Language of document : ECLI:EU:T:2013:232

Kawża T‑579/10

macros consult GmbH — Unternehmensberatung für Wirtschafts- und Finanztechnologie

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva makro — Isem korporattiv macros consult GmbH — Dritt kweżit akkwistat qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja u li jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark Komunitarja li saret applikazzjoni għaliha — Sinjali mhux irreġistrati li jibbenefikaw minn protezzjoni taħt id-dritt Ġermaniż — Artikolu 5 tal-Markengesetz — Artikolu 8(4), Artikolu 53(1)(c) u Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Mejju 2013

1.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 — Kundizzjonijiet — Interpretazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni — Evalwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali li jirregola s-sinjal invokat (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(4) u 53(1)(c))

2.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza ta’ dritt nazzjonali preċedenti — Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(4), 53(1)(c) u (2), u 65; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 37(b)(ii))

3.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awli tal-appell — Teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ provi relatati ma’ fatti mhux prodotti qabel quddiem l-istanzi tal-UASI — Esklużjoni

1.      Bis-saħħa tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, l-eżistenza ta’ sinjal minbarra trade mark tippermetti li tinkiseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja jekk din tissodisfa kumulattivament erba’ kundizzjonijiet: dan is-sinjal għandu jintuża fil-qasam tal-kummerċ; għandu jkollu sinjifikat li ma huwiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, fl-aħħar nett, id-dritt għal dan is-sinjal għandu jattribwixxi lill-proprjetarju tiegħu l-possibbiltà li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti. Dawn l-erba’ kundizzjonijiet jillimitaw in-numru ta’ sinjali minbarra trade marks li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju kollu tal-Unjoni, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress illi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huma kumulattivi, huwa biżżejjed li waħda minnhom ma tkunx issodisfatta sabiex applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks Komunitarji tiġi miċħuda.

L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mas-sinjifikat tas-sinjal invokat, li dan tal-aħħar ma għandux ikun lokali biss, jirriżultaw mill-kliem stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mas-sinjifikat tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema implementata minn dan ir-regolament.

Min-naħa l-oħra, mill-frażi “sa fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ipprovduti sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa kompletament iġġustifikat peress illi r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark Komunitarja l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark Komunitarja. Għalhekk, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark Komunitarja u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trade mark suċċessiva.

(ara l-punti 54-56, 70)

2.      Mill-kliem tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li dan, meta jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni fejn dritt preċedenti jippermetti li l-użu mit-trade mark Komunitarja jiġi pprojbit, jiddistingwi b’mod ċar żewġ ipoteżijiet, skont jekk id-dritt preċedenti huwiex protett mil-leġiżlazzjoni Komunitarja “jew” mid-dritt nazzjonali.

Fir-rigward tas-sistema proċedurali ddefinita fir-Regolament Nru 2868/95, li jinkludi modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, fil-każ ta’ talba ppreżentata taħt l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009, abbażi ta’ dritt preċedenti protett fil-kuntest legali nazzjonali, ir-regola 37 tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi, li huwa min jagħmel it-talba li għandu jipprovdi elementi li juru li huwa jista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jinvoka dan id-dritt.

Din ir-regola tqiegħed fuq min jagħmel it-talba l-oneru li jippreżenta lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħha huwa jitlob l-applikazzjoni, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark Komunitarja abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Peress li l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħmel riferiment speċifiku għall-Artikolu 8(4) tal-istess regolament u din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi drittijiet preċedenti protetti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li huwa applikabbli għas-sinjal inkwistjoni, ir-regoli tal-provi msemmija iktar ’il fuq jiġu applikati wkoll meta jiġi invokat dritt nazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, ir-Regola 37(b)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi dispożizzjonijiet analogi fil-qasam tal-prova tad-dritt preċedenti fil-każ ta’ applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

B’hekk, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ dritt nazzjonali hija kwistjoni ta’ fatt u huwa l-obbligu tal-parti li tallega l-eżistenza ta’ dritt li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 li tistabbilixxi, quddiem l-UASI, mhux biss li dan id-dritt jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll il-portata ta’ din il-leġiżlazzjoni stess.

(ara l-punti 57-60, 62, 72)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 61)