Language of document : ECLI:EU:T:2020:410

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

9 ta’ Settembru 2020 (*)

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar – Għarfien tal-lingwi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż – Lingwa tal-kompetizzjoni – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑437/16,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u D. Milanowska, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/322/16, għall-istabbiliment ta’ listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar (AD 5/AD 7) (ĠU 2016, C 171 A, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President, D. Gratsias (Relatur) u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑12 ta’ Mejju 2016, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), stabbilit skont id-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tal-Kmitat [Kumitat] Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u ta’ l-Ombudsman Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46), ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/322/16, sabiex jiġu stabbiliti listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar (AD 5/AD 7) (ĠU 2016, C 171A, p. 1, iktar ’il quddiem, l-“avviż ikkontestat”). Kif huwa ppreċiżat f’dan l-avviż, mil-listi inkwistjoni l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, “b’mod ewlieni l-Kummissjoni Ewropea fi Brussell u l-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu”, jirreklutaw membri ġodda tas-servizz pubbliku tal-Unjoni.

2        Huwa indikat ukoll fl-introduzzjoni tal-avviż ikkontestat li dan tal-aħħar, flimkien mar-Regoli Ġenerali li jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Miftuħa, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Frar 2015 (ĠU 2015, C 70 A, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ġenerali”), jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku vinkolanti li jirregola l-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata. Madankollu, huwa speċifikat li l-Anness II tar-Regoli Ġenerali, intitolat “Linji gwida ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO”, ma japplikax għall-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni u huwa ssostitwit bit-test li jinsab fl-Anness II tal-avviż ikkontestat.

3        Il-punt 1.3 tar-Regoli Ġenerali jinkludi taqsima intitolata “Għarfien tal-lingwi”, li jindika dan li ġej:

“Skont il-kompetizzjoni, tkun mitlub li turi l-għarfien tiegħek tal-lingwi uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea] […]. Bħala regola ġenerali, tkun teħtieġ għarfien sħiħ (livell C1 tas-CEFR [Qafas Ewropew Komuni ta’ Referenza] ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-[Unjoni] […] u għarfien sodisfaċenti (livell B2 tas-CEFR) ta’ lingwa oħra iżda, madankollu, l-avviż tal-kompetizzjoni jista’ jimponi rekwiżiti aktar stretti (dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-profili tal-lingwisti). Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż […].

Għal ħafna żmien ilha l-prassi li jintużaw l-aktar l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjonijiet tal-UE u dawn huma wkoll il-lingwi użati l-aktar ta’ spiss fil-komunikazzjoni mad-dinja esterna u meta jiġu ttrattati każijiet.

L-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li rekluti ġodda jkunu jistgħu jiffunzjonaw minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

Biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati kollha, kulħadd – inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta – huwa meħtieġ li jagħmel it-test fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet jevalwaw il-ħila tal-kandidati sabiex ikunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg. Xejn minn dan ma jaffettwa l-possibiltà ta’ taħriġ fil-lingwi aktar tard sabiex il-membri tal-persunal ikunu jistgħu jaħdmu fit-tielet lingwa, kif mitlub mill-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal […]”

4        Fil-parti tal-avviż ikkontestat intitolat “Jien eliġibbli biex napplika?”, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li l-persuni kkonċernati għandhom jissodisfaw meta jivvalidaw il-kandidatura tagħhom, huwa rikjest, skont kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissjoni, “livell minimu – C1 [ta’ CEFR] f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE”, b’din il-lingwa tkun indikata bħala “lingwa 1” tal-kompetizzjoni,, u “livell minimu – B2 [ta’ CEFR] fil-Franċiż, fil-Ġermaniż jew fl-Ingliż”. Din it-tieni lingwa, indikata bħala l-“lingwa 2” tal-kompetizzjoni, għandha tkun differenti mil-lingwa magħżula mill-kandidat bħala lingwa 1.

5        Huwa speċifikat ukoll li “l-formola ta’ applikazzjoni onlajn […] trid timliha bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż”.

6        F’din l-istess parti tal-avviż ikkontestat huwa indikat li “[I]t-tieni lingwa magħżula trid tkun il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż” u li “[d]awn huma l-lingwi ta’ ħidma prinċipali użati fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]” u “[li] fl-interessi tas-servizz, ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu kapaċi li jibdew jaħdmu u jikkomunikaw mal-ewwel b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum f’mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi.”. Il-kandidati huma, f’dan ir-rigward, mistiedna li jirreferu għall-Anness II tal-avviż ikkontestat, intitolat “Il-Ġustifikazzjoni tas-sistema Lingwistika Applikabbli għal din il-Proċedura ta’ Selezzjoni”, “għal aktar informazzjoni dwar il-lingwi meħtieġa għal din il-kompetizzjoni”.

7        L-Anness II tal-avviż ikkontestat jinkludi parti introduttiva komposta minn sitt paragrafi, segwita minn tliet punti, li minnhom l-ewwel wieħed huwa intitolat “Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni”, it-tieni “Kriterji għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni” u t-tielet “Il-lingwi ta’ komunikazzjoni”.

8        Il-parti introduttiva tal-Anness II tal-avviż ikkontestat hija fformulata kif ġej:

“Din il-kompetizzjoni hija kompetizzjoni speċjalizzata biex tirrekluta Amministraturi fil-qasam tal-Awditjar. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima “JIEN ELEĠIBBLI BIEX NAPPLIKA?” ta’ dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni huma konformi mar-rekwiżiti primarji tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] għall-ħiliet speċjalizzati, l-esperjenza u l-għarfien u mal-ħtieġa għal rekluti ġodda li jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv, b’mod partikolari ma’ membri oħra tal-persunal.

Għal din ir-raġuni, l-applikanti huma mitluba li jagħżlu t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għal għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni] Din il-limitazzjoni hija wkoll minħabba restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u n-natura tal-metodi ta’ selezzjoni tal-EPSO deskritti fil-punti 1, 2 u 3 hawn taħt. Ir-rekwiżiti lingwistiċi għal din il-kompetizzjoni ġew adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO b’kont meħud ta’ dawn il-fatturi u kundizzjonijiet oħra speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet jew il-ħtiġijiet partikolari tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]

L-għan ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni huwa li tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll għadd limitat għar-reklutaġġ fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Ladarba jiġu impjegati, huwa essenzjali li l-amministraturi jkunu operazzjonali minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw mal-kollegi u l-maniġers tagħhom. Fid-dawl tal-kriterji dwar l-użu tal-lingwi fi proċeduri ta’ selezzjoni tal-[Unjoni], l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jqisu li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-aktar għażliet xierqa għat-tieni lingwa għal din il-kompetizzjoni.

Peress li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-lingwi l-iktar mitkellma, tradotti u użati għall-komunikazzjoni amministrattiva mill-persunal fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], il-kandidati jridu joffru mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi fost iż-żewġ lingwi obbligatorji tagħhom.

Barra minn hekk kmand tajjeb tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż, huwa meqjus bħala essenzjali biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk awditjati, għall-preżentazzjonijiet, id-diskussjonijiet u l-kitba ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi tas-servizzi li qed jiġu awditjati u l-awtoritajiet kompetenti.

Il-kandidati għandhom jużaw it-tieni lingwa tal-kompetizzjoni tagħhom (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż) meta jimlew l-applikazzjonijiet onlajn u l-EPSO jrid juża dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-massa mal-kandidati li jkunu ressqu applikazzjoni valida u għal uħud mit-testijiet deskritti taħt il-punt 3.”

9        Il-punt 1 tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, intitolat “Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni”, jipprevedi dan li ġej:

“L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jemmnu li d-deċiżjoni fuq il-lingwi speċifiċi li għandhom jintużaw f’kull proċedura ta’ selezzjoni individwali u, b’mod partikulari, kull restrizzjoni fl-għażla tal-lingwi, għandha ssir abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(i)      Rekwiżit li r-rekluti ġodda jkunu operazzjonali b’mod immedjat

Ir-rekluti ġodda jridu jkunu operazzjonali immedjatament u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati. Għalhekk, l-EPSO għandu jiżgura li l-kandidati jkollhom għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li jippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv u, b’mod partikolari, li l-kandidati ta’ suċċess ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum mal-kollegi u l-maniġers [superjuri] tagħhom.

Għalhekk, jista’ jkun ġust li jiġu organizzati xi eżamijiet f’għadd limitat ta’ lingwi funzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-kandidati kollha jkunu kapaċi jaħdmu f’mill-inqas waħda minnhom, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom. Jekk dan ma jsirx, jinħoloq riskju għoli li proporzjon sostanzjali ta’ kandidati magħżula ma jkunux jistgħu jwettqu l-kompiti li għalihom jiġu rreklutati fi żmien raġonevoli. Barra minn hekk, dan ikun jinjora l-kunsiderazzjoni evidenti li l-kandidati li japplikaw għal xogħlijiet fis-servizz pubbliku tal-UE huma lesti li jissieħbu f’organizzazzjoni internazzjonali li trid tuża lingwi funzjonali sabiex taħdem sew u twettaq il-kompiti mogħtija lilha skont it-trattati tal-UE.

(ii)      In-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni

F’xi każijiet, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi mill-kandidati tista’ tkun iġġustifikata wkoll min-natura tal-proċedura tas-selezzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-EPSO jivvaluta l-kandidati f’kompetizzjonijiet miftuħa, li juża biex jevalwa l-ħiliet tal-kandidati u jipprevedi aħjar jekk il-kandidati jkunux kapaċi jwettqu dmirijiethom.

Iċ-ċentru ta’ valutazzjoni huwa metodu ta’ selezzjoni li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-kandidati b’mod standardizzat, abbażi ta’ diversi xenarji osservati minn diversi membri tal-bord ta’ selezzjoni. Il-valutazzjoni tuża qafas ta’ kompetenza stabbilit minn qabel mill-awtoritajiet ta’ ħatra, metodu komuni ta’ punteġġ u teħid konġunt tad-deċiżjonijiet.

Il-valutazzjoni tal-ħiliet speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jibdew jaħdmu minnufih f’ambjent li jixbaħ ħafna r-realtà tal-impjieg. Korp sostanzjali ta’ riċerka xjentifika wera li ċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, li jissimulaw sitwazzjonijiet reali tax-xogħol huma l-aħjar mezz kif wieħed jipprevedi l-prestazzjoni fil-ħajja reali. Iċ-ċentri ta’ valutazzjoni huma għaldaqstant użati madwar id-dinja. Fid-dawl tat-tul tal-karrieri u l-grad ta’ mobilità fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], dan it-tip ta’ valutazzjoni huwa kruċjali, b’mod partikolari fis-selezzjoni ta’ uffiċjali permanenti.

Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod ugwali u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, il-kandidati jiġu vvalutati flimkien fi grupp b’lingwa komuni. Sakemm iċ-ċentru ta’ valutazzjoni ma jsirx f’kompetizzjoni b’lingwa ewlenija waħda, dan jeħtieġ neċessarjament li ċ-ċentru ta’ valutazzjoni jiġi organizzat f’għadd ristrett ta’ lingwi.

(iii)      Limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali

Għal diversi raġunijiet, il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO jemmen li jkun imprattikabbli li tiġi organizzata l-fażi taċ-ċentru ta’ valutazzjoni ta’ kompetizzjoni unika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-[Unjoni].

L-ewwel nett, approċċ bħal dan jista’ jkollu implikazzjonijiet serji ħafna għar-riżorsi, li jagħmilha impossibbli għall-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ reklutaġġ tagħhom fil-qafas baġitarju attwali. Dan ukoll ma jkunx ta’ valur biżżejjed għall-flus għall-kontribwenti Ewropej.

It-tieni nett, it-twettiq taċ-ċentru ta’ valutazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha jkun jeħtieġ għadd sostanzjali ta’ interpreti biex jaħdmu fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO u l-użu ta’ bini adegwat b’kabini tal-interpretazzjoni.

It-tielet nett, għadd ferm akbar ta’ membri tal-bord tas-selezzjoni jkun meħtieġ biex ikopri l-lingwi differenti użati minn kandidati.”

10      Skont il-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, li għandu t-titolu “Kriterji għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni”:

“Jekk il-kandidati jkunu mitluba jagħżlu minn għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni], il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO għandu jiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ il-lingwi li għandhom jintużaw għall-kompetizzjonijiet miftuħa individwali, filwaqt li jqis dan li ġej:

(i)      kull regola interna speċifika dwar l-użu tal-lingwi fl-istituzzjoni(jiet) jew korpi kkonċernati;

(ii)      ir-rekwiżiti speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet u l-ħtiġijiet partikolari tal-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i;

(iii)      il-lingwi l-aktar użati fl-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i, stabbiliti fuq il-bażi ta’:

–        il-ħiliet lingwistiċi ddikjarati u ppruvati f’livell B2 jew ogħla tal-Qafas Ewropew Komuni ta’ Referenza għal-Lingwi ta’ uffiċjali permanenti tal-[Unjoni] f’impjieg attiv;

–        l-aktar lingwi mira użati li fihom jiġu tradotti dokumenti maħsuba għall-użu intern fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni];

–        l-aktar lingwi sors użati li minnhom jiġu tradotti dokumenti prodotti internament mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] u maħsuba għall-użu estern;

(iv)      il-lingwi użati għall-komunikazzjoni amministrattiva fl-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i.

11      Fl-aħħar nett, il-punt 3 tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, intitolat “Il-lingwi ta’ komunikazzjoni”, jindika dan li ġej:

“Din it-taqsima tiddeskrivi r-regoli ġenerali dwar l-użu tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati potenzjali. Ħtiġiet speċifiċi oħrajn jistgħu jiġu stabbiliti f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

L-EPSO jqis id-dritt tal-kandidati bħala ċittadini tal-[Unjoni] li jikkomunikaw bil-lingwa materna tagħhom. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-kandidati li jkunu vvalidaw l-applikazzjoni tagħhom huma membri prospettivi tas-servizz ċivili tal-UE li jibbenefikaw mid-drittijiet u l-obbligi mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. L-istituzzjonijiet tal-UE għalhekk jemmnu li l-EPSO, kemm jista’ jkun, għandu jikkomunika mal-kandidati u jipprovdi lill-kandidati b’informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-[Unjoni]. Biex jinkiseb dan, l-elementi stabbli fis-sit web tal-EPSO, l-avviżi tal-kompetizzjonijiet u r-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha.

Il-lingwi li għandhom jintużaw fil-mili tal-formoli ta’ applikazzjoni onlajn huma speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni. L-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-formola tal-applikazzjoni għandhom jiġu pprovduti fil-lingwi uffiċjali kollha. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni meħtieġ biex tiġi stabbilita l-proċedura tal-applikazzjoni onlajn inizjali fil-lingwi uffiċjali kollha.

Sabiex ikun hemm komunikazzjoni mħaffa u effiċjenti, wara li l-applikazzjoni inizjali ta’ kandidat tkun ġiet validata, il-komunikazzjoni tal-massa mill-EPSO lil popolazzjonijiet kbar ta’ kandidati tkun f’għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni]. Din tkun jew l-ewwel jew it-tieni lingwa tal-kandidat kif stipulat fl-avviż rilevanti tal-kompetizzjoni.

Il-kandidati jistgħu jikkuntattjaw lil EPSO b’kull lingwa uffiċjali tal-[Unjoni] iżda, sabiex l-EPSO jittratta t-talba tagħhom b’mod aktar effiċjenti, il-kandidati huma mħeġġa li jagħżlu minn fost għadd limitat ta’ lingwi li l-persunal tal-EPSO huwa kapaċi jipprovdi kopertura lingwistika immedjata fihom mingħajr il-bżonn li jirrikorri għat-traduzzjoni.

Ċerti testijiet jistgħu jsiru wkoll f’għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni] sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkollhom ħila fil-lingwi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-fażi ta’ valutazzjoni tal-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-lingwi għad-diversi testijiet ikunu speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni”] jemmnu li dawn l-arranġamenti jiżguraw ambjent ġust u bilanċ xieraq bejn l-interessi tas-servizz u l-prinċipju tal-multilingwiżmu u n-non-diskriminazzjoni skont il-lingwa. L-obbligu fuq il-kandidati li jagħżlu t-tieni lingwa li hija differenti mill-ewwel lingwa tagħhom (normalment il-lingwa materna jew ekwivalenti għaliha) jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali.”

12      Fil-parti tal-avviż ikkontestat intitolata “Kif inkun magħżul?”, huwa indikat, fil-punt 1, huwa indikat li l-eżamijiet tat-tip “testijiet b’għażliet multipli” (QCM) fuq il-kompjuter, jiġifieri l-eżamijiet ta’ raġunament verbali, ta’ raġunament numeriku u ta’ raġunament astratt, li jikkostitwixxu l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata, huma organizzati fil-lingwa magħżula, minn kull kandidat, bħala l-ewwel lingwa tal-kompetizzjoni.

13      Barra minn hekk, skont il-punt 3 tal-imsemmija parti, wara s-“selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki”, li tikkostitwixxi t-tieni fażi tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat, il-kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki globali jiġu mistiedna jgħaddu, fil-lingwa li huma jkunu għażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni, l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, l-aħħar fażi tal-kompetizzjoni li tinkludi diversi testijiet intiżi sabiex jevalwaw kompetenzi differenti tal-kandidati.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors imressaq fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika Taljana ressqet it-talba tagħha.

15      Fil‑15 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495). Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-avviżi tal-kompetizzjonijiet miftuħa EPSO/AD/276/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (ĠU 2014, C 74 A, p. 4), u EPSO/AD/294/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data (ĠU 2014, C 391 A, p. 1), minħabba li l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, minn naħa, tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati tikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata minħabba l-lingwa.

16      Fid‑19 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-risposta.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Novembru 2016, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fil‑15 ta’ Frar 2017.

18      Fil‑25 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), irreġistrat bin-numru tal-Kawża C‑621/16 P.

19      Ir-replika u l-kontroreplika f’din il-kawża ġew ippreżentati rispettivament fil‑5 ta’ Diċembru 2016 u fl‑20 ta’ Frar 2017.

20      Fl‑20 ta’ Jannar 2017, minn naħa, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar ir-rilevanza tal-kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u rreġistrata bin-numru C‑621/16 P f’dak li jikkonċerna din il-kawża kif ukoll dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura f’din il-kawża, skont l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża msemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li din il-kawża tingħaqad mal-Kawżi T‑401/16, Spanja vs Il-Kummissjoni, u T‑443/16, L-Italja vs Il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura jew tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Frar 2017, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑621/16 P.

22      Fis‑26 ta’ Marzu 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenzi Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251). Permezz tal-ewwel minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sejħa għal espressjoni ta’ interess Aġenti Kuntrattwali – Grupp ta’ Funzjoni I – Xufiera (Irġiel/Nisa), EP/CAST/S/16/2016, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ April 2016 (ĠU 2016, C 131 A, p. 1), kif ukoll id-database stabbilita skont l-imsemmija sejħa għal espressjoni ta’ interess, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Parlament Ewropew ma kienx stabbilixxa li l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, minn naħa, tal-għażla tat-tieni lingwa tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-Parlament u l-kandidati kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata fir-rigward ta’ għan leġittimu ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Permezz tat-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495). Wara li ngħatat din l-aħħar sentenza, il-proċedura tkompliet f’din il-kawża.

23      Fit‑3 ta’ April 2019, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw lill-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għal din il-kawża, mill-għoti tas-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249), u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251). Il-partijiet wieġbu għal din il-mistoqsija fit-terminu mogħti.

24      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għad-Disa’ Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

25      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti, li huma għamlu fit-terminu mogħti, u, min-naħa l-oħra, għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub sabiex iwieġbu għas-seduta.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Novembru 2019, din il-kawża u l-Kawża T‑443/16, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura.

27      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2019.

28      Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Jannar 2020, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali fetħet mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura f’din il-kawża u fil-Kawża T‑443/16, L-Italja vs Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 113(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Frar 2020, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża u l-Kawża T‑443/16, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ġew separati skont l-Artikolu 68(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2020, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura f’din il-kawża.

31      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-avviż ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

33      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-avviż ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

34      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 263, 264 u 266 TFUE; it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 342 TFUE u tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1), it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(3) UE tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Persunal”) kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal; ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; il-ħames wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter kif ukoll fuq ksur tar-“regoli sostanzjali inerenti għan-natura u għall-għan tal-avviżi ta’ kompetizzjoni”, b’mod partikolari tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, tal-Artikolu 28(f), tal-Artikolu 34(3) u tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18 u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal u, is-seba’ wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”.

35      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-motivi tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkontesta, essenzjalment, il-legalità ta’ żewġ aspetti tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat. B’hekk, hija tikkontesta, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-avviż ikkontestat li jillimitaw għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż l-għażla tat-tieni lingwa ta’ din il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż dwar il-lingwi li jistgħu jintużaw fil-korrispondenza bejn il-kandidati għal din il-kompetizzjoni u l-EPSO.

36      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, sa fejn, skont l-avviż ikkontestat, ċerti eżamijiet isiru bil-lingwa magħżula mill-kandidati bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni, illegalità eventwali tal-limitazzjoni tal-għażla ta’ din it-tieni lingwa twassal, neċessarjament, għall-illegalità tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet kollha tal-kompetizzjoni.

37      Għaldaqstant, hemm lok li tiġi eżaminata suċċessivament, fid-dawl tal-motivi invokati u tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet, il-legalità ta’ dawn iż-żewġ partijiet tal-avviż ikkontestat.

A.      Fuq il-legalità tal-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat

38      Il-parti tal-avviż ikkontestat li tirrigwarda l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni hija, essenzjalment, is-suġġett tat-tielet u s-seba’ motiv imqajma mir-Repubblika Taljana.

39      It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni tikser l-Artikolu 6(3) TUE, l-Artikolu 18 TFUE, l-Artikolu 22 tal-Karta, l-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, l-Artikolu 1d(1) u (6), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana tqis, b’mod partikolari, li tali limitazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-lingwa u li l-motivi esposti f’dan ir-rigward fl-avviż ikkontestat ma humiex tali li jistabbilixxu l-eżistenza tal-ħtiġijiet reali li jiġġustifikawha konkretament.

40      Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana tallega, b’mod partikolari, nuqqas u insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-avviż ikkontestat, filwaqt li targumenta li huma biss raġunijiet marbuta mar-rekwiżiti speċifiċi tas-servizz li jistgħu jiġġustifikaw diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa.

41      Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-argument tar-Repubblika Taljana.

42      Minn dak li ġie espost fil-punti 39 u 40 iktar il fuq jirriżulta li, permezz tal-motivi msemmija iktar ’il fuq, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Taljana tallega, essenzjalment, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tikkontesta, fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet li hija tinvoka, il-fondatezza tal-motivi mogħtija fl-avviż ikkontestat għal-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni.

1.      Fuq il-motivazzjoni tal-avviż ikkontestat

43      Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ eventwali nuqqas jew ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-opinjoni kkontestata, allegati fil-kuntest tas-seba’ motiv, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument tar-Repubblika Taljana. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li l-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni ġiet ipprovduta b’mod korrett fl-Anness II ta’ dan l-avviż u kkonfermata mill-elementi fattwali esposti fl-annessi tar-risposta. Hija tfakkar, barra minn hekk, f’dan ir-rigward, li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-avviż ikkontestat huwa att ta’ portata ġenerali, il-motivazzjoni tiegħu tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-“sitwazzjoni ġenerali” li wasslet għall-adozzjoni tal-att inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, “l-għanijiet ġenerali” li dan tal-aħħar huwa intiż li jilħaq.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti f’li jiġu espressi formalment il-motivi li fuqhom huwa bbażat. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 79 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-parti tal-avviż ikkontestat ikkontestat intitolata “Jien eliġibbli biex napplika” kif ukoll fl-Anness II ta’ dan l-avviż, kif riprodotti fil-punti 6 sa 11 iktar ’il fuq, l-imsemmi avviż jinkludi motivazzjoni intiża sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni. B’mod iktar preċiż, huwa indikat li din il-limitazzjoni ġiet deċiża fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fil-punt 2 tal-Anness II ta’ dan l-avviż (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u li hija bbażata fuq tliet motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, in-neċessità li l-persuni rreklutati ġodda jkunu immedjatament operattivi, it-tieni nett, in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni u, it-tielet nett, il-limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali. Dawn il-motivi huma mogħtija fil-parti introduttiva ta’ dan l-anness (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) u huma s-suġġett ta’ deskrizzjoni usa’ fil-punt 1(i) sa (iii) tiegħu (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-awtur ta’ dan l-avviż, jiġifieri l-EPSO, ma jistax jiġi kkritikat bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-kwistjoni ta’ fondatezza ta’ din il-motivazzjoni hija distinta, u ser tiġi eżaminata iktar tard.

2.      Fuq il-fondatezza tal-motivi mogħtija fl-avviż ikkontestat għal-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni

a)      Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

46      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-prinċipju tal-multilingwiżmu, protett mill-Artikolu 22 tal-Karta, ma jippermettix li l-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni tiġi limitata għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali, iżda jimplika, għall-kuntrarju, il-possibbiltà għall-kandidati li jagħżlu, f’dan ir-rigward, kull lingwa uffiċjali. Fl-opinjoni tagħha, għalkemm huwa minnu li minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tagħhom, jirriżulta li huwa possibbli li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-għażla ta’ din it-tieni lingwa, dawn ir-restrizzjonijiet qatt ma jistgħu jikkostitwixxu r-regola għall-kompetizzjonijiet kollha.

47      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod partikolari, li, sa fejn il-limitazzjoni lingwistika prevista mill-avviż ikkontestat tirrigwarda biss it-tieni lingwa li għandhom jagħżlu l-kandidati għall-kompetizzjoni inkwistjoni sabiex jipparteċipaw, b’mod partikolari, fl-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, u mhux il-lingwa materna tagħhom jew l-ewwel lingwa ddikjarata tagħhom, peress li din tista’ tintuża għat-testijiet tat-tip QCM fuq kompjuter, din il-limitazzjoni ma twassalx għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jipprevedi kif ġej:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi użati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiz, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

49      Għandu jiġi rrilevat, ukoll, li, kif tfakkar fil-punt 67 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), għalkemm l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jippreevdi espliċitament liema huma l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Artikolu 6 tiegħu jipprevedi li dawn jistgħu jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika stabbilita minn dan ir-regolament fir-regoli ta’ proċedura rispettivi tagħhom. Fl-istess punt ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ikkonstatat li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma kinux iddeterminaw, abbażi tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema lingwistika fir-regoli ta’ proċedura tagħhom.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li ma jistax jiġi stabbilit, abbażi tal-provi li jirriżultaw mill-proċess ta’ din il-kawża, li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ikkontestat kienu, sal-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż, adottaw dispożizzjonijiet, fir-regoli ta’ proċedura tagħhom, intiżi sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1, konformement mal-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, “ebda istituzzjoni qatt ma adottat tali regoli”.

51      Barra minn hekk, l-Artikolu1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li, fl-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, hija pprojbita kull diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq il-lingwa. Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[w]aqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal”.

52      Barra minn hekk l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi appuntat bħala uffiċjal jekk ma jipproduċix evidenza ta’ għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni. Minkejja li din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra huwa rikjest “sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu” li l-kandidat huwa mitlub jeżerċita, hija ma tindikax il-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex l-għażla ta’ din il-lingwa tiġi llimitata minn fost il-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 85 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Tali kriterji lanqas ma jirriżultaw mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tagħhom jipprevedi, mingħajr ma jagħmel riferiment għal għarfien tal-lingwi, li “[r]-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni” u li “ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku”. L-istess japplika għat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu li sempliċement jipprevedi li “[i] l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jippermetti li kull istituzzjoni tadotta miżuri xierqa wara li jkun osservat li jkun jeżisti żbilanċ dejjiemi u sinfikanti bejn iċ-ċittadinanzi fost l-uffiċjali li ma jkunx ġustifikat minn kriterji oġġettivi”, billi jispeċifika, b’mod partikolari, li “[d]awk il-miżuri xierqa jridu jkunu ġustifikati u qatt ma għandhom jirriżultaw fi kriterji ta’ reklutaġġ għajr dawk imsejsa fuq il-mertu”.

54      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ possibbilment jispeċifika l-għarfien tal-lingwi meħtieġ min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma tirriżultax awtorizzazzjoni ġenerali sabiex l-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni tiġi limitata għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 86 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, bħala regola ġenerali pprojbita mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 66). Huwa, fil-fatt, evidenti li, b’din il-limitazzjoni, ċerti kandidati potenzjali, jiġifieri dawk li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mil-lingwi indikati, huma favoriti, minħabba li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u jkunu, b’hekk, irreklutati bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li oħrajn, li ma għandhomx tali għarfien, huma esklużi (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 91 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni.

57      Fl-ewwel lok, l-argument li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, “peress li l-limitazzjoni tal-użu tal-lingwa għall-kompetizzjoni ma tikkonċernax il-lingwa materna jew l-ewwel lingwa tal-kandidati, iżda biss it-tieni lingwa li huma għandhom jagħżlu”, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-portata tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, stabbilita fl-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex limitata għall-użu tal-lingwa materna tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tal-ewwel lingwa ddikjarata fil-kuntest ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni.

58      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-possibbiltà għall-kandidati li jużaw il-lingwa materna tagħhom għat-testijiet tat-tip QCM bil-kompjuter, fejn il-lingwa tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għandha neċessarjament tkun differenti. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tal-avviż ikkontestat ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kandidati ser ikollhom neċessarjament jagħmlu l-eżamijiet tat-tip QCM bil-kompjuter fil-lingwa prinċipali tagħhom (jiġifieri, bħala regola ġenerali l-lingwa materna tagħhom), u wisq inqas li huma marbuta jagħmlu dan. B’hekk, xejn ma jipprekludi kandidat li l-lingwa materna tiegħu hija l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż u li għandu wkoll għarfien profond ta’ lingwa oħra minn dawn it-tliet lingwi milli jiddikjara din il-lingwa tal-aħħar bħala l-ewwel lingwa tiegħu tal-kompetizzjoni u, insegwitu, milli jgħaddi l-eżamijiet l-oħra previsti mill-avviż ikkontestat fil-lingwa prinċipali tiegħu. Huwa għaldaqstant evidenti li kandidat li l-lingwa prinċipali tiegħu ma hija l-ebda waħda mit-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq ma jista’ jagħmel għażla paragunabbli. L-eżempju ta’ eżami ta’ raġunament verbali prodott mill-Kummissjoni ma jistax jikkontesta din l-evalwazzjoni, peress li ma jistax jiġi eskluż, abbażi biss ta’ dan id-dokument, li l-għarfien profond, jew saħansitra perfett, ta’ lingwa li ma hijiex il-lingwa prinċipali tista’ tippermetti lill-kandidat ikkonċernat li jgħaddi minn dan it-tip ta’ eżami.

59      Barra minn hekk, ċertament, skont il-punt 94 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), l-għan li jiġi żgurat lill-istituzzjonijiet id-dipartimenti ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità jista’ jiġi ppreżervat aħjar meta l-kandidati jkunu awtorizzati jippreżentaw l-eżamijiet ta’ selezzjoni ta’ kompetizzjoni fil-lingwa materna tagħhom jew fit-tieni lingwa li huma jqisu li jafu bl-aħjar mod. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li kull limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati hija ġġustifikata bil-kundizzjoni li l-kandidati jkunu jistgħu jagħżlu, minn fost il-lingwi proposti mill-avviż ikkontestat, dik li huma jkunu jafu bl-aħjar mod wara l-lingwa materna tagħhom. Fil-fatt, xejn ma jeskludi t-tieni lingwa li l-kandidati msemmija “jqisu ruħhom tajbin fiha”, fis-sens tal-punt 94 tas-sentenza msemmija hawn fuq, tkun lingwa oħra barra l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 95 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:582, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, mid-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-interess tas-servizz jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, għalkemm l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ċertament jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 6 tiegħu tipprevedi, madankollu, li limitazzjonijiet għal din il-projbizzjoni huma possibbli, sakemm dawn ikunu ikunu “[ġġustifikati] fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli”, u li jkunu “immirat[i] lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal” (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 89).

61      Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, bl-istess mod bħall-EPSO, meta dan tal-aħħar jeżerċita, bħal f’dan il-każ, setgħat mogħtija lilu mill-imsemmija istituzzjonijiet, hija obbligatorjament irregolata mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali ma jistgħux jiġu aċċettati ħlief jekk tali limitazzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-opinjoni kkontestata tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, fil-prinċipju pprojbita skont l-Artikolu 1d(1)(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), għandu jiġi eżaminat jekk, billi tillimita dik l-għażla għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, l-EPSO kisirx l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, bl-istituzzjoni ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata.

b)      Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni kontenzjuża

63      Ir-Repubblika Taljana tqis, qabel kollox, li l-kapaċitajiet lingwistiċi tal-kandidati ma jaqgħux taħt il-kompetenzi previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li l-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni, sabiex tkun effikaċi u nondiskriminatorja, ma għandhiex tiġi influwenzata b’mod deċiżiv minn tal-ewwel. B’hekk, limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni tippresupponi li jiġu esposti u mmotivati b’mod adegwat il-ħtiġijiet partikolari li jiġġustifikawha konkretament, fis-sens li għandha tiġi stabbilita rabta bejn it-tieni lingwa u l-funzjoni speċifika li għandha tiġi eżerċitata mill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata.

64      F’dan il-każ, id-diversità tal-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat huma mitluba jwettqu timplika r-reklutaġġ ta’ persuni li għandhom kompetenzi lingwistiċi differenti. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Taljana, minħabba l-qasam vast tal-awditjar fuq il-ġestjoni tal-fondi strutturali mill-Istati Membri, huwa evidenti li t-twettiq tal-funzjonijiet ta’ dan it-tip jimponi l-ikbar għarfien possibbli tal-lingwi tal-Unjoni.

65      Issa, il-motivi li jinsabu fl-avviż ikkontestat sabiex jiġġustifikaw il-limitazzjoni kontenzjuża ma humiex marbuta mal-kompiti konkreti li għandhom jitwettqu u lanqas mar-rekwiżiti speċifiċi tas-servizz.

66      B’hekk, fl-ewwel lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-motiv ibbażat fuq in-neċessità li jkun hemm kandidati li għaddew li jkunu immedjatament operattivi ma huwiex rekwiżit tali li jiġġustifika diskriminazzjoni lingwistika ta’ tali gravità. Fil-fatt, tali għan ma jistax jiġi invokat b’mod ġenerali u teoretiku, iżda għandu jkun relatat mal-funzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu eżerċitati. Għaldaqstant, restrizzjonijiet għas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat jistgħu jiġu ammessi biss jekk jinwera li, mingħajrhom, l-uffiċjali l-ġodda rreklutati jkunu fl-impossibbiltà assoluta li jaħdmu.

67      Fir-rigward tar-riferiment magħmul fl-avviż ikkontestat għar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni interna, dan l-avviż bl-ebda mod ma juri kif din il-komunikazzjoni hija essenzjali għall-eżekuzzjoni tal-kompiti speċifiċi li għalihom huma inkarigati l-kandidati magħżula li jkunu għadhom kif ġew irreklutati u lanqas għaliex din għandha neċessarjament tiżvolġi bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Skont ir-Repubblika Taljana, tali rekwiżiti ma jistgħux jiġu ppreżentati bħala tip ta’ valur universali stabbilit minn qabel tali li jiġġustifika, dejjem u fi kwalunkwe każ, restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, ma teżisti ebda prova li t-tliet lingwi inkwistjoni huma l-lingwi l-iktar użati fil-komunikazzjoni interna tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

68      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni, ir-Repubblika Taljana ssostni li tali kunsiderazzjoni ma hijiex tali li tiġġustifika, fiha nnifisha, diskriminazzjoni lingwistika ta’ din il-portata. Barra minn hekk, l-avviż ikkontestat ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom l-użu tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż biss jista’ jiżgura l-effikaċja massima ta’ din il-proċedura.

69      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-motiv marbut mal-limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li rekwiżiti ta’ natura finanzjarja ma jistgħu qatt jiġġustifikaw, waħedhom, diskriminazzjoni li taffettwa dritt fundamentali. Fi kwalunkwe każ, l-Anness II tal-avviż ikkontestat ma jindikax liema huma l-ispejjeż ta’ sistema differenti u lanqas għaliex hija biss sistema bbażata fuq it-tliet lingwi kkunsidrati f’dan il-każ, u mhux, pereżempju, fuq tliet lingwi oħra, tkun kompatibbli mar-rekwiżiti baġitarji.

70      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-persunal tippermettilhom jiddefinixxu l-interess tas-servizz u l-kompetenzi li għandhom il-persuni rreklutati ġodda skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll li jiddeterminaw l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni lingwistika skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal.

71      F’dan il-każ, skont l-avviż ikkontestat, l-interess tas-servizz jikkonsisti fil-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament effikaċi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati minn dan l-avviż, jiġifieri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, bir-reklutaġġ ta’ persunal immedjatament operattiv li, minħabba l-għarfien tiegħu ta’ waħda mil-lingwi funzjonali, jista’ jiġi integrat iktar faċilment f’ambjent tax-xogħol ġdid u internazzjonali.

72      B’hekk, skont il-Kummissjoni, il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż hija bbażata fuq elementi oġġettivi, jiġifieri l-fatt li dawn it-tliet lingwi jintużaw bħala lingwi funzjonali fi ħdan iż-żewġ istituzzjonijiet imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tipproduċi, flimkien mar-risposta tagħha, serje ta’ provi, jiġifieri, minn naħa, diversi testi adottati minnha u mill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll, min-naħa l-oħra, data statistika li turi l-livell ta’ tixrid partikolari ta’ dawn it-tliet lingwi fost il-persunal inkarigat mill-funzjonijiet ta’ awditjar f’dawn l-istituzzjonijiet.

73      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ma jistax jiġi aċċettat li l-għan tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat jikkonsisti biss f’li jiġu vverifikati l-kompetenzi tal-kandidati u li l-għan li tiġi evalwata l-kapaċità tagħhom li jesprimu ruħhom f’lingwa differenti mil-lingwa materna tagħhom ikun totalment sekondarju. Għall-kuntrarju, huwa essenzjali li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet ta’ komunikazzjoni interna effikaċi, billi jiġi żgurat li kull uffiċjal ikollu għarfien suffiċjenti ta’ waħda mit-tliet lingwi li jservu ta’ lingwi funzjonali fi ħdan l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Minħabba f’hekk, kandidat li ma jkunx f’pożizzjoni li jikkomunika f’waħda minn dawn it-tliet lingwi ma jkunx jista’ jsir uffiċjal “tal-ogħla livell ta’ kapaċità” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

74      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-approċċ tar-Repubblika Taljana li skontu t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għandha tkun tista’ tintgħażel minn fost il-lingwi uffiċjali kollha jwassal għal spiża ekonomika kunsiderevoli. Issa, f’kuntest ta’ xogħol ikkaratterizzat minn predominanza netta tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż, din l-ispiża hija manifestament inġustifikata.

75      Tali approċċ lanqas ma jieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Skont il-Kummissjoni, sa fejn ma tantx huwa probabbli li l-membri tal-Bord tal-Għażla jafu sew il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-kandidati jkollhom jesprimu ruħhom bl-għajnuna ta’ interpreti, li jidher totalment assurd fir-rigward tal-għan li jkollhom kandidati li għaddew immedjatament operattivi.

76      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, it-tliet lingwi inkwistjoni huma l-lingwi barranin l-iktar studjati fl-Istati Membri u l-iktar magħrufa fl-Ewropa, kif ukoll dawk li ċ-ċittadini tal-Unjoni jqisu bħala l-iktar utli sabiex jiġu studjati. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, minn diversi elementi li din l-istituzzjoni tipproduċi mar-risposta tagħha.

77      Fir-replika, ir-Repubblika Taljana tirrifjuta, b’mod partikolari, ir-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kummissjoni mar-risposta tagħha.

78      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni żżomm l-argument tagħha u tenfasizza, b’mod partikolari, li l-provi li hija pproduċiet juru l-fondatezza tiegħu.

79      Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jindika, essenzjalment, li l-kompetizzjoni inkwistjoni għandha bħala għan ir-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, relatati mas-setturi kollha ta’ attività tal-Unjoni, fl-Istati Membri kif ukoll f’pajjiżi terzi. Huwa jikkunsidra, b’hekk, li l-kandidati magħżula għandu jkollhom l-iktar firxa wiesgħa possibbli ta’ għarfien tal-lingwi. Fir-rigward tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jikklassifikahom bħala parzjali, sa fejn dawn la jirriflettu s-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha u lanqas dik tal-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ikkontestat.

1)      Fuq il-motivi li jinsabu fl-avviż ikkontestat

80      Qabel kollox għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni tal-persunal, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw l-interess tas-servizz kif ukoll il-kwalifiki u l-merti tal-kandidati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. B’hekk, ma huwiex eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jeħtieġ li l-persuni rreklutati jkollhom għarfien tal-lingwi speċifiċi. Għaldaqstant, in-natura partikolari tal-kompiti li għandhom jitwettqu tista’ tiġġustifika reklutaġġ ibbażat, b’mod partikolari, fuq għarfien fil-fond ta’ lingwa speċifika (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punti 67 u 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Madankollu, hija l-istituzzjoni li tillimita s-sistema lingwistika ta’ proċedura ta’ selezzjoni ażla għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija tabilħaqq xierqa sabiex tindirizza l-bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu. Barra minn hekk, kwalunkwe kundizzjoni relatata ma’ għarfien ta’ lingwi speċifiċi għandha tkun proporzjonata għal dan l-interess u tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal din il-kundizzjoni u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-kuntest, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha twettaq eżami in concreto tar-regoli li jistabbilixxu s-sistema lingwistika ta’ kompetizzjonijiet bħal dik ikkonċernata mill-avviż ikkontestat, sa fejn tali eżami biss jista’ jippermetti li jiġu stabbilit l-għarfien tal-lingwi li jista’ oġġettivament jintalab, fl-interess tas-servizz, mill-istituzzjonijiet fil-każ ta’ funzjonijiet speċifiċi u, għaldaqstant, jekk il-limitazzjoni eventwali fl-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, C‑621/16 P, Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2019:251, punt 94).

83      B’mod iktar partikolari, il-qorti tal-Unjoni il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tikkontrolla jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom minnha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Kif jirriżulta mill-punt 8 iktar ’il fuq, l-Anness II tal-avviż ikkontestat jindika, fil-parti introduttiva tiegħu, li l-kompetizzjoni inkwistjoni hija intiża għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar intiżi li jiġu rreklutati mill-Kummissjoni u, għal “għadd limitat”, mill-Qorti tal-Awdituri. Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, hemm ippreċiżat li din ġiet deċiża fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fil-punt 2 tal-imsemmi anness (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) kif ukoll abbażi ta’ tliet motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi, it-tieni nett, in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni u, it-tielet nett, il-limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

85      Fir-rigward, qabel kollox, tal-motiv ibbażat fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi, għandu jiġi rrilevat li, kif ifformulat fil-punt 1(iii) tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, dan il-motiv jista’ jservi biss, l-iktar l-iktar, sabiex jiġġustifika in abstracto limitazzjoni n-numru ta’ lingwi li jistgħu jintgħażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, dan ma jippermettix li jiġi ddeterminat liema għandu jkun preċiżament in-numru ta’ dawn il-lingwi u lanqas li jiġi spjegat għaliex ċerti lingwi għandhom jiġu magħżula bl-esklużjoni ta’ oħrajn.

86      Bl-istess mod, minħabba n-natura ġenerali tal-kliem użat fil-punt 1 tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, il-motiv ibbażat fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi jista’ japplika mhux biss għall-proċedura ta’ kompetizzjoni inkwistjoni, iżda wkoll għal kwalunkwe proċedura ta’ kompetizzjoni organizzata mill-EPSO. B’hekk, il-motiv inkwistjoni ma fih ebda indikazzjoni dwar il-limitazzjonijiet baġitarji u operattivi konkreti li l-EPSO jew id-dipartimenti kkonċernati mill-avviż ikkontestat jaffaċċjaw u li kienu jiġġustifikaw, f’dan il-każ speċifiku, limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għal ċerti lingwi biss. Il-Kummissjoni lanqas ma ppreżentat elementi konkreti fuq il-vantaġġi li għandha, mill-perspettiva tar-riżorsi baġitarji u operattivi, is-sistema lingwistika prevista mill-avviż ikkontestat u fuq il-konsegwenzi li ġġib magħha l-applikazzjoni ta’ sistema differenti.

87      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-istat attwali tal-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jista’ jikkostitwixxi, bħala tali, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

88      Għaldqastant; il-motiv ibbażat fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi, kif stabbilit fil-punt 1(iii) tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, ma jistax jiġġustifika, waħdu, id-diskriminazzjoni kontenzjuża.

89      Kunsiderazzjonijiet simili huma meħtieġa fir-rigward tal-motiv espost fil-punt 1(ii) tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, dwar in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni u, b’mod iktar partikolari, l-ispeċifiċità tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, l-istess bħall-motiv ibbażat fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi, il-motiv inkwistjoni, minħabba l-formulazzjoni ġenerali tiegħu, jista’ japplika għal kwalunkwe proċedura ta’ kompetizzjoni u ma jippermettix li tiġi ġġustifikata l-għażla tat-tliet lingwi użati fil-kuntest speċifiku tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda indikazzjoni konkreta f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, id-data statistika li hija tipproduċi dwar il-lingwa prinċipali magħżula mill-kandidati għal kompetizzjonijiet li żvolġew bejn l-2010 u l-2012 hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti relatati mal-għażla tat-tieni lingwa fil-kuntest tal-kompetizzjoni inkwistjoni. L-istess jgħodd għad-data dwar it-tieni lingwa magħżula mill-kandidati għal kompetizzjonijiet li seħħew fl-2005, jiġifieri żmien preċedenti għar-riforma tal-proċeduri tal-kompetizzjonijiet tal-EPSO li kellha l-effett li tniedi l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

90      Barra minn hekk, fir-rigward tal-portata ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 1(ii) tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, l-evalwazzjoni tal-kompetenzi differenti tal-kandidati fil-kuntest taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni “sabiex [dawn tal-aħħar] ikunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg”. B’hekk, jidher li, minħabba l-formulazzjoni tagħha, il-motiv ibbażat fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni huwa marbut, fir-realtà, ma’ dak ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni rreklutati ġodda jkunu immedjatament operattivi. Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta mill-Kummissjoni, li tikkunsidra, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-motiv inkwistjoni jikkostitwixxi “element supplimentari” li jirrifletti l-għażla mill-istituzzjonijiet ta’ metodu ta’ selezzjoni li jikkonsisti f’li jiġi simulat ambjent tax-xogħol ġenwin u ffokat fuq il-kapaċitajiet ta’ interazzjoni tal-kandidati f’kuntest internazzjonali. Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li l-programm tal-EPSO għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, tal‑11 ta’ Settembru 2008, prodott mill-Kummissjoni, iservi qabel kollox sabiex juri l-fatt li l-għan li jiġi rreklutat persunal kapaċi li jkun immedjatament operattiv huwa marbut direttament ma’ din ir-riforma.

91      Minn dan jirriżulta li la l-motiv ibbażat fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi u lanqas dak ibbażat fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni ma jistgħu, waħedhom jew flimkien, jiġġustifikaw il-limitazzjoni magħmula mill-avviż ikkontestat għall-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni, speċjalment sa fejn dawn il-motivi ma jippermettux li jintwera għaliex din l-għażla għandha ssir biss fost it-tliet lingwi magħżula f’dan il-każ, jiġifieri l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż, bl-esklużjoni ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-motiv ibbażat fuq il-ħtieġa li l-persuni rreklutati ġodda jkunu operattivi minnufih ikunu jista’ jkun xieraq li jiġġustifika limitazzjoni għal dawn it-tliet lingwi preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, l-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 106 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      In-natura primordjali ta’ dan il-motiv hija, barra minn hekk, ikkonfermata mir-Regoli Ġenerali, li l-punt 1.3 tagħhom jindika li “[l]-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li rekluti ġodda jkunu jistgħu jiffunzjonaw minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom”.

93      F’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-motiv ibbażat fuq il-ħtieġa li l-persuni rreklutati ġodda jkunu operattivi minnufih, mill-parti introduttorja u mill-punt 1(i) tal-Anness II tal-avviż ikkontestat jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala immedjatament operattivi, il-kandidati għall-kompetizzjoni kkonċernati għandu jkollhom “għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li jippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv u, b’mod partikolari, li […] ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum mal-kollegi u l-maniġers [superjuri] tagħhom” (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). B’hekk “[p]eress li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-lingwi l-iktar mitkellma, tradotti u użati għall-komunikazzjoni amministrattiva mill-persunal fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], il-kandidati jridu joffru mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi fost iż-żewġ lingwi obbligatorji tagħhom”. Barra minn hekk, “kmand tajjeb tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż, huwa meqjus bħala essenzjali biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk awditjati, għall-preżentazzjonijiet, id-diskussjonijiet u l-kitba ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi tas-servizzi li qed jiġu awditjati u l-awtoritajiet kompetenti” (ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 80 u 81 iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 93 iktar ’il fuq, minkejja li jindikaw l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom u jikkomunikaw b’mod effikaċi malli jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, ma humiex biżżejjed, fihom infushom, sabiex jistabbilixxu li l-funzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri dawk ta’ amministratur fil-qasam tal-awditjar fi ħdan l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ikkontestat, jeħtieġu b’mod konkret l-għarfien tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 72).

95      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li l-kandidati magħżula ser jiġu mitluba jwettqu, kif jidher fl-avviż ikkontestat.

96      Fil-fatt, skont l-Anness I tal-avviż ikkontestat, intitolat “Id-dmirijiet”, dawn il-kandidati magħżula għandhom l-għan, b’mod partikolari, li “[j]iġi żviluppat fehim tajjeb u għarfien tal-proċessi tan-negozju ta’ dawk li jkunu ġew awditjati”, li “[j]itwettqu awditi ta’ prestazzjoni, konformità u valur għall-flus f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika tal-[Unjoni] u proċessi tan-negozju”, li “[j]iġu vvalidati s-sejbiet tal-awditi ma’ min hu suġġett għalihom”, li “[j]iġu kkomunikati s-sejbiet, ir-riskji u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditu permezz ta’ abbozzi ta’ rapporti/rapporti finali ċari u konċiżi” jew ukoll li “[j]iġu pprovduti servizzi ta’ pariri/konsultazzjoni fuq talba tal-amministrazzjoni”. Bl-istess mod, mill-parti introduttiva tal-Anness II tal-avviż ikkontestat jirriżulta li l-funzjonijiet kkonċernati jinkludu li “tiġi analizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk awditjati [entitajiet awditjati]”, il-preperazzjoni ta’ “preżentazzjonijiet, id-diskussjonijiet u l-kitba ta’ rapporti” kif ukoll “kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi tas-servizzi li qed jiġu awditjati u l-awtoritajiet kompetenti”. Barra minn hekk, fil-parti intitolata “Liema kompiti għandi nistenna li nagħmel”, l-avviż ikkontestat jindika li “l-awdituri jistgħu jintalbu jwettqu awditi f’pajjiżi differenti tal-Unjoni […] u pajjiżi terzi matul il-karriera tagħhom”.

97      Kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’“dawk awditjati [entità awditjata]” għandu jinftiehem korpi bħall-aġenziji tal-Unjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jew ukoll istituzzjonijiet oħra, filwaqt li b’“servizz li qed jiġu awditjati” għandhom jinftiehmu d-dipartimenti tad-direttorati ġenerali differenti tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, it-terminu “awtoritajiet kompetenti” jirreferi għall-awtoritajiet baġitarji, jiġifieri l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament.

98      Madankollu, ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit, mid-deskrizzjoni biss tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ikkontestat, kif kull waħda mit-tliet lingwi li għalihom kienet tillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni tippermetti lill-kandidati magħżula rreklutati jkunu immedjatament operattivi. B’mod partikolari, ma hemm xejn f’dan l-avviż li juri li dawn it-tliet lingwi huma attwalment użati fit-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Anness I tiegħu jew fit-tħejjija ta’ preżentazzjonijiet, l-iżvolġiment ta’ dibattiti u fl-abbozzar ta’ rapporti li jsir riferiment għalihom fil-parti introduttorja tal-Anness II tiegħu. Bl-istess mod, mill-imsemmi avviż bl-ebda mod ma jirriżulta li t-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq huma attwalment użati fir-rapporti tal-amministraturi responsabbli għall-funzjonijiet ta’ awditjar mal-entitajiet jew id-dipartimenti awditjati kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti.

99      Barra minn hekk, il-pluralità tal-kompiti msemmija fl-avviż ikkontestat, li jinkludu mhux biss operazzjonijiet ta’ awditjar intern, iżda wkoll missjonijiet fi Stati Membri differenti u pajjiżi terzi, u dan “f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika tal-[Unjoni] u proċessi tan-negozju”, pjuttost tindika li, mingħajr ma tiġi eskluża l-eventwalità li l-għarfien tajjeb ta’ lingwa partikolari jirriżulta indispensabbli, ir-reklutaġġ ta’ persunal bi profili lingwistiċi differenti jkollu vantaġġ għall-funzjonament tas-servizz.

100    Minn dan isegwi li, anki fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li tinsab fl-avviż ikkontestat, il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni rreklutati l-ġodda jiġu immedjatament operattivi ma jistax, fid-dawl tal-formulazzjoni vaga u ġenerali tiegħu u fl-assenza, fl-avviż ikkontestat, ta’ indikazzjonijiet konkreti tali li jissostanzjawh, jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż biss.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-diversi provi li l-Kummissjoni pproduċiet fir-rigward ta’ dan il-motiv jistgħux juru li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi li għandhom jimtlew, il-limitazzjoni inkwistjoni kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-ħtieġa li l-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni inkwistjoni jkunu immedjatament operattivi.

2)      Fuq il-provi prodotti mill-Kummissjoni

i)      Osservazzjoni preliminari

102    Il-Kummissjoni tipproduċi serje ta’ provi li parti minnhom tirrigwarda l-funzjonament tagħha stess filwaqt li parti oħra tirrigwarda l-funzjonament tal-Qorti tal-Awdituri. Permezz ta’ dawn il-provi, hija tfittex li tistabbilixxi li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż jokkupaw pożizzjoni predominanti kemm fi ħdan id-dipartimenti tagħha kif ukoll fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri, bil-konsegwenza li, sabiex ikunu operattivi immedjatament, il-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu obbligati jkollhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda minn dawn it-tliet lingwi. Barra minn hekk, hija tipprovdi ċerta informazzjoni li minnha jirriżulta li t-tliet lingwi inkwistjoni huma l-lingwi l-iktar studjati fl-Istati Membri u l-iktar magħrufa fl-Ewropa.

103    Peress li r-Repubblika Taljana tqis li l-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni tikkonċerna l-istituzzjonijiet kollha, għandu jiġi indikat, fir-rigward tal-provi li jirrigwardaw il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri, li, skont l-avviż ikkontestat, il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni għandha bħala għan “prinċipali” l-istabbiliment ta’ listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditu, li minnhom “l-istituzzjonijiet tal-Unjoni […], b’mod ewlieni l-Kummissjoni […] fi Brussell u l-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu”, jirreklutaw membri ġodda tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ara l-punti 1 u 8 iktar ’il fuq).

104    Issa, għalkemm il-kliem użat fl-avviż ikkontestat jidher li ma jeskludix possibbiltà ta’ reklutaġġ fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li ż-żewġ istituzzjonijiet prinċipalment ikkonċernati minn dan l-avviż huma l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta, li, għalkemm reklutaġġ minn istituzzjonijiet oħra kien possibbli, dan madankollu kien suġġett għal ftehim minn qabel bejn l-istituzzjoni ta’ destinazzjoni indikata fl-avviż ta’ kompetizzjoni u l-istituzzjoni li kellha l-intenzjoni li tirrekluta l-persuna kkonċernata. Madankollu, skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, tali ipoteżi baqgħet, f’dan il-każ, marġinali, peress li 4 kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inkwistjoni biss minn 72 kienu ġew irreklutati minn persuni li jimpjegaw oħra, jiġifieri tlieta mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u wieħed mis-SEAE.

105    Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm ġie espost, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tagħha stess kif ukoll dak tal-Qorti tal-Awdituri u għandhom jiġu eżaminati r-rilevanza tagħhom għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

ii)    Fuq il-provi dwar il-funzjonament tal-Kummissjoni

–       Fuq il-provi dwar il-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku

106    Il-Kummissjoni tipprovdi testi li minnhom jirriżulta li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi “funzjonali” jew il-lingwi ta’ ħidma użati mid-dipartimenti tagħha.

107    L-ewwel nett, dan jirrigwarda, il-Komunikazzjoni SEC (2000) 2071/6 tal-President tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2000 dwar is-semplifikazzjoni tal-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni kif ukoll estratt mill-minuti tal-elf ħames mija u tieni laqgħa tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2000, redatta fis‑6 ta’ Diċembru 2000 taħt ir-referenza PV (2002) 1502, u li tirrigwarda l-approvazzjoni, mill-kulleġġ tal-membri, ta’ din il-komunikazzjoni.

108    It-tieni nett, il-Kummissjoni tipproduċi r-regoli ta’ proċedura tagħha (C (2000) 3614 final) (ĠU 2000, L 308, p. 26), fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-avviż ikkontestat, kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu, annessi mad-Deċiżjoni tagħha C(2010) 1200 final tal‑24 ta’ Frar 2010 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha. Barra minn hekk, hija tipprovdi dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, li hija tikklassifika bħala “regoli dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni stabbiliti mill-President [tagħha]”. Skont il-Kummissjoni, minn dawn ir-“regoli” jirriżulta li “kull abbozz ta’ deċiżjoni li ser jiġi sottomess lill-kulleġġ għal deċiżjoni bil-miktub jew orali, jew għal deċiżjoni b’awtorizzazzjoni, għandu jitfassal bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż”.

109    Barra minn hekk, b’risposta għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet ukoll ċerti dokumenti dwar l-implimentazzjoni tar-“regoli” li jinsabu fid-dokument imsemmi fil-punt 108 iktar ’il fuq kif ukoll il-Komunikazzjoni SEC (2006) 1489 final tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar “it-traduzzjoni lill-Kummissjoni” u akkumpanjata minn anness li jesponi r-“regoli ta’ traduzzjoni wara l-2006”.

110    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta r-rilevanza ta’ dawn it-testi billi tqis, essenzjalment, li dawn jirrigwardaw biss il-funzjonament tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, mingħajr ma juru użu tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż bħala lingwi funzjonali mid-dipartimenti tagħha. Barra minn hekk, waqt is-seduta, hija sostniet li l-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final kellha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova ġdida u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda minħabba tardività.

111    Il-Kummissjoni tirribatti li t-testi msemmija fil-punti 107 sa 109 iktar ’il fuq japplikaw għall-istabbiliment ta’ kull abbozz ta’ att li għandu jiġi approvat minnha, li jimplika neċessarjament “li huma d-dipartimenti tagħha […] li jfasslu dan l-abbozz”. Fil-fatt, sa fejn il-President tal-Kummissjoni, abbażi tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura, stabbilixxa regoli li skonthom il-lingwi funzjonali, jiġifieri “il-lingwi li fihom l-abbozzi ta’ atti għandhom jiġu sottomessi lill-kulleġġ għall-approvazzjoni”, huma l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, tali regoli għandhom “impatt inevitabbli fuq ix-xogħol tas-servizzi li għandhom jirrediġu dawn id-dokumenti billi jużaw dawn il-lingwi”. Fir-rigward, barra minn hekk, tal-komunikazzjoni msemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li din kienet tippermetti li tiġi kkompletata r-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet bagħtitilha l-Qorti Ġenerali, raġuni li għaliha hija ma kellhiex tiġi miċħuda minħabba tardività.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fir-rigward tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 2.2 ta’ dan it-test, li jillimita, fil-fehma tagħha, in-numru ta’ “lingwi ta’ ħidma” għal tlieta.

113    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni tad-diversi tipi ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, kif kienu previsti mir-regoli ta’ proċedura tagħha fi-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument meta nħarġet l-imsemmija komunikazzjoni, u li tipproponi s-simplifikazzjoni tagħha. Huwa f’tali kuntest u b’riferiment għal tip preċiż ta’ proċedura, jiġifieri l-proċedura bil-miktub, li l-punt 2.2 tal-komunikazzjoni inkwistjoni jindika li “id-dokumenti għandhom jinħarġu fit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni”, mingħajr, barra minn hekk, ma jsemmihom. Issa, dan ir-riferiment waħdu, minkejja li jinkludi l-espressjoni “lingwi ta’ ħidma”, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi effettivament użati mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

114    Barra minn hekk, il-portata ta’ dan ir-riferiment hija kkwalifikata minn siltiet oħra tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6.

115    B’hekk, minn naħa, mill-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura b’awtorizzazzjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tista’ tawtorizza lil wieħed jew iktar mill-membri tagħha jieħdu deċiżjonijiet f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, it-test tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata huwa “ppreżentat f’lingwa waħda tax-xogħol u/jew fil-verżjonijiet awtentiċi tagħhom”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

116    Min-naħa l-oħra, il-punt 5.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, intitolat “Tiġi ssimplifikata s-sistema lingwistika”, juri r-rwol tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni, li huwa “implikat b’mod sħiħ fil-proċess” deċiżjonali. Fiha huwa ppreċiżat, b’mod partikolari, li “waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ dewmien fit-tnedija jew it-tlestija tal-proċeduri bil-miktub u tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni hija l-kisba ta’ traduzzjonijiet, inklużi testi riveduti mill-ġuristi lingwisti”, li jagħmel indispensabbli li jkun hemm trażmissjoni fil-ħin tad-dokumenti kkonċernati lid-DĠ għat-Traduzzjoni tidher indispensabbli.

117    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar l-użu effettiv tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż fix-xogħol ta’ kuljum tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u lanqas a fortiori fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ikkontestat.

118    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-testi l-oħra li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi analizzata l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, jiġifieri r-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” (ara l-punt 108 iktar ’il fuq).

119    Fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li dawn ma fihomx dispożizzjonijiet dwar il-lingwi li għandhom jintużaw mill-korpi msemmija fil-Kapitolu I tagħhom, jiġifieri l-membri tal-Kummissjoni li jaġixxu f’kulleġġ kif ukoll il-President u s-Segretarju Ġenerali tiegħu, lanqas fuq il-lingwi ta’ ħidma li għandhom jintużaw mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni msemmija fil-Kapitolu II tagħhom. Huwa biss l-Artikolu 17 tar-regoli ta’ proċedura, dwar l-awtentikazzjoni ta’ atti adottati mill-Kummissjoni, li jillimita ruħu li jiddikjara li din isir “bil-lingwa jew lingwi li fihom huma awtentiċi”, jiġifieri, skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, “il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni […] fil-każ ta’ atti ta’ applikazzjoni ġenerali u, għall-oħrajn, dawk tad-destinatarji tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

120    Skont l-indikazzjonijiet li pprovdiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, għandhom madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 6 u 12 sa 14 tar-regoli ta’ proċedura kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli. Barra minn hekk, huwa abbażi ta’ dawn il-modalitajiet li, fil-fehma tagħha, ġie stabbilit id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

121    L-Artikolu 6 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i] l-President għandu jadotta l-aġenda ta’ kull laqgħa tal-Kummissjoni” u, fil-paragrafu 4 tagħhom, li “l-aġenda u d-dokumenti meħtieġa għandhom jiġu kkomunikati lill-membri tal-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti konformement mal-modalitajiet ta’ applikazzjoni”.

122    Fir-rigward tal-Artikoli 12 sa 14 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, dawn huma dwar il-proċeduri deċiżjonali minbarra l-proċedura orali msemmija fl-Artikolu 8 tagħhom u jirregolaw, rispettivament, il-proċedura bil-miktub, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u l-proċedura ta’ delega. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proċedura bil-miktub, l-Artikolu 12(2) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li “it-test tal-abbozz għandu jiġi kkomunikat bil-miktub lill-membri kollha tal-Kummissjoni, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minnha skont il-modalitajiet ta’ implementazzjoni”.

123    Id-dispożizzjonijiet kollha tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 122 iktar ’il fuq huma spjegati mill-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, tal‑24 ta’ Frar 2010.

124    B’mod iktar preċiż, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jinkludu l-paragrafu 6–4, intitolat “Preżentazzjoni u tixrid ta’ dokumenti u sistema lingwistika”, li jipprevedi dan li ġej:

“6–4.3 Id-dokumenti li għandhom jiġu eżaminati f’laqgħa tal-Kummissjoni huma kkomunikati lill-membri tal-Kummissjoni:

–        fil-lingwi stabbiliti mill-President, fid-dawl tal-ħtiġijiet minimi tal-membri tal-Kummissjoni

–        kif ukoll bil-lingwa jew lingwi meħtieġa b’mod partikolari għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ tal-att u tan-notifika tiegħu lid-destinatarji tiegħu

[…]

6–4.5 It-trażmissjoni uffiċjali lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra u/jew il-pubblikazzjoni fil-[Ġurnal Uffiċjali] tirrikjedi li t-testi jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha.

6–4.6 Il-President jiddeċiedi kull sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-paragrafi 6–4.3, preċedenti ma humiex issodisfatti. Skont iċ-ċirkustanzi, huwa jista’ jiddeċiedi li jipposponi l-kwistjoni għall-aġenda ta’ laqgħa sussegwenti.

Il-posponiment huwa obbligatorju jekk il-lingwa jew lingwi meħtieġa b’mod partikolari għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ tal-att u tan-notifika tiegħu lid-destinatarji tiegħu ma jkunx jew ma jkunux disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

125    Barra minn hekk, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni jinkludu l-paragrafu 12–13, intitolat “Sistema lingwistika għall-proċeduri bil-miktub”, li jipprevedi:

“12–13.1 Id-dokumenti ppreżentati fil-proċedura bil-miktub għandhom jiġu kkomunikati lill-membri tal-Kummissjoni:

–        fil-lingwi stabbiliti mill-President, b’kont meħud tal-ħtiġijiet minimi tal-membri tal-Kummissjoni. Il-President jiddeċiedi f’kull sitwazzjoni eċċezzjonali (bħal, b’mod partikolari, kriżijiet kbar, diżastri naturali jew sitwazzjonijiet oħra partikolari) fejn dawn ma jistgħux ikunu disponibbli għal raġunijiet debitament iġġustifikati

–        kif ukoll bil-lingwa jew lingwi meħtieġa b’mod partikolari għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ tal-att jew tan-notifika tiegħu lid-destinatarji tiegħu

[…]

12-13.3 It-trażmissjoni uffiċjali lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra u/jew il-pubblikazzjoni fil-[Ġurnal Uffiċjali] tirrikjedi li t-testi jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha.”

126    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ applikazzjoni komuni fl-Artikoli 13 u 14 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, il-paragrafu 13/14–4, intitolat “Sistema lingwistika ta’ awtorizzazzjoni jew delega”, huwa fformulat kif ġej:

“13/14–4.1 Għall-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti, id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli, skont il-każ, fil-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin:

–        il-lingwa jew lingwi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-att;

–        il-lingwa jew lingwi meħtieġa għan-notifika tal-att lid-destinatarji tiegħu;

–        il-lingwa jew lingwi kif stabbilita jew stabbiliti mill-President fid-dawl tal-ħtiġijiet minimi tal-membri tal-Kummissjoni jew li jissodisfaw il-bżonnijiet marbuta mal-adozzjoni tal-att għall-każijiet l-oħra

[…]

13/14–4.3 It-trażmissjoni uffiċjali lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra u/jew il-pubblikazzjoni fil-[Ġurnal Uffiċjali] jirrikjedu d-disponibbiltà tat-testi bil-lingwi uffiċjali kollha.”

127    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, dan għandu, skont il-Kummissjoni, essenzjalment l-għan li jagħti fid-dettall id-dispożizzjonijiet tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tagħha riprodotti fil-punti 124 sa 126 iktar ’il fuq. Dan id-dokument jagħmel, b’mod partikolari, riferiment għall-użu ta’ “lingwi proċedurali”, kunċett li, kif jirriżulta mill-argumenti tal-Kummissjoni, għandu jinftiehem bħala li jindika l-lingwi li jservu sabiex jinftiehem il-kontenut ta’ abbozz ta’ att bil-għan tal-adozzjoni tiegħu mill-kulleġġ tal-membri tiegħu jew, jekk ikun il-każ, minn korp delegat. Mill-imsemmi dokument jirriżulta li l-“lingwi proċedurali” huma l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż u li l-użu tagħhom ivarja skont it-tip ta’ proċedura ta’ adozzjoni.

128    B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-proċeduri orali u bil-miktub, id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” jindika li abbozz ta’ att u l-eventwali annessi tiegħu huma ppreżentati lill-membri tal-Kummissjoni fit-tliet lingwi proċedurali kif ukoll, jekk ikun il-każ, fil-lingwa jew fil-lingwi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ jew għan-notifika tal-att ikkonċernat. Huwa ppreċiżat fih ukoll li, wara l-adozzjoni ta’ tali att, il-lingwi l-oħra eventwalment neċessarji għall-pubblikazzjoni jew it-trażmissjoni lil istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni għandhom isegwu kemm jista’ jkun malajr.

129    Fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ delega, mid-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” jirriżulta li l-korp delegat jista’ jaċċetta li jadotta att abbażi ta’ lingwa proċedurali waħda, iżda li, jekk ikun il-każ, il-lingwa jew lingwi l-oħra meħtieġa għad-dħul fis-seħħ jew għan-notifika ta’ dan l-att għandhom ukoll isiru disponibbli. Barra minn hekk, l-istess bħal fil-każ tal-proċeduri orali u bil-miktub, id-dokument inkwistjoni jistabbilixxi li l-lingwi l-oħra eventwalment neċessarji għall-pubblikazzjoni jew għat-trażmissjoni lil istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni għandhom isegwu kemm jista’ jkun malajr.

130    Barra minn hekk, id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” jipprevedi li l-President tal-Kummissjoni jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħti, kemm għall-okkażjoni kif ukoll b’mod permanenti, derogi fir-rigward tan-numru ta’ lingwi proċedurali li għandhom jintużaw għat-tnedija ta’ proċedura ta’ adozzjoni jew ukoll għat-tnedija ta’ tali proċedura u għall-adozzjoni tal-att.

131    Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-derogi permanenti, id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” jippreċiża li dawn jistgħu jingħataw għal ċerti dokumenti rikorrenti permezz ta’ noti uffiċjali maħruġa mis-Segretarju Ġenerali jew mill-uffiċċju tal-President. Bħala eżempju, id-dokument inkwistjoni jsemmi d-derogi mogħtija għal deċiżjonijiet jew komunikazzjonijiet adottati, b’mod partikolari permezz ta’ proċedura bil-miktub, f’diversi oqsma, jiġifieri l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi abbażi tal-Artikolu 29 TUE, l-istrument ta’ stabbiltà, ir-relazzjonijiet esterni, id-deċiżjonijiet individwali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-miżuri ta’ implimentazzjoni fl-oqsma tal-akkordji, tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti u tal-konċentrazzjonijiet u, fl-aħħar nett, l-iffirmar ta’ ftehimiet qafas ma’ korpi internazzjonali.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ikkunsidrati kollha kemm huma, it-testi msemmija fil-punti 107 u 108 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ applikazzjoni, fir-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, tas-sistema lingwistika ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar. B’hekk kif speċifikat il-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li indirizzatilha l-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-kawża, dawn it-testi sempliċement jirriflettu prassi amministrattiva stabbilita fit-tul fi ħdan din l-istituzzjoni, li tikkonsisti fl-użu tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż bħala lingwi li fihom id-dokumenti għandhom isiru disponibbli sabiex ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-membri.

133    Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan kien estratt mill-“Manwal tal-proċeduri operattivi”, jiġifieri gwida elettronika interna mfassla mid-dipartimenti tas-Segretarjat Ġenerali tagħha u li għandha l-għan, b’mod partikolari, li tikkodifika l-imsemmija prassi amministrattiva. Fir-rigward tad-data tal-adozzjoni u tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ din il-gwida, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirreferi għan-nota SEC (2003) 153 tas-Segretarju Ġenerali tagħha għall-attenzjoni tad-diretturi ġenerali u tal-kapijiet tad-dipartimenti, tal‑11 ta’ Frar 2003, dwar l-aġġornament tal-imsemmija gwida u t-tqassim tagħha fis-sit intranet tagħha.

134    Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-verżjoni prodotta mill-Kummissjoni mar-risposta tagħha kienet dik eżistenti fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ikkontestat, id-dokument estratt mill-“Manwal tal-proċeduri operattivi” ma jistax jiġi analizzat bħala deċiżjoni tal-President tagħha li jiffissa l-lingwi ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti ppreżentati lill-kulleġġ, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 6–4.3, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 12–13.1 u t-tielet inċiż tal-paragrafu 13/14–4.1 tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan id-dokument ġie formalment approvat mill-President tal-Kummissjoni, u wisq inqas mill-kulleġġ tal-membri tagħha.

135    B’mod ġenerali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fir-risposti tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura indirizzati lilha mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-kawża, li ma kinitx teżisti deċiżjoni interna li tistabbilixxi l-lingwi ta’ ħidma fi ħdanha.

136    Wara li saru dawn l-ispeċifikazzjonijiet preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-uniku għan tagħhom huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, it-testi kollha prodotti minn din tal-aħħar ma humiex tali li jiġġustifikaw il-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-karatteristiċi funzjonali tal-impjiegi msemmija fl-avviż ikkontestat.

137    B’mod iktar speċifiku, ma jirriżultax minn dawn it-testi, u lanqas a fortiori mill-elementi l-oħra tal-proċess, li teżisti rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jiżvolġu fi ħdan il-kulleġġ tal-membri tiegħu, u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kontenzjuża inkwistjoni ser ikunu jistgħu jeżerċitaw, jiġifieri l-funzjonijiet ta’ awditjar kif esposti fil-punt 96 iktar ’il fuq. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-membri ta’ istituzzjoni partikolari jużaw esklużivament lingwa waħda jew ċerti lingwi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li uffiċjal irreklutat ġdid, li ma jkollu għarfien ta’ ebda waħda dawn il-lingwi, ma jkunx jista’ jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punti 121 u 122 (mhux ippubblikati)). Dan jgħodd iktar u iktar peress li, f’din il-kawża, dawn huma funzjonijiet speċifiċi ħafna li ma għandhom, a priori, ebda rabta stretta max-xogħol tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni.

138    Lanqas ma jirriżulta mit-testi prodotti mill-Kummissjoni li t-tliet lingwi kollha kklassifikati bħala “lingwi proċedurali” huma effettivament użati mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, mill-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 (ara l-punt 116 iktar ’il fuq) jirriżulta li s-servizz ta’ traduzzjoni ta’ din l-istituzzjoni huwa “kompletament” implikat fil-proċess deċiżjonali. Din il-komunikazzjoni ssemmi wkoll it-terminu meħtieġ sabiex jinkisbu t-traduzzjonijiet, inklużi t-testi riveduti mill-ġuristi lingwisti, kif ukoll il-ħtieġa ta’ trażmissjoni fil-ħin tad-dokumenti kkonċernati lis-servizz ta’ traduzzjoni. B’hekk, dawn ir-riferimenti jagħtu x’jifhem li ma huwiex is-servizz materjalment responsabbli għat-tfassil ta’ dokument, iżda d-DĠ tat-Traduzzjoni, li jistabbilixxi l-verżjonijiet ta’ dan id-dokument fil-lingwi proċedurali neċessarji sabiex jintbagħtu lill-kulleġġ tal-membri, peress li s-servizz responsabbli huwa limitat għal kompitu ta’ verifika tat-test tradott. Fil-fatt, jidher diffiċilment konċepibbli li, minbarra dan id-direttorat ġenerali, servizz jista’ jirrikjedi minn kull membru tal-persunal tiegħu li jipprovdi tliet verżjonijiet lingwistiċi tad-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati għall-adozzjoni lill-kulleġġ.

139    Fl-aħħar nett, peress li ebda uffiċjal ma huwa obbligat ikollu għarfien sodisfaċenti tat-tliet lingwi kollha rikjesti mill-avviż ikkontestat, huwa wkoll diffiċli li jiġi previst li l-istabbiliment ta’ abbozz ta’ att fil-verżjonijiet lingwistiċi rikjesti għat-trażmissjoni tiegħu lil dan il-kulleġġ ikun fl-istess ħin imqassam bejn numru korrispondenti ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt is-servizz responsabbli għat-tfassil ta’ dan l-abbozz. Dan isir ukoll iktar diffiċli li jiġi previst sa fejn ma teżisti ebda garanzija li l-uffiċjali li jkollhom għarfien sodisfaċenti tat-tliet lingwi kollha inkwistjoni jiġu rreklutati fi ħdan kull servizz.

140    L-evalwazzjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti li l-Kummissjoni tibbaża fuq il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final. Skont il-Kummissjoni, minn dan it-test, b’mod partikolari mill-anness tiegħu intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l-2006”, jirriżulta li, fir-rigward tad-dokumenti għal użu intern, hija rikjesta biss traduzzjoni bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, flimkien ma’ lingwa eventwali awtentika. Barra minn hekk, l-imsemmija komunikazzjoni turi li, minbarra d-DĠ tat-Traduzzjoni, id-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni jkollhom jipproduċu traduzzjonijiet billi jirrikorru għall-għarfien tal-lingwi tal-persunal tagħhom, magħrufa bħala traduzzjonijiet “griżi”.

141    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kontenut tal-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final ma għandux l-effett li jinvalida, iżda, għall-kuntrarju, jikkonferma l-evalwazzjoni esposta fil-punti 138 u 139 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ir-“regoli tat-traduzzjoni wara l-2006”, ippreżentati fl-anness ta’ din il-komunikazzjoni, isemmu l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż biss bħala lingwi speċifiċi li fihom għandhom jiġu tradotti ċerti kategoriji ta’ dokumenti, mingħajr ma jiddefinixxu l-lingwa sors tagħhom. Barra minn hekk, għall-parti l-kbira tal-kategoriji ta’ dokumenti msemmija minn dan l-anness, hija prevista traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha, peress li t-traduzzjoni biss għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża hija fir-realtà l-eċċezzjoni.

142    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq it-twettiq ta’ traduzzjonijiet “griżi”, dan ma huwa sostnut minn ebda prova relatat mal-proporzjon eżatt li jirrappreżenta dan it-tip ta’ traduzzjoni fir-rigward tal-volum globali tat-traduzzjonijiet prodotti fil-Kummissjoni. Għalkemm il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final tirrikonoxxi, fil-punt 2.2 tagħha, li huwa “estremament diffiċli li dawn it-traduzzjonijiet jiġu kklassifikati minħabba nuqqas ta’ indikaturi affidabbli”, hija xorta waħda tinkludi, fil-punt 3.1 tagħha, stima għall-2007, li skontha t-traduzzjonijiet prodotti mid-DĠ tat-Traduzzjoni jirrappreżentaw 1 700 000 paġna filwaqt li t-traduzzjonijiet “griżi” jilħqu 100 000 paġna. Madankollu, peress li din l-aħħar ċifra tikkorrispondi għas-servizzi kollha tal-Kummissjoni minbarra d-DĠ tat-Traduzzjoni, huwa iktar milli evidenti li t-traduzzjonijiet “griżi” jirrappreżentaw biss kwantità żgħira ħafna fir-rigward tal-volum prodott minn dan id-DĠ biss. Fl-aħħar nett u fuq kollox, l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li jintwera li t-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq huma l-lingwi li lejhom isiru dawn it-traduzzjonijiet “griżi”.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument, għandu jiġi kkunsidrat li l-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

144    Fi kwalunkwe każ u indipendentement ukoll mill-eżistenza ta’ rabta bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-funzjonijiet speċifiċi msemmija fl-avviż ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li t-testi prodotti minn din l-istituzzjoni ma jindikawx użu esklużiv tat-tliet lingwi “proċedurali” fil-proċeduri li jirreferu għalihom.

145    Fil-fatt, minn naħa, mid-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, moqri fid-dawl tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, jirriżulta li, ċertament, it-tnedija ta’ proċedura ta’ adozzjoni teħtieġ, bħala regola ġenerali u bla ħsara għall-possibbiltà li tintuża lingwa waħda fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ delega, il-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ att fit-tliet lingwi proċedurali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni ta’ dan l-abbozz tista’ trendi jew trendi obbligatorjament neċessarju, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw min-natura tal-att ikkonċernat, tirrendi neċessarja d-disponibbiltà tiegħu wkoll f’verżjoni lingwistika jew f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra, jew saħansitra, meta l-att inkwistjoni jkun intiż li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew jiġi trażmess lil istituzzjonijiet oħra, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

146    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta wkoll mid-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, huma possibbli derogi fir-rigward tan-numru tal-lingwi proċedurali użati għat-tnedija ta’ proċedura ta’ adozzjoni, saħansitra wkoll għall-adozzjoni ta’ abbozz ta’ att (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

147    Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-derogi permanenti inkwistjoni fil-punt 131 iktar ’il fuq, id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” jindika, pereżempju, li d-deċiżjonijiet individwali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma stabbiliti f’waħda mil-lingwi proċedurali, “ġeneralment l-Ingliż jew il-Franċiż”. Fir-rigward tal-oqsma l-oħra koperti minn din it-tip ta’ deroga, noti maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li din tal-aħħar ipprovdiet quddiem il-Qorti Ġenerali b’risposta għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jawtorizzaw il-preżentata ta’ abbozzi ta’ att f’lingwa proċedurali waħda. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn in-noti ma jidentifikawx liema mit-tliet lingwi proċedurali tista’ konkretament tintuża, u dan ma jippermettix li jinstiltu konklużjonijiet utli minnhom.

148    Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa li, skont id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, huwa dejjem possibbli li tingħata deroga għall-okkażjoni dwar is-sistema lingwistika ta’ abbozz ta’ att partikolari, u dan irrispettivament mit-tip ta’ proċedura deċiżjonali.

149    Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-testi prodotti mill-Kummissjoni ma humiex tali li juru li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat hija adatta sabiex tissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz u, għaldaqstant, li tistabbilixxi l-eżistenza, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi msemmija minn dan l-avviż, ta’ interess tas-servizz li l-persuni l-ġodda rreklutati jkunu immedjatament operattivi.

–       Fuq il-provi dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni responsabbli mill-funzjonijiet ta’ awditjar.

150    Il-Kummissjoni tipproduċi żewġ annessi li jinkludu data statistika miġbura mid-DĠ tal-Persunal fuq il-lingwi użati mill-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jaqgħu taħt id-dipartimenti differenti tagħha u inkarigati mill-funzjonijiet ta’ awditjar. Skont il-Kummissjoni, dawn l-annessi jistgħu juru li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma t-tliet lingwi użati bħala lingwi ta’ ħidma jew lingwi funzjonali mill-amministraturi li jwettqu kompiti bħal dawk imsemmija fl-avviż ikkontestat.

151    Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-data dwar l-għarfien tal-lingwi tal-persunal ikkonċernat ma jippermettux li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-istat reali tal-komunikazzjoni interna fi ħdan id-dipartimenti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-uniku element rilevanti huwa li jsir magħruf liema huma l-lingwa jew il-lingwi funzjonali prinċipali, jiġifieri l-lingwi li jippermettu komunikazzjoni effikaċi bejn persuni b’lingwa materna differenti.

152    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-anness intitlat “Data dwar l-użu tal-Ingliż, tal-Ġermaniż u tal-Franċiż bħala lingwi funzjonali mill-persunal tal-Kummissjoni attiv fil-qasam tal-awditjar fit-30.09.2016” jinkludi l-għarfien iddikjarat bħala l-ewwel, it-tieni u t-tielet lingwa minn amministraturi li jaqgħu fil-kategoriji ta’ uffiċjali u ta’ membru tal-persunal temporanju u responsabbli mill-funzjonijiet ta’ awditjar intern, ta’ awditjar estern u ta’ ġestjoni ta’ politiki fil-qasam tal-awditjar (policy officers), jiġifieri total ta’ 430 amministratur.

153    Fir-rigward tad-data relatata mal-“lingwa 1”, jiġifieri, ovvjament, il-lingwa materna tal-persuni kkonċernati (jiġifieri, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 134 (mhux ippubblikata)), l-ewwel tliet lingwi ddikjarati huma l-Franċiż (68 persuna), l-Olandiż (53 persuna) u l-Ingliż (46 persuna), quddiem, b’mod partikolari, l-Ispanjol (31 persuna) kif ukoll il-Ġermaniż (26 persuna) u t-Taljan (26 persuna).

154    Fir-rigward tad-data relatata mal-“lingwa 2”, l-ewwel tliet lingwi ddikjarati huma l-Ingliż (312 persuna), il-Franċiż (72 persuna) u l-Ġermaniż (14-il persuna), segwiti, b’mod partikolari, mit-Taljan (7 persuni), mill-Ispanjol (5 persuni) u mill-Olandiż (4 persuni). Fir-rigward tal-livell ta’ għarfien tal-lingwi b’hekk iddikjarati, il-Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li kellu jitqies bħala stabbilit li dan kien jikkorrispondi għal-livell B2 tal-qafas komuni Ewropew ta’ riferiment għal-lingwi (CEFR), li b’hekk juri għarfien “sodisfaċenti”.

155    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-informazzioni dwar il-“lingwa 3”, il-Franċiż (184 persuna), l-Ingliż (51 persuna) u l-Ġermaniż (49 persuna) jikkostitwixxu l-ewwel tliet lingwi ddikjarati, fejn it-tliet lingwi segwenti huma l-Ispanjol (29 persuna), l-Olandiż (25 persuna) u t-Taljan (8 persuni). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni, mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-livell ta’ għarfien tal-lingwi ddikjarati għal dan il-għan.

156    Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li, kif jirriżulta mill-anness intitolat “Data dwar l-użu tal-Ingliż, tal-Ġermaniż u tal-Franċiż bħala lingwi funzjonali mill-persunal tal-Kummissjoni fil-qasam tal-awditjar fit‑30.09.2016”, id-data li tinsab fih tirrappreżenta s-sitwazzjoni ta’ dan l-għarfien lingwistiku, għal data sussegwenti għal dik tal-pubblikazzjoni tal-avviż ikkontestat, jiġifieri t-12 ta’ Mejju 2016. Madankollu, fid-dawl taż-żmien limitat li għadda bejn dawn iż-żewġ dati, din l-informazzjoni tista’ titqies li tirrifletti, globalment, l-istat tal-għarfien lingwistiku fid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Konsegwentement, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq in-neċessità għall-persuni rreklutati ġodda li jkunu immedjatament operattivi, kif stabbilit fl-avviż ikkontestat.

157    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-data inkwistjoni sempliċement tidentifika l-għarfien tal-lingwi tal-amministraturi li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ awditjar fi ħdan il-Kummissjoni. Konsegwentement, huma ma jippermettux la waħedhom u lanqas flimkien mat-testi eżaminati fil-punti 106 sa 149 iktar ’il fuq li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati mid-diversi servizzi li minnhom toriġina din id-data, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, jew il-lingwi jew il-lingwi li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ikkontestat. Għaldaqstant, din id-data ma tippermettix li jiġi stabbilit liema huma l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom ser iwassal lill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat ta’ amministraturi immedjatament operattivi.

158    Għal dawn l-istess raġunijiet, il-provi komplementari prodotti mill-Kummissjoni dwar l-għarfien tal-lingwi tal-persunal tagħha li jaħdem fil-qasam tal-awditjar u li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet AST u fil-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jistgħux ikunu rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

159    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali ma tistax titqies bħala oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata meta jidhru, fost dawn il-lingwi, minbarra lingwa li l-għarfien tagħha huwa mixtieq jew neċessarju, lingwi oħra li ma jagħtu ebda vantaġġ partikolari lill-kandidati potenzjali li jgħaddu kompetizzjoni meta mqabbla ma’ lingwa uffiċjali oħra. Fil-fatt, għalkemm huma ammessi, bħala alternattiva għal-lingwa biss li l-għarfien tagħha jikkostitwixxi vantaġġ għal uffiċjal irreklutat ġdid, lingwi oħra li l-għarfien tagħhom ma jikkostitwixxix vantaġġ, ma teżisti ebda raġuni valida sabiex ma jiġux ammessi wkoll il-lingwi uffiċjali l-oħra kollha (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 140 (mhux ippubblikata)).

160    B’hekk, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-għarfien tal-lingwi tal-persunal f’attività jista’ jindika li, sabiex tkun immedjatament operattiva fuq il-livell tal-komunikazzjoni interna, persuna rreklutata ġdida għandu jkollha għarfien sew ta’ lingwa li hija mifruxa ħafna fi ħdan dan il-persunal, id-data prodotta f’dan il-każ mill-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-limitazzjoni magħmula mill-avviż ikkontestat għall-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni.

161    Fil-fatt, minn analiżi tad-data dwar il-lingwi ddikjarati bħala “lingwa 1” u l-“lingwa 2” (ara l-punti 153 u 154 iktar ’il fuq) jirriżulta li huwa biss għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħti vantaġġ lill-kandidati li jgħaddu potenzjali tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tippermettix li jiġi spjegat għaliex kandidat li jkollu, pereżempju, għarfien profond tat-Taljan u għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż jista’ jkun immedjatament operattiv għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni interna, filwaqt li kandidat li għandu għarfien profond tat-Taljan u għarfien sodisfaċenti tal-Olandiż jew tal-Ispanjol ma jistax ikun.

162    Barra minn hekk, fir-rigward tad-data dwar il-“lingwa 3”, għandu jiġi speċifikat li, anki jekk il-kontenut tagħha bl-ebda mod ma jbiddel l-evalwazzjoni esposta fil-punt 161 iktar ’il fuq, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, tittieħed inkonsiderazzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kapaċità għax-xogħol fit-tielet lingwa hija prerekwiżit għall-ewwel promozzjoni wara r-reklutaġġ ta’ uffiċjal. Issa, f’dan il-każ, mill-anness ipprovdut mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-uffiċjali kollha msemmija fih diġà wrew tali kapaċità jew inkella li kisbu l-ewwel promozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-imsemmi anness ma jikkonċernax biss l-uffiċjali, iżda wkoll membri tal-persunal temporanju u membri tal-persunal bil-kuntratt, peress li dawn tal-aħħar ma humiex suġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ promozzjoni li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal bil-kuntratt, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 58).

163    Minn dan isegwi li d-data dwar l-għarfien tal-lingwi tal-persunal tal-Kummissjoni f’attività fil-qasam tal-awditjar ma jippermettix li tiġi ġġustifikata l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-għan li jkun hemm kandidati li għaddew immedjatament operattivi.

164    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tipproduċi dokument li jinkludi data miġbura mingħand id-dipartiment tagħha ta’ awditjar intern, li minnu jirriżulta li l-konsultazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma’ oħrajn tad-dipartimenti tagħha jsiru biss bl-Ingliż u bil-Franċiż, filwaqt li r-rapporti finali ta’ awditjar huma adottati bil-lingwa Ingliża biss.

165    Issa, sa fejn dan id-dokument ma jinkludi ebda element li jista’ juri użu tal-Ġermaniż bħala lingwa ta’ ħidma jew lingwa funzjonali fi ħdan id-dipartimenti kkonċernati, dan ma jistax jitqies li huwa rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

iii) Fuq il-provi dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Awdituri

166    Il-Kummissjoni tipproduċi tliet annessi dwar il-Qorti tal-Awdituri, li l-ewwel tnejn minnhom jirrigwardaw ċerti rekwiżiti lingwistiċi applikabbli fi ħdan din l-istituzzjoni u t-tielet wieħed jirrigwarda l-għarfien tal-lingwi tal-persunal tagħha. Fil-fehma tagħha, dawn id-dokumenti huma tali li juru li l-lingwi funzjonali użati mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri huma l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż.

167    Ir-Repubblika Taljana tirrifjuta r-rilevanza ta’ dawn l-annessi billi targumenta li l-ewwel tnejn jirrigwardaw biss il-preparazzjoni u l-iżvolġiment tal-laqgħat tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri, filwaqt li t-tielet waħda ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-lingwi li jservu bħala lingwi funzjonali fi ħdan id-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni.

–       Fuq il-provi dwar il-prassi interna tal-Qorti tal-Awdituri fil-qasam lingwistiku

168    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tipproduċi d-Deċiżjoni 22/2004 tal-Qorti tal-Awdituri tal‑25 ta’ Mejju 2004 dwar ir-regoli għat-traduzzjoni ta’ dokumenti għal-laqgħat tal-membri tagħha, tal-gruppi ta’ awditjar u tal-Kumitat Amministrattiv (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 22/2004”). B’risposta għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kkonfermat, waqt is-seduta, li din id-deċiżjoni kienet applikabbli fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ikkontestat u li, barra minn hekk, kienet għadha fis-seħħ, mingħajr madankollu ma pproduċiet provi supplimentari f’dan ir-rigward.

169    Sa fejn id-Deċiżjoni 22/2004 kienet effettivament applikabbli f’din id-data, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 1 tagħha, “[i]l-lingwi ta’ redazzjoni/lingwi pern tal-Qorti tal-Awdituri huma l-Ingliż u l-Franċiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

170    Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 22/2004, “[i]t-tabliet kollha għat-traduzzjoni għandhom jintbagħtu permezz tas-sistema kompjuterizzata ta’ talba għat-traduzzjoni (Artemis)”.

171    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 22/2004 jispeċifika kif ġej:

“Id-dokumenti oriġinali kollha għandhom jitfasslu f’waħda mil-lingwi tar-redazzjoni. Huma biss partijiet importanti ta’ dokumenti li għar-redazzjoni tagħhom ikunu kkontribwixxew iktar minn servizz awtur wieħed li jistgħu jagħmlu eċċezzjoni għal din ir-regola […] Ladarba tkun ġiet ipprovduta l-ewwel traduzzjoni, id-dokument isir f’lingwa waħdi.”

172    Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, kif tosserva ġustament ir-Repubblika Taljana, id-Deċiżjoni 22/2004 ma jistax ikollha rilevanza f’dan il-każ, sa fejn hija ma tinkludi ebda prova dwar l-użu tal-Ġermaniż bħala lingwa ta’ ħidma jew lingwa funzjonali fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri.

173    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Deċiżjoni 22/2004 huwa limitat għat-“traduzzjoni ta’ dokumenti għal-laqgħat tal-Qorti [tal-Awdituri], tal-gruppi ta’ awditjar u tal-Kumitat Amministrattiv”. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni inkwistjoni ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar il-lingwi ta’ ħidma jew il-lingwi funzjonali użati mid-dipartimenti kollha tal-Qorti tal-Awdituri.

174    Fl-aħħar nett, għalkemm jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni 22/2004 li d-dokumenti oriġinali kollha huma mfassla f’waħda mil-lingwi ta’ redazzjoni sabiex sussegwentement jiġu trażmessi għal traduzzjoni lid-dipartiment kompetenti tal-Qorti tal-Awdituri, ma jidhirx possibbli li tiġi dedotta minn dan il-firxa konkreta tal-involviment tas-servizz ta’ traduzzjoni ta’ din l-istituzzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni inkwistjoni ma tispeċifikax jekk it-tfassil ta’ dokument fit-tieni lingwa ta’ redazzjoni huwiex żgurat mis-servizz responsabbli mit-tfassil ta’ dan id-dokument fl-ewwel lingwa ta’ redazzjoni jew mis-servizz ta’ traduzzjoni. B’hekk, ma tista’ tintlaħaq ebda konklużjoni utli minn din id-deċiżjoni dwar il-lingwi ta’ ħidma jew il-lingwi funzjonali użati mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri u, b’mod iktar speċifiku, mid-dipartimenti li fi ħdanhom, jekk ikun il-każ, jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat.

175    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tipproduċi nota ta’ ex President tal-Qorti tal-Awdituri għall-attenzjoni tal-membri, tal‑11 ta’ Novembru 1983, dwar l-interpretazzjoni simultanja fil-laqgħat tal-Qorti tal-Awdituri. Ma’ din in-nota huma annessi, minn naħa, rapport limitat tas-seduta tat‑12 ta’ Ottubru 1982, dwar is-sistema ta’ interpretazzjoni għas-seduti tal-Qorti tal-Awdituri, u, min-naħa l-oħra, nota għall-attenzjoni tal-membri, iffirmata wkoll minn dan il-President u bid-data tal-istess jum, dwar l-interpretazzjoni u l-organizzazzjoni materjali tas-sessjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

176    In-nota tat‑12 ta’ Ottubru 1982 tiddeskrivi s-“sistema ta’ dritt komuni” għall-interpretazzjoni simultanja waqt il-laqgħat tal-Qorti tal-Awdituri. Skont din is-sistema, kull membru jkollu l-possibbiltà li jesprimi ruħu fil-lingwa tiegħu stess, fejn l-interpretazzjoni tkun għaldaqstant żgurata bil-lingwi kollha tal-membri li jipparteċipaw fil-laqgħa kkonċernata. L-imsemmija sistema kienet inqas stretta, waqt is-seduta tal-istess jum li jirreferi għalih ir-rendikont imsemmi fil-punt 175 iktar ’il fuq, bl-introduzzjoni ta’ dispożittiv “nofsu ħafif”, adottat b’mod unanimu. Skont dan id-dispożittiv, li għandu l-għan li jibqa’ applikabbli, minflok is-“sistema ta’ dritt komuni”, sakemm tikseb l-unanimità tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri, l-interpretazzjoni għandha ssir għal “numru suffiċjenti ta’ lingwi inklużi ta’ kull wieħed mill-[m]embri”. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta min-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983, l-imsemmi dispożittiv ġie ssimplifikat iktar, bi ftehim komuni tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex kull membru jkun jista’ jesprimi ruħu, b’għażla, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż b’interpretazzjoni simultanja lejn iż-żewġ lingwi l-oħra. Din is-sistema ta’ interpretazzjoni “ħafifa” ġiet adottata bl-“uniku għan li tiġi ssodisfatta s-sitwazzjoni fattwali li [kienet] teżisti [f’]dak il-mument fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri, fid-dawl tad-diversi kapaċitajiet lingwistiċi li [kienu] dawk tal-membri [ta’ dak iż-żmien], u tar-rieda tajba ta’ kull wieħed”. Kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din is-sistema “ħafifa” tibqa’ dejjem tapplika.

177    Għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti msemmija fil-punti 175 u 176 iktar ’il fuq ma jippermettux li jiġi ddeterminat liema huma l-lingwa jew il-lingwi ta’ ħidma jew il-lingwi funzjonali użati fid-dipartimenti li fi ħdanhom jiġu rreklutati l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat, iżda jirrigwardaw sempliċement is-sistema ta’ interpretazzjoni waqt il-laqgħat tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri.

178    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-suġġett ta’ dawn id-dokumenti, dwar is-sistema ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri, huwa differenti ħafna minn dak tad-Deċiżjoni 22/2004, kif ġie espost fil-punt 173 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li permezz tiegħu hija essenzjalment tfittex li tistabbilixxi li, permezz tal-effett, b’mod partikolari, tan-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983, il-Ġermaniż żdied maż-żewġ “lingwi ta’ redazzjoni/lingwi pern” li jikkostitwixxu, skont din id-deċiżjoni sussegwenti, l-Ingliż u l-Franċiż.

179    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li n-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983 tirrifletti prattika li għadha attwali fir-rigward tal-interpretazzjoni matul il-laqgħat tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mit-test stess ta’ din in-nota, tali sitwazzjoni fattwali hija bbażata fuq ftehim komuni ta’ dawn il-membri kif ukoll fuq ir-“rieda tajba” ta’ kull wieħed minnhom, jiġifieri fuq elementi li jistgħu jinbidlu f’kull mument.

180    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni dwar il-prassi lingwistika interna tal-Qorti tal-Awdituri ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

–       Fuq il-provi dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri

181    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproduċi tabella intitolata “Lingwi mitkellma mill-persunal tal-Qorti tal-Awdituri attivi fit-30.09.2016” li minnha jirriżulta, fil-fehma tagħha, li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż jirrappreżentaw il-lingwi l-iktar mitkellma, bħala t-tieni u t-tielet lingwa, minn dan il-persunal.

182    Ir-Repubblika Taljana tikkontesta r-rilevanza ta’ dan id-dokument billi ssostni, b’mod partikolari, li dan ma jagħmel xejn ħlief jidentifika l-għarfien tal-lingwi tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri u li, barra minn hekk, il-mod kif ġie elaborat jagħmlu totalment inkomprensibbli.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din it-tabella tinkludi data dwar l-għarfien iddikjarat bħala l-ewwel, it-tieni u t-tielet lingwa mill-“awdituri”, l-uffiċjali li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet AD kif ukoll l-uffiċjali kollha tal-Qorti tal-Awdituri.

184    Irrispettivament mill-fatt li din l-informazzjoni tirrigwarda d-data tat‑30 ta’ Settembru 2016 (ara l-punt 156 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-parti ta’ dik it-tabella dwar l-“awdituri” (303 persuna), jiġifieri amministraturi li l-funzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu preżunti li jikkorrispondu ma’ dawk imsemmija fl-avviż ikkontestat, u bl-esklużjoni tal-informazzjoni mal-“lingwa 3” (ara l-punt 162 iktar ’il fuq), l-Ingliż huwa ddikjarat bħala “lingwa 1” minn 14-il persuna u bħala “lingwa 2” minn 228 persuna, il-Franċiż rispettivament minn 39 u 45 persuna u l-Ġermaniż minn 30 u 19-il persuna rispettivament. Isegwu, b’mod partikolari, l-Ispanjol (24 u 3 persuni) u t-Taljan (22 u 3 persuni), filwaqt li l-Pollakk huwa ddikjarat bħala “lingwa 1” minn 30 persuna.

185    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, bħad-data prodotta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-persunal tagħha stess (ara l-punt 157 iktar ’il fuq), dik li tinsab fl-imsemmija tabella sempliċement telenka l-għarfien tal-lingwi ta’ kategoriji differenti ta’ uffiċjali tal-Qorti tal-Awdituri. Konsegwentement, hija la tippermetti waħedha u lanqas flimkien mat-testi eżaminati fil-punti 168 sa 180 iktar ’il fuq li jistabbilixxu liema huma l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati mid-dipartimenti li minnhom toriġina din id-data, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, jew il-lingwa jew il-lingwi li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ikkontestat. Għaldaqstant, din id-data ma tippermettix li jiġi stabbilit liema huma l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom iwassal lill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat li jkunu persuni immedjatament operattivi.

186    Fi kwalunkwe każ, din id-data tippermetti, l-iktar l-iktar, li jiġi kkonstatat li huwa biss għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż li jista’ jagħti lill-kandidati li jgħaddu potenzjali tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat vantaġġ fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 159 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, huma ma jistgħux jispjegaw għalfejn kandidat li għandu, pereżempju, għarfien fil-fond tat-Taljan u għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż jista’ jitqies li huwa immedjatament operattiv fuq il-livell tal-komunikazzjoni interna, filwaqt li kandidat li għandu għarfien profond tat-Taljan u ta’ għarfien sodisfaċenti tal-Ispanjol ma jistax jitqies hekk.

187    Konsegwentement, id-data prodotta mill-Kummissjoni dwar l-għarfien tal-lingwi tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri ma tistax tiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-għan li jkun hemm kandidati li għaddew immedjatament operattivi.

188    Fid-dawl tal-analiżi mwettqa fil-punti 106 sa 187 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna d-dipartimenti tagħha kif ukoll dawk tal-Qorti tal-Awdituri ma humiex tali li jissostanzjaw il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-amministraturi rreklutati jkunu immedjatament operattivi, kif ifformulat fl-avviż ikkontestat.

iv)    Fuq il-provi dwar il-firxa tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż bħala lingwi barranin mitkellma u studjati fl-Ewropa

189    Il-Kummissjoni ssostni li, fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-ibbilanċjar tal-interessi differenti involuti fl-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni, hemm il-lingwi l-iktar studjati bħala t-tieni lingwa minn dawk li japplikaw għas-servizz pubbliku tal-Unjoni, jiġifieri “iċ-ċittadini żgħażagħ tal-Unjoni”.

190    Insostenn tal-argument tagħha, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tipproduċi rapport tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat), ippubblikat fi Statistics in Focus Nru 49/2010. Minn dan ir-rapport jirriżulta, minn naħa, li l-Ingliż huwa “bil-kbir il-lingwa barranija l-iktar studjata [fl-Ewropa] fil-livelli kollha ta’ edukazzjoni segwita mill-Franċiż, mill-Ġermaniż, mir-Russu u, [f’]livell inqas, mill-Ispanjol” u, min-naħa l-oħra, li “l-lingwa barranija l-iktar magħrufa ħafna [fl-Ewropa,] hija pperċepita bħala l-Ingliż, segwita mill-Ġermaniż, mir-Russu, mill-Franċiż u mill-Ispanjol”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

191    It-tieni nett, il-Kummissjoni tipprovdi r-rapport speċjali Ewrobarometru Nru 386 ta’ Ġunju 2012, li minnu hija tiddeduċi li l-Ġermaniż huwa l-lingwa l-iktar mitkellma fl-Ewropa, “peress li tintuża minn 16 % tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni […] u li t-tliet lingwi barranin l-iktar studjati u mitkellma fl-Ewropa bħala t-tieni lingwa huma, fl-ordni, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, mitkellma rispettivament minn 38 %, 12 % u 11 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

192    Fl-aħħar nett, it-tielet nett, il-Kummissjoni tehmeż mal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-istqarrija għall-istampa Nru 144/2014 tal-Eurostat, tal‑25 ta’ Settembru 2014, dwar il-lingwi l-iktar studjati fl-2012 fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja inferjuri, billi tiddeduċi minnha li t-tliet lingwi inkwistjoni “jidhru […] bħala l-lingwi l-iktar studjati fl-Ewropa miċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri minn dawk li japplikaw għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal”.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-data statistika inkwistjoni tirreferi għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi persuni li ma laħqux l-età tal-maġġoranza, minkejja li ma jistax jiġi preżunt li hija tirrifletti b’mod korrett l-għarfien lingwistiku tal-kandidati potenzjali għall-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 142 (mhux ippubblikata))

194    Barra minn hekk, l-unika ħaġa li din l-istatistika tista’ turi hija li n-numru ta’ kandidati potenzjali li s-sitwazzjoni tagħhom hija affettwata bil-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-lingwi li jistgħu jintgħażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat huwa inqas milli jkun li kieku din l-għażla kellha tiġi limitata għal lingwi oħra. Issa, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-limitazzjoni inkwistjoni ma hijiex diskriminatorja, peress li n-numru possibbilment limitat ta’ persuni affettwati b’mod negattiv ma jistax jikkostitwixxi argument validu f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 143 (mhux ippubblikata)).

195    L-iktar din id-data possibbilment tkun tista’ turi n-natura proporzjonali tal-limitazzjoni inkwistjoni, jekk jinstab li kienet tissodisfa l-ħtieġa li d-dipartimenti kkonċernati mill-avviż ikkontestat ikollhom kandidati li għaddew immedjatament operattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 144 (mhux ippubblikata)), jew saħansitra li ssodisfat rekwiżiti marbuta ma’ restrizzjonijiet baġitarji u operattivi jew man-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni. Issa, kif ġie kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punti 91 u 188 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni baqgħet ma wrietx li din il-limitazzjoni kienet effettivament iġġustifikata minn tali kunsiderazzjonijiet.

196    Għaldaqstant, għal dawn ir-raġunijiet, l-istatistika msemmija fil-punti 190 sa 192 iktar ’il fuq ma tistax, la waħedha u lanqas meħuda flimkien ma’ elementi oħra tal-proċess, fosthom b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, tiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż.

197    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, għar-raġunijiet kollha indikati iktar ’il fuq, il-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-għażla, mill-kandidati, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat la hija oġġettivament iġġustifikata u lanqas proporzjonata għall-għan primordjali mistenni, li jikkonsisti fir-reklutaġġ ta’ amministraturi li jkunu immedjatament operattivi. Barra minn hekk, u b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 85 sa 91 iktar ’il fuq, il-motivi bbażati fuq limitazzjonijiet baġitarji u operattivi kif ukoll fuq in-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni, minkejja li jittieħdu flimkien mar-raġuni bbażata fuq in-neċessità li jiġu rreklutati amministraturi immedjatament operattivi, lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni.

198    Fil-fatt, ma huwiex suffiċjenti li l-prinċipju ta’ tali limitazzjoni jiġi difiż billi jsir riferiment għan-numru kbir ta’ lingwi rrikonoxxuti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 bħala lingwi uffiċjali u ta’ ħidma tal-Unjoni u għan-neċessità li tirriżulta minn dan sabiex issir għażla ta’ numru iktar ristrett ta’ lingwi, jew saħansitra lingwa waħda, bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna jew “lingwi funzjonali”. Huwa meħtieġ ukoll, fid-dawl tal-Artikolu 1d(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li oġġettivament tiġi ġġustifikata l-għażla ta’ lingwa jew ta’ diversi lingwi speċifiċi, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495, punt 156 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Huwa preċiżament dan li kemm l-EPSO, awtur tal-avviż ikkontestat, kif ukoll il-Kummissjoni, konvenuta quddiem il-Qorti Ġenerali, baqgħu ma wettqux.

200    Konsegwentement, it-tielet u s-seba’ motiv ippreżentati mir-Repubblika Taljana għandhom jintlaqgħu u l-avviż ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn jillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż.

201    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-illegalità kkonstatata timplika wkoll u neċessarjament l-illegalità tal-limitazzjoni tal-lingwa li għandha tintuża għal ċerti eżamijiet tal-aħħar fażi tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

B.      Fuq il-legalità tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat u l-EPSO

202    Il-parti tal-avviż ikkontestat li tirrigwarda l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati tal-kompetizzjoni inkwistjoni u l-EPSO hija s-suġġett tas-sitt motiv invokat mir-Repubblika Taljana. Dan il-motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal.

203    Skont ir-Repubblika Taljana, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jindirizza lill-istituzzjonijiet fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni u li jirċievi risposta b’din l-istess lingwa, dritt li, f’dan il-każ, huwa miksur mil-limitazzjoni inkwistjoni. Filwaqt li tinvoka s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), hija ssostni li l-lingwa użata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni ma hijiex sempliċi kwistjoni ta’ organizzazzjoni interna iżda u tippreżenta ruħha bħala element kostituttiv ta’ relazzjoni ta’ natura kostituzzjonali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat u l-Unjoni. Konsegwentement, il-lingwa ta’ kompetizzjoni għandha tkun dik taċ-ċittadin, jiġifieri tal-kandidat, li għadu ma jagħmilx parti mis-servizz pubbliku tal-Unjoni.

204    Ir-Repubblika Taljana tirrileva, barra minn hekk, nuqqas ta’ motivazzjoni manifesta tal-avviż ikkontestat, sa fejn dan tal-aħħar jibqa’ totalment sieket dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi ta’ tfassil tal-att ta’ kandidatura.

205    Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-argument ippreżentat mir-Repubblika Taljana.

206    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li l-punti tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), invokati mir-Repubblika Taljana, ma humiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn dawn jindirizzaw l-unika kwistjoni tal-lingwa ta’ pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni.

207    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tindika li, fir-rigward tal-kompetizzjoni koperta mill-avviż ikkontestat, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-komunikazzjoni tirrigwardax kwistjonijiet ġenerali u astratti jew hijiex ta’ natura speċifika sa fejn hija intiża sabiex turi l-interess tal-kandidat li jikseb pożizzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku tal-Unjoni, li jinkludi, b’mod partikolari, il-preżentazzjoni tal-att ta’ kandidatura.

208    Fl-ewwel ipoteżi, il-kandidati jkollhom il-possibbiltà li jindikaw mill-inqas żewġ lingwi fost il-lingwi kollha tal-Unjoni li fihom huma jixtiequ jirċievu t-tweġibiet tal-EPSO. B’hekk, l-argumenti bbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1 ma jistgħux jintlaqgħu f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tipproduċi, għal dan il-għan, il-formola ta’ kuntatt li l-EPSO qiegħed għad-dispożizzjoni tal-kandidati fuq is-sit internet tagħha kif ukoll data dwar il-lingwi li fihom dan is-servizz ipprovda risposti għal mistoqsijiet jew għal talbiet magħmula fil-kuntest tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat.

209    Fit-tieni każ, il-kandidati huma obbligati jużaw it-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni tagħhom, li jagħżlu biss minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż. Tali limitazzjoni hija ġġustifikata mill-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li l-għarfien ta’ żewġ lingwi tal-Unjoni huwa kundizzjoni ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali, iżda wkoll mill-imperattiv ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati. Barra minn hekk, din il-limitazzjoni tissodisfa l-interess tas-servizz li l-komunikazzjonijiet ta’ dan it-tip jiżvolġu b’mod rapidu u effikaċi, li jkunu ġestiti b’mod ugwali mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, li l-membri tiegħu dejjem għandhom bħala lingwi ta’ ħidma it-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll mill-EPSO u, fl-aħħar nett, li dawn ma jinvolvux piż kunsiderevoli f’termini ta’ ġestjoni tar-riżorsi mill-EPSO.

210    Fir-rigward, qabel kollox, in-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat mir-Repubblika Taljana, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni, inklużi l-lingwi ta’ preżentazzjoni tal-att ta’ kandidatura, hija mmotivata, essenzjalment, “[s]abiex ikun hemm komunikazzjoni mħaffa u effiċjenti” kif ukoll mill-ħtieġa li “jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

211    Fir-rigward, sussegwentement, tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni kif ukoll tal-ġustifikazzjoni eventwali tagħha, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li jikkorrispondi, essenzjalment, mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, u mal-Artikolu 41(4) tal-Karta, id-dokumenti li persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tibgħat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu mfassla, skont l-għażla ta’ min jibgħat, f’waħda mil-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, u t-tweġiba tal-istituzzjoni għandha tinkiteb bl-istess lingwa. Bħala element essenzjali tal-osservanza tad-diversità lingwistika tal-Unjoni, li l-importanza tagħha hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 22 tal-Karta, id-dritt mogħti lil dawn il-persuni li jagħżlu, minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, il-lingwa li tintuża għall-komunikazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet għandha natura fundamentali (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Soanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 36).

212    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-obbligu tal-Unjoni li tosserva d-diversità lingwistika ma jistax jiġi dedott li jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt li jiżgura lil kull persuna d-dritt li kwalunkwe ħaġa li tista’ taffettwa l-interessi tagħha ser tiġi mfassla fil-lingwa tagħha f’kull ċirkustanza u li l-istituzzjonijiet huma obbligati, mingħajr ebda deroga, li jużaw il-lingwi uffiċjali kollha f’kull sitwazzjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    B’mod partikolari, fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ma jistgħux jiġu imposti fuq l-istituzzjonijiet obbligi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Mill-Artikolu 1d(1) u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, għalkemm ma huwiex eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni, inkluż tal-lingwa jew tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO, għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali li l-għarfien tagħhom huwa l-iktar mifrux fl-Unjoni, tali limitazzjoni għandha madankollu obbligatorjament tkun ibbażata fuq elementi oġġettivament verifikabbli, kemm mill-kandidati għall-kompetizzjoni kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni, tali li jiġġustifikaw l-għarfien tal-lingwi rikjesti, li għandhom ikunu proporzjonali għall-bżonnjiet reali tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-parti introduttiva tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, “[i]l-kandidati għandhom jużaw it-tieni lingwa tal-kompetizzjoni tagħhom (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż) meta jimlew l-applikazzjonijiet onlajn u l-EPSO jrid juża dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-massa mal-kandidati li jkunu ressqu applikazzjoni valida”(ara l-punt 8 iktar ’il fuq).

216    Barra minn hekk, fil-punt 3 tal-Anness II tal-avviż ikkontestat, huwa indikat li “[l]l-kandidati jistgħu jikkuntattjaw lil EPSO b’kull lingwa uffiċjali tal-[Unjoni] iżda, sabiex l-EPSO jittratta t-talba tagħhom b’mod aktar effiċjenti, il-kandidati huma mħeġġa li jagħżlu minn fost għadd limitat ta’ lingwi li l-persunal tal-EPSO huwa kapaċi jipprovdi kopertura lingwistika immedjata fihom mingħajr il-bżonn li jirrikorri għat-traduzzjoni” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

217    Għalkemm, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet ta’ dan l-aħħar tip, ma jidhirx, fid-dawl tal-elementi mressqa mill-Kummissjoni u msemmija fil-punt 208 iktar ’il fuq, li l-kandidati ma setgħux jikkomunikaw mal-EPSO fil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-preżentazzjoni tal-att tal-kandidatura kif ukoll il-“komunikazzjoni tal-massa mal-kandidati li jkunu ressqu applikazzjoni valida” kellhom isiru biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż. B’hekk u għall-istess motivi bħal dawk li jinsabu fil-punti 51 sa 55 iktar ’il fuq fir-rigward tat-tieni lingwa tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat, tali limitazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-lingwa, li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

218    Barra minn hekk, din il-limitazzjoni hija kkumpensata mill-possibbiltà msemmija fil-punt 217 li għandhom il-kandidati sabiex jikkomunikaw mal-EPSO bil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom fil-lingwa uffiċjali tal-għażla tagħhom dwar aspetti oħra relatati mal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 48).

219    F’dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motivi invokati insostenn tal-imsemmija limitazzjoni, ibbażati, essenzjalment, fuq in-neċessità li tiġi żgurata komunikazzjoni rapida u effikaċi u li jsir paragun fuq bażi ugwali tal-kandidati (ara l-punt 210 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dawn jistgħu, waħedhom, ikunu l-bażi biss ta’ limitazzjoni in abstracto tan-numru tal-lingwi li jistgħu jintużaw għat-tfassil tal-att tal-kandidatura u għall-“komunikazzjoni tal-massa” tal-EPSO mal-kandidati ammissibbli. Min-naħa l-oħra, u kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, essenzjalment, fil-punt 148 tar-risposta, l-imsemmija motivi jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż biss jekk l-għarfien sodisfaċenti ta’ dawn il-lingwi jippermetti lill-kandidati, fir-rigward tan-natura tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati u tal-bżonnijiet reali tas-servizz, li jkunu operattivi immedjatament.

220    Issa, hekk kif dan ġie kkonstatat fil-punt 197 iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

221    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni tislet mill-eżistenza ta’ restrizzjonijiet baġitarji, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud, fid-dawl tal-analiżi mwettqa fil-punti 106 sa 188 iktar ’il fuq, dwar il-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tagħha kif ukoll dak tal-Qorti tal-Awdituri, l-argument tagħha li l-lingwi ta’ ħidma tal-uffiċjali li jifformaw il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni huma “dejjem” il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.

222    Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm ġie espost, is-sitt motiv ippreżentat mir-Repubblika Taljana għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, l-avviż ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn jillimita l-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż biss.

223    Għaldaqstant u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-Repubblika Taljana, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ u jiġi annullat l-avviż ikkontestat kollu kemm hu.

224    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 36 iktar ’il fuq, l-illegalitajiet ikkonstatati fir-rigward tas-sistema lingwistika prevista mill-avviż ikkontestat jaffettwaw il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni kollha kemm hi u jimplikaw, għaldaqstant, l-annullament ta’ dan l-avviż kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikat, EU:T:2019:582, punt 130).

225    Fir-rigward tal-effetti tal-annullament tal-avviż ikkontestat, għandu jiġi indikat li, waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana, mistoqsija dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, ikkunsidrat li minn dan għandhom jinsiltu l-konsegwenzi billi jiġu annullati wkoll il-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-kompetizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li seħħet mill-2012, ebda aspettattivi leġittimi ma jistgħu jitqiegħdu fiż-żamma ta’ dawn il-listi. Ir-Renju ta’ Spanja qabel mal-pożizzjoni tar-Repubblika Taljana.

226    B’risposta, il-Kummissjoni sostniet li, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249), li fiha r-Renju ta’ Spanja kien espressament talab l-annullament tad-database stabbilita fi tmiem is-sejħa għal espressjoni ta’ interess annullata minn din is-sentenza, f’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana ma tistax titlob l-annullament tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-kompetizzjoni inkwistjoni peress li ma fformulatx kap tat-talbiet f’dan is-sens fir-rikors tagħha. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija iktar ’il fuq kienet ħafna iktar flessibbli minn dik prevista minn din il-kawża, b’tali mod li l-annullament tar-riżultati kollha ta’ din tal-aħħar kien jidher totalment mhux iġġustifikat.

227    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u li l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward ta’ tali talbiet (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2016, Musso vs Il-Parlament, T‑589/14 u T‑772/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:101, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, fil-prinċipju, ir-rikorrent ma jistax, matul il-proċedura, jippreżenta talbiet ġodda jew jestendi s-suġġett ta’ talbiet eżistenti, li jwassal għal modifika tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il-Kummissjoni, 83/63, EU:C:1965:70, p. 785), sakemm ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar l-adattament tat-talba. Issa, kif jirriżulta mill-proċess ta’ din il-kawża, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

228    Konsegwentement, sa fejn il-pożizzjoni meħuda mir-Repubblika Taljana waqt is-seduta tista’ tiġi analizzata bħala intiża għall-annullament tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-kompetizzjoni inkwistjoni, tali talba, sa fejn ma hijiex konformi mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 227 iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

229    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li annullat dan l-att. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tikkonforma ruħha ma’ tali sentenza u sabiex teżegwiha b’mod sħiħ, l-istituzzjoni kkonċernata kienet obbligata li tosserva mhux biss id-dispożittiv ta’ din is-sentenza iżda wkoll il-motivi li kienu wasslu għal dan tal-aħħar u li kienu jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju għalih, fis-sens li huma indispensabbli għad-determinazzjoni tas-sens eżatt ta’ dak li kien ġie deċiż fid-dispożittiv (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

230    Madankollu, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 83 sa 87 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 85), l-annullament tal-avviż ikkontestat ma jistax ikollu effett fuq eventwali reklutaġġi diġà mwettqa abbażi tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li minnhom jibbenefikaw il-kandidati li diġà ġew offruti pożizzjoni abbażi tal-inklużjoni tagħhom fl-imsemmija listi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑313/15 u T‑317/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:582, punt 131).

 Fuq l-ispejjeż

231    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Franċiża.

232    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-avviż ta’ kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/322/16 għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar (AD 5/AD 7), huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż u hija kkundannata tbati dawk esposti mir-Repubblika Taljana.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2020.

Firem


Werrej



* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.