Language of document : ECLI:EU:C:2024:412

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawżi magħquda C289/23 [Corván] u C305/23 [Bacigán] (i)

Agencia Estatal de la Administración Tributaria

vs

A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja))

u

S.E.I.

vs

Agencia Estatal de la Administración Tributaria

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 10 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 10 ta’ Barcelona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2019/1023 – Proċeduri ta’ ristrutturazzjoni, ta’ insolvenza u ta’ ħelsien mid-dejn – Persuna fiżika li saret insolventi – Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-ħelsien mid-dejn – Krediti pubbliċi – Limitu massimu tal-ħelsien”






I.      Daħla

1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) u (4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (2).

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn persuni fiżiċi li saru insolventi (iktar ’il quddiem id-“debituri”) u l-Agencia Estatal de Administración Tributaria (l-Aġenzija tal-Istat tal-Amministrazzjoni Fiskali, Spanja, iktar ’il quddiem l-“AEAT”), dwar talba għal ħelsien mid-dejn imressqa minn dawn id-debituri matul il-proċedura ta’ insolvenza li tikkonċernahom. Fil-fatt, l-AEAT opponiet it-talbiet għal ħelsien mid-dejn minħabba l-mala fide tad-debitur (Kawża C‑289/23) jew id-diżonestà tiegħu (C‑305/23), filwaqt li fakkret li l-krediti pubbliċi kienu esklużi mill-ħelsien mid-dejn.

3.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 23(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2019/1023, li jipprevedi li dawn, rispettivament, għandhom jipprevedu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn f’każ ta’ diżonestà jew ta’ mala fide tad-debitur, jistgħu jċaħħdu jew jirrestrinġu tali aċċess skont ċertu aġir tad-debitur u jistgħu jeskludu ċerti kategoriji speċifiċi ta’ krediti mill-mekkaniżmu ta’ ħelsien mid-dejn totali.

4.        Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq il-punt (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑289/23 li, essenzjalment, tirrigwarda l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1023 u, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jiġi rregolat il-ħelsien mid-dejn relatat ma’ krediti pubbliċi f’limiti li ma humiex rilevanti għall-ammont reali tad-dejn.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, wara l-analiżi tiegħi, ser nipproponi li r-risposta lill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tkun li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu limitazzjoni tal-ħelsien mid-dejn, għal kategoriji speċifiċi ta’ krediti, fil-forma ta’ limitu massimu li lil hinn minnu ma jkunx hemm ħelsien, bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni tkun debitament iġġustifikata.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

6.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/1023, intitolat “Derogi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      B’deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri għandhom iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju ta’ tali ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-ksib ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal fejn l-imprenditur insolventi ikun aġixxa b’mod diżonest jew in mala fede, skont il-liġi nazzjonali, fil-konfront tal-kredituri jew ta’ partijiet ikkonċernati oħra meta ddejjen, matul il-proċedura ta’ insolvenza jew waqt il-ħlas tad-dejn, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar l-oneru tal-prova.

2.      B’deroga mill-Artikoli 20 sa 22, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, li jirrevokaw il-benefiċċju tal-ħelsien mid-dejn jew li jipprevedu perjodi itwal għall-kisba ta’ ħelsien sħiħ mid-dejn jew perjodi tal-iskwalifika itwal f’ċerti ċirkostanzi definiti sew u fejn tali derogi huma debitament iġġustifikati, bħal fejn:

(a)      l-imprenditur insolventi ikun kiser b’mod sostanzjali obbligi skont pjan ta’ ħlas lura jew xi obbligu legali ieħor li għandu l-għan li jissalvagwardja l-interessi tal-kredituri, inkluż l-obbligu biex jiġu mmassimizzati r-redditi lill-kredituri;

(b)      l-imprenditur insolventi jkun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ta’ informazzjoni jew kooperazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali;

(c)      ikun hemm applikazzjonijiet abbużivi għal ħelsien mid-dejn;

(d)      ikun hemm applikazzjoni oħra għal ħelsien mid-dejn fi ħdan ċertu perjodu ta’ żmien wara li l-imprenditur insolventi ġie mogħti ħelsien sħiħ mid-dejn jew ġie rifjutat ħelsien sħiħ mid-dejn minħabba ksur serju tal-obbligi ta’ informazzjoni jew kooperazzjoni;

(e)      l-ispiża tal-proċedura li twassal għall-ħelsien mid-dejn ma tkunx koperta; jew

(f)      deroga tkun neċessarja biex tiggarantixxi l-bilanċ bejn id-drittijiet tad-debitur u d-drittijiet ta' kreditur wieħed jew aktar.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ dejn, mill-ħelsien mid-dejn, jew jirrestrinġu l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn jew jistabbilixxu perjodu itwal tal-ħelsien mid-dejn jekk tali esklużjonijiet, restrizzjonijiet jew perjodi itwal huma debitament iġġustifikati, bħal fil-każ ta’:

(a)      dejn garantit;

(b)      dejn li jirriżulta minn jew b’rabta ma’ pieni kriminali;

(c)      dejn li jirriżulta minn responsabbiltà għad-danni;

(d)      dejn rigward obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ filjazzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

(e)      dejn imġarrab mill-applikazzjoni għal jew il-ftuħ ta’ proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn; u

(f)      dejn li jirriżulta mill-obbligu li titħallas l-ispiża tal-proċedura li twassal għal ħelsien mid-dejn.

[…]”

B.      Iddritt Spanjol

7.        Il-liġi applikabbli rationae temporis għall-kawżi prinċipali hija r-Real Decreto Legislativo 1/2020 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Concursal (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020 li Jadotta t-Test Ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Insolvenza) (3), tal‑5 ta’ Mejju 2020, kif emendat bil-Ley 16/2022 de reforma del texto refundido de la Ley Concursal aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/2020, de 5 de mayo, para la transposición de la [Directiva 2019/1023] (il-Liġi 16/2022 li Tirriforma t-Test ta’ Riformulazzjoni tal-Liġi dwar l-Insolvenza, approvat mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020 tal‑5 ta’ Mejju 2020, bl-għan li jittrasponi d-[Direttiva 2019/1023]) (4), tal‑5 ta’ Settembru 2022 (iktar ’il quddiem it-“TRLC”).

8.        Il-preambolu ta’ din il-liġi jipprovdi:

“[…]

Meta d-debitur insolventi jkun persuna fiżika, il-proċedura ta’ insolvenza tfittex li tidentifika d-debituri in bona fide u li toffrilhom ħelsien parzjali tad-dejn tagħhom, u b’hekk tagħtihom ċans ieħor u tipprevjeni li dawn jidħlu fl-ekonomija sewda jew f’sitwazzjoni ta’ marġinalizzazzjoni.

[…]

Waħda mill-bidliet l-iktar radikali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida hija li, minflok ma tissuġġetta l-ħelsien għas-sodisfazzjon ta’ ċertu tip ta’ dejn (kif kien jipprevedi l-Artikolu 487(2) tat-[TRLC qabel dawn il-bidliet]), hija adottata sistema ta’ ħelsien ibbażata fuq il-mertu li fiha kull debitur, irrispettivament minn jekk ikunx imprenditur jew le, bil-kundizzjoni li jissodisfa r-rekwiżit tal-bona fide li fuqu hija bbażata din l-istituzzjoni, jista’ jkollu aċċess għal ħelsien mid-djun kollha tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, eċċezzjonalment u minħabba n-natura speċjali tagħhom, jitqiesu li legalment ma jistax jingħata ħelsien minnhom. L-għażla, li diġà kienet ġiet aċċettata mil-leġiżlatur Spanjol fl‑2015, li jingħata ħelsien lil kull debitur li huwa persuna fiżika ta’ bona fide, irrispettivament minn jekk ikunx imprenditur jew le, tibqa’.

[…]

Il-bona fide tad-debitur tibqa’ l-bażi tal-ħelsien. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi internazzjonali, hija stabbilita delimitazzjoni normattiva tal-bona fide, b’riferiment għal ċertu aġir oġġettiv elenkat b’mod eżawrjenti (lista magħluqa), mingħajr ma jsir riferiment għal mudelli ta’ aġir vagi jew mhux speċifiċi biżżejjed, jew li l-prova tagħhom timponi fuq id-debitur oneru impossibbli […]

[…]

Il-ħelsien mid-dejn huwa estiż għat-talbiet kollha fil-kuntest tal-proċedura kollettiva u tal-krediti kontra l-patrimonju. L-eċċezzjonijiet huma bbażati, f’ċerti każijiet, fuq l-importanza partikolari tas-sodisfazzjon tagħhom għal kumpannija ġusta u in solidum ibbażata fuq l-Istat tad-dritt (bħall-manteniment dovut, id-dejn li jirriżulta minn krediti taħt id-dritt pubbliku, id-djun li jirriżultaw minn reati kriminali kif ukoll id-djun li jirriżultaw minn responsabbiltà għal delitt). Għalhekk, il-ħelsien mid-dejn li jirriżulta minn krediti taħt id-dritt pubbliku huwa suġġett għal ċerti limiti u jista’ jseħħ biss waqt l-ewwel ħelsien mid-dejn, u mhux matul il-ħelsien segwenti […]

[…]”

9.        L-Artikolu 486 tat-TRLC jipprevedi:

“Debitur li huwa persuna fiżika, kemm jekk huwa imprenditur kif ukoll jekk le, jista’ jitlob il-ħelsien mid-djun mhux imħallsa skont it-termini u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-liġi, bil-kundizzjoni li jkun debitur in bona fide:

1)      billi jissuġġetta ruħu għal pjan ta’ pagament mingħajr likwidazzjoni minn qabel tal-assi, f’konformità mas-sistema ta’ ħelsien mid-dejn imsemmija fis-subtaqsima 1 tat-Taqsima 3 iktar ’il quddiem; jew

2)      bil-likwidazzjoni tal-assi, f’liema każ il-ħelsien mid-dejn ikun suġġett għas-sistema prevista fis-subtaqsima 2 tat-Taqsima 3 iktar ’il quddiem, jekk ir-raġuni għall-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza tkun it-tmiem tal-fażi tal-likwidazzjoni tal-assi jew l-insuffiċjenza tal-assi sabiex jiġu ssodisfatti l-krediti kontra l-patrimonju.”

10.      L-Artikolu 489 tat-TRLC jaqra kif ġej:

“1.      Il-ħelsien mid-dejn għandu jkun estiż għad-djun kollha mhux imħallsa, ħlief għad-djun li ġejjin:

[…]

5)      id-djun li jirriżultaw minn krediti taħt id-dritt pubbliku. Madankollu, jista’ jingħata ħelsien mid-djun li għalihom il-ġestjoni tal-irkupru taqa’ taħt il-kompetenza tal-[AEAT] sal-ammont massimu ta’ EUR 10 000 għal kull debitur; għall-ewwel EUR 5 000 ta’ dejn, il-ħelsien għandu jkun totali, u minn dan l-ammont, il-ħelsien jilħaq 50 % tad-dejn sal-massimu indikat. Bl-istess mod, jista’ jingħata ħelsien mid-dejn soċjali għall-istess ammont u taħt l-istess kundizzjonijiet. L-ammont meħlus, sal-limitu msemmi iktar ’il fuq, jiġi applikat fl-ordni inversa tal-ordni ta’ prijorità legalment stabbilita minn din il-liġi u, fi ħdan kull kategorija, skont kemm ilu;

[…]

3.      Jista’ jingħata ħelsien minn kreditu taħt id-dritt pubbliku sal-ammont stabbilit fit-tieni sentenza tal-punt 5 tal-paragrafu 1, iżda biss fl-ewwel ħelsien mid-dejn, u ma jista’ jingħata ħelsien minn ebda ammont waqt il-ħelsien sussegwenti li l-istess debitur jista’ jikseb.”

III. Ilfatti talkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

A.      IlKawża C289/23

11.      Fis‑7 ta’ Lulju 2022, A. ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza u ddikjara dejn li jammonta għal EUR 537 787.69. Peress li l-qorti tar-rinviju ddikjarat l-insolvenza ta’ dan id-debitur u l-għeluq tal-proċedura minħabba l-insuffiċjenza tal-assi fis‑26 ta’ Lulju 2022, l-imsemmi debitur talab ħelsien mid-dejn totali fit‑28 ta’ Settembru 2022. Fid‑19 ta’ Ottubru 2022, dik il-qorti ddikjarat ammissibbli l-oppożizzjoni għall-ħelsien mid-dejn imressqa mill-AEAT minħabba l-eżistenza ta’ diversi krediti taħt id-dritt pubbliku.

12.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-AEAT argumentat, minn naħa, li ċ-ċaħda tal-ħelsien mid-dejn kienet immotivata mill-eżistenza, għal inqas minn għaxar snin, ta’ deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà għal total ta’ EUR 114 408.09 ta’ djun fiskali u penali dovuti mill-kumpannija li d-debitur kien direttur tagħha, u li, konsegwentement, dan id-debitur ma kienx ta’ bona fide. Hija żżid, min-naħa l-oħra, li ċerti krediti huma pubbliċi u għalhekk huma esklużi mill-ħelsien mid-dejn.

13.      Dik il-qorti għandha dubji dwar il-mod kif il-leġiżlatur Spanjol ittraspona d-Direttiva 2019/1023, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “bona fide”, li jikkundizzjona l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn u li huwa ddefinit b’mod oġġettiv (b’mod partikolari li ma kienx is-suġġett ta’ estensjoni tar-responsabbiltà fl-għaxar snin qabel it-talba għall-ħelsien mid-dejn), u, fit-tieni lok, dwar l-esklużjoni tal-krediti pubbliċi.

14.      Fuq dan l-aħħar punt, l-imsemmija qorti tesponi li d-dritt Spanjol jipprevedi li l-krediti pubbliċi li l-irkupru tagħhom jaqa’ taħt il-kompetenza tal-AEAT u tat-Tesoreria General de la Seguridad Social (it-Teżorerija Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ħelsien mid-dejn parzjali. Fil-fatt, għal dawn il-krediti, il-ħelsien huwa limitat għal EUR 10 000 għal kull debitur, filwaqt li huwa ppreċiżat li, għall-ewwel EUR 5 000, il-ħelsien huwa totali u li, lil hinn minn dan l-ammont, il-ħelsien jilħaq 50 % tad-dejn sal-ammont massimu ta’ EUR 10 000. L-ammont meħlus jiġi applikat fl-ordni inversa tal-ordni ta’ prijorità legalment stabbilita u, fi ħdan kull kategorija ta’ krediti, skont kemm ilu.

15.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-assenza ta’ proporzjonalità tal-ħelsien mid-dejn awtorizzat mil-liġi fir-rigward tal-ammont totali tal-passiv, li jista’ jċaħħad il-ħelsien mid-dejn minn kwalunkwe effett reali.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Alicante (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [a)]      L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva [2019/1023] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn fis-sens stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-[TRLC] sa fejn din ir-restrizzjoni ma kinitx prevista fil-leġiżlazzjoni qabel it-traspożizzjoni [ta’ din id-direttiva] li kienet tirrikonoxxi dan id-dritt għal ħelsien mid-dejn u li ġie introdott ex novo mil-leġiżlatur? B’mod partikolari, jista’ l-leġiżlatur nazzjonali, waqt it-traspożizzjoni [tal-imsemmija direttiva], jistabbilixxi restrizzjonijiet ikbar fuq l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni preċedenti, partikolarment meta l-imsemmija restrizzjonijiet ma jikkorrispondu ma’ ebda waħda miċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 23(2) [tal-istess direttiva]?

[b)]      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preċedenti fin-negattiv, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn ‘[m]eta fl-għaxar snin preċedenti għall-applikazzjoni għall-ħelsien mid-dejn, [id-debitur] kien ġie ssanzjonat b’deċiżjoni amministrattiva definittiva għal ksur gravi ħafna fil-qasam tat-taxxa, tas-sigurtà soċjali jew ta’ ordni soċjali, jew meta, fl-istess perijodu, tkun ingħatat deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà, sakemm fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-ħelsien mid-dejn, huwa ma jkunx ħallas id-dejn kollu tiegħu’ (il-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC), sa fejn dan il-każ jinvolvi t-tibdil tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-krediti relatati mal-insolvenza?

[c)]      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preċedenti fin-negattiv, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn fis-sens stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC ‘meta tingħata deċiżjoni definittiva ta’ estensjoni tar-responsabbiltà, sakemm fid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għall-ħelsien mid-dejn, [id-debitur] ma jkunx ħallas id-dejn kollu tiegħu’, sa fejn din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li tiġi stabbilita l-mala fide tad-debitur? F’dan ir-rigward, il-fatt li l-insolvenza ma ġietx iddikjarata frawdolenti hija rilevanti?

[d)]      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preċedenti fin-negattiv, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn fis-sens stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC għal ksur jew għal deċiżjonijiet ta’ estensjoni tar-responsabbiltà li jkunu ngħataw jew ittieħdu matul l-aħħar għaxar snin preċedenti għall-applikazzjoni għal ħelsien mid-dejn irrispettivament mid-data tal-avveniment li jagħti lok għar-responsabbiltà u tad-dewmien possibbli fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tar-responsabbiltà?

[e)]      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preċedenti fin-negattiv, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-aċċess għal ħelsien mid-dejn fis-sens stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC sa fejn din ir-restrizzjoni ma tkunx ġiet debitament iġġustifikata mil-leġiżlatur nazzjonali?

2)      [a)]      L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħal dik prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 487(1) tat-TRLC, li tipprevedi każijiet li jostakolaw l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn li ma humiex inklużi fil-lista f’dan l-Artikolu 23(4)? B’mod partikolari, il-lista ta’ każijiet fl-Artikolu 23(4) għandha tiġi interpretata bħala lista numerus clausus jew, għall-kuntrarju, bħala lista numerus apertus?

[b)]      Sa fejn il-lista hija numerus apertus u sa fejn il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jistabbilixxi eċċezzjonijiet oħra lil hinn minn dawk previsti fid-Direttiva 2019/1023, l-Artikolu 23(4) [ta’ din id-direttiva] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi regola ġenerali li jkun hemm ħelsien minn krediti li jirriżultaw minn djun taħt id-dritt pubbliku biss f’ċirkustanzi u għal ammonti limitati ħafna irrispettivament min-natura u miċ-ċirkustanzi ta’ djun speċifiċi taħt id-dritt pubbliku? B’mod partikolari, huwa rilevanti f’dan il-każ il-fatt li l-leġiżlazzjoni preċedenti, kif kienet ġiet interpretata mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), ippermettiet ħelsien mid-dejn għal ċertu kreditu taħt id-dritt pubbliku u li r-regola ta’ traspożizzjoni serviet sabiex tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħelsien mid-dejn?

[c)]      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preċedenti fin-negattiv, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 489(1) tat-TRLC, li tistabbilixxi regola ġenerali ta’ esklużjoni ta’ ħelsien mid-dejn ta’ krediti taħt id-dritt pubbliku (b’ċerti eċċezzjonijiet li huma s-suġġett tad-domanda preliminari segwenti) sa fejn tagħti trattament privileġġjat lill-kredituri pubbliċi fuq il-kredituri l-oħra?

[d)]      B’mod partikolari, u fir-rigward tad-domanda preċedenti, huwa rilevanti li l-leġiżlazzjoni tipprevedi ċertu ħelsien mid-dejn ta’ krediti taħt id-dritt pubbliku iżda biss għal dak li jirrigwarda ċerti djun u f’limiti speċifiċi li ma humiex rilevanti għall-ammont reali tad-dejn?

[e)]      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola bħal dik prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 489(1) tat-TRLC, sa fejn [l-esklużjoni tal-]ħelsien mid-dejn [tal-krediti taħt id-dritt pubbliku] huwa ġġustifikat mir-‘rilevanza partikolari tal-ħlas tagħhom għal soċjetà ġusta u ta’ solidarjetà ibbażata fuq l-Istat tad-dritt’, u li tirreferi b’mod ġenerali għall-krediti taħt id-dritt pubbliku mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-kreditu? B’mod partikolari, huwa rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-ġustifikazzjoni ġenerali tintuża kemm għal djun elenkati taħt l-Artikolu 23(4) [ta’ din id-direttiva] kif ukoll għal ċirkustanzi jew djun li ma humiex elenkati?”

B.      IlKawża C305/23 (pro memoria)

17.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja li wasslet, b’mod partikolari, għall-bejgħ tal-post ta’ abitazzjoni tiegħu, S.E.I., persuna fiżika, talab il-ħelsien mid-dejn filwaqt li ppropona pjan ta’ saldu tad-dejn li huwa kien iqis li ma jistax jiġi suġġett għal ħelsien. L-AEAT opponiet għal din it-talba minħabba li S.E.I., matul l-għaxar snin qabel it-talba għall-ħelsien, kien ġie ssanzjonat permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva definittiva (multa ta’ EUR 504.99) għal ksur fiskali serju ħafna u li s-sanzjoni ma kinitx ġiet eżegwita fil-mument tat-talba għal ħelsien mid-dejn.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 10 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 10 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari li ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Ġunju 2023, il-Kawżi C‑289/23 u C‑305/23 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

20.      S.E.I., il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Analiżi

21.      Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq il-punt (d) tat-tieni domanda tal-Kawża C‑289/23, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1023 jippermettix li jiġi rregolat il-ħelsien mill-krediti pubbliċi f’limiti li ma humiex rilevanti għall-ammont reali tad-dejn.

22.      Din il-kawża, lil hinn mill-kwistjoni tat-tip ta’ kategorija ta’ krediti li jistgħu ma jkunux suġġetti għall-ħelsien mid-dejn li ġiet deċiża reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (5), tqajjem il-problema marbuta mal-portata kwantitattiva tal-esklużjoni ta’ dan il-ħelsien.

23.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju turi li din tal-aħħar tistaqsi dwar il-metodu tal-limitu doppju ta’ EUR 5 000 u EUR 10 000 adottat mil-leġiżlatur Spanjol għall-ħelsien mid-dejn ta’ natura fiskali jew soċjali mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-ammont globali tad-dejn fiskali jew soċjali inkwistjoni.

24.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni taqbel ma’ dan billi tindika li, għalkemm din il-limitazzjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba, ma hijiex ċerta li hija suffiċjenti sabiex jiġi osservat l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023. Hija taqbel mal-argument tal-qorti tar-rinviju favur l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ammont totali tad-dejn fl-implimentazzjoni tal-esklużjoni tal-ħelsien mid-dejn.

25.      Bħala tfakkira, din id-direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-imprendituri insolventi jkollhom aċċess għal mill-inqas proċedura waħda li tista’ twassal għal ħelsien mid-dejn totali (6). Dan l-artikolu ma jirrikjedix li l-Istati Membri jiggarantixxu l-ħelsien mid-dejn totali tal-imprendituri insolventi.

26.      Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2019/1023 jistabbilixxi ċertu għadd ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu sabiex jiġi mċaħħad jew ristrett l-aċċess għall-ħelsien mid-dejn, sabiex jiġu previsti perijodi itwal għall-ħelsien mid-dejn jew għall-iskwalifika kemm minħabba d-diżonestà jew il-mala fide tad-debitur (paragrafu 1), kemm minħabba aġir ieħor tad-debitur (paragrafu 2), kif ukoll minħabba n-natura tad-dejn ikkonċernat (paragrafu 4) jew minħabba l-professjoni tal-imprenditur (paragrafu 5).

27.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ krediti li jinsabu fih ma hijiex ta’ natura eżawrjenti u li l-Istati Membri jistgħu jeskludu kategoriji speċifiċi ta’ krediti minbarra dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni mill-ħelsien mid-dejn, f’każijiet debitament iġġustifikati (7).

28.      Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jżidu kategoriji speċifiċi ta’ krediti mas-sitt kategoriji msemmija minn dan l-Artikolu 23(4).

29.      L-istess raġunament jista’ jiġi adottat għall-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2019/1023, li jipprevedi lista ta’ sitt tipi ta’ aġir li jista’ b’mod partikolari jkollhom effett fuq il-ħelsien mid-dejn. L-Istati Membri jistgħu wkoll jissupplimentaw din il-lista.

30.      Għaldaqstant, in-numru ta’ derogi għall-ħelsien mid-dejn jista’ jkun għoli, peress li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ f’dan il-qasam sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni s-sistema legali tagħhom fid-dawl tal-effetti li jista’ jkollhom tali regoli.

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta espressament l-eżerċizzju tal-possibbiltà hekk mogħtija fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għall-kundizzjoni li tali esklużjonijiet ikunu “debitament iġġustifikati”. Hija żiedet li, meta l-leġiżlatur nazzjonali jadotta tali derogi, ir-raġunijiet għal dawn id-derogi għandhom jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom u li dawn ir-raġunijiet għandhom isegwu interess pubbliku leġittimu (8).

32.      Konsegwentement, il-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ tal-Istati Membri sabiex iżidu kategoriji speċifiċi ta’ krediti huwa limitat minn dawn iż-żewġ rekwiżiti, jiġifieri l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni fid-dritt nazzjonali u t-tfittxija ta’ interess pubbliku leġittimu.

33.      Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 tindika li, għal dawn il-kategoriji speċifiċi ta’ krediti, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu esklużjoni mill-ħelsien mid-dejn jew limitazzjoni għall-possibbiltà ta’ ħelsien, jew inkella perijodu itwal ta’ ħelsien meta dawn l-esklużjonijiet, limitazzjonijiet jew termini itwal ikunu debitament iġġustifikati.

34.      Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni mhux biss jippermetti l-esklużjoni totali tal-ħelsien mid-dejn, iżda, barra minn hekk, ma jagħmel ebda riferiment għall-mod partikolari tal-limitazzjoni tal-possibbiltà tal-ħelsien (limitu massimu, proporzjon, limiti b’varjazzjonijiet fil-proporzjon) meta l-esklużjoni tkun biss parzjali, u dan jikkonferma għal darba oħra l-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ mogħti lill-Istati Membri u l-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam.

35.      Fi kwalunkwe każ, ikun paradossali li l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri jkun ristrett iktar għal-limitazzjonijiet milli għall-esklużjoni.

36.      Konsegwentement, għalkemm limitazzjoni tal-ħelsien mid-dejn proporzjonali għall-ammont totali tad-dejn hija possibbli, xejn ma jipprekludi l-użu ta’ limitu massimu għall-ħelsien mid-dejn, bil-kundizzjoni li t-tnejn li huma jkunu debitament iġġustifikati. Ħelsien mid-dejn b’limitu massimu jista’ jkollu effett ta’ inċentiv għal reazzjoni iktar malajr mill-imprenditur fid-dawl ta’ ammont ta’ dejn li jkun qiegħed jiżdied. Dan l-imprenditur ikun jaf li, lil hinn minn dan il-limitu, mingħajr reazzjoni min-naħa tiegħu, ma jkunx hemm ħelsien.

37.      L-uniku riferiment għal proporzjon jinsab fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2019/1023, fejn hija prevista l-ipoteżi ta’ ħelsien mid-dejn suġġetta għal rimbors parzjali tad-dejn mill-imprenditur. F’dan il-każ, l-obbligu ta’ rimbors għandu jiġi stabbilit skont is-sitwazzjoni individwali tal-imprenditur u, b’mod partikolari, għandu jkun proporzjonat għad-dħul u għall-assi tiegħu disponibbli matul il-perijodu tal-ħelsien, u għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-kredituri b’mod ekwu.

38.      Ma nemminx li dan ir-riferiment għal proporzjon bejn ir-rimbors parzjali mid-debitur u d-dħul u l-assi tiegħu disponibbli f’din l-ipoteżi preċiża huwa biżżejjed sabiex isir obbligu fuq l-Istati Membri meta jipprevedu limitazzjonijiet għall-ħelsien mid-dejn.

39.      L-applikazzjoni, mill-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1023 ma timponix l-użu ta’ ħelsien mid-dejn proporzjonali għall-passiv minflok, pereżempju, ħelsien mid-dejn b’limitu massimu. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju jimponi fuq dawn l-Istati li jimplimentaw il-mezzi proporzjonati sabiex jaslu għar-riżultat mixtieq minn din id-direttiva, jiġifieri l-eżistenza ta’ proċedura li tista’ twassal għal ħelsien mid-dejn totali tal-imprenditur insolventi. Huwa għalhekk f’idejn kull Stat Membru li jevalwa skont id-dritt tiegħu dwar l-insolvenza, il-garanziji, is-sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin u d-dritt fiskali tiegħu l-mod kif din il-proċedura tista’ tiġi integrata f’sistema globali, filwaqt li jitfakkar li l-imsemmija direttiva stess ma tinjorax il-bilanċ bejn id-drittijiet tad-debitur u d-drittijiet ta’ kull kreditur (9).

40.      Madankollu, sa fejn id-Direttiva 2019/1023 ma tarmonizzax l-esklużjonijiet għall-ħelsien mid-dejn u l-modalitajiet tagħhom, huwa kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom bil-kundizzjoni madankollu li r-regoli relatati magħhom ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (10).

41.      Jidhirli li din id-direttiva hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima li l-għan tagħha huwa l-introduzzjoni f’kull Stat Membru ta’ proċedura ta’ ħelsien mid-dejn totali jew parzjali, fejn il-modalitajiet ta’ limitazzjonijiet ta’ dan il-ħelsien fil-parti l-kbira tagħhom jitħallew f’idejn l-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dawn il-limitazzjonijiet, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, ikunu debitament iġġustifikati u jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-proċedura li tkun wasslet għalihom.

42.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-punt (d) tat-tieni domanda preliminari fil-Kawża C‑289/23 għandha tkun li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2019/1023 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitazzjoni tal-ħelsien mid-dejn għal kategorija speċifika ta’ krediti permezz tal-istabbiliment ta’ limitu massimu li lil hinn minnu ma jkun hemm l-ebda ħelsien hija possibbli bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali jew il-proċedura li tkun wasslet għaliha.

V.      Konklużjoni

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-punt (d) tat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Alicante (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Alicante, Spanja) fil-Kawża C‑289/23 kif ġej:

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-limitazzjoni tal-ħelsien mid-dejn għal kategorija speċifika ta’ krediti permezz tal-istabbiliment ta’ limitu massimu li lil hinn minnu ma jkun hemm l-ebda ħelsien hija possibbli bil-kundizzjoni li din il-limitazzjoni tkun debitament iġġustifikata skont id-dritt nazzjonali jew il-proċedura li tkun wasslet għaliha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-ismijiet ta’ dawn il-kawżi huma ismijiet fittizji. Dawn l-ismijiet ma jikkorrispondux għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      ĠU 2019, L 172, p. 18.


3      BOE Nru 127, tas‑7 ta’ Mejju 2020, p. 31518.


4      BOE Nru 214, tas‑6 ta’ Settembru 2022, p. 123682.


5      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn) (C‑687/22, EU:C:2024:287).


6      Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tal-imsemmija direttiva.


7      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn) (C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 39).


8      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Esklużjoni tal-krediti pubbliċi mill-ħelsien mid-dejn) (C‑687/22, EU:C:2024:287, punt 42).


9      Ara l-Artikolu 23(2)(f) ta’ din id-direttiva.


10      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, ALPINE BAU (C‑25/20, EU:C:2021:963, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).