Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2021 – Deutsche Kreditbank vs SRB

(Kawża T-391/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Deutsche Kreditbank AG (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Berger u M. Weber, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għas-sena 2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/2021/22), inklużi l-annessi tagħha, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata, inklużi l-Anness I, l-Anness II u l-Anness III tagħha, jikkonċernaw il-kontribuzzjoni dovuta mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata hija legalment ineżistenti bħala riżultat tal-użu tal-lingwa uffiċjali żbaljata tal-konvenut u għaldaqstant ir-rikors għal annullament ikun inammissibbli peress li huwa bla skop, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata hija legalment ineżistenti sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv: id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 1 flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 2 peress li ma hijiex redatta fil-lingwa uffiċjali Ġermaniża li għandha tintuża fil-konfront tar-rikorrenti.

It-tieni motiv: id-deċiżjoni tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) sa fejn għandha diversi lakuni fil-motivazzjoni, b’mod partikolari l-applikazzjoni mill-konvenut ta’ diversi marġnijiet ta’ diskrezzjoni mogħtija mil-liġi u ma tiżvelax id-data tal-istituzzjonijiet l-oħra.

It-tielet motiv: id-deċiżjoni tikser ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta peress li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni huwa prattikament impossibbli, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti tiġi kompromessa.

Ir-raba’ motiv: l-Artikoli 4 sa 9 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 3 , fil-verżjoni emendata bir-Regolament Delegat (UE) 2016/1434 4 jiksru d-dritt ta’ livell superjuri peress li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni huwa prattikament impossibbli, u għalhekk il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti tiġi kompromessa.

Il-ħames motiv: l-Artikoli 6, 7 u 9 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega jiksru d-dritt ta’ livell superjuri b’mod partikolari peress li jmorru kontra l-prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattat għar-riskju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti kollha.

Is-sitt motiv: id-deċiżjoni tikser il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrent skont l-Artikolu 16 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-multiplikaturi ta’ aġġustament skont il-profil tar-riskju ma jikkorrispondux għall-profil tar-riskju tajjeb tar-rikorrenti li huwa ogħla mill-medja.

Is-seba’ motiv: id-deċiżjoni tikser l-Artikoli 16 u 20 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dritt għal amministrazzjoni tajba minħabba żbalji manifesti mwettqa mill-konvenut fl-eżerċizzju ta’ diversi marġnijiet ta’ diskrezzjoni.

It-tmien motiv: l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega jiksru l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE 5 u l-prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet adattat għar-riskju.

____________

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1)

2 Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3)

3 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

4 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1434 tal-14 ta’ Diċembru 2015 li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2015/63 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 233, p. 1).

5 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).