Language of document : ECLI:EU:F:2015:5

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

22 ta’ Jannar 2015

Kawżi magħquda F‑1/14 u F‑48/14

Danuta Kakol

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/177/10 – Rekwiżiti ta’ eliġibbliltà – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Ammissjoni li tipparteċipa f’kompetizzjoni simili preċedenti – Dmir ta’ motivazzjoni speċifiku – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Kakol titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/177/10, tat-3 ta’ Ottubru 2013, li ma titħalliex tipparteċipa għall-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkumpensa d-dannu morali li hija allegatament ġarrbet.

Deċiżjoni:      Il-kawża F‑1/14 għandha titħassar mir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Id-deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2014 tal-bord tal-għażla EPSO/AD/177/10 li D. Kakol ma titħalliex tipparteċipa fil-kompetizzjoni EPSO/AD/177/10 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors fil-kawża F‑48/14 huwa miċħud. Fil-kawża F‑1/14, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż ta’ D. Kakol u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-kawża F‑48/14, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ D. Kakol.

Sommarju

Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Rifjut ta’ ammissjoni għall-eżamijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Evalwazzjoni differenti tal-istess kandidat filwaqt ta’ kompetizzjonijiet simili suċċessivi – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Neċessità ta’ motivazzjoni speċifika

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Anness III, Artikolu 5)

L-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kollha individwali meħuda b’applikazzjoni tar-Regolamenti għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex jew ma hijiex fondata u, min-naħa l-oħra, sabiex ikun possibbli li jsir stħarriġ ġudizzjarju. Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni, il-qorti tal-Unjoni teħtieġ, għal dan il-għan, li l-bord tal-għażla jindika eżattament liema huma r-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni li kienu ġew ikkunsidrati bħala mhux issodisfatti.

F’dan ir-rigward, peress li r-rekwiżiti għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni huma fformulati f’termini identiċi jew jixxiebhu fl-avviżi tal-kompetizzjonijiet suċċessivi, evalwazzjoni fuq il-kwalifiki ta’ kandidat jew fuq l-esperjenza professjonali tiegħu, inqas favorevoli minn dik li saret fl-okkażjoni tal-kompetizzjonijiet preċedenti, hija possibbli biss sa fejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiġġustifika b’mod ċar din id-differenza fl-evalwazzjoni, għalkemm tali obbligu għal motivazzjoni japplika biss sa fejn il-persuna kkonċernata ġibdet l-attenzjoni tal-bord tal-għażla dwar il-fatt li tħalliet tipparteċipa fil-kompetizzjoni simili preċedenti. Issa, l-obbligu tal-bord tal-għażla sabiex tipprovdi motivazzjoni għad-differenza fl-evalwazzjoni tagħha ma’ dik ta’ bord tal-għażla preċedenti ma huwiex limitat għall-obbligu li tipprovdi motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha għan-nuqqas ta’ ammissjoni tal-kandidat milli jipparteċipa għall-eżaminijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, iżda jimplika li jiġi spjegat għal liema raġunijiet l-evalwazzjoni tagħha tar-rilevanza taċ-ċertifikati tal-kandidat hija differenti minn dik tal-bord tal-għażla preċedenti. Id-deċiżjoni li ma jiġix ammess kandidat sabiex jipparteċipa f’kompetizzjoni hija għalhekk ikkaratterizzata minn difett proċedurali minħabba fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti li jwassal għall-annullament tagħha fejn il-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni ta motivazzjoni biss għad-deċiżjoni tiegħu li ma jħalliex kandidat jipparteċipa f’kompetizzjoni mingħajr ma speċifikatament u b’mod ċar iġġustifika d-differenza fl-evalwazzjoni mogħtija dwar il-kwalifiki u ċ-ċertifikati tiegħu fid-dawl tal-kompiti li kellu jwettaq, kif deskritti bl-avviż tal-kompetizzjoni, u l-evalwazzjoni tal-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni simili preċedenti.

Barra minn hekk, sabiex jiġi vverifikat jekk iż-żewġ kompetizzjonijiet humiex simili, għandhom jiġu eżaminati flimkien ir-rekwiżiti għall-ammissjoni u d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet għal kull waħda minnhom. F’dan ir-rigward, il-finijiet tal-kompetizzjoni joħorġu mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li kandidati magħżula jridu jwettqu, u mhux mir-rekwiżit ta’ nazzjonalità li dawn tal-aħħar għandhom jissodisfaw. Rekwiżit ta’ nazzjonalità tal-kandidati f’komptizzjoni ma huwiex fih innifsu l-għan ta’ dan tal-aħħar. Huwa element li huwa miżjud għal dak tar-rilevanza taċ-ċertifikati tal-kandidati, pero’ mingħajr ma jinfluwenza l-evalwazzjoni ta’ dawn iċ-ċertifikati.

(ara l-punti 45, 48, 53, 54, 56, 70, 77 u 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sentenzi Kobor vs Il-Kummissjoni, 112/78, EU:C:1979:107, punti 11 u 12 ; De Santis vs Il-Qorti tal-Awdituri, 108/84, EU:C:1985:134, punti 18 u 19, u Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, EU:C:1989:309, punti 23 u 27

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Sentenzi Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑21/96, EU:T:1997:40, punt 21, u Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑146/99, EU:T:2000:194, punt 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Sentenza Hristova vs Il-Kummissjoni, F‑50/07, EU:F:2008:147, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata