Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2024 – Il-Parlament vs Union technique du bâtiment u Argest

(Kawża T-749/22) 1

(“Klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ preservazzjoni u ta’ sigurtà tad-Dar Jean Monnet – Kuntratt qafas ta’ servizzi li jikkonċerna missjonijiet ta’ assistenza u ta’ pariri arkitettoniċi, tekniċi u finanzjarji – Ħsara li taffettwa s-saqaf – Talba għal kumpens – Garanzija għal għaxar snin – Applikazzjoni tad-dritt Franċiż u tad-dritt Lussemburgiż – Interessi moratorji”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: M. Kazek u K. Wójcik, aġenti, assistiti minn T. Gaspar, avukat)

Konvenut: Union technique du bâtiment SA (Romainville, Franza) (rappreżentanti: V. Chamard Sablier, avukat), Argest SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: C. Sportes, avukata)

Suġġett

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, il-Parlament Ewropew jitlob il-kundanna tal-Union Technique du Bâtiment SA u ta’ Argest SA għall-kumpens, abbażi ta’ garanzija għal għaxar snin, għall-ħsara li taffettwa s-saqaf tad-Dar Jean Monnet, li tinsab f’Bazoches-sur-Guyonne (Franza), li dehret matul ix-xogħlijiet ta’ preservazzjoni u ta’ sigurtà tas-sit.

Dispożittiv

Ir-responsabbiltà ta’ għaxar snin tal-Union technique du bâtiment SA u ta’ Argest SA għall-ħsara li taffettwa s-saqaf tad-Dar Jean Monnet, li tinsab f’Bazoches-sur-Guyonne (Franza) hija stabbilita.

L-Union technique du bâtiment u Argest huma kkundannati jħallsu in solidum lill-Parlament Ewropew is-somma f’daqqa ta’ EUR 115 000, fejn din is-somma tinkludi l-interessi bir-rata legali applikabbli fi Franza u fil-Lussemburgu mid-29 ta’ Novembru 2022. L-interessi dovuti fl-iskadenza ta’ kull skadenza annwali minn din id-data għandhom jiġu kkapitalizzati sabiex jipproduċi interessi huma nfushom.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

L-Union technique du bâtiment u Argest huma kkundannati għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 24, 23.1.2023.