Language of document : ECLI:EU:C:2021:517

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fl-24 ta’ Ġunju 2021 (1)

Kawża C110/20

Regione Puglia

vs

Ministero dell’ambiente e della tutela del territorio e del mare,

Ministero dei beni e delle attività culturali e del turismo,

Ministero dello sviluppo economico,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Commissione tecnica di verifica dell’impatto ambientale,

partijiet magħquda:

Global Petroleum Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal‑Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 94/22/KE – Enerġija – Kundizzjonijiet għall-għoti u għall-eżerċizzju ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, għall-isfruttament u għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi – Awtorizzazzjoni għall-prospettar ta’ idrokarburi f’żona ġeografika speċifika għal żmien determinat – Delimitazzjoni tas-superfiċji taż-żoni koperti minn awtorizzazzjoni waħda – Żoni kontigwi – Għoti ta’ diversi awtorizzazzjonijiet lill-istess operatur wieħed – Proċedura kompetittiva”






I.      Introduzzjoni

1.        Din hija talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (2).

2.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 94/22 tobbligax lil Stat Membru jistabbilixxi u jimponi limitu assolut għad-daqs ġeografiku ta’ żona li għaliha operatur wieħed jista’ jingħata awtorizzazzjoni għall-attivitajiet ta’ prospettar, ta’ sfruttament u ta’ estrazzjoni ta’ idrokarburi (iktar ’il quddiem “E&P”) (3).

3.        Qabel ma neżamina l-fatti u l-kwistjonijiet legali li jinqalgħu, jeħtieġ li l-ewwel insemmi d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Ir-raba’ u s-sitt sad-disa’ premessa tad-Direttiva 94/22 jgħidu:

“[…] l-Istati Membri għandhom is-sovranità u drittijiet ta’ sovranità fuq ir-riżorsi ta’ idrokarburi fit-territorji tagħhom;

[…]

[…] għandhom jittieħdu passi biex jiġi assigurat l-aċċess mhux diskriminatorju għal u t-twettiq ta’ l-attività jiet li jirrelataw mat-tħaffir, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi permezz ta’ kondizzjonijiet li jinkoraġġixxu aktar kompetizzjoni f’dan is-settur u b’hekk jiffavorixxu l-aħjar prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ riżorsi fl-Istati Membri u jirrinfurzaw l-integrazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija;

[…] għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli komuni biex jassiguraw li l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ l-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi jkunu miftuħa għall-entitajiet kollha li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa; […] l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi pubblikati; […] l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtorizzazzjonijiet jingħataw għandhom bl-istess mod ikunu magħrufa bil-quddiem mill-entitajiet kollha li jieħdu sehem f’dik il-proċedura;

[…] l-Istati Membri għandhom iżommu l-għażliet li jillimitaw l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attività jiet għal raġunijiet iġġustifikati mill-interess pubbliku u suġġetti għall-kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ kontribuzzjoni f’idrokarburi, bl-arranġamenti dettaljati ta’ l-imsemmija kontribuzzjoni għandha tkun stabbilita b’tali mod hekk li ma tfixkilx l-immaniġġar ta’ l-entitajiet; […] dawn l-għażliet għandhom jintużaw b’mod mhux diskriminatorju; […] bl-eċċezzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet li jirrelataw ma’ l-użu ta’ din l-għażla, passi għandhom jittieħdu biex ikun evitat li jiġi impost fuq dawk l-entitajiet, kondizzjonijiet u obbligazzjonijiet li mhumiex ġustifikati mill-ħtieġa li din l-attività titwettaq sewwa; […] l-attività jiet ta’ l-entitajiet għandhom ikunu mmonitorjati biss sal-limitu meħtieġ biex tiġi assigurata l-konformità ma dawn l-obbligazzjonijiet u l-kondizzjonijiet;

[…] [i]l-limitu taż-żoni koperti b’awtorizzazzjoni u t-tul ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu llimitati biex tiġi evitata r-riserva għal entità waħda id-dritt esklużiv għal żona li tista’ tkun ipprospettata, esplorata u msaħħla [imdaħħla] fi produzzjoni b’mod aktar effiċjenti minn diversi entitajiet;

[…]”

5.        Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/22 jiddefinixxi “awtorizzazzjoni” kif ġej:

“‘awtorizzazzjoni’ tfisser kull liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew kuntrattwali jew strument maħruġ taħtha li bih l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru jintitolaw entità li teżerċita, għaliha stess u fuq ir-riskju tagħha, dritt esklużiv li tipprospetta jew tesplora għal jew tipproduċi idrokarburi f’żona ġeografika. Awtorizzazzjoni tista’ tingħata għal kull attività separata jew għal diversi attività jiet fl-istess żmien.”

6.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/22 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li għandhom jintgħamlu disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u għal produzzjoni ta’ idrokarburi.

2.      Kull meta żona tintgħamel disponibbli għall-eżerċitar ta’ l-attività jiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn entitajiet fir-rigward ta’ l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ dawn l-attività jiet.

[…]”

7.        L-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva 94/22 jittratta l-proċedura li għandha tkun segwita għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha interessati jistgħu jibgħatu applikazzjonijiet skond il-paragrafu 2 jew 3.

2.      Din il-proċedura għandha tinbeda:

(a)      jew fuq l-inizjattiva ta’ l-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ avviz li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati [li għandu jiġi ppubblikat] fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ mill-anqas 90 jum qabel id-data ta’ l-għeluq għall-applikazzjonijiet;

(b)      jew permezz ta’ avviż li jistieden applikazzjonijiet, li għandhom jiġu ppubblikati [li għandu jiġi ppubblikat] fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni minn xi entità mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1). Entitajiet oħra interessati għandhom ikollhom perijodu ta’ mill-anqas 90 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni li fiha jkunu jistgħu jibagħtu applikazzjoni.

L-avviżi għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ awtorizzazzjoni, iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi li parti minnhom jew kollha kemm huma, applikazzjoni tkun ġiet jew tkun tista’ ssir u d-data proposta jew il-limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni.

[…]

4.      L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jekk u sa dak il-limitu li l-konsiderazzjonijiet ġeoloġiċi jew tal-produzzjoni jiġġustifikaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal żoni lid-detentur ta’ l-awtorizazzjoni għal żona kontigwa. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jassiguraw li d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet għal xi żoni kontigwi oħra jkunu jistgħu jibagħtu applikazzjonijiet f’dak il-każ u li jingħataw żmien biżżejjed sabiex jagħmlu dan.

[…]”

8.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/22 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li:

(a)      jekk iż-żoni ġeografiċi ma jkunux delimitati fuq il-bażi ta’ diviżjoni ġeometrika preċedenti tat-territorju, il-firxa ta’ kull żona hija ddeterminata b’tali mod li ma teċċedix ż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l-attività jiet mill punti di vista tekniċi w ekonomiċi. Fil-każi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija wara l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 3(2), kriterji oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan u għandhom jintgħamlu disponibbli għall-entitajiet qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet;

(b)      it-tul ta’ l-awtorizzazzjoni m’għandux jeċċedi l-perijodu meħtieġ għat-twettiq ta’ l-attività jiet li dwarhom tkun ingħatat l-approvazzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jtawwlu l-awtorizzazzjoni meta t-tul stipulat ma jkunx biżżejjed biex tiġi mwettqa l-applikazzjoni f’dak il-każ u meta l-attività tkun twettqet skond l-awtorizzazzjoni;

(ċ)      entitajiet li ma jżommux id-drittijiet esklużżivi fiż-żona ġeografika li dwarha jkunu rċevew l-awtorizzazzjoni għal itwal milli hu meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ l-attivitajiet awtorizzati.”

9.        L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 94/22 jipprovdi:

“L-Istati Membri jisgħu, sal-limitu ġġustifikat mis-sigurtà nazzjonali, mis-sigurtà pubblika, mis-saħħa pubblika, mis-sigurtà ta’ trasport, mill-protezzjoni ta’ l-ambjent, mill-protezzjoni ta’ riżorsi bioloġiċi u teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, mis-sigurtà ta’ stallazzjonijiet u tal-ħaddiema, mill-immaniġġar ippjanat tar-riżorsi idrokarburi (per eżempju r-rata li biha l-idrokarburi jkunu eżawriti jew l-ottimizzazzjoni ta’ l-akkwist tagħhom) jew il-ħtieġa li jiġi assigurat l-introjtu tat-taxxa, jimponu kondizzjonijiet u ħtiġijiet dwar l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1).”

10.      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw jew li jinsabu f’awtorizzazzjonijiet individwali u għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(5)(b) id-dispożizzjonijiet legali, regolatorji u amministrattivi li jirriżervaw għal entità waħda d-dritt li jinkisbu awtorizzazzjonijiet f’żona ġeografika speċifika fit-territorju ta’ l-Istat Membru għandhom jiġu aboliti mill-Istati Membri konċernati qabel l-1 ta’ Jannar 1997.”

B.      Id-dritt Taljan

1.      Il-Liġi Nru 9/1991

11.      Id-Decreto Legislativo 25 novembre 1996, n. 625 Attuazione della direttiva 94/22/CEE relativa alle condizioni di rilascio e di esercizio delle autorizzazioni alla prospezione, ricerca e coltivazione di idrocarburi (4) (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 625 tal-25 ta’ Novembru 1996 li Jimplimenta d-Direttiva 94/22/KEE dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 625/1996”) ittraspona d-Direttiva 94/22 fid-dritt Taljan. Huwa emenda l-Artikolu 6, dwar il-permessi tal-esplorazzjoni għall-idrokarburi, tal-Legge 9 gennaio 1991, n. 9 Norme per l’attuazione del nuovo Piano energetico nazionale : aspetti istituzionali, centrali idroelettriche ed elettrodotti, idrocarburi e geotermia, autoproduzione e disposizioni fiscali (5) (il-Liġi Nru 9 tad-9 ta’ Jannar 1991 dwar Dispożizzjonijiet għall-Implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija Ġdid: Aspetti Istituzzjonali, Impjanti Idroelettriċi u Linji tal-Elettriku, Idrokarburi u Sistemi Ġeotermali, Awtoproduzzjoni u Dispożizzjonijiet Fiskali) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/1991”), li jipprovdi li:

“1.      Il-permess ta’ esplorazzjoni għandu jingħata permezz ta’ digriet tal-Ministro dell’industria, del commercio e dell’artigianato [(il-Ministru għall-Industrija, għall-Kummerċ u għas-Snajja’, l-Italja)], wara konsultazzjoni mal-Comitato tecnico per gli idrocarburi e la geotermia [(il-Kumitat Tekniku għall-Idrokarburi u l-Enerġija Ġeotermali)] u mar-reġjun rilevanti jew mal-provinċji awtonomi ta’ Trento jew Bolzano, bi qbil mal-Ministro dell’ambiente [(il-Ministru għall-Ambjent, l-Italja)] u mal-Ministro della marina mercantile [(il-Ministru għall-Flotta Merkantili, l-Italja)], skont l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tagħhom […]

2.      Iż-żona koperta bil-permess ta’ esplorazzjoni għandha tkun tali li tippermetti t-twettiq razzjonali tal-programm ta’ esplorazzjoni u fi kwalunkwe każ ma għandhiex tkun ta’ iktar minn 750 km2; art adjaċenti u żoni tal-baħar adjaċenti jistgħu jkunu inklużi fiż-żona koperta bil-permess.

3.      Jekk il-Ministru għall-Industrija, għall-Kummerċ u għas-Snajja’ ma jqisx li ż-żona mitluba hija ta’ daqs biżżejjed jew ta’ tifsila razzjonali għall-aħjar esplorazzjoni, huwa jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix il-permess ta’ esplorazzjoni sakemm iż-żona inkunsiderazzjoni ma tkunx tista’ tingħaqad ma’ żoni tal-madwar.

4.      Il-permess ikun validu għal sitt snin.

5.      Il-persuna li jkollha l-permess għandha tkun intitolata għal żewġ estensjonijiet wara xulxin ta’ tliet snin kull waħda, sakemm hija tkun issodisfat l-obbligi tal-permess.

6.      Il-persuna li jkollha l-permess tista’ tingħata estensjoni ulterjuri jekk […] xogħlijiet ikunu għadhom għaddejja […] għal raġunijiet li ma jkunux tort l-inattività, in-negliġenza jew l-inkompetenza tagħha […]”.

2.      Id-Decreto Direttoriale22 marzo 2011 u d-Decreto Direttoriale 15 luglio 2015

12.      Il-proċedura għall-għoti ta’ permessi ta’ esplorazzjoni kienet irregolata b’digrieti amministrattivi adottati mill-Ministero dello Sviluppo Economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“MISE”). Għall-bidu, dan kien id-Digriet tad-Direttur tat-22 ta’ Marzu 2011 (6), li kien validu fiż-żmien meta kienet saret l-applikazzjoni għall-permessi u sal-4 ta’ Settembru 2015. Minn dak iż-żmien ’il quddiem u sad-data li fiha kienu nħarġu d-digrieti li kienu sabu l-proġetti ambjentalment kompatibbli kien japplika d-Digriet tad-Direttur tal-15 ta’ Lulju 2015 (7). Dan kien baqa’ fis-seħħ sat-3 ta’ April 2017. Dawn kienu jipprovdu għal proċedura waħda għall-ħruġ ta’ permess għal attivitajiet E&P li wkoll kienet teħtieġ evalwazzjoni ambjentali li kellha ssir applikazzjoni għaliha separatament. F’din il-proċedura waħda kienu jieħdu sehem l-Istat u l-awtoritajiet reġjonali kkonċernati u kellhom jinkisbu l-opinjonijiet tal-awtoritajiet (8), ir-riżultat tal-proċedura tal-evalwazzjoni ambjentali u, fil-każ ta’ attivitajiet fuq l-art, l-approvazzjoni tar-reġjun.

13.      L-Artikolu 9(1) tad-Digriet tad-Direttur tat-22 ta’ Marzu 2011 u l-Artikolu 14(1) tad-Digriet tad-Direttur tal-15 ta’ Lulju 2015 kienu jipprovdu, it-tnejn li huma, li setgħu jingħataw iktar minn permess wieħed jew liċenzja individwali għal esplorazzjoni lill-istess entità ġuridika, sakemm iż-żona totali ma tkunx ta’ iktar minn 10 000 km2.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali

14.      Fis-27 ta’ Awwissu 2013, Global Petroleum Ltd, kumpannija Awstraljana li topera mad-dinja kollha fis-settur marittimu tal-idrokarburi, issottomettiet erba’ applikazzjonijiet separati lill-MISE. Hija applikat għal erba’ permessi ta’ esplorazzjoni għal żoni adjaċenti li kienu jinsabu lil hinn mill-kosta tar-Reġjun ta’ Puglia, kull waħda b’superfiċji ta’ ftit inqas minn 750 km2 u, għalhekk, żona totali ta’ madwar 3 000 km2.

15.      Skont ir-regoli proċedurali Taljani applikabbli, applikazzjonijiet għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kellhom jintbagħtu separatament. Global Petroleum għamlet hekk fit-30 ta’ Mejju 2014 meta bagħtet applikazzjoni lill-MATTM għad-deċiżjonijiet meħtieġa dwar il-kompatibbiltà ambjentali b’rabta ma’ stħarriġ siżmiku ta’ żewġ jew possibbilment ta’ tliet dimensjonijiet li kellu jitwettaq bl-użu tat-teknika “air gun” fiż-żoni kkonċernati.

16.      Permezz ta’ erba’ digrieti separati maħruġa fi tliet dati differenti, fl-14 ta’ Ottubru 2016, fil-31 ta’ Awwissu 2017 u fis-26 ta’ Settembru 2017 rispettivament (iktar ’il quddiem id-“digrieti inkwistjoni”), il-MATTM, bi qbil mal-Ministro dei Beni e delle Attività culturali e del Turismo (il-Ministru għall-Patrimonju, għall-Attivitajiet Kulturali u għat-Turiżmu, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“MIBAC”), kien ġie kkonstatat li l-proġetti kienu kompatibbli ambjentalment. Il-MATTM innota li Global Petroleum ma setgħetx tissottometti applikazzjoni waħda, minħabba li l-Liġi Nru 9/1991 kienet tgħid li ż-żona koperta mill-permess ta’ esplorazzjoni għal idrokarburi kellha tkun tali li tippermetti t-twettiq razzjonali tal-programm ta’ esplorazzjoni u ma setgħetx, f’kull każ, tkun taqbeż superfiċji ta’ 750 km2, iżda indika li l-Commissione tecnica di verifica dell’impatto ambientale (il-Kummissjoni Teknika għall-Verifika tal-Effetti fuq l-Ambjent, l-Italja) kienet talbet iktar informazzjoni mingħand Global Petroleum sabiex teżamina l-effetti kumulattivi tal-proġetti.

17.      Ir-Regione Puglia (ir-Reġjun ta’ Puglia, l-Italja) – awtorità parteċipanti fil-proċedura – ikkontesta kull wieħed minn dawn id-digrieti billi ppreżenta erba’ kawżi separati quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja). Huwa ssottometta li d-digrieti inkwistjoni kienu jiksru l-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 9/1991 minħabba li kienu japplikaw il-limitu ta’ 750 km2 biss għall-permessi individwali, u mhux għall-operaturi. Dan kien ifisser li operatur seta’ jikseb awtorizzazzjonijiet għal superfiċji totali li taqbeż dan il-limitu.

18.      It-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) ċaħdet dawn il-proċeduri. Hija kkonstatat li l-liġi ma kinitx intiża sabiex tħares l-ambjent, iżda pjuttost sabiex tippromwovi l-esplojtazzjoni razzjonali ta’ riżorsi ta’ idrokarburi u, b’hekk, il-kompetizzjoni bejn operaturi fis-settur. Minn dan hija ġibdet il-konklużjoni li operaturi individwali kienu intitolati jirċievu diversi permessi, anki għal żoni adjaċenti, sakemm kull applikazzjoni sottomessa tkun għal żona ta’ inqas minn 750 km2 u sakemm kull awtorizzazzjoni tinkiseb wara proċedura separata.

19.      Ir-Reġjun ta’ Puglia ppreżenta proċeduri ta’ appell kontra l-erba’ sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju.

20.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Taljana mad-Direttiva 94/22. Hija tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Fl-opinjoni tagħha, din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata bħala li tinkoraġġixxi “l-kompetizzjoni fis-suq”, jiġifieri li għadd kbir ta’ operaturi għandhom jikkompetu ma’ xulxin fis-suq, pjuttost milli sempliċi “kompetizzjoni għas-suq” fejn operaturi jintgħażlu permezz ta’ mekkaniżmi kompetittivi sabiex joperaw f’suq partikolari. Din il-forma tal-aħħar, madankollu, intgħażlet mill-implimentazzjoni Taljana ta’ din id-direttiva li ma tipprojbixxix – u, għalhekk, tippermetti – il-ħruġ ta’ diversi permessi lil operatur wieħed, bil-kundizzjoni li dan l-operatur ikun kisibhom permezz ta’ proċeduri amministrattivi separati.

21.      Għall-kuntrarju ta’ dan, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/22 jobbliga lill-Istati Membri jiddefinixxu daqs ideali wieħed għaż-żoni li għandhom ikunu disponibbli għal attivitajiet E&P u t-tul ideali tal-awtorizzazzjonijiet għal tali għanijiet għal kull operatur wieħed sabiex tkun iggarantita “kompetizzjoni fis-suq” minn diversi operaturi pjuttost milli minn ftit biss jew anki minn operatur wieħed. Il-qorti tar-rinviju tibża’ li, jekk ma jkunx hekk, jista’ jkun hemm konċentrazzjoni ta’ permessi għand operatur wieħed jew għand ftit operaturi biss.

22.      Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll, b’riferiment għall-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana, li għaliha ma huwiex possibbli li tinterpreta l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Taljana b’mod konformi ma’ dik li hija tqis bħala l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri fis-sens li tippermetti biss permess wieħed għal kull applikant. Kif issostni dik il-qorti, il-leġiżlazzjoni Taljana kienet dejjem stabbilixxiet żewġ limiti distinti fir-rigward tal-għoti ta’ permessi ta’ esplorazzjoni għall-idrokarburi. L-ewwel limitu kien relatat mas-superfiċji massima li kellha tkun koperta b’permess individwali (9). It-tieni limitu kien relatat mas-superfiċji massima li setgħet tkun koperta b’permess miżmum minn persuna jew entità ġuridika waħda (10). Għalhekk, meta tneħħa dan it-tieni limitu, dan, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, seta’ jiġi interpretat biss bħala li jfisser li ma kien hemm ebda limitazzjoni għall-għadd ta’ permessi li operatur seta’ jikseb (11). Dan, madankollu, kien imur, fil-fehma ta’ dik il-qorti, kontra l-għan tad-Direttiva 94/22. Il-qorti tar-rinviju ssostni li dan huwa minnu anki jekk wieħed iqis il-limitu massimu ta’ 10 000 km2 (12) previst fl-Artikolu 9(1) tad-Digriet tad-Direttur tat-22 ta’ Marzu 2011 u fl-Artikolu 14(1) tad-Digriet tad-Direttur tal-15 ta’ Lulju 2015, minħabba li dan il-limitu huwa iktar minn tlettax‑il darba ogħla mil-“limitu ideali” għal żona ta’ attivitajiet E&P li huwa stabbilit bħala 750 km2.

IV.    Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-[Direttiva 94/22] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta, li minn naħa, tiddefinixxi bħala ottimali għall-finijiet tal-ħruġ ta’ permess ta’ esplorazzjoni ta’ idrokarburi żona partikularment estiża, maħruġ għal perijodu determinat – f’dan il-każ żona ta’ 750 kilometru kwadru għal sitt snin – u li, min-naħa l-oħra, tippermetti li dawn il-limiti jinqabżu permezz tal-għoti ta’ diversi permessi ta’ esplorazzjoni għal żoni kontigwi [adjaċenti] favur l-istess operatur wieħed, bil-kundizzjoni li dawn jinħarġu wara proċeduri amministrattivi separati?”

24.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mir-Reġjun ta’ Puglia, minn Global Petroleum, mill-Gvernijiet tal-Italja, tal-Polonja u ta’ Ċipru, kif ukoll mill-Kummissjoni.

A.      Analiżi

1.      Ammissibbiltà

25.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Italja tissottometti li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Ir-raġunijiet li hija tagħti huma, minn naħa, li d-digrieti inkwistjoni jittrattaw l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, li hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ regoli ambjentali, filwaqt li d-domanda hija dwar l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 94/22. Hija tgħid ukoll li r-Reġjun ta’ Puglia ma għandux interess dirett u immedjat fil-kwistjoni minħabba li l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ esplorazzjoni inkwistjoni huma relatati ma’ żoni adjaċenti l-kosta li jagħmlu parti mill-baħar territorjali. Dan ifisser li tali żoni jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istat. L-Italja tgħarraf ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li għadhom ma nħarġux il-permessi ta’ esplorazzjoni, minħabba li l-proċedura sabiex dawn jingħataw – bħal għal kull permess ieħor għal esplorazzjoni – bħalissa hija sospiża minħabba li daħal fis-seħħ id-Decreto‑Legge 14 dicembre 2018 Nru 135 (13) li jitlob li jkun approvat “pjan ta’ żvilupp” (14) qabel ma jingħataw permessi għal attivitajiet E&P.

26.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss għall-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, tiddetermina kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tgħinha tagħti sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, jekk id-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni, ħlief meta jkun tassew ovvju li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollhiex rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali, tkun ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-materjal fattwali jew legali meħtieġ sabiex hija tagħti risposta siewja għad-domandi magħmula lilha (15).

27.      Sa fejn għandu x’jaqsam dan il-każ, jiena nqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun iddikjarata ammissibbli. L-ewwel, skont il-qorti tar-rinviju, kellha ssir applikazzjoni għall-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent – għalkemm separatament – sabiex jinkisbu l-permessi ta’ esplorazzjoni li Global Petroleum kienet talbet. Il-proċedura ta’ evalwazzjoni ambjentali kienet, għalhekk, ħaġa waħda mal-proċedura għall-għoti tal-permessi (16). It-tieni, il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-Istat Taljan biss għandu kompetenza fir-rigward ta’ attivitajiet E&P fl-ibħra territorjali jfissirx li r-Reġjun ta’ Puglia ma għandux kompetenza sabiex jikkontesta d-digriet inkwistjoni hija kwistjoni marbuta mal-proċedura quddiem il-qrati Taljani. Din il-kwistjoni ma għandha ebda impatt fuq l-ammissibbiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Dan jgħodd ukoll għall-kwistjoni ta’ jekk u kif id-dħul fis-seħħ tad-Digriet-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2018, Nru 135, jista’ jinfluwenza l-proċedura quddiem il-qrati Taljani. Sakemm il-proċedura tkompli quddiem il-qorti tar-rinviju, id-domanda magħmula ma tistax titqies li hija ipotetika. It-tielet, għalkemm id-digrieti inkwistjoni jikkonċernaw l-effetti fuq l-ambjent tal-istħarriġ siżmiku li Global Petroleum tipproponi li twettaq billi tuża t-teknika “air gun”, id-digrieti dwar il-kompatibbiltà ambjentali jagħmlu riferiment b’mod speċifiku għall-fatt li, minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/1991, Global Petroleum ma setgħetx tapplika għal permess wieħed biss għal dawn l-erba’ żoni adjaċenti. Ir-raba’, ir-Reġjun ta’ Puglia tabilħaqq jistrieħ fuq l-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 9/1991 meta jikkontesta dawn l-erba’ digrieti. Minħabba li din hija d-dispożizzjoni li timplimenta d-Direttiva 94/22, jidher li hija meħtieġa l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali.

2.      Risposta għad-domanda magħmula

28.      Meta l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru jistax “jevadi” limitazzjoni ġeografika dwar id-daqs taż-żoni li huwa jkun stabbilixxa fil-liġi tiegħu li timplimenta l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 billi jagħti diversi awtorizzazzjonijiet lill-istess entità jekk tkun applikat għal tali awtorizzazzjonijiet b’mod separat, il-kwistjoni hija jekk id-Direttiva 94/22 titlobx li l-Istati Membri jillimitaw id-daqs ġeografiku ta’ awtorizzazzjonijiet li huma jagħtu lil entità waħda. Il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix biss dwar il-limitazzjoni ġeografika (Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22) iżda wkoll dwar il-limitazzjoni ratione temporis ta’ kull awtorizzazzjoni (Artikolu 4(b) u (ċ) tad-Direttiva 94/22). Il-limitazzjoni ratione temporis prevista fl-Artikolu 4(b) hija iktar flessibbli mil-limitazzjoni ġeografika sa fejn tippermetti estensjoni meta t-tul stipulat ma jkunx biżżejjed sabiex titlesta l-attività inkwistjoni u meta l-attività tkun twettqet skont l-awtorizzazzjoni (17). Barra minn hekk, din il-limitazzjoni ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża skont id-digriet tar-rinviju. Għalhekk ser nikkonċentra fuq l-aspett ġeografiku, għalkemm ma għandix dubju li kull soluzzjoni misjuba tkun tapplika wkoll għall-aspett temporali.

29.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttivi jorbtu lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jkollu jinkiseb, iżda jħallu għall-awtoritajiet nazzjonali li jagħżlu l-forma u l-metodi li bihom ikollu jinkiseb dan ir-riżultat. Għalhekk, il-kwistjoni ewlenija hawnhekk hija jekk id-Direttiva 94/22 kinitx intiża li tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu limitu massimu għal żoni li fihom l-istess entità tkun intitolata twettaq attivitajiet E&P f’kull Stat Membru.

30.      Dan għandu jiġi aċċertat bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni użati skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn għandhom iqisu, minbarra l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li hija tkun tagħmel parti minnhom (18).

a)      Interpretazzjoni letterali

31.      Minħabba li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/22 ma tagħti tweġiba ċara għall-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri għandhomx jistabbilixxu żona ġeografika massima li fiha jkunu jistgħu jitwettqu attivitajiet E&P minn operatur wieħed, ikun xieraq li jitqies jekk dispożizzjonijiet relatati jew is-sistema ta’ tali dispożizzjonijiet jgħinux sabiex tiġi ċċarata din il-kwistjoni.

32.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 94/22 jgħid li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jistabbilixxu ż-żoni fit-territorju tagħhom li jkunu jistgħu jintużaw sabiex jitwettqu attivitajiet E&P. Din hija l-premessa li fuq il-bażi tagħha d-Direttiva 94/22 tagħmel armonizzazzjoni mhux eżawrjenti ta’ dawn l-attivitajiet (19).

33.      Id-dispożizzjoni li attwalment tittratta “il-firxa ta’ kull żona” – il-kelma rilevanti hawnhekk hija “żona”, u ma hemmx riferiment f’dik is-sentenza għal awtorizzazzjoni/jiet (20) – hija l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22. Dan l-artikolu jgħid li jekk iż-żoni ġeografiċi ma jkunux iddelimitati fuq il-bażi ta’ diviżjoni ġeometrika minn qabel tat-territorju, “il-firxa ta’ kull żona hija ddeterminata b’tali mod li ma teċċedix iż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l-attività jiet mill punti di vista tekniċi w ekonomiċi”. Din id-dispożizzjoni ma titlobx li l-Istati Membri jiddelimitaw superfiċji massima f’ċifri assoluti li tkun applikabbli għall-każijiet kollha fi ħdan l-Istat Membru. Lanqas ma tittratta l-kwistjoni ta’ jekk dan il-limitu jfissirx li tali żoni għandhom ukoll jikkostitwixxu l-limitu għal kull operatur li jwettaq l-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, hija lanqas ma għandha regoli għal żoni adjaċenti.

34.      Dak li l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 tassew jitlob huwa li, jekk awtorizzazzjonijiet jingħataw skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22 (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ perijodi ta’ liċenzjar”), “kriterji oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan u għandhom jintgħamlu disponibbli għall-entitajiet qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet”. Dan ifisser żewġ affarijiet. L-ewwel, jekk Stat Membru jibda perijodu ta’ liċenzjar, ikun importanti li jiġu ppubblikati l-kriterji sabiex ikun stabbilit dan il-limitu (21). It-tieni, din l-ewwel dispożizzjoni timplika li jekk jingħataw awtorizzazzjonijiet skont iż-żewġ sistemi l-oħra, jiġifieri, is-“sistema miftuħa” skont Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva (22) u s-sistema skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 94/22 – li nerġa’ ngħaddi għaliha dalwaqt – dawn l-awtorizzazzjonijiet ukoll ikollhom iħarsu r-rekwiżit li d-daqs ta’ kull żona ma għandux jaqbeż iż-żona ġustifikata bl-aħjar twettiq possibbli tal-attivitajiet mill-aspetti tekniċi u ekonomiċi.

35.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/22 jittratta l-kwistjonijiet proċedurali dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet. Fil-paragrafu 2 tiegħu huwa jiddeskrivi dik li jiena diġà rreferejt għaliha bħala “is-sistema ta’ perijodi ta’ liċenzjar” li biha applikanti jkunu mistiedna japplikaw għal awtorizzazzjonijiet, b’inizjattiva tal-awtorità kompetenti jew bħala reazzjoni għal applikazzjoni minn entità jekk l-Istat Membru kkonċernat imbagħad ikun jixtieq li t-territorju rispettiv tiegħu jintuża għal attivitajiet E&P. L-avviżi ta’ stedina għal applikazzjonijiet għandhom ikunu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (23). L-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva jipprovdi għal “sistema miftuħa” f’każijiet speċifiċi, li, madankollu, titlob ukoll li tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Iż-żewġ proċeduri għandhom l-għan li jingħata aċċess għall-proċedura lill-partijiet kollha li jkunu interessati jieħdu sehem fiha.

36.      L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 94/22 għandu eżenzjoni minn dawn il-proċeduri “jekk u sa dak il-limitu li l-konsiderazzjonijiet ġeoloġiċi jew tal-produzzjoni jiġġustifikaw l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal żoni lid-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni għal żona kontigwa”. Il-Polonja targumenta li din id-dispożizzjoni sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet mingħajr ma jkollhom jagħtu lill-partijiet kollha interessati l-opportunità li jipparteċipaw. Minħabba li din hija l-unika eżenzjoni mogħtija skont din id-dispożizzjoni, il-Polonja ssostni li d-dispożizzjoni tassumi li awtorizzazzjonijiet għal żoni kontigwi jistgħu fil-fatt jingħataw lill-istess operatur wieħed. Jidher li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/22 issostni xi ftit din l-interpretazzjoni minħabba li dan l-artikolu jgħid li fil-każijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li awtorizzazzjonijiet jingħataw wara proċedura li fiha l-entitajiet kollha interessati jkunu jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet skont il-paragrafu 2 jew 3. Id-dispożizzjoni, għalhekk, tirrikonoxxi li l-proċedura eċċezzjonali prevista fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 94/22 ma tirrikjedix li l-entitajiet kollha interessati jkollhom aċċess għal din il-proċedura. Hija ma tagħmilx rikonoxximent simili fir-rigward ta’ żoni kontigwi. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/22 jittratta biss kwistjonijiet proċedurali dwar l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet.

37.      Ir-Reġjun ta’ Puglia, min-naħa l-oħra, iqis li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 94/22 mhux biss għandu eżenzjoni mir-rekwiżit proċedurali, iżda wkoll minn dak li huwa jqis bħala prinċipju ġenerali, jiġifieri li awtorizzazzjonijiet għal żoni kontigwi jistgħu jingħataw biss fiċ-ċirkustanzi speċifiċi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal żoni kontigwi f’ċirkustanzi speċifiċi. La l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/22 u lanqas, fil-fatt, ebda dispożizzjoni oħra, ma jipprovdu li l-awtorizzazzjonijiet għal żoni kontigwi jistgħu jingħataw biss fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 3(4) u din id-dispożizzjoni lanqas ma tittratta l-limiti ġeografiċi ta’ dawn iż-żoni (aggregati). Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 jobbliga lil Stat Membru jipprovdi limitu assolut għad-daqs taż-żoni mogħtija lil operatur wieħed, għaliex ma għandhomx jingħataw applikazzjonijiet għal żoni kontigwi jekk dawn iż-żoni kontigwi ma jilħqux dan id-daqs (24)? Dan ma għandux bażi fil-formulazzjoni tad-Direttiva 94/22. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 94/22 lanqas ma jagħti eżenzjoni mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22, jekk wieħed kellu jinterpreta din l-aħħar dispożizzjoni bħala li tipprevedi limitu assolut.

38.      Ma hemm, għalhekk, ebda indikazzjoni fid-Direttiva 94/22 ta’ prinċipju ġenerali li ma għandhomx jingħataw awtorizzazzjonijiet għal żoni kontigwi, kif kien argumentat mir-Reġjun ta’ Puglia. Madankollu, dan ma huwiex tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 jillimitax id-daqs taż-żoni li jistgħu jingħataw lil operatur wieħed.

39.      Dispożizzjoni rilevanti oħra huwa l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/22. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lil operaturi (25). L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 għandu sett limitat ħafna ta’ kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni – u jgħid li dawn il-kriterji għandhom jitfasslu u jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali qabel il-perijodu għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet. Paragrafi oħra tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/22 għandhom l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha dwar l-eżerċizzju u l-waqfien tal-attività – inkluż tagħrif dwar bidliet – ikunu jistgħu jinkisbu mill-partijiet kollha interessati. Dan japplika wkoll għall-komunikazzjoni tar-raġunijiet għal applikazzjoni li ma tirnexxix lill-applikant, jekk l-applikant hekk jixtieq. Flimkien ma’ dan, l-Artikolu 5 jobbliga lill-Istati Membri japplikaw dawn il-kriterji, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti b’mod mhux diskriminatorju.

40.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 94/22 huwa interessanti fir-rigward ta’ aspetti ambjentali msemmija mir-Reġjun ta’ Puglia u mill-Kummissjoni. Huwa jagħti dritt lill-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet u rekwiżiti għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet E&P sa fejn, fost oħrajn, ikun iġġustifikat mill-ħarsien tal-ambjent.

41.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/22 għandu messaġġ ta’ kompetizzjoni. Huwa jobbliga lill-Istati Membri jħassru dispożizzjonijiet legali, regolatorji u amministrattivi li jirriżervaw lil entità waħda d-dritt li tikseb awtorizzazzjonijiet f’żona ġeografika speċifika fit-territorju tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 1997.

42.      Filwaqt li huwa ċar mill-Artikolu 7, kif ukoll mis-sitt premessa tad-Direttiva 94/22, li hija x-xewqa tal-leġiżlatur li tiżdied il-kompetizzjoni fis-settur, l-Artikolu 7 tagħha jittratta l-problema li kienet teżisti meta din id-direttiva daħlet fis-seħħ. Din il-problema kienet li, f’ħafna pajjiżi, kienu jeżistu dispożizzjonijiet legali, regolatorji u amministrattivi li kienu jirriżervaw għal entità waħda d-dritt li tikseb awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet E&P f’żoni speċifiċi. Dawn kellhom jitħassru sal-1 ta’ Jannar 1997 (26). Madankollu, dan l-artikolu ma għandu ebda stipulazzjoni lil hinn minn dan il-perijodu. Kif huwa ċar ukoll mill-formulazzjoni tas-sitt premessa, il-miżuri li għandhom jittieħdu skont id-Direttiva huma l-aċċess mhux diskriminatorju għall-attivitajiet koperti mid-Direttiva u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet skont kundizzjonijiet li “jinkoraġġixxu aktar kompetizzjoni f’dan is-settur u b’hekk jiffavorixxu l-aħjar prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ riżorsi fl-Istati Membri u jirrinfurzaw l-integrazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija”.

43.      Wieħed għandu jiftakar ukoll li l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 jitlob biss li tkun stabbilita żona li “ma teċċedix iż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l-attivitajiet mill-punti di vista tekniċi w ekonomiċi” jekk iż-żoni ġeografiċi ma jkunux diġà ddelimitati abbażi ta’ diviżjoni ġeometrika minn qabel tat-territorju (27). Għalhekk, jekk wieħed ried jiżgura l-istess kundizzjonijiet kompetittivi fir-rigward tad-daqs taż-żoni għall-operaturi prospettivi kollha fi Stat Membru wieħed, dan kien ikun dejjem inkomplet (28).

44.      Barra minn dan, l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 jobbliga biss lill-Istati Membri jistabbilixxu kriterji oġġettivi sabiex tkun stabbilita tali żona. Dan l-artikolu ma jobbligax lill-Istati Membri jiffissaw superfiċji ġeografika speċifika f’ċifri assoluti għaż-żoni kollha fit-territorju tagħhom (dan jista’, minħabba differenzi ġeografiċi jew ġeoloġiċi f’partijiet differenti tat-territorju ta’ Stat Membru, ma jkunx l-iktar mod effiċjenti teknikament u ekonomikament). L-iffissar ta’ superfiċji massima għal tali attivitajiet f’ċifri assoluti jikkostitwixxi kriterju oġġettiv (29). Minħabba li dan ma huwiex il-mod waħdieni li bih Stat Membru jista’ jimplimenta l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22, ma nqisx li dan huwa indikazzjoni ċara li limitu, bħas-750 km2, għandu jitqies limitu assolut meħtieġ mid-Direttiva.

45.      Il-formulazzjoni l-iktar ċara li ssostni interpretazzjoni bħal din tista’ aktarx tinstab fid-disa’ premessa. Din tgħid li “l-limitu taż-żoni koperti b’awtorizzazzjoni u t-tul ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu llimitati biex tiġi evitata r-riserva għal entità waħda id-dritt esklużiv għal żona li tista’ tkun ipprospettata, esplorata u msaħħla [imdaħħla] fi produzzjoni b’mod aktar effiċjenti minn diversi entitajiet” (30). Minħabba li dan huwa relatat b’mod ċar mal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 94/22, din id-dispożizzjoni tista’, fid-dawl tad-disa’ premessa, tinqara bħala li tfisser li dawn il-kriterji huma intiżi li jillimitaw kull operatur/entità għal mhux iktar minn awtorizzazzjoni waħda fi żmien partikolari għal attivitajiet E&P fi Stat Membru partikolari.

46.      Filwaqt li interpretazzjoni tal-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 bħala li jfisser li għandu jkun hemm limitu assolut għaż-żona li għaliha tista’ tingħata awtorizzazzjoni waħda jew iktar lil entità waħda, tista’ żżid l-għadd ta’ kompetituri għal attivitajiet E&P, hija għandha wkoll effetti potenzjalment negattivi. Kif tinnota l-Kummissjoni, tali interpretazzjoni tista’ tillimita l-kompetizzjoni għal-liċenzji minħabba li teskludi – maż-żmien, skont kemm idumu l-awtorizzazzjonijiet – għadd dejjem jikber ta’ entitajiet mill-proċess jekk huma jkunu diġà qegħdin iwettqu tali attivitajiet fi Stat Membru.

47.      Għalkemm din l-analiżi purament testwali ma twassalx għal konstatazzjoni li l-operaturi huma limitati għal permess ta’ esplorazzjoni wieħed, ser ngħaddi issa sabiex inqis, xorta waħda, l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 94/22.

b)      Interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika

48.      Skont is-sitt premessa tagħha, id-Direttiva 94/22 għandha żewġ għanijiet relatati. L-ewwel, hija trid tiżgura aċċess għal u eżerċizzju ta’ attivitajiet E&P mingħajr diskriminazzjoni u b’hekk hija trid tinkoraġġixxi u tiffavorixxi l-aħjar prospettar, sfruttament u estrazzjoni ta’ riżorsi li jinsabu fl-Unjoni. Kif huwa ċar mit-tielet premessa tagħha, dan huwa ta’ importanza kbira minħabba li, fiż-żmien meta d-Direttiva 94/22 daħlet fis-seħħ, l-Unjoni kienet tiddependi, u ġeneralment għadha tiddependi, fuq importazzjonijiet għall-provvisti tagħha ta’ idrokarburi.

49.      Id-Direttiva 94/22 kienet adottata abbażi tal-ewwel u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 57(2) kif ukoll tal-Artikoli 66 u 100a tat-Trattat KE (31). Diġà minn dan jirriżulta ċar li l-mira prinċipali tad-Direttiva huwa l-istabbiliment tas-suq intern. L-għan ewlieni tagħha huwa li tiżgura aċċess mhux diskriminatorju għall-entitajiet kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew jekk ikunux pubbliċi jew privati, għal attivitajiet E&P (32). Dan huwa ċar mir-regoli tagħha li – kif intwera iktar ’il fuq – jikkonċentraw fuq li jkunu mgħarrfa l-partijiet kollha li jistgħu jkunu interessati jingħataw awtorizzazzjoni (33) u li jkun iffissat għadd limitat ta’ kriterji rilevanti għal tali għoti (34). Din it-tieni miżura għandha l-għan li tirrestrinġi l-possibbiltajiet tal-Istati Membri fit-tfassil tal-kriterji għall-klijenti favoriti (nazzjonali) tagħhom. Dawn il-prinċipji jistgħu jinġabru fi frażi waħda: “trasparenza u nondiskriminazzjoni” (35).

50.      Skont ir-Reġjun ta’ Puglia, id-Direttiva 94/22 tiggarantixxi l-kompetizzjoni fis-suq li, fil-fehma tiegħu, tista’ sseħħ biss jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu interpretati b’mod li jipprekludi li entità tkun tista’ tikseb pożizzjoni dominanti jew li l-awtorizzazzjonijiet ikunu kkonċentrati għand ftit operaturi. Ir-Reġjun ta’ Puglia jsostni li huwa l-għan tad-Direttiva 94/22 li jkun evitat il-ħolqien ta’ drittijiet esklużivi f’żoni ġeografiċi li ma jħallux ikun hemm “kompetizzjoni ġenwina fis-suq”. Fl-opinjoni tiegħu, jekk ikunu allokati żoni ikbar għal attivitajiet E&P lil entità waħda, dan ser iwassal għal distorsjoni tas-suq. Skont ir-Reġjun ta’ Puglia, l-għan tal-limitu impost skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 – il-limitu ta’ 750 km2 – huwa li jevita li jsir dan.

51.      Ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. L-ewwel, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 94/22 jagħmlu parti mill-korp ta’ regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mhux minn dak tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Għalkemm iż-żewġ settijiet ta’ regoli għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kompetizzjoni fl-Unjoni, li mbagħad għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ suq intern, huma għandhom żewġ punti ta’ tluq differenti. Filwaqt li d-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jirregola l-imġiba ta’ awtoritajiet pubbliċi jew ta’ impriżi pubbliċi jew ta’ impriżi li joperaw abbażi ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija minn Stat Membru, ir-regoli tal-kompetizzjoni jittrattaw attivitajiet ekonomiċi ta’ impriżi (36). Bħala tali, ir-regoli rispettivi jaħdmu f’livelli differenti. Filwaqt li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jillimitaw ċerta mġiba mhux kompetittiva u filwaqt li r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet (37) għandu l-għan li ma jħallix ikun hemm bidliet strutturali għas-suq minħabba konċentrazzjonijiet li b’mod sinjifikattiv ifixklu kompetizzjoni effettiva, ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huma intiżi li jagħtu aċċess ugwali għas-suq lill-entitajiet kollha interessati billi japplikaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni. Ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet biss ma jħallix li tinħoloq pożizzjoni dominanti u dan biss f’każ ta’ konċentrazzjoni.

52.      Li d-Direttiva 94/22 tagħmel parti mit-tieni sett ta’ dispożizzjonijiet huwa msaħħaħ iktar ukoll mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/22, li mill-ewwel jgħaqqad din id-direttiva mad-Direttiva 93/38 (38). Skont din id-direttiva – kif ukoll skont id-direttivi li ssostitwixxewha – “l-isfruttar ta’ żona ġeografika, bil-għan li jkun hemm esplorazzjoni għal jew estrazzjoni taż-żejt [jew] tal-gass” kien attività rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva (39). Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/38 kien, madankollu, possibbli li tintalab deroga mill-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-utilitajiet jekk ikunu tħarsu ċerti kriterji, jiġifieri kriterji relatati ma’ trasparenza u nondiskriminazzjoni fl-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet. L-Istati Membri mbagħad kellhom jiżguraw, f’dawn l-awtorizzazzjonijiet, l-akkwist mhux diskriminatorju u kompetittiv tal-entità li tkun ingħatat tali awtorizzazzjoni, kif ukoll l-informazzjoni lill-Kummissjoni relatata mal-għoti ta’ kuntratti. L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 93/38, kif miżjud mad-dispożizzjoni bl-Artikolu 12 tad-Direttiva 94/22, kien jipprovdi li l-kriterji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni għandhom jitqiesu li jkunu tħarsu malli Stat Membru jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/22 (40).

53.      Dan juri li d-Direttiva 94/22 u d-dispożizzjonijiet tagħha huma ħolqa fil-katina ta’ miżuri meħuda sabiex setturi li kienu joperaw fi swieq magħluqa jitmexxew lejn prattika bbażata fuq il-kompetizzjoni mal-Unjoni kollha u fuq l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ħaġa li ma kinitx tħalliet issir minħabba drittijiet esklużivi mogħtija minn awtoritajiet nazzjonali għall-isfruttament ta’ żoni ġeografiċi partikolari (41).

54.      Il-limitazzjonijiet li għandhom ikunu imposti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/22 għandhom jitqiesu f’dan il-kuntest. Filwaqt li huwa rrikonoxxut li attivitajiet E&P li jeħtieġu investiment kbir jitwettqu biss f’żona jekk dan ikun jista’ jsir fuq bażi esklużiva (42), kull tali dritt esklużiv ifisser li l-kompetizzjoni tintemm għaż-żona ġeografika koperta minn tali awtorizzazzjoni u matul il-perijodu ta’ validità tagħha. Għaldaqstant, it-tneħħija effettiva mill-kompetizzjoni għandha tkun limitata fid-daqs u fiż-żmien kemm jista’ jkun b’mod raġonevoli, filwaqt li min ikollu awtorizzazzjoni jibqa’ jitħalla (għall-inqas teoretikament) (43) jifdi l-investimenti (44).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li r-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kienu adottati sabiex jitwaqqaf suq wieħed, li jkollu l-għan li jiżgura l-libertà tal-moviment u li jneħħi restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni u li, f’dan il-kuntest, huwa l-interess tad-dritt tal-Unjoni li tiġi żgurata l-usa’ parteċipazzjoni possibbli minn offerenti f’sejħa għal offerti (45). B’mod konformi ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement irreżistiet attentati sabiex ikunu estiżi r-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ “kuntratturi” fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, minbarra dawk stabbiliti fid-direttivi rispettivi, ħlief jekk ikollhom l-għan li jiżguraw “l-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti kollha u ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi l-bażi tad-direttivi tal-Unjoni marbuta mal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bil-kundizzjoni li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità” (46). Għalkemm dawn il-konstatazzjonijiet kienu saru fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, dan l-istess għan li aċċess għal kuntratti ma jkunx ristrett bla bżonn japplika ugwalment għall-qasam tal-utilitajiet (47).

56.      Għalhekk, l-għan tad-Direttiva 94/22 ma huwiex li jiġi limitat l-għadd ta’ applikanti għal awtorizzazzjoni iżda huwa eżatt l-oppost, jiġifieri li jkun hemm kemm jista’ jkun entitajiet – adatti – li jikkompetu għall-awtorizzazzjonijiet. Ma jkunx ta’ ġid għall-kompetizzjoni li jkunu esklużi xi kompetituri mis-suq meta jkun hemm din il-kompetizzjoni, jiġifieri meta jkunu qegħdin jingħataw awtorizzazzjonijiet, sempliċement minħabba li l-awtorizzazzjonijiet li diġà jkollhom ikunu jilħqu l-limitu stabbilit skont l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22. Filwaqt li huwa minnu li entitajiet li diġà jkollhom awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet E&P, partikolarment awtorizzazzjonijiet għal żoni adjaċenti, jistgħu jkunu f’qagħda aħjar sabiex jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 u jirbħu meta joffru għal iktar awtorizzazzjonijiet, ma huwiex il-kompitu tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jara li dan ma jitħalliex iseħħ. U, kif diġà indikajt iktar ’il fuq, lanqas id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jżommu milli tkun tista’ tinkiseb pożizzjoni dominanti jekk din il-pożizzjoni dominanti tintlaħaq minħabba prestazzjoni fis-suq u mhux minħabba konċentrazzjoni.

57.      Jekk il-fatt li entità waħda jkollha diversi awtorizzazzjonijiet iwassal sabiex hija tilħaq pożizzjoni dominanti fis-suq għal servizzi E&P – li, kif diġà kien innotat, huwa suq mad-dinja kollha – u jekk hija tabbuża minn din il-pożizzjoni, allura hija tikser id-dritt tal-kompetizzjoni li ovvjament ikun applikabbli. Huwa dubjuż, madankollu, sa mill-bidu nett jekk suq jiffunzjonax l-aħjar jekk ikunu biss operaturi li ma jkunux diġà qegħdin iwettqu attivitajiet simili fl-istess pajjiż li jkollhom id-dritt li jkunu attivi.

3.      Kunsiderazzjonijiet ambjentali

58.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma qajmitx din il-kwistjoni fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ir-Reġjun ta’ Puglia, kif ukoll il-Kummissjoni, għandhom dubji jekk għandhomx jitqiesu kunsiderazzjonijiet ambjentali. Għalkemm jiena dubjuż dwar ir-rilevanza tagħhom f’dan il-każ, nixtieq nittratta xorta waħda, fil-qosor, il-kwistjonijiet imqajma.

59.      Kif il-Kummissjoni tinnota, prospettar permezz tat-“teknika ta’ air-gun” jeħtieġ evalwazzjoni ambjentali qabel ma tinħareġ awtorizzazzjoni (48). Meta jiddeċiedu skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 jekk ikollhiex issir evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkollhom iqisu l-effett kumulattiv ta’ proġetti skont il-punt 1(b) tal-Anness III ta’ din id-direttiva sabiex tkun evitata evażjoni tal-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jiġu sseparati l-proġetti li, meqjusa flimkien, x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (49). Ir-Reġjun ta’ Puglia donnu jargumenta dwar dan fis-sens li l-fatt li jintalbu (diversi) awtorizzazzjonijiet mill-istess operatur wieħed fi proċeduri differenti jwassal għal sitwazzjoni fejn l-evalwazzjoni meħtieġa tal-effetti fuq l-ambent tqis biss l-impatt ta’ kull miżura individwali (koperta minn tali proċeduri) pjuttost milli l-impatt akkumulat tal-miżuri kollha (50). Barra minn dan, l-Artikolu 11 TFUE jipprevedi li rekwiżiti ta’ ħarsien ambjentali għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u tal-attività tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jinġieb ’il quddiem l-iżvilupp sostenibbli (51). Dan il-prinċipju kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja f’għadd ta’ oqsma ta’ politika (52).

60.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3(9) tad-Digriet Ministerjali tal-MISE tas-7 ta’ Diċembru 2016 (53) jipprovdi għal proċedura waħda li matulha ssir l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali. Diversi ministeri jkunu involuti f’din il-proċedura. Għal dan il-għan, Global Petroleum kienet issottomettiet erba’ applikazzjonijiet lill-MATTM għal evalwazzjonijiet ambjentali tal-użu tat-teknika air gun fiż-żoni li għalihom hija kienet applikat għal permessi. Id-digrieti li jikkonfermaw il-kompatibbiltà ambjentali huma s-suġġett tal-proċeduri legali li huma l-bażi ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Ir-rinviju jinkludi wkoll it-tagħrif li d-digrieti kienu qalu li skont il-liġi Taljana applikabbli ma setgħetx tintalab evalwazzjoni waħda ta’ effetti fuq l-ambjent, iżda li, sabiex, madankollu, ikun evalwat l-impatt kumulattiv, kellu jintalab iktar tagħrif dwar dan l-aspett mingħand Global Petroleum. Għalhekk, ma hemmx x’juri li l-proċedura Taljana ma tiżgurax li l-obbligi skont id-Direttiva 2011/92 ikunu segwiti b’mod korrett. Anzi, rekwiżiti ta’ ħarsien ambjentali kienu ddaħħlu fil-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal attivitajiet E&P kif previst fl-Artikolu 11 TFUE.

61.      Iktar minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 94/22 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, sakemm ikun iġġustifikat bil-ħarsien tal-ambjent u ta’ riżorsi bijoloġiċi, jimponu kundizzjonijiet u rekwiżiti għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet E&P. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tat ebda tagħrif li l-Italja kienet imponiet tali kundizzjonijiet jew rekwiżiti.

62.      Minbarra dan, u tal-ikbar importanza, ma huwiex ċar b’liema mod tista’ tagħmel differenza għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk operatur wieħed waħdu jirċevix jew le diversi awtorizzazzjonijiet li jħallu lil dan l-operatur iwettaq attivitajiet E&P f’żona ta’ iktar minn 750 km2.

63.      Għal din ir-raġuni l-opinjoni tiegħi hija li kunsiderazzjonijiet ambjentali, inkluża d-Direttiva 2011/92, ma għandhom ebda funzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22.

V.      Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li r-risposta li għandha tingħata lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) għandha tkun din li ġejja:

L-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-ħruġ ta’ diversi permessi ta’ esplorazzjoni (inklużi għal żoni adjaċenti) lill-istess entità wara proċeduri amministrattivi separati, anki jekk dan iwassal sabiex entità tikseb permessi ta’ esplorazzjoni li jkopru żona ġeografika ikbar (u għal żmien itwal) mil-limiti stabbiliti skont din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262.


3      E&P hija taqsira stabbilita għal “esplorazzjoni u produzzjoni” (ta’ idrokarburi). Qiegħed nużaha hawnhekk bħala li tinkludi l-istadju ta’ prospettar, l-analiżi ġeoloġika qabel esplorazzjoni ulterjuri, minħabba li t-tliet stadji huma kollha ttrattati speċifikament fid-Direttiva 94/22.


4      GURI Nru 293 tal-14 ta’ Diċembru 1996.


5      GURI Nru 13 tas-16 ta’ Jannar 1991.


6      Decreto Direttoriale, 22 marzo 2011, Procedure operative di attuazione del decreto ministeriale 4 marzo 2011 e modalità di svolgimento delle attività di prospezione, ricerca e coltivazione di idrocarburi liquidi e gassosi e dei relativi controlli ai sensi dell’articolo 15, comma 5 del Decreto Ministeriale 4 marzo 2011 (id-Digriet tad-Direttur tat-22 ta’ Marzu 2011 dwar il-Proċeduri Operattivi li Jimplimentaw id-Digriet Ministerjali tal-4 ta’ Marzu 2011 u dwar il-Modalitajiet għat-Twettiq tal-Attivitajiet ta’ Prospettar, ta’ Esplorazzjoni u ta’ Estrazzjoni ta’ Idrokarburi Likwidi u f’Forma ta’ Gass u dwar il-Kontrolli Rispettivi fis-sens tal-Artikolu 15(5) tad-Digriet Ministerjali tal-4 ta’ Marzu 2011) (GURI Nru 89 tat-18 ta’ April 2011).


7      Decreto Direttoriale, 15 luglio 2015, Procedure operative di attuazione del Decreto Ministeriale 25 marzo 2015 e modalità di svolgimento delle attività di prospezione, ricerca e coltivazione di idrocarburi liquidi e gassosi e dei relativi controlli ai sensi dell’art. 19, comma 6, dello stesso decreto (id-Digriet tad-Direttur tal-15 ta’ Lulju 2015 dwar il-Proċeduri Operattivi li Jimplimentaw id-Digriet Ministerjali tal-25 ta’ Marzu 2015 u dwar il-Modalitajiet għat-Twettiq tal-Attivitajiet ta’ Prospettar, ta’ Esplorazzjoni u ta’ Estrazzjoni ta’ Idrokarburi Likwidi u f’Forma ta’ Gass u dwar il-Kontrolli Rispettivi, fis-sens tal-Artikolu 19(6) ta’ dan id-digriet) (GURI Nru 204 tat-3 ta’ Settembru 2015).


8      Għall-attivitajiet lil hinn mill-art, dan kien jinkludi lill-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Ħarsien tal-Art u tal-Baħar, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“MATTM”), u lill-Ministero delle infrastrutture e trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) u l- Ministero delle politiche agricole, alimentari e forestali (il-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Ikel u għall-Politika Forestali, l-Italja).


9      Fil-bidu l-limitu kien stabbilit għal 50 000 ettaru (100 ettaru jġibu 1 km2) skont id-dispożizzjonijiet tal-Legge 11 gennaio 1957, n. 6 (il-Liġi Nru 6 tal-11 ta’ Jannar 1957, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 6/1957”), imbagħad ittella’ għal 70 000 ettaru skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Legge 21 luglio 1967, n. 613 (il-Liġi Nru 613 tal-21 ta’ Lulju 1967, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 613/1967”), u fl-aħħar nett għal 100 000 ettaru skont id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess liġi. Din iċ-ċifra nżammet fil-formulazzjoni oriġinali tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 9/1991 (qabel ma nbidlet bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 625/1996).


10      Din it-tieni ċifra kienet 300 000 ettaru fit-territorju nazzjonali kollu u 150 000 ettaru fl-istess reġjun skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 6/1957 (bi projbizzjoni fuq l-għoti ta’ permessi għal żoni adjaċenti), imtella’ għal 500 000 ettaru skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi Nru 613/1967. Iċ-ċifra ttellgħat għal 1 000 000 ettaru b’din l-istess liġi, kif ukoll bil-Liġi Nru 9/1991 (qabel ma nbidlet skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 625/1996), b’eċċezzjoni tingħata fir-rigward tal-Ente nazionale idrocarburi (l-Awtorità Nazzjonali għall-Idrokarburi, l-Italja, illum Eni SpA).


11      Il-qorti tar-rinviju tissottometti li din l-istess pożizzjoni kienet adottata f’sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), taqsima VI tal-4 ta’ Jannar 2019, Nru 92. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, ma taqbilx mal-konstatazzjoni ta’ din it-taqsima li projbizzjoni fuq il-ħruġ ta’ diversi permessi lil operatur wieħed (li jwassal sabiex jinqabeż il-limitu preskritt fir-rigward taż-żona fil-pussess ta’ operatur wieħed) ma setgħetx tiġi dedotta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri mid-Direttiva 94/22.


12      Li huwa l-istess, jiġifieri 1 000 000 ettaru, bħal dak previst fil-Liġi Nru 9/1991 qabel ma nbidlet bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 625/1996.


13      Decreto-legge 14 dicembre 2018, n 135, recante disposizioni urgenti in materia di sostegno e semplificazione per le imprese e per la pubblica amministrazione (id-Digriet‑Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2018, Nru 135, dwar Dispożizzjonijiet Urġenti għal Sostenn u Simplifikazzjoni għal Negozji u għall-Amministrazzjoni Pubblika, GURI Nru 290 tal-14 ta’ Diċembru 2018), li wara nbidel fil-Liġi Nru 12 tal-11 ta’ Frar 2019, GURI Nru 36 tat-12 ta’ Frar 2019.


14      Piano per la Transizione Energetica Sostenible delle Aree Idonee (il-Pjan għat-Tranżizzjoni Enerġetika Sostenibbli ta’ Żoni Eliġibbli).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Jekk tali deċiżjoni li tista’ titqies intermedja għall-għoti tal-permess ta’ esplorazzjoni tistax tkun ikkontestata jew jekk hijiex biss l-għotja finali ta’ tali permess li tista’ tkun ikkontestata hija kwistjoni għalkollox tad-dritt nazzjonali.


17      L-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 94/22 fil-fatt jgħid b’mod ċar, iżda, li għandu jiġi żgurat li entitajiet ma jżommux drittijiet esklużivi fiż-żona ġeografika għal itwal milli jkun meħtieġ għat-twettiq xieraq tal-attivitajiet awtorizzati.


18      Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Natumi, (C‑815/19, EU:C:2021:336, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara wkoll f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawżi magħquda Eni u Shell Italia E & P (C‑364/18 u C‑365/18, EU:C:2019:503, punti 38 u 39).


20      Dan huwa differenti mill-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 94/22 li jirreferi għat-“tul ta’ l-awtorizzazzjoni”. Min-naħa l-oħra, dan ma jfissirx li ma jistax ikun hemm diversi awtorizzazzjonijiet għal entità waħda.


21      Dawn il-kriterji jistgħu, għalhekk, jiġu wkoll ikkontestati.


22      “Sistema miftuħa” tiddeskrivi sistema fejn ikun hemm żoni għal attivitajiet E&P li jkunu disponibbli fuq bażi permanenti u li jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba sabiex tingħata awtorizzazzjoni f’kull żmien f’negozjar individwali għal awtorizzazzjonijiet.


23      Fiż-żmien li fih id-Direttiva 94/22 daħlet fis-seħħ, dan kien Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.


24      Ir-Reġjun ta’ Puglia ma jaqbilx li entità għandha tkun intitolata tikseb diversi permessi ta’ esplorazzjoni, sakemm iż-żona koperta mill-permessi kollha tibqa’ fil-limitu ta’ 750 km2.


25      Fil-fatt, ir-raba’ subparagrafu biss tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22 jirreferi għall-“kompożizzjoni [l-operatur] ta’ entità”. Ġeneralment, id-Direttiva ssemmi “entitajiet”. Il-kelma “entità” hija ddefinita fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/22 bħala “kull persuna naturali jew legali jew kull grupp ta’ dawk il-persuni li japplikaw għal, jew x’aktarx li japplikaw għal, jew li jkollhom awtorizzazzjoni”. Il-frażi “operator of an entity” (bl-Ingliż), “Betreiber eines Unternehmens” (bil-Ġermaniż), “l’exploitant de l’entité” (bil-Franċiż), “agente de una entidad” (bl-Ispanjol) li hemm fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tidher daqsxejn mhux tas-soltu. Moqrija flimkien mat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni li tirreferi għal “kompożizzjoni ta’ entità li lilha jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni”, din il-frażi tidher li tindika li tali entità tista’ tkun magħmula minn gruppi ta’ kumpanniji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom, pereżempju, bħala konsorzju (ara wkoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22). Id-differenza bejn “entità” u “operatur” ma tagħmel ebda differenza għall-finijiet ta’ din il-kawża u entità li tingħata awtorizzazzjoni tkun teħtieġ operatur jew ikollha taġixxi bħala operatriċi li twettaq l-attivitajiet E&P attwali.


26      Dan ma jikkonċernax dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’, jew li jkunu inklużi fi, awtorizzazzjonijiet individwali u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 94/22.


27      Kien innotat ukoll minn Wangelow, V. P., “Petroleum licensing in the European Union: the allocation of E&P rights in Denmark”, The Journal of World Energy Law & Business, Vol. 11(2), OUP, Oxford, 2018, p. 145‑163, fil-paġna 155, id-Direttiva 94/22 batiet mill-fatt li ż-żoni ġeografiċi kważi kollha kienu diġà ġew allokati qabel ma kienet daħlet fis-seħħ (ara l-lista ta’ dispożizzjonijiet legali fl-Istati Membri li kienu taw tali awtorizzazzjonijiet dak iż-żmien, fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE al-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194).


28      B’żieda ma’ dan, dan ikollu rabta biss mal-Istati Membri speċifiċi, filwaqt li s-suq – mingħajr ma nidħol f’ebda dettall u minħabba li s-suġġett ma kienx diskuss jew iddettaljat, nassumi li l-prodott tas-suq ikun is-suq għall-esplorazzjoni għal żejt mhux maħdum u esplorazzjoni għal gass naturali (il-Kummissjoni qieset dawn is-swieq flimkien minħabba li l-kontenuti ta’ riżervi ta’ taħt l-art ma jistgħux ikunu magħrufa fl-istadju ta’ esplorazzjoni) – għal dawn l-attivitajiet ma huwiex neċessarjament dak tal-Istati Membri individwali. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat f’diversi deċiżjonijiet li s-suq għal servizzi E&P għandu jitqies li huwa suq mad-dinja kollha. Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2011 li teżenta l-esplorazzjoni u l-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-Italja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU 2011, L 166, p. 28, punti 9 u 14), u, fir-rigward tal-attività ta’ esplorazzjoni, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1120 tat-8 ta’ Lulju 2015 li teżenta l-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass fil-Greċja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU 2015, L 182, p. 88, punt 12) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2019 fil-Każ M.9175 – Total/Chevron Denmark, ĠU 2019, C 126, p. 1, punt 19, ukoll fir-rigward tad-definizzjoni ta’ suq ta’ prodott imsemmija iktar ’il fuq.


29      Global Petroleum issostni li t-tiftix għal idrokarburi fil-baħar ġeneralment jiswa ħafna flus u jinvolvi spejjeż inizjali sinjifikattivi ta’ kultant għexieren ta’ miljuni ta’ euro, skont kemm ikun fond il-baħar, kif ukoll garanziji finanzjarji ta’ bejn 200 miljun u 500 miljun euro sabiex jagħmlu tajjeb għal garanziji għal ħsara li tista’ sseħħ matul l-esplorazzjoni (skont il-liġi Taljana). Skont din il-parti u l-Italja, entitajiet ma jkunux interessati jidħlu għal attivitajiet E&P jekk ikunu limitati għal żona waħda ta’ 750 km2. Madankollu, dan jista’ jservi biss bħala argument li l-Italja ffissat il-limitu ta’ 750 km2 b’mod baxx wisq. L-Italja, iżda, ma hijiex miżmuma mill-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 milli tiffissa limitu baxx li jista’ ma jkunx l-aħjar minħabba li d-dispożizzjoni tobbliga biss lill-Istat Membru jieħu miżuri sabiex jiżgura li ż-żona ġeografika għal attivitajiet E&P “ma teċċedix iż-żona ġġustifikata mill-aħjar eżerċizzju possibbli ta’ l-attivitajiet mill-punti di vista tekniċi w ekonomiċi” (enfasi miżjuda).


30      Enfasi miżjuda.


31      Illum l-Artikoli 53(1), 62 u 114 TFUE.


32      Ara wkoll, f’dan is-sens, ir-Rapport tad-29 ta’ Lulju 1998 tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar id-Direttiva 94/22/KE dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, għall-isfruttament u għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi, COM(1998) 447 final.


33      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 94/22.


34      Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/22.


35      Dawn il-prinċipji huma prinċipji ġenerali tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li huma wkoll riflessi fid-direttivi dwar l-utilitajiet. It-tieni parti ta’ dan il-prinċipju kienet diġà stabbilita b’mod speċifiku fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/38. Direttivi sussegwenti dwar l-utilitajiet kellhom artikolu li kien jistabbilixxi dawn il-prinċipji dwar l-għoti ta’ kuntratti. Ara, pereżempju, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) u l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).


36      Dan ma jfissirx li awtorità pubblika ma tistax tkun ittrattata bħala impriża għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni jekk hija twettaq attivitajiet ekonomiċi.


37      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


38      Din il-konnessjoni ssir permezz tal-Artikolu 45(4) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li referenzi għad-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE tas-17 ta’ Settembru 1990 dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1990, L 297, p. 1), li hija d-direttiva emendata bid-Direttiva 94/22, għandhom jinftehmu bħala referenzi għad-Direttiva 94/22. Peress li d-Direttiva 93/38 kellha tiġi implimentata sal-1 ta’ Lulju 1994, skont l-Artikolu 45(1) tagħha, filwaqt li d-Direttiva 94/22 kellha tiġi implimentata (biss) sal-1 ta’ Lulju 1995, skont l-Artikolu 14(1) tagħha, dan kien ifisser li r-referenza inizjali għad-Direttiva 90/531 ftit kienet rilevanti fil-prattika.


39      L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 93/38, l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/25.


40      Din is-soluzzjoni kienet fil-fatt trasposta fid-Direttiva 2004/17 bl-Artikolu 30(3) tagħha flimkien mal-punt G tal-Anness XI. Minħabba li kien instab li d-Direttiva 94/22 kienet ġiet implimentata b’mod korrett u kienet qiegħda topera sewwa, id-Direttiva 2004/17 ħassret is-sistema speċifika li kienet inħolqot fir-rigward ta’ attivitajiet E&P u ssostitwixxietha bi proċedura ġenerali li kienet tippermetti eżenzjoni ta’ setturi li l-attività tagħhom tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom ma jkunx ristrett (il-premessa 38 u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17). Skont id-Direttiva 2014/25 li tapplika llum, “l-akkwisti magħmula bl-iskop ta’ esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass” kienu esklużi għalkollox mid-Direttiva. Ir-raġuni għal dan hija li “dan is-settur b’mod konsistenti nstab li huwa soġġett għal tali pressjoni kompetittiva li d-dixxiplina ta’ akkwist li rriżultat mir-regoli dwar l-akkwist tal-Unjoni ma għadhiex meħtieġa” (premessa 25 tad-Direttiva 2014/25), filwaqt li l-estrazzjoni ta’ żejt u gass tissokta tkun koperta minnha. Aċċess għal dan is-suq għandu, madankollu, jitqies li ma jkunx ristrett jekk Stat Membru jkun implimenta u applika d-Direttiva 94/22 (ara l-premessa 25 u l-Artikolu 34(3) flimkien mal-punt G tal-Anness III tagħha).


41      Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 93/38 u l-premessa 1 tad-Direttiva 2014/25.


42      Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/22 jiddefinixxi awtorizzazzjoni bħala jedd għall-eżerċizzju ta’ dritt esklużiv.


43      Minħabba li l-attivitajiet ta’ prospettar u esplorazzjoni huma intiżi li jaċċertaw jekk u fejn jistgħu jkunu sfruttati riżorsi ta’ idrokarburi, ovvjament dejjem ikun hemm il-possibbiltà li ma jinstabu ebda idrokarburi, jew għall-inqas xejn li jkun jista’ jiġi sfruttat b’mod ekonomikament vijabbli.


44      L-istess ħsieb huwa l-bażi tal-limitazzjoni temporali ta’ konċessjonijiet skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/23/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 82, p. 7). Ara wkoll il-premessa 52 ta’ din id-direttiva.


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C‑538/07, EU:C:2009:317, punti 25 u 26), u tat-8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London (C‑144/17, EU:C:2018:78, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731, punti 43 u 44) fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), u tat-8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London (C‑144/17, EU:C:2018:78, punti 29, 30, kif ukoll 36 u l-ġurisprudenza ċċitata) fir-rigward tar-raġunijiet ta’ esklużjoni minn parteċipazzjoni f’offerta minħabba l-qagħda personali tal-kandidat jew tal-offerent kif stabbilit fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


47      Ara l-premessi 71, 73 u t-tielet paragrafu tal-premessa 106 tad-Direttiva 2014/25.


48      Dan kien implimentat fil-liġi Taljana kif previst mill-Artikolu 4(2) flimkien mal-punt 2(e) tal-Anness II tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción‑CODA (C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-10 ta’ Diċembru 2009, Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, EU:C:2009:767, punt 53); tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 36); tal-15 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑560/08, mhux ippubblikata, EU:C:2011:835, punt 80); tal-21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 37); tal-11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punti 43 u 45) fir-rigward tad-Direttiva 85/337, li kienet il-predeċessura tad-Direttiva 2011/92; kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 95).


50      Ir-Reġjun ta’ Puglia jirreferi għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 94/22, għall-Artikolu 3(3) TFUE u għad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU 2008, L 164, p. 19), iżda mingħajr ma jgħid b’mod ċar b’liema mod l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 94/22 fis-sens li ma jistabbilixxix limitu ġenerali għal żoni ġeografiċi li għalihom ikunu jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet lil operatur tikser dawn id-dispożizzjonijiet.


51      Ara wkoll l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


52      Pereżempju fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.


53      Decreto 7 dicembre 2016 Disciplinare tipo per il rilascio e l’esercizio dei titoli minerari per la prospezione, ricerca e coltivazione di idrocarburi liquidi e gassosi in terraferma, nel mare territoriale e nella piattaforma continentale (id-Digriet tas-7 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Proċedura Standard għall-Ħruġ u għall-Eżerċizzju ta’ Liċenzji ta’ Mini għall-Prospettar, għall-Esplorazzjoni u għall-Estrazzjoni ta’ Idrokarburi f’Forma Likwida u f’Forma ta’ Gass fuq l-Art, fil-Baħar Territorjali u fuq il-Blata Kontinentali), GURI Nru 78 tat-3 ta’ April 2017.