Language of document : ECLI:EU:C:2023:1014

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratt ta’ leasing li jirrigwarda vettura bil-mutur mingħajr obbligu ta’ xiri – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 2(2)(d) – Kunċett ta’ kuntratt ta’ leasing mingħajr obbligu ta’ xiri tas-suġġett tal-kuntratt – Direttiva 2002/65/KE – Artikolu 1(1) u Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ kuntratt ta’ servizzi finanzjarji – Direttiva 2011/83/UE – Il-punt 6 tal-Artikolu 2 u Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ kuntratt ta’ servizz – Il-punt 7 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ kuntratt mill-bogħod –– Il-punt 8 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju – Artikolu 16(l) – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kiri ta’ vetturi – Kuntratt ta’ kreditu intiż għax-xiri ta’ vettura bil-mutur – Direttiva 2008/48 – Artikolu 10(2) – Rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt – Preżunzjoni ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni fil-każ ta’ użu ta’ mudell regolatorju ta’ informazzjoni – Assenza ta’ effett dirett orizzontali ta’ direttiva – Artikolu 14(1) – Dritt ta’ rtirar – Bidu tat-terminu għall-irtirar fil-każ ta’ informazzjoni inkompleta jew impreċiża – Natura abbużiva tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar – Dekadenza tad-dritt ta’ rtirar – Obbligu ta’ restituzzjoni minn qabel tal-vettura fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu konness”

Fil-Kawżi magħquda C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2021 u ssupplimentata b’deċiżjoni tal‑24 ta’ Awwissu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Settembru 2021 (Kawża C‑38/21), b’deċiżjoni tat‑8 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2021 (Kawża C‑47/21) u b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2021 (Kawża C‑232/21), fil-proċeduri

VK

vs

BMW Bank GmbH (C‑38/21),

u

F. F.

vs

C. Bank AG (C‑47/21),

u

CR,

AY,

ML,

BQ

vs

Volkswagen Bank GmbH,

Audi Bank (C‑232/21),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, F. Biltgen, N. Piçarra, Z. Csehi, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan (Relatur), S. Rodin, P. G. Xuereb, I. Ziemele, J. Passer, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CR, AY, ML u BQ minn M. Basun, D. Er u A. Esser, Rechtsanwälte,

–        għal BMW Bank GmbH, minn A. Ederle u R. Hall, Rechtsanwälte,

–        għal C. Bank AG, minn T. Winter, Rechtsanwalt,

–        għal Volkswagen Bank GmbH u Audi Bank, minn I. Heigl, T. Winter u B. Zerelles, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, B.‑R. Killmann u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14), tal-Artikolu 3(ċ), tal-Artikolu 10(2)(l), (p), (r) u (t), kif ukoll tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall‑konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), tal-punti 7, 9 u 12 tal-Artikolu 2 kif ukoll tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn VK u BMW Bank GmbH (Kawża C‑38/21), F. F. u C. Bank AG (Kawża C‑47/21) kif ukoll bejn, minn naħa, CR u Volkswagen Bank GmbH u, min-naħa l-oħra, AY, ML u BQ u Audi Bank (Kawża C‑232/21), dwar l-eżerċizzju, minn VK, F. F., CR, AY, ML u BQ, tad-dritt ta’ rtirar relatat ma’ kuntratti li kkonkludew, fil-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi, ma’ dawn il-banek.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2002/65

3        Il-premessi 14, 15 u 19 tad-Direttiva 2002/65 jipprovdu kif ġej:

“(14)      Din id-Direttiva tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x’aktarx jiġu provduti b’distanza. Madankollu, ċerti servizzi finanzjarji huma rregolati b’disposizzjonijiet speċifiċi ta’ leġislazzjoni Komunitarja li jibqgħu japplikaw għal dawk is-servizzi finanzjarji. Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ dawn is-servizzi.

(15)      Kuntratti negozjati b’distanza jinvolvu l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni b’distanza li jintużaw bħala parti minn skema ta’ distanza ta’ bejgħ jew provista ta’ servizzi li ma tinvolvix il-preżenza simultaneja tal-fornitur u l-konsumatur. L-iżvilupp kostanti ta’ dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni jeħtieġ li jiġu definiti prinċipji li huma validi anke għal dawk il-mezzi li għadhom mhumiex f’użu ġenerali. Għalhekk, kuntratti b’distanza huma dawk li l-offerta, n-negozjati u l-konklużjoni tagħhom jitwettqu b’distanza.

[…]

(19)      Il-fornitur huwa l-persuna li tipprovi servizzi b’distanza. Din id-Direttiva għandha madanakollu tapplika meta wieħed mill-istadji tat-tqegħid fis-suq jinvolvi intermedjarju. B’qies għan-natura u l-grad ta’ dak l-involviment, id-disposizzjonijiet pertinenti ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal dan l-intermedjarju, irrispettivament mill-istatut legali tiegħu jew tagħha.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/65, intitolat “L-għan u l-qasam ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur.”

5        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

‘kuntratt b’distanza’ jfisser kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta’ distanza ta’ bejgħ jew provvista ta’ servizzi mill-fornitur, li, għall-iskop ta’ dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt.

‘servizz finanzjarju’ jfisser kull servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

[…]”

6        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta’ 14‑il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. […]

[…]

2.      Id-dritt ta’ rtirar m’għandux japplika għal:

[…]

(ċ)      kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar.

[…]”

 IdDirettiva 2008/48

7        Il-premessi 7 sa 10, 31, 34 u 35 tad-Direttiva 2008/48 jiddikjaraw:

“(7)      Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. Bil-ħsieb tas-suq tal-kreditu lill-konsumaturi li qed jiżviluppa kontinwament u l-mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej li qed tiżdied, leġiżlazzjoni Komunitarja li tħares il quddiem u li kapaċi tadatta ruħha għal forom futuri ta’ kreditu u li tippermetti lil Stati Membri l-livell xieraq ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgħin biex jiġi stabbilit korp modern ta’ liġi dwar kreditu lill-konsumaturi.

(8)      Huwa importanti li s-suq għandu joffri livell suffiċjenti ta’ protezzjoni lill-konsumatur biex jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur. Għalhekk għandu jkun possibli li l-moviment liberu ta’ offerti ta’ kreditu jsir taħt kondizzjonijiet ottimali kemm għal dawk li joffru kreditu u kemm għal dawk li għandhom bżonnu, b’attenzjoni dovuta għal sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri individwali.

(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. Bl-istess mod, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar responsabbiltà konġunta solidali tal-bejjiegħ jew fornitur tas-servizzi u l-kreditur. Eżempju ieħor ta’ din il-possibbiltà għall-Istati Membri jista’ jkun li jinżammu jew jiġu introdotti dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-kanċellazzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizzi jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirtira mill-ftehim ta’ kreditu. […]

(10)      Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, per eżempju dwar ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75 000. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wkoll għall-kreditu marbut, li ma jaqax taħt id-definizzjoni tal-ftehim ta’ kreditu marbut kif jinsab f’din id-Direttiva. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar ftehim ta’ kreditu marbut jistgħu jkunu applikati għal ftehim ta’ kreditu li jservu parzjalment biss biex jiffinanzjaw kuntratt għall-provvista ta’ merkanzija jew il-forniment ta’ servizz.

[…]

(31)      Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.

[…]

(34)      Sabiex jiġu approssimati l-proċeduri ta’ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar f’oqsma simili, hu meħtieġ li jsir provvediment għal dritt ta’ rtirar mingħajr penali u bla obbligu li tingħata ġustifikazzjoni, taħt kondizzjonijiet simili għal dawk previsti fid-Direttiva 2002/65[…]

(35)      Fejn konsumatur jirtira minn ftehim ta’ kreditu li b’konnessjoni miegħu jkun irċieva merkanzija, partikolarment minn xiri b’pagamenti bin-nifs jew ftehim ta’ kiri jew ftehim ta’ leasing li jipprevedu obbligu ta’ xiri, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regolament mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet dwar ir-ritorn tal-merkanzija jew kwalunkwe kwistjoni relatata.

[…]”

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

9        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

[…]

d)      ftehim ta’ kiri jew ta’ għoti b’kiri (leasing) fejn m’hemmx previst ebda obbligu għax-xiri ta’ l-oġġett tal-ftehim la bil-ftehim innifsu u lanqas bi kwalunkwe ftehim separat; tali obbligu għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti jekk dan jiġi deċiż hekk mill-kreditur b’mod unilaterali;

[…]”

10      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(ċ)      ‘ftehim ta’ kreditu’ tfisser ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs;

[…]

‘rata ta’ imposta perċentwali fis-sena’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2);

[…]

(n)      ‘ftehim ta’ kreditu konness’ tfisser ftehim ta’ kreditu fejn

(i)      il-kreditu in kwistjoni jservi esklussivament biex jiffinanzja ftehim għall-provvista ta’ merkanzija speċifika jew il-forniment ta’ servizz speċifiku, u

(ii)      dawk iż-żewġ ftehim jiffurmaw minn perspettiva oġġettiva unità kummerċjali; unità kummerċjali għandha tiġi kkunisdrata li teżisti fejn il-fornitur jew dak li jipprovdi servizz innifsu jiffinanzja l-kreditu lill-konsumatur jew, jekk ikun iffinanzjat minn parti terza, fejn il-kreditur juża s-servizzi tal-fornitur jew ta’ dak li jipprovdi s-servizz b’konnessjoni mal-konklużjoni, jew it-tħejjija, tal-ftehim ta’ kreditu, jew fejn il-merkanzija speċifika jew il-proviżjoni ta’ servizz speċifiku huma espliċitament speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.

[…]”

11      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprovdi kif ġej fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(l)      ir-rata ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[…]

(p)      l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ dritt ta’ rtirar, il-perijodu li matulu dak id-dritt jista’ jiġi eżerċitat u kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu, inkluża informazzjoni dwar l-obbligu tal-konsumatur li jħallas il-kapital miġbud u l-interessi skond l-Artikolu 14(3)(b) u l-ammont ta’ l-interessi pagabbli kuljum;

[…]

(r)      id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat;

[…]

(t)      jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih;

[…]”

12      L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprovdi:

“1.      Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)      jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

(b)      fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.

[…]

3.      Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, huwa għandu:

(a)      sabiex jagħti effett lill-irtirar qabel jiskadi t-terminu perentorju msemmi fil-paragrafu 1, jinnotifika b’dan lill-kreditur wara l-informazzjoni mogħtija mill-kreditur skond punt (p) ta’ l-Artikolu 10(2) b’mezz li jista’ jiġi ppruvat skond il-liġi nazzjonali. It-terminu perentorju għandu jitqies li jkun ġie osservat jekk din in-notifika, jekk tkun bil-miktub fuq karta jew b’mezz durabbli ieħor li jkun disponibbli u aċċessibbli għall-kreditur, tkun intbagħtet qabel jiskadi t-terminu perentorju; u

(b)      biex iħallas lill-kreditur il-kapital u l-interessi akkumulati fuq dan il-kapital mid-data li fiha s-self ikun inġibed sad-data li fiha jitħallas il-kapital, mingħajr ebda dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn 30 jum ta’ kalendarju wara li jkun bagħat in-notifika ta’ l-irtirar lill-kreditur. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftehma. Il-kreditur m’ għandhux ikun intitolat għall-ebda kumpens ieħor mill-konsumatur fil-każ ta’ rtirar, ħlief għal kumpens għall-imposti li ma jistgħux jitreġġgħu lura mħallsin mill-kreditur lill-kwalunke entità ta’ amministrazzjoni pubblika.

4.      Jekk ikun provdut servizz anċillari relatat mal-ftehim ta’ kreditu mill-kreditur jew minn parti terza abbażi ta’ ftehim bejn il-parti terza u l-kreditur, il-konsumatur m’għandux jibqa’ iżjed marbut bil-kuntratt dwar isservizz anċillari jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu mil-ftehim ta’ kreditu skond dan l-Artikolu.

[…]”

13      L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 2011/83

14      Il-premessi 20 sa 22, 37 u 49 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu kif ġej:

“20.      Id-definizzjoni ta’ kuntratt mill-bogħod għandha tkopri l-każijiet kollha fejn il-kuntratt jiġi konkluż bejn il-kummerċjant u l-konsumatur fl-ambitu ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni ta’ distanza (pereżempju bejgħ bil-posta, Internet, telefon jew faks) saż-żmien meta l-kuntratt jiġi konkluż, u inkluż dan iż-żmien. Dik id-definizzjoni għandha wkoll tkopri sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur iżur il-post tan-negozju sempliċement biex jiġbor informazzjoni dwar il-oġġetti jew is-servizzi u biex sussegwentement jinnegozja u jikkonkludi l-kuntratt mill-bogħod. B’kuntrast, kuntratt innegozjat fil-post tan-negozju tal-kummerċjant u fl-aħħar konkluż permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod ma għandux jitqies kuntratt mill-bogħod. Lanqas kuntratt mibdi permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, iżda fl-aħħar konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant ma għandu jitqies bħala kuntratt mill-bogħod. […] Il-kunċett ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi għandhu jinkludi dawk l-iskemi offruti minn parti terza li ma tkunx il-kummerċjant iżda użati mill-kummerċjant, bħal pjattaforma online. Madankollu, m’ għandhux jkopri każijiet li fihom is-siti web joffru biss informazzjoni dwar il-kummerċjant, il-oġġetti u/jew is-servizzi tiegħu u id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu..

(21)      Kuntratt li jsir lil hinn mill-post tan-negozju għandu jiġi definit bħala kuntratt konkluż mal-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li ma jkunx il-post tan-negozju tal-kummerċjant, pereżempju għand dar il-konsumatur jew fil-post tax-xogħol tiegħu. F’kuntest lil hinn mill-post tan-negozju, il-konsumatur jista’ jkunu taħt pressjoni psikoloġika potenzjali jew jista’ jiġi konfrontat b’element ta’ sorpriża, indipendentement minn jekk talbux jew le ż-żjara tal-kummerċjant huma. Id-definizzjoni ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju għandha wkoll tinkludi sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur huwa personalment u individwalment avviċinat f’ kuntest lil hinn mill-post tan-negozju iżda l-kuntratt jiġi konkluż immedjatament wara fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. Id-definizzjoni ta’ kuntrattlil hinn mill-post tan-negozju m’ għandhux ikopri sitwazzjonijiet li fihom il-kummerċjanti l-ewwel imorru d-dar tal-konsumatur strettament bil-għan li jkejlu jew jagħtu stima mingħajr l-ebda impenn min-naħa tal-konsumatur u meta l-kuntratt jiġi mbagħad konkluż biss wara fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod abbażi tal-istima tal-kummerċjant. F’dawk il-każijiet, il-kuntratt m’ għandhux jiġi meqjus bħala konkluż immedjatament wara li l-kummerċjant ikun avviċina lill-konsumatur jekk il-konsumatur kellu ż-żmien biex jirrifletti dwar l-istima tal-kummerċjant qabel jikkonkludi l-kuntratt. Ix-xiri li jsir matul il-vjaġġ organiżżat mill-kummerċjant li matulu tal-oġġetti akwistati ġew promossi u offerti għal bejħ oġġettgħandu jitqies bħala kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju.

(22)      Il-post tan-negozju għandu jinkludi l-post fi kwalunkwe forma (bħalma huma ħwienet, posti tal-monti jew trakkijiet) li jservi bħala post permanenti jew tas-soltu ta’ negozju għall-kummerċjant. […]. Il-post tan-negozju ta’ persuna li taġixxi f’isem jew fl-interess tal-kummerċjant kif definit f’din id-Direttiva għandu jitqies bħala post tan-negozju fis-sens ta’ din id-Direttiva.

[…]

(37)      […] Għal dak li jirrigwarda l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt ta’ reċess [irtirar] minħabba l-element potenzjali ta’ sorpriża u/jew ta’ pressjoni psikoloġika. […]

[…]

(49)      Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess [irtirar], kemm għall-kuntratt mill-bogħof kif ukoll għal dawklil hinn mill-post tan-negozju. […] Id-dritt ta’ reċess [irtirar] ma għandux japplika għall-oġġetti oġġetti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur […] L-għoti ta’ dritt ta’ reċess [irtirar] lill-konsumatur jista’ ukoll ma jkunx xieraq fil-każ ta’ ċerti servizzi li għalihom il-konklużjoni tal-kuntratt timplika li tiġi riservata kapaċità li għaliha l-kummerċjant jista’ jsibha diffiċli jsib sostituzzjoni, kieku kellu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ reċess [irtirar]. Dan ikun il-każ pereżempju tar-riservazzjonijiet f’lukandi jew relatati ma’ djar tal-vaganzi, avvenimenti kulturali jew sportivi.”

15      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;

[…]

(5)      ‘kuntratt ta’ bejgħ’ tfisser kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lil konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi;

(6)      ‘kuntratt ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan;

(7)      ‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

(8)      ‘kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju’ tfisser kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur:

(a)      konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant;

(b)      li saret offerta għalih mill-konsumatur f’ċirkostanzi simili kif imsemmi fil-punt (a);

(c)      konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant iżda permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament; jew

(d)      konkluż waqt vjaġġ promozzjonali organizzat mill-kummerċjant bil-għan u bl-effett li jippromwovi u jbigħ il-oġġetti jew is-servizzi lill-konsumatur;

(9)      ‘post tan-negozju’ tfisser:

(a)      kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti; jew

(b)      kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi tas-soltu;

[…]

(12)      ‘servizz finanzjarju’ tfisser kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

[…]”

16      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Hija wkoll applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż min-naħa tal-fornituri pubbliċi, sal-punt li dawn l-oġġetti ta’ bażi huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.

[…]

3.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti:

[…]

(d)      għas-servizzi finanzjarji;

[…]”

17      L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

(a)      il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

[…]

(e)      il-prezz totali tal-oġġetti jew servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat […];

[…]

(g)      l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni, id-data sa meta l-kummerċjanti jimpenja ruħu jikkunsinna l-oġġetti jew jagħti s-servizzi u, jekk ikun il-każ, il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant;

[…]

(o)      it-tul ta’ żmien tal-kuntratt fejn applikabbli jew jekk il-kuntratt huwa għal żmien indeterminat jew kuntratt li jiġġedded awtomatikament, il-kundizzjonijiet biex ittemm il-kuntratt;

[…]”

18      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Dritt ta’ reċess [irtirar]”, jipprovdi:

“1.      Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14‑il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 10, il-perjodu ta’ reċess [irtirar]imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiskadi wara 14‑il jum li jiddekorru:

(a)      fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt;

[…]”.

19      Skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess [rtirar]”:

“L-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ reċess [rtirar] stabbilit fl-Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward ta’ dan li ġej:

[…]

(c)      il-forniment ta’ oġġetti li saru għall-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar;

[…]

(l)      il-forniment ta’ akkomodazzjoni għal skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, servizzi tal-kiri tal-karozzi, kejtering jew servizzi relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data speċifika jew perjodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

 Iddritt Ġermaniż

 IlLiġi Fundamentali

20      L-Artikolu 25 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Fundamentali”) jipprovdi kif ġej:

“Ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku jagħmlu parti mid-dritt federali. Dawn huma superjuri għal-liġijiet u joħolqu direttament drittijiet u obbligi għall-abitanti tat-territorju federali.”

 IlKodiċi Ċivili

21      L-Artikolu 242 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Eżekuzzjoni bona fide”, jipprovdi:

“Id-debitur huwa marbut jeżegwixxi l-eżekuzzjoni in bona fide, b’kunsiderazzjoni għall-użanzi.”

22      L-Artikolu 247 tal-BGB, intitolat “Rata tal-interessi bażika”, jipprovdi:

“(1)      Ir-rata tal-interessi bażika għandha tkun ta’ 3.62 %. Fl‑1 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Lulju ta’ kull sena, din għandha tiġi aġġustata permezz tal-punti perċentwali li bih il-valur ta’ referenza żdied jew naqas mill-aħħar aġġustament. Il-valur ta’ referenza jikkorrispondi għar-rata tal-interessi stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali l-iżjed reċenti mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju tas-semestru rilevanti.

(2)      Id-Deutsche Bundesbank [il-Bank Federali tal-Ġermanja] għandu jippubblika r-rata tal-interessi bażika fis-seħħ fil-Bundesanzeiger [Il-Ġurnal Uffiċjali Ġermaniż] immedjatament wara d-dati speċifikati fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu.”

23      L-Artikolu 273 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ żamma”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk id-debitur ikollu pretensjoni fil-konfront ta’ kreditur fil-kuntest tal-istess relazzjoni legali li fuqha hija bbażata l-obbligazzjoni, huwa jista’, ħlief jekk ir-relazzjoni ta’ dejn ma tipprovdix mod ieħor, jirrifjuta l-eżekuzzjoni dovuta minnu, sakemm titwettaq l-eżekuzzjoni (id-dritt ta’ żamma).”

24      Skont l-Artikolu 274 tal-BGB, intitolat “Eżerċizzju tad-dritt ta’ żamma”:

“(1)      Fir-rigward tal-azzjoni tal-kreditur, l-invokazzjoni tad-dritt ta’ żamma għandha bħala effett biss li d-debitur għandu jiġi ordnat iwettaq l-eżekuzzjoni inkambju għall-aċċettazzjoni tal-eżekuzzjoni dovuta lilu (eżekuzzjoni simultanja).

(2)      Fuq il-bażi ta’ tali ordni, il-kreditur jista’ jitlob l-eżekuzzjoni forzata tal-kreditu tiegħu, mingħajr ma tiġi eżegwita l-prestazzjoni li huwa responsabbli għaliha, jekk id-debitur ma jaċċettax il-prestazzjoni offruta lilu.”

25      L-Artikolu 288 tal-BGB, intitolat “Interessi moratorji u kumpens ieħor”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull dejn ta’ flus għandu jakkumula l-interessi matul il-perijodu ta’ dewmien. Ir-rata tal-interessi moratorji għandha tkun ta’ ħames punti perċentwali fis-sena ogħla mir-rata tal-interessi bażika.”

26      L-Artikolu 293 tal-BGB, intitolat “Inadempjenza tal-aċċettazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-debitur ikun inadempjenti jekk huwa ma jaċċettax il-prestazzjoni offruta lilu.”

27      L-Artikolu 294 tal-BGB, intitolat “Offerta attwali”, jipprovdi:

“Il-prestazzjoni għandha tiġi offruta lill-kreditur bl-istess mod li hija intiża li tiġi eżegwita.”

28      Skont l-Artikolu 295 tal-BGB, intitolat “Offerta verbali”:

“Offerta verbali tad-debitur tkun suffiċjenti meta l-kreditur ikun iddikjara fil-konfront tiegħu li ma huwiex ser jaċċetta l-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni, jew meta azzjoni tal-kreditur tkun neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni, b’mod partikolari meta huwa jkollu jirtira l-oġġett. Offerta għall-eżekuzzjoni tas-servizz hija ekwivalenti għal talba indirizzata lill-kreditur sabiex iwettaq l-att neċessarju.”

29      L-Artikolu 312b tal-BGB, intitolat “Kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju huma kuntratti

1.      konklużi fil-preżenza simultanja u fiżika tal-konsumatur u tal-kummerċjant, f’post li ma huwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant,

2.      li saret offerta għalihom mill-konsumatur taħt iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 1,

3.      konklużi fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, iżda fejn il-konsumatur, immedjatament qabel, kien avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza simultanja u fiżika tal-konsumatur u tal-kummerċjant, jew

4.      konklużi waqt vjaġġ organizzat mill-kummerċjant jew bl-għajnuna tiegħu sabiex jiġu promossi u jinbiegħu prodotti jew servizzi lill-konsumatur u sabiex jiġu konklużi l-kuntratti li jikkorrispondu miegħu;

Persuni li jaġixxu għan-nom ta’ u f’isem il-kummerċjant għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kummerċjant.

(2)      Post tan-negozju skont is-subparagrafu 1 huwa kwalunkwe post immobbli fejn isir bejgħ bl-imnut fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu jew tagħha fuq bażi permanenti u kwalunkwe post mobbli fejn isir bejgħ bl-imnut fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu jew tagħha tas-soltu. Il-postjiet ta’ bejgħ bl-imnut fejn il-persuna li taġixxi għan-nom ta’ u f’isem il-kummerċjant teżerċita l-attività tagħha fuq bażi permanenti jew tas-soltu huma ekwivalenti għall-postijiet tal-kummerċjant”.

30      L-Artikolu 312c tal-BGB, intitolat “Kuntratti mill-bogħod”, jipprovdi:

“(1)      ‘Kuntratti mill-bogħod’ huma kuntratti li għalihom il-kummerċjant, jew persuna li taġixxi għan-nom ta’ u f’isem il-kummerċjant, u l-konsumatur jagħmlu użu esklużiv ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod biex jinnegozjaw u jikkonkludu l-kuntratt, ħlief meta l-konklużjoni tal-kuntratt ma sseħħx fil-kuntest ta’ skema ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizz organizzata għall-bejgħ mill-bogħod.

(2)      Mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fis-sens ta’ dan il-Kodiċi huwa kull mezz ta’ komunikazzjoni li jista’ jintuża biex isiru t-tħejjijiet għal jew jiġi konkluż kuntratt mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kontraenti tal-kuntratt, bħalma huma ittri, katalgi, telefonati, faksijiet, posta elettronika, messaġġi mibgħuta permezz tas-servizz tat-telefon ċellulari (SMS) kif ukoll permezz tax-xandir jew televiżjoni.”

31      L-Artikolu 312g tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprovdi:

“(1)      Fil-każ ta’ kuntratti lill hinn mill-post tan-negozju u ta’ kuntratti mill-bogħod, il-konsumatur għandu dritt ta’ irtirar skont l-Artikolu 355.

(2)      Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, id-dritt ta’ rtirar ma japplikax għall-kuntratti li ġejjin:

1.      kuntratti għall-forniment ta’ oġġetti mhux prefabbrikati u mwettqa abbażi ta’ għażla individwali jew ta’ speċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew li huma adattati b’mod ċar għall-ħtiġijiet personali tiegħu,

[…]

9.      kuntratti għall-provvista ta’ servizzi fl-oqsma tal-akkomodazzjoni għal skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, kiri tal-vetturi bil-mutur, kejtering jew għall-provvista ta’ servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk il-kuntratt jipprevedi data speċifika jew perijodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni;

[…]”

32      L-Artikolu 322 tal-BGB, intitolat “Kundanna għall-eżekuzzjoni simultanja”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk il-persuna li tressaq l-azzjoni kellha tagħmel il-parti tagħha l-ewwel, hija tista’, jekk il-persuna l-oħra tkun naqset mit-twettiq tagħha minħabba n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni, tressaq azzjoni għall-eżekuzzjoni wara li tkun irċeviet l-eżekuzzjoni korrispettiva.”

33      Skont l-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ irtirar fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi”:

“(1)      Fejn il-liġi tagħti lill-konsumatur dritt ta’ rtirar skont din id-dispożizzjoni, il-konsumatur u l-kummerċjant ma jibqgħux marbutin bid-dikjarazzjonijiet tal-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu l-kuntratt, jekk il-konsumatur ikun irtira d-dikjarazzjoni tiegħu għal dan il-għan fil-perijodu stabbilit. […]

(2)      Il-perijodu ta’ rtirar huwa ta’ 14‑il jum. Sakemm mhux ipprovdut mod ieħor, dan jibda mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

[…]”

34      L-Artikolu 356b tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk, fil-kuntest ta’ ftehim ġenerali ta’ kreditu għall-konsumatur, id-dokument ippreżentat lill-persuna li tissellef skont il-paragrafu 1 ma jkunx fih l-informazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 492(2), it-terminu jibda jiddekorri biss minn meta dan in-nuqqas jiġi rrimedjat skont l-Artikolu 492(6). […]”

35      L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali ta’ rtirar minn kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti għal servizzi finanzjarji”, jipprovdi:

“(1)      Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati sa mhux iktar tard minn erbatax-il jum.”

[…]

(4)      Fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum, il-kummerċjant jista’ jirrifjuta li jwettaq il-ħlas sakemm huwa jkun irċieva l-oġġetti rritornati jew il-konsumatur ikun ipprovda prova li huwa bagħat l-oġġetti. Dan ma japplikax jekk il-kummerċjant ikun offra li jiġbor l-oġġetti.”

36      L-Artikolu 357 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012, applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ BQ fil-Kawża C‑232/21, kien ifformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja, ir-regoli li jikkonċernaw ix-xoljiment legali japplikaw b’analoġija għad-dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni.

[…]”

37      L-Artikolu 357a(1) tal-BGB, intitolat “Konsegwenzi legali tal-irtirar minn kuntratti għal servizzi finanzjarji”, jipprovdi:

“(1)      Il-benefiċċji rċevuti għandhom jiġu rritornati mhux iktar tard minn 30 jum.”

[…]

(3)      Fil-każ ta’ rtirar minn kuntratti ta’ self għall-konsum, min jissellef għandu jħallas l-interessi miftiehma għall-perijodu bejn il-ħlas u l-ħlas lura tal-kreditu. […]”

38      L-Artikolu 358 tal-BGB, intitolat “Kuntratt assoċjat mal-kuntratt ta’ rtirar”, jipprovdi:

“[…]

(2)      Jekk il-konsumatur ikun irtira b’mod validu d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fuq il-bażi tal-Artikolu 495(1) jew tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 514(2), huwa barra minn hekk ma jibqax iktar marbut bid-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizz ieħor assoċjat ma’ dan il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

(3)      Kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi oħra u kuntratt ta’ kreditu skont il-paragrafi 1 u 2 ikunu assoċjati jekk il-kreditu jservi biex jiffinanzja l-kuntratt l-ieħor totalment jew parzjalment u jekk it-tnejn li huma jifformaw unità ekonomika. Tali unità għandha tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn il-kummerċjant innifsu jiffinanzja l-kontroprestazzjoni tal-konsumatur jew, fil-każ ta’ ffinanzjar minn terz, fejn il-kreditur jinvolvi lill-kummerċjant fil-preparazzjoni jew fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. […]

(4)      L-Artikolu 355(3) u, skont it-tip ta’ kuntratt assoċjat, l-Artikoli 357 sa 357b, għandhom japplikaw mutatis mutandis għax-xoljiment tal-kuntratt assoċjat, indipendentement mill-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni. […] F’negozju mal-konsumatur, il-kreditur għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kummerċjant li jirriżultaw mill-kuntratt assoċjat fir-rigward tal-konsegwenzi legali ta’ rtirar jekk, fil-mument meta jsir l-irtirar, l-ammont tas-self ikun diġà tħallas lill-kummerċjant.

[…]”

39      L-Artikolu 358 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012, applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ BQ fil-Kawża C‑232/21, kien jipprovdi:

“[…]

(2)      Jekk il-konsumatur ikun irtira b’mod validu d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu għall-konsum fuq il-bażi tal-Artikolu 495(1), huwa barra minn hekk ma jibqax iktar marbut bid-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizz ieħor assoċjat ma’ dan il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

(3)      Kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi oħra u kuntratt ta’ kreditu skont il-paragrafi 1 u 2 ikunu assoċjati jekk il-kreditu jservi biex jiffinanzja l-kuntratt l-ieħor totalment jew parzjalment u jekk it-tnejn li huma jifformaw unità ekonomika. Tali unità għandha tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn il-kummerċjant innifsu jiffinanzja l-kontroprestazzjoni tal-konsumatur jew, fil-każ ta’ ffinanzjar minn terz, fejn il-kreditur jinvolvi lill-kummerċjant fil-preparazzjoni jew fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. […]

(4)      L-Artikolu 357 għandu japplika mutatis mutandis għall-kuntratt assoċjat. […] F’negozju mal-konsumatur, il-kreditur għandu jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kummerċjant li jirriżultaw mill-kuntratt assoċjat fir-rigward tal-konsegwenzi legali ta’ rtirar jekk, fil-mument meta jsir l-irtirar, l-ammont tas-self ikun diġà tħallas lill-kummerċjant.”

40      L-Artikolu 492 tal-BGB, intitolat “Forma bil-miktub, kontenut tal-kuntratt”, jipprovdi:

“[…]

(2)      Il-kuntratt għandu jkun fih l-informazzjoni mitluba mill-Artikolu 247(6) sa 13 tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili), tal‑21 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2494, rettifika fil-BGBl. 1997 I, p. 1061, iktar ’il quddiem l-‘EGBGB’), għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum.

[…]

(6)      Jekk il-kuntratt ma jkunx fih l-informazzjoni mitluba mis-subparagrafu 2, jew ikun fih informazzjoni inkompleta, din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta wara fuq mezz durabbli wara li l-kuntratt ikun ġie effettivament iffirmat, jew, f’każijiet taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 494(2), wara li l-kuntratt ikun daħal fis-seħħ.

[…]”

41      L-Artikolu 495 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar; terminu ta’ riflessjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, min jissellef għandu dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355”.

42      L-Artikolu 495 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2012, applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ BQ fil-Kawża C‑232/21, kien ifformulat kif ġej:

“(1)      Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur, min jissellef għandu dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355.

[…]

(2)      L-Artikoli 355 sa 359a għandhom japplikaw sakemm:

1.      l-informazzjoni obbligatorja msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 247(6) tal-EGBGB tissostitwixxi l-informazzjoni dwar l-irtirar;

2.      it-terminu għall-irtirar ma jibdiex, barra minn hekk, jiddekorri

a)      qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt

b)      qabel ma min jissellef ikun irċieva l-informazzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 492(2); […]”

43      L-Artikolu 506 tal-BGB, intitolat “Posponiment tal-ħlas, faċilità finanzjarja oħra”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li “[id-]dispożizzjonijiet tal-Artikoli 358 sa 360, 491a sa 502 u 505a sa 505e applikabbli għall-kuntratti ġenerali ta’ kreditu għall-konsum għandhom japplikaw mutatis mutandis, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 492(4) u bl-applikazzjoni tas-subparagrafi 3 u 4, għall-kuntratti li permezz tagħhom kummerċjant jagħti lill-konsumatur posponiment mhux gratwit tal-ħlas jew xi faċilità finanzjarja mhux gratwita oħra […].”

 Il-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili

44      L-Artikolu 247 tal-EGBGB, intitolat “Rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni għall-kuntratti ta’ self għall-konsum, għall-assistenza finanzjarja mħallsa u għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ kreditu”, jipprovdi:

“[…]

§ 3      Kontenut tal-informazzjoni prekuntrattwali fil-każ ta’ kuntratti ġenerali ta’ kreditu għall-konsum

(1)      L-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tinkludi:

[…]

5.      ir-rata tas-self;

[…]

11.      ir-rata tal-interessi moratorji u l-modalitajiet għall-aġġustament tagħha, kif ukoll, fejn applikabbli, l-ispejjeż għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni;

[…]

§ 6      Il-kontenut tal-kuntratt

1.      L-informazzjoni li ġejja għandha tkun inkluża fi ftehim ta’ kreditu għall-konsum b’mod ċar u komprensibbli:

1.      l-informazzjoni indikata fil-punti 1 sa 14 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, u fir-raba’ subparagrafu.

[…]

(2)      Meta jkun hemm dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 495 tal-BGB, il-kuntratt għandu jkollu informazzjoni dwar it-terminu u l-kundizzjonijiet l-oħra sabiex persuna tkun tista’ tirtira minnu kif ukoll riferiment għall-obbligu ta’ min jissellef biex iħallas lura s-self li diġà ngħata, flimkien mal-interessi. 2Il-ftehim għandu jagħti l-ammont ta’ interessi li għandhom jitħallsu kuljum. 3Meta l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ikun fih obbligu kuntrattwali prominenti u fformulat b’mod ċar, li, f’każ ta’ kuntratti ta’ kreditu ġenerali għall-konsum, jikkorrispondi għall-mudell fl-Anness 7 […], dak l-obbligu kuntrattwali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza. Min isellef jista’ jitbiegħed mill-mudell f’termini ta’ format u daqs tat-tipa, jekk josserva t-tielet sentenza.

§ 7      Informazzjoni oħra fil-kuntratt

(1)      L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’mod ċar u komprensibbli, sa fejn huwa rilevanti għall-kuntratt:

[…]

3.      il-metodu tal-kalkolu tal-kumpens għal ħlas lura antiċipat, sa fejn il-kreditur ikollu l-intenzjoni jinvoka d-dritt tiegħu għal tali kumpens fil-każ ta’ ħlas lura antiċipat tas-self mid-debitur,

4.      l-aċċess tad-debitur għal proċedura ta’ kontestazzjoni u ta’ rimedju extraġudizzjarja u, jekk applikabbli, il-kundizzjonijiet għal tali aċċess.

[…]

§ 12      Kuntratti konnessi u faċilità finanzjarja mhux gratwita

(1)      Il-paragrafi 1 sa 11 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kuntratti għall-faċilità finanzjarja mhux gratwita msemmija fl-Artikolu 506(1) tal-BGB. Fil-każ ta’ tali kuntratti, kif ukoll ta’ kuntratti ta’ kreditu għall-konsum li huma konnessi ma’ kuntratt ieħor skont l-Artikolu 358 tal-BGB, jew li hemm indikati fihom oġġetti jew servizzi skont l-Artikolu 360(2) tal-BGB,

1.      l-informazzjoni prekuntrattwali għandha jkun fiha, inkluż fil-każ taħt il-paragrafu 5, is-suġġett u l-prezz bi flus kontanti,

2.      il-kuntratt għandu jkun fih

(a)      is-suġġett u l-prezz bi flus kontanti

(b)      informazzjoni dwar id-drittijiet li joħorġu mill-Artikoli 358 u 359 jew mill-Artikolu 360 tal-BGB u l-kundizzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet.

Meta l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ikun fih obbligu kuntrattwali prominenti u fformulat b’mod ċar, li jikkorrispondi għall-mudell fl-Anness 7 fir-rigward ta’ krediti ġenerali għall-konsum u għall-mudell fl-Anness 8 fir-rigward ta’ krediti immobiljari għall-konsum, dan l-obbligu, f’każ ta’ kuntratti u tranżazzjonijiet konnessi skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 360(2) tal-BGB, għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(b) tat-tieni sentenza.

[…]”

 IlKodiċi ta’ Proċedura Ċivili

45      L-Artikolu 348a taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprovdi:

“1.      Jekk il-ġurisdizzjoni inizjali ta’ Imħallef uniku skont l-Artikolu 348(1) ma tkunx fondata, l-Awla Ċivili għandha tittrasferixxi l-kawża permezz ta’ digriet lil wieħed mill-membri tagħha sabiex dan jiddeċiedi, fil-każ li

1.      il-kawża ma għandhiex diffikultajiet ta’ fatt jew ta’ liġi partikolari,

2.      il-kawża hija ta’ importanza fundamentali u

3.      il-kawża ma tkunx għadha ġiet eżaminata fil-mertu quddiem l-Awla fis-seduta prinċipali, sakemm ma tkunx ingħatat fil-frattemp sentenza suġġetta għal deċiżjoni, sentenza parzjali jew sentenza intermedjarja.

(2)      L-Imħallef uniku għandu jirrinvija t-tilwima lill-Awla Ċivili sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, meta

1.      id-diffikultajiet ta’ fatt jew ta’ dritt partikolari tal-kawża jew l-importanza tal-prinċipju tal-kawża jirriżultaw minn bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni proċedurali jew

2.      il-partijiet jitolbu dan unanimament.

L-Awla għandha tieħu konjizzjoni tal-kawża meta l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-ewwel sentenza jkunu ssodisfatti. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward permezz ta’ digriet, wara li tisma’ lill-partijiet. Trasferiment ġdid lill-Imħallef uniku huwa eskluż.

(3)      Appell ma jistax ikun ibbażat fuq trasferiment, sottomissjoni jew teħid ta’ responsabbiltà li jkunu seħħew jew li jkunu ġew esklużi.”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 IlKawża C38/21

46      Filwaqt li intervjena bħala intermedjarju tal-kreditu għal BMW Bank, impjegat ta’ konċessjonarju tad-ditta tal-vetturi BMW, li VK, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mar fil-bini tiegħu, offra lil dan tal-aħħar vettura bil-mutur b’leasing. Dan l-impjegat wettaq kalkolu tad-diversi elementi tal-leasing u ddiskuta ma’ VK it-tul tiegħu kif ukoll l-ammont tal-ħlas inizjali u tal-pagamenti mensili li kellhom jitħallsu fil-każ ta’ konklużjoni tal-kuntratt ta’ leasing. L-impjegat kien awtorizzat jipprovdi informazzjoni dwar il-kuntratt previst, li kien jaf il-karatteristiċi tiegħu, u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-klijenti potenzjali. Min-naħa l-oħra, huwa ma kellux is-setgħa li jikkonkludi kuntratt ta’ leasing bejn BMW Bank u l-konsumaturi li kienu jindirizzaw ruħhom lejh. VK issottometta lil dan il-konċessjonarju talba bil-miktub għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ leasing ma’ BMW Bank dwar vettura bil-mutur għall-użu privat. Din it-talba ġiet sussegwentement trażmessa lil dan il-bank, li eżaminaha qabel ma aċċettaha.

47      Għalhekk, fl‑10 ta’ Novembru 2018, VK, permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ikkonkluda kuntratt ta’ leasing ma’ BMW Bank fir-rigward ta’ vettura bil-mutur għall-użu privat.

48      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li BMW Bank akkwistat il-vettura li tinkludi l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti minn VK u baqgħet proprjetarja tal-vettura matul il-perijodu kollu tal-kuntratt.

49      Il-kuntratt ta’ leasing kien ibbażat fuq l-għoti minn BMW Bank ta’ self suġġett għal interessi debituri kuntrattwali ta’ 3.49 % fis-sena għat-tul kollu tal-kuntratt ta’ leasing, fejn ir-rata perċentwali annwali kienet ta’ 3.55 %. Fid-dawl tal-fatt li dan il-kuntratt kien konkluż għal perijodu ta’ 24 xahar mingħajr ma VK kien obbligat jixtri l-vettura fl-iskadenza ta’ tali perijodu, kien stipulat li VK kellu jħallas bħala total biss is-somma ta’ EUR 12 468.80, li tikkorrispondi għal ħlas inizjali ta’ EUR 4 760 li kellu jitħallas fil-bidu tal-perijodu ta’ leasing, mhux iktar tard mill-konsenja tal-vettura, kif ukoll għal 24 pagament mensili ta’ EUR 321.95. Barra minn hekk, ġie miftiehem li VK kellu josserva rata fissa għal kull kilometru annwali ta’ 10 000 kilometru u li huwa kien obbligat iħallas, mar-restituzzjoni tal-vettura, is-somma ta’ 7.37 ċenteżmi għal kull kilometru addizzjonali misjuq, filwaqt li tiġi rrimborsata lilu s-somma ta’ 4.92 ċenteżmu għal kull kilometru mhux misjuq. Barra minn hekk, VK kien obbligat jikkumpensa t-telf fil-valur tal-vettura fil-każ li jiġi kkonstatat, mar-restituzzjoni tagħha, li l-istat tagħha la kien jikkorrispondi għall-età tagħha u lanqas għall-kilometraġġ miftiehem. Fl-aħħar nett, l-imsemmi kuntratt kien jipprovdi li VK kellu jieħu assigurazzjoni tar-riskji kollha għal din il-vettura, jinvoka fir-rigward ta’ terzi d-drittijiet fil-qasam tal-garanzija ta’ difetti u jbati r-riskju ta’ telf, ta’ dannu u ta’ deprezzament ieħor.

50      VK ħallas l-akkont u ħa l-pussess tal-vettura qabel ma ħallas il-pagamenti mensili previsti mill-kuntratt ta’ leasing b’effett minn Jannar 2019.

51      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VK indika li xtaq jirtira mill-kuntratt ta’ leasing skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż.

52      Quddiem il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, VK iqis li, f’din l-aħħar data, it-terminu għall-irtirar ta’ erbatax-il jum previst minn dan id-dritt kien għadu ma bediex jiddekorri, u eċċepixxa b’mod partikolari f’dan ir-rigward in-natura insuffiċjenti u illeġibbli tal-informazzjoni obbligatorja li kellha tiġi pprovduta lilha skont l-imsemmi dritt. Barra minn hekk, VK iqis li l-kuntratt ta’ leasing għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod u/jew bħala kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, b’tali mod li fi kwalunkwe każ huwa jibbenefika mid-dritt ta’ rtirar previst għal dan it-tip ta’ kuntratti fid-dritt Ġermaniż. F’dan ir-rigward, VK josserva li ma kienx possibbli għalih li jitlob kjarifiki u lanqas li jikseb l-informazzjoni obbligatorja min-naħa ta’ BMW Bank peress li ebda impjegat jew rappreżentant tagħha ma kien preżenti matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt, li żvolġiet fil-bini tal-konċessjonarju tal-karozzi.

53      Min-naħa tagħha, BMW Bank tikkontesta b’mod partikolari l-eżistenza ta’ dritt ta’ rtirar, minħabba li r-regoli ta’ rtirar dwar il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum ma japplikawx għall-kuntratti ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija debitament ikkomunikat lil VK, fil-kuntratt ta’ leasing li jorbotha miegħu, l-informazzjoni obbligatorja kollha prevista mid-dritt Ġermaniż. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tirriproduċi preċiżament ħafna l-mudell leġiżlattiv li jinkludi l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar (iktar ’il quddiem il-“mudell legali”), b’tali mod li din l-informazzjoni għandha, skont dan id-dritt, tiġi preżunta eżatta. Barra minn hekk, BMW Bank tqis li l-kuntratt ma jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod, peress li VK kellu kuntatt personali ma’ intermedjarju tal-kreditu li kien f’pożizzjoni li jinformah dwar is-servizz offrut. Lanqas ma huwa kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, peress li l-intermedjarju tal-kreditu għandu jitqies li jaġixxi għan-nom u f’isem il-kummerċjant.

54      Il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li, sa data reċenti, il-ġurisprudenza Ġermaniża kienet titlaq mill-prinċipju li, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jeżisti dritt ta’ rtirar b’applikazzjoni, b’analoġija, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti li permezz tagħhom kummerċjant jagħti lil konsumatur posponiment tal-ħlas mhux gratwitu jew faċilità oħra ta’ ħlas.

55      Madankollu, permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) qieset li tali analoġija ma setgħetx tiġi aċċettata minħabba r-rieda tal-leġiżlatur Ġermaniż li ma jirrikonoxxix id-dritt ta’ rtirar eżistenti abbażi tal-faċilitajiet ta’ ħlas għall-kuntratti ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont dik il-qorti, din is-soluzzjoni hija sostnuta mid-dritt tal-Unjoni peress li, skont l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2008/48, tali direttiva ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kiri jew ta’ leasing li fil-qafas tagħhom ma huwiex previst li min jikri jew min jissellef jixtri s-suġġett tal-kuntratt, kemm jekk fil-kuntratt innifsu kif ukoll f’kuntratt separat.

56      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar jekk kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 jew, jekk ikun il-każ, ta’ dak tad-Direttivi 2011/83 u 2002/65, billi tistaqsi b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-aħħar rigward, jekk tali kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt li jirrigwarda “servizzi finanzjarji” fis-sens ta’ waħda minn dawn iż-żewġ direttivi tal-aħħar.

57      Fit-tieni lok, fil-każ li tali kuntratt ta’ leasing jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, dwar il-kompatibbiltà, ma’ din id-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-kummerċjant josserva l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur bid-dritt ta’ rtirar tiegħu meta jirreferi, fil-kuntratt, għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferu huma stess għal mudell legali. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, din il-leġiżlazzjoni għandhiex tibqa’ mhux applikata.

58      It-tieni nett, fil-każ li tali leġiżlazzjoni ma għandhiex tibqa’ mhux applikata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-informazzjoni li l-kummerċjant huwa obbligat isemmi fil-kuntratti ta’ kreditu skont l-Artikolu 10(2)(p), (l) u (t) tad-Direttiva 2008/48 kif ukoll dwar il-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar fil-każ ta’ indikazzjoni żbaljata ta’ tali informazzjoni obbligatorja.

59      Fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li, sa fejn kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu wara l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, għandu jitħallas ammont ta’ interessi ta’ kuljum ta’ EUR 0.00 għall-perijodu bejn il-konsenja lura tal-vettura u r-restituzzjoni tagħha, il-konsumatur ikun suffiċjentement informat bil-fatt li l-kreditur jirrinunzja għad-dritt tiegħu għall-interessi ta’ kuljum għal dan il-perijodu. Il-qorti tar-rinviju tqis, min-naħa tagħha, li, peress li l-kuntratt ta’ leasing isemmi wkoll rata ta’ interessi annwali ta’ 3.49 %, il-formulazzjoni hekk adottata tista’ tkun kuntrarja għar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ konċiżjoni msemmi f’din id-dispożizzjoni, iktar u iktar peress li l-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftiehma bejn il-partijiet.

60      Fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, huwa suffiċjenti, skont il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li klawżola bħal dik użata fil-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali tindika li r-rata tal-interessi applikabbli fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas hija ddeterminata skont ċerta perċentwali b’riferiment għar-rata ta’ interessi ta’ riferiment imsemmija f’dispożizzjoni legali li hemm riferiment għaliha f’dan il-kuntratt. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex pjuttost tiġi indikata r-rata applikabbli f’valur assolut, jiġifieri fil-forma ta’ perċentwali konkreta.

61      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) hija tal-fehma li ma huwiex manifestament neċessarju, fil-kuntest ta’ klawżola bħal dik li tinsab fil-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li f’dan il-kuntratt jissemmew il-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissibbiltà ta’ eventwali lment tal-klijent, peress li riferiment għar-regolament li jirregola l-proċedura ta’ medjazzjoni huwa suffiċjenti. Il-qorti tar-rinviju tqis, min-naħa tagħha, li hemm lok li jiġu indikati l-kundizzjonijiet formali kollha ta’ aċċess għall-proċedura ta’ medjazzjoni fil-kuntratt innifsu.

62      Barra minn hekk, fir-rigward tat-terminu għall-irtirar, għandu jiġi ddeterminat jekk hijiex biss l-assenza ta’ informazzjoni obbligatorja f’kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprekludi dan it-terminu milli jibda jiddekorri jew jekk il-preżenza ta’ informazzjoni ineżatta f’dan il-kuntratt tistax ukoll tipproduċi tali effett.

63      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġi kklassifikat bħala abbużiv l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jew li jiġi suġġett għal dekadenza.

64      Fir-rigward, minn naħa, tal-kwistjoni tad-dekadenza, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-fehma tagħha, huwa dubjuż li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-konsumatur jista’ jkun suġġett għal dekadenza, iktar u iktar peress li ma teżistix bażi legali f’dan is-sens.

65      B’mod partikolari, mill-Artikolu 14(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li d-dritt ta’ rtirar ma huwiex limitat ratione temporis meta l-konsumatur ma jirċevix l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, peress li l-kummerċjant għandu fil-fatt il-possibbiltà li t-terminu ta’ rtirar jibda jiddekorri fi kwalunkwe mument billi jikkomunika din l-informazzjoni. Barra minn hekk, id-dritt ta’ rtirar jirrigwarda mhux biss il-protezzjoni individwali tal-konsumatur, iżda wkoll għanijiet iktar ġenerali bħall-prevenzjoni ta’ dejn eċċessiv u t-tisħiħ tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

66      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kwistjoni tal-eżerċizzju abbużiv tad-dritt ta’ rtirar, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza reċenti tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), sabiex ikun jista’ jiġi konkluż tali eżerċizzju abbużiv, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, ċerti ċirkustanzi, jiġifieri b’mod partikolari li l-konsumatur seta’ jikkonstata b’mod ċar li l-informazzjoni żbaljata, mhux konformi mal-mudell legali, kienet irrilevanti għalih, li huwa invoka għall-ewwel darba fl-istadju tal-istanza ta’ kassazzjoni li l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar ma kinitx konformi mal-imsemmi mudell jew ukoll li eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu billi kkunsidra li ma kienx obbligat iħallas kumpens lill-kummerċjant wara li jkun uża l-vettura b’mod konformi mal-iskop tagħha.

67      Għall-istess raġunijiet, essenzjalment, bħal dawk imressqa fir-rigward tad-dekadenza, il-qorti tar-rinviju hija madankollu tal-fehma li d-dritt ta’ rtirar ma jistax jiġi limitat għar-raġuni li dan id-dritt ġie eżerċitat b’mod abbużiv.

68      Fit-tielet lok, fil-każ li kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi kuntratt ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tad-Direttivi 2002/65 u 2011/83, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sabiex jiġi ddeterminat jekk VK jistax ikollu dritt ta’ rtirar, jekk, qabelxejn, tali kuntratt għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, fis-sens tad-Direttiva 2011/83, sa fejn dan ġie konkluż fil-bini kummerċjali ta’ persuna li tintervjeni biss fl-istadju preparatorju għall-konklużjoni tal-kuntratt, f’dan il-każ il-konċessjonarju tal-karozzi, mingħajr ma din il-persuna għandha setgħa ta’ rappreżentanza tal-kreditur għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

69      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 2011/83 ma hijiex applikabbli għas-servizzi finanzjarji skont l-Artikolu 3(3)(d) tagħha, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 312b tal-BGB, li jikkonċerna l-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, tiddependi madankollu minn dik ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, sa fejn din tal-aħħar ġiet trasposta lil hinn mill-qafas stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, huwa fl-interess manifest tal-Unjoni Ewropea li din tiġi interpretata b’mod uniformi. Għalhekk, il-kwistjoni hija dwar jekk il-kontribuzzjoni ta’ persuni li jintervjenu sempliċement fl-istadju preparatorju għall-konklużjoni tal-kuntratt bħala intermedjarji tistax tiġi assimilata mal-fatt li jaġixxu għan-nom jew f’isem il-kummerċjant, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u, konsegwentement, tat-tieni sentenza tal-Artikolu 312b(1) tal-BGB.

70      It-tieni nett, fil-każ li kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar li tinsab fl-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għall-provvista ta’ servizzi ta’ kiri ta’ karozzi hijiex applikabbli għal dan il-kuntratt. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal deċiżjoni ta’ qorti superjuri Ġermaniża li tgħid li l-kiri ta’ vetturi jinkludi biss il-kiri ta’ vetturi għal żmien qasir, u mhux il-kuntratti ta’ leasing għal żmien twil.

71      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, dejjem sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dritt ta’ rtirar favur VK, jekk kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt mill-bogħod, fis-sens tad-Direttivi 2002/65 u 2011/83, sa fejn il-konsumatur kellu kuntatti personali biss ma’ persuna li sempliċement intervjeniet fl-istadju preparatorju għall-konklużjoni tal-kuntratt, f’dan il-każ il-konċessjonarju tal-karozzi, mingħajr ma din il-persuna għandha setgħa ta’ rappreżentanza għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u mingħajr ma hija, barra minn hekk, awtorizzata tikkonkludi dan tal-aħħar.

72      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-persuni li jintervjenu sempliċement f’tali stadju preparatorju ma għandhomx ikunu jistgħu jitqiesu li huma rappreżentanti tal-kummerċjant li jipproponu tali kuntratt. Madankollu, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li ma hijiex issodisfatta l-kundizzjoni tal-użu esklużiv ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, neċessarja sabiex ikun hemm bejgħ mill-bogħod fis-sens tad-Direttivi 2002/65 u 2011/83, meta l-konsumatur, matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni ta’ kuntratt, ikollu kuntatt personali ma’ persuna li tipprovdilu informazzjoni dwar il-kuntratt f’isem il-kummerċjant.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Dwar il-preżunzjoni tal-legalità, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tat-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-[EGBGB]:

a)      It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB, huma inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48], sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fl-affermattiv:

b)      Mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 10(2)(p) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB huma inapplikabbli sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (b) tal-ewwel domanda ma tkunx fl-affermattiv:

2)      Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

a)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ interessi dovut kuljum, li għandu jiġi indikat fil-ftehim ta’ kreditu, għandu jirriżulta mill-kalkolu tar-rata ta’ interess kuntrattwali indikata fil-ftehim?

b)      L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu għandha tkun indikata bħala numru assolut jew, għallinqas, ir-rata tal-interessi ta’ riferiment (f’dan il-każ ir-rata ta’ bażi tal-interessi konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB], li minnha jirriżulta li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli hija ddeterminata biż-żieda (f’dan il-każ ta’ ħames punti perċentwali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB), għandha tkun indikata bħala numru assolut, u l-konsumatur għandu jiġi informat bir-rata tal-interessi ta’ riferiment (rata ta’ bażi tal-interessi) u tal-varjabbiltà tagħha?

c)      L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test tal-ftehim ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ ilment u ta’ riżarċiment?

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

d)      Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

e)      Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għal minn tal-inqas wieħed mill-punti (a) sa (c) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3.      Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)      Id-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa suġġett għal dekadenza?

Fl-affermattiv:

b)      Id-dekadenza hija limitazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-irtirar li għandha tiġi rregolata permezz ta’ liġi adottata mill-Parlament?

Fin-negattiv:

c)      L-eċċezzjoni ta’ dekadenza tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

d)      Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-applikazzjoni bona fide tar-regoli ta’ dekadenza?

Fin-negattiv:

e)      Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Grundgesetz (il-Liġi Bażika)?

Fl-affermattiv:

f)      Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

4.      Rigward il-preżunzjoni tan-natura abbużiva ta’ eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)      L-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jitqies bħala abbużiv?

Fl-affermattiv:

b)      Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tikkostitwixxi limitu tad-dritt għall-irtirar li għandu jiġi rregolat b’liġi tal-Parlament?

Fin-negattiv:

c)      Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

d)      Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-preżunzjoni tan-natura abbużiva fl-applikazzjoni bona fide tad-dritt għall-irtirar?

Fin-negattiv:

e)      Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Liġi Bażika?

Fl-affermattiv:

f)      Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

5.      Il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili b’terminu ta’ madwar sentejn sa tliet snin li jiġu konklużi bl-użu ta’ formola standard li teskludi d-dritt ta’ terminazzjoni ordinarja, u li permezz tagħha l-konsumatur ikollu joħroġ polza ta’ assigurazzjoni komprensiva għall-vettura, u jkollu jasserixxi d-drittijiet tiegħu relatati mad-difetti kontra terzi persuni (b’mod partikolari l-bejjiegħ tal-karozzi u l-produttur) u, barra minn hekk, iġorr ir-riskju ta’ telf, ħsara u danni, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83 u/jew tad-Direttiva 2008/48 u/jew tad-Direttiva 2002/65? Jitqiesu ftehimiet ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48 u/jew kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65?

6)      Jekk il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili (kif deskritti fil-punt 5) huma kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji:

a)      Il-post tan-negozju ta’ persuna li jħejji l-bażi għal tranżazzjonijiet ma’ konsumaturi fl-interess tal-kummerċjant iżda li ma jkollux, huwa nnifsu, setgħa li jirrappreżentah biex jikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni għandu jitqies ukoll bħala post tan-negozju immobbli għall-iskopijiet tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2011/83]?

Fl-affermattiv:

b)      Dan għandu japplika wkoll meta l-persuna li tħejji l-bażi għall-kuntratt twettaq attività kummerċjali f’settur ieħor u/jew ma hijiex awtorizzata taħt id-dritt superviżorju u/jew ċivili biex tikkonkludi kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji?

7)      Jekk il-punt a tas-sitt domanda jew il-punt b tas-sitt domanda jingħataw risposta fin-negattiv:

L-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili (kif deskritti fil-punt II.5) huma koperti minn din l-eċċezzjoni?

8)      Jekk il-ftehimiet ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur ibbażati fuq il-mili (kif deskritti fil-punt 5) huma kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji:

a)      Il-kuntratt mill-bogħod fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/65 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 ikun jeżisti wkoll meta l-unika kuntatt personali matul in-negozjati kuntrattwali kien mal-persuna li tħejji l-bażi għat-tranżazzjonijiet mal-konsumaturi fl-interess tal-kummerċjant iżda li, personalment, ma għandhiex setgħa li tirrappreżentah biex tikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni?

Fl-affermattiv:

b)      Dan għandu japplika wkoll meta l-persuna li tħejji l-bażi għall-kuntratt twettaq attività kummerċjali f’settur ieħor u/jew ma hijiex awtorizzata taħt id-dritt superviżorju u/jew ċivili biex tikkonkludi kuntratti li jirrigwardaw servizzi finanzjarji?”

 Il-Kawża C47/21

74      Fit‑12 ta’ April 2017, F. F. ikkonkluda ftehim ta’ self ma’ C. Bank għall-ammont nett ta’ EUR 15 111.70, għax-xiri ta’ vettura użata intiża għall-finijiet ta’ użu privat.

75      Waqt il-preparazzjoni u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self, il-konċessjonarju tal-vetturi li nxtrat il-vettura mingħandu aġixxa bħala intermedjarju ta’ C. Bank u uża l-formoli tal-kuntratt ta’ self li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu minn dan il-bank. Skont il-kuntratt ta’ self, il-prezz tax-xiri ta’ din il-vettura kien ta’ EUR 14 880.00. Peress li tħallas akkont ta’ EUR 2 000.00, il-prezz li kien għad irid jitħallas kien ta’ EUR 12 880.00 u kellu jiġi ffinanzjat mis-self inkwistjoni.

76      Il-kuntratt inkwistjoni jipprevedi r-rimbors tas-self permezz ta’ 60 pagament mensili tal-istess ammont kif ukoll ħlas finali ta’ ammont ogħla. Il-vettura mixtrija minn F. F. ġiet ittrasferita lil C. Bank bħala garanzija. Wara l-ħruġ tas-self, F. F. ħallas regolarment il-pagamenti mensili miftiehma.

77      Fl‑1 ta’ April 2020, F. F. irtira mill-kuntratt tas-self.

78      F. F iqis li, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar li tinsab fil-kuntratt ta’ self kif ukoll minħabba n-natura żbaljata ta’ diversi dettalji obbligatorji li kellhom jiġu indikati f’dan il-kuntratt skont id-dritt Ġermaniż, it-terminu ta’ rtirar ta’ erbatax-il jum previst minn dan id-dritt għadu ma bediex jiddekorri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jitlob b’mod partikolari li jiġu rrimborsati l-pagamenti mensili li huwa ħallas sad-data tal-irtirar kif ukoll il-ħlas akkont li huwa ħallas lill-konċessjonarju, jiġifieri total ta’ EUR 10 110,11. Huwa jitlob ukoll li jiġi kkonstatat li C. Bank kienet tardiva fl-irkupru tal-vettura, fis-sens tal-Artikolu 293 tal-BGB.

79      C. Bank titlob li r-rikors jiġi miċħud, peress li tqis, b’mod partikolari, li hija pprovdiet debitament lil F. F. l-informazzjoni obbligatorja kollha, b’mod partikolari permezz tal-mudell legali.

80      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, dwar il-kompatibbiltà, mad-Direttiva 2008/48, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-kummerċjant josserva l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur bid-dritt ta’ rtirar tiegħu meta huwa jirreferi, f’kuntratt, għal dispożizzjonijiet nazzjonali li huma stess jirreferu għal mudell legali jew saħansitra meta jinkludi, f’dan il-kuntratt, informazzjoni misluta minn dan il-mudell iżda li tmur kontra r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà mal-imsemmija direttiva, tali leġiżlazzjoni għandhiex tibqa’ mhux applikata.

81      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, anki jekk jitqies li C. Bank użat il-mudell legali b’mod żbaljat, F. F. ma huwiex madankollu fondat li jikkontesta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali ċċitata iktar ’il fuq, peress li tali kontestazzjoni tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt skont il-kriterji stabbiliti mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

82      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-informazzjoni li l-kummerċjant huwa obbligat isemmi fil-kuntratti ta’ kreditu skont l-Artikolu 10(2)(l), (p), (r) u (t) tad-Direttiva 2008/48, kif ukoll dwar il-mument li fih jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar fil-każ ta’ indikazzjoni żbaljata ta’ tali informazzjoni obbligatorja.

83      Qabelxejn, fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, li jikkonċerna l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-metodu ta’ kalkolu tiegħu, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis, ikkonfrontata bi klawżola bħal dik li tinsab f’kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kreditur jista’ jillimita ruħu li jsemmi, b’mod ġenerali, il-parametri prinċipali għall-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex pjuttost neċessarju li f’kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi indikata formula aritmetika preċiża u komprensibbli għall-konsumatur. Jekk ikun il-każ, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk in-natura insuffiċjenti tal-informazzjoni dwar il-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu li tinsab f’tali kuntratt tistax tiġi ssanzjonata esklużivament bl-estinzjoni tad-dritt għal kumpens jew jekk tali sitwazzjoni għandhiex tiġi assimilata ma’ assenza ta’ informazzjoni, b’tali mod li t-terminu għall-irtirar ma jibdiex jiddekorri.

84      Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 10(2)(l), (p) u (t) tad-Direttiva 2008/48, il-qorti tar-rinviju tesponi l-istess dubji bħal dawk imsemmija fil-punti 59 sa 61 ta’ din is-sentenza, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-kuntratt konkluż minn F. F. ma’ C. Bank fit‑12 ta’ April 2017 kien jinkludi klawżoli simili għal dawk imsemmija f’dawn il-punti.

85      Fl-aħħar, fir-rigward tat-terminu ta’ rtirar, il-qorti tar-rinviju tesprimi l-istess domandi bħal dawk esposti fil-punt 62 ta’ din is-sentenza.

86      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk id-dritt ta’ rtirar jistax jiġi limitat ratione temporis fil-każ ta’ ksur tal-bona fide. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk u, skont il-każ, abbażi ta’ liema modalitajiet, id-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jistax ikun suġġett għal dekadenza u jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jistax jitqies bħala abbużiv f’ċerti ċirkustanzi. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq l-istess raġunament bħal dak li jinsab fil-punti 63 sa 67 ta’ din is-sentenza.

87      Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-konsumatur għal rimbors tal-ħlasijiet mensili mħallsa fiċ-ċirkustanzi fejn ftehim ta’ kreditu li rtira minnu ikun konness ma’ kuntratt ta’ bejgħ. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) jirriżulta li, meta kuntratt ta’ kreditu jkun marbut ma’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ vettura privata, il-kreditur jista’ jirrifjuta li jirrimborsa l-pagamenti mensili u, skont il-każ, l-akkont imħallas, sakemm din il-vettura tingħatalu jew sakemm il-konsumatur ikun ipproduċa l-prova li bagħta jew li l-konsumatur qiegħed lill-kreditur f’pożizzjoni li jieħu lura l-vettura tardivament, fis-sens tal-Artikolu 293 tal-BGB, wara offerta effettiva ta’ riċezzjoni mibgħuta fis-sede tal-kummerċjant.

88      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dan ir-rimbors jista’ jiġi pospost, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-validità tal-irtirar mill-kreditur, sal-eżitu definittiv tat-tilwima ġudizzjarja. Dan iwassalha tqajjem dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ tali obbligu ta’ restituzzjoni minn qabel kif ukoll tal-konsegwenzi proċedurali tiegħu mal-effett utli tad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48. Fil-fatt, il-vettura hija, fil-parti l-kbira tal-każijiet, neċessarja għall-eżerċizzju tal-professjoni tal-konsumatur u timmobilizza kapital sostanzjali. Li kieku dan tal-aħħar jirritorna l-vettura mingħajr ma jkun jaf jekk l-irtirar huwiex verament effettiv u f’liema terminu, skont il-każ, huwa ser jirċievi s-somom dovuti mill-kreditur, sabiex sussegwentement ikun jista’ jixtri beni ta’ sostituzzjoni, huwa jkun sikwit dissważ milli juża d-dritt ta’ rtirar tiegħu.

89      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sitwazzjoni fejn ikollu jiġi konkluż li l-obbligu ta’ restituzzjoni minn qabel tal-vettura ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex effett dirett b’tali mod li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma għandhomx japplikaw.

90      Il-ħames nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali li tirregola l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ Mħallef uniku mal-Artikolu 267 TFUE. Din id-domanda hija spjegata mill-fatt li l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju ġiet ittrasferita lil Imħallef uniku mill-kulleġġ ġudikanti kolleġġjali inkarigat minn din il-kawża fi ħdan din il-qorti u li t-talba għal deċiżjoni preliminari saret minn dan l-Imħallef uniku biss.

91      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-kwistjoni dwar jekk, fid-dritt Ġermaniż, Imħallef uniku huwiex awtorizzat jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari hija kontroversjali. B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) jirriżulta li Imħallef uniku jikser il-prinċipju ta’ qorti legali billi jagħmel, fuq inizjattiva tiegħu stess, rinviju għal deċiżjoni preliminari, minħabba l-fatt li huwa obbligat jirreferi t-tilwima lill-kulleġġ ġudikanti kolleġġjali kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni mill-ġdid tal-kawża.

92      Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludi tali obbligu ta’ rinviju lill-kulleġġ ġudikanti kolleġġjali. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li rinviju għal deċiżjoni preliminari minn qorti waħda huwa ammissibbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-osservanza jew le tar-regoli proċedurali nazzjonali, hija ħalliet sospiża l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali li tillimita l-fakultà għal Imħallef uniku li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari għandhiex tibqa’ mhux applikata.

93      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din il-kwistjoni hija rilevanti sabiex tiġi riżolta l-kawża li tressqet quddiemha, peress li, fi proċeduri paralleli li fihom Imħallef uniku ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuti, billi bbażaw ruħhom fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iċċitati iktar ’il fuq, ikkontestaw id-digrieti tar-rinviju jew talbu r-rikuża tal-qorti tar-rinviju minħabba parzjalità, peress li tali sitwazzjoni tista’ tirrepeti ruħha f’din il-kawża.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Dwar il-preżunzjoni tal-legalità, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-[EGBGB]:

a)      It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB, huma inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48], sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fl-affermattiv:

b)      Mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 10(2)(p) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB huma inapplikabbli sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Irrispettivament mir-risposta li tingħata għall-punt (a) u għall-punt (b) tal-ewwel domanda

2)      Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

[il-punt (a) tat-tieni domanda ġie rtirat]

b)      Dwar l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48:

aa)      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li l-informazzjoni fil-ftehim ta’ kreditu dwar il-kumpens dovut fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tas-self għandu jkun preċiż biżżejjed sabiex il-konsumatur ikun jista’ għall-inqas jikkalkola, bejn wieħed u ieħor, l-ammont tal-kumpens dovut?

(fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv:)

bb)      L-Artikolu 10(2)(r) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li fil-każ ta’ informazzjoni li ma hijiex kompleta fis-sens tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar madankollu jibda jiddekorri biss minn meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu u huwa biss id-dritt tal-kreditur għal kumpens dovut fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tas-self li jiskadi?

c)      L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu għandha tkun indikata bħala numru assolut jew, għallinqas, ir-rata tal-interessi ta’ riferiment (f’dan il-każ ir-rata ta’ bażi tal-interessi konformement mal-Artikolu 247 tal-[BGB]), li minnha jirriżulta li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli hija ddeterminata biż-żieda (f’dan il-każ ta’ ħames punti perċentwali skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 288(1) tal-BGB), għandha tkun indikata bħala numru assolut, u l-konsumatur għandu jiġi informat bir-rata tal-interessi ta’ riferiment (rata ta’ bażi tal-interessi) u tal-varjabbiltà tagħha?

d)      L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test tal-ftehim ta’ kreditu għandu jindika r-rekwiżiti formali essenzjali għal aċċess għall-proċeduri extraġudizzjarji ta’ ilment u ta’ riżarċiment?

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-wieħed mill-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

e)      Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

f)      Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għal minn tal-inqas wieħed mill-punti (a) sa (d) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3.      Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)      Id-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa suġġett għal dekadenza?

Fl-affermattiv:

b)      Id-dekadenza hija limitazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-irtirar li għandha tiġi rregolata permezz ta’ liġi adottata mill-Parlament?

Fin-negattiv:

c)      L-eċċezzjoni ta’ dekadenza tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

d)      Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-applikazzjoni bona fide tar-regoli ta’ dekadenza?

Fin-negattiv:

e)      Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Grundgesetz (il-Liġi Bażika)?

Fl-affermattiv:

f)      Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

4.      Rigward il-preżunzjoni tan-natura abbużiva ta’ eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)      L-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jitqies bħala abbużiv?

Fl-affermattiv:

b)      Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tikkostitwixxi limitu tad-dritt għall-irtirar li għandu jiġi rregolat b’liġi tal-Parlament?

Fin-negattiv:

c)      Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu?

Fin-negattiv:

d)      Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-preżunzjoni tan-natura abbużiva fl-applikazzjoni bona fide tad-dritt għall-irtirar?

Fin-negattiv:

e)      Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Liġi Bażika?

Fl-affermattiv:

f)      Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

5.      Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti:

a)      Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jekk skont id-dritt nazzjonali, fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu marbut ma’ kuntratt ta’ bejgħ, wara li l-konsumatur ikun effettivament eżerċita d-dritt tiegħu tal-irtirar skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

aa)      id-dritt ta’ konsumatur fil-konfront ta’ kreditur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self magħmula jsir dovut biss meta huwa, min-naħa tiegħu, ikun irritorna l-oġġett mixtri lill-kreditur jew ikun ipproduċa prova li bagħat l-oġġett lill-kreditur?

bb)      rikors ippreżentat mill-konsumatur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self magħmula mill-konsumatur, wara li l-oġġett mixtri jkun ġie rritornat, għandu jiġi miċħud bħala attwalment infondat jekk il-kreditur ma jkunx naqas milli jaċċetta l-oġġett mixtri?

Fin-negattiv:

b)      Mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta li r-regoli nazzjonali deskritti fl-inċiż (aa) tal-punt (a) u/jew fl-inċiż (bb) tal-punt (a) ma humiex applikabbli?

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sal-ħames domanda:

6.      Il-punt (1) tal-Artikolu 348a(2) [tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili], sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-qrati nazzjonali għal rinviji għal deċiżjoni preliminari taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma japplikax għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju?”

 IlKawża C232/21

95      Konformement mat-talbiet tagħhom tat‑30 ta’ Ġunju 2017, tat‑28 ta’ Marzu 2017, tas‑26 ta’ Jannar 2019 u tal‑31 ta’ Jannar 2012 rispettivament, CR, minn naħa, u AY, ML kif ukoll BQ, min-naħa l-oħra, ikkonkludew, rispettivament, ma’ Volkswagen Bank u Audi Bank, fil-kawżi li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, kuntratti ta’ self intiżi għax-xiri ta’ vetturi bil-mutur użati għall-finijiet ta’ użu privat. L-ammonti netti tal-kuntratti ta’ self kienu jammontaw, rispettivament, għal EUR 21 418.66, EUR 28 671.25, EUR 18 972.74 u EUR 30 208.10.

96      Waqt il-preparazzjoni u l-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self, il-konċessjonarji tal-karozzi li nxtraw il-vetturi mingħandhom aġixxew bħala intermedjarji tal-kreditu ta’ Volkswagen Bank u ta’ Audi Bank. Il-kuntratti inkwistjoni kienu jipprevedu r-rimbors tas-self permezz ta’ pagamenti mensili, fejn l-ammont tas-self ikkonċernat kien miżjud b’ammont relatat ma’ assigurazzjoni li tkopri l-każijiet ta’ mewt, ta’ invalidità jew ta’ qgħad. Il-kuntratti kienu jipprevedu wkoll ħlas finali ta’ ammont speċifiku kif ukoll, għal uħud minnhom, il-ħlas ta’ akkont mill-konsumatur.

97      CR, AY, ML u BQ irtiraw, rispettivament, fil‑31 ta’ Marzu 2019, fit‑13 ta’ Ġunju 2019, fis‑16 ta’ Settembru 2019 u fl‑20 ta’ Settembru 2020 mill-kuntratti ta’ self. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ewwel tliet konsumaturi pproponew lil Volkswagen Bank u lil Audi Bank ir-restituzzjoni tal-vettura, skont il-każ, fis-sede tagħhom, bħala korrispettiv għar-rimbors simultanju tal-pagamenti li saru. Fir-rigward ta’ BQ, fid-data tal-irtirar tiegħu, huwa kien diġà, b’differenza mit-tliet konsumaturi l-oħra, irrimborsa kompletament is-self li kien ibbenefika minnu. Huwa talab ukoll, prinċipalment, ir-rimbors tal-pagamenti mensili mħallsa, wara t-trasferiment tal-proprjetà u l-konsenja tal-vettura.

98      Dawn l-erba’ konsumaturi jqisu li l-irtirar tagħhom huwa validu minħabba li t-terminu ta’ rtirar ta’ erbatax-il jum previst mid-dritt Ġermaniż ma kienx beda jiddekorri. Fil-fatt, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar kif ukoll l-informazzjoni obbligatorja l-oħra ma ġietx debitament trażmessa lilhom.

99      Volkswagen Bank u Audi Bank huma tal-opinjoni li huma pprovdew debitament l-informazzjoni kollha meħtieġa bl-użu tal-mudell legali. Fi tnejn mill-kawżi li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, huma jinvokaw, sussidjarjament, l-eċċezzjoni ta’ dekadenza u dik ta’ eżerċizzju abbużiv ta’ dritt mill-konsumaturi kkonċernati, sa fejn huma bbażaw ruħhom leġittimament fuq il-fatt li dawn ma jeżerċitawx iktar id-dritt ta’ rtirar tagħhom wara li jkunu użaw b’mod effettiv il-vettura u ħallsu regolarment il-pagamenti mensili dovuti skont il-kuntratti ta’ self. Fiż-żewġ kawżi l-oħra li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, huma jsostnu li ma kinux tard fir-rigward tar-riċezzjoni tal-vettura, fis-sens tal-Artikolu 293 tal-BGB, peress li l-konsumaturi kkonċernati ma għamlulhomx offerta effettiva ta’ riċezzjoni fis-sens tal-Artikolu 294 tal-BGB.

100    F’kuntest fattwali u ġuridiku simili ħafna għal dak li fuqu hija bbażata l-Kawża C‑47/21, il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi kważi identiċi għal dawk magħmula f’din il-kawża, billi tressaq motivazzjoni essenzjalment identika għal dik miġbura fil-qosor fil-punti 80 sa 93 ta’ din is-sentenza.

101    Fir-rigward tad-domandi dwar l-eċċezzjoni bbażata fuq id-dekadenza u dwar dik ibbażata fuq l-abbuż ta’ dritt, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), huwa qabel kollox fir-rigward ta’ kuntratti li diġà jkunu ġew eżegwiti b’mod sħiħ mill-partijiet li għandha tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Dwar il-preżunzjoni tal-legalità, skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-[EGBGB]:

a)      It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB, huma inkompatibbli mal-Artikolu 10(2)(p) u mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2008/48], sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Fl-affermattiv:

b)      Mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 10(2)(p) u mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li t-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB huma inapplikabbli sa fejn jiddikjaraw li klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel u tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u tal-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 247(12) tal-EGBGB?

Irrispettivament mir-risposta li tingħata għall-punt (a) u għall-punt (b) tal-ewwel domanda:

2)      Dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48:

a)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ interessi dovut kuljum, li għandu jiġi indikat fil-ftehim ta’ kreditu, għandu jirriżulta mill-kalkolu tar-rata ta’ interess kuntrattwali indikata fil-ftehim?

b)      Dwar l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48:

aa)      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’tali mod li l-informazzjoni fil-ftehim ta’ kreditu dwar il-kumpens dovut fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tas-self għandu jkun preċiż biżżejjed sabiex il-konsumatur ikun jista’ għall-inqas jikkalkola, bejn wieħed u ieħor, l-ammont tal-kumpens dovut?

(fil-każ li l-punt (aa) tat-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv:)

bb)      L-Artikolu 10(2)(r) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li fil-każ ta’ informazzjoni li ma hijiex kompleta fis-sens tal-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar madankollu jibda jiddekorri biss minn meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kreditu u huwa biss id-dritt tal-kreditur għal kumpens dovut fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tas-self li jiskadi?

Fil-każ li minn tal-inqas waħda mir-risposti li tingħata għall-punt (a) jew (b) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

c)      Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ġiet ipprovduta b’mod komplet u korrett?

Fin-negattiv:

d)      Liema huma l-kriterji rilevanti sabiex it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri minkejja l-fatt li l-indikazzjonijiet ma humiex kompleti u korretti?

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda u/jew għall-punt (a) jew (b) tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

3.      Dwar id-dekadenza tad-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)      Id-dritt tal-irtirar previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa suġġett għal dekadenza?

Fl-affermattiv:

b)      Id-dekadenza hija limitazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-irtirar li għandha tiġi rregolata permezz ta’ liġi adottata mill-Parlament?

Fin-negattiv:

c)      L-eċċezzjoni ta’ dekadenza tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu? Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

Fin-negattiv:

d)      Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48/KE, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-applikazzjoni bona fide tar-regoli ta’ dekadenza? Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

Fin-negattiv:

e)      Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Grundgesetz (il-Liġi Bażika)?

Fl-affermattiv:

f)      Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

4.      Rigward il-preżunzjoni tan-natura abbużiva ta’ eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48:

a)      L-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar tal-konsumatur previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jista’ jitqies bħala abbużiv?

Fl-affermattiv:

b)      Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tikkostitwixxi limitu tad-dritt għall-irtirar li għandu jiġi rregolat b’liġi tal-Parlament?

Fin-negattiv:

c)      Il-preżunzjoni tan-natura abbużiva tad-dritt għall-irtirar tippresupponi, mil-lat suġġettiv, li l-konsumatur huwa konxju taż-żamma tad-dritt tiegħu tal-irtirar jew, għall-inqas, li n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu huwa dovut għal negliġenza serja min-naħa tiegħu? Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

Fin-negattiv:

d)      Il-possibbiltà għall-kreditur li sussegwentement jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa fil-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, b’tali mod li jibda jiddekorri t-terminu għall-irtirar, tipprekludi l-preżunzjoni tan-natura abbużiva fl-applikazzjoni bona fide tad-dritt għall-irtirar? Dan japplika wkoll għal ftehimiet li ntemmu?

Fin-negattiv:

e)      Dan huwa kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti li jorbtu lill-qorti Ġermaniża skont il-Liġi Bażika?

Fl-affermattiv:

f)      Kif għandu l-prattikant tal-liġi Ġermaniża jsolvi kunflitt bejn rekwiżiti vinkolanti tad-dritt internazzjonali u r-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sar-raba’ domanda:

5      a)      Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jekk skont id-dritt nazzjonali, fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu marbut ma’ kuntratt ta’ bejgħ, wara li l-konsumatur ikun effettivament eżerċita d-dritt tiegħu tal-irtirar skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

aa)      id-dritt ta’ konsumatur fil-konfront ta’ kreditur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self magħmula jsir dovut biss meta huwa, min-naħa tiegħu, ikun irritorna l-oġġett mixtri lill-kreditur jew ikun ipproduċa prova li bagħat l-oġġett lill-kreditur?

bb)      rikors ippreżentat mill-konsumatur għall-ħlas lura tal-pagamenti tas-self magħmula mill-konsumatur, wara li l-oġġett mixtri jkun ġie rritornat, għandu jiġi miċħud bħala attwalment infondat jekk il-kreditur ma jkunx naqas milli jaċċetta l-oġġett mixtri?

Fin-negattiv:

b)      Mid-dritt tal-Unjoni jirriżulta li r-regoli nazzjonali deskritti fl-inċiż (aa) tal-punt (a) u/jew fl-inċiż (bb) tal-punt (a) ma humiex applikabbli?

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sal-ħames domanda:

6.      Il-punt (1) tal-Artikolu 348a(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-qrati nazzjonali għal rinviji għal deċiżjoni preliminari taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma japplikax għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju?

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

103    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ April 2021, il-Kawżi C‑38/21 u C‑47/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑31 ta’ Mejju 2022, il-Kawża C‑232/21 ingħaqdet mal-imsemmija kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

104    Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Awwissu 2021, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-Kawża C‑47/21, kien hemm ftehim bonarju f’waħda miż-żewġ kawżi prinċipali u li, minħabba f’hekk, hija kienet qiegħda tirtira l-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑47/21, filwaqt li żammet id-domandi l-oħra kollha f’din il-kawża.

105    Wara li ġiet issupplimentata t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑38/21 fl‑24 ta’ Awwissu 2021, il-proċedura bil-miktub fil-Kawżi magħquda C‑38/21 u C‑47/21 infetħet mill-ġdid.

106    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Ġermaniż talab li dawn il-kawżi jiġu deċiżi fl-Awla Manja, fatt li ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2022.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

107    BMW Bank, C. Bank, Volkswagen Bank u Audi Bank, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti domandi preliminari magħmula fit-tliet kawżi.

 Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda kif ukoll fuq is-sitt domanda fil-Kawża C38/21

108    BMW Bank issostni li l-ewwel sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑38/21 huma inammissibbli sa fejn huwa manifest li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt id-Direttiva 2008/48 imsemmija f’dawn id-domandi. Fil-fatt, din id-direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kuntratti ta’ leasing li ma jinkludux obbligu ta’ xiri tal-beni li huwa s-suġġett tal-leasing. Barra minn hekk, is-sitt domanda fil-Kawża C‑38/21, li qiegħda ssir fis-sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt li jirrigwarda servizz finanzjarju, fis-sens tad-Direttiva 2011/83, hija inammissibbli sa fejn il-kuntratti li jirrigwardaw is-servizzi finanzjarji huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari f’żewġ stadji, jiġifieri, inizjalment, fit‑30 ta’ Diċembru 2020, fejn f’din l-okkażjoni indirizzat l-ewwel sar-raba’ domanda, u mbagħad, sussegwentement, fl‑24 ta’ Awwissu 2021, billi kkomunikat erba’ domandi oħra. Fil-kuntest ta’ dan is-suppliment għat-talba inizjali tagħha għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti ppreċiżat li hija kienet qiegħda tistaqsi dwar jekk, kif jirriżulta mill-ħames domanda, id-Direttiva 2008/48 kinitx intiża li tirregola kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija indikat ukoll f’liema każijiet, skont ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ser tagħti dwar dan is-suġġett, hija qieset li kien għadu rilevanti li tingħata risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda magħmula fit‑30 ta’ Diċembru 2020.

112    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ssuġġettat is-sitt domanda fil-Kawża C‑38/21 għall-fatt li jiġi kkonstatat, fil-kuntest tar-risposta għall-ħames domanda f’din il-kawża, li kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kklassifikat bħala kuntratt li jirrigwarda servizz finanzjarju, fis-sens tad-Direttiva 2011/83, xorta jibqa’ l-fatt li r-rilevanza jew in-natura mhux ipotetika u, għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ din is-sitt domanda jistgħu jiġu evalwati biss fid-dawl tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għall-ħames domanda.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑38/21, l-istess bħas-sitt domanda f’din il-kawża, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, f’dan l-istadju, bħala ipotetiċi, peress li n-neċessità u l-utilità li tingħata risposta għalihom jiddependu mir-risposta li ser tingħata għall-ħames domanda fl-imsemmija kawża.

114    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, bħal fil-każ ineżami, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda tikkonċerna l-mertu tad-domandi (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-punti (e) u (f) tat-tielet domanda u l-punti (e) u (f) tar-raba’ domanda, magħmula fil-Kawżi C38/21, C47/21 u C232/21

115    Permezz tal-punti (e) u (f) tat-tielet domanda u tal-punti (e) u (f) tar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 u r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju fil-qasam tad-dekadenza u tal-abbuż ta’ dritt.

116    C. Bank, Volkswagen Bank u Audi Bank kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi.

117    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi b’mod partikolari li t-talba għal domanda preliminari jkun fiha l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

118    Fil-każ inkwistjoni, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Unjoni għandha l-obbligu li teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tad-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inklużi mhux biss id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha, iżda wkoll ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Madankollu, il-qorti tar-rinviju sempliċement tafferma li, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku, li jorbtu lill-qorti Ġermaniża konformement mal-Artikolu 25(2) tal-Liġi Fundamentali u li l-prinċipji ta’ dekadenza u ta’ bona fide jagħmlu parti minnhom, huwa biss meta konsumatur ikun jaf jew ma jkunx jaf minħabba negliġenza serja li huwa jibbenefika minn dritt ta’ rtirar li dan id-dritt jista’ jitqies bħala dekadut jew li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt jista’ jitqies li jmur kontra l-bona fide.

120    Madankollu, b’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxix, b’mod suffiċjenti, sa fejn ir-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju fil-qasam tad-dekadenza u tal-abbuż ta’ dritt jistgħu jkunu f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwim bejn individwi dwar id-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punti (e) u (f) tat-tielet domanda u l-punti (e) u (f) tar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21 ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura u huma, għaldaqstant, inammissibbli.

 Fuq is-sitt domanda fil-Kawżi C47/21 u C232/21

122    Permezz tas-sitt domanda tagħha magħmula fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha Mħallef uniku jkun obbligat, b’mod partikolari minħabba l-kawża fundamentali li jkollu quddiemu, jibgħat din il-kawża lil awla ċivili komposta minn tliet imħallfin u jiddeżisti milli jindirizza huwa stess talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-imsemmija kawża.

123    C. Bank, Volkswagen Bank u Audi Bank, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li dawn id-domandi huma inammissibbli, għar-raġuni, essenzjalment, li risposta għalihom ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali.

124    F’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 109 u 110 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li s-sitt domanda magħmula fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, iżda li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwimiet li għandha quddiemha. Fil-fatt, hija sempliċement indikat li l-ġurisdizzjoni tal-Imħallef uniku sabiex jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talbiet tiegħu għal deċiżjoni preliminari tista’ tiġi kkontestata, billi f’dan ir-rigward tiċċita proċeduri f’kawżi għajr dawk li taw lok għal dawn ir-rinviji għal domandi preliminari, li fihom ġew ikkontestati digrieti tar-rinviju adottati minn Imħallef uniku, jew ġiet mitluba r-rikuża tal-Imħallef uniku minħabba parzjalità. Min-naħa l-oħra, hija ma tippreċiżax liema huwa l-effett ta’ tali kontestazzjoni fuq id-deċiżjonijiet tar-rinviju jew, skont il-każ, fuq id-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, f’dan l-istadju tal-proċedura, dawn kienu s-suġġett ta’ rikors li fil-kuntest tiegħu huwa allegat li huma vvizzjati b’eventwali difett minħabba li ġew adottati minn Imħallef uniku.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt domanda fil-Kawża C‑47/21 u fil-Kawża C‑232/21 hija inammissibbli sa fejn hija ta’ natura ipotetika.

 Fuq ilmertu

 Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C38/21

126    Permezz tal-ħames domanda fil-Kawża C‑38/21, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, li jipprevedi li l-konsumatur ma huwiex obbligat jixtri l-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, ta’ dak tad-Direttiva 2002/65 jew ta’ dak tad-Direttiva 2011/83.

127    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża li għandha quddiemha skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi l-kriterji li din il-qorti għandha tapplika għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi lil qorti nazzjonali milli titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar tali klassifikazzjoni, bla ħsara madankollu għall-fatt li, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess li għandha din il-qorti nazzjonali, hija tipproċedi għall-konstatazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-fatti neċessarji għal din il-klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punt 52).

129    F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kif ġie espost fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedi li jingħata self lil VK sabiex dan ikun jista’ jikri, għal perijodu ta’ 24‑il xahar u suġġett għal limitu massimu għall-kilometraġġ li huwa awtorizzat jivvjaġġa, vettura bil-mutur akkwistata minn BMW Bank skont l-ispeċifikazzjonijiet pprovduti minn VK, filwaqt li din il-vettura tibqa’ l-proprjetà ta’ dan il-bank. Matul it-terminu tal-kuntratt, il-konsumatur ibati r-riskju ta’ telf, ta’ dannu u ta’ deprezzament ieħor tal-vettura u għandu, għal dan l-għan, jintrabat b’assigurazzjoni għar-riskji kollha. Huwa wkoll il-konsumatur li għandu jinvoka d-drittijiet fil-qasam tal-garanzija ta’ difetti fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-konċessjonarju u tal-manifattur. La l-kuntratt innifsu u lanqas ebda kuntratt separat ma jimponu obbligu ta’ xiri tal-vettura fuq dan il-konsumatur. Barra minn hekk, il-konsumatur ma jassumi ebda garanzija ta’ valur residwali mal-iskadenza tal-kuntratt u huwa marbut jikkumpensa t-telf fil-valur tal-vettura biss jekk jiġi kkonstatat, waqt ir-restituzzjoni tagħha, li l-istat tagħha ma jikkorrispondix mal-età tagħha jew jekk ikun hemm eċċess tal-kilometraġġ massimu miftiehem.

130    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika għall-kuntratti ta’ kreditu, bla ħsara għall-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha.

131    Konformement mal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2008/48, din ma tapplikax għal kuntratti ta’ kiri jew ta’ leasing li fil-kuntest tagħhom ma jkunx previst l-obbligu ta’ xiri tas-suġġett tal-kuntratt, la mill-kuntratt innifsu u lanqas minn kuntratt separat; peress li tali obbligu għandu jitqies li jeżisti jekk dan jiġi deċiż hekk mill-kreditur unilateralment.

132    F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk kuntratt ta’ leasing, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ leasing” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li huwa ppreċiżat li la dan u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2008/48 ma jiddefinixxu dan il-kunċett u lanqas jirreferu għad-dritt nazzjonali.

133    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ dan il-kunċett, fid-dawl tal-kuntest u tal-għan imfittex mid-dispożizzjoni li fiha jintuża dan il-kunċett (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Sparkasse Südholstein, C‑639/18, EU:C:2020:477, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Fil-lingwaġġ ġuridiku kurrenti, il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ leasing” ikopri kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet tagħti kreditu lill-parti l-oħra sabiex tiffinanzja l-użu lokatizju ta’ beni li tibqa’ proprjetarja tiegħu u li l-parti l-oħra tista’, fi tmiem il-kuntratt, tirrestitwixxi jew tixtri, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-maġġoranza tal-vantaġġi u tar-riskji inerenti għall-proprjetà legali huma ttrasferiti lil din il-parti l-oħra matul it-tul kollu tal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C‑118/11, EU:C:2012:97, punti 37 u 38).

135    F’dan il-każ, mill-karatteristiċi tal-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imfakkra fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li BMW Bank tat lil VK kreditu sabiex jiffinanzja l-użu lokatizju ta’ vettura akkwistata minn dan il-bank skont l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti minn VK, filwaqt li dan tal-aħħar kien, fi tmiem il-kuntratt, obbligat jirrestitwixxi l-vettura peress li ma kellux obbligu li jixtriha, u fl-istess waqt kellu jbati l-maġġoranza tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti għall-proprjetà tal-vettura matul il-perijodu kollu tal-kuntratt. Għalkemm tali kuntratt ta’ leasing jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “leasing” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2008/48, dan huwa madankollu eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva peress li ma huwa suġġett għal ebda obbligu, għall-konsumatur, li jixtri s-suġġett tal-kuntratt fi tmiem dan il-kuntratt.

136    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji lill-konsumaturi. Il-premessa 14 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li din tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li jistgħu jiġu pprovduti mill-bogħod bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jirregolaw speċifikament ċerti servizzi finanzjarji.

137    Sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65, kuntratt għandu mhux biss ikun “kuntratt mill-bogħod” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, iżda għandu wkoll ikollu l-għan li jipprovdi “servizz finanzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

138    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2002/65 twettaq, bħala prinċipju, armonizzazzjoni sħiħa tal-aspetti li hija tirregola, b’tali mod li l-formulazzjoni tagħha għandha tingħata interpretazzjoni komuni għall-Istati Membri kollha (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Sparkasse Südholstein, C‑639/18, EU:C:2020:477, punt 23), konformement mal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punt 133 ta’ din is-sentenza.

139    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizz finanzjarju”, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 jiddefinixxih bħala kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardax mill-inqas wieħed mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65.

140    L-ewwel nett, għandu jitqies, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “servizz ta’ natura bankarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala servizz offrut fil-kuntest ta’ attività kummerċjali tradizzjonalment eżerċitata mill-banek.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif isostni l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-offerta ta’ kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab, fi kwalunkwe każ, barra mill-firxa ta’ servizzi klassiċi tas-settur bankarju, peress li tali servizz partikolari huwa spiss offrut minn banek marbuta ma’ manifatturi ta’ vetturi bil-mutur jew minn impriżi speċjalizzati fil-leasing ta’ vetturi bil-muturi bħal impriżi ta’ kiri ta’ vetturi.

142    Isegwi li tali kuntratt ma jikkonċernax “servizz ta’ natura bankarja” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65.

143    It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizz ta’ natura […] ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tat-terminu “kreditu”.

144    Madankollu, fil-lingwaġġ ġuridiku kurrenti, dan it-terminu jindika t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma ta’ flus jew ta’ termini jew faċilitajiet ta’ ħlas mill-kreditur lid-debitur għal finijiet ta’ finanzjament jew ta’ ħlas differit, b’tali mod li kuntratt ta’ kreditu għandu jitqies bħala kuntratt li permezz tiegħu kreditur jagħti jew jimpenja ruħu li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, ta’ self jew ta’ kwalunkwe faċilità oħra ta’ ħlas simili.

145    Minn dan isegwi li kuntratt ta’ servizz finanzjarju relatat mal-kreditu huwa, kif jirriżulta wkoll essenzjalment mill-punti 97 u 100 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikkaratterizzat mill-fatt li jaqa’ taħt loġika ta’ finanzjament jew ta’ ħlas differit, bl-għajnuna ta’ fondi jew ta’ termini jew ta’ faċilitajiet ta’ ħlas imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur mill-kummerċjant għal dan l-għan.

146    F’dan il-każ, kif ġie espost quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur mingħajr obbligu ta’ xiri, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinkludi żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, element ta’ kreditu kkaratterizzat mill-fatt li bank jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ faċilitajiet ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, element ta’ kiri intiż li jippermetti lill-konsumatur juża matul perijodu determinat vettura tal-għażla tiegħu li tappartjeni lil dan il-bank inkambju għall-ħlas ta’ prezz inizjali segwit minn pagamenti mensili.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kuntratt, minħabba n-natura ibrida tiegħu, għandux natura ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65, għandu jsir riferiment, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-għan prinċipali tiegħu b’mod li jiġi vverifikat jekk l-element relatat mal-kreditu jipprevalix fuq l-element relatat mal-kiri jew jekk huwiex bil-kontra.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif indika l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali kuntratt ma huwiex, fil-parti l-kbira, differenti minn kuntratt ta’ kiri ta’ vettura għal żmien twil li fil-kuntest tiegħu l-konsumatur għandu jħallas kera bħala korrispettiv għad-dritt ta’ użu tal-vettura, sakemm ma jkunx akkumpanjat minn obbligu ta’ xiri tal-vettura fi tmiem il-perijodu ta’ leasing, sakemm il-konsumatur ma jsostnix id-deprezzament sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-fornitur tal-vettura għax-xiri tagħha u sakemm ma jsostnix ir-riskji marbuta mal-valur residwu tal-vettura fit-tmiem tal-kuntratt. L-obbligu għall-konsumatur li jikkumpensa t-telf fil-valur tal-vettura jekk jiġi kkonstatat, mar-restituzzjoni tagħha, li l-istat tagħha ma jikkorrispondix mal-età tagħha jew li hemm eċċess tal-kilometraġġ massimu miftiehem lanqas ma jippermetti li ssir distinzjoni bejn dawn it-tipi ta’ kuntratti.

149    Peress li l-għan prinċipali ta’ kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur mingħajr obbligu ta’ xiri, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrigwarda l-kiri ta’ din il-vettura, tali kuntratt ma jistax għalhekk jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ servizz finanzjarju li huwa ta’ natura ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/65, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha.

150    It-tielet nett, peress li tali kuntratt manifestament lanqas ma huwa “ta’ natura […] ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65, dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni ta’ “servizz finanzjarju”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

151    Peress li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta, għandu jiġi konkluż li kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, ikkaratterizzat b’mod partikolari mill-fatt li la dan il-kuntratt u lanqas kuntratt separat ma jipprevedu li l-konsumatur huwa obbligat jixtri l-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt kif ukoll mill-fatt li l-konsumatur la jsostni l-amortizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż sostnuti mill-fornitur tal-vettura għax-xiri tagħha u lanqas ir-riskji marbuta mal-valur residwu tal-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65.

152    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-kundizzjonijiet u sa fejn previst mid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kull kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, bħall-kuntratti dwar is-servizzi finanzjarji, fejn dawn tal-aħħar huma ddefiniti fil-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, essenzjalment, bl-istess mod bħal fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/65 imsemmi fil-punt 139 ta’ din is-sentenza.

153    Kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat, b’analoġija mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 143 sa 149 ta’ din is-sentenza, bħala kuntratt ta’ “servizz finanzjarju” fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva 2011/83. Madankollu, ma huwiex eskluż li tali kuntratt ta’ leasing jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ servizz” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva.

154    F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ servizz”, imsemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni, huwa ddefinit b’mod wiesa’ bħala li jikkorrispondi għal “kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jinkludi l-kuntratti kollha li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ bejgħ” (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Verbraucherzentrale Berlin, C‑583/18, EU:C:2020:199, punt 22).

155    Kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu kummerċjant jintrabat li jqiegħed vettura għad-dispożizzjoni ta’ konsumatur b’korrispettiv ta’ ħlasijiet bin-nifs mingħajr obbligu ta’ xiri tal-imsemmija vettura fi tmiem il-leasing, ma jikkostitwixxix “kuntratt ta’ bejgħ” li jikkonsisti fit-trasferiment tas-sjieda tal-vettura lill-konsumatur, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83. Peress li l-kuntratt lanqas ma jaqa’ taħt il-lista ta’ esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, hemm lok li jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva bħala “kuntratt ta’ servizz” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar.

156    Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑38/21 għandha tkun li l-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, ikkaratterizzat mill-fatt li la dan il-kuntratt u lanqas kuntratt separat ma jipprevedu li l-konsumatur huwa obbligat jixtri l-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tagħha. B’kuntrast, tali kuntratt la jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65 u lanqas tad-Direttiva 2008/48.

 Fuq is-sitt sat-tmien domanda fil-Kawża C38/21

157    Għandu jiġi osservat li dawn id-domandi huma kollha magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt li jirrigwarda servizzi finanzjarji fis-sens tad-Direttivi 2002/65 u/jew 2011/83.

158    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 149, 151 u 156 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali kuntratt ma jirrigwardax servizzi finanzjarji fis-sens ta’ dawn id-direttivi, iżda għandu jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ servizz” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha.

159    Għalhekk, is-sitt sat-tmien domanda jibqgħu rilevanti sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-domandi huma intiżi, essenzjalment, li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk VK jistax jinvoka d-dritt ta’ rtirar, previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/83, biss għall-kuntratti konklużi mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew jekk dan id-dritt huwiex eskluż skont l-Artikolu 16 tagħha.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa utli li l-ewwel tingħata risposta għat-tmien domanda dwar il-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod”, sussegwentement għas-sitt domanda dwar il-kunċett ta’ “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju” u, fl-aħħar, għas-seba’ domanda dwar l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83.

–       Fuq it-tmien domanda fil-Kawża C38/21

162    Permezz tat-tmien domanda fil-Kawża C‑38/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ servizz, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, konkluż bejn konsumatur u kummerċjant bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta, matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur kien jinsab fil-preżenza fiżika ta’ intermedjarju awtorizzat li jirrispondi għad-domandi tiegħu u li jipprepara l-kuntratt iżda mhux li jikkonkludih.

163    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” bħala kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u l-konsumatur fil-qafas ta’ skema organizzata ta’ bejgħ mill-bogħod jew ta’ provvista ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u tal-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluż il-mument li fih jiġi konkluż il-kuntratt.

164    Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-espressjoni “sal-konklużjoni […], inkluża l-konklużjoni”, jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kuntratt bħala “kuntratt mill-bogħod”, ir-rekwiżit ta’ użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bejn il-kummerċjant u l-konsumatur mingħajr il-preżenza fiżika simultanja ta’ dawn il-persuni japplika mhux biss għall-konklużjoni tal-kuntratt bħala tali, iżda wkoll għall-fażi preparatorja għalih.

165    Min-naħa l-oħra, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant”, li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, jirriżulta li kummerċjant jista’ jaġixxi, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, permezz ta’ persuna oħra li taġixxi f’ismu jew għan-nom tiegħu.

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li intermedjarju li, bħal f’dan il-każ, huwa awtorizzat, mill-kummerċjant, li jwettaq il-kalkolu tal-elementi differenti tas-suġġett tal-kuntratt, li jiddiskuti l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt mal-konsumatur, li jipprovdi informazzjoni dwar il-kuntratt previst u li jwieġeb għad-domandi ta’ dan il-konsumatur kif ukoll li jimla, li jirċievi jew li jittrażmetti t-talba bil-miktub tal-imsemmi konsumatur dwar il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt mal-kummerċjant jaġixxi neċessarjament kemm f’isem kif ukoll għan-nom tal-kummerċjant.

167    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 163 sa 166 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-preżenza fiżika simultanja tal-konsumatur u ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt tipprekludi, bħala prinċipju, li l-imsemmi kuntratt ikun jista’ jitqies bħala li ġie konkluż bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod.

168    Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 20 tad-Direttiva 2011/83, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt mill-bogħod” tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-konsumatur imur f’post tan-negozju biss sabiex jiġbor informazzjoni dwar l-oġġetti jew is-servizzi, imbagħad jinnegozja u jikkonkludi l-kuntratt mill-bogħod. Min-naħa l-oħra, kuntratt li huwa nnegozjat fil-post tan-negozju tal-kummerċjant u li finalment jiġi konkluż permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod ma għandux jitqies bħala kuntratt mill-bogħod.

169    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 fil-qasam tal-kuntratti mill-bogħod huma intiżi f’dan is-sens sabiex jiġi evitat li l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iwassal għal tnaqqis tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur, b’mod partikolari sa fejn l-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li tirrigwarda kemm il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni, li jippermettu lil dan il-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant, kif ukoll fuq l-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt, b’mod partikolari dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-imsemmi konsumatur, hija, għal dan tal-aħħar, ta’ importanza fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Mejju 2022, Victorinox, C‑179/21, EU:C:2022:353, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

170    Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni ta’ “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, għal kuntratti li, minkejja li ġew konklużi mal-kummerċjant bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ġew innegozjati bejn il-konsumatur u intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant, li matul tagħhom il-konsumatur, li kien fil-preżenza fiżika ta’ dan l-intermedjarju, irċieva b’mod partikolari l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83 u seta’ jsaqsi mistoqsijiet lilu dwar il-kuntratt previst jew l-offerta proposta, sabiex ineħħi kull inċertezza dwar il-portata tal-eventwali impenn kuntrattwali tiegħu mal-kummerċjant.

171    Min-naħa l-oħra, kuntratt konkluż bejn konsumatur u kummerċjant bl-użu ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, meta, matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt mal-kummerċjant, il-konsumatur ikun jinsab fil-preżenza fiżika ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant, fejn dan l-intermedjarju madankollu sempliċement ippermetta lill-konsumatur jiġbor informazzjoni dwar is-suġġett tal-kuntratt u, jekk ikun il-każ, jirċievi u jibgħat lill-kummerċjant it-talba tal-konsumatur mingħajr ma jinnegozja ma’ dan tal-aħħar jew jipprovdilu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 46 u 166 ta’ din is-sentenza jirriżulta li fażi ta’ negozjati effettivament seħħet bejn VK u intermedjarju awtorizzat li jaġixxi f’isem jew għan-nom ta’ BMW Bank, b’mod partikolari sa fejn l-elementi u t-tul tal-leasing kif ukoll l-ammont tal-ħlas inizjali u tal-pagamenti mensili dovuti kienu, bħala informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(a), (e), (g) u (o) tad-Direttiva 2011/83, is-suġġett ta’ diskussjoni bejn dawn iż-żewġ persuni, fejn l-intermedjarju barra minn hekk wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ VK dwar il-kuntratt previst. Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-fatt li VK irċieva fil-kuntest ta’ din il-fażi preparatorja, b’mod ċar u komprensibbli, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, għandu għalhekk jitqies, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 170 ta’ din is-sentenza, li l-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex kuntratt mill-bogħod fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.

173    Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għat-tmien domanda fil-Kawża C‑38/21 għandha tkun li l-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ servizz, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, konkluż bejn konsumatur u kummerċjant bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta l-konklużjoni tal-kuntratt tkun ġiet ippreċeduta minn fażi ta’ negozjati li żvolġiet fil-preżenza fiżika simultanja tal-konsumatur u ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant u li matulha dan il-konsumatur ikun irċieva mingħand dan l-intermedjarju, għall-finijiet ta’ dawn in-negozjati, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u seta’ jagħmel mistoqsijiet lill-imsemmi intermedjarju dwar il-kuntratt previst jew l-offerta proposta, sabiex ineħħi kull inċertezza dwar il-portata tal-eventwali impenn kuntrattwali tiegħu mal-kummerċjant.

–       Fuq is-sitt domanda fil-Kawża C38/21

174    Permezz tas-sitt domanda fil-Kawża C‑38/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ servizz, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, konkluż bejn konsumatur u kummerċjant, jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta, matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, il-konsumatur ikun mar fil-post tan-negozju ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant għall-finijiet tan-negozjar ta’ dan il-kuntratt iżda li jopera f’qasam ieħor ta’ attività differenti minn dak tal-kummerċjant.

175    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, il-kunċett ta’ “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju” huwa ddefinit b’mod partikolari bħala kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u l-konsumatur konkluż fil-preżenza simultanja fiżika tal-kummerċjant u tal-konsumatur, f’post li ma huwiex il-post tan-negozju tal-kummerċjant. Skont il-punt 9 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “post tan-negozju” huwa ddefinit bħala kull sit immobbli kummerċjali fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu fuq bażi kontinwa jew anki kull sit mobbli kummerċjali fejn il-kummerċjant jeżerċita l-attività tiegħu fuq bażi regolari.

176    Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi li l- “kummerċjant” jista’ jaġixxi permezz ta’ persuna li taġixxi f’ismu jew għan-nom tiegħu. Barra minn hekk, mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-post tan-negozju ta’ intermedjarju għandu jitqies bħala stabbiliment kummerċjali fis-sens ta’ din id-direttiva, jiġifieri bħala l-post tan-negozju tal-kummerċjant, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

177    Għaldaqstant, minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha fid-dawl ta’ din il-premessa jirriżulta li, meta konsumatur imur spontanjament fil-post tan-negozju ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant u jinnegozja kuntratt hemmhekk qabel ma jikkonkludih mal-kummerċjant bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, dan il-kuntratt ma jikkostitwixxix “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-Artikolu 2(8)(a) tad-Direttiva 2011/83, u dan anki jekk il-konsumatur ikun mar biss fil-post tan-negozju tal-intermedjarju.

178    Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 dwar il-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 21 u 37 ta’ din id-direttiva, fil-protezzjoni tal-konsumatur kontra r-riskju li jkun suġġett għal pressjoni psikoloġika jew li jiġi kkonfrontat b’element ta’ sorpriża meta jkun jinsab barra mill-post tan-negozju tal-kummerċjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 33).

179    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fil-prinċipju, dritt ta’ rtirar sabiex jipproteġi lill-konsumatur, fir-rigward ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju, fil-każ fejn, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur ma jkunx jinsab f’post okkupat fuq bażi permanenti jew abitwali mill-kummerċjant, dan huwa għaliex qies li l-imsemmi konsumatur jista’ biss jiġi avviċinat mill-kummerċjant meta jmur spontanjament f’post okkupat fuq bażi permanenti jew abitwali minn dan il-kummerċjant, b’mod li, skont il-każ, ma jistax jiġi sussegwentement validament sosnut li kien ġie sorpriż bl-offerta ta’ dan il-kummerċjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 34).

180    Din il-pożizzjoni ma tistax tkun differenti meta tali konsumatur imur spontanjament fil-post tan-negozju ta’ intermedjarju li jaġixxi evidentement f’isem jew għan-nom ta’ tali kummerċjant, u dan, indipendentement mill-fatt dwar jekk dan l-intermedjarju huwiex awtorizzat jaġixxi biss għall-finijiet tan-negozjar tal-kuntratt u mhux tal-konklużjoni tiegħu. F’tali każ, il-post tan-negozju tal-intermedjarju għandu jiġi assimilat mal-istabbiliment kummerċjali tal-kummerċjant fis-sens tal-punt (8)(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tagħha.

181    Dan premess, fil-każ fejn l-intermedjarju jkun huwa stess kummerċjant li l-attività tiegħu taqa’ taħt settur differenti minn dak tal-kummerċjant li f’ismu jew għan-nom tiegħu jkun qiegħed jaġixxi, il-fattur deċiżiv huwa, għall-finijiet li tkun tista’ ssir tali assimilazzjoni, jekk konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jistax jistenna, billi jmur fl-istabbiliment kummerċjali tal-imsemmi intermedjarju, li jiġi avviċinat kummerċjalment min-naħa ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tan-negozjati u sussegwentement tal-konklużjoni mill-bogħod ta’ kuntratt li jaqa’ taħt l-attività tal-kummerċjant li f’isem jew għan-nom tiegħu jaġixxi dan l-intermedjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punti 43 u 44).

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, meta mar fil-post tan-negozju tal-konċessjonarju tal-vetturi, VK setax, mill-perspettiva ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jistenna li jiġi avviċinat kummerċjalment min-naħa ta’ dan il-konċessjonarju għall-finijiet tan-negozjar u tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ leasing ma’ BMW Bank u, barra minn hekk, jifhem faċilment li l-imsemmi kummerċjant kien qiegħed jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant.

183    Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑38/21 għandha tkun li l-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ servizz, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, konkluż bejn konsumatur u kummerċjant, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta, matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, il-konsumatur ikun mar fil-post tan-negozju ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant għall-finijiet tan-negozjar ta’ dan il-kuntratt iżda li jopera f’qasam ieħor ta’ attività differenti minn dak tal-kummerċjant, bil-kundizzjoni li dan il-konsumatur seta’, bħala konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jistenna, billi jmur fil-post tan-negozju tal-intermedjarju, li jkun avviċinat kummerċjalment min-naħa ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tan-negozjar u tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz mal-kummerċjant u li barra minn hekk seta’ faċilment jifhem li dan l-intermedjarju kien qiegħed jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-imsemmi kummerċjant.

–       Fuq is-seba’ domanda fil-Kawża C38/21

184    Permezz tas-seba’ domanda fil-Kawża C‑38/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista minn din id-dispożizzjoni għall-kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li jirrigwardaw servizzi ta’ kiri ta’ vetturi flimkien ma’ data jew ma’ perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiċi tista’ tiġi invokata kontra konsumatur li jkun kkonkluda ma’ kummerċjant, għal perijodu ta’ 24 xahar, kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur ikklassifikat bħala kuntratt ta’ servizz mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju fis-sens tal-imsemmija direttiva.

185    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda tkun rilevanti biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal sabiex tikklassifika l-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tmien u s-sitt domanda fil-Kawża C‑38/21, bħala kuntratt mill-bogħod jew bħala kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, fis-sens tad-Direttiva 2011/83.

186    Fid-dawl ta’ din il-kjarifika, għandu jitfakkar li l-Artikoli 9 sa 15 ta’ din id-direttiva jagħtu lill-konsumatur dritt ta’ rtirar wara l-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod jew ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, fis-sens tal-punti 7 u 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

187    L-Artikolu 16 tal-istess direttiva jistabbilixxi madankollu eċċezzjonijiet għal dan id-dritt ta’ rtirar, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni, imsemmija fil-punt (l) ta’ dan l-artikolu, ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kiri ta’ vetturi jekk il-kuntratt jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiċi.

188    Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk kuntratt ta’ leasing dwar vettura konkluż għal perijodu ta’ 24 xahar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrigwardax “provvista ta’ servizzi […] ta’ kiri ta’ karozzi [għal] data speċifika jew perijodu speċifiku ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83. Fin-nuqqas ta’ riferiment għad-dritt tal-Istat Membri, dan il-kunċett għandu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniforma li għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-termini tal-imsemmi kunċett, fid-dawl tal-kuntest u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

189    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-kliem li għandu jiġi interpretat jinsab f’dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga minn prinċipju jew, b’mod iktar speċifiku, minn regoli tad-dritt tal-Unjoni intiżi li jipproteġu lill-konsumaturi, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21, u tal‑14 ta’ Mejju 2020, NK (Proġett ta’ dar individwali (detached)), C‑208/19, EU:C:2020:382, punt 40). Madankollu, dan ma jfissirx li l-kliem użat sabiex tiġi ddefinita din is-sistema derogatorja għandu jiġi interpretat b’mod li jneħħilha l-effetti tagħha. Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet ta’ din is-sistema (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Icade Promotion, C‑299/20, EU:C:2021:783, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83, għandu jitqies li s-servizzi ta’ kiri ta’ vetturi previsti f’din id-dispożizzjoni huma kkaratterizzati mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, f’data jew matul perijodu speċifiku, ta’ vettura, jiġifieri ta’ vettura bil-mutur, bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ prezz ta’ kiri jew ta’ pagamenti mensili (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 27).

191    Kif ġie rrilevat fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, l-għan prinċipali ta’ kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti fil-possibbiltà lill-konsumatur li juża l-vettura matul perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiku, f’dan il-każ 24 xahar, bħala korrispettiv għall-ħlas mensili ta’ somma flus matul dan il-perijodu kollu. Għalkemm huwa minnu li tali kuntratt jinkludi wkoll element ta’ kreditu, il-kliem tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83, sa fejn jirreferi b’mod ġenerali għall-“provvista ta’ servizzi ta’ kiri ta’ karozzi”, ma jippermettix li jitqies, inkluż billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 189 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-kuntratti ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur.

192    B’mod partikolari, il-fatt li l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 jimponi bħala kundizzjoni li l-kuntratt ta’ kiri ta’ vettura jkun jipprevedi data jew perijodu ta’ eżekuzzjoni “speċifiċi”, ma jippermettix li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda biss kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir. Fil-fatt, it-terminu “speċifiku” jista’ jkopri wkoll kuntratti ta’ kiri għal żmien itwal, bħal perijodu ta’ 24 xahar, sa fejn dan tal-aħħar ikun speċifikat b’mod suffiċjentement preċiż fil-kuntratt.

193    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa minnu li l-kategoriji l-oħra ta’ servizzi għajr dawk ta’ kiri tal-vetturi, li huma previsti hemmhekk, jiġifieri s-servizzi ta’ akkomodazzjoni għajr għal finijiet residenzjali, is-servizzi ta’ trasport ta’ beni, is-servizzi ta’ provvista tal-ikel kif ukoll is-servizzi marbuta ma’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni, huma, bħala regola ġenerali, ipprovduti fuq bażi speċifika jew għal żmien relattivament qasir. Madankollu, l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 ma jindikax li hemm limitazzjoni konkreta ratione temporis li tippermetti li jitqies li huma biss il-kuntratti ta’ kiri ta’ karozzi konklużi għal ċertu żmien massimu li jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar li tistabbilixxi din id-dispożizzjoni. Dan għandu jkun inqas u inqas il-każ peress li l-kategoriji l-oħra ta’ servizz jistgħu huma wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu s-suġġett ta’ kuntratti għal żmien twil.

194    Fit-tielet lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 190 sa 193 ta’ din is-sentenza u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 189 tagħha, huwa għalhekk fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 li għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi […] ta’ kiri ta’ vetturi [għal] data speċifika jew perijodu speċifiku ta’ eżekuzzjoni”, li għandu jiġi interpretat b’mod strett, jinkludix il-kuntratti ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur konklużi għal perijodu ta’ 24 xahar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

195    Dan l-għan jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessa 49 ta’ din id-direttiva, fil-protezzjoni tal-kummerċjant kontra r-riskju marbut mar-riżerva ta’ ċerti kapaċitajiet li dan tal-aħħar jista’ jkollu diffikultajiet jissodisfa fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, CTS Eventim, C‑96/21, EU:C:2022:238, punt 44).

196    Fil-fatt, l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 huwa intiż, b’mod partikolari, li jipproteġi l-interessi tal-fornituri ta’ ċerti servizzi, sabiex dawn ma jbatux l-inkonvenjenzi sproporzjonati marbuta mal-kanċellazzjoni, mingħajr spejjeż jew motivi, ta’ servizz li jkun ta lok għal reżervazzjoni minn qabel, bħala konsegwenza tal-irtirar tal-konsumatur ftit taż-żmien qabel id-data prevista għall-provvista ta’ dan is-servizz (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, CTS Eventim, C‑96/21, EU:C:2022:238, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-attività tal-impriżi tal-kiri tal-vetturi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lil din tal-aħħar permezz tal-imsemmija eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar hija marbuta mal-fatt li dawn l-impriżi għandhom jieħdu miżuri sabiex iwettqu, fid-data stabbilita waqt ir-reżervazzjoni, is-servizz miftiehem u għal din ir-raġuni jġarrbu l-istess inkonvenjenzi f’każ ta’ kanċellazzjoni bħall-impriżi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-setturi l-oħra elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 29).

198    F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kummerċjant jakkwista l-vettura kkonċernata fuq talba u skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur. Il-kummerċjant jibqa’ l-proprjetarju tal-vettura matul il-perijodu tal-kuntratt, peress li l-konsumatur huwa obbligat jirrestitwixxilu din il-vettura mal-iskadenza tiegħu sabiex il-kummerċjant jqiegħed il-vettura għal użu ġdid, bħal leasing ġdid, forma oħra ta’ kiri jew bejgħ.

199    Indipendentement mill-perijodu li għalih jiġi konkluż tali kuntratt, il-kummerċjant jista’, fil-każ fejn dritt ta’ rtirar jiġi rrikonoxxut lill-konsumatur, jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jqiegħed il-vettura għal użu ġdid, mingħajr ma jġarrab f’dan ir-rigward żvantaġġi sproporzjonati, li kienet speċifikament akkwistata fuq talba tal-konsumatur sabiex tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, skont, b’mod partikolari, id-ditta, il-mudell, it-tip ta’ magna, il-kulur tal-karozzerija jew il-parti interna tal-vettura jew ukoll l-għażliet li din tkun mgħammra bihom, il-kummerċjant jista’ ma jirnexxilux, fi żmien raġonevoli wara l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, juża l-vettura għal użu ieħor ekwivalenti għall-perijodu li jikkorrispondi għat-tul tal-leasing oriġinarjament previst, mingħajr ma jġarrab dannu ekonomiku sinjifikattiv.

200    Din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista fl-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83, dwar “il-forniment ta’ oġġetti li saru għall-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar”. Huwa minnu li kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-Kawża prinċipali C‑38/21 ma jirrigwardax il-provvista ta’ oġġett, iżda l-provvista ta’ servizz. Xorta jibqa’ l-fatt li din l-eċċezzjoni l-oħra turi l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi d-dritt ta’ rtirar fil-każ fejn oġġett ikun ġie mmanifatturat jew magħmul skont speċifikazzjonijiet preċiżi tal-konsumatur, li huwa l-każ meta vettura ġdida tiġi ordnata skont l-ispeċifikazzjonijiet preċiżi tal-konsumatur sabiex tintuża fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ leasing.

201    Mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83, li saret fil-punti 190 sa 200 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur konkluż għal perijodu ta’ 24 xahar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrigwarda “provvista ta’ servizzi […] ta’ kiri ta’ karozzi [għal] data speċifika jew perijodu speċifiku ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83.

202    Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑38/21 għandha tkun li l-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur konkluż bejn kummerċjant u konsumatur u kklassifikat bħala kuntratt ta’ servizz mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju fis-sens tal-imsemmija direttiva jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni għall-kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li jirrigwardaw servizzi ta’ kiri ta’ vetturi b’data jew b’perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiċi, meta l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt ikun li l-konsumatur jista’ juża vettura matul il-perijodu speċifiku previst mill-imsemmi kuntratt, bil-korrispettiv ta’ pagamenti regolari ta’ somom ta’ flus.

 Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda fil-Kawża C38/21

203    Peress li l-ewwel sar-raba’ domanda jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, peress li kuntratt ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax, konformement mar-risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑38/21, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma huwiex iktar neċessarju, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, li tingħata risposta għal dawn l-ewwel sar-raba’ domanda fid-dawl tal-imsemmija direttiva.

204    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-qorti tar-rinviju tesponi li, fil-fehma tagħha, tali kuntratt ta’ leasing għandu jiġi rregolat b’analoġija mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2008/48.

205    Huwa minnu li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, l-Istati Membri għandhom, minkejja l-armonizzazzjoni sħiħa tal-aspetti koperti minn din id-direttiva, il-possibbiltà li jżommu jew li jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew għal uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva, bħalma huma l-“ftehim ta’ kiri jew ta’ għoti b’kiri [kuntratti ta’ kiri jew ta’ leasing] fejn m’hemmx previst ebda obbligu għax-xiri ta’ l-oġġett tal-ftehim la bil-ftehim innifsu u lanqas bi kwalunkwe ftehim separat”, imsemmija fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2008/48.

206    Huwa minnu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom dawn id-dispożizzjonijiet kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali, peress li dan ikkonforma ruħu, għas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni. F’tali każ, hemm effettivament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti fid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

207    Dan premess, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, u li l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita tali applikabbiltà diretta u inkundizzjonata għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għal dan l-għan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, il-kawża pendenti quddiemha għandha mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni element ta’ rabta li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punti 46, 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

208    Fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju ssostni, fis-suppliment għat-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), iddeċidiet li l-kuntratti ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur li jipprovdu li l-konsumatur ma għandux l-obbligu li jixtri l-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 506 tal-BGB, li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-BGB li ttrasponew id-Direttiva 2008/48. Peress u minkejja l-fatt li hija għandha dubji dwar din l-interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li tagħmel parti mid-dritt Ġermaniż, din il-liġi ma rrendietx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 applikabbli direttament u inkundizzjonalment għall-kuntratti ta’ leasing bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

209    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fis-suppliment tagħha għat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tesponi li, anki li kieku l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 bħala kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑38/21 jibqgħu rilevanti fil-każ fejn id-dritt ta’ rtirar previst għall-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u għall-kuntratti mill-bogħod mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/65 u tad-Direttiva 2011/83 ikun jista’ jiġi invokat mill-konsumatur.

210    F’dan ir-rigward, mill-punt 156 ta’ din is-sentenza jirriżulta li konsumatur bħal VK ma għandux dritt ta’ rtirar abbażi tad-Direttiva 2002/65 peress li kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mill-punti 156 u 202 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minkejja li tali kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83 u jekk jitqies li jista’ jiġi kklassifikat bħala kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju jew bħala kuntratt mill-bogħod fis-sens tal-punti 6 u 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-konsumatur li kkonkludih ma’ kummerċjant ma jibbenefikax mid-dritt ta’ rtirar previst minn din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 16(l) tagħha.

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑38/21 fid-dawl tad-Direttivi 2002/65 u 2011/83.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C47/21 u C232/21

212    Preliminarjament u sabiex tingħata risposta għall-oġġezzjoni ta’ C Bank, ta’ Volkswagen Bank u ta’ Audi Bank fis-sens li din id-domanda hija inammissibbli, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li l-kontenut letterali tal-imsemmija domanda jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, tali formulazzjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Consulmarketing, C‑652/19, EU:C:2021:208, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 jirriżulta, qabelxejn, li l-kuntratti inkwistjoni f’dawn il-kawżi jipprevedu li t-terminu li fih il-konsumatur jista’ jirtira jibda jiddekorri biss wara l-konklużjoni tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-mutwatarju jkun irċieva l-informazzjoni obbligatorja kollha prevista mid-dritt Ġermaniż u li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-indikazzjonijiet indikati fl-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48.

214    Sussegwentement, dawn il-kuntratti jinkludu klawżoli li jikkorrispondu għall-mudell legali previst mid-dritt Ġermaniż. Minkejja li l-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li wħud minn dawn il-klawżoli ma kinux konformi mal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, hija tippreċiża li mit-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u mit-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 12 tal-EGBGB jirriżulta li, jekk il-kuntratt jinkludi klawżola prominenti u fformulata b’mod ċar, li tikkorrispondi mal-imsemmi mudell, din il-klawżola titqies li tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni tal-konsumatur dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu.

215    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 hija magħmula fir-rigward mhux biss tal-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, iżda wkoll tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, hija biss l-interpretazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li hija neċessarja għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda.

216    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-kummerċjant josserva l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur bid-dritt ta’ rtirar tiegħu, meta dan il-kummerċjant jirreferi, f’kuntratt, għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferu huma stess għal mudell ta’ informazzjoni regolatorju f’dan ir-rigward, filwaqt li juża klawżoli li jinsabu f’dan il-mudell li ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tibqa’ inapplikabbli f’kawża esklużivament bejn individwi.

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kuntratti ta’ self inkwistjoni fit-tilwimiet prinċipali fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu li tinsab fl-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48. Dawn il-kuntratti għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha.

218    Dan il-punt premess, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 jelenka l-informazzjoni li għandha tissemma b’mod ċar u konċiż fil-kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2 tagħha. L-Artikolu 10(2)(p) tal-imsemmija direttiva jipprovdi b’mod partikolari li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jsemmi b’dan il-mod l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt ta’ rtirar, il-perijodu li matulu jista’ jiġi eżerċitat dan id-dritt u l-kundizzjonijiet l-oħra sabiex jiġi eżerċitat, inkluż informazzjoni dwar l-obbligu li għandu l-konsumatur li jħallas il-kapital żborsat u l-interessi kif ukoll l-ammont ta’ interessi ta’ kuljum.

219    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludi li kuntratt ta’ kreditu jagħmel, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, riferiment għal dispożizzjoni nazzjonali li tirreferi hija stess għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni. Fil-fatt, meta kuntratt konkluż minn konsumatur jagħmel riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni li l-indikazzjoni tagħha hija meħtieġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni, fuq il-bażi tal-kuntratt, la li jiddetermina l-portata tal-obbligu kuntrattwali tiegħu, u lanqas li jistħarreġ jekk l-elementi kollha meħtieġa, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, jinsabux fil-kuntratt li huwa kkonkluda, u lanqas, a fortiori, li jivverifika jekk it-terminu għall-irtirar li huwa jista’ jkollu bediex jiddekorri fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Kreissparkasse Saarlouis, C‑66/19, EU:C:2020:242, punti 44 u 49).

220    Minn dan isegwi li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludi l-inklużjoni fil-kuntratt ta’ kreditu ta’ klawżola li tirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferu huma stess għal mudell ta’ informazzjoni regolatorju, bħall-mudell legali. L-istess japplika a fortiori meta l-klawżoli li jinsabu f’tali mudell imorru kontra l-imsemmija dispożizzjoni minħabba l-assenza ta’ ċarezza tagħhom fil-kuntest tal-kuntratt ikkonċernat. Għaldaqstant, l-istess dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li torbot mal-użu ta’ tali klawżoli preżunzjoni legali li l-kummerċjant josserva l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur bid-dritt ta’ rtirar tiegħu.

221    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandha tislet il-qorti tar-rinviju minn din il-konstatazzjoni, għandu jitfakkar li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-finalità ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa suġġett għal ċerti limiti. B’hekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Fil-kawża ineżami, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-kliem, l-oriġini u l-finalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprekludu li dawn jiġu interpretati konformement mad-Direttiva 2008/48. Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju ssostni l-eżistenza ta’ pożizzjoni duttrinali favur tali interpretazzjoni, filwaqt li tipprevedi l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

224    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-Direttiva 2008/48, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għalija li twettaq tali interpretazzjoni minħabba s-sempliċi fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati minn qrati oħra tal-Istat Membru tagħha, anki jekk qorti suprema, f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    Fis-sitwazzjoni fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li dan huwa impossibbli, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti nazzjonali li tintalab tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt għandha tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax, ex officio, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kull proċedura kostituzzjonali oħra (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 95.

226    Skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu, u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih quddiem qorti nazzjonali. Għaldaqstant, anki jekk tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix lill-qorti nazzjonali teskludi dispożizzjoni tad-dritt intern tagħha li tmur kontriha, jekk, b’dan il-mod, ikun hemm obbligu addizzjonali li jiġi impost fuq individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227    Fil-każ ineżami, huwa paċifiku, minn naħa, li l-kawżi prinċipali huma esklużivament bejn individwi. Min-naħa l-oħra, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiġu esklużi skont l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 fil-kawżi prinċipali, il-banek konvenuti f’dawn it-tilwimiet jiġu mċaħħda mill-benefiċċju tal-preżunzjoni legali stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, ikunu obbligati jsemmu, b’mod ċar u komprensibbli fil-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar elenkata f’din id-dispożizzjoni. Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti teskludi madankollu li tali effett jista’ jiġi rrikonoxxut lil din id-dispożizzjoni, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni.

228    Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 247(6) u t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12 tal-EGBGB, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet huma kuntrarji għall-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, bla ħsara għall-possibbiltà għal din il-qorti li teskludi l-imsemmija dispożizzjonijiet abbażi tad-dritt intern tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33).

229    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), sabiex tikseb, skont il-każ, kumpens għad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1996, El Corte Inglés, C‑192/94, EU:C:1996:88, punt 22, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

230    Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-kummerċjant ikun osserva l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur bid-dritt ta’ rtirar tiegħu, meta dan il-kummerċjant jirreferi, f’kuntratt, għal dispożizzjonijiet nazzjonali li huma stess jirreferu għal mudell ta’ informazzjoni regolatorju f’dan ir-rigward, filwaqt li juża klawżoli li jinsabu f’dan il-mudell li ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva. Fin-nuqqas li tkun tista’ tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni b’mod konformi mad-Direttiva 2008/48, qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, ma hijiex obbligata, abbażi tad-dritt tal-Unjoni biss, li ma tapplikax tali leġiżlazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ din il-qorti li teskludiha abbażi tad-dritt intern tagħha u, fin-nuqqas ta’ dan, abbażi tad-dritt għall-parti leża bin-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni li titlob kumpens għad-dannu konsegwenzjali li ġarrbet.

 Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C232/21

231    Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tal-interessi ta’ kuljum li għandu jiġi indikat f’kuntratt ta’ kreditu skont din id-dispożizzjoni, applikabbli fil-każ ta’ eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar, għandu jirriżulta aritmetikament mir-rata tas-self kuntrattwali miftiehma f’dan il-kuntratt.

232    L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, informazzjoni dwar l-obbligu tal-konsumatur, fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu, li jħallas il-kapital żborsat u l-interessi skont l-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva kif ukoll l-ammont tal-interessi ta’ kuljum.

233    Mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, jirriżulta li r-rekwiżit li, f’kuntratt ta’ kreditu stabbilit fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, jiġu indikati, b’mod ċar u konċiż, l-elementi msemmija f’din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    L-għarfien u komprensjoni tajba, mill-konsumatur, tal-elementi li għandu obbligatorjament jinkludi kuntratt ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur, fosthom id-dritt ta’ rtirar tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

235    Sabiex l-imsemmija elementi jinftiehmu tajjeb b’osservanza tar-rekwiżit ta’ ċarezza stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, l-informazzjoni pprovduta fi ftehim ta’ kreditu għandha għalhekk tkun nieqsa minn kull kontradizzjoni li oġġettivament tista’ tqarraq lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fir-rigward tal-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu taħt l-imsemmi kuntratt.

236    Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi b’mod partikolari li, fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftiehma. Għandu jitqies li l-kunċett ta’ “interessi” jinkludi wkoll l-interessi ta’ kuljum imsemmija fl-Artikolu 10(2)(p) ta’ din id-direttiva, peress li l-Artikolu 14(3)(b) tal-imsemmija direttiva jkopri l-“interessi akkumulati fuq il-kapital mid-data li fiha s-self ikun inġibed sad-data li fiha jitħallas il-kapital”.

237    Mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 10(2)(p) u tal-Artikolu 14(3)(b) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li, fir-rigward tal-ammont ta’ interessi ta’ kuljum li l-konsumatur huwa obbligat iħallas fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu, dan l-interess fl-ebda każ ma jista’ jkun ogħla mill-ammont li jirriżulta aritmetikament mir-rata tas-self miftiehma fil-kuntratt ta’ kreditu.

238    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 233 sa 235 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni pprovduta fil-kuntratt fir-rigward tal-ammont tal-interessi ta’ kuljum għandha tiġi indikata b’mod ċar u konċiż b’tali mod, b’mod partikolari, li, moqrija flimkien ma’ informazzjoni oħra, din tkun nieqsa minn kull kontradizzjoni li tista’ oġġettivament tqarraq konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-ammont ta’ interessi ta’ kuljum li huwa jkollu jħallas fl-aħħar mill-aħħar. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni li jkollha dawn il-karatteristiċi, l-ebda ammont ta’ interessi ta’ kuljum ma jkun dovut.

239    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-Kawża C‑232/21, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, kienx f’pożizzjoni li jidentifika b’mod ċar l-ammont tal-interessi ta’ kuljum dovut f’każ ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar.

240    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑232/21 għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont ta’ interessi ta’ kuljum li għandu jiġi indikat f’kuntratt ta’ kreditu skont din id-dispożizzjoni, applikabbli fil-każ ta’ eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar, fl-ebda każ ma jista’ jkun ogħla mill-ammont li jirriżulta aritmetikament mir-rata tas-self kuntrattwali miftiehma f’dan il-kuntratt. L-informazzjoni pprovduta fil-kuntratt fir-rigward tal-ammont tal-interessi ta’ kuljum għandha tiġi indikata b’mod ċar u konċiż b’tali mod, b’mod partikolari, li, moqrija flimkien ma’ informazzjoni oħra, hija tkun nieqsa minn kull kontradizzjoni li oġġettivament tista’ tqarraq konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-ammont ta’ interessi ta’ kuljum li huwa jkollu jħallas fl-aħħar mill-aħħar. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni li jkollha dawn il-karatteristiċi, l-ebda ammont ta’ interessi ta’ kuljum ma jkun dovut.

 Fuq il-punt (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C47/21

241    Permezz tal-punt (d) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑47/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-kundizzjonijiet formali essenzjali li għalihom huwa suġġett il-ftuħ ta’ proċedura ekstraġudizzjarja ta’ lment jew ta’ rimedju jew jekk huwiex suffiċjenti li dan il-kuntratt jirreferi, f’dan ir-rigward, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet.

242    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48, kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, l-eżistenza jew le ta’ proċeduri ekstraġudizzjarji ta’ kontestazzjoni u ta’ rimedju aċċessibbli għall-konsumatur u, fl-affermattiv, il-metodi ta’aċċess għal dawn tal-aħħar.

243    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-informazzjoni li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu ma għandhiex neċessarjament tirriproduċi r-regoli proċedurali kollha dwar il-proċeduri ekstraġudizzjarji ta’ kontestazzjoni u ta’ rimedju aċċessibbli għall-konsumatur, l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 huwa madankollu intiż li jiżgura, minn naħa, li l-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex xieraq għalih li jirrikorri għal waħda minn dawn il-proċeduri u, min-naħa l-oħra, li jkun effettivament f’pożizzjoni li jibda tali proċedura abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 132 u 135).

244    Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-konsumatur ikun informat, l-ewwel, dwar il-proċeduri ekstraġudizzjarji kollha ta’ kontestazzjoni jew ta’ rimedju għad-dispożizzjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, dwar l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, it-tieni, dwar il-fatt li l-kontestazzjoni jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati b’ittra jew b’mezz elettroniku, it-tielet, dwar l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati din il-kontestazzjoni jew dan ir-rimedju u, ir-raba’, dwar il-kundizzjonijiet formali l-oħra li huma suġġetti għalihom din il-kontestazzjoni jew dan ir-rimedju (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 136).

245    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li sempliċi riferiment, magħmul fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew għal att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet tal-proċeduri ekstraġudizzjarji ta’ kontestazzjoni jew ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 137). L-istess għandu japplika meta l-kuntratt ta’ kreditu jsemmi li tali regolament huwa disponibbli fuq talba.

246    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda fil-Kawża C‑47/21 hija li l-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-informazzjoni essenzjali dwar il-proċeduri ekstraġudizzjarji kollha ta’ kontestazzjoni jew ta’ rimedju li jkunu disponibbli għall-konsumatur u, skont il-każ, l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, il-fatt li l-kontestazzjoni jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ ittra jew b’mezz elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati din il-kontestazzjoni jew dan ir-rimedju u l-kundizzjonijiet formali l-oħra li huma suġġetti għalihom din il-kontestazzjoni jew dan ir-rimedju, fid-dawl tal-fatt li sempliċi riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali disponibbli fuq talba jew li jisgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew kwalunkwe att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet ta’ aċċess għal proċeduri ekstraġudizzjarji ta’ kontestazzjoni jew ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti.

 Fuq il-punt (b)(aa) tat-tieni domanda fil-Kawżi C47/21 u C232/21

247    Permezz tal-punt (b)(aa) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika formola aritmetika konkreta u komprensibbli għall-konsumatur, b’tali mod li l-konsumatur ikun jista’ jikkalkola, tal-inqas approssimament, l-ammont dovut f’tali każ.

248    Skont l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, “id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat”.

249    F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 jipprevedu, essenzjalment, li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self mill-konsumatur, il-bank jista’ jitlob kumpens li huwa kkalkolat konformement mal-qafas aritmetiku preskritt mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-livell tar-rata ta’ interessi li sadanittant varjat, il-flussi ta’ flus kontanti inizjalment miftiehma għas-self, it-telf ta’ qligħ tal-bank li jsellef, l-ispejjeż amministrattivi marbuta mar-rimbors antiċipat kif ukoll l-ispejjeż tar-riskju u l-ispejjeż amministrattivi ffrankati bħala konsegwenza tar-rimbors antiċipat. Dawn il-kuntratti jippreċiżaw ukoll li l-kumpens għal rimbors antiċipat ikkalkolat b’dan il-mod jitnaqqas bl-inqas żewġ ammonti li ġejjin meta tali rimbors ikun ogħla: jew wieħed fil-mija jew, fejn ir-rimbors antiċipat isir inqas minn seba’ snin qabel id-data ta’ rimbors miftiehma, 0.5 fil-mija tal-ammont irrimborsat b’mod antiċipat, jew l-ammont tal-interessi li min jissellef kien iħallas bejn id-data tar-rimbors antiċipat u d-data miftiehma tar-rimbors.

250    F’kuntest simili, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-każ li d-Direttiva 2008/48 tipprevedi obbligu, għall-kummerċjant, li jgħarraf lill-konsumatur bil-kontenut tal-impenn kuntrattwali li jkun qiegħed jiġi propost lilu u li ċerti elementi tiegħu huma stabbiliti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji ta’ Stat Membru, dan il-kummerċjant huwa meħtieġ jinforma b’mod ċar u konċiż lil dan il-konsumatur dwar il-kontenut tal-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

251    Għalkemm ma huwiex meħtieġ, għal dan il-għan, fir-rigward tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat previst fl-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, li l-kuntratt ta’ kreditu jispeċifika l-formula aritmetika li permezz tagħha ser jiġi kkalkolat dan il-kumpens, huwa madankollu għandu jindika l-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u faċilment komprensibbli għal konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fil-kuntratt ta’ kreditu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 100).

252    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sempliċi riferiment, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, għall-qafas aritmetiku finanzjarju preskritt minn qorti nazzjonali ma jissodisfax ir-rekwiżit, imfakkar fil-punt 250 ta’ din is-sentenza, li l-konsumatur jiġi mgħarraf bil-kontenut tal-impenn kuntrattwali tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 101).

253    Dan premess, l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48, li l-konsumatur jiġi informat dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens li huwa għandu jħallas lill-kreditur fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self huwa intiż sabiex il-konsumatur ikun jista’ jiddetermina l-ammont ta’ dan il-kumpens abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-ftehim ta’ kreditu. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-provvista ta’ informazzjoni inkompleta jew żbaljata tista’ tiġi assimilata ma’ nuqqas ta’ informazzjoni biss jekk il-konsumatur ikun, minħabba f’hekk, imqarraq dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2008, Hamilton, C‑412/06, EU:C:2008:215, punt 35, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Rust Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punt 78) u li, għaldaqstant, huwa jasal sabiex jikkonkludi kuntratt li ma kienx eventwalment jikkonkludi li kieku kellu l-informazzjoni kollha kompleta u materjalment korretta.

254    Ma jistax jitqies li konsumatur ġie imqarraq, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, meta, minkejja n-nuqqas ta’ konformità ta’ riferiment, għall-finijiet tal-kalkolu tal-imsemmi kumpens, għall-qafas aritmetiku finanzjarju stabbilit minn qorti nazzjonali, il-kuntratt jinkludi elementi oħra li jippermettu lill-konsumatur jiddetermina faċilment l-ammont tal-kumpens ikkonċernat, b’mod partikolari l-ammont massimu tiegħu, li huwa għandu jħallas fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self.

255    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kuntratti inkwistjoni fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 jissodisfawx din il-kundizzjoni sa fejn dawn jipprevedu li l-kumpens għal rimbors antiċipat ikkalkolat abbażi tal-qafas aritmetiku finanzjarju ġurisprudenzjali jitnaqqas għall-iżgħar wieħed miż-żewġ ammonti msemmija fil-punt 249 ta’ din is-sentenza meta dan ikun ogħla.

256    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (b)(aa) tat-tieni domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu fil-prinċipju, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika l-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u faċilment komprensibbli minn konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija f’dan il-kuntratt. Madankollu, anki fl-assenza ta’ indikazzjoni konkreta u faċilment komprensibbli tal-metodu ta’ kalkolu, tali kuntratt jista’ jissodisfa l-obbligu stabbilit f’din id-dispożizzjoni sakemm jinkludi elementi oħra li jippermettu lill-konsumatur jiddetermina faċilment l-ammont tal-kumpens ikkonċernat, b’mod partikolari l-ammont massimu tiegħu, li għandu jħallas fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self.

 Fuq il-punt(b)(bb), il-punt (e) u l-punt (f) tat-tieni domanda fil-Kawża C47/21 kif ukoll il-punt(b)(bb), il-punt (c) u l-punt (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C232/21

257    Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li l-punti (e) u (f) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑47/21 kif ukoll il-punti (c) u (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑232/21 huma ammissibbli, kuntrarjament għal dak li jsostnu rispettivament C Bank kif ukoll Volkswagen Bank u Audi Bank fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tagħmel l-imsemmija domandi billi tirreferi b’mod ġenerali għall-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 u mhux speċifikament għal punti preċiżi ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, minn qari tad-deċiżjonijiet tar-rinviju kollha f’dawn iż-żewġ kawżi jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tifhem l-aspetti ta’ din id-dispożizzjoni li jqajmu dubji min-naħa tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha, u li tipprovdilha risposta utli f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punti 110 u 117 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju identifikat bi preċiżjoni suffiċjenti, fil-kuntest tal-imsemmija domandi, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha rabta mar-realtà u mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali, u b’hekk ippermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lil din il-qorti.

258    Għalhekk, permezz tal-punt(b)(bb), tal-punt (e) u tal-punt (f) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑47/21 kif ukoll tal-punt(b)(bb), tal-punt (c) u tal-punt (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-irtirar, previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 14(1), jibda jiddekorri biss bil-kundizzjoni li l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva tkun ġiet ipprovduta lill-konsumatur b’mod sħiħ u ma jkollha ebda żball sostantiv.

259    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħal direttivi tal-Unjoni oħra fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 2008/48 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-kummerċjant fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ għarfien, li twassal lill-konsumatur sabiex jaqbel mal-klawżoli redatti minn qabel mill-kummerċjant, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

260    F’dan ir-rigward, l-informazzjoni, qabel u waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-kummerċjant (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

261    Għalhekk, mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li t-terminu għall-irtirar ta’ erbatax-il jum jibda jiddekorri biss mill-jum li fih, b’mod partikolari, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tkun ġiet irċevuta mill-konsumatur, jekk dan il-jum ikun sussegwenti għal dak tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 10 jelenka l-informazzjoni li għandha tissemma b’mod ċar u konċiż fil-kuntratt ta’ kreditu.

262    F’dan l-aħħar rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din tal-aħħar, li jipprevedi, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumatur, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma importanti, li hija meqjusa bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi tal-Unjoni kollha livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern li jiffunzjona fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

263    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 233 u 234 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, jirriżulta li r-rekwiżit li jissemmew, f’kuntratt ta’ kreditu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, b’mod ċar u konċiż l-elementi msemmija minn din id-dispożizzjoni huwa neċessarju sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkollu għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu. B’mod iktar partikolari, l-għarfien u komprensjoni tajba, mill-konsumatur, tal-elementi li għandu obbligatorjament jinkludi l-kuntratt ta’ kreditu huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

264    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 253 ta’ din is-sentenza, il-provvista ta’ informazzjoni inkompleta jew żbaljata tista’ tiġi assimilata għal nuqqas ta’ informazzjoni biss bil-kundizzjoni li l-konsumatur, minħabba f’hekk, jiġi mqarraq dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li, għaldaqstant, jasal sabiex jikkonkludi kuntratt li huwa ma kienx jikkonkludi li kieku kellu l-informazzjoni kollha kompleta u materjalment korretta.

265    Għaldaqstant, għandu jitqies li, meta informazzjoni pprovduta mill-kreditur lill-konsumatur skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 tirriżulta li hija inkompleta jew żbaljata, it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss jekk in-natura inkompleta jew żbaljata ta’ din l-informazzjoni ma tistax taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu skont din id-direttiva u lanqas id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt u ċċaħħdu, jekk ikun il-każ, mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu, essenzjalment, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu li kieku din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta b’mod komplet u eżatt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 72, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punt 81). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt.

266    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-eventwali eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ miżuri intiżi li jissanzjonaw in-natura inkompleta jew żbaljata tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur b’mod differenti minn dak li għadu kemm ġie espost ma għandhiex effett fuq il-modalitajiet tal-bidu tat-terminu ta’ rtirar. Fil-fatt, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 146 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss mill-jum li fih l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tkun ġiet irċevuta mill-konsumatur, jikkostitwixxi l-konsegwenza diretta tan-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligu tal-kreditur li jipprovdilu, fil-kuntratt ta’ kreditu, l-informazzjoni obbligatorja msemmija f’dan l-Artikolu 10. Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, ikun inkompatibbli mal-effetti tal-armonizzazzjoni kompleta u obbligatorja magħmula minn din id-direttiva fil-qasam tad-dritt ta’ rtirar li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jidderogaw mill-konsegwenza li l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jirfed man-nuqqas ta’ obbligu ta’ informazzjoni previst b’mod partikolari fl-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva.

267    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt(b)(bb), għall-punt (e) u għall-punt (f) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑47/21 kif ukoll għall-punt(b)(bb), għall-punt (c) u għall-punt (d) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑232/21 għandha tkun li l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta informazzjoni pprovduta mill-kreditur lill-konsumatur skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva tirriżulta li hija inkompleta jew żbaljata, it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss jekk in-natura inkompleta jew żbaljata ta’ din l-informazzjoni ma tistax taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu skont l-imsemmja direttiva u lanqas id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt u li jċaħħdu, jekk ikun il-każ, mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu, essenzjalment, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu li kieku din l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta b’mod komplet u eżatt.

 Fuq il-punt (c) tat-tieni domanda fil-Kawża C47/21

268    Permezz tal-punt (c) tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑47/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u, meta din ir-rata tkun iddeterminata abbażi ta’ rata ta’ interessi ta’ referenza varjabbli, din l-aħħar rata kif ukoll il-mekkaniżmu li permezz tiegħu din ir-rata tista’ tvarja ratione temporis.

269    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, ftehim ta’ kreditu għandu b’mod partikolari jsemmi, b’mod ċar u konċiż, ir-rata tal-interessi applikabbli, fil-każ ta’ ħlas tardiv, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-modalitajiet għall-aġġustament ta’ din ir-rata.

270    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 233 sa 235 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kuntratt ta’ kreditu għandu jsemmi, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 92 u 95).

271    Għandu jiġi enfasizzat li, meta, bħalma huwa l-każ tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-rata hija ddeterminata skont rata ta’ interessi ta’ referenza varjabbli, din tal-aħħar għandha, għall-istess raġunijiet, tissemma fil-forma ta’ perċentwali konkreta, applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt. Il-preżentazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu għandha tkun faċilment komprensibbli minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju u għandha tippermettilu jikkalkola r-rata tal-interessi moratorji fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fl-istess kuntratt. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jkollu l-frekwenza tal-modifika ta’ din ir-rata ta’ interessi ta’ referenza, anki jekk din il-frekwenza tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 94).

272    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (c) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑47/21 għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji. Meta l-imsemmija rata tiġi ddeterminata skont rata ta’ interessi ta’ referenza varjabbli ratione temporis, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika r-rata tal-interessi ta’ referenza applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-metodu ta’ kalkolu tar-rata tal-interessi moratorji skont ir-rata tal-interessi ta’ referenza għandha tiġi ppreżentata fil-kuntratt b’mod faċilment komprensibbli minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola r-rata tal-interessi moratorji abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-istess kuntratt. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-frekwenza tal-modifika ta’ din ir-rata ta’ interessi ta’ referenza, anki jekk din il-frekwenza tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

 Fuq il-punti (a) sa (d) tar-raba’ domanda fil-Kawżi C47/21 u C232/21

273    Permezz tal-punti (a) sa (d) tar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta mill-inqas waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma tkunx tinsab fi ftehim ta’ kreditu jew tkun tinsab fih b’mod inkomplet jew żbaljat mingħajr ma tkun ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, huwa jipprekludi li l-kreditur ikun jista’ jinvoka b’mod validu l-fatt li l-konsumatur eżerċita b’mod abbużiv id-dritt ta’ rtirar tiegħu.

274    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda u fid-dawl tal-fatt li, f’waħda mill-kawżi prinċipali li tat lok għall-Kawża C‑232/21, id-dritt ta’ rtirar ġie eżerċitat minkejja li l-kuntratt ta’ kreditu kien ġie eżegwit fl-intier tiegħu, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat sa fejn tali eżekuzzjoni sħiħa għandha, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fid-Direttiva 2008/48 dwar dan is-suġġett, effett fuq iż-żamma tad-dritt ta’ rtirar previst mill-Artikolu 14(1) tagħha.

275    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, il-konsumatur għandu dritt ta’ rtirar fil-kuntest tal-kuntratt ta’ kreditu, peress li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu l-effett li jtemm l-obbligu tal-partijiet li jeżegwixxu l-kuntratt ta’ kreditu taħt il-kundizzjonijiet u t-termini msemmija fl-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva.

276    Barra minn hekk, mill-premessa 34 tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li din tal-aħħar tipprovdi dritt ta’ rtirar f’kundizzjonijiet simili għal dawk previsti mid-Direttiva 2002/65. Billi tipprovdi, fl-Artikolu 6(2)(ċ) tagħha, li d-dritt ta’ rtirar ma japplikax għall-kuntratti eżegwiti fl-intier tagħhom miż-żewġ partijiet fuq talba espressa tal-konsumatur, id-Direttiva 2002/65 tagħti espressjoni lill-prinċipju li d-dritt ta’ rtirar ma jistax, f’kull ċirkustanza, jiġi invokat f’każ ta’ eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt, liema prinċipju għandu japplika wkoll għad-Direttiva 2008/48.

277    Barra minn hekk, fil-każ ta’ eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu, l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma jistax, bħala prinċipju, jilħaq l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, kif ġie rrilevat fil-punti 233 u 234 ta’ din is-sentenza, fil-possibbiltà li l-konsumatur ikun jista’ jikseb l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt u, b’mod partikolari, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, fosthom id-dritt ta’ rtirar tiegħu, b’mod li jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf il-portata tad-drittijiet tiegħu u tal-obbligi tiegħu. Minn dan isegwi li dawn l-obbligi ma jibqax ikollhom l-istess grad ta’ utilità ladarba l-kuntratt ikun ġie eżegwit bis-sħiħ.

278    Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni tagħha dwar id-dritt ta’ revoka previst mid-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal‑20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili, dan id-dritt ma jistax jiġi eżerċitat meta ma jkun hemm ebda impenn li jirriżulta minn dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Hamilton, C‑412/06, EU:C:2008:215, punt 42).

279    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tikkostitwixxi l-mekkaniżmu naturali ta’ estinzjoni tal-obbligi kuntrattwali, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, konsumatur ma jistax jinvoka iktar id-dritt ta’ irtirar mogħti lilu mill-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 ladarba l-kuntratt ta’ kreditu jkun ġie eżegwit fl-intier tiegħu mill-partijiet u meta l-obbligi reċiproċi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ikunu, minħabba f’hekk, intemmu.

280    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kreditur jistax jeċċepixxi l-eżerċizzju abbużiv, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li din id-direttiva ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kwistjoni tal-abbuż, mill-konsumatur, tad-drittijiet li tagħtih din id-direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 120).

281    Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

282    L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt hija meħtieġa mill-individwi. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

283    Għalhekk, minn dan il-prinċipju jirriżulta li Stat Membru għandu jirrifjuta, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprevedu tali rifjut, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta dawn ma jkunux invokati minn persuna sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jinkiseb benefiċċju mogħti lil din il-persuna mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li r-rekwiżiti oġġettivi meħtieġa sabiex jinkiseb il-benefiċċju mfittex, previsti mid-dritt tal-Unjoni, huma biss formalment issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et, C‑251/16, EU:C:2017:881, punti 32 u 33, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 72 u 91).

284    Għalhekk, il-fatt dwar jekk il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċerna l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt huwiex stabbilit jew le f’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u, jekk dan ikun il-każ, jekk dawn id-dispożizzjonijiet ġewx adottati mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jew le huwa irrilevanti.

285    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ prassi abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 122).

286    Il-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teżiġi li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż dawk li seħħew wara t-tranżazzjoni li hija allegatament abbużiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Cervati u Malvi, C‑131/14, EU:C:2016:255, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

287    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, konformement mar-regoli probatorji tad-dritt nazzjonali, sa fejn ma tiġix ippreġudikata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, jekk l-elementi kostituttivi ta’ prattika abbużiva, kif imfakkra fil-punt 285 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti fil-kawżi prinċipali, minbarra dik imsemmija fil-punt 274 ta’ din is-sentenza li fiha l-kuntratt ġie eżegwit fl-intier tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk meħtieġ, tagħmel preċiżjonijiet bil-għan li tiggwida lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et, C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

288    F’dan ir-rigward, fir-rigward, it-tieni nett, tal-eżistenza ta’ element suġġettiv li jirrileva prassi abbużiva, imsemmi fil-punt 285 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, minn naħa, li l-għan tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 huwa li l-konsumatur jiġi awtorizzat jagħżel il-kuntratt li l-iktar jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tiegħu u għalhekk li jkun jista’ jirrinunzja għall-effetti ta’ kuntratt li, wara l-konklużjoni tiegħu, jirriżulta, fit-terminu ta’ riflessjoni previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, li ma jkunx adegwat għall-bżonnijiet ta’ dan il-konsumatur. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa li jiġi żgurat li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jevalwa l-portata tal-impenn kuntrattwali tiegħu u li jippenalizza lill-kreditur li ma jibgħatlux l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 123 u 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

289    Sabiex il-kreditur jiġi skoraġġut milli jikser l-obbligi tiegħu, konformement mad-Direttiva 2008/48, fil-konfront tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 126 tas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736), li, meta l-kreditur ma jkunx bagħat lill-konsumatur l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u meta dan tal-aħħar jiddeċiedi li jirtira mill-kuntratt ta’ kreditu lil hinn mit-terminu ta’ erbatax-il jum wara l-konklużjoni tiegħu, dan il-kummerċjant ma jistax jikkritika lill-imsemmi konsumatur talli eżerċita b’mod abbużiv id-dritt ta’ rtirar tiegħu, anki jekk iż-żmien li jkun għadda bejn il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u l-irtirar mill-konsumatur ikun kunsiderevoli.

290    Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur ikun jista’ jqis b’mod validu li l-konsumatur abbuża mid-dritt ta’ rtirar tiegħu, previst fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, f’sitwazzjoni fejn waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu u lanqas ma ġiet debitament ikkomunikata iktar tard, u dan irrispettivament minn jekk dan il-konsumatur kienx jaf bl-eżistenza tad-dritt rtirar tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punt 127).

291    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, konformement mar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 267 ta’ din is-sentenza, kreditur ma jistax jinvoka n-natura abbużiva tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar meta, fil-każ ta’ informazzjoni inkompleta jew żbaljata li tinsab fil-kuntratt, it-terminu għall-irtirar ma jkunx beda jiddekorri peress li ġie stabbilit li n-natura inkompleta jew żbaljata ta’ din l-informazzjoni affettwat il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2008/48 kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt.

292    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (a) sa (d) tar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu timplika l-estinzjoni tad-dritt ta’ rtirar. Barra minn hekk, il-kreditur ma jistax validament jinvoka l-fatt li l-konsumatur, minħabba l-aġir ta’ dan tal-aħħar li seħħ bejn il-konklużjoni tal-kuntratt u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar jew saħansitra wara dan l-eżerċizzju, eżerċita dan id-dritt b’mod abbużiv meta, minħabba informazzjoni inkompleta jew żbaljata fil-kuntratt ta’ kreditu, bi ksur tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar ma jkunx beda jiddekorri peress li ġie stabbilit li din in-natura inkompleta jew żbaljata affettwat il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2008/48 kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt.

 Fuq il-punti (a) sa (d) tat-tielet domanda fil-Kawżi C47/21 u C232/21

293    Permezz tal-punti (a) sa (d) tat-tielet domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur ikun jista’, meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jinvoka d-dekadenza ta’ dan id-dritt skont regoli tad-dritt nazzjonali, u dan, inkluż meta l-konsumatur ma kienx jaf biż-żamma tal-imsemmi dritt u/jew meta minn tal-inqas waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu jew kienet tinsab fih b’mod inkomplet jew żbaljat mingħajr ma tkun ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement.

294    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar ta’ erbatax-il jum jibda jiddekorri biss meta l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva tkun ġiet ikkomunikata lill-konsumatur, jekk it-trażmissjoni sseħħ wara l-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. L-imsemmi Artikolu 10 jelenka l-informazzjoni li għandha tissemma b’mod ċar u konċiż fil-kuntratti ta’ kreditu.

295    Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10 tagħha, jirriżulta li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tipprevedi armonizzazzjoni kompleta u, kif jirriżulta mit-titolu tal-imsemmi Artikolu 22, hija ta’ natura imperattiva. Minn dan isegwi li, fl-oqsma li huma speċifikament koperti minn din l-armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali differenti minn dawk li huma previsti fl-istess direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sogefinancement, C‑50/22, EU:C:2023:177, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

296    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjonijiet ratione temporis dwar l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu jaqgħu taħt l-armonizzazzjoni li jwettaq l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48 u li, konsegwentement, peress li din id-direttiva ma tipprevedi ebda limitazzjoni ratione temporis għall-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu fil-każ li l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva ma tkunx ġiet trażmessa lilu jew tkun ġiet trażmessa lilu b’mod inkomplet jew żbaljat u, skont ir-risposta mogħtija fil-punt 267 ta’ din is-sentenza, it-terminu għall-irtirar ma jkunx beda jiddekorri, tali limitazzjoni, bħal dik li tirriżulta mid-dekadenza, ma tistax tiġi imposta, fi ħdan Stat Membru, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736, punti 116 u 117).

297    F’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, ma huwiex rilevanti jekk ir-regoli tad-dritt nazzjonali inkwistjoni jirriżultawx minn liġi vvotata mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, jekk il-konsumatur kienx jaf jew le biż-żamma tad-dritt ta’ rtirar tiegħu u jekk il-kreditur kellux il-possibbiltà li jagħti bidu għat-terminu għall-irtirar billi jikkomunika l-informazzjoni nieqsa, inkompleta jew żbaljata.

298    L-istess japplika għaċ-ċirkustanza mressqa mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tgħid li, fid-dritt Ġermaniż, id-dekadenza teħtieġ mhux biss id-dekorrenza ta’ ċertu żmien, iżda wkoll ċirkustanzi fattwali li juru li l-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat huwa ta’ natura abbużiva. Fil-fatt, mir-risposta mogħtija fil-punt 293 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali natura abbużiva hija eskluża f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 297 tal-imsemmija sentenza.

299    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (a) sa (d) tat-tielet domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 għandha tkun li d-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-kreditur ikun jista’, meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jinvoka d-dekadenza ta’ dan id-dritt skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fejn mill-inqas waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu jew kienet tidher fih b’mod inkomplet jew żbaljat mingħajr ma ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement u li, għal din ir-raġuni, it-terminu għall-irtirar previst f’dan l-istess Artikolu 14(1) ma jkunx beda jiddekorri.

 Fuq il-ħames domanda fil-Kawżi C47/21 u C232/21

300    Permezz tal-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta l-konsumatur jirtira minn kuntratt ta’ kreditu konness, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, huwa għandu jħallas lura lill-kreditur l-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew jintimah sabiex jirkupra dan l-oġġett qabel ma jkun jista’ jitlob u jikseb ir-rimbors tal-pagamenti mensili mħallsa skont il-kuntratt ta’ kreditu, peress li dan ir-rimbors jista’ jiġi pospost, fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-validità tal-irtirar mill-kreditur, sal-eżitu definittiv tal-kawża ġudizzjarja.

301    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(n) tad-Direttiva 2008/48, “ftehim ta’ kreditu konness” huwa ddefinit bħala ftehim ta’ kreditu li permezz tiegħu l-kreditu inkwistjoni jservi esklużivament sabiex jiffinanzja kuntratt relatat, b’mod partikolari, mal-provvista ta’ oġġetti, bħal, f’dan il-każ, vettura bil-mutur, bil-kundizzjoni li dawn iż-żewġ kuntratti jikkostitwixxu, minn perspettiva oġġettiva, unità kummerċjali.

302    Madankollu, id-Direttiva 2008/48 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konsegwenzi tal-irtirar, mill-konsumatur, ta’ kuntratt ta’ kreditu konness mal-kuntratt ta’ provvista ta’ oġġetti. Barra minn hekk, il-premessa 35 ta’ din id-direttiva tipprovdi li din għandha tapplika bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-Istati Membri li tirregola l-kwistjonijiet relatati mar-restituzzjoni tal-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew kwalunkwe kwistjoni oħra relatata.

303    Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 2008/48 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu amministrati b’mod li fil-prattika jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

304    F’dak li jirrigwarda speċifikament il-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed rilevanti f’dawn il-kawżi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2022, Unicaja Banco, C‑869/19, EU:C:2022:397, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

305    F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, il-konsumatur, meta jirtira minn kuntratt ta’ kreditu, huwa dejjem obbligat li jħallas lura lill-kreditur l-oġġett iffinanzjat minn dan il-kuntratt jew inkella li jintima lill-kreditur jirkupra dan l-oġġett sabiex ikun jista’ jitlob u jikseb ir-rimbors tal-pagamenti mensili mħallsa taħt l-imsemmi kuntratt, inkluż meta l-kreditur jikkontesta l-validità tal-irtirar u li l-konsumatur ikollu għalhekk iressaq, permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji, azzjoni għar-rimbors u jistenna l-eżitu ta’ din l-azzjoni sabiex jikseb, f’każ ta’ suċċess, ir-rimbors tal-pagamenti mensili.

306    Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li tali regoli proċedurali li jirregolaw l-effetti legali marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48 huma ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt peress li l-konsumatur ikollu jħallas lura l-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew jitlob lill-kreditur jirkupra dan l-oġġett mingħajr ma jkun obbligat, fl-istess mument, jirrimborsa l-pagamenti mensili tal-kreditu diġà mħallsa mill-konsumatur.

307    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda fil-Kawżi C‑47/21 u C‑232/21 għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta l-konsumatur jirtira minn kuntratt ta’ kreditu konness, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, huwa għandu jirrestitwixxi lill-kreditur l-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew ikun intimah sabiex jirkupra dan l-oġġett mingħajr ma dan il-kreditur ikun obbligat, fl-istess mument, jirrimborsa l-pagamenti mensili tal-kreditu diġà mħallsa mill-konsumatur.

 Fuq lispejjeż

308    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/83,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur, ikkaratterizzat mill-fatt li la dan il-kuntratt u lanqas kuntratt separat ma jipprevedu li l-konsumatur huwa obbligat jixtri l-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, bħala “kuntratt ta’ servizz”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tagħha. B’kuntrast, tali kuntratt la jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE, u lanqas tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għallkonsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE.

2)      Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kuntratt ta’ servizz, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, konkluż bejn konsumatur u kummerċjant bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt mill-bogħod”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta l-konklużjoni tal-kuntratt tkun ġiet ippreċeduta minn fażi ta’ negozjati li żvolġiet fil-preżenza fiżika simultanja tal-konsumatur u ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant u li matulha dan il-konsumatur ikun irċieva mingħand dan l-intermedjarju, għall-finijiet ta’ dawn in-negozjati, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u seta’ jagħmel mistoqsijiet lill-imsemmi intermedjarju dwar il-kuntratt previst jew l-offerta proposta, sabiex ineħħi kull inċertezza dwar il-portata tal-eventwali impenn kuntrattwali tiegħu mal-kummerċjant.

3)      Il-punt 8(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kuntratt ta’ servizz, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, konkluż bejn konsumatur u kummerċjant, ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, meta, matul il-fażi preparatorja għall-konklużjoni tal-kuntratt bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, il-konsumatur ikun mar fil-post tan-negozju ta’ intermedjarju li jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-kummerċjant għall-finijiet tan-negozjar ta’ dan il-kuntratt iżda li jopera f’qasam ieħor ta’ attività differenti minn dak tal-kummerċjant, bil-kundizzjoni li dan il-konsumatur seta’, bħala konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jistenna, billi jmur fil-post tan-negozju tal-intermedjarju, li jkun avviċinat kummerċjalment min-naħa ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tan-negozjar u tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz mal-kummerċjant u li barra minn hekk seta’ faċilment jifhem li dan l-intermedjarju kien qiegħed jaġixxi f’isem jew għan-nom tal-imsemmi kummerċjant.

4)      L-Artikolu 16(l) tad-Direttiva 2011/83

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kuntratt ta’ leasing ta’ vettura bil-mutur konkluż bejn kummerċjant u konsumatur u kklassifikat bħala kuntratt ta’ servizz mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju fis-sens tal-imsemmija direttiva jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni għall-kuntratti mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li jirrigwardaw servizzi ta’ kiri ta’ vetturi b’data jew b’perijodu ta’ eżekuzzjoni speċifiċi, meta l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt ikun li l-konsumatur jista’ juża vettura matul il-perijodu speċifiku previst mill-imsemmi kuntratt, bil-korrispettiv ta’ pagamenti regolari ta’ somom ta’ flus.

5)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni legali li l-kummerċjant ikun osserva l-obbligu tiegħu li jinforma lill-konsumatur bid-dritt ta’ rtirar tiegħu, meta dan il-kummerċjant jirreferi, f’kuntratt, għal dispożizzjonijiet nazzjonali li huma stess jirreferu għal mudell ta’ informazzjoni regolatorju f’dan ir-rigward, filwaqt li juża klawżoli li jinsabu f’dan il-mudell li ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva. Fin-nuqqas li tkun tista’ tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni b’mod konformi mad-Direttiva 2008/48, qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, ma hijiex obbligata, abbażi tad-dritt tal-Unjoni biss, li ma tapplikax tali leġiżlazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ din il-qorti li teskludiha abbażi tad-dritt intern tagħha u, fin-nuqqas ta’ dan, abbażi tad-dritt għall-parti leża bin-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni li titlob kumpens għad-dannu konsegwenzjali li ġarrbet.

6)      L-Artikolu 10(2)(p) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 14(3)(b) ta’ din id-direttiva

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-ammont tal-interessi ta’ kuljum li għandu jiġi indikat f’kuntratt ta’ kreditu skont din id-dispożizzjoni, applikabbli fil-każ ta’ eżerċizzju mill-konsumatur tad-dritt ta’ rtirar, fl-ebda każ ma jista’ jkun ogħla mill-ammont li jirriżulta aritmetikament mir-rata tas-self kuntrattwali miftiehma f’dan il-kuntratt. L-informazzjoni pprovduta fil-kuntratt fir-rigward tal-ammont ta’ interessi ta’ kuljum għandha tiġi indikata b’mod ċar u konċiż b’tali mod, b’mod partikolari, li, moqrija flimkien ma’ informazzjoni oħra, hija tkun nieqsa minn kull kontradizzjoni li oġġettivament tista’ tqarraq konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-ammont ta’ interessi ta’ kuljum li huwa jkollu jħallas fl-aħħar mill-aħħar. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni li jkollha dawn il-karatteristiċi, l-ebda ammont ta’ interessi ta’ kuljum ma jkun dovut.

7)      L-Artikolu 10(2)(t) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li”

kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-informazzjoni essenzjali dwar il-proċeduri ekstraġudizzjarji kollha ta’ kontestazzjoni jew ta’ rimedju li jkunu disponibbli għall-konsumatur u, skont il-każ, l-ispejjeż marbuta ma’ kull waħda minnhom, il-fatt li l-kontestazzjoni jew ir-rimedju għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ ittra jew b’mezz elettroniku, l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn għandhom jiġu indirizzati din il-kontestazzjoni jew dan ir-rimedju u l-kundizzjonijiet formali l-oħra li huma suġġetti għalihom din il-kontestazzjoni jew dan ir-rimedju, fid-dawl tal-fatt li sempliċi riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal regoli proċedurali disponibbli fuq talba jew li jisgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet jew kwalunkwe att jew dokument ieħor dwar il-modalitajiet ta’ aċċess għal proċeduri ekstraġudizzjarji ta’ kontestazzjoni jew ta’ rimedju ma huwiex suffiċjenti.

8)      L-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

li kuntratt ta’ kreditu għandu fil-prinċipju, fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self, jindika l-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u faċilment komprensibbli minn konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija f’dan il-kuntratt. Madankollu, anki fl-assenza ta’ indikazzjoni konkreta u faċilment komprensibbli tal-metodu ta’ kalkolu, tali kuntratt jista’ jissodisfa l-obbligu stabbilit f’din id-dispożizzjoni sakemm jinkludi elementi oħra li jippermettu lill-konsumatur jiddetermina faċilment l-ammont tal-kumpens ikkonċernat, b’mod partikolari l-ammont massimu tiegħu, li għandu jħallas fil-każ ta’ rimbors antiċipat tas-self.

9)      Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta informazzjoni pprovduta mill-kreditur lill-konsumatur skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva tirriżulta li hija inkompleta jew żbaljata, it-terminu għall-irtirar jibda jiddekorri biss jekk in-natura inkompleta jew żbaljata ta’ din l-informazzjoni ma tistax taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu skont l-imsemmja direttiva u lanqas id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt u li jċaħħdu, jekk ikun il-każ, mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu, essenzjalment, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu li kieku din l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta b’mod komplet u eżatt.

10)    L-Artikolu 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, fil-forma ta’ perċentwali konkreta, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u għandu jiddeskrivi b’mod konkret il-mekkaniżmu għall-aġġustament tar-rata tal-interessi moratorji. Meta l-imsemmija rata tiġi ddeterminata skont rata ta’ interessi ta’ referenza varjabbli ratione temporis, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika r-rata tal-interessi ta’ referenza applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-metodu ta’ kalkolu tar-rata tal-interessi moratorji skont ir-rata tal-interessi ta’ referenza għandha tiġi ppreżentata fil-kuntratt b’mod faċilment komprensibbli minn konsumatur medju li ma jkollux għarfien speċjalizzat fil-qasam finanzjarju b’tali mod li dan ikun jista’ jikkalkola r-rata tal-interessi moratorji abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-istess kuntratt. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika l-frekwenza tal-modifika ta’ din ir-rata ta’ interessi ta’ referenza, anki jekk din il-frekwenza tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

11)    L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu timplika l-estinzjoni tad-dritt ta’ rtirar. Barra minn hekk, il-kreditur ma jistax validament jinvoka l-fatt li l-konsumatur, minħabba l-aġir ta’ dan tal-aħħar li seħħ bejn il-konklużjoni tal-kuntratt u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar jew saħansitra wara dan l-eżerċizzju, eżerċita dan id-dritt b’mod abbużiv meta, minħabba informazzjoni inkompleta jew żbaljata fil-kuntratt ta’ kreditu, bi ksur tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għall-irtirar ma jkunx beda jiddekorri peress li ġie stabbilit li din in-natura inkompleta jew żbaljata affettwat il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2008/48 kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt.

12)    Id-Direttiva 2008/48

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi li l-kreditur ikun jista’, meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu konformement mal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jinvoka d-dekadenza ta’ dan id-dritt skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fejn mill-inqas waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma kinitx tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu jew kienet tidher fih b’mod inkomplet jew żbaljat mingħajr ma ġiet debitament ikkomunikata sussegwentement u li, għal din ir-raġuni, it-terminu għall-irtirar previst f’dan l-istess Artikolu 14(1) ma jkunx beda jiddekorri.

13)    L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta l-konsumatur jirtira minn kuntratt ta’ kreditu konness, fis-sens tal-Artikolu 3(n) ta’ din id-direttiva, huwa għandu jirrestitwixxi lill-kreditur l-oġġett iffinanzjat mill-kreditu jew ikun intimah sabiex jirkupra dan l-oġġett mingħajr ma dan il-kreditur ikun obbligat, fl-istess mument, jirrimborsa l-pagamenti mensili tal-kreditu diġà mħallsa mill-konsumatur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.