Language of document : ECLI:EU:F:2015:53

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑65/14

EF

vs

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku– Persunal tas-SEAE — Uffiċjali — Proċedura ta’ promozzjoni 2013 — Deċiżjoni li r-rikorrent ma jkunx promoss għall-grad AD 13 — Oġġezzjoni tar-rikorrent għal-lista ta’ uffiċjali proposti għall-promozzjoni — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Minimu ta’ sentejn ta’ anzjanità fi grad — Kalkolu tat-terminu ta’ sentejn — Data tad-deċiżjoni ta’ promozzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu EF jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ʼil quddiem l-“AIPN”) tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), tad-9 u l-14 ta’ Ottubru 2013, li ma jiġix promoss għall-grad AD 13 skont il-proċedura ta’ promozzjoni għall-2013 (iktar ʼil quddiem il-“proċedura ta’ promozzjoni 2013”).

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. EF għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ukoll ibati l-ispejjeż sostnuti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kundizzjonijiet — Anzjanità minima fil-grad — Rekwiżit ta’ koinċidenza mal-perijodu kopert mir-rapporti ta’ evalwazzjoni — Assenza — Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Kriterji — Merti personali tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45 u 90(2))

1.      Mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li huma biss l-uffiċjali li għamlu minimu ta’ anzjanità ta’ sentejn fil-grad tagħhom li huma eliġibbli għall-promozzjoni. Din id-dispożizzjoni ma tipprevedix, bħala kundizzjoni supplimentari, il-fatt li s-sentejn ta’ anzjanità rikjesti għandhom jikkoinċidi eżattament mal-perijodu ta’ sentejn kopert minn żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni annwali, rapporti ta’ evalwazzjoni annwali li kull uffiċjal huwa, fil-prinċipju, suġġett għalihom għall-perijodu korrispondenti mas-sena kalendarja.

Issa, id-data tad-deċiżjoni ta’ promozzjoni hija d-data rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-uffiċjal ikollux minimu ta’ anzjanità rikjest sabiex ikun eliġibbli għal promozzjoni.

Barra minn hekk, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirrikjedix li d-data li fiha għandha tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ anzjanità neċessarjament tikkoinċidi mat-tmiem tal-perijodu ta’ evalwazzjoni kopert mir-rapport ta’ evalwazzjoni annwali.

(ara l-punti 26, 27 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Sentenza Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, EU:T:2005:324, punt 84

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Balabanis u Le Dour vs Il-Kummissjoni, F‑77/05, EU:F:2006:127, punt 35

2.      Il-fatt li uffiċjal ikollu merti evidenti u rikonoxxuti ma jeskludix, bħala parti mill-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għall-promozzjoni, li uffiċjali oħra jkollhom merti superjuri.

F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni, meta tibbaża fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjali promossi u meta tqis li l-merti ta’ dawn l-uffiċjali kienu ogħla minn dawk tal-persuna kkonċernata, ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, jiġifieri żball li faċilment jiġi nnotat li evidentement seta’ jiġi skopert.

L-istess konklużjoni tapplika għall-kunsiderazzjoni relattiva għall-kriterju tal-użu tal-lingwi li skontha l-ħakma tal-lingwa Ingliża u dik Franċiża huwa, ġeneralment, suffiċjenti għall-bżonnijiet funzjonali tal-korp tal-Unjoni u li, għaldaqstant, l-utilità tal-ħakma ta’ lingwi oħra hija sekondarja.

Dwar ir-responsabbiltajiet tal-persuna kkonċernata fil-funzjonijiet differenti tagħha, hija ma wrietx li l-kunsiderazzjoni tal-amministrazzjoni li skontha dawn ir-responsabbiltajiet huma tal-livell ta’ dawk abitwalment imwettqa minn uffiċjal tal-istess grad u li, għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu evalwati bħala partikolarment ta’ mertu għal promozzjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 43 sa 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, C‑446/00 P, EU:C:2001:703, punt 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑164/00, EU:T:2002:312, punt 100

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Trentea vs FRA, F‑112/10, EU:F:2012:179, punt 104

3.      L-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ kandidati esklużi. Madankollu, għandha tagħti motivi għad-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment imressaq, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, minn kandidat mhux promoss, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha kien sar l-ilment.

Peress li l-promozzjonijiet saru, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, “bl-għażla”, il-motivazzjoni tista’ tikkonċerna biss l-eżistenza tal-kundizzjonijiet legali li taħthom ir-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw ir-regolarità tal-promozzjoni. B’mod partikolari, l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex marbuta li tiżvela lill-kandidat eskluż l-evalwazzjoni komparattiva li hija wettqet fuqu u fuq il-kandidati aċċettati għall-promozzjoni.

(ara l-punti 50 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, EU:T:1997:76, punti 147 u 148

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Merhzaoui vs Il-Kunsill, F‑18/09, EU:F:2011:180, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata