Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2023 – Meta Platforms vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1078/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Meta Platforms, Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Jowell, D. Bailey, Barristers-at-Law, J. Aitken, S. Malhi, Solicitors, A. Pliego Selie, O. Brouwer, T. Janssens, T. Oeyen u T. Lübbig, lawyers)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6105 final, bid-data tal-5 ta’ Settembru 2023 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tistipula “Dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaformi ta’ Meta li ġejjin huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali, skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 1 : […] (e) is-servizz ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri Messanger ta’ Meta”, jew alternattivament, tannulla l-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni kkontestata;

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn tistipula “Dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaformi ta’ Meta li ġejjin huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali, skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 […] (f) is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online Marketplace ta’ Meta”, jew alternattivament, tannulla l-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni kkontestata ;

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn tistipula “Dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaformi ta’ Meta li ġejjin huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali, skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 […] (a) is-servizzi ta’ networking soċjali online Facebook ta’ Meta”, jew alternattivament, tannulla l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni kkontestata; kull wieħed mill-inqas sa fejn dan is-servizzi ewlieni tal-pjattaforma elenkat jeskludi Facebook Messenger (skont il-punt 77 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tistipula li “ dan iċ-CPS [Facebook] ma jinkludix u huwa distint minn […] Messenger”); u,

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż ta’ intervenjenti potenzjali li ma jġarrbux l-ispejjeż tagħhom.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, motivazzjoni mhux xierqa u/jew ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali relatati mal-elenkar ta’ Facebook Messenger bħala servizz ewlieni tal-pjattaformi skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

It-tieni motiv ibbażat fuq li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, motivazzjoni mhux xierqa u/jew ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali relatati mal-elenkar ta’ Facebook Marketplace bħala servizz ewlieni tal-pjattaformi skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

____________

1 Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU 2022, L. 265, p. 1).