Language of document : ECLI:EU:C:2023:1017

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 15(2) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Artikolu 24(2) u (3) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-wild – Dritt ta’ kull wild li jżomm, b’mod regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri – Omm li għandha tfal żgħar li jgħixu magħha”

Fil-Kawża C‑261/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ April 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

GN,

fil-preżenza ta’:

Procuratore generale presso la Corte d’appello di Bologna,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe (Relatriċi), C. Lycourgos, E. Regan, F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GN, minn R. Ghini, avvocato,

–        għall-Procuratore generale presso la Corte d’appello di Bologna, minn A. Scandellari, sostituto procuratore della Repubblica,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, J. M. Hoogveld u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn K. Pleśniak u A. Ştefănuc, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u A. Spina, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”) u, min-naħa l-oħra, il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fl-Italja, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani fil-konfront ta’ GN bil-għan li tiġi eżegwita piena ta’ priġunerija fil-Belġju.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3).

4        L-Artikolu 3(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ulied, kemm jekk jittieħdu mill-istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ protezzjoni soċjali, mill-qrati, mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-korpi leġiżlattivi, l-aħjar interessi tal-wild għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt talUnjoni

5        Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija fformulata kif ġej:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Deċiżjoni Qafas] hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE].”

7        Filwaqt li l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jelenka r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikoli 4 u 4a jelenkaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattivi tiegħu.

8        L-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rikors lill-awtorità ċentrali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprevedi, diversi awtoritajiet ċentrali, sabiex jassistu lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

9        L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjoni ta’ ċediment”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tiddeċiedi, fil-limiti tal-ħin u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi ċeduta.

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat mhuwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment, għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tista’ fi kwalunkwe ħin tibgħat kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi.”

10      L-Artikolu 17 ta’ din id-deċiżjoni qafas jippreċiża t-termini u l-modalitajiet li għandha tosserva d-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

11      Skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Limiti tal-ħin għal ċediment tal-persuna”:

“1.      Il-persuna rikjesta għandha tiġi ċeduta malajr kemm hu possibbli f’data miftehma bejn l-awtoritajiet in kwistjoni.

2.      Il-persuna għandha tiġi ċeduta mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

[...]

4.      Iċ-ċediment tista’ eċċezzjonalment tkun temporanjament posposta għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li kien manifestament ipoġġi fi perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet waqqfu li jezistu. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat u tiftehem fuq data ta’ ċediment ġdida. F’dak il-każ, iċ-ċediment għandha tieħu seħħ f’għaxart ijiem mid-data ġdida hekk miftehma.

[...]”

 Iddritt Taljan

12      L-Artikolu 2 tal-legge n. 69 – Disposizioni per conformare il diritto interno alla decisione quadro 2002/584/GAI del Consiglio, del 13 giugno 2002, relativa al mandato d’arresto europeo e alle procedure di consegna tra Stati membri (il-Liġi Nru 69, Dispożizzjonijiet li Jikkonformaw id-Dritt Nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri) tat‑22 ta’ April 2005 (GURI Nru 98 tad‑29 ta’ April 2005, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 69/2005”), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-decreto legislativo n. 10 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 10) tat‑2 ta’ Frar 2021 (GURI Nru 30 tal‑5 ta’ Frar 2021, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 10 tal‑2021”), li tapplika għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tista’, f’ebda każ, twassal għal ksur tal-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali tal-Istat jew tad-drittijiet inaljenabbli tal-individwu rrikonoxxuti mill-Kostituzzjoni, tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 6 [TUE] jew tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni [Ewropea] għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 [(iktar ’il quddiem il-“KEDB”)] [...]”

13      Skont l-Artikolu 18 ta’ din il-liġi:

“[I]l-Qorti tal-Appell għandha tirrifjuta l-konsenja fil-każijiet li ġejjin:

(a)      jekk ir-reat allegat fil-mandat ta’ arrest Ewropew jiġi estint b’amnestija, skont il-liġi Taljana, f’sitwazzjoni fejn ikun l-Istat Taljan li jkollu ġurisdizzjoni f’dan il-qasam;

(b)      jekk jidher li tkun ingħatat fl-Italja, fir-rigward tal-persuna rikjesta u għall-istess fatti, kundanna kriminali irrevokabbli jew sentenza li tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata iktar, jew jekk tkun ingħatat sentenza definittiva fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, il-piena tkun diġà ġiet eżegwita jew tkun fil-proċess li tiġi eżegwita, jew ma tkunx tista’ tiġi eżegwita iktar skont il-liġijiet tal-Istat li jkun ta l-piena;

(c)      jekk il-persuna li hija s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew kellha inqas minn 14‑il sena fil-mument tat-twettiq tar-reat”.

14      Fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 10 tal‑2021, l-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 69/2005 kien jipprevedi:

“Il-Qorti tal-Appell għandha tirrifjuta l-konsenja:

[...]

(p)      jekk il-persuna rikjesta hija mara tqila jew hija omm ta’ tfal taħt it-tliet snin li jgħixu magħha, ħlief jekk, fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ matul il-proċedura, ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni li jsostnu l-miżura restrittiva tal-awtorità ġudizzjarja emittenti jkunu ta’ importanza eċċezzjonali;

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew kontra GN għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ħames snin priġunerija mogħtija in absentia mir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerp, Diviżjoni ta’ Antwerp, il-Belġju) talli, bejn it‑18 ta’ Settembru 2016 u l‑5 ta’ Awwissu 2017, hija ttraffikat persuni u ffaċilitat l-immigrazzjoni illegali fil-Belġju.

16      GN ġiet arrestata ġewwa Bologna (l-Italja) fit‑2 ta’ Settembru 2021. Fil-mument tal-arrest tagħha, hija kienet flimkien ma’ binha, imwieled f’Ferrare (l-Italja) fl‑10 ta’ Novembru 2018, li miegħu hija kienet tgħix. Barra minn hekk, hija kienet tqila bit-tieni wild, li twieled fl‑10 ta’ Mejju 2022.

17      Matul l-interrogazzjoni li saret fit‑3 ta’ Settembru 2021, GN ma tatx il-kunsens tagħha għall-konsenja tagħha lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani. Wara seduta li saret fis‑17 ta’ Settembru 2021, il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, talbet lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani jipprovdulha informazzjoni dwar, l-ewwel, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni, fil-Belġju, tal-pieni mogħtija fil-konfront ta’ ommijiet li jgħixu ma’ wlied minuri, it-tieni, it-trattament fil-ħabs li GN tkun suġġetta għalih fil-każ ta’ konsenja, it-tielet, il-miżuri li jittieħdu fir-rigward tal-wild minuri tagħha, kif ukoll, ir-raba’, il-possibbiltà li titkompla l-proċedura li kienet intemmet bl-għoti ta’ piena in absentia.

18      Permezz ta’ nota tal‑5 ta’ Ottubru 2021, il-Prosekutur ta’ Antwerp (il-Belġju) informa lill-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna) li d-domandi magħmula setgħu jitwieġbu mis-Servizz Pubbliku Federali (Ġustizzja) (il-Belġju).

19      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2021, il-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna) irrifjutat li tikkonsenja lil GN lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u ordnat il-ħelsien immedjat tagħha. Fil-fatt, fil-fehma ta’ din il-qorti, fl-assenza ta’ risposta mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani għad-domandi tagħha, ma kien hemm ebda ċertezza li l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti għandu sistema ta’ detenzjoni paragunabbli ma’ dik tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, li tipproteġi d-dritt tal-omm li ma tiġix imċaħħda mir-relazzjoni tagħha ma’ wliedha u li tieħu ħsiebhom, u li tiżgura li t-tfal jirċievu l-assistenza materna u familjari meħtieġa, iggarantita kemm mill-Kostituzzjoni Taljana, kif ukoll mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mill-Artikolu 24 tal-Karta.

20      Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’appell minn din is-sentenza mill-Procuratore generale presso la Corte d’appello di Bologna (il-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell, Bologna, l-Italja) u minn GN.

21      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-dispożizzjoni tal-Liġi Nru 69/2005 li kienet tipprevedi b’mod espliċitu, bħala raġuni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-każ fejn il-persuna suġġetta għal dan il-mandat tkun mara tqila jew l-omm ta’ tfal ta’ inqas minn tliet snin li jgħixu magħha, tħassret bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 10 tal‑2021 sabiex il-leġiżlazzjoni Taljana tinġieb f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ma ssemmix dan il-każ fost ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

22      Madankollu, din il-qorti tqis li, għalkemm l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti ma jipprevedix miżuri ta’ protezzjoni tad-dritt tat-tfal li ma jiġux imċaħħda minn ommhom li huma paragunabbli ma’ dawk previsti mid-dritt Taljan, il-konsenja ta’ din tal-aħħar twassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Kostituzzjoni Taljana u mill-KEDB.

23      B’dan premess, il-mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ taħt qasam li ġie armonizzat b’mod sħiħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprojbixxix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li s-suġġett tiegħu hija omm ta’ tfal żgħar minkejja li l-konsenja tagħha tmur kontra d-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u kontra l-aħjar interessi ta’ wliedha. Fl-affermattiv, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni qafas mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 24(3) tal-Karta, moqrija fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 1(2) u (3), kif ukoll l-Artikoli 3 u 4 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta jew, f’kull każ, li tipposponi ċ-konsenja ta’ omm li għandha wlied minuri jgħixu magħha?

(2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 1(2) u (3), u l-Artikoli 3 u 4 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] huma kompatibbli mal-Artikoli 7 u 24(3) tal- [Karta], anki fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri, sa fejn dawn jeżiġu konsenja tal-omm bi qtugħ tar-rabtiet tagħha ma’ wliedha minuri li jgħixu magħha mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-wild?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

25      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26      Din il-qorti sostniet li l-kawża prinċipali taffettwa d-drittijiet fundamentali ta’ mara tqila u ta’ binha ta’ età żgħira, li jgħix magħha, u li l-użu tal-proċedura mħaffa huwa meħtieġ sabiex tintemm l-inċertezza li tippersisti fir-rigward tal-kustodja futura ta’ dan it-tifel. Id-domandi magħmula jqajmu wkoll problemi li huma komuni għal għadd kbir ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati tal-Istati Membri u li għandhom jiġu indirizzati bl-akbar urġenza.

27      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

28      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali maħsub sabiex jindirizza sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, fil‑11 ta’ Mejju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jiċħad t-talba msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

30      Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li GN kienet is-suġġett ta’ ħelsien immedjat b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2021 tal-Corte d’appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna). Barra minn hekk, l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ma turix li jeżisti riskju fir-rigward tal-kustodja ta’ wlied GN pendenti t-trattament ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Kwalunkwe inċertezza dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ din il-kustodja jew il-fatt li d-domandi magħmula jistgħu jikkonċernaw numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali ma jikkostitwixxux, bħala tali, raġunijiet li jistabbilixxu l-urġenza straordinarja neċessarja sabiex jiġi ġġustifikat trattament bi proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad‑deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 34, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ periklu serju), C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 30).

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li din il-persuna hija l-omm ta’ tfal żgħar li jgħixu magħha.

32      Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta’ dik il-qorti, din l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija bbażata fuq il-premessa li, fil-kawża prinċipali, il-persuna li hija suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew għandha żewġt itfal żgħar li jgħixu magħha u li l-interess tagħhom huwa li jkomplu jżommu, b’mod regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett ma’ ommhom. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk hija tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, minħabba li l-konsenja ta’ din il-persuna tista’ ċċaħħadha minn tali relazzjoni u minn tali kuntatt ma’ wliedha.

33      Qabel kollox, għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa stess jissejjes fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, billi jippermettu li tinħoloq u tinżamm żona mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kull wieħed minn dawn l-Istati jikkunsidra li l-Istati Membri l-oħrajn kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil‑liġi fl‑Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 40, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 93).

34      B’hekk, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżumu li d-drittijiet fundamentali ġew irrispettati mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li la jistgħu jeħtieġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, jivverifikaw jekk, f’każ partikolari, dan l-Istat Membru l-ieħor irrispettax tabilħaqq id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni Ewropea (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal‑Unjoni mal‑KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 192 u sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 94).

35      F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija maħsuba sabiex, bl-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li skont il-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa mfisser fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ dan il-prinċipju u skont id-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni qafas (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil‑liġi fl‑Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Dan ifisser, minn naħa, li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew biss għal raġunijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi r-regola, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat‑18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni ta’ rifjut minħabba mard), C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Issa din id-deċiżjoni qafas ma tipprevedix li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjutaw li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew sempliċement għaliex il-persuna li hija s-suġġett ta’ tali mandat ta’ arrest hija omm ta’ tfal żgħar li jgħixu magħha. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa msejjes l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, teżisti, fil-fatt, preżunzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ omm ta’ tfal żgħar u l-kura ta’ dawn tal-aħħar fl-Istat Membru emittenti huma adattati għal sitwazzjoni bħal din, kemm jekk f’ambjent ta’ ħabs u kemm jekk fil-kuntest ta’ modalitajiet alternattivi li jippermettu ż-żamma ta’ din l-omm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru jew it-tqegħid ta’ dawn it-tfal lil hinn minn dan l-ambjent.

39      B’dan premess, mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li din tal-aħħar ma jistax ikollha l-effett li tbiddel l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 7 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedi li, f’kull azzjoni li tikkonċerna t-tfal, kemm jekk tittieħed minn awtorità pubblika u kemm jekk minn istituzzjoni privata, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja.

41      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li għalih jirreferu b’mod espliċitu l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 24 tal-Karta, il-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu japplika wkoll għal deċiżjonijiet li, bħal mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-omm ta’ tfal żgħar, ma humiex indirizzati lil dawn it-tfal, iżda li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi għal dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punti 36 u 37).

42      Issa l-possibbiltà għal ġenitur u għall-wild tiegħu li jkunu flimkien hija element fundamentali tal-ħajja tal-familja (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo”, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 61). Fil-fatt, l-Artikolu 24(3) tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull tifel u tifla li jżommu, b’mod regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tagħhom. Kif sostnew il-Procuratore generale presso la Corte d’appello di Bologna (il-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta’ Bologna), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, id-determinazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal hija evalwazzjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt il-kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 73; tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat), C‑441/19, EU:C:2021:9, punti 46 u 60, kif ukoll tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 27).

43      Għalkemm kull Stat Membru għandu primarjament l-obbligu li, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa msejjes il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jiżgura, suġġett għall-istħarriġ aħħari tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rekwiżiti inerenti għad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll fl-Artikolu 24(2) u (3) tagħha, jiġu mħarsa billi joqgħod lura milli jadotta miżuri li jistgħu jqegħduhom f’perikolu, l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u/jew uliedha jġarrbu, fil-każ ta’ konsenja ta’ din il-persuna lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali tista’, madankollu, tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, b’mod eċċezzjonali, toqgħod lura milli teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil‑liġi fl‑Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 46, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, 158/21, EU:C:2023:57, punti 72 u 96).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tar-riskju msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandha ssir mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88). Konsegwentement, assenza ta’ ċertezza, min-naħa ta’ din l-awtorità, dwar l-eżistenza, fl-Istat Membru emittenti, ta’ kundizzjonijiet paragunabbli ma’ dawk li jeżistu fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tad-detenzjoni ta’ ommijiet ta’ tfal żgħar u l-kura ta’ dawn tal-aħħar, ma tistax tippermetti li dan ir-riskju jitqies li ġie stabbilit.

45      Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha informazzjoni li turi l-eżistenza ta’ tali riskju sew jekk minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-ommijiet ta’ tfal żgħar jew tal-kundizzjonijiet ta’ kura ta’ dawn it-tfal fl-Istat Membru emittenti u sew jekk minħabba nuqqasijiet li jikkonċernaw dawn il-kundizzjonijiet u li jaffettwaw b’mod iktar speċifiku grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni, bħal tfal f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet sostanzjali għaliex wieħed jemmen li l-persuni kkonċernati qegħdin f’dan ir-riskju minħabba tali kundizzjonijiet.

46      B’hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tevalwa r-realtà tar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikolu 7 kif ukoll fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta fil-kuntest ta’ eżami f’żewġ stadji li jinvolvi analiżi abbażi ta’ kriterji differenti, b’tali mod li dawn l-istadji ma jistgħux jiġu konfużi u għandhom jitwettqu wieħed wara l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 101, 109 u 110).

47      Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, fil-kuntest tal-ewwel stadju, tiddetermina jekk teżistix informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u aġġornata kif suppost intiża sabiex turi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, ta’ dawn id-drittijiet fundamentali minħabba nuqqasijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. Din l-informazzjoni tista’ tirriżulta, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra mfassla mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll minn informazzjoni identifikata fil-bażi ta’ data tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni kriminali fl-Unjoni (Criminal Detention Database) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 102).

48      Fil-kuntest tat-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn in-nuqqasijiet identifikati matul l-ewwel stadju tal-eżami msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jista’ jkollhom impatt fuq il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jew fuq il-kundizzjonijiet ta’ kura ta’ wliedha u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom, jeżistux raġunijiet sostanzjali għaliex wieħed jemmen li din il-persuna jew uliedha qegħdin f’riskju reali ta’ ksur tal-imsemmija drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 94, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 106).

49      Għal dan il-għan, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li ma għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna kkonċernata, hija għandha, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, titlob lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tipprovdilha b’urġenza kull informazzjoni addizzjonali li hija tqis li hija meħtieġa fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom huwa previst li ser tinżamm din il-persuna u li ser tiġi rregolata l-kura ta’ wliedha f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 95).

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha dritt titlob tista’ tikkonċerna kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni stadju tal-eżami li din l-awtorità għandha twettaq skont il-punt 46 ta’ din is-sentenza. Madankollu, l-imsemmija awtorità ma tistax titlob mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni li tikkonċerna biss it-tieni stadju ta’ dan l-eżami f’sitwazzjoni fejn hija tqis li ma hijiex stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li jappartjenu għalih il-persuna kkonċernata jew uliedha, kif imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 135).

51      Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiffissa terminu li fih għandha taslilha l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awtorità ġudizzjarja emittenti. Dan it-terminu għandu jiġi adattat għal dan il-każ, bil-għan li jitħalla biżżejjed żmien għal din l-awtorità tal-aħħar sabiex tiġbor l-imsemmija informazzjoni, jekk ikun hemm bżonn billi tintalab l-assistenza għal dan il-għan tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Skont l-Artikolu 15(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-imsemmi terminu għandu, madankollu, jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu osservati t-termini ffissati fl-Artikolu 17 tal-istess deċiżjoni qafas (sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 97).

52      L-awtorità ġudizzjarja emittenti hija, min-naħa tagħha, obbligata li, sabiex ma jinkisirx il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tipprovdi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-informazzjoni addizzjonali mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 97, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl‑Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 64).

53      Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-mandat ta’ arrest Ewropew jitħalla jiffunzjona, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jispira d-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl‑Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 104, u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 131).

54      Fil-każ li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tirrispondix b’mod sodisfaċenti għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din tal-aħħar ikollha għalhekk twettaq evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ kull wieħed miż-żewġ stadji mfakkra fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Generalstaatsanwaltschaft (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl‑Ungerija), C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 114).

55      Huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li, fid-dawl tal-informazzjoni kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż il-possibbiltà ta’ assenza ta’ garanziji mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li jeżistu, minn naħa, nuqqasijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru emittenti u, min-naħa l-oħra, raġunijiet sostanzjali għaliex wieħed jemmen li, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom, il-persuna kkonċernata u/jew uliedha qegħdin f’riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikolu 7 kif ukoll fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, toqgħod lura milli teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew li tiegħu din il-persuna hija s-suġġett. Fil-każ kuntrarju, hija għandha teżegwixxi dan tal-aħħar, skont l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

56      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat, fir-rigward tal-possibbiltà, li rreferiet għaliha l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, li tiġi posposta l-konsenja, li, għalkemm huwa possibbli, abbażi tal-Artikolu 23(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tiġi sospiża l-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, din il-possibbiltà tista’ tintuża biss temporanjament, b’mod eċċezzjonali u għal raġunijiet umanitarji serji. Fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 23 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, huwa inkonċepibbli, barra minn hekk, li tali sospensjoni ddum għal perijodu kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ April 2023, E. D. L. (Raġuni ta’ rifjut minħabba mard), C‑699/21, EU:C:2023:295, punt 51).

57      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li din il-persuna hija l-omm ta’ tfal żgħar li jgħixu magħha, sakemm, l-ewwel nett, din l-awtorità ma jkollhiex informazzjoni li turi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ta’ din il-persuna, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta u tal-aħjar interessi ta’ wliedha, kif protetti fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-ommijiet ta’ tfal żgħar u tal-kundizzjonijiet ta’ kura ta’ dawn it-tfal fl-Istat Membru emittenti u sakemm, it-tieni nett, ma jeżistux raġunijiet sostanzjali għaliex wieħed jemmen li, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom, il-persuni kkonċernati qegħdin f’dan ir-riskju minħabba tali kundizzjonijiet.

 Fuq ittieni domanda

58      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li din il-persuna hija l-omm ta’ tfal żgħar li jgħixu magħha, sakemm, l-ewwel nett, din l-awtorità ma jkollhiex informazzjoni li turi l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ta’ din il-persuna, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-aħjar interessi ta’ wliedha, kif protetti fl-Artikolu 24(2) u (3) ta’ din il-karta, minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-ommijiet ta’ tfal żgħar u tal-kundizzjonijiet ta’ kura ta’ dawn it-tfal fl-Istat Membru emittenti u sakemm, it-tieni nett, ma jeżistux raġunijiet sostanzjali għaliex wieħed jemmen li, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tagħhom, il-persuni kkonċernati qegħdin f’dan ir-riskju minħabba tali kundizzjonijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.