tar‑Regolamenti tal-Persunal.

19      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2004, li waslet għand il-Kummissjoni fis-16 ta’ Lulju ta’ wara, ir-rikorrenti fil-Kawża F-7/05 wkoll ressqet ilment kontra d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani u talbet mingħand il‑Kummissjoni l-ħlas ta’ somma ta’ EUR 500 000, bħala kumpens għad‑danni li sofriet.

20      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-16 ta’ Lulju 2004, wieħed mir‑rikorrenti fil-Kawża F-5/05, A. Violetti, talab liċ-ĊKR l-aċċess għall-fajl mediku tiegħu u b’mod partikolari għad-dokumenti rigward l‑applikazzjoni, f’dak li jikkonċernah, tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din it-talba ġiet miċħuda mis-servizz mediku, peress li dawn id-dokumenti kienu ġew issiġillati mill-OLAF u ma kinux aċċessibbli. Talbiet intiżi għall-istess għanijiet u mressqa mir‑rikorrenti l-oħra tal-Kawżi F-5/05 u F-7/05 wkoll ġew miċħuda.

21      Fl-20 ta’ Awwissu 2004, il-prosekutur ta’ Varese talab lill-Kummissjoni tneħħi l-obbligu ta’ riżervatezza kif ukoll it-tneħħija tal-immunità għal uħud mill-uffiċjali msemmija fin-nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba fit-28 ta’ Settembru 2004.

22      Peress li l-OLAF ma rrispondiex fit-terminu ta’ erba’ xhur stabbilit mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-ilmenti li kienu ġew indirizzati lilu mir-rikorrenti, dawn kienu s-suġġett ta’ ċaħda impliċita.

23      Permezz tad-deċiżjonijiet adottati fil-15, fil-21 u fit-28 ta’ Ottubru 2004, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilmenti mressqin quddiemha mir-rikorrenti fil-Kawża F-5/05, peress li “[ma kinitx] il-Kummissjoni li [kellha] tikkummenta dwar l-attivitajiet imwettqa mill-OLAF fl-eżerċizzju tal‑funzjonijiet tiegħu”. Bl-istess mod, it-talbiet intiżi sabiex il‑Kummissjoni tagħtihom l-assistenza prevista fl-Artikolu 24 tar‑Regolamenti tal-Persunal ġew miċħuda, peress li l-Awtorità tal‑Ħatra qieset li l-persuni interessati ma rċevew l-ebda theddid, insult, offiża, difamazzjoni, jew attakk minħabba l‑kwalitajiet tagħhom u l‑funzjonijiet tagħhom u peress li l-investigazzjoni mibdija mill-OLAF kienet tmexxiet skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

24      Fil-25 ta’ Novembru 2004, l-OLAF, fi tmiem l-investigazzjoni interna, fassal, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1073/1999, rapport li jinkludi l-fatti kkonstatati, id-dannu finanzjarju sofrut mill-Komunitajiet u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad‑direttur tal-OLAF dwar l-azzjoni li għandha tittieħed wara din l‑investigazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali ta’ investigazzjoni”). L-imsemmi rapport intbagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, lid-Diretturi Ġenerali tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” u taċ-ĊKR, u lid-Direttur tal-“Uffiċċju tal‑amministrazzjoni u l-ħlas tad-drittijiet individwali”.

25      Fir-rapport finali ta’ investigazzjoni, ġie indikat li l-persunal taċ‑ĊKR kien iddikjara tlieta sa erba’ darbiet iktar inċidenti mill‑bqija tal‑persunal tal-Kummissjoni assenjat f’sedi oħra u li l‑probabbiltà li dawn id-dikjarazzjonijiet iwasslu għall-konstatazzjoni ta’ invalidità permanenti parzjali kienet bejn darbtejn u tliet darbiet ogħla fiċ‑ĊKR ta’ Ispra milli fil-bqija tal-Kummissjoni. Ġie enfasizzat ukoll li wħud mit‑42 uffiċjal imsemmija fin-nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 setgħu jiksbu l-ħlas ta’ somom kunsiderevoli wara li ddikjaraw diversi inċidenti ta’ gravità li hija, madankollu, minuri. Ir-rapport finali ta’ investigazzjoni kien juri, madankollu, li l-investigazzjonijiet li saru fil-kuntest tal‑investigazzjoni interna, għalkemm urew nuqqasijiet fir‑rigward tal-intervent tat‑tabib maħtur mill-Kummissjoni sabiex jagħti opinjoni dwar il-perċentwali ta’ invalidità permanenti, ma ppermettewx il-konstatazzjoni, minħabba n-natura purament amministrattiva ta’ din l‑investigazzjoni, tal-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet ta’ inċidenti frawdolenti, u li f’dawn iċ-ċirkustanzi, kienu l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani li kellhom jirrispondu għall-mistoqsija dwar jekk it-42 uffiċjal involuti kinux fil-fatt wettqu ksur kriminali. Barra minn hekk, ir-rapport finali ta’ investigazzjoni ma kienx jipproponi li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra l-imsemmija uffiċjali.

26      Fil-21 ta’ Frar 2005, l-OLAF ċaħad b’mod espliċitu t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fil-Kawża F-5/05.

27      Il-prosekutur ta’ Varese ordna rapport mediko-legali dwar l-inċidenti kollha li ġew iddikjarati mit-42 uffiċjal imsemmija fin-nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 (iktar ’il quddiem ir-“rapport mediko-legali”). Fuq talba tal-prosekutur, l-OLAF bagħat, fil-15 ta’ April 2005, il-kopji tad-dokumenti meħtieġa sabiex isir dan ir-rapport.

28      Fil-15 ta’ Ġunju 2005, ir-rapport mediko-legali kkonkluda li l-elementi ta’ natura medika ma kinux biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet ta’ inċidenti frawdolenti. Għalhekk, fuq talba f’dan is-sens mill-prosekutur ta’ Varese, l-imħallef għall-investigazzjonijiet preliminari tal-Qorti ta’ Varese, fit-12 ta’ Lulju 2005, iddeċieda li jwaqqaf il-proċedura.

29      Permezz ta’ noti tad-9 ta’ Ottubru 2006, l-OLAF informa lir-rikorrenti bit-twaqqif tal-proċedura.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Ir-rikors F‑5/05 ġie inizjalment irreġistrat fil-11 ta’ Jannar 2005 fir‑reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza taħt ir-referenza T‑22/05.

31      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tordna l-produzzjoni tal-fajls kollha li jikkonċernaw ir-rikorrenti u li huma ssiġillati mill-OLAF;

–        tordna l-produzzjoni tar-rapport finali ta’ investigazzjoni;

–        tannulla l-investigazzjoni mmexxija kontra r-rikorrenti;

–        tannulla n-nota tal-OLAF li tinkludi “notifika tal-investigazzjoni u informazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani”;

–        tannulla r-rapport ta’ investigazzjoni mibgħut lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani;

–        tannulla l-atti kollha sussegwenti u/jew relatati ma’ dawn id‑deċiżjonijiet li ġew adottati wara dan ir-rikors”;

–        tikkundanna lill-OLAF u lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni, stmati ex aequo et bono għal EUR 30 000 għal kull rikorrent, b’riżerva ta’ żieda u/jew tnaqqis matul il‑proċedura;

–        tikkundanna, f’kull każ, lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l‑ispejjeż u d-drittijiet tal-avukat ikkonsultat mir-rikorrenti sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors.

32      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ April 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors T-22/05, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għall-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 Novembru 2004, li tistabbilixxi t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 84), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiddeċiedi b’mod xieraq fuq l-ispejjeż.

34      Ir-rikors F‑7/05 ġie inizjalment irreġistrat fis-17 ta’ Frar 2005 fir‑reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza taħt ir-referenza T‑84/05.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tordna l-produzzjoni tal-fajls kollha li jikkonċernaw ir-rikorrenti u li huma ssiġillati mill-OLAF;

–        tordna l-produzzjoni tar-rapport finali ta’ investigazzjoni;

–        tannulla l-investigazzjoni mmexxija kontra r-rikorrenti;

–        tannulla n-nota tal-OLAF li tinkludi “notifika tal-investigazzjoni u informazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani”;

–        tannulla r-rapport ta’ investigazzjoni mibgħut lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani;

–        tannulla l-atti kollha sussegwenti u/jew relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet li ġew adottati wara dan ir-rikors;

–        tikkundanna lill-OLAF u lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni, stmati ex aequo et bono għal EUR 30 000, b’riżerva ta’ żieda u/jew tnaqqis matul il‑proċedura;

–        tikkundanna, f’kull każ, lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż u d-drittijiet tal-avukat ikkonsultat mir-rikorrenti sabiex jiġi ppreżentat dan ir-rikors.

36      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ April 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors T‑84/05, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiddeċiedi b’mod xieraq fuq l-ispejjeż.

37      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 2005, il-Kawżi T‑22/05 u T‑84/05 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-imsemmija Qorti tal-Prim’Istanza.

38      Permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Mejju 2005 u li waslu għand ir-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-istess ġurnata permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinali saret fit-2 ta’ Ġunju ta’ wara), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni fil-Kawżi T‑22/05 u T‑84/05 insostenn tat‑talbiet tal-Kummissjoni.

39      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

40      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill ġie awtorizzat jintervjeni fil-Kawżi magħquda T‑22/05 u T‑84/05 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

41      Permezz ta’ nota ta’ intervent li tirrigwarda esklużivament l‑ammissibbiltà tar‑rikorsi magħquda T‑22/05 u T‑84/05, li waslet fir‑reġistru tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru 2005 permezz ta’ faks (il-preżentata tal‑oriġinal saret fl-4 ta’ Ottubru ta’ wara), il-Kunsill talab li l-Qorti tal‑Prim’Istanza:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

–        tiddeċiedi kif xieraq fuq l-ispejjeż.

42      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l‑Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 2004/752, irrinvijat il-Kawżi T-22/05 u T-84/05 quddiem il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikorsi ġew irreġistrati rispettivament fir-reġistru ta’ dan tal-aħħar taħt ir-referenzi F-05 u F-7/05.

43      Permezz ta’ att ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2005 fir-reġistru tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent ippreżentata mill‑Kunsill fil-Kawżi F-5/05 u F-7/05.

44      Permezz ta’ digriet tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-21 ta’ Marzu 2006, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fil‑Kawżi F-5/05 u F‑7/05 ġew magħquda mal-eżami tal-mertu.

45      Permezz tar-risposta tagħha, li waslet fir-reġistru tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fl-20 ta’ Ġunju 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinali saret fl-istess jum), il-Kummissjoni, filwaqt li żżomm it-talbiet tagħha ta’ inammissibbiltà tar-rikorsi fl-intier tagħhom, titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–        jiddikjara r-rikorsi infondati;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

46      Permezz tan-nota ta’ intervent tiegħu fuq il-mertu, li waslet fir‑reġistru tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-20 ta’ Ġunju 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-orġinal saret fit-22 ta’ Ġunju ta’ wara), il-Kunsill, filwaqt li żamm it-talbiet tiegħu ta’ inammissibbiltà tar-rikorsi fl-intier tagħhom, jitlob sussidjarjament li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

–        jiddikjara r-rikorsi infondati;

–        jiddeċiedi kif xieraq fuq l-ispejjeż.

47      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-30 ta’ Ġunju 2006, is-Sur Verheyden, ex uffiċjal, ippreżenta rikors, irreġistrat taħt ir-referenza F-72/06, li bih talab, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l‑investigazzjoni interna, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani.

48      Permezz ta’ att ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2006 fir-reġistru tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent ippreżentata mill-Kunsill fuq il‑mertu tal-kawża.

49      Skont l-Artikolu 64(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel mistoqsijiet lill-partijiet prinċipali u talab lill-Kummissjoni tipproduċi l-fajls mediċi u amministrattivi relatati mal-inċidenti li tagħhom ir-rikorrenti kienu vittmi bejn Jannar 1986 u Lulju 2003, ir-rapport finali ta’ investigazzjoni u kull dokument tal‑Kummissjoni, b’mod partikolari, tal-OLAF, fuq l-investigazzjoni. Ir‑rikorrenti u l-Kummissjoni kkonformaw mat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

50      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Ġunju 2007, il-Kawżi magħquda F‑5/05 u F‑7/05 ngħaqdu mal-Kawża F-72/06 għall-finijiet tal‑proċedura orali, skont l-Artikolu 50(1) tar‑Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza.

51      Matul is-seduta, li nżammet fit-3 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti indikaw li t‑talbiet tagħhom sabiex jiġu ppreżentati r-rapport finali ta’ investigazzjoni kif ukoll il-fajls mediċi tagħhom kienu saru superfluwi.

52      Permezz ta’ digrieti tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Awwissu 2007, infetħu mill‑ġdid il-proċedura orali fil-Kawżi magħquda F-5/05 u F-7/05 kif ukoll il-proċedura orali fil-Kawża F-72/06 .

53      Skont l-Artikolu 64(3)(ċ) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill‑Kummissjoni u lill-Kunsill jipproduċu x-xogħlijiet preparatorji tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal u jindikaw liema atti tal-OLAF, fl-opinjoni tagħhom, jistgħu jikkawżaw preġudizzju u jkunu s-suġġett ta’ lment skont l‑Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Kummissjoni u l‑Kunsill kkonformaw mat-talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

54      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-riposti tal‑Kummissjoni u tal-Kunsill għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura msemmija fil-punt preċedenti.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tal-kawża

55      Għandu jitqies li r-rikorrenti qed jitolbu essenzjalment:

–        l-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni interna;

–        l-annullament tal-atti ta’ investigazzjoni li saru matul l-investigazzjoni interna (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ investigazzjoni tal-OLAF”);

–        l-annullament tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani;

–        l-annullament tar-rapport finali ta’ investigazzjoni;

–        l-annullament tal-“atti kollha sussegwenti u/jew relatati ma’ dawn id‑deċiżjonijiet li ġew adottati wara dan ir-rikors”;

–        il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallashom id-danni.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l‑investigazzjoni interna, tal-atti ta’ investigazzjoni tal-OLAF u tar‑rapport finali ta’ investigazzjoni

56      Mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li rikors jintlaqa’ biss jekk l-amministrazzjoni tkun irċeviet minn qabel ilment skont l-Artikolu 90(2) u dan fil-perijodu stabbilit fl-imsemmi artikolu, u jekk l-ilment ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda.

57      F’dan il-kawża, mill-atti tal-proċess jidher li l-uniku att ikkontestat mir‑rikorrenti fl-ilmenti tagħhom li huma ressqu quddiem id-Direttur tal-OLAF huwa d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani. Minn dan jirriżulta li t‑talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni interna, tal‑atti ta’ investigazzjoni tal-OLAF u tar-rapport finali ta’ investigazzjoni, li ma ġew preċeduti bl-ebda lment, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, anki jekk dawn jikkostitwixxu, kif isostnu r‑rikorrenti, atti li jikkawżaw preġudizzju skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal‑Persunal.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tal-“atti kollha sussegwenti u/jew relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet li ġew adottati wara dan ir-rikors” 

58      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jinkludi s‑suġġett tal‑kawża u sunt tal-motivi invokati kif ukoll it-talbiet tar‑rikorrent. Din l‑informazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra bħala sostenn.

59      F’din il-kawża, it-talbiet msemmija iktar ’il fuq ma jippermettux li jiġi identifikat b’mod ċar l-att jew l-atti inkwistjoni li huma jitolbu l‑annullament tagħhom u, għandhom, għal din ir-raġuni, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani

 Fuq l-ammissibbiltà

–        L-argumenti tal-partijiet

60      Il-Kummissjoni u l-Kunsill talbu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad bħala inammissibbli t-talbiet imsemmija hawn fuq, peress li d‑deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999”) ma tikkostitwixxix, kif ġie ddikjarat preċedentement mill-qrati Komunità, att li jikkawża preġudizzju. Huma jenfasizzaw li deċiżjoni bħal din hija biss miżura preparatorja għal deċiżjoni finali li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali jistgħu jadottaw, peress li dawn tal-aħħar huma ħielsa li jiddeċiedu fuq dak li għandu jsir wara dan l-att u huma l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jadottaw deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw is‑sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata mill-att (digriet tal‑President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2005, Tillack vs Il‑Kummissjoni, C-521/04 P(R), Ġabra p. I-3103; digrieti tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat‑18 ta’ Diċembru, 2003, Gómez Reino vs Il-Kummissjoni, T‑215/02, Ġabra-SP p. I-A-345 u II-1685, u tat-13 ta’ Lulju 2004, Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il-Kummissjoni, T-29/03, Ġabra p. II-2923; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 2004, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T-193/04 R, Ġabra p. II-3575; sentenzi tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T-309/03, Ġabra p. II-1173, u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T-193/04, Ġabra p. II-3995).

61      Ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Wara li jfakkru li l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat sabiex jippermetti lill-qorti Komunitarja tiżgura l-istħarriġ tal-atti li l-OLAF iwettaq bħala parti mill‑investigazzjonijiet tiegħu, huma jsostnu li, f’din il-kawża, id-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ppreġudikat, b’mod sproporzjonat, ċertu numru ta’ drittijiet fundamentali tagħhom, bħalma huma d‑dritt tad-difiża, id-dritt għal proċedura kontradittorja li tinkrimina u li tiskaġuna, ir‑rispett tal-ħajja privata, u, b’dan il-mod, biddlet b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom. Barra minn hekk, din id‑deċiżjoni hija att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90a tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

62      Ir-rikorrenti jżidu, fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mill‑Kummissjoni u mill-Kunsill, li din hija irrilevanti f’dan il-każ, peress li ġiet żviluppata f’kawżi li seħħew qabel id-dħul tal-Artikolu 90a fir-Regolamenti tal-Persunal. F’kull każ, din il‑ġurisprudenza, jekk tiġi kkonfermata f’din il-kawża, twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita fl‑Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

63      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jiċħdu l-argument ibbażat fuq il-fatt li l‑ġurisprudenza li huma jiċċitaw hija irrilevanti. Huma jenfasizzaw li, anki qabel l-adozzjoni tal‑Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, kien hemm dispożizzjoni kważi identika għall-imsemmi artikolu, jiġifieri l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999, li jippermetti lill‑uffiċjali jikkontestaw permezz ta’ rikors għal annullament l-atti tal‑OLAF li jikkawżawlhom preġudizzju. Minkejja din id‑dispożizzjoni, il-ġurisprudenza Komunitarja rrifjutat b’mod kostanti li tikkunsidra deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 bħala waħda li tikkawża preġudizzju.

64      Fir-rigward l-argument ibbażat fuq allegat ksur, fil-każ li d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ma titqiesx li hija att li jikkawża preġudizzju, minħabba l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Kummissjoni tqis li lanqas dan ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, il-persuni kkonċernati minn deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 għandhom f’kull każ il-possibbiltà li jitolbu lill-qorti nazzjonali tressaq domanda lill‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Komuntajiet Ewropej dwar il-validità ta’ din id‑deċiżjoni. Bl-istess mod, dawn il-persuni jistgħu f’kull każ iressqu quddiem il-qrati Komunitarju azzjoni għal danni intiża għall-kumpens tad-dannu kkawżat, jekk ikun il-każ, mill-att li jibagħat l‑informazzjoni.

65      Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal‑Persunal irriproduċa s-sustanza tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999, iżda jiċħdu r-raġunament tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li l‑att li jista’ jikkawża preġudizzju huwa biss id-deċiżjoni finali li l-Awtorità tal-Ħatra jew il-qorti kriminali nazzjonali jistgħu jadottaw abbażi tar-riżultati tal‑investigazzjoni interna.

66      Mitluba, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jindikaw liema atti tal-OLAF, fil-fehma tagħhom, jistgħu jkunu suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal u mbagħad ta’ rikors sussegwenti, il-Kummissjoni u l-Kunsill jindikaw li dawn huma l-atti mwettqa mill-OLAF bħala parti minn investigazzjoni interna u li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti fuq uffiċjal jew fuq membru tal-persunal li ma huwiex ikkonċernat mill-allegazzjonijiet li fuqhom qed issir l-investigazzjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari għat‑tfittxija tal-oġġetti personali fiż-żmien tal-aċċess għall-uffiċċju ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal terz, tat-teħid ta’ dawn l-oġġetti personali, l‑interrogazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal terz li matulha l‑OLAF juża metodi illegali, jew ukoll is-smigħ bil-moħbi ta’ telefonati (wiretapping) illegali ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal terz. Fil-fatt, dawn l-atti ta’ investigazzjoni ma jistgħux jiġu analizzati, fir-rigward tat-terzi, bħala atti preparatorji għal deċiżjoni finali tal‑amministrazzjoni li tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament, għaliex ir-rapport ta’ investigazzjoni mfassal sussegwentement ma jistax jimplika l-uffiċjal jew l-membru tal-persunal terz. Għalhekk, dan tal-aħħar ma għandu l-ebda possibbiltà ulterjuri li jikkontesta b’mod inċidentali l-atti tal-OLAF magħmula kontrih u għaldaqstant għandu jkun jista’ jikkontestahom direttament sabiex jibbenefika b’mod partikolari mill-protezzjoni ġudizzjarja tad‑drittijiet suġġettivi tiegħu.

67      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni dwar jekk atti ta’ natura bħal dawk deskritti hawn fuq, iżda meħuda kontra l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li għalih jirreferu l-allegazzjonijiet li huma s-suġġett tal‑investigazzjoni, jistgħux jiġu deskritti bħala atti li jikkawżaw preġudizzju, il-Kummissjoni tispeċifika li din id-deskrizzjoni tista’, eċċezzjonalment, tiġi rrikonoxxuta lill-imsemmija atti, bil-kundizzjoni li jiġu distinti strettament minn kull att ieħor ta’ investigazzjoni li huwa sempliċement preparatorju għall-konklużjonijiet tal-OLAF u li kontra tiegħu r-rimedju ġudizzjarju xieraq huwa li jiġi kkontestat b’mod inċidentali. Issa, skont il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li ebda ipoteżi minn dawn ma teżisti f’din il-kawża, peress li r-rikorrenti ma jallegawx li huma kienu s-suġġett ta’ att ta’ natura bħal dawk li għandhom jitqiesu li huwa att li jikkawża preġudizzju.

68      Ir-rikorrenti jindikaw li ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li tikkonsisti fi trattament tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal terzi li huwa iktar vantaġġjuż minn dak tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal implikati fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna. Tali pożizzjoni, minbarra l-fatt li hija diskriminatorja, hija wkoll żbaljata meta jittieħed inkunsiderazzjoni l‑għan stess tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal‑Persunal, li għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/1999 li tipprovdi b’mod espliċitu li l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew b’osservanza tar-Regolamenti tal-Persunal u b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal‑bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt tal-persuna involuta li tesprimi ruħha dwar il-fatti li jikkonċernawha u tad-dritt li l‑konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jiġu bbażati biss fuq elementi li għandhom valur probatorju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

69      Preliminarjament għandu jitfakkar li, wara l-ħolqien tal-OLAF bid-Deċiżjoni 1999/352, il-leġiżlatur Komunitarju, bil-għan li jissuġġetta l-attivitajiet ta’ dan l-uffiċċju għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, ipprovda, fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1073/1999, li “[s]akemm jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista’ jippreżenta lid-Direttur ta’ l-Uffiċċju lment bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu kontra xi att magħmul mill-Uffiċċju bħala parti minn investigazzjoni interna li jkun laqtu b’mod negattiv [li jikkawża preġudizzju], skond il-proċeduri stabbiliti f’Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal” u li “[l]-Artikolu 91 tar-Regolamenti […] tal-Persunal għandu japplika għal deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ dawk l-ilmenti”. Imbagħad, ir-Regolament Nru 723/2004 stabbilixxa l-possibbiltà għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra li jitolbu l-annullament ta’ ċerti atti tal-OLAF quddiem il-qrati Komunitarji billi daħħal fir-Regolamenti tal-Persunal l-Artikolu 90a, li fit‑tieni sentenza tiegħu jipprovdi li kull persuna li għaliha japplikaw ir‑Regolamenti tal-Persunal tista’ “tibgħat lid-Direttur ta’ l-OLAF talba fis-sens ta’ l-Artikolu 90(1), fejn [titlob] lid-Direttur biex jieħu deċiżjoni [dwarha] b’konnessjoni ma’ l-investigazzjoni mill-OLAF”.

70      Tqum għaldaqstant il-kwistjoni, s’issa ġdida fil-ġurisprudenza Komunitarja, dwar jekk id-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 90a tar‑Regolamenti tal-Persunal ġew adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fl-2004 sabiex jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni koperti mir-Regolamenti tal‑Persunal. Fil‑preżenza ta awtorizzazzjoni tant espliċita u reċenti fir-Regolamenti tal‑Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-qasam speċjalizzat tiegħu, ma jistax jinjora r-responsabbiltajiet fdati lilu mil‑leġiżlatur.

72      Imbagħad, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-korollarju tas-setgħat il-ġodda fdati mil-leġiżlatur lill-OLAF bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004, kemm jekk fil-qasam tal‑ġlieda kontra l-frodi, bl-Artikolu 22a tar‑Regolamenti tal-Persunal, jew fil-qasam dixxiplinari, bid‑dispożizzjonijiet tal-Anness IX tar-Regolamenti tal‑Persunal. Għaldaqstant l‑Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal jirrifletti l-interess tal-leġiżlatur li flimkien mat-tisħiħ tar-rwol tal-OLAF jipprovdi garanziji ġudizzjarji xierqa.

73      Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 335). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, filwaqt li r‑rikorrenti invokaw id-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, li l-effikaċja tal-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, li għandu jirrigwarda b’mod partikolari l‑legalità tal-motivi tal-att li jikkawża preġudizzju, timplika li l-awtorità Komunitarja inkwistjoni għandha tikkomunika dawn il-motivi lill‑persuni kkonċernati minn dan l-att, sa fejn huwa possibbli, fil‑mument li fih dan l-att jiġi adottat, jew, għall-inqas, mill-iktar fis possibbli wara din l-adozzjoni sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini previsti, id-dritt tagħhom għal appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 336).

74      Filwaqt li huwa preċiżament ir-rispett għad-dritt għal smigħ li huwa invokat mir‑rikorrenti f’din il-kawża, insostenn tat-teżi tagħhom dwar il-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi enfasizzat li uffiċjal ma jgawdix minn tali garanzija jekk, qabel ma jkun issejjaħ quddiem il-qorti kriminali nazzjonali permezz tad-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999, il-qorti Komunitarja ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika li ġie preċedentement mismugħ jew jekk id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 li jipprovdu li dan l-obbligu jista’ jiġi differit ġewx fil-fatt osservati mill-OLAF. Tali stħarriġ mill-qorti Komunitarja fuq id‑deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 huwa iktar u iktar importanti f’dan l-istadju tal-proċedura għaliex l-OLAF għandu l-possibbiltà, jekk is-Segretarju Ġenerali tal‑Kummissjoni jawtorizzah, li jiddifferixxi l-obbligu li jiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, eventwalment fuq perijodu twil.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-iżvilupp tal-karriera tal-persuni kkonċernati. Fil‑fatt, skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal‑Persunal, “ [l]-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal għandhom ikunu suġġetti għal rapport perjodiku, li jsir mill-anqas darba kull sentejn”. Jekk l-OLAF iqis li l‑atti mwettqa minn membru tal-persunal jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, u, għal din ir-raġuni, jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, dan il-fatt, ħafna drabi mgħarraf lill-Awtorità tal-Ħatra mill-OLAF stess jew mill-membru tal-persunal ikkonċernat meta, pereżempju, huwa jinstema’ bħala xhud mill-qorti nazzjonali, huwa tali li jaffettwa l-evalwazzjoni li l-amministrazzjoni għandha tagħmel fuq dan il-membru tal-persunal bħala parti mill-proċedura ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari dwar il-kondotta tiegħu fis‑servizz.

76      Barra minn hekk, in-natura tal-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita lill-persuni implikati f’investigazzjoni mibdija mill-OLAF tinbidel meta d-direttur tal‑OLAF jadotta deċiżjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999. Fil-fatt, jekk, qabel ma tiġi adottata tali deċiżjoni, dawn il-persuni jibbenefikaw, jekk ikun il-każ, minn protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-qrati Komunitarji kontra l-eventwali ksur tad-drittijiet tagħhom, din il-protezzjoni tiġi, wara l‑adozzjoni tad-deċiżjoni, implementata mill‑awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li jkunu rċevew mill-OLAF l-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-investigazzjoni interna.

77      Fid-dawl tal-konsegwenzi li huma jistgħu jkkawżaw, huwa diffiċli jiġi kkontemplat li d-deċiżjonijiet adottati skont l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jiġu rrifjutati l-kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal‑Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-leġiżlatur Komunitarju nnifsu pprovda għall-ħtieġa li l‑investigazzjonijiet interni mill-OLAF jiġu flimkien ma’ garanziji proċedurali stretti u, b’mod partikolari, li d-dokumenti l-iktar sinjifikattivi li l-OLAF jadotta fil-kuntest ta’ tali investigazzjonijiet − li jinkludu neċessarjament, fid-dawl tal-portata tagħhom, id-deċiżjonijiet adottati skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 − jiġu suġġetti għar-rispett tal-prinċipju fundamentali tad-drittijiet tad‑difiża. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1073/1999, wara li indika, fil-premessa 10 tiegħu, li l-investigazzjonijiet kellhom jitmexxew mill-OLAF “b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda”, ipprovda fl-Artikolu 4(6)(b) li kull istituzzjoni jew korp stabbilit bit-trattati jew fuq il-bażi ta’ dawn jadotta regoli relatati mal‑“garanziji tad-drittijiet tal-persuni involuti f’investigazzjoni nterna”.

78      Jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jeżerċitax dan l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, meta huwa biss jista’ jagħmel dan fi żmien utli fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonċerna persuna koperta mir-Regolamenti tal-Persunal, l‑eventwali ksur tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi kkritikat. Fil-fatt tibqa’ quddiem il-qorti nazzjonali l-informazzjoni li ntbagħtet lilha mill-OLAF filwaqt li l-kritika ta’ tali illegalità mill-qorti Komunitarja minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża jimplika li l-qorti nazzjonali ma tistax tibbaża ruħha fuq din l‑informazzjoni. Barra minn hekk il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali ksur tad-drittijiet tad‑difiża mill-OLAF jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali applikabbli għall-proċedura ta’ investigazzjoni (digriet tal‑President tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2003, Gómez‑Reino vs Il-Kummissjoni, C-471/02 P(R), Ġabra p. I‑3207, punt 64).

79      Barra minn hekk, jekk, kif jidher mill-fatti ta’ din il-kawża, l-ebda awtorizzazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ma kienet ingħatat lill-OLAF u lanqas ma ntalbet minn dan tal-aħħar, bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, mingħajr ma l-qorti Komunitarja setgħet tikkonstata din l‑illegalità, l-uffiċjal kien suġġett illegalment, mingħajr ma jaf, għal proċeduri li jimplikawh direttament għal diversi xhur. Il-fatt li l-obbligu ta’ smigħ tal-persuna interessata jista’ jiġi ddifferit u li din tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem qorti, kemm jekk fuq il-livell Komunitarju jew fuq dak nazzjonali, iktar u iktar jiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament li jsir direttament kontra d‑deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999. F’dan il-kuntest, il-garanziji proċedurali li jeżistu quddiem il-qorti nazzjonali ma jistgħux fil-fatt japplikaw sal-mument li fih l-uffiċjal ikkonċernat jiġi informat bl-investigazzjoni kriminali mmexxija fil-konfront tiegħu. Barra minn hekk, huwa biss stħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fl-istadju tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 li huwa tali li jiggarantixxi fi żmien utli l-osservanza tal‑prerogattivi tal-Segretarju Ġenerali tal‑Kummissjoni, l-unika awtorità barra mill-OLAF li għandha s-setgħa li teżerċita ċertu dritt ta’ kontroll fuq it-tmexxija ta’ investigazzjoni, sabiex jiġi deċiż dwar iż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni qabel ma l-każ jitressaq quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

80      Barra minn hekk, biex ikun effettiv, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att bħalma hija deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 ma jistax jiġi eżerċitat biss fil-kuntest ta’ rikors għad-danni. Ċertament, dan ir-rikors jippermetti lill-uffiċjal jikseb kumpens għad-danni li huwa jkun sofra fl‑investigazzjoni mill-OLAF (ara s-sentenza Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq). Madankollu, tali rikors għad‑danni, minn naħa, jippreżumi, għal uffiċjal tal-Komunità, proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji, li l-kwistjoni kontenzjuża tagħha hija relattivament twila, u min-naħa l-oħra, ma tippermettix li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża meta huma jistgħu jiġu miksura.

81      F’dan ir-rigward it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jenfasizza li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li protezzjoni ġudizzjarja effettiva tippreżumi li l-parti fil-kawża li l-interessi tagħha huma affettwati minn att li jikkawża preġudizzju tista’ titlob li l-qorti tadotta miżuri fi proċeduri għal miżuri provviżorji. Azzjoni intiża għas‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att bħal dan hija ammissibbli biss, skont l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l‑applikant ikun ikkontesta dan l-att b’rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikonoxximent ta’ dritt għal rikors dirett kontra d-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 10(2) tar-Regolament 1073/1999 jippermetti għalhekk lill‑uffiċjal ikkonċernat, jekk kien jaf bil-konklużjonijiet tal‑investigazzjoni, li jikseb, jekk ikun il-każ, u jekk jissodisfa l‑kundizzjonijiet ta’ urġenza u ta’ preġudizzju meħtieġa għal dan il-għan, is‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal‑imsemmija deċiżjoni.

82      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-istħarriġ effettiv tal-legalità ta’ att bħalma hija d-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 huwa tali li jikkontribwixxi għall-osservanza sħiħa mill-OLAF tal-legalità tal-investigazzjonijiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li huma jirreferu għalihom, b’mod konformi ma’ dak li huwa mixtieq mil‑leġiżlatur. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, f’din il‑kawża, l-OLAF irrisponda għat-talbiet li r-rikorrenti ressqu quddiemu fil‑Kawża F-5/05 abbażi tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal‑Persunal biss fil-21 ta’ Frar 2005 jiġifieri wara li r-rikorsi ġew ippreżentati, u l-Kummissjoni biss, li ma kinitx l-awtur tal-att ikkontestat, irrispondiet b’mod espliċitu għat-talbiet li kienu ġew indirizzati lilha. Tali sitwazzjoni, fejn l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata ma jiħux pożizzjoni fuq il‑kritika li ssir fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni, ma tantx hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u turi l-inkonvenjent li jista’ jirriżulta minn nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv u affermat b’mod ċar. L-eżami tal‑mertu tar-rikors ma huwiex, f’din il‑kawża, tali li jinvalida din il-konstatazzjoni.

83      Għaldaqstant il-kunsiderazzjonijiet kollha li saru hawn fuq jiġġustifikaw li d-deċiżjonijiet adottati skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jiġu rrikonoxxuti bħala att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90a tar-Regolament tal-Persunal.

84      Tali konklużjoni ma tista’ tiġi kkontestata minn ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

85      L-ewwel nett, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li d-deċiżjoni adottata mid‑Direttur tal-OLAF skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament 1073/1999 hija biss miżura preparatorja għal deċiżjoni finali li tista’ tittieħed mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi.

86      F'dan ir-rigward, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom isir f’diversi stadji, b’mod partikolari wara proċedura interna, fil-prinċipju jikkostitwixxu atti kontestabbli biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il‑pożizzjoni tal‑istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, u huma esklużi miżuri intermedj li huma intiżi bħala preparatorji għad‑deċiżjoni finali. L-atti preparatorji għal deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jsir rikors kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura li r-rikorrent jista’ jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib miegħu (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 2003, Pflugradt vs BĊE, T‑83/02, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑281, punt 34).

87      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, meta jadotta deċiżjoni skont l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, id‑direttur tal-OLAF jieħu pożizzjoni, fid-dawl tar-riżultati provviżorji jew definittivi tal-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tiegħu, fuq l‑eżistenza ta’ fatti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali u jikkunsidra li l-persuna jew persuni li għalihom isir riferiment fl-investigazzjoni jistgħu jissejħu fi proċeduri kriminali. Din id-deċiżjoni hija adottata minn korp Komunitarju indipendenti, taħt l-unika responsabbiltà tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura speċjali distinta mill-proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Hija ma tippreċedi l-adozzjoni tal-ebda att ieħor li jikkawża preġudizzju li jaqa’ fil‑kompetenza tad-direttur tal-OLAF u għalhekk tistabbilixxi l‑pożizzjoni tal-awtur tagħha. F’dan ir-rigward hija ma tistax tiġi mqabbla mal-att li bih l-Awtorità tal-Ħatra tibda l-proċedura dixxiplinari fil-konfront ta’ uffiċjal, li hija intiża bħala preparatorja għall‑adozzjoni ta’ deciżjoni ulterjuri u finali tal-istess awtorità.

88      Jekk deċiżjoni adottata abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 titqies li hija miżura preparatorja għall-investigazzjoni ġudizzjarja nazzjonali u għad‑deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu ulterjorment mill-Awtorità tal‑Ħatra, għandu jiġi aċċettat a fortiori li l-atti kollha tal-OLAF relatati ma’ investigazzjoni mmexxija minnu, liema atti spiss jippreċedu d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni, jikkostitwixxu wkoll atti sempliċement preparatorji. Issa, tali analiżi, minn naħa, tmur kontra l-kliem ċar tal‑Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-intenzjoni tal-awturi tiegħu, li, filwaqt li jagħtu lil kull persuna koperta mir-Regolanmenti tal-Persunal id-dritt li tagħmel ilment kontra l-“att tal-[OLAF] li se jaffettwaha ħażin [li jikkawża preġudizzju]” jippreżumu l-eżistenza ta’ tali atti, u, min-naħa l-oħra, tneħħi kull għan u kull utilità tal‑Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ġustament isostnu r‑rikorrenti.

89      Barra minn hekk, l-eżempji ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Kunsill b’risposta għal domanda bil-miktub tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħat-tfittxija jew l-elevazzjoni ta’ oġġetti personali fiż-żmien tal-aċċess għall-uffiċċju ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal terz fir-rigward tal-investigazzjoni, jew inkella l-interrogazzjoni permezz ta’ metodi illeċiti jew is-smigħ bil-moħbi tat-telefonati ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal terz fir-rigward tal-investigazzjoni, ma jikkostitwixxux, proprjament, b’differenza mid‑deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999, deċiżjonijiet amministrattivi reali. Għalkemm huwa minnu li dawn l-atti mhux bilfors jeħtieġu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ulterjuri oħrajn, huma ma jaffettwawx l‑interessi u s-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal terz f’miżura ikbar mid-deċiżjoni inkwistjoni li tintbagħat informazzjoni fil-konfront tal-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-OLAF. B’mod partikolari, a priori dawn l-atti ma għandhomx effett, minnhom infushom, fuq is-sitwazzjoni amministrattiva u l-karriera ta’ dawn l‑uffiċjali jew membri tal-persunal terzi, filwaqt li d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni bħad-deċiżjoni kkontestata għandha effetti li huma immedjatament negattivi fuq l-interessi, il-karriera u r‑reputazzjoni tal-persuni kkonċernati.

90      Għalhekk id-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 ma tistax titqies li hija deċiżjoni sempliċement intermedja jew preparatorja, għaliex b’hekk titneħħa kwalunkwe portata tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tikkostitwixxi l-att li permezz tiegħu d-direttur tal-OLAF, li għandu responsabbiltà speċjali u esklużiva għal dan il-għan fi ħdan il-Komunitajiet, jiddeċiedi fuq l‑eżistenza ta’ fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali u jiddeċiedi li jadixxi l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, sabiex dawn il-fatti jirċievu t-trattament kriminali xieraq.

91      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-qasam tal-miżuri dixxiplinari tal-uffiċjali, il‑Qorti tal-Ġustizzja, f’każ fejn kienet ġiet ikkontestata l-opinjoni ta’ bord ta’ dixxiplina, ikkunsidrat li tali opinjoni kienet tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors, peress li din l-opinjoni, minkejja li maħruġa minn korp konsultattiv, saret fi tmiem investigazzjoni li l-bord tad-dixxiplina kellu jmexxi b’mod kompletament indipendenti u skont proċedura speċjali u distinta, ibbażata fuq ir-regola tal-audi alteram partem u suġġetta għar-rispett tal-prinċipji fundamentali tad‑drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar, 1985, F vs Il-Kummissjoni, 228/83, Ġabra p. 275, punt 16). Tali raġunament għandu a fortiori jiġi applikat, b’analoġija, għall-każ ta’ deċiżjonijiet adottati skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, għaliex dawn, minbarra li ma humiex intiżi bħala preparatorji għall-adozzjoni ulterjuri u finali ta’ deċiżjoni tad-direttur tal‑OLAF, isiru minn korp Komunitarju indipendenti u jittieħdu wkoll fil-kuntest ta’, jew fi tmiem, investigazzjoni li għandha ssir “f’rispett sħiħ [...] għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom”.

92      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni u l-Kunsill jibbażaw ruħhom, sabiex jikkontestaw il‑kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju tad-deċiżjonijiet adottati skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, fuq ġurisprudenza preċedenti.

93      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fil-kawżi li taw lok għad-digriet tal‑President tal-Qorti tal-Ġustizzja, Tillack vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 34), għad-digriet tal-President tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, Tillack vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 46), u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Tillack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 68 sa 70), il-qrati Komunitarji kkunsidraw li deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament 1073/1999 ma kinitx biddlet b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata mill-imsemmija informazzjoni.

94      Madankollu, din il-ġurisprudenza ngħatat fir-rigward ta’ persuna li ma kellhiex l-istatus ta’ uffiċjal Komunitarju, f’kawżi mressqa abbażi tal-Artikolu 230 KE u mhux abbażi tal-Artikolu 236 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma kellhomx quddiemhom il-kwistjoni tal‑portata tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal‑Persunal, osservaw li r-rikorrent kellu garanziji proċedurali suffiċjenti quddiem il-qorti nazzjonali u li l-att li tintbagħat, mill-OLAF, informazzjoni li tikkonċernah kien biss att preparatorju. Din l-ipoteżi hija għal kollox differenti minn dik inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, fir-rigward ta’ terz fil-konfront tal-Komunitajiet, li l-karriera u l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu ma jiddependux direttament mill-miżuri adottati mill-awtoritajiet Komunitarji, il-qorti Komunitarja ma għandhiex titolu partikolari li jawtorizzaha tiggarantixxi, minflok il‑qrati nazzjonali, ir‑rispett tad-drittijiet fundamentali u tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq.

95      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil‑kawżi li taw lok għad-digriet Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll għas-sentenza Camós Grau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwar in-natura ġuridika tar-rapport li bih l-OLAF għalaq investigazzjoni, mhux fuq il‑klassifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik ikkontestata hawnhekk bħala att li jikkawża preġudizzju.

96      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-Qorti tal-Prim’Istanza, diġà qiesu li stħarriġ tal-legalità ta’ atti tal-OLAF li jikkawżaw preġudizzju jista’ jiġi eżerċitat mill-qorti Komunitarja, permezz ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2004, Rothley et vs Il‑Parlament, C‑167/02 P, Ġabra p. I‑3149, punt 50; id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2000, Rothley et vs Il‑Parlament, T‑17/00 R, Ġabra p. II‑2085, punt 107; is-sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2002, Rothley et vs Il‑Parlament, T‑17/00, Ġabra p. II‑579, punt 73).

97      Minn dan isegwi li r-rikorrenti jistgħu jitolbu l-annullament tad‑deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani.

 Fuq il-mertu

98      Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li d-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ttieħdet mingħajr bażi valida, it‑tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad‑difiża, it-tielet nett, fuq il‑ksur tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, dwar l-obbligu li d-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju jiġu motivati, u, il-ħames nett, fuq l-illegalità tar‑Regolament Nru 1073/1999 u tad-Deċiżjoni 1999/396.

99      Għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Ir-rikorrenti jsostnu li l-OLAF kiser il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iggarantit f’dan il-każ mill-Artikolu 4 tad‑Deċiżjoni 1999/396, għaliex huma ma setgħux, qabel ma l-OLAF iddeċieda li jibgħat l-informazzjoni li tikkonċernahom lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, jesprimu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-fatti li taw lok li għat-trażmissjoni. Il-persuni interessati jispeċifikaw li l-ebda fatt partikolari fl-investigazzjoni ma ġġustifika li l-OLAF ma jirrispettax dan il-prinċipju u li, f’kull każ, is-Segretarju Ġenerali tal‑Kummissjoni ma tax approvazzjoni f’dan is-sens.

101    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni osservat, preliminarjament, li r-regoli li għandhom jiġu osservati mill-OLAF fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet interni tiegħu huma, fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża, dawk – u dawk biss – li jinsabu, minn naħa, fl-ewwel sentenza, min-naħa l-oħra, fit-tieni sentenza tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 (ara, f’dan is-sens, id‑digriet tal‑Qorti tal-Prim’Istanza Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 65).

102    Fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, li tipprevedi li uffiċjal li jista’ jiġi implikat f’investigazzjoni tal-OLAF għandu jiġi informat malajr meta dan ma jkunx ta’ ħsara għall‑investigazzjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx miksura f’dan il-każ, għaliex il-fatt li r-rikorrenti jiġu informati, li kieku seħħ, kien jaffettwa l‑effikaċja tal-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, fid-dawl tar-riskju ta’ qerda ta’ ċerti dokumenti. Fir-rigward tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, din ma tapplikax għad-deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999 meta l-informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali matul investigazzjoni, u mhux fit-tmiem tagħha.

103    Il-Kummissjoni ssostni li, f’kull każ, ir-rikorrenti ġew informati, fiż-żmien xieraq, bl-elementi kollha li jikkonċernawhom, għaliex, fil-kuntest tal‑proċedura kriminali Taljana, huma rċevew notifika tal-annessi għan-nota tal-5 ta’ Awwissu 2003, f’dan il-każ in‑nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 u l‑verbal tas-smigħ tal-ex direttur tal-IAS.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

104    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 tipprevedi li “[f]ejn l‑implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal‑Kummissjoni jsiru evidenti, il‑parti interessata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjnijiet”. L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tipprovdi li “[g]ħal kull fini, konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l‑investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu ”.

105    Kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T-48/05, Ġabra p. II-1585, punti 133 u 145), mid‑dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jirriżulta li, meta d-direttur tal-OLAF ikun beħsiebu jieħu deċiżjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, huwa għandu l-obbligu, fil-każ li l‑informazzjoni tinkludi konklużjonijiet li jirreferu bl-isem għal membru, uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Kummissjoni, li jippermetti lil dan tal-aħħar, qabel ma tintbagħat l-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, jesprimi ruħu dwar il-fatti kollha li jikkonċernawh.

106    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fin-nota ta’ informazzjoni tat-23 ta’ Lulju 2003 annessa man-nota tal-5 ta’ Awwissu 2003, l-OLAF kien irrefera bl-isem għar-rikorrenti bħala dawk li setgħu wettqu reati. B’hekk, in-nota tal-5 ta’ Awwissu 2003 kien fiha “konklużjonijiet li jirreferu bl‑isem” għar-rikorrenti.

107    Konsegwentement, ir-rikorrenti kellhom, fil-prinċipju, jiġu informati u mismugħa dwar il-fatti li jikkonċernawhom qabel ma ntbagħtet in‑nota tal-5 ta’ Awwissu 2003 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani.

108    Ċertament it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jipprevedi eċċezzjoni fir-rigward tal-każijiet li jeħtieġu li tinżamm is‑segretezza assoluta għall-finijiet tal-investigazzjonijiet u li jeħtieġu l-użu ta’ mezzi ta’ investigazzjoni li jaqgħu fil-kompetenza ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. F’tali każijiet, l-obbligu li l-uffiċjal jiġi mistieden jagħti fehmtu jista’ jiġi ddifferit bil-kunsens tas‑Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.

109    Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu, mingħajr ma huma kontradetti mill‑Kummissjoni, li s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ma tax il-kunsens tiegħu sabiex tiġi ddifferita l-eżekuzzjoni tal-obbligu li huma jiġu mistiedna jippreżentaw l‑ossevazzjonijiet tagħhom, u lanqas ma kien intalab jagħti tali kunsens.

110    Għandu jiġi osservat li l-obbligu li jintalab u jinkiseb il-kunsens tas‑Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ma huwiex sempliċi formalità li tista’, skont il-każ, tiġi sodisfatta fi stadju ulterjuri. Fil-fatt, kif ġie deċiż fis-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 151) ir-rekwiżit li jinkiseb dan il-kunsens jitlef l-iskop tiegħu, jiġifieri dak li jiggarantixxi li d‑drittijiet tad-difiża tal-uffiċjali kkonċernati jiġu rrispettati, li l-att li huma jiġu informati jiġi ddifferit biss f’każijiet verament eċċezzjonali u li l‑evalwazzjoni ta’ din in‑natura eċċezzjonali ma tkunx riżervata biss għall-OLAF iżda teħtieġ ukoll l-evalwazzjoni tas‑Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li l-OLAF kiser id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

112    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki fin‑nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar il-proċedura inkwistjoni (ara s‑sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni, T-372/00, ĠabraSP p. I-A-49 u II-223, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju, li normalment jirrikjedi li l-persuna interessata tinstema’ mill-awtorità kompetenti qabel l-adozzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju, japplika kemm fil-qasam dixxiplinari kif ukoll f’oqsma oħra inklużi fl-ambitu tas-servizz pubbliku Komunitarju (ara s-sentenza Campolargo vs Il-Kummissjoni, punt 31, u l‑ġurisprudenza ċċitata)

113    Minn dan isegwi li, anki jekk, kif ssostni l-Kummissjoni, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 ma hijiex applikabbli għal deċiżjoni adottata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament Nru 1073/1999, meta l-informazzjoni tintbagħat lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali waqt li qed issir l‑investigazzjoni, l‑OLAF xorta kien ikun marbut, fil-prinċipju, li, skont il-prinċipju fundamentali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jistieden lir‑rikorrenti, qabel ma tintbagħat l-informazzjoni, jippreżentaw l-osservazzjonijiet utli kollha dwar il-fatti li jikkonċernawhom. Madankollu, huwa paċifiku li dan ma kienx il-każ, mingħajr ma kien hemm ebda fatt partikolari li seta’ jiġġustifika dan.

114    Fl-aħħar nett, jekk il-Kummissjoni sostniet li r-rikorrenti ġew informati, fi żmien xieraq, bl-elementi kollha li jikkonċernawhom, peress li, fil-kuntest tal‑proċedura kriminali Taljana, kienu rċevew notifika tan‑nota tal-5 ta’ Awwissu 2003 kif ukoll l-annessi tagħha, tali fatt, li seħħ wara d-deċiżjoni li tintbagħat l-informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, ma jistax jitqies li għamel tajjeb għall-ksur mill-OLAF tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.

115    Minn dan isegwi, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra, li d‑deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani għandha tiġi annullata.

 Fuq it-talbiet għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

116    Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, il-kumpens għad-dannu morali kkawżat, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni interna u mill-atti tal‑investigazzjoni, it-tieni nett, mill-fatt li l-OLAF, mingħajr raġuni valida u bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, bagħat informazzjoni li tikkonċernahom lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, it‑tielet nett, mill-fatt li r-rapport finali ta’ investigazzjoni jinkludi konklużjonijiet li ma huma bbażati fuq l-ebda fatt suffiċjentement probatorju, ir-raba’ nett, fuq il-fatt li l-OLAF ma ttrattax it-talbiet li huma kienu ressqu sabiex jiġu informati dwar ir-riżultati tal‑investigazzjoni. Ir-rikorrenti jippreċiżaw, b’mod partikolari, li d‑deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani wasslet għall-bidu ta’ investigazzjoni kriminali mill-prosekutur ta’ Varese u li din l-investigazzjoni, minbarra l-fatt li poġġiethom fi stat ta’ tħassib fir-rigward tal-possibbiltà ta’ proċeduri kriminali, ippreġudikat l-unur u r‑reputazzjoni professjonali tagħhom.

117    Bħala difiża, il-Kummissjoni titlob li t-talbiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu ddikjarati inammissibbli għaliex, bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza, huma ma jinkludu l-ebda element li jippermetti li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni jakkużawha bih. F’kull każ, anki jekk wieħed jassumi li t-talbiet imsemmija hawn fuq issodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni tosserva li dawn lanqas ma huma ammissibbli, għaliex “huma bbażati kompletament” fuq it‑talbiet għal annullament, li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

118    Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni li d-dannu morali allegat mir‑rikorrenti joriġina biss mid-deċiżjoni awtonoma tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani li jibdew proċeduri kriminali, b’tali mod li ma teżistix rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet indikati u d‑dannu allegat.

119    Fir-replika, ir-rikorrenti, wara li talbu li t-talbiet għad-danni jiġu ddikjarati ammissibbli, jikkontestaw b’mod partikolari l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li d-danni li għalihom qed jitolbu kumpens joriġinaw direttament mid-deċiżjoni awtonoma tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani biex jibdew investigazzjoni kriminali. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li kien inkonċepibbli li l-prosekutur ta’ Varese, wara li rċieva nota tal‑OLAF li tirreferi għal fatti deskritti bħala frodi, kompliċità fi frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti, jirrifjuta li jibda investigazzjoni kriminali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-ammissibbiltà

120    Fis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-Artikolu 90a tar-Regolmenti tal‑Persunal, rikors għad-danni għall-kumpens ta’ danni attribwibbli lill‑OLAF huwa ammissibbli biss jekk ikun ġie preċedut minn proċedura prekontenzjuża li hija konformi mad-dispożizzjonijiet regolamentari. Din il-proċedura tvarja skont jekk id‑dannu li għalih jintalab il-kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, jew minn aġir tal-OLAF li ma jkunx ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-persuna interessata li għandha tressaq, quddiem id-direttur tal-OLAF, ilment kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, min-naħa l-oħra, il-proċedura amministrattiva għandha tibda billi ssir talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jinkiseb il-kumpens u għandha tkun segwita, jekk ikun il-każ, b’ilment dirett kontra d-deċiżjoni li tiċħad it‑talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il-Qorti tal‑Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punt 64). Madankollu, meta jkun hemm rabta diretta bejn ir-rikors għal annullament u azzjoni għad-danni, din tal-aħħar hija ammissibbli inkwantu aċċessorja fir-rigward tar-rikors għal annullament, mingħajr il-bżonn li tiġi preċeduta minn talba lill‑amministrazzjoni għall-kumpens tad‑danni allegatament sofruti u minn ilment li jikkontesta l‑fondatezza taċ-ċaħda impliċita jew espliċita tat-talba (ara, b’analoġija, is-sentenza Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

121    F’dan il-każ, fir-rigward tat-talba għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati mid-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni interna, mill-atti ta’ investigazzjoni tal‑OLAF, mill-kontenut tar-rapport finali ta’ investigazzjoni u mir-rifjut tal-OLAF li jittratta l-ilmenti li r‑rikorrenti kienu ppreżentaw, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li l-persuni interessati ma kinux issodisfaw ir‑rekwiżiti tal-proċedura prekontenzjuża. Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-aġir allegat mir-rikorrenti jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fis‑sens tal-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kellu jkun is-suġġett ta’ lment, u dan ma kienx il-każ. Bl-istess mod, fl-ipoteżi li dan l-aġir għandu jitqies li huwa bħala nieqes minn natura deċiżjonali, ir-rikorrenti kellhom jagħmlu, suċċessivament, talba għall-kumpens fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u wara lment, u huma ma għamlux dan.

122    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-talba għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati mid-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, din it-talba li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, kienet suffiċjentement motivata sa mill-preżentata tar-rikors, għandha rabta diretta mat-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni, u għalhekk għandha titqies li hija ammissibbli inkwantu aċċessorja għall-imsemmija talbiet.

123    Għalhekk il-fondatezza tat-talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw mid‑deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ma hijiex ser tiġi eżaminata.

–       Fuq il-mertu

124    Kif intqal hawn fuq, id-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ttieħdet bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, minħabba l-fatt stess tal-ksur ta’ dawn il-formalitajiet sostanzjali, ikkawżat dannu morali lir-rikorrenti. Tali dannu huwa, f’dan il-każ, iktar u iktar sinjifikattiv peress li din id-deċiżjoni ġiet segwita bil-bidu, mill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, ta’ investigazzjoni kriminali.

125    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dannu tar-rikorrenti li jirriżulta mill-istat tagħhom ta’ tħassib u l-preġudizzju għall-unur u għar-reputazzjoni professjonali tagħhom ikkawżati mill-investigazzjoni kriminali Taljana, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà tal-Komunità tippreżupponi li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, rigward l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il-Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 30; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2002, Cocchi u Hainz vs Il-Kummissjoni, T‑330/00 u T‑114/01, Ġabra SP p. I‑A‑193 u II‑987, punt 97). Barra minn hekk, sabiex tali rabta tiġi ammessa, fil-prinċipju għandha titressaq prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn l-iżball imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat (sentenzi tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punt 149; tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punt 148, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑250/04, ĠabraSP p. I-A-2-191, II-A-2-1251, I-A-2-191, II-A-2-1251, punt 95).

126    F’dan il-każ, għalkemm l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani kellhom l-obbligu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jeżaminaw b’attenzjoni l-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF u jaslu għall‑konklużjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt Komunitarju, l-imsemmija awtoritajiet baqgħu ħielsa, fl-ambitu tas‑setgħat tagħhom, li jevalwaw il-kontenut u l-importanza tal-imsemmija informazzjoni u, għaldaqstant, l-azzjoni li għandha, skont il-każ, tittieħed. Għaldaqstant, huwa biss l-aġir tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani, li ddeċidew li jibdew proċeduri kriminali u mbagħad li jwettqu atti ta’ investigazzjoni, li huwa l-oriġini diretta tad-dannu morali allegat (ara, f’dan is-sens, Tillack vs Il‑Kummissjoni, punt 122). F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrewx li teżisti relazzjoni diretta ta’ kawża u effett bejn, minn naħa, id-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Taljani u, min-naħa l-oħra, id-dannu morali kkostitwit mill-istat tagħhom ta’ tħassib u l-preġudizzju għall-unur u r-reputazzjoni professjonali tagħhom.

127    Minn dan isegwi li t-talbiet għad-danni għandhom jintlaqgħu biss sa fejn dawn huma intiżi għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-ksur tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

128    Rigward il-kumpens ta’ dan id-dannu, għalkemm hija ġurisprudenza stabbilita li l-annullament ta’ att ikkontestat jista’ jikkostiwixxi, fih innifsu, kumpens xieraq u, fil-prinċipju, jiġifieri fin-nuqqas fl‑imsemmi atti ta’ kwalunkwe evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tagħmillu ħsara, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan tal-aħħar seta sofra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Schochaert vs Il-Kunsill, T‑136/03, p. I‑A‑215 u II‑957, punt 34), tali ġurisprudenza ma tistax tapplika f’dan il-każ.

129    Fil-fatt, fid-dawl tan-natura u l-importanza tal-dannu sofrut mir-rikorrenti, li jikkonsisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-annullament tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani ma jistax jikkostitwixxi kumpens xieraq u suffiċjenti għad-dannu kkawżat mill‑illegalità tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, isir kumpens ġust għal dan id-dannu billi l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 3 000.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tieni titolu tal-imsemmija regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall‑kawżi mressqa quddiem it-Tribunal, u dan mindu jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri l-1 Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, li huma rilevanti f’dan il-qasam, għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

131    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l‑Kummissjoni essenzjalment tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

132    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill, parti intervenjenti, għandhom ibatu l‑ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2003, li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani informazzjoni dwar A. Violetti, N. Schmit, u tnax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, li isimhom jidher fl-anness ta’ din is‑sentenza, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tħallas lil A. Violetti, N. Schmit, kif ukoll lil kull wieħed mit-tnax-il uffiċjal ieħor tal‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li isimhom jidher fl-anness ta’ din is-sentenza, is-somma ta’ EUR 3 000.

3)      Il-kumplament tat-talbiet taż-żewġ rikorsi huma miċħuda.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Kreppel

Tagaras

Gervasoni

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ April 2009.

W. Hakenberg

 

       S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


ANNESS

Anna Bassi Perucchini, residenti f’Reno di Leggiuno (l-Italja),

Marco Basso, residenti f’Varano Borghi (l-Italja),

Ernesto Brognieri, residenti f’Barasso (l-Italja),

Sergio Brusorio, residenti f’Sesto Calende (l-Italja),

Natale Cao, residenti f’Ispra (l-Italja),

Renato Cazzaniga, residenti f’Ispra (l-Italja),

Elvidio Flammini, residenti f’Varese (l-Italja),

Luigi Magistri, residenti f’Ispra (l-Italja),

Reginella Molinari Canale, residenti f’Ispra (l-Italja),

Giuseppe Morelli, residenti f’Besozzo (l-Italja),

Nadia Valentini, residenti f’Varese (l-Italja),

Giuseppe Zara, residenti f’Ispra (l-Italja).


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.