Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2010 - Octapharma Pharmazeutika vs EMEA

(Kawża T-573/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Octapharma Pharmazeutika Produktionsgesellschaft mbH (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentanti: I. Brinker, T. Holzmüller, u l-Professur J. Schwarze, avukati)

Konvenut: Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-ittra tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA) lir-rikorrenti tal-21 ta' Ottubru 2010, sa fejn ir-rimbors tal-miżati żejda li jammontaw għal EUR 180 700 ġew irrifjutati ;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv: Ksur tal-prinċipju ta' legalità tal-azzjoni amministrattiva skont ir-regoli legali li japplikaw għall-ħlas ta' miżati

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-EMEA rrifjutat ir-rimbors ta' miżati abbażi ta' regolament dwar miżati illegali adottat minnha. L-EMEA eċċediet il-marġni ta' diskrezzjoni tagħha, sa fejn ibbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq regolament ta' miżati li jikser prinċipji speċifiċi u ġenerali tal-kalkolu tal-miżati. Ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ta' miżati ma huwiex kopert mir-Regolament (KE) Nru 297/95 1. Il-miżata mħallsa tikser il-prinċipji ta' ħlas xieraq u moderat tal-miżati. Barra minn hekk, hija ċertament sproporzjonata mal-miżati li jitħallsu għaċ-ċertifikazzjoni inizjali, għaċ-ċertifikazzjoni ta' tiġdid annwali u għall-proċedura amministrattiva stabbilita.

It-tieni motiv: Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti ssostni li hemm ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità meta mqabbel ma' miżati ta' servizzi oħra offruti mill-EMEA. Għalkemm ċertifikazzjonijiet oħra għall-fajls prinċipali tal-plażma jinvolvu piż amministrattiv simili jew ikbar, ġew stabbiliti miżati orħos fir-rigward tagħhom. Jidher ukoll permezz ta' paragun ma' prassi ta' miżati riċenti fir-rigward ta' servizzi amministrattivi li ttieħdu inkunsiderazzjoni hawnhekk li l-miżata mħallsa hija sproporzjonata mal-piż li jirriżulta.

It-tielet motiv: Ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward ta' bidliet għal għarrieda fil-prassi amministrattiva

Ir-rikorrenti ssostni fil-kuntest tat-tielet motiv li l-EMEA biddlet għal għarrieda l-prassi ta' miżati tagħha b'mod li ma kienx prevedibbli għar-rikorrenti u għall-partijiet oħra kkonċernati, u għalhekk kisret l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B'mod partikolari, il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest legali applikabbli u l-marġni ta' diskrezzjoni fil-kalkoli tal-miżati, u b'hekk ir-rikorrenti tista' tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fehma tar-rikorrenti, huwa partikolarment detrimentali f'dan ir-rigward li l-EMEA marret lura għal prassi qadima anki qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.

Ir-raba' motiv: Ksur tal-obbligu ta' amministrazzjoni ġusta u konsistenti

Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li ż-żieda għal għarrieda tal-miżati tikser il-prinċipju ta' amministrazzjoni ġusta u konsistenti kkodifikata fil-"Kodiċi tal-Kummissjoni tal-amministrazzjoni tajba għall-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijet tagħhom mal-pubbliku" u li jirriżultaw mid-dritt tal-amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-prassi stabbilita tal-EMEA rigward miżati, ikun hemm kieku miżata sostanzjalment iżgħar għall-istess piż amministrattiv, ibbażata fuq metodu ta' kalkolu differenti. Isegwi li l-każ preżenti jikkonċerna bidla inġustifikata f'aġir amministrattiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċjali temporali u l-piż żejjed meta mqabbel ma' snin preċedenti, l-EMEA kellha tirrispondi għall-każ tar-rikorrenti minn tal-inqas permezz ta' regolament eċċezzjonali jew tranżitorju.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95, tal-10 ta' Frar 1995, dwar il-miżati li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 3).