Language of document : ECLI:EU:T:2011:286

Kawżi magħquda T-204/08 u T-212/08

Team Relocations NV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Tqassim tas-suq — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Ksur uniku u kontinwu — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 13)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Prinċipju ta’ individwalità tas-sanzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Evalwazzjoni

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 25)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Evalwazzjoni

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 29)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir antikompetittiv awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, l-aħħar inċiż tal-paragrafu 29)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 35)

1.      Ikun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan wieħed jinqasam, billi jidhru fih diversi ksur distinti, meta kuntrarjament ikun ksur uniku li progressivament ġie kkonkretizzat kemm bi ftehim kif ukoll bi prattiki miftiehma.

F’tali ċirkustanzi, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur b’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettieq tal-ksur fl-intier tiegħu hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmi ksur, tal-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur.

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha għall-għanijiet komuni intiżi mill-parteċipanti kollha li kienet taf bl-aġir materjali intiż jew implementat minn impriżi oħra sabiex jilħqu l-istess għanijiet, jew li setgħet b’mod raġonevoli tkun taf bihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju tagħhom.

Fil-fatt, akkordji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala elementi kostituttivi ta’ ftehim antikompetittiv biss jekk jiġi stabbilit li kienu jagħmlu parti minn pjan globali b’għan komuni. Barra minn hekk, huwa biss jekk l-impriża, meta pparteċipat f’dawn l-akkordji, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi tagħmel hekk, hija kienet qed tagħmel parti mill-ftehim uniku, li l-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordji kkonċernati tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha għal dan il-ftehim.

Għalhekk, għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni għal ksur uniku u kontinwu, jiġifieri l-eżistenza ta’ pjan globali b’għan oġġettiv komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali tal-impriża għal dan il-pjan, u l-fatt li kienet taf (bi prova jew preżunzjoni) bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra.

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ pjan globali b’għan komuni, il-kunċett ta’ għan komuni ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, billi l-fatt li l-kompetizzjoni ġiet affettwata jikkostitwixxi, bħala għan jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan komuni toħloq ir-riskju li l-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi konstituttivi ta’ ksur uniku. Għalhekk, għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni tad-diversi aġiri ta’ ksur uniku u kontinwu, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni ċirkustanza suxxettibbli li tistabbilixxi jew li tikkontesta rabta ta’ komplementarjetà, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, simultanjament, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni.

(ara l-punti 33-37, 40)

2.      Il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li: “[g]ħad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża’ l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettqa mill-impriża, direttament jew indirettament relatati mal-ksur […]”. Ma jirriżultax b’mod ċar minn din id-dispożizzjoni li huwa biss il-valur tal-bejgħ li jirriżulta mill-ġarr realment effettwat permezz tal-prattiki illegali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-bejgħ rilevanti. Għalhekk, il-kliem tal-paragrafu 13 tal-imsemmija linji gwida jirreferi għal “bejgħ […] direttament jew indirettament relatati mal-ksur” u mhux għal “bejgħ affettwat bil-ksur”. Il-kliem tal-paragrafu 13 għalhekk jirrigwarda l-bejgħ imwettaq fis-suq rilevanti.

Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan tar-regoli tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fil-kawżi dwar akkordji, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tistabbilixxi liema huma l-bejgħ individwali li kienu effettwati mill-akkordju. Fil-fatt, tali obbligu qatt ma ġie impost mill-qrati tal-Unjoni u ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponi obbligu bħal dan fil-linji gwida. Barra minn hekk, huwa inevitabbli, fil-kawżi dwar l-akkordji, li huma sigrieti min-natura tagħhom, li ċerti dokumenti li jattestaw kull manifestazzjoni tal-prattiki antikompetittivi ma jiġux skoperti.

Barra minn hekk, il-parti mid-dħul mill-bejgħ li tirriżulta minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni.

(ara l-punti 61-66)

3.      Meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom. Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li jipprovdi li impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Il-gravità tal-ksur għandha tkun suġġett ta’ evalwazzjoni individwali li tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, il-fatti partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi. Il-fatt li impriża ma pparteċipatx għall-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti fejn hi pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta ssir l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, skont il-każ, tad-determininazzjoni tal-multa.

Madankollu, l-evalwazzjoni tal-fatti individwali ssir mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jiġifieri meta jsir l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, imma fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti.

Il-Kummissjoni hija ħielsa li tieħu inkunsiderazzjoni ċerti aspetti tal-“gravità” fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti u mhux fil-kuntest tal-“gravità” fis-sens tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi.

L-imsemmija linji gwida wasslu għal bidla fundamentali tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-multi. L-ewwel nett, il-klassifikazzjoni tal-ksur fi tliet kategoriji (“inqas gravi”, “gravi” u “gravi ħafna”) tneħħiet. Is-sistema attwali, li tinkludi skala li tmur minn 0 % sa 30 %, tippermetti differenzjazzjoni iktar fina skont il-gravità tal-ksur. It-tieni nett, l-ammonti fil-forma ta’ somma f’daqqa ġew aboliti. Minn dak iż-żmien, l-ammont bażiku huwa kkalkolat skont il-valuri tal-bejgħ, imwettaq minn kull impriża individwali, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur. Dan il-metodu ġdid jippermetti għalhekk li tittieħed inkunsiderazzjoni iktar faċilment l-estensjoni tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kull impriża għall-ksur fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħha. Hija tippermetti wkoll li jittieħed inkunsiderazzjoni eventwali tnaqqis tal-gravità ta’ ksur uniku fiż-żmien.

Għalkemm għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni tal-ksur u l-fatti partikolari tal-każ, il-Kummissjoni xorta tista’, skont l-imsemmija linji gwida, tipproċedi għal tali kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jew l-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. Fil-każ fejn dan l-aħħar approċċ huwa użat mill-Kummissjoni, l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti għandha għaldaqstant tippermetti kunsiderazzjoni adegwata tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni għal ksur uniku, kif ukoll eventwali varjazzjoni ta’ din il-gravità fiż-żmien.

(ara l-punti 84-87, 89, 90, 92)

4.      Fir-rigward tal-multiplikazzjoni tal-ammont iddeterminat skont il-valur tal-bejgħ għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa limitat sabiex jindika li, “[f]it-twaħħil tal-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur”, mingħajr ma huwa ppreċiżat il-mod konkret kif għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul. Il-multiplikazzjoni għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur, prevista fil-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, twassal sabiex jiżdied l-ammont b’100 % kull sena. Dan l-approċċ jippreżenta bidla fil-metodoloġija fundamentali f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-akkordju. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 madankollu ma jipprekludix tali evoluzzjoni.

Minkejja li l-Kummissjoni xi kultant ħadet inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni fiż-żmien ta’ ksur meta żiedet l-ammont tal-multa minħabba t-tul, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmija linji gwida ma jobbligawha tapplika f’tali każ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li ma jaqbiżx tnejn, jew li tnaqqas il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat minħabba l-gravità.

(ara l-punti 107-110)

5.      Il-paragrafu 25 tal-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li: “[i]ndipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...], sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni”.

Sakemm il-Kummissjoni tapplika l-istess ammont addizzjonali għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni tagħha, minħabba li kollha jkunu pparteċipaw għall-ksur uniku u kontinwu li jinkludi l-iffissar tal-prezzijiet u/jew it-tqassim tas-suq, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jinkisirx.

Il-formulazzjoni tal-paragrafu 25 tal-imsemmija linji gwida (għandha tinkludi”, “will include”, “fügt hinzu”) turi fil-fatt li, f’dak li jikkonċerna l-ksur flagranti, l-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali hija operazzjoni awtomatika li ma tinkludix il-preżenza ta’ fatturi oħra.

(ara l-punti 116, 117)

6.      Skont it-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti, l-impriża kkonċernata għandha “tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa” u “turi konsegwentement li, matul il-perijodu li matulu tkun aderiet għall-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija naqset milli effettivament tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fuq is-suq”.

Madankollu, l-użu tal-espressjoni “bħal” jindika li l-lista ta’ ċirkustanzi elenkati fil-paragrafu 29 tal-imsemmija linji gwida ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni jew le ta’ impriża għall-elementi kostituttivi kollha tal-ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk mhux fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, tal-inqas fil-kuntest tal-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. Fil-fatt, dan l-obbligu kien waħda mir-raġunijiet li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu ma jikkontradiċix il-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha natura personali. L-uniċi kriterji stabbiliti fit-tielet inċiż ta’ dan il-paragrafu 29 ma humiex suxxettibbli li jiggarantixxu din il-possibbiltà.

(ara l-punti 126, 127)

7.      L-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal- Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li “[l]-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas [...] meta l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-leġiżlazzjoni”. F’dan ir-rigward, is-sempliċi konoxxenza tal-aġir anitkompetittiv ma timplikax li dan l-aġir impliċitament “ġie awtorizzat jew inkoraġġut” mill-istituzzjoni fis-sens tal-aħħar inċiż tal-paragrafu 29 tal-imsemmija linji gwida. Allegat nuqqas ta’ azzjoni fil-fatt ma jistax jiġi mqabbel ma’ att pożittiv bħal awtorizzazzjoni jew inkoraġġament.

(ara l-punti 131, 134)

8.      Tnaqqis tal-multa skont il-paragrafu 35 tal-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri: l-introduzzjoni ta’ talba matul il-proċedimenti amministrattivi; l-eżistenza ta’ kuntest soċjali u ekonomiku partikolari; u n-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tal-impriża, fejn din għandha tipprova b’mod oġġettiv għanijiet li juru li l-impożizzjoni ta’ multa tipperikola b’mod gravi l-vijabbiltà ekonomika tagħha u twassal sabiex ċċaħħadha mill-assi tagħha ta’ xi valur.

L-introduzzjoni ta’ talba intiża sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multa ma tikkostitwixxix sempliċi eżiġenza formali, imma eżiġenza li fin-nuqqas tagħha ma tista’ ssir l-ebda evalwazzjoni valida tas-sitwazzjoni ekonomika, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex provi relevanti, bħal data interni tal-impriża kkonċernata, li jippermettulha tevalwa l-vijabbiltà ekonomika tagħha.

(ara l-punti 171, 176)