Language of document : ECLI:EU:T:2006:159

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (L-Ewwel Awla)

13 ta' Ġunju 2006 (*)

"Sajd – Programmi multi-annwi ta' gwida – Applikazzjonijiet għaż-żieda ta' l-għanijiet bil-għan li tiġi mtejba s-sigurtà – Deċiżjoni 97/413/KE – Ċaħda tal-Kummissjoni – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Kompetenza tal-Kummissjoni"

Fil-kawżi magħquda T-218/03 sa T-240/03,

Cathal Boyle, residenti f'Killybegs (L-Irlanda), u t-22 rikorrent l-ieħor li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness, irrappreżentati minn P. Gallagher, SC, A. Collins, SC, u D. Barry, solicitor,

rikorrenti,

sostnuti minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan u C. O’Toole, bħala aġenti, assistiti minn D. Conlan Smyth, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Braun u B. Doherty, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE ta' l-4 ta' April 2003, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-programm multi-annwu ta' gwida IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta' tul ġenerali ta' iktar minn tnax-il metru (ĠU L90, p. 48), safejn din tiċħad l-applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità tal-bastimenti tar-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1       Skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE tas-26 ta' Ġunju 1997 dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1997 u l-31 ta' Diċembru 2001, bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom (ĠU L 175, p. 27):

"Fil-programmi multi-annwi ta' gwida għall-Istati Membri, iż-żidiet fil-kapaċità li jirriżultaw esklużivament mit-titjib tas-sigurtà jiġġustifikaw, każ b'każ, żieda fuq l-istess livell fl-għanijiet tas-segmenti tal-flotta meta din ma ġġibx magħha żieda fl-isforz tas-sajd tal-bastimenti kkonċernati." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

2       Skond il-punt 3.3 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/125/KE tas-16 ta' Diċembru 1997 li tapprova l-programm multi-annwu ta' gwida tal-flotta tas-sajd ta' l-Irlanda għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1997 u l-31 ta' Diċembru 2001 (ĠU 1998, L 39, p. 41, iktar 'il quddiem il-PMG IV"):

"L-Istati Membri jistgħu f'kull ħin jissottomettu programm ta' titjib tas-sigurtà. Konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/413 […], il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk żieda fil-kapaċità prevista minn programm bħal dan tiġġustifikax żieda korrispettiva fl-għanijiet tal-PMG IV.

[…] " [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

3       L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (ĠU L 337, p. 10), jaqra kif ġej:

"1. It-tiġdid tal-flotta u l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd għandhom jiġu organizzati skond dan it-titolu.

Kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni, għall-approvazzjoni bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 23(2), aranġamenti permanenti sabiex jimmonitorjaw it-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta tas-sajd. Ġewwa l-qafas ta' dawn l-arranġamenti l-Istati Membri għandhom juru illi d-dħul u l-ħruġ mill-flotta jiġi mmaniġġjat b'tali mod illi l-kapaċità ma taqbiżx l-għanijiet annwali fissati fil-programm multi-annwu ta' gwida, fuq il-flotta kollha u għall-partijiet minnha interessati, jew fejn xieraq illi kapaċità tas-sajd tiġi mnaqqsa bil-mod il-mod sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

Dawn l-arranġamenti għandhom, partikolarment, iqisu li ma tistax titreġġa’ lura l-kapaċità, għajr dik ta' bastimenti ta' tul ġenerali inqas minn 12-il metru minbarra l-bastimenti tat-tkaxkir irtirati bil-għajnuna pubblika.

2. L-Istati Membri jistgħu jissottomettu talba għal żieda identifikata u kwantifikata biċ-ċar fl-għanijiet tal-kapaċità għal miżuri li jtejbu s-[sigurtà], in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodott u l-kondizzjonjiet tax-xogħol basta iżda illi dawn il-miżuri ma jwasslux għal żieda fir-rata ta' l-isfruttament tar-riżorsi involuti.

Talba bħal din għandha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni u approvata bi qbil mal-proċedeura preskritta fl-Artikolu 23(2). Kull żieda fil-kapaċità għandha tiġi maniġġjata mill-Istati Membri skond l-arranġamenti permanenti riferiti fil-paragrafu 1."

4       L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 ġie mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2002 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/70/KE tat-28 ta' Jannar 2002 li temenda d-Deċiżjoni 97/413 (ĠU L 31, p. 77).

5       L-Artikolu 11(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, p. 59), jaqra kif ġej:

"5. Fuq bastimenti tas-sajd ta' 5 snin jew aktar, il-modernizzazzjoni 'l fuq mill-gverta prinċipali biex ittejjeb is-sigurtà ta' abbord, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene, u l-kwalità tal-prodott tista' żżid it-tunnellaġġ tal-bastiment, basta li din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut. […]"

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

6       Ir-rikorrenti huma proprjetarji ta' bastimenti li jagħmlu parti mill-flotta tas-sajd Irlandiża.

7       Bejn l-1999 u l-2001 kien hemm skambju ta' korrispondenza dwar l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 bejn id-Dipartiment tal-Marina (iktar 'il quddiem id-"Dipartiment") u l-Kummissjoni.

8       Matul dan il-perijodu, u b'mod partikolari f'Novembru u Diċembru 2001, kull wieħed mir-rikorrenti applikaw mad-Dipartiment sabiex jiksbu żieda fil-kapaċità minħabba titjib magħmul f'dak li jirrigwarda s-sigurtà, skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 u l-punt 3.3 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125.

9       B'ittra ta' l-14 ta' Diċembru 2001, id-Dipartiment talab lill-Kummissjoni żieda ta'
1 304 tunnellati gross (iktar 'il quddiem "TG") tas-segment polivalenti u ta' 5 335 TG tas-segment pelaġiku tal-flotta Irlandiża, skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Din l-ittra kienet tikkumplementa applikazzjoni preċedenti li d-Dipartiment kien għamel lill-Kummissjoni dwar żewġ bastimenti bħala "każ bi prova".

10     L-ittra ta' l-14 ta' Diċembru 2001 kienet tindika li din kienet saret wara l-applikazzjoni ta' 38 proprjetarju ta' bastimenti li kienu mmodifikaw jew bidlu l-bastiment tagħhom jew li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu dan. Ma' din l-ittra ntbgħatet ukoll dokumentazzjoni dettaljata dwar it-38-il bastiment in kwistjoni. Minn tabella annessa ma' l-imsemmija ittra jirriżulta li 18 mir-rikorrenti kienu fost dawn it-38 proprjetarju.

11     B'ittri tad-19 u l-21 ta' Diċembru 2001, id-Dipartiment pprovda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti li tagħhom huma proprjetarji r-rikorrenti l-oħra.

12     Fl-4 ta' April 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/245/KE dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-PMG IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta' tul ġenerali ta' iktar minn tnax-il metru (ĠU L 90, p. 48, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

13     Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

"Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' l-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għaż-żieda fl-għanijiet tal-PMG IV f'dak li jirrigwarda t-tunnellaġġ jiġu kkunsidrati bħala eleġibbli bil-kundizzjonijiet segwenti:

1)      l-Istat Membru jkun bagħat l-applikazzjonijiet każ b'każ qabel il-31 ta' Diċembru 2001;

2)      il-bastiment irid ikun irreġistrat korrettament fir-Reġistru tal-flotta Komunitarja;

3)      il-bastiment ikkonċernat irid ikollu tul ġenerali ta' ħmistax-il metru jew iktar;

4)      iż-żieda fit-tunnellaġġ trid tkun ir-riżultat ta' xogħlijiet ta' modernizzazzjoni, li saru jew li għad iridu jsiru, fuq il-gverta prinċipali ta' bastiment tas-sajd diġà eżistenti u rreġistrat li meta jinbdew ix-xogħlijiet fuqu jkollu għall-inqas ħames snin. Fil-każ fejn bastiment ikun għereq fil-baħar, iż-żieda fit-tunnellaġġ għandha tkun ir-riżultat ta' volum ikbar fuq il-gverta prinċipali tal-bastiment sostituttiv b'relazzjoni għall-bastiment li jkun għereq fil-baħar;

5)      iż-żieda fit-tunnellaġġ hija ġġustifikata bit-titjib tas-sigurtà, tan-navigazzjoni fuq il-baħar, ta' l-iġjene, tal-kwalità tal-prodotti u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

6)      il-volum taħt il-gverta prinċipali tal-bastiment modifikat jew tal-bastiment sostituttiv ma jridx jiżdied.

L-applikazzjonijiet għaż-żieda fl-għanijiet tal-PMG IV f'dak li jirrigwarda s-saħħa tal-magni mhumiex eliġibbli.

Artikolu 2

L-applikazzjonijiet aċċettati skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 huma dawk elenkati fl-Anness I.

L-applikazzjonijiet miċħuda skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 huma dawk elenkati fl-Anness II.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lill-Irlanda, lir-Renju ta' l-Olanda, lir-Renju ta' l-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq."

14     Il-bastimenti tar-rikorrenti jidhru kollha fil-lista ta' l-"applikazzjonijiet miċħuda" li tinsab fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15     Ir-rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fit-13 ta' Ġunju 2003, irreġistrati bin-numri T-218/03 sa T240/03. Fuq proposta tal-Qorti tal-Prim' Istanza, huma aċċettaw li dawn ir-rikorsi jiġu ttrattati bħala kawża waħda.

16     Permezz ta' digriet ta' l-20 ta' Jannar 2004, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim' Istanza awtorizza lill-Irlanda tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tar-rikorrenti. In-nota ta' intervent ta' l-Irlanda ġew ippreżentati fl-10 ta' Marzu 2004. Il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fuq din in-nota fis-16 ta' Ġunju 2004.

17     Permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2004, il-Qorti tal-Prim' Istanza (L-Ewwel Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta' organizazzjoni tal-proċedura, stiednet lir-rikorrenti jressqu d-dokumenti kollha li jistgħu jikkonfermaw li huma l-proprjetarji tal-bastimenti in kwistjoni. Ir-rikorrenti ssodisfaw din it-talba.

18     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim' Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta' organizazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u jwieġbu ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Dawn issodisfaw dawn it-talbiet.

19     It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-23 ta' Novembru 2005.

20     Wara li nstemgħu il-partijiet fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim' Istanza ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza finali skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

21     Ir-rikorrenti u l-Irlanda jitolbu li l-Qorti tal-Prim' Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tiċħad l-applikazzjonijiet għaż-żieda fil-kapaċità, li jirrigwardaw il-bastimenti tagħhom;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim' Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

–       sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbilità

23     Il-Kummissjoni teċepixxi l-inammissibbiltà ta' dawn ir-rikorsi minħabba li r-rikorrenti mhumiex direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

24     Hija ssostni wkoll li wħud mir-rikorrenti ma ppruvawx li huma l-proprjetarji tal-bastimenti in kwistjoni. Madankollu hija rtirat din l-oġġezzjoni waqt is-seduta.

 L-argumenti tal-partijiet

25     Il-Kummissjoni preliminarjament tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lill-Istati Membri kkonċernati. Ir-rikorrenti mhumiex id-destinatarji, ma jissemmewx b'isimhom fid-deċiżjoni u ma kellhom ebda djalogu dirett mal-Kummissjoni.

26     Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara li l-Irlanda applikat sabiex tikseb żieda fil-kapaċità tal-flotta kollha tagħha. Għalkemm l-awtoritajiet Irlandiżi bbażaw l-applikazzjoni tagħhom fuq fatti li jikkonċernaw bastimenti speċifiċi, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fil-verità, id-deċiżjoni kienet indirizzata lir-rikorrenti.

27     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti mhumiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma affettwati minn din id-deċiżjoni biss minħabba li jippossiedu bastimenti fl-Irlanda. Id-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax id-drittijiet ta' proprjetà tagħhom fuq dawn il-bastimenti u huma jistgħu jkomplu jistadu bil-bastimenti li għandhom bħalissa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 13). Il-Kummissjoni tgħid ukoll li, anke jekk jiġi kkunsidrat li l-kategorija tal-proprjetarji ta' bastimenti tas-sajd fl-Irlanda hija kompletament magħluqa, ir-rikorrenti mhumiex ikkonċernati mid-deċiżjoni iktar minn kwalunkwe proprjetarju ieħor ta' bastiment tas-sajd fl-Irlanda.

28     Dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fl-Anness II tagħha, il-bastimenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li tali indikazzjoni tirriżulta biss mill-kuntest fattwali tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1996, Weber vs Il-Kummissjoni, T-482/93, Ġabra p. II-609).

29     Il-Kummissjoni tikkontesta l-parallel li r-rikorrenti jistabbilixxu mas-sentenza Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, li fl-opinjoni tagħha huwa bbażat fuq l-affermazzjoni żbaljata fil-fatt u fid-dritt li huma "bagħtu lill-Kummissjoni applikazzjonijiet individwali għal kapaċità addizzjonali".

30     Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-portata ġenerali u għalhekk in-natura regolatorja ta' miżura ma titqiegħedx fid-dubju bil-fatt li huwa possibbli li jiġi ddeterminat b'mod ftit jew wisq eżatt in-numru jew anke l-identità tal-persuni li għalihom tapplika f'mument partikolari, diment li jkun stabbilit li hija tapplika bis-saħħa ta' sitwazzjoni ġuridika jew fattwali oġġettiva, definita mill-azzjoni in kwistjoni b'relazzjoni għall-għanijiet tagħha. Mhuwiex biżejjed li jintwera li l-miżura in kwistjoni tapplika biss għal "ċirku magħluq" ta' operaturi (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tas-7 ta' Novembru 1996, Roquette Frères vs Il-Kunsill, T-298/94, Ġabra p. II-1531, punti 41 u 42). F'kull każ, fil-każ in kwistjoni, il-grupp ta' persuni marbuta ma' bastimenti partikolari ma jistax jiġi stabbilit b'mod definittiv peress li bastiment jista' jbiddel il-proprjetarju.

31     Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti lanqas mhuma direttament ikkonċernati fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 96). L-uniku effett ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata huwa li ngħatat żieda fil-kapaċità ta' 203 TB lill-flotta Irlandiża (ara l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413). Għalkemm l-oneru tal-prova jaqa' fuqhom, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw kif id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, huma ma jsostnux li din id-deċiżjoni biddlet is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

32     L-argument relattiv għall-interess dirett f'dan il-każ jirriduċi ruħhu għal mistoqsija sempliċi, li hija dik li jsir magħruf x'għamlet il-Kummissjoni lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, kieku d-deċiżjoni kkontestata verament kellha effetti awtomatiċi, dawn ta' l-aħħar kellhom diġà jiġu perċepiti.

33     Huma l-awtoritajiet Irlandiżi li għandhom jiddeċiedu kif jużaw iż-żieda fil-kapaċità u liema toroq jadottaw fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet għal kapaċità li taqbeż il-livell awtorizzat mill-Kummissjoni (ara l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2792/1999). Għaldaqstant, kull deċiżjoni li tikkonċerna bastimenti speċifiċi teħtieġ li l-awtoritajiet Irlandiżi japplikaw regoli intermedjarji oħra u ma tkunx purament awtomatika.

34     Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija ħadet deċiżjoni li tikkonċerna bastimenti individwali. Hija tikkontesta r-rilevanza ta' l-eżempju tagħhom dwar l-għoti mill-ġdid lil bastiment ieħor ta' żieda fil-kapaċita intiża għal bastiment li jidher fl-Anness I. L-ewwel nett, l-applikazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni u dawk indirizzati lil Stat Membru ma fihomx l-istess kontenut. It-tieni nett, għalkemm proprjetarju ta' bastiment imsemmi fl-Anness I jista' jsostni li għandu aspettativi leġittimi li l-applikazzjonijiet li huwa ressaq fuq livell nazzjonali dwar il-liċenzja tal-bastiment tiegħu jiġu aċċettati, ma teżistix aspettativa leġittima ekwivalenti fil-każ ta' deċiżjoni negattiva. Min-naħa, anke jekk il-Kummissjoni tiċħad l-applikazzjoni għal żieda fl-għanijiet ta' kapaċità għal flotta sħiħa, xorta tista' tingħata żieda fid-daqs ta' bastimenti individwali, peress li Stat Membru jista' jilqa' applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità fil-limiti tal-limiti massimi stabbiliti fil-kuntest tal-PMG IV. B'mod partikolari, fl-Irlanda jeżistu riżervi ta' kapaċità. Minn naħa l-oħra, fl-Irlanda jeżisti suq fil-kapaċità, b'mod li proprjetarju dejjem jista' jixtri kapaċità addizzjonali għal bastiment ġdid. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-eżistenza ta' tali suq hija relevanti peress li din turi li deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni mhux bilfors tirriżulta f'deċiżjoni negattiva fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet Irlandiżi minn operaturi individwali.

35     Il-Kummissjoni żżid li parti kbira mir-rikorrenti setgħu jistadu qabel id-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kliem ieħor, diversi rikorrenti kienu bbenefikaw, żmien twil qabel id-deċiżjoni kkontestata, mill-vantaġġ ekonomiku mogħti bil-kapaċità addizzjonali. Barra minn dan, diversi rikorrenti setgħu jkomplu jistadu wara l-imsemmija deċiżjoni. Il-Ministru tas-Sajd Irlandiż ikkonstata, f'Ottubru 2003, li ħamsa mill-bastimenti tar-rikorrenti kellhom il-liċenzja. Bastimenti oħra tar-rikorrenti kienu kisbu liċenzja fl-2004.

36     Għaldaqstant, b'risposta għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija setgħet sempliċement tagħti żieda fil-kapaċità ta' 203 TB lill-Irlanda mingħajr ma tindika bastimenti individwali, il-Kummissjoni tosserva li dan ma jibdilx l-effett ġuridiku tad-deċiżjoni li huwa definit mill-kuntest regolatorju li taħtu hija taqa' u mhux mill-forma tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ġunju 1980, Calpak u Società emiliana lavorazione frutta vs Il-Kummissjoni, 789/79 u 790/79, Ġabra p. 1949, punt 7).

37     Dwar l-argument ta' l-Irlanda li jgħid li r-rikorrenti jkollhom ibatu spejjeż enormi, minħabba l-politika ta' dħul u ta' ħruġ applikabbli għall-flotta Irlandiża (ara punt 41 iktar 'il quddiem), il-Kummissjoni tosserva li dan ma tqajjimx mir-rikorrenti u li tressaq tard wisq. Barra minn hekk, dan l-argument imur kontra t-teżi tar-rikorrenti peress illi juri li kull konsegwenza negattiva eventwali fil-konfront tagħhom tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u mhux mid-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm il-leġiżlazzjoni Irlandiża tista' tirrifletti ċerti regoli tad-dritt Komunitarju, din mhijiex leġiżlazzjoni li timplementa d-deċiżjoni kkontestata.

38     Dan huwa kkonfermat mill-adozzjoni mill-Irlanda, f'Novembru 2003, ta' politika ġdida għall-għoti ta' liċenzji lill-bastimenti tas-sajd (Policy Directive 2/2003). Din il-politika mhijiex konsegwenza awtomatika tad-deċiżjoni kkontestata u turi li l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom ċertu marġini ta' diskrezzjoni sabiex japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-liċenzji.

39     Ir-rikorrenti jsostnu li huma individwalment u direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkuntestata.

40     B'mod partikolari, f'dak li jikkonċerna l-interess dirett, huma jsostnu li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2792/1999 (ara punt 33 iktar 'il fuq) ma kienx fis-seħħ meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata. F'kull każ, il-fatt li dan l-Artikolu jipprovdi li ż-żidiet fil-kapaċità għandhom jiġu mmaniġġjati mill-Istati Membri għandu jiġi kkunsidrat biss bħala sempliċi obbligu impost fuq l-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' kull deċiżjoni pożittiva adottata.

41     L-Irlanda ssostni li l-effett ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata huwa li ġew espliċitament miċħuda l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti għall-ksib ta' żieda fil-kapaċita f'termini ta' tunnellaġġ għal raġunijiet ta' sigurtà abbażi tal-kriterji ta' l-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti jkollhom ibatu spiża enormi għaliex ser ikunu mġiegħla jiksbu l-kapaċità sostituttiva tat-tunnellaġġ irriżervat għas-sigurtà li kien is-suġġett ta' l-applikazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

42     Skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, kull persuna fisika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna.

43     Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata lill-Irlanda kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti humiex direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

44     Dwar il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilità jirriżulta li l-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta' deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddivrenzjahom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba f'hekk, tiddistingwihom b'mod analogu għall-mod li bih huwa distint id-destinatarju ta' deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq fil-punt 27, punt 11; sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tas-27 ta' April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T-435/93, Ġabra p. II-1281, punt 62).

45     Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeċidiet fuq applikazzjonijiet ta' l-Istati Membri intiżi sabiex tinkiseb żieda globali fl-għanijet tagħhom skond il-PMG IV. Madankollu, l-applikazzjoni għal żieda relattiva għall-flotta nazzjonali Irlandiża, li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni, kienet komposta mill-applikazzjonijiet individwali kollha tal-proprjetarji ta' bastimenti, fosthom dawk tar-rikorrenti.

46     Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkunsidra dawn l-applikazzjonijiet individwali "każ b'każ" skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/143 (ara, ukoll, it-tieni premessa tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija sostniet li hija kienet eżaminat "każ b'każ" is-sitwazzjoni ta' kull bastiment imsemmi fl-applikazzjoni ta' l-Irlanda u kkonfermat, waqt is-seduta, li l-espressjoni "każ b'każ" tfisser "bastiment b'bastiment". F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li l-"applikazzjoni globali" ta' l-Olanda ġiet miċħuda mill-Kummissjoni minħabba li ma kinitx "iddettaljata każ b'każ" (Anness II).

47     Barra minn dan, il-Kummissjoni telenka l-bastimenti kkonċernati fl-Anness I ("applikazzjonijiet aċċettati") u fl-Anness II ("applikazzjonijiet miċħuda") tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-ismijiet tal-bastimenti tar-rikorrenti kollha kemm huma jidhru fl-Anness II.

48     Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata lill-Istati Membri kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li din tikkonċerna numru ta' bastimenti speċifiċi. Id-deċiżjoni kkuntestata għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala konglomerazzjoni ta' deċiżjonijiet individwali li kull waħda minnhom taffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tal-proprjetarji ta' l-imsemmija bastimenti, fosthom dawk tar-rikorrenti (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il-Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punti 17 sa 22).

49     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra li n-numru u l-identità tal-proprjetarji tal-bastimenti in kwistjoni kienu ddeterminati u verifikabbli minn qabel id-data tad-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tkun taf li d-deċiżjoni tagħha kienet taffettwa esklużivament l-interessi u l-pożizzjoni ta' l-imsemmija proprjetarji. Meta ġiet adottata, id-deċiżjoni kkontestata kienet tikkonċerna ċirku magħluq ta' persuni speċifiċi li l-Kummissjoni riedet tirregola d-drittijiet tagħhom. Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni fattwali, hekk maħluqa, tiddivrenzja lir-rikorrenti mill-persuni l-oħra kollha u tiddistinwihom b'mod analogu għall-mod li bih huwa distint destinatarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Lulju 1965, Toepfer u Getreide-Import vs Il-Kummissjoni KEE, 106/63 u 107/63, Ġabra p. 525, p. 533).

50     F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu mfakkra ż-żewġ kriterji kumulattivi ta' l-interess dirett fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE li jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilità.

51     L-ewwel nett, l-att in kwistjoni jrid jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna. It-tieni nett, l-imsemmi att ma jrid iħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji tiegħu li għandhom l-obbligu li jimlimentawh, liema implementazzjoni għandha tkun ta' natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja biss mingħajr applikazzjoni ta' regoli intermedjarji oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-13 ta' Diċembru 2000, DSTV vs Il-Kummissjoni, T-69/99, Ġabra p. II-4039, punt 24). Il-kundizzjoni meħtieġa mit-tieni kriterju tiġi sodisfatta wkoll meta l-possibbiltà għall-Istat Membru li ma jagħtix effett lill-att in kwistjoni tkun purament teorika, billi ma jkun hemm ebda dubju dwar ir-rieda tiegħu li jaġixxi f'konformità ma' dan l-att (sentenza Dreyfus vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44 ; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punti 8 sa 10).

52     F'dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni kienet l-unika awtorità li kellha s-setgħa tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. L-ebda entità amministrattiva oħra, inklużi l-awtoritajiet Irlandiżi, ma setgħet, abbażi ta' din id-dispożizzjoni, tagħti żidiet fil-kapaċità minħabba titjib fil-qasam tas-sigurtà.

53     Barra minn hekk, kif ġie rilevat fil-punt 46 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni effettivament ħadet deċiżjonijiet "każ b'każ" f'dak li jirrigwarda l-eliġibbiltà ta' l-applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità tal-bastimenti in kwistjoni. Fil-fatt, kull applikazzjoni magħmula mill-proprjetarji tal-bastimenti tingħata risposta espliċita fl-annessi tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi għal żidiet ta' tunnellaġġ speċifiċi għall-bastimenti li jidhru fl-Anness I u li ma tagħti l-ebda żieda fit- tunnellaġġ lill-bastimenti msemmija fl-Anness II. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi teħid ta' pożizzjoni espliċitu fuq il-kwistjoni jekk il-bastimenti indikati fl-annessi tagħha setgħux jew le jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

54     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, bħala l-unika awtorità kompetenti f'dan il-qasam, tiddeċiedi b'mod definittiv fuq l-eliġibbilità għal żieda fil-kapaċità ta' ċerti bastimenti speċifiċi, b'referenza għall-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Għalhekk, permezz tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta' eliġibbiltà tal-bastimenti tar-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett dirett u definittiv li ċċaħħad lil dawn ta' l-aħħar mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn miżura tad-dritt Komunitarju. Minn dan isegwi li tali deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti direttament.

55     Għandu jingħad ukoll li, konformement ma' l-obbligu tagħhom li jimplementaw id-dritt Komunitarju, l-Istati Membri kienu obbligati li jagħtu ż-żidiet imsemmija fl-Anness I lill-bastimenti korrispettivi. B'mod partikolari huma ma setgħux jallokaw lil bastiment li jidher fl-Anness II kapaċità addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lil bastiment li jidher fl-Anness I. Għalhekk, il-bastimenti li jidhru fl-Anness II, fosthom dawk tar-rikorrenti, m'għandhomx dritt għal żieda fil-kapaċità minħabba titjib fil-qasam tas-sigurtà. Peress li hija biss il-Kummissjoni li tisa' tagħti tali żieda fil-kapaċità, din iddeċidiet definittivament ix-xorti ta' dawn il-bastimenti.

56     Dan l-effett tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, peress li l-Kummissjoni hija l-unika awtorità kompetenti biex tapplika l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. L-awtoritajiet nazzjonali m'għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta' l-obbligu tagħhom li jimplementaw din id-deċiżjoni. Huma m'għandhom l-ebda għażla u l-ebda marġni ta' manuvra fir-rigward ta' l-għoti tal-kapaċità addizzjonali fil-qasam tas-sigurtà, u jridu jimplementaw din id-deċiżjoni b'mod purament awtomatiku, mingħajr ma japplikaw regoli intermedji oħra.

57     L-argumenti rispettivi tal-partijiet dwar l-effetti prattiċi jew le tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bastimenti in kwistjoni mhumiex rilevanti f'dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati safejn id-deċiżjoni kkontestata eskludiet l-eliġibbiltà tal-bastimenti in kwistjoni għal żieda fil-kapaċità skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, kienet x'kienet is-sitwazzjoni prattika tal-bastimenti u, b'mod partikolari, il-kwistjoni jekk dawn kinux jistadu qabel jew wara d-deċiżjoni kkontestata.

58     L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Irlanda tista' teoretikament tiddeċiedi li tagħti kapaċità addizzjonali lill-bastimenti tar-rikorrenti ma jqiegħedx fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 52 sa 56. Deċiżjoni nazzjonali ta' dan it-tip ma ċċaħħadx lid-deċiżjoni kkontestata mill-applikabbiltà awtomatika tagħha. Hija tibqa' ġuridikament estranja għall-applikazzjoni, fid-dritt Komunitarju, tad-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni nazzjonali jkollha bħala effett li tibdel mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, b'mod partikolari billi tneħħi l-ħtieġa għal dawn ta' l-aħħar li jixtru kapaċità sostituttiva. Din it-tieni bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tagħhom tirriżulta biss mid-deċiżjoni nazzjonali l-ġdida u mhux mill-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

59     Dwar l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikorrenti setgħu jevitaw konsegwenzi negattivi billi jixtru kapaċità addizzjonali fuq is-suq, dan mhux talli ma jippruvax li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex effett dirett, iżda juri li din id-deċiżjoni kienet tfisser li r-rikorrenti kellhom bżonn jieħdu miżuri sabiex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni maħluqa mid-deċiżjoni kkontestata.

60     Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċhuda.

61     Madankollu, fid-dawl tar-risposti ta' l-Irlanda għall-mistoqsijiet li saru fil-kuntest tal-miżuri ta' organizazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim' Istanza ex officio qajmet il-kwistjoni jekk erba' mir-rikorrenti kellhomx interess li jieħdu azzjoni f'dan il-każ (ara punt 17 iktar 'il fuq). Dawn huma Thomas Faherty (T-224/03), Ocean Trawlers Ltd (T-226/03), Larry Murphy (T-236/03) u O’Neill Fishing Co. Ltd (T-239/03).

62     Minn dawn ir-risposti jirriżulta li l-applikazzjonijiet magħmula minn dawn l-erba' rikorrenti kienu bbażati fuq l-intenzjoni li kellhom dak iż-żmien li jibnu bastimenti u li jagħtuhom l-ismijiet imsemmija fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu ġara li dawn ir-rikorrenti ma pproċedewx għall-bini ta' dawn il-bastimenti b'mod li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, huma fil-fatt ma kinux proprjetarji tal-bastimenti in kwistjoni. Minn dan isegwi li l-imsemmija rikorrenti m'għandhomx interess li jieħdu azzjoni. F'kull każ, dawn mhumiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata peress li l-bastimenti in kwistjoni huma fittizji.

 Fuq il-mertu

63     Ir-rikorrenti jressqu tliet motivi sabiex isostnu r-rikorsi tagħhom. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni, it-tieni fuq nuqqas ta' motivazzjoni u t-tielet fuq ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

64     Preliminarjament, ir-rikorrenti josservaw li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu jirrigwardaw titjib fil-qasam tas-sigurtà magħmul skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/103/KE tat-23 ta' Novembru 1993 li tirrigwarda l-ħtiġiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa għax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd (ĠU L 307, p. 1), u l-Konvenzjoni ta' Torremolinos. Il-parti l-kbira fosthom kienu sempliċement issostitwew il-bastimenti li kellhom b'oħrajn ġodda. Fil-kawżi T-220/03, Cavankee Fishing Co. Ltd vs Il-Kummissjoni, u T-227/03, Brendan Gill vs Il-Kummissjoni, ir-rikorrenti l-ewwel immodifikaw il-bastimenti tagħhom u talbu żieda fit-tunnellaġġ f'dan ir-rigward. Sussegwentement, huma ssostitwew il-bastimenti tagħhom u talbu ukoll żieda fit-tunnellaġġ għall-bastimenti l-ġodda.

65     Ir-rikorrenti jsostnu li, safejn il-Kummissjoni eżerċitat kompetenza taħt l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 97/413 u l-punt 3.3 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125, din il-kompetenza kienet limitata mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 97/413. Minn din l-aħħar deċiżjoni jirriżulta li l-uniċi kwistjonijiet li l-Kummissjoni setgħet teżamina meta ddeċiediet fuq kull waħda mill-applikazzjonijiet kienu l-kwistjonijiet, min-naħa, jekk iż-żieda fil-kapaċità proposta kinitx tirriżulta biss minn titjib fil-qasam tas-sigurtà u, min-naħa l-oħra, jekk din kinitx iġġib magħha żieda fl-isforz tas-sajd tal-bastimenti kkonċernati. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 97/413 ma kienx jawtorizza lill-Kummissjoni li tapplika wħud mill-kriterji li jissemmew fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

66     Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-kriterji msemmija fl-Artikolu 1(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata.

67     Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-kriterju msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kriterju li jgħid li bastiment għandu jkun irreġistrat korrettament fir-Reġistru tal-flotta Komunitarja (iktar 'il quddiem it-"tieni kriterju"), ir-rikorrenti jsostnu li dan la jidher fid-Deċiżjoni 97/413 u lanqas fid-Deċiżjoni 98/125. It-tieni kriterju huwa kompletament inġustifikat safejn huwa intiż sabiex jillimita l-possibblità li jsiru applikazzjonijiet għal żidiet fil-kapaċità minħabba titjib fil-qasam tas-sigurtà għal bastimenti sostituttivi, billi d-Deċiżjoni 97/413 u d-Deċiżjoni 98/125 ma jeskludux li applikazzjonijiet għal bastimenti sostituttivi jintlaqgħu b'mod favorevoli.

68     Dwar il-kriterju li jissemma fl-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak li jgħid li ż-żieda fit-tunnellaġġ trid tirriżulta minn xogħlijiet ta' modernizzazzjoni li saru jew li għad iridu jsiru fuq il-gverta prinċipali ta' bastiment tas-sajd li diġà jeżisti u li jkollu għall-inqas ħames snin meta jinbdew ix-xogħlijiet (iktar 'il quddiem ir-"raba' kriterju"), dan lanqas mhuwa ġġustifikat fir-rigward tad-Deċiżjoni 97/413 jew tad-Deċiżjoni 98/125.

69     L-ewwel nett, ir-rikorrenti jfakkru li dawn id-dispożizzjonijiet ma jillimitawx it-titjib fil-qasam tas-sigurtà għal bastimenti rreġistrati li diġà jeżistu. Huma jenfasizzaw li l-età ta' bastiment hija kunċett totalment estranju għad-definizzjoni ta’ l-"isforz tas-sajd" mogħtija mill-Kunsill. Għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex kompetenti biex tieħu in kunsiderazzjoni l-età tal-bastimenti meta tadotta deċiżjonijiet fil-kuntest tal-kompetenzi li tagħtiha d-Deċiżjoni 97/413.

70     It-tieni nett, id-Deċiżjoni 97/413 ma teżiġix li l-bastimenti jkollhom għall-inqas ħames snin meta jinbdew ix-xogħlijiet. Dan l-aħħar rekwiżit jidher li ttieħed mill-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002, li evidentement ma jistax jirregola l-amministrazzjoni tal-PMG IV.

71     It-tielet nett, it-titjib fil-qasam tas-sigurtà ma jillimitax ruħu għax-xogħlijiet ta’ modernizazzjoni fuq il-gverta prinċipali. Il-Kummissjoni m’għandha ebda kompetenza sabiex teskludi kwalunkwe kategorija ta’ xogħol. B’mod partikolari, iż-żidiet fil-kapaċità marbuta ma' xogħlijiet taħt il-gverta prinċipali jistgħu jirriżultaw biss minn titjib fil-qasam tas-sigurtà meta, per eżempju, dawn iżidu l-għoli tal-bastiment minn wiċċ il-baħar u l-kapaċità tal-bastiment li jżomm fil-wiċċ.

72     Barra minn dan, il-Kummissjoni rraġunat f’termini ġeneriċi mingħajr ma rreferiet għall-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull applikazzjoni li ġiet ippreżentata lilha. Ir-rikorrenti jqisu li x-xogħlijiet taħt il-gverta prinċipali jistgħu tabilħaqq jikkostitwixxu żieda fil-kapaċità li tirriżulta biss minn titjib fil-qasam tas-sigurtà. Peress li ma ppronunzjatx ruħha individwalment fuq kull applikazzjoni, il-Kummissjoni kisret b'mod manifest l-obbligu tagħha li teżamina d-domandi każ b’każ.

73     Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni relattiva għall-bastimenti li jkunu għerqu fil-baħar, din tapplika biss għad-deċiżjoni ultra vires meħuda mill-Kummissjoni li tillimita l-benefiċċju ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 għal bastimenti rreġistrati li kienu diġà jeżistu u li kellhom għall-inqas ħames snin meta nbdew ix-xogħlijiet. Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni tmur kontra r-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li l-bastimenti l-ġodda li jissostitwixxu l-bastimenti li jkunu għerqu fil-baħar iżidu l-isforz tas-sajd.

74     Fir-rigward tal-kriterju previst fl-Artikolu 1(6) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak li jgħid li l-volum taħt il-gverta prinċipali tal-bastiment modfikat jew tal-bastiment sostituttiv ma jridx jiżdied (iktar 'il quddiem is-"sitt kriterju"), ir-rikorrenti jsostnu li dan m’għandu ebda konnessjoni diretta mal-kwistjoni jekk proposta partikolari ta’ żieda fil-kapaċità, ippreżentata skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 tissodisfax il-ħtiġiet ta’ din id-dispożizzjoni.

75     L-Irlanda taqbel ma' l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tikkunsidra li l-kriterji previsti fl-Artikolu 1(2) sa (5) tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 13 iktar 'il fuq) m’għandhomx bażi legali u ġew adottati ultra vires fir-rigward tad-Deċiżjoni 97/413.

76     F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Irlanda talbet żieda fit-tunnellaġġ tal-flotta li hija ħafna ogħla minn dik mitluba mill-Istati Membri l-oħra, ir-rikorrenti jqisu li dan huwa kompletament irrilevanti fil-każ in kwistjoni.

77     Il-Kummissjoni preliminarjament issostni li, fil-kawżi kollha, il-bastimenti l-ġodda huma ikbar minn dawk li huma jissostitwixxu. F’ċerti każijiet, kien ġie propost li jiġu rtirati ċertu numru ta’ bastimenti qodma sabiex jiddaħħlu oħrajn ġodda. Din il-kapaċità kultant tiġi mqassma bejn diversi bastimenti b’mod li mhux dejjem ikun faċli li jsir paragun dirett bejn il-bastimenti. Il-Kummissjoni żżid li, meta żieda fid-daqs tal-bastimenti tkun tista’ tiġi definita f’perċentaġġ, din hija konsiderevoli, jiġifieri rarament inqas minn 30 % u normalment bejn 70 u
90 %. Il-Kummissjoni tkompli tgħid li ż-żieda fil-kapaċità mitluba mill-Irlanda kienet tkun tfisser żieda ta’ madwar 11 % fit-tunnellaġġ tal-flotta Irlandiża.

78     Il-Kummissjoni tiddikjara li l-Kunsill ħalla miftuħa l-possibbiltà ta’ żieda fil-kapaċità tal-flotta ta’ Stat Membru għar-raġunijiet ta’ sigurtà. Madankollu, fid-dawl ta’ l-għan tad-Deċiżjoni 97/413 li jiġu ffriżati jew imnaqqsa l-flotot tas-sajd, din il-possibbiltà tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali u għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

79     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li l-kriterji kkontestati jirriżultaw espliċitament jew impliċitament mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti. Hija tikkontesta li marret lil hinn mis-setgħat tagħha billi adottat dawn il-kriterji fid-deċiżjoni kkontestata.

80     Hija tfakkar li, fil-qasam agrikolu, inkluż dak tas-sajd, l-istituzzjonijiet Kommunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punt 42, u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 80).

81     Dwar it-tieni kriterju, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jispjegawx b’mod ċar fiex dan qiegħed jiġi kkritikat. Għalkemm dan il-kriterju ma jidhirx espressament fid-Deċiżjoni 97/413 u fid-Deċiżjoni 98/125, huwa jidher fihom impliċitament. L-applikazzjoni ta’ l-Irlanda kienet intiża sabiex tikseb żieda fil-kapaċità tal-flotta tas-sajd tagħha. Mill-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2090/98 tat-30 ta' Settembru 1998 dwar ir-Reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 266, p. 27), jirriżulta li dan ir-Reġistru jikkostitwixxi sempliċi lista ta’ bastimenti tas-sajd definita fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3760/92 (KEE) ta’ l-20 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi sistema Komunitarja tas-sajd u ta’ l-akwakultura (ĠU L 389, p. 1).

82     Tkun ħaġa stramba li kieku l-kapaċità tal-flotta tas-sajd Irlandiża tista’ tiġi miżjuda billi jiġu kkunsidrati bastimenti li mhumiex bastimenti tas-sajd jew li mhumiex irreġistrati fl-Irlanda. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 98/125 jipprovdi li l-Irlanda għandha tinforma lill-Kummissjoni b’kull tibdil li jikkonċerna s-sitwazzjoni tal-flotta tagħha u ta’ l-isforz tas-sajd, skond il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament li dak iż-żmien kien jiddefinixxi r-Reġistru.

83     Il-Kummissjoni tosserva li l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tat-tieni kriterju jirreferi għar-rekwiżit li l-bastimenti m’għandhomx ikunu ġodda, li huwa ġġustifikat għar-raġunijiet spjegati iktar 'il quddiem (punti 87 sa 94).

84     Dwar ir-raba’ kriterju (ara punt 13 iktar 'il fuq), il-Kummissjoni tqis li hija ma marritx lil hinn mill-kompetenzi tagħha meta ddefinietu.

85     L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni tal-bastimenti ġodda, hija tirrileva li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 kien jipprovdi li ż-żidiet fil-kapaċità dovuti għal titjib fil-qasam tas-sigurtà kienu aċċettabbli biss jekk ma jġibux magħhom żieda fl-isforz tas-sajd tal-bastimenti kkonċernati. Din il-limitazzjoni, interpretata ħażin sistematikament mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, hija konformi ma' l-għan ġenerali tad-Deċiżjoni 97/413, jiġifieri t-tnaqqis tal-kwantità ta’ ħut li jiġi maqbud mill-flotta ta’ kull Stat Membru.

86     Skond il-Kummissjoni, huwa ġeneralment rikonoxxut li l-bastimenti l-ġodda huma iktar effiċjenti minn dawk li huma jissostitwixxu, b’mod li, anke jekk it-tunnellaġġ jew is-saħħa tagħhom ma tinbidilx, il-kapaċità reali ta’ bastiment ġdid hija ikbar. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ bastiment ġdid inevitabbilment iġġib magħha "żieda fl-isforz tas-sajd tal-bastimenti kkonċernati" u konsegwentement mhijiex koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

87     Ir-rikorrenti jwessgħu s-sinjifikat tal-kelma "titjib" li tidher fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 sabiex ikopri s-sostituzzjoni sħiħa ta’ bastiment. Issa, il-kapaċità ta’ bastiment ġdid hija ikbar minn dik tal-bastiment li huwa jissostitwixxi mhux biss minħabba t-titjib li jkun sar fil-qasam tas-sigurtà iżda wkoll minħabba s-superjorità teknika tiegħu in ġenerali. Għalhekk huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat li ż-żieda fil-kapaċità tal-bastimenti tar-rikorrenti hija dovuta "biss" għal titjib fil-qasam tas-sigurtà, kif teżiġi din id-dispożizzjoni.

88     Skond il-Kummissjoni, anke jekk ikollu l-istess tunnellaġġ u saħħa, bastiment ġdid huwa superjuri għal bastiment qadim minħabba l-elementi segwenti:

–       l-użu ta’ tagħmir elettroniku sabiex jiġi skopert il-ħut u sabiex jitkejjel preċiżament il-fond u l-veloċità tax-xbieki tat-tkarkir;

–       l-użu iktar effiċjenti tal-karburant;

–       l-effiċjenza ikbar ta’ l-iskrun u t-titjib tal-funzjonament idrodinamiku tax-xibka, li jippermetti lil bastiment li bl-istess saħħa jkaxkar xibka ikbar;

–       l-użu ta’ tagħmir ta’ fuq il-gverta iktar b’saħħtu li jippermetti ġbir iktar frekwenti tax-xbieki (fuq il-bastimenti l-iktar kbar, it-tagħmir ta’ fuq il-gverta jitħaddem minn muturi awżiljarji li ma jiġux magħduda mal-kalkolu tas-saħħa tal-bastiment);

–       l-użu ta' dispożittivi mekkaniċi għall-ġbir tal-konzijiet, li jippermettu li fl-istess ħin jintefgħu u jinġabru iktar snanar.

89     Il-Kummissjoni żżid li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 ma kienx intiż biex jistabbilixxi proċedura għad-dħul ta' bastimenti tas-sajd ġodda. Dawn ta' l-aħħar huma regolati mis-sistema ta' dħul u ħruġ li jirreferi għaliha l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/1999 u l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/413. L-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti tkun tfisser li kull bastiment, anke jekk ikun ġdid, jista', f'kull ħin, jiġi sostitwit minn ieħor (per eżempju, il-Mark Amay, in kwistjoni fil-kawża T-222/03, mibni fl-2000, li wara biss sentejn ġie sostitwit b'bastiment li d-daqs tiegħu kien madwar 50% ikbar). Issa, tali raġunament ikun ifisser żieda esponenzjali fil-flotta u jista' saħansitra jkun ta' theddida għas-sigurtà fuq il-baħar. Il-kostrutturi u l-proprjetarji tal-bastimenti jkunu mħeġġa li jibnu bastimenti li jkollhom l-ikbar tunnellaġġ u saħħa possibbli, filwaqt li jekonomizzaw fuq it-tagħmir ta' sigurtà.

90     Barra minn hekk, l-għan ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 huwa li jippermetti żieda fil-kapaċità li tirriżulta minn "titjib fil-qasam tas-sigurtà". Il-Kummissjoni ma tkunx ikkunsidrat l-età ta' bastiment b'mod astratt, iżda bħala parametru sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux ikun hemm titjib fil-qasam tas-sigurtà fuq dan il-bastiment. Bastiment ġdid jissodisfa l-istandards reċenti tas-sigurtà. Konsegwentement, it-tagħmir ta' sigurtà ta' bastimenti ġodda ma jkunx jeħtieġ titjib konsiderevoli.

91     Il-korrispondenza bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni, li għaliha jirreferu r-rikorrenti, tikkostitwixxi biss sempliċi talba għal informazzjoni. F'din il-korrispondenza, il-Kummissjoni ma telenkax il-kriterji kollha applikabbli u ma kellhiex għalfejn tagħmel dan.

92     It-tieni nett, fir-rigward tal-kriterju ta' ħames snin, il-Kummissjoni ssostni li għandu jiġi stabbilit limitu ta' età sabiex jiġu definiti b'mod oġġettiv il-kunċetti ta' "bastiment ġdid" u ta' "bastiment li diġà jeżisti". Hija għażlet il-perijodu ta' ħames snin minħabba l-fatt li bastiment tas-sajd għandu ħajja medja ta' minn 20 sa 25 sena u li normalment ma jkollux għalfejn jiġi modernizzat matul l-ewwel ħames snin. Il-Kummissjoni tindika li hija ma tikkunsidrax li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 huwa l-bażi ġuridika għall-perijodu ta' ħames snin. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tirrifletti l-filosofija tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward. Hija tikkunsidra li l-limitu ta' ħames snin jirriżulta impliċitament mil-leġiżlazzjoni.

93     It-tielet nett, fir-rigward tal-kriterju li jgħid li x-xogħlijiet għandhom isiru fuq il-gverta prinċipali, il-Kummissjoni tirrileva li, skond il-prinċipju ta' Arkimede, il-piż merfugħ minn bastiment huwa l-istess bħall-kwantità ta' ilma spostata mill-parti mgħarrqa tal-buq. Kull żieda fid-daqs tal-buq inevitabbilment iżżid il-kwantità ta' ilma spostata u għaldaqstant il-piż li jista' jerfa' l-bastiment. Għalhekk, iż-żieda fid-daqs tal-buq tista' tikkorrispondi għal żieda fid-daqs tal-bastiment u konsegwentement fl-isforz tas-sajd. Il-Kummissjoni tispjega li hija qieset, konsegwentement, li żieda fil-volum taħt il-gverta prinċipali awtomatikament kienet iġġib magħha żieda fl-isforz tas-sajd u għalhekk kienet tmur kontra l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

94     Min-naħa l-oħra, it-titjib magħmul fuq il-gverta prinċipali normalment ma jżidx il-kapaċità tal-bastiment u huwa marbut iktar mill-qrib mas-sigurtà. Skond il-Kummissjoni, mhuwiex possibbli li l-piż ta' bastiment jiżdied b'mod konsiderevoli fuq il-gverta prinċipali, għaliex dan ikollu effetti negattivi fuq l-istabbilità tiegħu. L-istivi għall-ħut ma jistgħux ikunu fuq il-gverta prinċipali, li normalment hija użata għax-xogħol u għall-alloġġ.

95     L-affermazzjoni tar-rikorrenti li d-dispożittivi ta' sigurtà ta' fuq il-gverta prinċipali dejjem ikollhom l-effett li jagħmlu l-bastiment instabbli hija ġenerali wisq. L-effett ta' tali dispożittivi fuq l-istabbilità jiddipendi mill-bastiment. Skond il-Kummissjoni, huwa possibbli, f'ċerti każijiet, li jiżdied ftit piż fuq il-gverta prinċipali.

96     Fil-kontroreplika l-Kummissjoni żżid li, bil-kontra ta' dak li jallegaw ir-rikorrenti, hija wettqet eżami każ b'każ. Hija tirrileva, f'dan ir-rigward, li sabet żball fid-dokumenti li jikkonċernaw il-bastiment li kellu jissostitwixxi l-Áine (kawża T-223/03). Hija tosserva wkoll li, peress li r-risposta tagħha kienet tikkonċerna 23 kawża, hija kellha tesprimi ruħha f'termini ġenerali.

97     Ir-raba' nett, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm bastiment ta' anqas minn ħames snin m'għandux għalfejn jiġi modernizzat jew sostitwit, dan jista' jegħreq fil-baħar. Għalhekk il-proprjetarju tiegħu jkollu bilfors jissostitwixxih sabiex ikun jista' jkompli jistad. F'dan il-każ, il-bastiment sostituttiv mhux bilfors ikun identiku għal dak ta' qablu u t-tagħmir ta' siġurta jista' jiġi mtejjeb f'dik l-okkażjoni. Bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, dan ma jmurx kontra l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-bastimenti l-ġodda huma iktar effiċjenti. Peress li l-bastiment il-qadim li jkun għereq fil-baħar ma jkunx disponibbli għal finijiet ta' paragun, ma jkunx possibbli li tiġi kkalkulata ż-żieda fl-effiċjenza. Għalhekk mhemm l-ebda bażi sabiex il-proprjetarji tal-bastimenti kkonċernati jkunu obbligati jixtru bastimenti ta' kapaċità iżgħar. Barra minn dan, bastiment li jissostitwixxi ieħor li jkun għereq fil-baħar m'għandux ikollu kapaċità ta' trasport ikbar.

98     Dwar il-kriterju previst fl-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata (iktar 'il quddiem il-"ħames kriterju"), il-Kummissjoni ma tifhimx x'konklużjoni qegħdin jiġbdu r-rikorrenti mill-affermazzjoni li dan il-kriterju jmur lil hinn mill-kunċett ta' "sigurtà". Li kieku hija interpretat dan il-kunċett b'mod wiesa' wisq, dan kien ikun ta' benefiċċju għar-rikorrenti peress li tkun tista' tiġi koperta firxa ikbar ta' xogħlijiet. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kliem użat fil-ħames kriterju kien iġġustifikat fir-rigward ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/1999. F'kull każ, mill-analiżi li saret iktar 'il fuq jirriżulta li l-applikazzjonijiet relattivi għall-bastimenti tar-rikorrenti ġew miċħuda kollha abbażi tar-raba' kriterju, b'mod li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din hija bbażata fuq il-ħames kriterju, ma ġġib magħha l-ebda bdil fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

99     Dwar is-sitt kriterju, il-Kummissjoni tqis li dan huwa ġġustifikat għar-raġunijiet indikati iktar 'il fuq (punt 93).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

100   Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi sitt kriterji għall-eliġibbiltà ta' l-applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità (ara punt 13 iktar 'il fuq). Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti biex tadotta t-tieni, ir-raba', il-ħames u s-sitt kriterju. Huma jsostnu, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha safejn illimitat il-kunċett ta' titjib fil-qasam tas-sigurtà għall-modifiki magħmula fuq bastimenti rreġistrati li diġà jeżistu u li jkollhom għall-inqas ħames snin meta jinbdew ix-xogħolijiet (it-tieni u r-raba' kriterji).

101   Għandu jiġi rilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta l-miżuri kollha ta' applikazzjoni meħtieġa jew utli għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' bażi, sakemm dawn ma jmorrux kontriha jew kontra l-leġiżlażżjoni ta' applikazzjoni tal-Kunsill (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1984, Zuckerfabrik Franken, 121/83, Ġabra p. 2039, punt 13 ; tas-17 ta' Ottubru 1995, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-478/93, Ġabra p. I-3081, punt 31, u tat-30 ta' Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-239/01, Ġabra p. I-10333, punt 55).

102   F'dan il-każ, mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 97/413 (u mil-leġiżlazzjoni ċċitata fih) jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata li timplementa l-għanijiet u r-regoli previsti minn din id-deċiżjoni skond il-proċedura msejħa "tal-kumitat ta' amministrazzjoni" (ara wkoll il-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni jista' jkollha setgħa ta' implementazzjoni partikolarment wiesgħa fil-kuntest ta' proċedura bħal din (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Ottubru 1975, Rey Soda, 23/75, Ġabra p. 1279, punti 13 u 14).

103   Madankollu, il-Kummissjoni ma ssostnix li hija kienet awtorizzata li żżid kriterji kompletament ġodda fid-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li tammetti li t-tieni u r-raba' kriterju kellhom l-effett li jagħmlu l-bastimenti l-ġodda mhux eliġibbli għal żieda fil-kapaċità skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, hija madankollu tallega li dawn il-kriterji jirriżultaw espliċitament jew impliċitament minn din id-dispożizzjoni (ara punt 79 iktar 'il fuq).

104   Billi r-rikorsi mressqa mir-rikorrenti kollha jirrigwardaw applikazzjonijiet dwar bastimenti kompletament ġodda, għandu jiġi eżaminat jekk l-esklużjoni tal-bastimenti ġodda hijiex implementazzjoni tal-kriterju prinċipali previst fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 jew jekk din tmurx kontra din id-dispożizzjoni.

105   Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 (ara punt 1 iktar 'il fuq) ma jimponi l-ebda limitu f'dak li jirrigwarda l-età tal-bastiment li jista' jibbenefika minn żieda fil-kapaċità fil-qasam ta' sigurtà. Ma' l-ewwel daqqa ta' għajn, il-kliem użat f'din id-dispożizzjoni jippermetti kull żieda fil-kapaċità li tirriżulta minn titjib fil-qasam tas-sigurtà, sakemm dan iż-żieda ma ġġibx magħha żieda fl-isforz tas-sajd. Kieku l-Kunsill ried jeskludi l-bastimenti l-ġodda, dan x'aktarx kien jindikah (ara, f'dan ir-rigward, punt 117 iktar 'il quddiem).

106   Għandu wkoll jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet l-oħra li jirreferu għall-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, jiġifieri l-punt 3.3 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125 (ara punt 2 iktar 'il fuq) u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2792/1999 (ara punt 3 iktar 'il fuq), ma fihom l-ebda indikazzjoni li din l-eċċezzjoni tikkonċerna biss il-bastimenti li jkollhom iktar minn ħames snin (ara, ukoll, it-tnax-il premessa tad-Deċiżjoni 97/413).

107   F’dan ir-rigward għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/1999 huwa intitolat "It-tiġdid tal-flotta u l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd". Waqt is-seduta l-Kummissjoni ammettiet li l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament kien jirrifletti l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkunsidra, b’mod partikolari fid-dawl tat-titolu ċċitat, li kieku l-Artikolu 6(2) kien japplika biss għall-bastimenti l-qodma, dan kien ikun speċifikat fir-Regolament.

108   Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ titjib previst mill-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 ma jfissirx titjib magħmul fuq bastiment partikolari, iżda għandu jiftiehem bħala li jirreferi għall-flotta nazzjonali. F’dan ir-rigward għandu jiġi rilevat, b’mod partikolari, li l-punt 3.3 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125 jirreferi għal "programm ta’ titjib tas-sigurtà" tal-flotta nazzjonali b’mod ġenerali.

109   Għandhom ukoll jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Deċiżjoni 97/413. Fil-fatt din id-deċiżjoni għandha bħala għan il-konservazzjoni tar-riżervi ta’ ħut fl-ibħra Komunitarji. Madankollu, il-Kunsill ħa in kunsiderazzjoni "il-ħtieġa li jiġu assigurati l-ogħla standards ta’ sigurtà possibbli fil-flotta tas-sajd Komunitarja" (it-tnax-il premessa). Għaldaqstant, huwa inkluda l-Artikolu 3 (li jikkonċerna l-bastimenti tas-sajd ta’ tul ġenerali ta’ anqas minn tnax-il metru minbarra l-bastimenti tat-tkarkir) u l-Artikolu 4(2) fl-imsemmija deċiżjoni.

110   Bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem il-Kummissjoni, mhuwiex meħtieġ, sabiex jiġi assigurat l-għan fuq imsemmi tad-Deċiżjoni 97/413, li l-bastimenti l-ġodda jiġu esklużi mis-sistema stabbilità mill-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim' Istanza tenfasizza li din l-aħħar dispożizzjoni hija konformi ma' dan l-għan safejn din tipprojbixxi kull żieda fl-isforz tas-sajd. Il-Kummissjoni, li tagħmel referenza għal żidiet konsiderevoli ħafna fid-daqs li mhumiex motivati minn raġunijiet ta' sigurtà, setgħet teżamina l-bastimenti, każ b'każ, sabiex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda fl-isforz tas-sajd jew le. Fil-fatt, hija stess tindika li l-projbizzjoni ta’ tali żieda hija intiża sabiex jiġi sodisfatt l-għan ġenerali tad-Deċiżjoni 97/413 li huwa dak li tiġi mnaqqsa l-kwantità ta’ ħut li tinqabad fil-Komunità (ara punt 85 iktar ‘il fuq).

111   Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 mhuwiex intiz sabiex jistabbilixxi proċedura ta’ dħul ta’ bastimenti tas-sajd ġodda. Tali proċedura hija rregolata mis-sistema ta’ dħul u ta’ ħruġ prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/1999 u l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/413.

112   Dawn l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni mhumiex ikkuntestati mir-rikorrenti. Fil-fatt dawn ta’ l-aħħar jammettu li l-bastimenti l-ġodda kollha jridu jirrispettaw il-proċedura ta’ dħul prevista minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet. Madankollu, xejn ma jipprekludi li bastiment li daħal fil-flotta konformement mas-sistema ta’ dħul u ta’ ħruġ prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2792/1999 u fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/413 jibbenefika mill-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Fil-fatt, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2792/1999 tipprovdi li kull żieda fil-kapaċità li tirriżulta minn titjib fil-qasam tas-sigurtà hija amministrata mill-Istat Membru fil-kuntest tas-sistema permanenti ta’ kuntroll tat-tiġdid u tal-modernizazzjoni tal-flotta tiegħu prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2792/1999.

113   Għandu jingħad ukoll li s-sistema tad-dħul u ta' ħruġ li għaliha jirreferi l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/413 mhijiex limitata għall-bastimenti l-ġodda. Sabiex jiġi mdaħħal bastiment ġa użat (li qabel kien jagħmel parti, per eżempju, minn flotta nazzjonali oħra), huwa meħtieġ, f'din is-sistema, li tiġi rtirata l-kapaċità. Issa, l-Kummissjoni ma tikkuntestax li l-bastimenti ġa użati jistgħu jibbenefikaw minn żieda fil-kapaċità skond l-Artikolu 4(2) ta' l-istess deċiżjoni.

114   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim' Istanza tosserva li l-istess Kummissjoni interpretatat l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 bħala li jippermetti applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità marbutin mad-dħul ta' bastimenti ġodda.

115   F'dan ir-rigward għandu jiġi rilevat li x-xogħol preparatorju tad-Deċiżjoni 2002/70, li annullat l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 b'effett mill-1 ta' Jannar 2002, juri li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar kienet tapplika wkoll għall-bastimenti l-ġodda. Id-Deċiżjoni 2002/70 estendiet it-terminu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 97/413 sal-31 ta' Diċembru 2002. Issa, skond ir-rapport spjegattiv tal-proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 97/413 [COM(2001) 322 finali], magħmula mill-Kummissjoni:

"Kull proroga [tad-Deċiżjoni 97/413] għandha għall-inqas tkun akkumpanjata minn miżuri intiżi sabiex jagħmlu [l-għanijiet tal-PMG IV] iktar effettivi. Il-proposta annessa għalhekk telimina l-possibbilitajiet li jeżistu bħalissa taħt l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 97/413 […] li jitwessgħu l-għanijiet tal-PMG għal raġunijiet ta' sigurtà. Il-bastimenti l-ġodda kollha għandhom jinbnew fir-rispett ta' ċerti standards minimi ta' sigurtà, u l-għanijiet ta' kapaċità attwali joffru l-kapaċità meħtieġa sabiex dawn jinbnew."

116   Minn din is-silta jirriżulta b'mod ċar li l-istess Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 kien jippermetti applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità marbutin mad-dħul ta' bastimenti ġodda u li għalhekk hija kellha l-intenzjoni li tneħħi din id-dispożizzjoni safejn din kienet tippermetti, fl-opinjoni tagħha, żieda eċċessiva fl-għanijiet tal-PMG IV.

117   Għandu jingħad ukoll li, sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2002/70, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2371/2002, li l-Artikolu 11(5) tiegħu jipprovdi espliċitament, bil-kontra ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, li ż-żidiet fil-kapaċità, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà, huma possibbli biss għall-bastimenti tas-sajd li jkollhom ħames snin jew iktar (ara punt 5 iktar 'il fuq). Il-kliem użat f'din id-dispożizzjoni huwa preċiż u restrittiv, bil-kontra ta' dak ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

118   Il-Kummissjoni, għalkemm tammetti li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, ma japplikax fil-każ in kwistjoni u li hija kellha tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tad-dispożizzjonijiet li kienu applikabbli meta rċeviet l-applikazzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, madankollu ssostni li r-Regolament Nru 2371/2002 "jirrifletti l-filosofija tagħha" fil-każ in kwistjoni. Għandu jiġi kkonstatat, f'dan ir-rigward, li x-xebh bejn l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-kriterji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata huwa ċar. Issa, dawn il-kriterji ma jidhrux fid-Deċiżjoni 97/413 u għandhom l-effett li jibdlu l-portata ta' din ta' l-aħħar. Għalkemm il-Kummissjoni kellha oġġezzjonijiet kontra l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 (ara punt 115 iktar 'il fuq), madankollu hija ma kellhiex id-dritt li tibdlilha l-portata (ara punt 101 iktar 'il fuq).

119   Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament jirrilevaw ir-rikorrenti u l-Irlanda, il-korrispondenza skambjata bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet għal żieda fil-kapaċità turi li din ta' l-aħħar kienet tikkunsidra li l-bastimenti l-ġodda setgħu jibbenefikaw mill-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

120   B'ittra tat-28 ta' Ottubru 1999, l-Irlanda applikat għall-ewwel darba quddiem il-Kummissjoni għal żieda fil-kapaċità skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq l-applikazzjonijiet ta' seba' proprjetarji ta' bastimenti ġodda li kienu qegħdin jinbnew. Fir-risposta tagħha ta' l-10 ta' Diċembru 1999, il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni dwar il-fatt li l-applikazzjoni kienet tirrigwarda bastimenti ġodda. Hija llimitat ruħha li tindika li "il-volum ta' l-ispazji relatati mas-sigurtà fil-bastimenti li ġew irtirati [għandu] wkoll ikun magħruf sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkolati l-volumi addizzjonali rriżervati għas-sigurtà fil-bastimenti l-ġodda".

121   F'din il-korrispondenza, il-Kummissjoni insistiet fuq it-talba tagħha li jsiru paraguni bejn il-bastimenti l-ġodda u dawk qodma li kellhom jiġu sostitwiti. Għalhekk, fl-ittra tat-23 ta' Jannar 2001, hija indikat li kienet taf li l-volumi li setgħu jiġu kkunsidrati bħala rriżervati għas-sigurtà fil-bastimenti l-ġodda kienu ser ikunu ikbar minn dawk tal-bastimenti li huma kellhom jissostitwixxu, iżda li, sakemm dawn ma jistgħux jiġu kkwantifikati, ma kienx ser ikun possibbli li jiżdiedu l-għanijiet tal PMG sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni dan l-element. Minkejja l-korrispondenza li għaddiet bejn l-Irlanda u l-Kummissjoni, inklużi l-ittri mibgħuta fl-aħħar tas-sena 2001 fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet in kwistjoni, li kienu jikkonċernaw espliċitament bastimenti ġodda, kien biss fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni indikat, għall-ewwel darba, li l-bastimenti l-ġodda kienu esklużi mis-sistema stabbilità fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

122   Għandu jiġi kkunstatat ukoll li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni f'dan il-każ hija kontradittorja. Minn naħa, hija ssostni li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 ma kienx japplika għall-bastimenti l-ġodda. Min-naħa l-oħra, hija kienet tippermetti, abbażi ta' l-istess dispożizzjoni, żidiet fil-kapaċità għal bastimenti ġodda jekk dawn jisostitwixxu bastimenti li jkunu għerqu fil-baħar (ir-raba' kriterju). Issa, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 kien jeskludi l-bastimenti l-ġodda, din l-istess dispożizzjoni ma tistax tkun il-bażi ta' żieda fil-kapaċità għal bastimenti ġodda li jissostitwixxu bastimenti li jkunu għerqu fil-baħar.

123   L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-proprjetarji tal-bastimenti li jkunu għerqu fil-baħar kienu obbligati li jissostiwixxuhom ma jistax jiġi aċċettat. Anke kieku dan kien il-każ, xorta jibqa' l-fatt li b'hekk il-Kummissjoni kienet tippermetti lill-bastimenti l-ġodda li jibbenefikaw mill-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 filwaqt li ssostni li din id-dispożizzjoni kienet teskludi l-bastimenti l-ġodda. Għandu wkoll jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet teskludi lill-proprjetarju ta' bastiment qadim mill-benefiċċju ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, minkejja li dan il-proprjetarju seta' wkoll ikun obbligat li jissostitwixxi l-bastiment peress li ma setax jintuża iktar u kien sar inaffidabbli.

124   Dwar l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat it-titjib fl-effiċjenza tal-bastimenti l-ġodda li jissostitwixxu dawk li jkunu għerqu fil-baħar, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni affermat li l-bastimenti l-ġodda kienu jżidu awtomatikament l-isforz tas-sajd (ara punt 126 iktar 'il quddiem). Issa, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-bastimenti l-ġodda huma iktar effiċjenti minn dawk li huma jissostitwixxu u fl-istess ħin tiġġustifika li bastimenti li jkunu għerqu fil-baħar jiġu sostitwiti minn bastimenti ġodda għar-raġuni li hija ma setgħetx tikkalkula t-titjib fl-effiċjenza tal-bastimenti l-ġodda.

125   Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni tammetti, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, li "proprjetarju li jkun jixtieq jixtri bastiment ġdid [jista'] jbigħ il-qadim u eventwalment jitrasferixxi parti mit-tagħmir tiegħu fuq il-bastiment il-ġdid". Minn dan jirriżulta li l-elementi li jagħmlu bastiment ġdid iktar effiċjenti mhux bilfors ikunu preżenti fuq tali bastiment.

126   Il-Kummissjoni ssostni li huwa fatt ġeneralment aċċettat li l-bastimenti l-ġodda huma iktar effiċjenti minn dawk li huma jissostitwixxu, b'mod li, anke jekk it-tunnellaġġ jew is-saħħa tagħhom ma jinbidlux, il-"kapaċità reali" ta' bastiment ġdid hija ikbar. Għalhekk, l-introduzzjoni ta' bastiment ġdid bilfors iġġib magħha "żieda fl-isforz tas-sajd tal-bastimenti kkonċernati" u għalhekk mhiijiex koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

127   Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tippruvax fi grad ġuridikament suffiċjenti li l-introduzzjoni ta' bastiment ġdid neċessarjament iġġib magħha żieda fl-isforz tas-sajd.

128   Fil-fatt huwa paċifiku li, f'dak li jirrigwarda l-każ in kwistjoni, l-isforz tas-sajd ta' bastiment huwa definit bħala l-prodott ta' l-attività tiegħu u tal-kapaċità tiegħu espressa f'TG [ara l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 97/413 u l-Artikolu 3(1)(iii) tad-Deċiżjoni 98/125]. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 jirriżulta li ż-żidiet fil-kapaċità mhumiex permessi jekk dawn iġibu magħhom żieda fl-isforz tas-sajd. Issa, anke jekk jista' jitqies li l-bastimenti l-ġodda huma ġeneralment iktar effiċjenti mill-qodma, madankollu minn dan ma jistax jiġi konkluż li l-bastimenti l-ġodda kollha huma neċessarjament u sistematikament iktar effiċjenti, mil-lat ta' l-isforz tas-sajd, minn dawk li huma jissostitwixxu. Għaldaqstant, it-titjib tekniku invokat mill-Kummissjoni (ara punt 88 iktar 'il fuq) mhux bilfors jikkonċerna l-bastimenti kollha. Bl-istess raġunament, għandu jiġi rilevat li l-proprjetarju ta' bastiment relattivament reċenti u diġà mgħammar b'apparat teknoloġiku modern jista' jissostitwixxi l-bastiment tiegħu b'bastiment ieħor iktar żgur u stabbli filwaqt li jiżgura li ma jżidx l-isforz tas-sajd.

129   Għandu jiġi enfasiżżat li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddetermina każ b'każ jekk effettivament, meta mqabbla mal-bastimenti l-qodma, il-bastimenti l-ġodda jġibux magħhom żieda fl-isforz tas-sajd.

130   Dwar l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li bastiment ġdid diġà għandu jissodisfa l-istandards reċenti tas-sigurtà u ma jkunx jeħtieġ titjib konsiderevoli, fil-verità din hija pożizzjoni politika tal-Kummissjoni li llum il-ġurnata ġiet inkluża fil-leġiżlazzjoni relevanti (ara l-punti 117 u 118 iktar 'il fuq). Madankollu din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi invokata sabiex temenda ex post facto t-termini ta' l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413. Jista' jiġi meqjus li l-leġiżlatur kien jikkunsidra, fiż-żmien meta ġiet adottata din id-deċiżjoni, li mil-lat tas-sigurtà seta' kien ikun tajjeb li l-bastimenti tas-sajd il-qodma jiġu sostitwiti minn oħrajn ġodda.

131   Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, f'dak li jirrigwarda bastiment ġdid, il-kapaċità tiżdied mhux biss minħabba titjib fil-qasam tas-sigurtà iżda wkoll minħabba s-superjorità ġenerali tal-bastiment il-ġdid. Għalhekk huwa impossibbli li jiġi determinat jekk iż-żieda fil-kapaċità hijiex dovuta "esklużivament" għal titjib fil-qasam tas-sigurtà, kif jitlob l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413.

132   Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Apparti l-fatt li l-Kummissjoni targumenta f'termini ġenerali dwar is-superjorità tal-bastimenti l-ġodda mingħajr ma tirreferi għall-fatti ta' kull applikazzjoni (ara punt 128 iktar 'il fuq), l-eżami komparattiv meħtieġ sabiex tiġi ddeterminata ż-żieda fil-kapaċità tal-bastimenti ġodda, li tirriżulta minn titjib fil-qasam tas-sigurtà jew minn tipi oħra ta' titjib, kien is-suġġett tal-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Irlandiż. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-applikazzjonijiet ġew ifformulati mill-ġdid sabiex jippermettulha tagħmel il-paraguni meħtieġa. Għalhekk issa hija ma tistax tinvoka l-impossibbiltà li jiġi stabbilit jekk iż-żidiet kinux dovuti għal titjib fil-qasam tas-sigurtà.

133   Fl-aħħar nett, ir-raba' kriterju jillimita l-kunċett ta' titjib fil-qasam tas-sigurtà għal "xogħlijiet ta' modernizazzjoni fuq il-gverta prinċipali" (ara wkoll is-sitt kriterju, punt 13 iktar 'il fuq). Huwa paċifiku li diversi applikazzjonijiet tar-rikorrenti kienu jikkonċernaw żieda fil-volum taħt il-gverta prinċipali. F'dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, il-modifiki taħt il-gverta kienu projbiti jekk dawn kienu jġibu magħhom żieda fl-isforz tas-sajd. Madankollu, il-Kummissjoni ma stabbilietx li dan it-tip ta' modifiki kienu sistematikament iġibu magħhom tali żieda. Għal darb'oħra, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat il-bastimenti każ b'każ sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

134   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi deċiż li peress li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni adottat kriterji li ma kinux previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli f'dan il-każ, din marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr mhemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

135   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrenti kif mitluba minn dawn ta' l-aħħar. L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikorsi mmresqa minn Thomas Faherty (T-224/03), Ocean Trawlers Ltd (T-226/03), Larry Murphy (T-236/03) u O’Neill Fishing Co. Ltd (T-239/03) huma miċħuda.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE ta' l-4 ta' April 2003, dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-programm multi-annwu ta' gwida IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta' tul ġenerali ta' iktar minn tnax-il metru, hija annullata safejn hija applikabbli għall-bastimenti tar-rikorrenti l-oħra.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti tar-rikorrenti msemmija fil-punt 2.

4)      Ir-rikorrenti msemmija fil-punt 1 għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

5)      L-Irlanda tbati l-ispejjeż tagħha.

Cooke

García-Valdecasas

Labucka

Moqrija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Ġunju 2006.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      García-Valdecasas

                                          ANNESS

T-219/03 Mullglen Ltd, stabbilità f'Killybegs (L-Irlanda),

T-220/03 Cavankee Fishing Co. Ltd, stabbilità f'Greencastle (L-Irlanda),

T-221/03 Padraigh Coneely, residenti f'Claregalway (L-Irlanda),

T-222/03 Island Trawlers Ltd, stabbilità f'Killybegs,

T-223/03 Joseph Doherty, residenti f'Burtonport (L-Irlanda),

T-224/03 Thomas Faherty, residenti f'Kilronan, Aran Islands (L-Irlanda),

T-225/03 Pat Fitzpatrick, residenti f'Inishmore, Aran Islands (L-Irlanda),

T-226/03 Ocean Trawlers Ltd, stabbilità f'Killybegs,

T-227/03 Brendan Gill, residenti f'Lifford (L-Irlanda),

T-228/03 Eugene Hannigan, residenti f'Killybegs,

T-229/03 Edward Kelly, residenti f'Greencastle,

T-230/03 Peter McBride, residenti f'Downings (Irlande),

T-231/03 Hugh McBride, residenti f'Downings,

T-232/03 Adrian McClennaghan, residenti f'Greencastle,

T-233/03 Noel McGing, residenti f'Killybegs,

T-234/03 Eamon McHugh, residenti f'Killybegs,

T-235/03 Gerard Minihane, residenti f'Skibbereen (Irlande),

T-236/03 Larry Murphy, residenti f'Castletownbere (L-Irlanda),

T-237/03 Eileen Oglesby, residenti f'Kincasslagh (L-Irlanda),

T-238/03 Patrick O’Malley, residenti f'Galway (L-Irlanda),

T-239/03 O’Neill Fishing Co. Ltd, stabbilità f'Killybegs (L-Irlanda),

T-240/03 Cecil Sharkey, residenti f'Clogherhead (L-Irlanda).


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.