Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Frar 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-49/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Triantafyllou u K. Herrmann, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li, billi applikat rata mnaqqsa tal-VAT ta' 7% għal provvisti, għall-importazzjoni u għall-akkwisti intra-Komunitarji ta' ħwejjeġ u aċċessorji ta' ħwejjeġ għal trabi u ta' żraben tat-tfal fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tal-Liġi tat-Taxxa fuq Merkanzija u Servizzi (ustawa o podatku od towarów i usług) tal-11 ta' Marzu 2004, flimkien mal-intestaturi 45 u 47 tal-Anness III ta' dik il-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, 1 flimkien mal-Anness III tagħha;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-fehma tar-rikorrenti, l-applikazzjoni min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja ta' rata mnaqqsa tal-VAT ta' 7% għal provvisti, għall-importazzjoni u għall-akkwisti intra-Komunitarji ta' ħwejjeġ u aċċessorji ta' ħwejjeġ għal trabi u ta' żraben tat-tfal fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tal-Liġi tat-Taxxa fuq Merkanzija u Servizzi tal-11 ta' Marzu 2004, flimkien mal-intestaturi 45 u 47 tal-Anness III ta' dik il-liġi, tmur kontra d-dispożizzjonijiet ċari tal-Artikolu 98 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-applikazzjoni ta' dik ir-rata mnaqqsa tal-VAT għall-merkanzija msemmija iktar 'il fuq mhijiex inkluża f'xi deroga mogħtija lir-Repubblika tal-Polonja fil-punt 1(a) u (b) tal-Kapitolu 9 ('Tassazzjoni') tal-Anness XII għall-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea jew fl-Artikolu 128 tad-Direttiva 2006/112/KE.

____________

1 - ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.