Language of document : ECLI:EU:T:2016:63





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-4 ta’ Frar 2016 – Isotis vs Il‑Kummissjoni

(Kawża T‑562/13)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Programm qafas dwar l-innovazzjoni u l-kompetittività – Kuntratt REACH112 – Rimbors tas-somom antiċipati – Spejjeż eliġibbli”

1.                     Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontrotalba – Bażi (Artikoli 256(1) TFUE u 272 TFUE) (ara l-punti 46-48)

2.                     Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt li jgħati għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għar-realizzazzjoni ta’ proġett fil-qasam tal-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Talba għall-konstatazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti spejjeż u għall-ħlas ta’ ċerti ammonti – Kontrotalba li tinkludi talba għal interessi moratorji magħmula fir-risposta – Ammissibbiltà [Artikolu 272 TFUE; Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991)] (ara l-punti 57-59, 61, 62)

3.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Talba tal-Kummissjoni għall-ħlas lura ta’ sommom imħallsa bil-quddiem skont kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ programm qafas dwar l-innovazzjoni u l-kompetittività – Assenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni [Artikolu 288 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ)] (ara l-punti 79, 80)

4.                     Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita esklużivament mill-Artikolu 272 TFUE u mill-klawżola ta’ arbitraġġ – Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni – Esklużjoni – Applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali fir-rigward tal-prova – Inklużjoni (Artikolu 272 TFUE) (ara l-punt 89)

Suġġett

Minn naħa, talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, intiżi, prinċipalment, sabiex it-talba tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-finanzjament bil-quddiem li jammonta għal EUR 47 197,93, imħallas lir-rikorrenti abbażi tal-Kuntratt Nru 238940, “REsponding to All Citizens needing Help (REACH112)”, konkluż bejn il-Komunità Ewropea u r-rikorrenti, tiġi ddikjarata infondata u, sussidjarjament, sabiex it-talba tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-imsemmi finanzjament bil-quddiem tiġi ddikjarata infondata f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż ippreżentati lill-Kummissjoni għall-ewwel perjodu ta’ riferiment tal-proġett REACH112 li jammontaw għal EUR 13 821,12, kif ukoll, min-naħa l-oħra, kontrotalba intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi ordnata tirrimborsa l-finanzjament bil-quddiem imħallas indebitament fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt u tħallas interessi moratorji.

Dispożittiv

1)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet ta’ Koinonia tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis intiża li jiġi ddikjarat li, peress li l-kundizzjonijiet ġenerali tas-Sitt Programm Qafas ma japplikawx għall-kuntratt inkwistjoni, hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa abbażi ta’ dan tal-aħħar u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea kisret il-kuntratt inkwistjoni meta ddikjarat li kellha l-intenzjoni li titlob tali kumpens.

2)

It-talba ta’ Koinonia tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis intiża sabiex tiġi kkonstatata l-infondatezza tat-talba għar-rimbors tal-finanzjament bil-quddiem li hija rċeviet abbażi tal-Kuntratt Nru 238940 “REsponding to All Citizens needing Help (REACH112)” hija milqugħa f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż li hija ddikjarat għall-ewwel perjodu ta’ riferiment tal-proġett REACH112.

3)

Il-kumplament tar-rikors ippreżentat minn Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis huwa miċħud.

4)

It-talba tal-Kummissjoni sabiex Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis tiġi kkundannata tirrimborsa l-finanzjament bil-quddiem li hija rċeviet abbażi tal-Kuntratt Nru 238940 “REsponding to All Citizens needing Help (REACH112)” hija miċħuda f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż iddikjarati minnha għall-ewwel perijodu ta’ riferiment tal-proġett REACH112.

5)

Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni l-ammont ta’ EUR 33 376,81 miżjud bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 4 % fis-sena mid-29 ta’ Ottubru 2013 u sal-ħlas sħiħ ta’ dan l-ammont.

6)

Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis u l-Kummissjoni għandhom isostnu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.