Language of document : ECLI:EU:T:2015:638

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

15 ta’ Settembru 2015 (*)

“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Settur tal-frott u l-ħaxix – Assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tal-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija mill-Ungerija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tagħha – Artikolu 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007”

Fil-Kawża T‑346/12,

L-Ungerija, irrappreżentata inizjalment minn M. Fehér u K. Szíjjártó, sussegwentement minn M. Fehér, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Béres, N. Donnelly u B. Schima, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3324, tal-25 ta’ Mejju 2012, dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi;

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament dwar OKS Unika

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU L 299, p. 1), jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-assistenza finanzjarja nazzjonali, kemm fil-livell tal-għoti tagħha kif ukoll tar-rimbors tagħha mill-Kummissjoni Ewropea.

2        L-Artikolu 103b tar-Regolament dwar OKS Unika jawtorizza lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jikkostitwixxu fondi operattivi ffinanzjati kif ġej:

“1. L-organizzazzjonijiet tal-produturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv. Il-fond għandu jkun iffinanzjat permezz ta’:

(a)      kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ membri jew ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha;

(b)      għajnuna finanzjarja [tal-Unjoni Ewropea] li tista’ tingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

[…]”

3        L-Artikolu 103d tar-Regolament dwar OKS Unika jirregola l-“assistenza finanzjarja [tal-Unjoni]” u jipprovdi:

“1. L-għajnuna finanzjarja [tal-Unjoni] għandha tkun daqs l-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jissemmew fl-Artikolu 103b(1)(a) hekk kif tħallsu effettivament imma għandha tkun limitata għal 50 % tan-nefqa effettiva li saret.

2.      L-assistenza finanzjarja [tal-Unjoni] għandha jkollha limitu massimu ta’ 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi.

Madankollu, dak il-persentaġġ jista’ jiġi miżjud għal 4.6 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata sakemm dak l-ammont li jeċċedi l-4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jintuża biss għal miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

[…]”

4        L-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika jirregola l-“assistenza finanzjarja nazzjonali”, l-unika kkonċernata mill-kawża.

5        Qabel l-emenda tiegħu permezz tal-punt 29 tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, dwar OKS Unika, (KE) Nru 3/2008, u (KE) Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007 (ĠU L 30, p. 1), l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008, tal-14 ta’ April 2008 (ĠU L 121, p. 1):

“1.       F’reġjuni ta’ l-Istati Membri fejn il-grad ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ikun partikolarment baxx, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, fuq talba debitament sostanzjata, biex iħallsu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għajnuna finanzjarja nazzjonali ekwivalenti għal massimu ta’ 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jissemmew fl-Artikolu 103b(1)(a). Din l-assistenza għandha tkun addizzjonali għall-fond operattiv. F’reġjuni ta’ Stati Membri fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkummerċjalizzaw inqas minn 15 % mill-valur tal-produzzjoni tal-frott u tal-ħaxix u li l-produzzjoni tal-frott u tal-ħaxix tagħhom tirrappreżenta ta’ l-inqas 15 % tal-produzzjoni agrikola totali tagħhom, l-assistenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tiġi rimborżata mill-[Unjoni] fuq talba ta’ l-Istat Membru konċernat.

2.       Bħala deroga mill-Artikolu 180 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m’għandhomx japplikaw għall-assistenza finanzjarja nazzjonali awtorizzata skond il-paragrafu 1.”

6        Ir-Regolament Nru 72/2009 ttrasferixxa l-paragrafu 2 iktar ’il fuq dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 87, 88 u 89 KE f’artikolu ġdid innumerat 180, ifformulat bil-mod kif ġej:

“L-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-prodotti u għall-kummerċ fil-prodotti msemmija fil-punti (a) sa (k) u l-punti (m) sa (u) tal-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m’għandhomx japplikaw għal pagamenti li jsiru skont l-Artikoli 44, 45, 46, 47, 48, 102, 102a, 103, 103a, 103b, 103e, 103ga, 104, 105 u 182 ta’ dan ir-Regolament minn Stati Membri b’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

7        Il-premessa 20 tar-Regolament Nru 72/2009 tiġġustifika din l-għażla kif ġej:

“Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, u sempliċità jixraq li jkunu ċċarati u armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar in-non-applikazzjoni tal-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għal pagamenti li jsiru minn Stati Membri f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 […]. F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-Regolamenti li kieku, f’ċerti ċirkostanzi, ikunu jaqgħu jew jistgħu jaqgħu fi ħdan il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Id-dispożizzjonijiet ikkonċernati fihom kondizzjonijiet adatti għall-għoti ta’ appoġġ biex tiġi evitata d-distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni.”

8        L-Artikolu 103g tar-Regolament dwar OKS Unika jirregola d-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-programmi operattivi:

“1.       L-abbozzi tal-programmi operattivi għandhom ikunu ppreżentati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li għandhom japprovawhom jew jiċħduhom jew jitolbu l-modifika tagħhom b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din is-subsezzjoni.

2. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-ammont stmat tal-fond operattiv għal kull sena u għalhekk għandhom iressqu raġunijiet xierqa ibbażati fuq stimi tal-programmi operattivi, fuq in-nefqa għas-sena attwali u possibbilment in-nefqa għas-snin preċedenti u, jekk ikun meħtieġ, fuq il-kwantitajiet ta’ produzzjoni stmati għas-sena ta’ wara.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-assoċjazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bl-ammont stmat ta’ assistenza finanzjarja [tal-Unjoni], b’mod konformi mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 103d.

[…]”

9        L-Artikolu 103(h) tar-Regolament dwar OKS Unika jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din is-sezzjoni, partikolarment:

[…]

(b)      il-proporzjon ta’ u r-regoli dwar ir-rimborż tal-miżuri li jissemmew fl-Artikolu 103e(1);

[…]”

 Ir-Regolament Nru 1580/2007

10      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1), jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni tar-Regolament dwar OKS Unika fis-settur tal-frott u l-ħaxix u jipprovdi, b’mod partikolari, il-modalitajiet tar-rimbors parzjali mill-Kummissjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

11      L-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1580/2007 jipprevedi l-komunikazzjoni mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi lill-Istat Membru kkonċernat tal-istima tagħhom dwar l-ammont tal-fond operattiv:

“Organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jikkomunikaw l-ammonti stmati ta’ kontribuzzjoni [tal-Unjoni], u l-kontribuzzjoni tal-membri tagħha u ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi innifisha lil fondi ta’ operazzjoni [fondi operattivi] għas-sena ta’ wara lill-Istat Membru sal-15 ta’ Settembru bħala l-aħħar ċans, flimkien mal-programmi ta’ operazzjoni [programmi operattivi] jew talbiet għall-approvazzjoni ta’ l-emendi tagħhom.”

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data iktar tard mill-15 ta’ Settembru.

Il-kalkolu ta’ l-ammont stmat tal-fondi ta’ operazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-programmi ta’ operazzjoni u l-valur ta’ produzzjoni mqiegħda fis-suq. Il-kalkolu għandu jkun maqsum bejn nefqa għal miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni ta’ kriżijiet u miżuri oħra.”

12      L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 1580/2007 jipprevedi l-preżentazzjoni tal-programmi operattivi u jipprovdi:

“Il-programmi ta’ operazzjoni [programmi operattivi] għandhom ikunu sottomessi għal approvazzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tal-produtturi jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha sal-15 ta’ Settembru bħala l-aħħar ċans tas-sena ta’ qabel dik li fiha għandhom ikunu implimentati. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippostponu dik id-data.”

13      L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 1580/2007 jirregola l-approvazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-programmi operattivi

“1. L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, kif xieraq:

(a)      tapprova ammonti ta’ fondi u programmi li jilħqu r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 u dawk ta’ dan il-Kapitolu;

(b)      tapprova l-programmi, fuq il-kundizzjoni li ċertu emendi jkunu aċċettati mill-organizzazzjoni tal-produtturi; jew

(c)      tiċħad il-programmi jew parti mill-programmi.

2.      L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu deċiżjonijiet dwar programmi u fondi sal-15 ta’ Diċembru bħala l-aħħar ċans tas-sena li fiha kienu sottomessi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi b’dawk id-deċiżjonijiet sal-15 ta’ Diċembru bħala l-aħħar ċans.

Madankollu, għal-raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni fuq programmi u fondi ta’ operazzjoni [programmi u fondi operattivi] sa l-20 ta’ Jannar bħala l-aħħar ċans wara d-data ta’ l-applikazzjoni. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tista’ tistipula li n-nefqa tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-applikazzjoni.”

14      L-Artikolu 1(8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1327/2008, tad‑19 ta’ Diċembru 2008, li jemenda r-Regolament Nru 1580/2007 (ĠU L 345, p. 24), jintroduċi madankollu dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tas-sena 2009. Dawn id-dispożizzjonijiet jinqraw kif ġej:

“(8)  Fl-Artikolu 152, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

‘9. B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet iġġustifikati kif jixraq, jieħdu deċiżjoni dwar l-operazzjoni tal-programmi u l-fondi fl‑2009 sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2009. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tista’ tistipula li n-nefqa tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2009 ’il quddiem.’

[...]”

15      L-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 1580/2007 jirregola l-komunikazzjoni tad-data mitluba mill-Istati Membri fir-rigward tal-programmi operattivi. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi iktar partikolarment li “[l-]Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar l-ammont totali tal-fond ta’ operazzjoni [fond operattiv] approvat dik is-sena għall-programmi ta’ operazzjoni [programmi operattivi] kollha”, li “[d]in il-komunikazzjoni għandha tagħmel ċar kemm l-ammont totali tal-fond ta’ operazzjoni u kif ukoll l-ammont totali ta’ finanzjar [mill-Unjoni] ta’ dak il-fond ta’ operazzjoni” u li “[d]awn il-figuri għandhom jerġgħu jinqasmu bejn ammonti għal miżuri tal-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet u miżuri oħra”.

16      L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1580/2007 jirregola l-emenda tal-programmi operattivi matul is-sena:

“1.      Stati Membri jistgħu jawtorizzaw emendi tal-programmi ta’ operazzjoni [programmi operattivi] matul is-sena, skond kundizzjonijiet li għandhom ikunu determinati minnhom.

2.      Organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jkunu awtorizzati mill-awtorità nazzjonali kompetenti, matul is-sena sabiex:

(a)      jimplimentaw il-programmi ta’ operazzjoni parzjalment biss;

(b)      jibdlu l-kontenut tal-programm ta’ operazzjoni, inkluż jekk neċessarju l-estensjoni tad-dewmien tiegħu sa dewmien totali ta’ ħames snin;

(ċ)      iżidu l-ammont tal-fond ta’ operazzjoni [fond operattiv] b’massimu ta’ 25 %, u jnaqqsuh b’persentaġġ li għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri, ta’ l-ammont inizjalment approvat sakemm l-għanijiet ġenerali tal-progamm ta’ operazzjoni huma miżmuma. Stati Membri jistgħu jżidu dan il-persentaġġ f’każ ta’ għaqdiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi kif imsemmija fl-Artikolu 31(1) u f’każ ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 94a.

3.      Stati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet skond liema programmi ta’ operazzjoni jistgħu jkunu emendati matul is-sena mingħajr approvazzjoni minn qabel ta’ l-awtorità nazzjonali kompetenti. Dawn il-bidliet huma eliġibbli biss għal għajnuna jekk ikunu kkomunikati mill-organizzazzjoni tal-produtturi lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien.”

17      Il-Kapitolu IV tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1580/2007 jinkludi, fost oħrajn, id-dispożizzjonijiet speċifiċi segwenti fir-rigward tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

18      L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 1580/2007 jispeċifika r-rekwiżit magħmul fl-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika li huwa intiż għan-natura “partikolarment baxxa” tal-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi ta’ reġjun partikolari, li jiġġustifika l-għoti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali:

“Għall-finijiet ta’ [l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika], il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi f’reġjun ta’ Stat Membru għandu jkun ikkunsidrat bħala partikolarment baxx fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u gruppi ta’ produtturi qiegħdu fis-suq inqas minn 20 % tal-valur medju ta’ produzzjoni ta’ frott u ħxejjex fit-tliet snin l-iktar riċenti li għalihom id-dejta hija disponibbli.”

19      L-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 590/2008, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament Nru 1580/2007 u li jidderoga minn dak ir-Regolament (ĠU L 163, p.24), jirregola r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ħlas ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali:

“1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni li jħallsu assistenza finanzjarja nazzjonali skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 għal programmi ta’ operazzjoni [programmi operattivi] implimentati fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari sal-31 ta’ Jannar ta’ dik is-sena.

It-talba għandha tkun akkompanjata minn evidenza li turi li l-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fir-reġjun ikkonċernat huwa partikolarment baxx, kif definit fl-Artikolu 93 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dettalji ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi kkonċernati, l-ammont ta’ assistenza kkonċernata u l-proporzjon ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula skond [l-Artikolu 103b(1)(a) tar-Regolament dwar OKS Unika].

2.       Il-Kummissjoni għandha tapprova jew tiċħad ir-rikjesta fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tagħha. Jekk il-Kummissjoni ma tirrispondix matul dan il-perjodu it-talba għandha tkun meqjusa li kienet approvata.”

20      L-Artikolu 94a tar-Regolament Nru 1580/2007, kif introdott bir-Regolament Nru 590/2008, jipprovdi:

“Organizzazzjoni tal-produtturi li tixtieq tapplika għal assistenza finanzjarja nazzjonali għandha, jekk hu neċessarju, temenda l-programm ta’ operazzjoni [programme operattiv] tagħha skond l-Artikolu 67.”

21      L-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 1580/2007 jiddefinixxi l-perċentwali massimu ta’ rimbors mill-Unjoni Ewropea tal-assistenza finanzjarja nazzjonali:

“Il-proporzjon ta’ rimbors [tal-Unjoni] ta’ l-assistenza finanzjarja nazzjonali għandu jkun ta’ 60 % ta’ l-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjoni tal-produtturi.”

22      L-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007 kif emendat bir-Regolament Nru 590/2008 jorganizza l-proċedura tar-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali u jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jitolbu rimbors [mill-Unjoni] ta’ l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata li fil-fatt tkun imħallsa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, qabel l-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara s-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ operazzjoni [programm operattiv].

It-talba għandha tkun akkompanjata minn evidenza li turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 kienu milħuqa fi tlett snin ta’ l-erba’ snin ta’ qabel, kif ukoll id-dettalji ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi konċernati, l-ammont ta’ assistenza attwalment imħallsa u spjegazzjoni tal-fond ta’ operazzjoni [fond operattiv] maqsum bejn l-ammont totali, il-kontribuzzjonijiet mill-[Unjoni], l-Istat Membru (assistenza finanzjarja nazzjonali) u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri.

2.       Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni sabiex tapprova jew tiċħad it-talba.

3.       Fejn ir-rimbors [tal-Unjoni] ta’ l-assistenza ikun ġie approvat, in-nefqa eliġibbli għandha tkun iddikjarata lill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011

23      Fis-7 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar OKS Unika għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1).

24      Dan ir-regolament iħassar ir-Regolament Nru 1580/2007. Huwa jistabbilixxi, kif jagħmel ir-Regolament Nru 1580/2007, ir-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar OKS Unika fis-settur tal-frott u l-ħaxix.

25      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, bħar-Regolament Nru 1580/2007, jibbaża l-istima tar-rimbors mill-Unjoni fuq “l-assistenza approvata li fil-fatt tkun imħallsa” (Artikolu 95(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 u Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007). L-Artikolu 95(2) tal-imsemmi regolament jispeċifika li “[i]t-talba [għal rimbors] għandha tiġi miċħuda jekk l-Istat Membru li jkun qed jitlob ir-rimborż ma jkunx ħares ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni u r-rimborż tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

26      Fil-15 ta’ Settembru 2008, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li xtaqu jibbenefikaw mill-assistenza finanzjarja Ungeriża ressqu t-talbiet għall-approvazzjoni tal-programmi operattivi tagħhom lill-Vidékfejletési Minisztérium (Ministeru tal-Iżvilupp Rurali Ungeriż, iktar ’il quddiem il-“VM”).

27      Fil-15 ta’ Novembru 2008, huma nnotifikaw l-istimi tagħhom dwar l-ammont tal-fond operattiv maħsubin li jiffinanzjaw il-programmi operattivi. Dawn il-programmi kif ukoll dawn l-istimi ġew approvati, fil-livell nazzjonali, bejn nofs Jannar u l-bidu ta’ Marzu 2009.

28      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2009, il-VM ressaq quddiem il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007, talba għall-awtorizzazzjoni li jħallas assistenza finanzjarja nazzjonali lil 29 organizzazzjoni ta’ produtturi li stabbilixxew programmi operattivi, approvati fl-2009. Il-VM indika li l-ammont massimu stmat tal-assistenza finanzjarja nazzjonali għandu jammonta, fit-total, sa EUR 3 487 518.

29      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Marzu 2009, il-VM għamel korrezzjonijiet għall-ittra preċedenti tiegħu, tat-30 ta’ Jannar 2009. Il-VM spjega li kien fil-pussess biss ta’ stimi fuq il-fondi operattivi fid-data tat-30 ta’ Jannar 2009, filwaqt li issa kien jiddisponi minn data approvata definittivament fuq il-bażi tal-approvazzjoni mogħtija fil-frattemp għall-programmi u għall-fondi operattivi. Il-VM kompla din l-ittra b’emendi fir-rigward tar-reġjuni benefiċjarji tal-assistenza u r-reġjuni tal-Lvant u Punent ġew indikati bħala benefiċjarji ġodda tal-assistenza finanzjarja nazzjonali. Il-VM indika li kellu l-intenzjoni li jħallas l-assistenza finanzjarja nazzjonali lil 27 organizzazzjoni ta’ produtturi fir-reġjun tal-Lvant u lil 3 organizzazzjonijiet ta’ produtturi fir-reġjun tal-Punent. Huwa tenna, kif għamel fl-ittra preċedenti tiegħu, li l-ammont massimu stmat tal-assistenza finanzjarja nazzjonali li għandu jitħallas ma għandux ikun ta’ iktar minn, fit-total, EUR 3 487 518. Il-VM wettaq analiżi ta’ din id-data fl-Anness għall-ittra tiegħu billi ppreżenta, minn naħa, l-ammont approvat tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ produtturi u, min-naħa l-oħra, l-ammont approvat tal-fond operattiv. Huwa spjega dawn il-figuri billi indika fl-ittra tiegħu: “Aħna qed nippreżentaw id-data dettaljata tal-fondi operattivi fl-Anness. Aħna approvajna l-ammonti li kien ġie previst li jiġi ffinanzjat mill- assistenza nazzjonali possibbli fil-kuntest tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi”.

30      Wara din l-ittra tal-11 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni kkuntatjat bit-telefon lill-awtoritajiet Ungeriżi biex tikseb data iktar preċiża fuq l-ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali kkomunikat, billi talbet analiżi tal-assistenza mill-organizzazzjoni ta’ produtturi.

31      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2009, il-VM ipprovda din id-data (iktar ’il quddiem l-“ammonti ta’ assistenza nnotifikati”). Il-VM indika li dawn kienu biss stimi għal dak li jirrigwarda l-assistenza finanzjarja nazzjonali li għandha tingħata, ibbażati fuq l-ipoteżi li EUR 3.5 miljun huma disponibbli fil-baġit tal-Istat biex jiġu ffinanzjati dawn il-miżuri. Il-VM speċifika f’dan ir-rigward li ebda deċiżjoni ma kienet ittieħdet, f’dan l-istadju, fuq il-baġit tal-Istat disponibbli għall-assistenza finanzjarja nazzjonali.

32      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2009 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ awtorizzazzjoni”), il-Kummissjoni informat lil VM li, fir-reġjuni kkonċernati (reġjun tal-Punent u reġjun tal-Lvant), il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandu jkun ikklassifikat bħala partikolarment baxx, li l-għajnuna tal-Istat ikkunsidrata ma kinitx taqbeż it-80 % tal-kontribuzzjoni tal-membri jew tal-organizzazzjoni ta’ produtturi riprodotta fit-talba għall-awtorizzazzjoni tal-għoti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, u li l-Kummissjoni ma kellhiex ebda kummenti oħra x’tagħmel, peress li t-talba għall-awtorizzazzjoni li titħallas l-assistenza finanzjarja nazzjonali lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kkonċernati kienet debitament iġġustifikata.

33      Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Diċembru 2010, il-VM ressaq talba quddiem il-Kummissjoni li kienet intiża għar-rimbors parzjali mill-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali effettivament imħallsa fir-reġjun tal-Lvant, fl-2009. Fit-talba tiegħu, il-VM indika li kien ħallas fl-2009 assistenza finanzjarja nazzjonali ta’ HUF 891 847 925 (jiġifieri EUR 3.2 miljun) lill-produtturi tar-reġjun tal-Lvant u talab ir-rimbors mill-Unjoni ta’ 60 % ta’ dan l-ammont (jiġifieri HUF 535 108 755 jew EUR 1.9 miljun).

34      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni talbet lill-VM jikkomunikalha d-data supplimentari billi ehmżet mal-ittra tagħha sitt tabelli biex jiġu mimlija, fost oħrajn b’data analizzata mill-organizzazzjoni ta’ produtturi li tirrikapitola d-differenzi bejn l-ammonti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni fit-talba għall-awtorizzazzjoni u l-ammonti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali effettivament imħallsa.

35      Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-VM ikkomunika d-data mitluba, permezz ta’ ittra.

36      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni staqsiet lill-VM fuq il-kawża tad-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tal-assistenza finanzjarja nazzjonali msemmija fit-talba għall-awtorizzazzjoni tal-2009 u, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-assistenza finanzjarja nazzjonali effettivament imħallsa, peress li tal-ewwel kien iktar baxx mill-ammont effettivament imħallas, għal ċertu numru ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

37      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2011, il-VM irrisponda fuq dan il-punt billi indika li d-differenza bejn l-ammonti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali kkomunikati u l-ammonti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali effettivament imħallsa kienu jirriżultaw mill-fatt li d-data ppreżentata fit-talba għall-awtorizzazzjoni kienet ibbażata fuq stimi pprovduti mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi f’Novembru 2008. Il-VM enfasizza li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kellhom il-possibbiltà li jemendaw matul is-sena l-programmi operattivi tagħhom, fost oħrajn fil-każ fejn id-dħul reali qabeż l-istimi. F’dan ir-rigward, il-VM spjega li, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-livell tal-kontribuzzjoni tal-membri għall-fondi operattivi kien perċentwali definit mid-dħul u li, b’hekk, il-kontribuzzjonijiet effettivi tal-membri setgħu jkunu differenti mill-kontribuzzjonijiet stmati, ikkomunikati mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi lill‑VM is-sena ta’ qabel. Il-VM kien indika b’hekk li l-approvazzjoni u l-pagament tal-assistenza finanzjarja nazzjonali kienu jsiru b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni effettiva, sa limitu ta’ 80 %, li kien meħtieġ madankollu fil-każijiet kollha.

38      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni indikat li kellha l-intenzjoni tirrimborsa parzjalment l-ammont imħallas abbażi tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, minn organizzazzjoni ta’ produtturi, sal-limitu tal-ammonti nnotifikati mill-Ungerija fit-talba tagħha għall-awtorizzazzjoni, li kienet laqgħet permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2009. Il-Kummissjoni speċifikat li l-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija li taqbeż dawn l-ammonti ma kinitx koperta mill-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli fuq l-għajnuna mill-Istat li saret fl-Artikolu 180 tar-Regolament dwar OKS Unika. Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-somom imħallsa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jaqbżu s-somom innotifikati u awtorizzati mill-Kummissjoni, għal kull organizzazzjoni ta’ produtturi, setgħu jitqiesu bħala għajnuna illegali li l-kumpatibbiltà tagħhom mas-suq intern jista’ jkollha tiġi analizzata fid-dawl tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE. Il-Kummissjoni fakkret, f’dan ir-rigward, li setgħet tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali.

39      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2012, il-VM indika li ma kienx japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-livell tal-assistenza rimborsabbli fuq il-bażi tal-ammonti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali kkomunikati fit-talba għall-awtorizzazzjoni. Il-VM kien qed jirreferi għall-fatt li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kellhom il-possibbiltà li jemendaw il-programm operattiv għas-sena kurrenti kif ukoll għall-ammonti tal-kontribuzzjonijiet tal-membri. Minħabba f’hekk, l-ammont effettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji seta’ jkun differenti minn dak li l-Istat Membru kien ikkomunika lill-Kummissjoni fit-talba għall-awtorizzazzjoni, fuq il-bażi tal-istimi tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Il-VM fakkar li r-Regolament dwar OKS Unika ma kienx jorbot l-għoti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mal-ammont ta’ assistenza nnotifikata fuq il-bażi tad-data kkomunikata mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, iżda mal-limitu ta’ 80 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri jew tal-organizzazzjoni ta’ produtturi. Madankollu, dan il-limitu ma nqabiżx fid-dawl tal-kontenut tal-ittra għall-awtorizzazzjoni, peress li din awtorizzat l-għoti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali u mhux ammont ta’ assistenza finanzjarja preċiża (ammont ta’ assistenza li ma kienx jidher, barra minn hekk, fl-imsemmija deċiżjoni). Il-VM talab lill-Kummissjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha, minn naħa, billi tilqa’ r-rikors tiegħu għar-rimbors parzjali tal-assistenza effettivament imħallsa li taqbeż l-assistenza nnotifikata u, min-naħa l-oħra, billi teżentah minn eżami tal-kumpatibbiltà tal-assistenza mogħtija fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

40      Fl-20 ta’ April 2012, ġiet organizzata konsultazzjoni ta’ esperti mill-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju).

41      Fil-25 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni, konformement mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, adottat id-Deċiżjoni C (2012) 3324 dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

42      Il-Kummissjoni indikat, billi qieset b’mod partikolari l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika fil-kunsiderazzjonijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata:

–        fil-premessa 13, li, “[k]onformement mal-Artikolu 95(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, it-talba għandha tiġi miċħuda peress li r-regoli applikabbli għall-awtorizzazzjoni u għar-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali ma ġewx osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        fil-premessa 14, li “[l-]ammonti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mħallsa mill-Ungerija lil ċerti organizzazzjonijiet ta’ produtturi għall-programmi operattivi implementati fl-2009 kienu superjuri għall-ammonti indikati fit-talba għall-awtorizzazzjoni u approvati mill-Kummissjoni”, li “[d]awn l-ammonti, għall-parti li taqbeż l-ammonti approvati mill-Kummissjoni, ma humiex ammessi għar-rimbors” u li, “[m]in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ammonti mħallsa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi sal-limitu ddikjarat fit-talba għall-awtorizzazzjoni, it-talba għar-rimbors hija kkunsidrata bħala ammissibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        fil-premessa 15, li “[g]ħandha konsegwentement tiġi rrimborsata parzjalment l-assistenza finanzjarja nazzjonali mogħtija mill-Ungerija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tagħha, sal-limitu ta’ 60 % tal-ammonti kkomunikati fit-talba għall-awtorizzazzjoni għal kull programm operattiv implementat fl-2009” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

43      Il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata:

“L-Unjoni tirrimborsa l-assistenza finanzjarja nazzjonali effettivament imħallsa mill-Ungerija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tagħha għall-programmi operattivi implementati fl-2009 sa EUR 1 190 927 konformement mal-Artikolu 103e(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44      Id-Deċiżjoni waslet għand ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tal-Ungerija mingħand l-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Mejju 2012.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2012, l-Ungerija bdiet din l-azzjoni.

46      L-Ungerija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

 Id-dritt

48      L-Ungerija tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi, l-ewwel wieħed, meħud minn applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007 u, it-tieni wieħed, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007.

 Fuq l-ewwel motiv, meħud minn applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007

49      L-ewwel motiv tal-Ungerija huwa maqsum f’żewġ partijiet.

50      L-Ungerija targumenta, fl-ewwel parti, li l-Kummissjoni ma setgħetx, fl-assenza ta’ bażi legali li tawtorizzaha, tistabbilixxi limitu għar-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali li tikkorrispondi għall-ammonti ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali nnotifikati għal kull organizzazzjoni ta’ produtturi.

51      L-Ungerija żżid tgħid, fit-tieni parti, li l-Kummissjoni, billi tillimita r-rimbors tagħha għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati, kisret id-dispożizzjonijiet li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni, abbażi tar-rimbors mill-Unjoni, tal-iżvilupp tal-assistenza finanzjarja nazzjonali matul is-sena.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, meħuda mill-assenza ta’ bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni li tillimita r-rimbors mill-Unjoni tal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati

52      L-Ungerija ssostni, prinċipalment, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li torbot l-ammont tar-rimbors tagħha mal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati ma tibbaża fuq ebda bażi legali.

53      L-ewwel nett, l-Ungerija tinvoka l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Ungerija tindika li dan it-test sempliċement jipprovdi bħala l-uniku limitu għall-ammont tal-assistenza finanzjarja nazzjonali li din ma tistax taqbeż 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fondi operattivi tal-membri jew l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Dan l-artikolu ma jipprovdix għalhekk limitu marbut mal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati, fil-limitu ta’ 80 % matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza.

54      Min-naħa l-oħra, l-Ungerija tindika li, konformement mal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għall-għoti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali għandha tillimita ruħha li teżamina li r-rekwiżiti magħmula mill-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika huma ssodisfatti, b’mod partikolari l-fatt li, fl-ewwel lok, fir-reġjun ikkonċernat, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi huwa partikolarment baxx u li, fit-tieni lok, l-assistenza finanzjarja nazzjonali li l-għoti tagħha huwa mixtieq ma jaqbiżx 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fondi operattivi tal-membri jew l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Jekk dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti, il-Kummissjoni għandha tawtorizza l-għoti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali. Din l-awtorizzazzjoni ma tinvolvix madankollu l-istabbiliment ta’ ammont wieħed preċiż jew ta’ diversi ammonti preċiżi, iżda biss l-għoti tal-assistenza.

55      It-tieni nett, l-Ungerija żżid tgħid li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1580/2007, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha biss bħala l-unika alternattiva li “tapprova jew tiċħad ir-rikjesta” għall-awtorizzazzjoni ta’ ħlas ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali, mingħajr ma dan l-artikolu jippermettilha li tistabbilixxi limitu superjuri f’dak li jirrigwarda l-ammont. L-Ungerija tosserva, f’dan ir-rigward, li, f’dak li jirrigwarda l-paragrafu 1 tal-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw talba għal awtorizzazzjoni li jħallsu assistenza finanzjarja nazzjonali u mhux awtorizzazzjoni li tirrigwarda ammont effettiv tal-assistenza.

56      It-tielet nett, l-Ungerija tikkonkludi li r-rimbors mill-Unjoni ma jistax jirrigwarda l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati. Huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, ladarba l-assistenza finanzjarja nazzjonali tkun ngħatat, li tirrimborsa s-somom li “tħallsu effettivament” fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, sal-limitu ta’ 60 % tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

57      Ir-raba’ nett, l-Ungerija żżid tgħid, b’mod inċidentali, fl-istadju tar-replika, li l-Artikolu 94 tal-verżjoni Ungeriża tar-Regolament Nru 1580/2007, fis-seħħ fiż-żmien tat-talba għar-rimbors, kien jeżiġi l-komunikazzjoni tal-proporzjon tal-assistenza finanzjarja nazzjonali (b’konnessjoni mal-limitu ta’ 80 %), iżda mhux tal-ammont tagħha, li kien jikkonferma li r-rimbors mill-Unjoni huwa marbut mal-osservanza tal-limitu ta’ 80 % u mhux mal-ammont iddikjarat tal-assistenza maħsuba.

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tagħha biss iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑236/07, Ġabra, EU:T:2010:451, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk l-għan tar-regoli tal-Unjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex dawn jingħataw interpretazzjoni li tiżgura l-effettività tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑27/04, Ġabra, EU:C:2004:436, punt 74).

59      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għall-argument tal-Ungerija li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tibbaża fuq ebda bażi legali, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punt 58, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-kliem tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikoli 94 u 97 tar-Regolament Nru 1580/2007 setgħux jagħtu lill-Kummissjoni id-dritt li tillimita r-rimbors tagħha għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati u, min-naħa l-oħra, jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-Ungerija lit-testi ta’ hawn fuq hijiex kumpatibbli mal-għanijiet tagħhom u l-oġġettivi li jsegwu.

60      L-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika jagħti marġni diskrezzjonali lill-Kummissjoni, biex tawtorizza lill-Istati Membri li jħallsu l-assistenza finanzjarja nazzjonali lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi eliġibbli. F’dan ir-rigward, huwa jipprovdi li “l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, fuq talba debitament sostanzjata, biex iħallsu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għajnuna finanzjarja nazzjonali”.

61      Dan il-marġni diskrezzjonali fl-għoti tal-assistenza, ikkaratterizzat mill-użu tal-verb “seta’” jinstab fl-istadju tar-rimbors mill-Unjoni, li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. L-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika b’hekk jipprovdi li “l-assistenza […] tista’ tiġi rimborżata mill-[Unjoni] fuq talba ta’ l-Istat Membru konċernat”.

62      Fir-rigward tar-regoli dettaljati tar-rimbors mill-Unjoni, konformement mal-Artikolu 103h tar-Regolament dwar OKS Unika, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-“regoli dettaljati […] [tar-]rimborż”.

63      Għas-settur tal-frott u l-ħaxix, il-Kummissjoni stabbilixxiet dawn ir-regoli dettaljati fil-kuntest tar-Regolament Nru 1580/2007 billi tipprovdi fl-Artikolu 97(1) tiegħu li “[l]-Istati Membri għandhom jitolbu rimbors [mill-Unjoni] ta’ l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata li fil-fatt tkun imħallsa […]”.

64      Il-kontenut tal-“assistenza […] approvata” imsemmija fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007 huwa stabbilit permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tal-istess regolament, li jirregola l-“awtorizzazzjoni […] li titħallas assistenza finanzjarja nazzjonali”. Dan l-artikolu jipprovdi li “[i]t-talba għandha tkun akkompanjata minn evidenza li turi [fost oħrajn] l-ammont ta’ assistenza”.

65      B’hekk mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, u b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “l-ammont”, jirriżulta li l-“assistenza […] approvata” tinkludi neċessarjament l-ammont tal-assistenza finanzjarja nazzjonali ddikjarat.

66      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, l-approvazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali għandha bħala suġġett l-ammonti nnotifikati għal kull organizzazzjoni ta’ produtturi benefiċjarji tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, u mhux l-ammont totali tal-assistenza finanzjarja nazzjonali (l-organizzazzjonijiet kollha tal-produtturi flimkien). Fil-fatt, skont l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika, l-assistenza ma għandhiex taqbeż 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata, liema fatt jimplika li, konformement mal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, l-ammont tal-assistenza u l-osservanza tal-limitu ta’ 80 % jkunu vverifikati għal kull organizzazzjoni ta’ produtturi u li, għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tindirizza l-assistenza kif analizzata mill-organizzazzjoni ta’ produtturi.

67      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tiddisponi minn bażi legali biex tillimita r-rimbors mill-Unjoni għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007, kemm fuq il-bażi tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika, kif ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007.

68      L-argumentazzjoni mressqa mill-Ungerija ma tistax tinvalida din il-konklużjoni li tirriżulta minn interpretazzjoni litterali tat-testi.

69      L-ewwel nett, l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, essenzjalment, il-Kummissjoni hija obbligata tirrimborsa kull assistenza inferjuri għal-limitu ta’ 80 % tal-kontribuzzjonijiet tal-membri jew tal-organizzazzjoni ta’ produtturi stess, ikun xi jkun l-ammont tal-imsemmija assistenza, peress li l-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fir-reġjun inkwistjoni, ikun “partikolarment baxx”.

70      L-interpretazzjoni proposta mill-Ungerija intiża li tikkunsidra li Stat Membru jkun fondat, fuq il-bażi tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika, li jħallas ex post ammont superjuri għall-ammont innotifikat ex ante u li jikseb, sussegwentement, rimbors tal-ammont mhux innotifikat tirrendi superfluwa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑403/99, Ġabra, EU:C:2001:507, punt 28) u trendi ineffettiva l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Maatschap T. van Oosterom en A. van Oosterom-Boelhouwer, C‑485/12, Ġabra, EU:C:2014:250, punt 61). F’dan ir-rigward, kif targumenta l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-leġiżlatur Ewropew kien xtaq jiddispensa lill-Istati Membri minn proċedura formali għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza, li timplika neċessarjament evalwazzjoni tal-ammonti nnotifikati, seta’ jirrikorri għal proċedura simili għal dik prevista mill-Artikolu 182(6) tar-Regolament dwar OKS Unika, li tawtorizza, bil-kundizzjoni li ċerti kundizzjonijiet ta’ qabel ikunu ssodisfatti, lill-Istati Membri jħallsu għajnuna mill-Istat lill-produtturi mhux membri ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta.

71      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija inkoerenti mal-għan tal-eżami tal-assistenza finanzjarja nazzjonali fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, sa fejn timplika li l-Kummissjoni tista’ tkun obbligata tirrimborsa somom li, peress li tħallsu flimkien mas-somom innotifikati, ma setgħux jiġu approvati u, għaldaqstant, koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007. Madankollu, għandu jitfakkar li l-assistenza finanzjarja nazzjonali prevista mill-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika hija msemmija fl-Artikolu 180 tar-Regolament dwar OKS Unika bħala deroga għar-rekwiżiti tat-Trattat fuq l-għajnuna mill-Istat li huwa permess biss, fil-kuntest tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 72/2009, sa fejn “[i]d-dispożizzjonijiet ikkonċernati fihom kondizzjonijiet adatti għall-għoti ta’ appoġġ [għajnuna] biex tiġi evitata d-distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni”, liema fatt jiġġustifika interpretazzjoni stretta tal-possibbiltà li tingħata l-imsemmija għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 1985, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, 56/83, Ġabra, EU:C:1985:85, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Konsegwentement, l-interpretazzjoni difiża mill-Ungerija li tipprovdi li l-Kummissjoni hija obbligata tirrimborsa kull assistenza inferjuri għal-limitu ta’ 80 % irrispettivament mill-ammont tagħha, mingħajr ma tkun tista’ teżerċita l-marġni diskrezzjonali li tiddisponi minnu skont l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika matul il-fażi ta’ awtorizzazzjoni tirrendi superfluwu l-Artikolu 180 tar-Regolament dwar OKS Unika, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 72/2009, u l-oġġettivi li jsegwi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u, fost oħrajn, tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

73      It-tieni nett, sa fejn l-Ungerija tinvoka, fl-istadju tar-replika, il-formulazzjoni tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007 fil-verżjoni Ungeriża tiegħu, fil-mument tat-talba għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, biex issaħħaħ l-interpretazzjoni tagħha li tipprovdi li r-rimbors mill-Unjoni huwa marbut mal-osservanza tal-limitu ta’ 80 % u mhux mal-ammont iddikjarat tal-assistenza maħsuba, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Kummissjoni fl-atti tagħha, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Profisa, C‑63/06, Ġabra, EU:C:2007:233, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Møller, C‑585/10, Ġabra, EU:C:2011:847, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teskludi, li test jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi f’każ ta’ dubju li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra [ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1996, Lubella, C‑64/95, Ġabra, EU:C:1996:388, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-31 ta’ Jannar 2008, Federación de Cooperativas Agrarias de la Comunidad Valenciana vs OCVV – Nador Cott Protection (Nadorcott), T‑95/06, Ġabra, EU:T:2008:25, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

75      Madankollu, f’dan il-każ, l-Ungerija ma tallegax li l-verżjonijiet fil-lingwi uffiċjali l-oħra ma kinux isemmu l-obbligu li jiġu kkomunikati l-ammonti tal-assistenza maħsuba, liema fatt, barra minn hekk, ma huwiex il-każ.

76      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, kif tfakkar il-Kummissjoni, li l-Ungerija, fil-korrispondenza kollha tagħha mal-Kummissjoni, fl-istadju tal-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, ikkomunikat l-ammont tal-assistenza maħsub.

77      L-ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali maħsub ġie qabelxejn ikkomunikat b’mod ġenerali permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2009, imbagħad permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Marzu 2009, qabel ma ġie kkomunikat b’mod maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi, fit-12 ta’ Marzu 2009, fuq talba espressa tal-Kummissjoni.

78      L-Ungerija ma tistax għaldaqstant ssostni b’mod raġonevoli li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1580/2007, fit-tfassil tiegħu fil-lingwa Ungeriża fiż-żmien tat-talba għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, ma setax jiġi interpretat bħala li jeżiġi l-komunikazzjoni tal-ammont tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

79      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “összeg” [“ammont”] bl-Ungeriż, iddaħħlet fil-verżjoni Ungeriża tar-Regolament Nru 1580/2007 wara l-ittra ta’ awtorizzazzjoni, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 441/2009, tas-27 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 (ĠU L 129, p. 10), fit-28 ta’ Mejju 2009.

80      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, kien għaldaqstant korrett li l-Kummissjoni qieset li hija kellha bażi legali biex tissottometti l-ammont tar-rimbors mill-Unjoni għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

81      Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tirreferi fl-atti tagħha għar-Regolament Nru 1580/2007 u mhux għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, minkejja li hija ssemmi madankollu dan ir-regolament tal-aħħar fid-Deċiżjoni kkontestata.

82      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jistabbilixxi regoli sostantivi fil-qasam tar-rimbors, b’mod partikolari, fl-Artikolu 95 tiegħu, li ma jistgħux japplikaw b’mod retroattiv għas-sitwazzjoni legali li kienet teżisti fil-mument tat-talba għar-rimbors (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra, EU:C:1981:270, punt 9).

83      Għandu jiġi kkonstatat, ukoll, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 ma jipprevedix l-applikazzjoni retroattiva tiegħu għal talbiet ta’ rimbors li nħolqu taħt l-influwenza tar-regolament antik (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 1985, Gesamthochschule Duisburg, 234/83, Ġabra, EU:C:1985:30, punt 20; tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch, C‑34/92, Ġabra, EU:C:1993:317, punt 22, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra EU:C:2002:524, punt 119).

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġust li l-partijiet rriferew fl-atti tagħhom għar-Regolament Nru 1580/2007.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn iż-żewġ regolamenti għandhom l-istess għanijiet u jistabbilixxu regoli identiċi fir-rigward tal-istima tar-rimbors mill-Unjoni (ara punt 25 iktar ’il fuq), il-fatt li l-Kummissjoni semmiet ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 fid-Deċiżjoni kkontestata, minflok ir-Regolament Nru 1580/2007, huwa mingħajr effett fuq il-legalità tiegħu, peress li r-riżultat jibqa’ ma jinbidilx ikun li jkun ir-regolament meqjus (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il‑Kummissjoni, T‑75/95, Ġabra, EU:T:1996:74, punt 55, u tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra, EU:T:1997:23, punt 199).

86      L-ewwel parti tal-ewwel motiv, meħuda mill-assenza ta’ bażi legali tal-Kummissjoni biex tissottometti r-rimbors tagħha għall-ammonti nnotifikati matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni, għandha għaldaqstant tiġi eskluża.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, meħuda mill-ksur tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-ammont tal-assistenza nazzjonali matul is-sena finanzjarja.

–       Fuq il-ksur tal-Artikoli 67 u 94a tar-Regolament Nru 1580/2007

87      L-Ungerija ssostni li l-Artikoli 67 u 94a tar-Regolament Nru 1580/2007 joffru l-possibbiltà lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jemendaw l-ammont tal-fond operattiv matul is-sena. Skont l-Ungerija, il-Kummissjoni għaldaqstant ma tistax tistabbilixxi limitu definittiv għar-rimbors tagħha marbut mal-ammonti nnotifikati fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni, mingħajr ma tikser l-Artikoli 67 u 94a tar-Regolament Nru 1580/2007.

88      Qabelxejn, fir-rigward tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1580/2007, li joffri fost oħrajn il-possibbiltà lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li [j]żidu l-ammont tal-fond ta’ operazzjoni [fond operattiv] b’massimu ta’ 25 % […] tal-ammont inizjalment approvat”, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-assistenza finanzjarja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika.

89      Fil-fatt, kif targumenta l-Kummissjoni, l-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika jipprovdi li l-assistenza finanzjarja nazzjonali “tkun addizzjonali għall-fond operattiv”, liema fatt ifisser li żieda ulterjuri tal-fond operattiv, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 1580/2007, ma hijiex maħsuba biex twassal għal żieda korrispondenti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

90      Din id-distinzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta’ assistenza hija riflessa fl-istruttura tar-Regolament Nru 1580/2007.

91      Fil-fatt, it-Titolu III tar-Regolament Nru 1580/2007 jinkludi fost oħrajn, minn naħa, Kapitolu II intitolat “Fondi ta’ operazzjoni [Fondi Operattivi] u programmi ta’ operazzjoni [Programmi Operattivi]”, li fih jinsab l-Artikolu 67 u li jinkludi dispożizzjonijiet fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, Kapitolu IV intitolat “Assistenza Finanzjarja Nazzjonali” li fih jinsabu l-Artikoli 96 u 97 fuq ir-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali.

92      Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 94a tar-Regolament Nru 1580/2007 invokat mill-Ungerija, li jipprovdi li “[o]rganizzazzjoni tal-produtturi li tixtieq tapplika għal assistenza finanzjarja nazzjonali għandha, jekk hu neċessarju, temenda l-programm ta’ operazzjoni [programm operattiv] tagħha skond l-Artikolu 67”, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma hijiex iktar applikabbli għal dan il-każ.

93      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 94a tar-Regolament Nru 1580/2007 jirriżulta li dan ma jsemmix din is-sitwazzjoni preżenti ta’ ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali approvata mill-Kummissjoni u wara miżjuda, iżda l-kontenut ta’ programm operattiv li huwa emendat qabel l-approvazzjoni tiegħu mill-awtorità nazzjonali.

94      Għaldaqstant għandu jiġi eskluż l-argument tal-Ungerija intiż li jikkonstata ksur tal-Artikoli 67 u 94a tar-Regolament Nru 1580/2007.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 103d tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikoli 53 u 99 tar-Regolament Nru 1580/2007

95      L-Ungerija ssostni li d-dispożizzjonijiet fuq ir-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 103d tar-Regolament dwar OKS Unika u l-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 1580/2007), li jippermettu adattament tal-assistenza abbażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.

96      Madankollu, minn naħa, l-Artikolu 103d tar-Regolament dwar OKS Unika ma jipprevedix proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni quddiem il-Kummissjoni, b’differenza mal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika.

97      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 103d tar-Regolament dwar OKS Unika jipprovdi li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni hija l-istess bħall-ammont ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji li “tħallsu effettivament”, minkejja li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007 jibbaża r-rimbors mill-Unjoni fuq l-assistenza finanzjarja nazzjonali “approvata li fil-fatt tkun imħallsa”.

98      Għaldaqstant, l-argument tal-Ungerija għandu jiġi miċħud.

99      Bħala konklużjoni, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-artikoli msemmija iktar ’il fuq, li jaqgħu taħt l-assistenza finanzjarja nazzjonali jew taħt l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, ma kinux jostakolaw li l-Kummissjoni tawtorizza r-rimbors mitlub mill-Ungerija sa limitu tal-uniċi somom innotifikati u effettivament imħallsa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

100    It-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-ammont tal-assistenza matul is-sena finanzjarja għandu għaldaqstant jiġi miċħud kif ukoll, għaldaqstant, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, meħud minn żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007

101    L-Ungerija ssostni li, anki jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni setgħet tillimita r-rimbors tagħha għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati, skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, hija setgħet tagħmel dan biss billi tapprova minn qabel dawn l-ammonti, fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni, li ma għamlitx f’dan il-każ.

102    Insostenn ta’ dan il-motiv, fl-ewwel lok, l-Ungerija ssostni li ebda ammont ta’ assistenza ma ġie espressament imsemmi mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni, kuntrarjament għall-prattika osservata fid-deċiżjonijiet tagħha ta’ wara, għall-kampanji 2010 u 2011, fejn il-Kummissjoni semmiet l-ammont globali tal-assistenza mogħtija.

103    Fit-tieni lok, l-Ungerija ssostni li l-ittra ta’ awtorizzazzjoni ma kellhiex il-forma ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni impliċita, fis-sens tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1580/2007, li hija biss kienet tippermetti, permezz ta’ effett reċiproku, approvazzjoni impliċita tal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati.

104    Fit-tielet lok, l-Ungerija targumenta li l-Kummissjoni ma kinitx tista’ tapprova ammonti ta’ assistenza mid-data ppreżentata bħala sempliċi stima.

105    Fir-raba’ lok, l-Ungerija tqis li, għalkemm il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi limitu għar-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mill-ammonti ta’ assistenza li ma humiex imsemmija fid-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni, din “tqajjem tħassib fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

106    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “[l-]ammonti tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mħallsa mill-Ungerija lil ċerti organizzazzjonijiet ta’ produtturi għall-programmi operattivi implementati fl-2009 kienu superjuri għall-ammonti indikati fit-talba għall-awtorizzazzjoni u approvati mill-Kummissjoni”. Hija tikkonkludi li “[d]awn l-ammonti, għall-parti [li qabżet] l-ammonti approvati mill-Kummissjoni, [ma kinux] ammessi għar-rimbors” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bid-differenza tal-ammonti mħallsa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi sal-limitu tal-livell ddikjarat fit-talba għall-awtorizzazzjoni. Fuq il-bażi tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita r-rimbors tagħha għal dawn l-ammonti tal-aħħar.

107    Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni llimitat l-ammonti ammissibbli għar-rimbors għall-ammonti nnotifikati matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni, sa fejn qieset li l-ammonti mħallsa flimkien mal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati ma kinux jikkostitwixxu ammonti “approvati” fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007.

108    Għaldaqstant, huwa rilevanti f’dan il-każ, li jiġi stabbilit jekk huwiex ġust li l-Kummissjoni setgħet tillimita l-ammonti ammissibbli għar-rimbors billi kkunsidrat li l-ammonti mħallsa flimkien mal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati ma kinux ġew “approvati” fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni, konformement mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, fid-dawl tal-fatt, fost oħrajn, li l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati ma kinux espressament imsemmija fl-imsemmija ittra u li din ma kinitx tirreferi, mill-inqas b’mod espress, għal “approvazzjoni” tagħhom.

109    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni, fir-Regolament dwar OKS Unika jew fir-Regolament Nru 1580/2007, ma tobbliga lill-Kummissjoni ssemmi speċifikament l-ammont ta’ assistenza nnotifikat fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tagħha. Barra minn hekk, mill-Artikolu 103h tar-Regolament dwar OKS Unika jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza kollha biex “tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni” tar-rimbors. Għaldaqstant ebda dispożizzjoni ma kienet tobbligaha espressament, fl-assenza ta’ stipulazzjoni f’dan is-sens, li ssemmi l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni.

110    It-tieni nett, kif dan ġie indikat fil-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007 jirriżulta li r-rimbors mill-Unjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali għandha bħala stima “l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata li fil-fatt tkun imħallsa”. Madankollu, l-assistenza finanzjarja nazzjonali “approvata” tinkludi neċessarjament l-ammont tagħha maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi, ikkomunikat għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-assistenza, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007. L-assenza ta’ riferiment espress għall-ammonti ta’ assistenza nnotifikati fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għaldaqstant ma tistax twassal għall-assenza ta’ limitu għall-ammonti ta’ assistenza li l-ħlas tagħhom huwa permess fil-limitu tal-livell ta’ 80 %, sa fejn l-awtorizzazzjoni tal-ħlas tal-assistenza tibbaża, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija ammonti.

111    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha għall-assistenza nnotifikata biss wara li kienet talbet u kisbet, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2009, l-ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, Ġabra, EU:C:2010:769, punt 45). L-ammont ta’ assistenza finanzjarja nazzjonali maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi, li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni biex tistabbilixxi r-rimbors tagħha, għaldaqstant ġie approvat minnha fil-kuntest tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni, fid-dawl tal-kontenut tan-notifika li twettqet mill-Ungerija (ara, b’analoġija, id-digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑200/11 P, EU:C:2012:165, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Ir-raba’ nett, l-ittra ta’ awtorizzazzjoni ssemmi espressament l-“ammont tal-assistenza kkonċernata”, skont il-punti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1580/2007 meħud inkunsiderazzjoni biex tibbaża fuqu, u tindika li l-assistenza hija “debitament iġġustifikata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Ungerija ma setgħetx għaldaqstant raġonevolment tinjora li l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1580/2007 u jservu ta’ bażi għar-rimbors tagħha.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi u għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq fid-dawl, fost oħrajn, tal-istruttura tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007, tal-kontenut tan-notifika tal-Ungerija u tal-kontenut tal-ittra tal-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ evalwazzjoni ta’ natura li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 109 sa 112 iktar ’il fuq, l-ittra ta’ awtorizzazzjoni għandha titqies li approvat l-ammonti ta’ assistenza nnotifikati, jiġifieri l-ammont maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi, mitlub mill-Kummissjoni u riċevut permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2009, u mhux ammonti mħallsa flimkien ma’ dan.

114    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti mqajma mill-Ungerija.

115    L-ewwel nett, huwa mingħajr effett il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti tagħha, emendat il-prattika tagħha billi speċifikat l-ammont globali tal-assistenza finanzjarja nazzjonali nnotifikat. Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-ammont li ttieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ somom li jiġu rrimborsati kien l-ammont tal-assistenza finanzjarja nazzjonali kif maqsum skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi benefiċjarji (ara punt 66 iktar ’il fuq).

116    It-tieni nett, b’risposta għall-argument tal-Ungerija li jipprovdi li l-ittra ta’ awtorizzazzjoni ma kellhiex il-forma ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni impliċita, fis-sens tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1580/2007, li hija biss kienet tippermetti, permezz ta’ effett reċiproku, approvazzjoni impliċita tal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, għalkemm is-silenzju tal-Kummissjoni jista’ jġib approvazzjoni impliċita tal-ammonti tal-assistenza fis-sens tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1580/2007, dan japplika a fortiori anki għal ittra ta’ awtorizzazzjoni fejn isir riferiment espress għall-“ammont ta’ assistenza kkonċernata” u għan-natura “debitament ġustifikata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tat-talba. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1580/2007 invokat mill-Ungerija jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tapprova jew tiċħad ir-rikjesta”, liema fatt juri li l-approvazzjoni tal-assistenza tirrigwarda neċessarjament, u għaldaqstant impliċitament, il-kontenut tat-talba, li jintegra neċessarjament l-“ammont ta’ assistenza” mitlub imsemmi fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

117    It-tielet nett, fir-rigward tan-natura ta’ stima tal-ammonti ppreżentati mill-Ungerija li ma setgħetx tippermetti lill-Kummissjoni tapprova l-imsemmija ammonti, jidher li l-komunikazzjoni tal-istimi huwa fin-natura stess tal-proċedura għall-awtorizzazzjoni, għaliex l-assistenza finanzjarja nazzjonali hija funzjoni tal-kontribuzzjoni tal-membri lill-fond operattiv. Madankollu, din il-kontribuzzjoni tiddependi fuq il-produzzjoni agrikola tagħhom, li hija magħrufa biss fl-aħħar tas-sena finanzjarja. Konsegwentement, in-natura ta’ stima tal-ammonti nnotifikati ma hijiex tali li tipprekludi l-Kummissjoni milli tirrifjuta li tirrimborsa l-ammonti mħallsa flimkien mal-ammonti nnotifikati, tant li dawn l-istimi għandhom jiġu debitament ġustifikati fis-sens tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika. Il-komunikazzjoni tal-ammonti ta’ natura ta’ stima għaldaqstant ma tipprojbixxix lill-Kummissjoni li tittratta dawn l-ammonti bħala bażi ta’ awtorizzazzjoni tal-assistenza nnotifikata u bħala element kostituttiv tal-kunsens tagħha għall-imsemmija awtorizzazzjoni.

118    Ir-raba’ nett, l-argument tal-Ungerija li jipprovdi li kieku l-Kummissjoni kienet tista’ tistabbilixxi limitu għar-rimbors tal-assistenza finanzjarja nazzjonali mill-ammonti ta’ assistenza li ma humiex imsemmija fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni, din “tqajjem tħassib fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma huwa sostnut b’ebda punt ta’ fatt jew ta’ dritt.

119    L-Ungerija ma tispeċifikax fost oħrajn min huwa l-vittma tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (l-Istat Membru jew l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi benefiċjarji tal-assistenza).

120    Fl-assenza ta’ speċifikazzjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-allegat ksur kien jikkonċerna, primarjament, l-Ungerija, parti f’din il-kawża.

121    Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, peress li l-ammonti meqjusa fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni kienu ġew ikkomunikati mill-awtoritajiet Ungeriżi stess, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma seta’ bl-ebda mod jiġi affettwat mill-fatt li dawn l-ammonti kkostitwixxew il-bażi tal-awtorizzazzjoni tal-assistenza finanzjarja nazzjonali, imbagħad l-istima tar-rimbors. Fil-fatt, l-Ungerija ma setgħetx għaldaqstant raġonevolment tinjora li l-ammonti maqsuma skont kull organizzazzjoni ta’ produtturi, ikkomunikati fuq talba espressa tal-Kummissjoni, jikkostitwixxu l-bażi tal-awtorizzazzjoni (ara punt 112 iktar ’il fuq).

122    Għaldaqstant, l-assenza ta’ riferiment espress fl-ittra ta’ awtorizzazzjoni għall-ammonti massimi nnotifikati mill-Ungerija ma setgħetx tiġi interpretata bħala rinunzja mill-Kummissjoni li tagħmel l-awtorizzazzjoni u r-rimbors tagħha tal-assistenza finanzjarja nazzjonali fir-rigward tal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv, meħud minn żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007, għandu jiġi miċħud.

124    B’hekk ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, minħabba li l-ebda wieħed miż-żewġ motivi ma huwa fondat.

 Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2015.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament dwar OKS Unika

Ir-Regolament Nru 1580/2007

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, meħud minn applikazzjoni ultra vires tal-Artikolu 103e tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, meħuda mill-assenza ta’ bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni li tillimita r-rimbors mill-Unjoni tal-ammonti ta’ assistenza nnotifikati

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, meħuda mill-ksur tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tal-ammont tal-assistenza nazzjonali matul is-sena finanzjarja.

– Fuq il-ksur tal-Artikoli 67 u 94a tar-Regolament Nru 1580/2007

– Fuq il-ksur tal-Artikolu 103d tar-Regolament dwar OKS Unika u tal-Artikoli 53 u 99 tar-Regolament Nru 1580/2007

Fuq it-tieni motiv, meħud minn żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1580/2007

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.