Language of document : ECLI:EU:T:2019:141

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

7 ta’ Marzu 2019 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-istudji ta’ tossiċità stabbiliti fil-kuntest ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Interess pubbliku superjuri – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Kunċett ta’ informazzjoni relatata ma’ emissjonijiet fl-ambjent”

Fil-Kawża T‑716/14,

Anthony C. Tweedale, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn B. Kloostra, avukat,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, U. Persson, N. Otte Widgren, E. Karlsson u L. Swedenborg, sussegwentement minn Falk, Meyer-Seitz, H. Shev, Swedenborg u F. Bergius, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), irrappreżentata minn D. Detken, J. Tarazona, C. Pintado u B. Vagenende, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn R. van der Hout u A. Köhler, sussegwentement minn van der Hout u C. Wagner, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-EFSA tas‑16 ta’ Ottubru 2017 li tannulla u tissostitwixxi d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2014 u li tagħti aċċess parzjali għal żewġ studji ta’ tossiċità li jirrigwardaw is-sustanza attiva glifosat, stabbiliti fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1 u r-rettifika ĠU 2018, L 111, p. 10),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva u G. De Baere (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-glifosat huwa prodott kimiku użat fil-pestiċidi, li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

2        Għall-finijiet tal-inklużjoni tiegħu bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332 u r-rettifiki ĠU 2009 L 64M p. 299, ĠU 2009 L 71M p. 285, ĠU 2009 L 84M p. 396, ĠU 2009, L 111, p. 51 u ĠU 2010, L 113, p. 58), il-glifosat huwa suġġett għal rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fuq il-bażi tiegħu il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, fid‑29 ta’ Ġunju 2001, rapport ta’ eżami tal-glifosat li ġie ppubblikat fil‑21 ta’ Jannar 2002.

3        Il-glifosat ġie inkluż fil-lista ta’ sustanzi attivi tal-Anness I tad-Direttiva 91/414 permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE tal‑20 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182). L-inklużjoni tal-glifosat bħala sustanza attiva kienet valida mill‑1 ta’ Lulju 2002 sat‑30 ta’ Ġunju 2012.

4        Wara li l-Kummissjoni rċeviet talba għal tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat bħala sustanza attiva, l-inklużjoni tal-glifosat fil-lista tas-sustanzi attivi tal-Anness I tad-Direttiva 91/414 ġiet estiża b’mod temporanju tal‑31 ta’ Diċembru 2015 permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77UE tal‑10 ta’ Novembru 2010, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KE fir-rigward tad-dati ta’ skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta’ ċerti sustanzi attivi (ĠU 2010, L 293, p. 48).

5        Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1 u r-rettifika ĠU 2018, L 111, p. 10), il-glifosat ġie inkluż fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal‑25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1, u r-rettifiki ĠU 2012, L 26, p. 38, ĠU 2013, L 235, p. 12, ĠU 2015, L 277, p. 60, ĠU 2018, L 2, p. 15). Id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni baqgħet l-istess, il‑31 ta’ Diċembru 2015.

6        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas‑7 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta’ sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta’ dawk is-sustanzi (ĠU 2010, L 322, p. 10), ħatar lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala Stat Membru relatur u lir-Repubblika Slovakka bħala Stat Membru korelatur għall-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat.

7        Bil-għan tat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, konformement mar-Regolament Nru 1141/2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssottomettiet lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) “abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid” (iktar ’il quddiem ir-“RET”), tat‑18 ta’ Diċembru 2013, li l-verżjoni pubblika tiegħu ġie ppubblikat mill-EFSA fit‑12 ta’ Marzu 2014.

8        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ April 2014, mibgħuta l-għada permezz tal-posta elettronika, ir-rikorrent, Anthony C. Tweedale, issottometta talba ta’ aċċess għal dokumenti lill-EFSA bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ukoll bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

9        Din it-talba kienet relatata mal-istudji ta’ tossiċità ASB2012‑11499 u TOX95552393, “iż-żewġ ‘studji ewlenin’ użati sabiex jiġi ddeterminat il-konsum aċċettabbli ta’ kuljum (ADI) ta’ glifosat” (iktar ’il quddiem l-“istudji mitluba”).

10      It-talba tar-rikorrenti kienet tindika li “r-RET ma [kienx] jinkludi s-sommarji pubbliċi tagħhom jew ma [kien] jinkludi ebda dettall tal-protokolli tagħhom jew tar-riżultati tagħhom, li [kienu] neċessarji sabiex tiġi evalwata l-affidabbiltà tagħhom, li [kien] kompitu li ma [kienx] jaqa’ biss fuq l-EFSA”, u li “[l]-informazzjoni mitluba [kienet] ir-rapport redatt dwar l-esperimenti fuq l-annimali u d-data kollha mhux ipproċessta jew data oħra anċillari ta’ dawn l-esperimenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2014, l-EFSA rrifjutat l-aċċess għall-istudji mitluba. L-EFSA semmiet li hija kienet ikkonsultat lill-proprjetarji tal-istudji mitluba b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija indikat li mill-pożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar u mill-evalwazzjoni tagħha stess kien jirriżulta li dawn l-istudji kienu koperti bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, inkluż fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, u li l-protezzjoni kompleta tagħhom kienet ukoll il-konsegwenza diretta tal-kwalifika tagħhom bħala “kunfidenzjali” skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009. Hija qieset li l-iżvelar tal-istudji mitluba jkun juri l-kompetenza fil-qasam tal-perizzja xjentifika u l-istrateġija kummerċjali tal-proprjetarji tagħhom, inkluża l-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-kumpilazzjoni tad-dossier, u jkun jikkomprometti l-interessi kummerċjali tagħhom.

12      L-EFSA qalet ukoll li, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi u l-verifika tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-istudji mitluba, l-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għall-informazzjoni xjentifika marbuta man-natura innokwa tas-sustanza attiva glifosat kien għal kollox issodisfatt bil-pubblikazzjoni tal-verżjoni pubblika tar-RET (disponibbli fuq is-sit internet tal-EFSA). L-EFSA rrifjutat li tiżvela lir-rikorrent l-istudji mitluba b’applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament relatati mat-trattament kunfidenzjali tad-data kummerċjali rċevuta bil-għan tal-evalwazzjoni xjentifika, bla ħsara għar-Regolament Nru 1367/2006.

13      Permezz ta’ posta elettronika tal‑24 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ressaq talba konfermattiva intiża sabiex l-EFSA tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2014, l-EFSA kkonfermat ir-rifjut tagħha ta’ aċċess għall-istudji mitluba fuq il-bażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009. Hija indikat ukoll li dawn l-istudji ma kinux jikkostitwixxu informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

15      Wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, peress li kien hemm dewmien fl-evalwazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, il-perijodu ta’ validità tal-approvazzjoni tagħha ttawlet sat‑30 ta’ Ġunju 2016 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 tal‑20 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,4‑D, Aċibenżolar-s-metil, Amitrol, Bentażon, Ċjalofop-butil, Dikwat, Esfenvalerat, Famoksadon, Flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), Glifosat, Iprovalikarb, Isoproturon, Lambda-Ċjalotrina, Metalaksil-M, Metsulfuron-metil, Pikolinafen, Prosulfuron, Pimetrożina, Piraflufen-etil, Tijabendażol, Tifensulfuron-metil u Triasulfuron (ĠU 2015, L 276, p. 48).

16      L-evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanza attiva glifosat imwettqa mill-Istat Membru relatur fir-RET ġiet sottomessa għal peer review tal-EFSA (iktar ’il quddiem il-“peer review”). Il-konklużjonijiet tal-peer review ġew adottati fit‑30 ta’ Ottubru 2015 u ppubblikati fit‑12 ta’ Novembru 2015.

17      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tad‑29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat (ĠU 2016, L 173, p. 52), estenda l-inklużjoni tal-glifosat fl-anness tar-Regolament Nru 540/2011 sal‑31 ta’ Diċembru 2017, fid-dawl tal-fatt li kien hemm dewmien fl-evalwazzjoni tas-sustanza u d-deċiżjoni relatata mat-tiġdid tal-approvazzjoni tagħha.

18      Fis-16 ta’ Ottubru 2017, l-EFSA adottat deċiżjoni ġdida konfermattiva li tannulla u tissostitwixxi d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Lulju 2014 u li tagħti lir-rikorrent aċċess parzjali għall-istudji mitluba.

19      F’din id-deċiżjoni, l-EFSA ppreċiżat li l-istudji mitluba kienu ġew identifikati bħala s-segwenti:

–        1991, Brooker et, “The Effect of Glyphosate on Pregnancy of the Rabbit (Incorporates Preliminary Investigations)”, Huntingdon Research Centre, date: 1991‑10‑14, Reference TOX95552393,

–        1996, Coles et, “Glyphosate technical: oral gavage teratology study in the rabbit Safepharm Laboratories Limited”, Shardlow Business Park, dated 1996‑07‑04.

20      Wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrent f’dan ir-rikors, l-EFSA ddeċidiet li tagħtih aċċess għad-data mhux ipproċessata u għall-konklużjonijiet (aggregati fit-tabelli u fid-dijagrammi) tal-istudji mitluba. Hija qieset li t-talbiet għal kunfidenzjalità mqajma mill-proprjetarji ta’ dawn l-istudji, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, ma kinux japplikaw għal din l-informazzjoni.

21      Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, l-EFSA qieset li l-partijiet tal-istudji mitluba identifikati bħala dawk li jidħlu fil-lista ta’ informazzjoni li tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-proprjetarji ta’ dawn l-istudji, fis-sens tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, kellhom jiġu protetti konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni nett, l-EFSA qieset li l-informazzjoni dwar il-“kompetenza xjentifika” li tinsab fl-istudji mitluba, jiġifieri l-introduzzjoni, li tinkludi informazzjoni amministrattiva dwar dawn l-istudji, il-partijiet relatati mal-materjal u mal-metodi li jiġbru informazzjoni dwar il-lottijiet u l-metodi ta’ analiżi kienu wkoll koperti mill-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tielet nett, hija qieset li l-annessi u l-partijiet amministrattivi l-oħra tal-istudji mitluba, li jinkludu ċ-ċertifikazzjoni regolamentari ta’ dawn l-istudji mill-laboratorji speċjalizzati u li jinkludu d-dikjarazzjoni ta’ konformità mal-prattiki tajbin ta’ laboratorju, kif ukoll il-protokolli segwiti mill-proprjetarji ta’ dawn l-istudji, kienu protetti bis-saħħa ta’ din l-istess dispożizzjoni.

22      L-EFSA indikat ukoll li l-ismijiet u l-firem li jinsabu fl-istudji mitluba, li kienu għadhom ma sarux ta’ dominju pubbliku, kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001.

23      Barra minn hekk, l-EFSA indikat li hija kienet wettqet l-ibbilanċjar tal-interessi konformement mar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1367/2006 u kienet ikkonkludiet li ma kien japplika ebda interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tal-istudji mitluba. Hija qieset li l-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrent kienet tissodisfa l-ħtieġa ta’ għarfien tal-pubbliku u kienet tippermetti li tiġi rriprodotta l-evalwazzjoni tagħha, filwaqt li jiġu protetti l-interessi tal-proprjetarji tal-istudji mitluba. Skont l-EFSA, id-data mhux ipproċessata u l-konklużjonijiet kienu suffiċjenti sabiex tiġi eżaminata bir-reqqa l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-istudji mitluba mwettqa meta ġie evalwat il-glifosat u tad-determinazzjoni tad-“dożi mingħajr effett dannuż osservat” (DMEDO) isselezzjonati u, flimkien mal-informazzjoni diġà ppubblikata, kienu suffiċjenti biex jiġi vverifikat ir-rwol tagħhom fl-istabbiliment tal-konsum aċċettabbli ta’ kuljum (ADI) propost.

24      Fl-aħħar nett, l-EFSA qieset li l-partijiet tal-istudji mitluba li ma ġewx żvelati ma kinux jinkludu informazzjoni relatata mal-emissjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew mar-residwi tagħhom fl-ambjent, u lanqas ma kienu jinkludu informazzjoni relatata mal-emissjonijiet jew mar-rilaxxi tal-glifosat jew mal-effetti tagħhom fl-ambjent u li l-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 għaldaqstant ma kinitx applikabbli.

25      Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2324 tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament Nru 1107/2009 u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 333, p. 10), ġedded l-approvazzjoni tal-glifosat sal‑15 ta’ Diċembru 2022, suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ talba fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Jannar 2015, l-EFSA talbet sabiex il-proċedura tiġi sospiża fl-istennija tad-deċiżjonijiet li jikkonkludu l-istanzi fil-Kawża C‑673/13 P, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe u fil-Kawża C‑442/14, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting. Ir-rikorrent ma ressaqx osservazzjonijiet dwar din it-talba.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Jannar 2015, ir-Renju tal-Isvezja talab sabiex jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

29      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ April 2015, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal sospensjoni tal-proċedura, fuq il-bażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 77(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

30      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, li lilha din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata.

31      Wara l-għoti tas-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2016 Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe (C‑673/13 P, EU:C:2016:889), u tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting (C‑442/14, EU:C:2016:890), il-proċedura tkompliet.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2016, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Renju tal-Isvezja, li ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit‑28 ta’ Frar 2017. Ir-rikorrent u l-EFSA ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota fit-terminu stabbilit.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, sedenti fit-Tmien Awla.

34      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ottubru 2017, l-EFSA informat lill-Qorti Ġenerali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2017.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent aġġusta t-talbiet tiegħu sabiex jikseb ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2017.

36      L-EFSA u r-Renju tal-Isvezja ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ aġġustament tat-talbiet, rispettivament, fid‑9 ta’ Frar u d‑19 ta’ Marzu 2018.

37      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2018.

38      Fin-nota ta’ aġġustament tat-talbiet, ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, talab lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Lulju 2014 u tas‑16 ta’ Ottubru 2017;

–        tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.

39      L-EFSA titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

40      Waqt is-seduta, ir-rikorrent iddeżista mit-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA tat‑30 ta’ Lulju 2014. Ir-rikorrent indika wkoll li huwa ma kienx qed jitlob l-iżvelar tal-ismijiet u tal-firem tal-persuni msemmija fl-istudji mitluba. Għalhekk, dan ir-rikors għandu jitqies li huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-dritt

41      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi fir-rikors u erba’ motivi ġodda fin-nota ta’ aġġustament tat-talbiet.

42      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn l-istudji mitluba jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” skont din l-aħħar dispożizzjoni.

43      It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 4 Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), sa fejn l-EFSA ma evalwatx ir-riskju konkret ta’ preġudizzju li jikkawża l-iżvelar tal-istudji mitluba għall-interessi kummerċjali invokati.

44      It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

45      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-EFSA ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-istudji mitluba.

46      Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-EFSA naqset milli tibbilanċja l-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għall-informazzjoni ambjentali li tinsab fl-istudji mitluba mal-interess tal-kumpanniji li jipproteġu l-interessi kummerċjali tagħhom u/jew billi ffavorixxiet l-interess ekonomiku ta’ dawn il-kumpanniji.

47      Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, u r-rettifiki ĠU 2014, L 327, p. 9, ĠU 2016, L 98, p. 7, ĠU 2016, L 227, p. 5), sa fejn l-EFSA ċaħdet l-interess pubbliku u l-interess tar-rikorrent li jiġġustifikaw l-iżvelar tal-istudji mitluba.

48      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-EFSA kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 billi ma rrikonoxxietx li l-istudji mitluba setgħu jiġu kkwalifikati bħala informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

49      Skont ir-rikorrent, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-iżvelar ta’ dokumenti, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ddikjarata fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi eskluża minħabba l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-iżvelar jitqies li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”. Issa, l-istudji mitluba jikkostitwixxu, fir-rigward tal-glifosat, informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant imisshom ġew żvelati.

50      L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi:

“2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

51      Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006 tindika:

“Fejn ir-Regolament […] Nru 1049/2001 jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. It-terminu ‘interessi kummerċjali’ jkopri ftehim ta’ konfidenzjalità konklużi minn istituzzjonijiet jew korpi li jaġixxu f’kapaċità bankarja.”

52      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament […] Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

53      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 jżid mar-Regolament Nru 1049/2001 regoli speċifiċi dwar talbiet ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 79).

54      Fir-rigward tal-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li tiġi kkonferita lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea leġittimità, effikaċja u responsabbiltà ikbar fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika u li, billi tippermetti li jkun hemm dibattitu miftuħ dwar id-diverġenzi bejn numru ta’ opinjonijiet, hija tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex iżżid il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 75).

55      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkontempla, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, l-għoti lill-pubbliku ta’ dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu l-għan, kif jipprevedi l-Artikolu 1 tiegħu, li jiggarantixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tixrid sistematiċi l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni ambjentali fil-pussess tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 98).

56      Għalhekk, huwa biss sa fejn dawn jidderogaw mill-prinċipju tal-l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għal dawn id-dokumenti billi jirrestrinġu dan l-aċċess li l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu interpretati u applikati strettament. In-neċessità ta’ tali interpretazzjoni restrittiva hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, billi tistabbilixxi preżunzjoni skont liema l-iżvelar ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, bl-eċċezzjoni ta’ dik relatata ma’ investigazzjonijiet, huwa meqjus li jippreżenta interess pubbliku superjuri meta mqabbel mal-interess ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika, b’tali mod li l-protezzjoni tal-imsemmija interessi kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tidderoga effettivament mir-regola ta’ bbilanċjar tal-interessi prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, l-imsemmija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tippermetti għalhekk implimentazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għall-informazzjoni fil-pussess tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, b’tali mod li interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 54).

58      Dan ifisser li istituzzjoni tal-Unjoni, adita b’talba ta’ aċċess għal dokument, ma tistax tiġġustifika r-rifjut tagħha li tiżvelah fuq il-bażi tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta l-informazzjoni li tinsab f’dan id-dokument tikkostitwixxi informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

59      Issa, hemm lok li jitfakkar li, f’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, l-EFSA ġġustifikat ir-rifjut tagħha li tiżvela ċerti partijiet tal-istudji mitluba, fuq il-bażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-proprjetarji tal-istudji mitluba.

60      L-istudji mitluba ġew iddefiniti mir-rikorrent, fit-talba tiegħu ta’ aċċess għad-dokumenti, bħala “iż-żewġ ‘studji ewlenin’ użati sabiex jiġi ddeterminat il-[ADI] ta’ glifosat”. Dawn huma żewġ studji ta’ tossiċità għall-iżvilupp użati fil-kuntest tat-talba għal tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat.

61      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn iż-żewġ studji twettqu f’laboratorji fuq fenkiet tqal b’amministrazzjoni ta’ dożi għolja ta’ glifosat permezz ta’ sonda. Dawn l-istudji kellhom bħala għan li jevalwaw l-effetti fuq l-embrijun u l-iżvilupp tal-fetu fil-każ ta’ espożizzjoni għas-sustanza attiva glifosat u li jistabbilixxu d-doża mingħajr effett dannuż osservat (DMEDO) għat-tossiċità materna u l-iżvilupp tal-fetu.

62      Il-partijiet jiftehmu wkoll fuq il-fatt li, abbażi tal-istudji mitluba, id-DMEDO ġiet stabbilita għal 50 mg għal kull kilogramma ta’ piż korporeu u għal kull jum (iktar ’il quddiem “mg/kg pk/jum”) u li l-ADI tal-glifosat, ikkalkolat fuq il-bażi tad-DMEDO billi jiġi applikat fattur ta’ sigurtà ta’ 100, ġie stabbilit fir-RET għal 0.5 mg/kg pk/jum.

63      L-Artikolu 3(2)(j) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU 2005, L 70, p. 1), jiddefinixxi l-ADI bħala “l-istima ta’ l-ammont ta’ sustanza fl-ikel, espressa fuq il-bażi tal-piż tal-ġisem, li tista’ tiġi nġerita kuljum matul il-ħajja sħiħa, mingħajr riskju notevoli għal xi konsumatur fuq il-bażi tal-fatti kollha magħrufa fiż-żmien tal-valutazzjoni, b’kont meħud tal-gruppi vulnerabbli fil-popolazzjoni (bħalma huma tfal u t-tfal mhux imwielda)”.

64      Mill-parti 2.6 tal-Volum 1 tar-RET, dwar l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali tas-sustanza attiva glifosat jirriżulta li DMEDO stabbilita mill-istudji mitluba ppermetta wkoll id-“doża ta’ referenza akuta” (ARfD) stabbilita, billi jiġi applikat fattur ta’ sigurtà ta’ 100 għal 0.5 mg għal kull kilogramma ta’ piż korporeu.

65      L-Artikolu 3(2)(i) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 jiddefinixxi d-“doża ta’ referenza akuta” bħala “l-istima ta’ l-ammont ta’ sustanza fl-ikel, espressa fuq il-bażi tal-piż tal-ġisem, li tista’ tiġi nġerita matul perjodu qasir ta’ żmien, normalment matul ġurnata waħda, mingħajr riskju notevoli għas-saħħa tal-konsumatur fuq il-bażi tad-data miġbura minn studji xierqa u b’kont meħud tal-gruppi vulnerabbli fil-popolazzjoni (bħalma huma t-tfal u t-tfal mhux imwielda)”.

66      Minn naħa, jeħtieġ li jiġi osservat li l-istudji mitluba, li ġew ikkwalifikati bħala “‘studji ewlenin’ użati sabiex jiġi ddeterminat il-[ADI] ta’ glifosat”, jikkostitwixxu informazzjoni neċessarji li għandha tirriżulta fid-dossier ta’ tiġdid.

67      Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li t-talba għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva għandha titressaq mill-produttur ta’ din is-sustanza lill-Istat Membru relattur u għandha tinkludi, b’mod partikolari, dossier li jiġbor l-informazzjoni fil-qosor u dossier komplet, stabbiliti konformement mal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

68      Il-punt 3.1. tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009 jindika b’mod partikolari li “[i]d-dossiers ippreżentati skont l-Artikolu 7(1) għandu jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit, fejn ikun rilevanti, il-[ADI], il-Livell Aċċettabbli tal-Espożizzjoni tal-Operaturi (AOEL) u d-Doża ta’ Referenza Akuta (ARfD).”

69      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istudji mitluba huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-effetti tal-espożizzjoni tal-glifosat fuq is-saħħa tal-bniedem.

70      Skont il-punt 23 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1107/2009, “testijiet u studji” huma ddefiniti bħala l-“investigazzjonijiet jew l-esperimenti li l-għan tagħhom huwa li jiġu determinati l-proprjetajiet u l-imġiba ta’ sustanza attiva jew ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ibassru l-espożizzjoni għas-sustanzi attivi u/jew il-metaboliti rilevanti tagħhom, jiġu determinati l-livelli sikuri ta’ espożizzjoni u jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għall-użu sikur tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”.

71      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal‑1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2013, L 93, p. 1), jipprevedi li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 544/2011 tal‑10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 1107/2009 (ĠU 2011, L 155, p. 1), japplika għall-proċeduri ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva mibdija qabel il‑31 ta’ Diċembru 2013. Għaldaqstant ir-Regolament Nru 544/2011 japplika għall-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

72      L-Anness għar-Regolament Nru 544/2011 jelenka r-rekwiżiti fil-qasam tad-data applikabbli għas-sustanzi attivi, konformement mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 1107/2009.

73      Fir-rigward tal-istudji tossikoloġiċi u tal-metaboliżmu, il-punt 5 tal-Anness għar-Regolament Nru 544/2011, jipprevedi b’mod partikolari fl-introduzzjoni tiegħu:

“i) It-tagħrif ipprovdut, magħdud ma’ dak ippovdut għal tħejjija waħda jew aktar li jkun fiha s-sustanza attiva, għandu jkun biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni rigward ir-riskji għall-bniedem, assoċjati mat-tqandil u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva, u r-riskju għall-bniedem li jinħoloq mit-traċċi li jifdal fl-ikel u fl-ilma. Barra minn hekk, it-tagħrif ipprovdut irid ikun biżżejjed sabiex:

–        tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar jekk is-sustanza attiva tistax tiġi approvata,

–        jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet xierqa li jridu jiġu assoċjati ma’ kull approvazzjoni,

–        jiġu klassifikati s-sustanzi attivi skont il-periklu,

–        jistabbilixxi l-[ADI] rilevanti […] għall-bniedem,

–        jistabbilixxi l-[AOEL],

–        […]”

74      B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-istudji tat-tossiċità għall-iżvilupp, li minnhom jagħmlu parti l-istudji mitluba, il-punt 5.6.2 tal-Anness għar-Regolament Nru 544/2011 jindika:

“L-istudji rrapportati, meqjusin flimkien mad-dejta l-oħra rilevanti u t-tagħrif dwar is-sustanza attiva, iridu jkunu biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni tal-effetti fuq l-iżvilupp embrijoniku u fetali, wara espożizzjoni mtennija għas-sustanza attiva, u b’mod partikolari jridu jkunu biżżejjed sabiex:

–        jidentifikaw l-effetti diretti u indiretti fuq l-iżvilupp embrijoniku u fetali li jirriżultaw mill-espożizzjoni għas-sustanza attiva,

[…]

–        jistabbilixxu [d-DMEDO].”

75      Minn dan jirriżulta li l-istudji mitluba, billi jippermettu li jiġu ddeterminati b’mod partikolari l-ADI u l-ArfD tal-glifosat, li jirrappreżentaw l-istima tal-kwantità ta’ ikel li jista’ jiġi inġerit, kuljum jew tul il-ħajja, mingħajr riskju għas-saħħa tal-konsumatur, jagħmlu parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanza attiva għas-saħħa tal-bniedem għall-finijiet tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-informazzjoni li tinsab fl-istudji mitluba tikkostitwixxix informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, liema argument huwa kkontestat mill-EFSA.

77      Fl-ewwel lok, EFSA ssostni li l-istudji mitluba ma jirrigwardawx emissjonijiet effettivi jew prevedibbli fl-ambjen u lanqas l-effetti ta’ tali emissjonijiet

78      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(d) tal-istess regolament, jirriżulta essenzjalment li l-għan tal-imsemmi regolament huwa li jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni rigward fatturi, bħall-emissjonijiet, li għandhom jew jista’ jkollhom effetti fuq l-elementi tal-ambjent, b’mod partikolari fuq l-arja, l-ilma u l-art. Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ emissjonijiet purament ipotetiċi (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Madankollu, il-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” ma tistax, attwalment, ikun limitat għas-sempliċi informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attiva inkwistjoni fuq il-pjanti jew fl-art, liema emissjonijiet jiddependu b’mod partikolari mill-kwantitajiet ta’ prodott effettivament użati mill-agrikolturi kif ukoll mill-kompożizzjoni eżatta tal-prodott finali kkumerċjalizzat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 73).

80      B’dan il-mod, taqa’ wkoll taħt l-imsemmi kunċett l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet prevedibbli tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-ambjent, f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza li jikkorrispondu għal dawk li għalihom tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza u li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza huma intiżi li jintużaw (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fil-fatt, filwaqt li t-tqegħid fis-suq ta’ prodott jew ta’ sustanza ma jkunx biżżejjed b’mod ġenerali sabiex jitqies li dan il-prodott jew din is-sustanza jiġu rrilaxxati neċessarjament fl-ambjent u li l-informazzjoni li tikkonċerna l-imsemmi prodott jew sustanza “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, il-każ huwa differenti fir-rigward ta’ prodott, bħal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u sustanzi li dan il-prodott jinkludi, li huma, fil-kuntest ta’ użu normali, intiżi sabiex jiġu rrilaxxati fl-ambjent minħabba l-funzjoni nnifisha tagħhom. F’dan il-każ, l-emissjonijiet prevedibbli, f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu, tal-prodott inkwistjoni, jew tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi, fl-ambjent ma humiex ipotetiċi u jaqgħu taħt il-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Minn dan jirriżulta li sustanza attiva li tinsab fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, bħall-glifosat, hija, fil-kuntest tal-użu normali tagħha, intiża li tiġi rrilaxxata fl-ambjent minħabba l-funzjoni stess tagħha u l-emissjonijiet prevedibbli ma jistgħux, għalhekk, jitqiesu li huma purament ipotetiċi.

83      Fi kwalunkwe każ, l-emissjonijiet ta’ glifosat ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala emissjonijiet prevedibbli biss. Fil-fatt, l-istudji mitluba jagħmlu parti mid-dossier ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat.

84      Jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-glifosat ġie inkluż bħala sustanza attiva mill‑1 ta’ Lulju 2002. Minn din id-data, il-glifosat ġie awtorizzat fl-Istati Membri u ġie effettivament użat fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Kif tindika l-premessa 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/2324, il-glifosat huwa wieħed mill-erbiċidi li l-iktar jintużaw fl-Unjoni.

85      L-emissjonijiet tal-glifosat fl-ambjent huma għalhekk reali. Din is-sustanza attiva hija preżenti b’mod partikolari taħt forma ta’ residwi fil-pjanti, l-ilma u l-ikel.

86      L-istudji mitluba huma, għalhekk, studji intiżi sabiex tiġi stabbilita t-tossiċità ta’ sustanza attiva li hija effettivament preżenti fl-ambjent.

87      Għalhekk, l-EFSA ma tistax issostni li l-istudji mitluba ma jirrigwardaw la emissjonijiet reali u lanqas l-effetti ta’ emissjonijiet reali.

88      Fit-tieni lok, l-EFSA ssostni li l-istudji mitluba saru sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet perikolużi tal-glifosat u mhux sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ emissjonijiet li jista’ jiġi awtorizzat u li, għalhekk, huma ma għandhomx bħala għan li jevalwaw l-emissjonjiet effettivi jew prevedibbli. Rabta ma’ emissjonijiet fl-ambjent ma hijiex biżżejjed sabiex dawn l-istudji jkunu koperti mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

89      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li ma hemmx lok li tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, dan il-kunċett ma jistax madankollu jinkludi l-informazzjoni kollha li għandha xi tip ta’ rabta, anki diretta, ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fil-fatt, kieku l-imsemmi kunċett kellu jiġi interpretat fis-sens li jkopri tali informazzjoni, huwa jeżawrixxi fil-parti l-kbira l-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006. Tali interpretazzjoni tneħħi, b’dan il-mod, kull effett utli mill-possibbiltà, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent għar-raġuni, b’mod partikolari, li tali żvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika speċifika u jqiegħed f’periklu l-ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura bejn l-għan ta’ trasparenza u l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi. Din l-interpretazzjoni tkun tippreġudika b’mod sproporzjonat ukoll il-protezzjoni tas-sigriet professjonali ggarantit mill-Artikolu 339 TFUE (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 81).

90      Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 1367/2006 għandu, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, l-għan li jiggarantixxi tqegħid għad-dispożizzjoni u rilaxx sistematiċi kemm jista’ jkun wiesa’ tal-informazzjoni ambjentali. Fil-fatt, essenzjalment mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali ggarantit minn dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiffavorixxi parteċipazzjoni iktar effikaċi tal-pubbliku għall-proċess deċiżjonali b’mod li jissaħħaħ l-obbligu tal-istanzi kompetenti li jkunu trasparenti fil-kuntest tal-għoti ta’ deċiżjoni bil-għan li titrawwem il-kuxjenza fost l-opinjoni pubblika u tinkiseb l-adeżjoni tagħha għad-deċiżjonijiet adottati (sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 80, u tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 98).

91      Issa, sabiex jiżgura ruħu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ambjent huma fondati u li jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni li tippermettilu jivverifika jekk l-emissjonijiet ġewx evalwati korrettament u għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem raġonevolment il-mod li bih l-ambjent għandu mnejn jiġi affettwat mill-imsemmija emissjonijiet. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm lok li tiġi inkluża fil-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent” l-informazzjoni li tippermetti lill-pubbliku jivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-emissjonijiet effettivi jew prevedibbli, li fuq il-bażi tagħha l-awtorità kompetenti awtorizzat il-prodott jew is-sustanza inkwistjoni, kienet korretta, kif ukoll id-data relatata mal-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 80).

92      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma huwiex limitat għall-informazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-emissjonijiet inkwantu tali, iżda jirrigwarda wkoll l-informazzjoni relatata mal-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet.

93      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tat preċiżazzjonijiet fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

94      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 huwa intiż sabiex jimplimenta l-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li d-dispożizzjonijiet tagħha jagħmlu parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konvenzjoni tagħti supremazija lill-atti tad-dritt idderivat tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, f’konformità magħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping, C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44).

95      B’hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/4 (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 54) u tar-Regolament Nru 1367/2006 (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C‑673/13 P, EU:C:2016:889, punt 61).

96      Hemm lok li jiġi osservat li l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva 2003/4 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huma intiżi sabiex jimplimentaw l-istess dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

97      Kif osserva l-Avukat Ġenerali Szpunar, fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑60/15 P, EU:C:2016:778),ikun ideali li tiġi żgurata koerenza fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti (id-Direttiva 2003/4 u r-Regolament Nru 1367/2006) sa fejn jimplimentaw l-istess dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat, sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni kuntrarja espliċita, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimplimenta din il-konvenzjoni b’mod uniformi fid-dritt tal-Unjoni, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

98      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzj, fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting (C‑442/14, EU:C:2016:890), tal-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fid-dawl tal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva 2003/4, tapplika wkoll għall-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

99      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubbliku kellu jkollu aċċess mhux biss għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet inkwantu tali, iżda wkoll għal dik li tirrigwarda l-konsegwenzi ftit jew wisq fit-tul ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-istat tal-ambjent, bħall-effetti tal-imsemmija emissjonijiet fuq l-organiżmi mhux fil-mira. Fil-fatt, l-interess tal-pubbliku li jaċċedi għall-informazzjoni relatata mal-emissjonijiet fl-ambjent huwa preċiżament mhux biss li jsir jaf x’jiġi rrilaxxat jew x’jista’ jiġi prevedibbilment irrilaxxat fl-ambjent, iżda wkoll li jifhem il-mod kif l-ambjent jgħaddi mir-riskju li jiġi affetwat mill-emissjonijiet inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 86).

100    Għalhekk il-kunċett ta’ informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri mhux biss l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet inkwantu tali, jiġifieri l-indikazzjonijiet rigward in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post ta’ dawn l-emissjonijiet, iżda wkoll id-data relatata mal-effetti ftit jew wisq fit-tul ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 87).

101    F’dan ir-rigward, billi jippermettu li jiġu ffissati d-DMEDO u l-ADI tal-glifosat, jiġifierid-doża massima ta’ espożizzjoni għas-sustanza attiva li għaliha ma huwa osservat ebda effett dannuż kif ukoll il-kwantità stmata tas-sustanza li tista’ tiġi inġerita ta’ kuljum matul il-ħajja mingħajr riskju perċepibbli għall-konsumatur, l-istudji mitluba għandhom jiġu jitqiesu, konformement mad-definizzjoni tal-punt 23 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1107/2009 li taw lok sabiex “jiġu determinati l-livelli sikuri ta’ espożizzjoni” u sabiex “jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għall-użu sikur” tal-glifosat.

102    Barra minn hekk, mill-punt 5 tar-Regolament Nru 544/2011 jirriżulta li billi l-istudji mitluba jippermettu li tiġi ffissata l-ADI tal-glifosat, dawn jikkostitwixxu informazzjoni li tippermetti “evalwazzjoni rigward ir-riskji għall-bniedem, assoċjati mat-tqandil u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva”, kif ukoll mar-“riskju għall-bniedem li jinħoloq mit-traċċi li jifdal fl-ikel u fl-ilma”. B’mod iktar preċiż, l-istudji mitluba, inkwantu studji tat-tossiċità għall-iżvilupp, għandhom bħala għan, skont il-punt 5.6.2 tal-Anness għar-Regolament Nru 544/2011, li “jidentifikaw l-effetti diretti u indiretti fuq l-iżvilupp embrijoniku u fetali li jirriżultaw mill-espożizzjoni għas-sustanza attiva”.

103    Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istudji mitluba, billi jistabbilixxu d-DMEDO, li fuq il-bażi tagħhom ġew ikkalkolati l-ADI u l-ArfD, ippermettew li jiġu ddeterminati l-limiti li fihom il-glifosat, meta jkun preżenti fil-prodotti tal-ikel, ma jippreżentax riskju, ftit jew wisq fit-tul, għas-saħħa tal-bniedem, u għaldaqstant li jiġu ffissati l-valuri differenti relatati mal-effett tal-emissjonijiet ta’ glifosat fuq is-saħħa tal-bniedem.

104    Barra minn hekk, kif josserva r-Renju tal-Isvezja, l-ADI tirrappreżenta limitu ta’ espożizzjoni mingħajr riskju fit-tul għall-konsumaturi. Għalhekk, jekk l-użu tagħha jew tar-residwi ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jeċċedi l-ADI, huma jitqiesu li huma dannużi għas-saħħa.

105    F’dan ir-rigward, l-EFSA tirrikonoxxi li l-ADI tagħmel parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskji għall-finijiet tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, li jirrikjedi li l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009 jiġu ssodisfatti. Hija tindika li, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi evalwat jekk is-sustanza attiva jew ir-residwi tagħha fihomx effetti dannużi għas-saħħa tal-bniedem. L-EFSA tosserva li, fi stadju inizjali, il-valur tossikoloġiku ta’ referenza użat sabiex tiġi evalwata l-espożizzjoni fit-tul tal-bnedmin huwa l-ADI, ikkalkolat fuq il-bażi tad-DMEDO u li, fi stadju sussegwenti, l-espożizzjoni għas-sustanza attiva u għar-residwi tagħha hija evalwata u pparagunata mal-ADI.

106    Issa, mill-peer review jirriżulta u huwa paċifiku bejn il-partijiet, li, fuq il-bażi tal-istudji mitluba, l-ADI tal-glifosat marret minn 0.3 mg/kg pk/jum meta kien hemm l-ewwel approvazzjoni tal-glifosat, għal 0.5 mg/kg pk/jum meta ġġedded l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva.

107    Żieda fl-ADI tfisser il-possibbiltà ta’ żieda fir-residwi tal-glifosat meqjusa li huma mingħajr effett dannuż fuq is-saħħa. Kif josserva r-Renju tal-Isvezja, żieda fl-ADI għandha bħala konsegwenza li l-awtoritajiet kompetenti jaċċettaw residwi ta’ glifosat ogħla fl-ikel.

108    Fit-tielet lok, l-EFSA ssostni li d-dożi amministrati lill-vertebrati fil-laboratorju ma humiex ekwivalwnti għad-dożi li magħhom jidħlu f’kuntatt il-bnedmin meta jużaw is-sustanza u li dawn l-istudji mwettqa fil-laboratorju huma indipendenti mill-mod ta’ użu mistenni u ma jikkorrispondux għal kundizzjonijiet realistiċi. Il-kundizzjonijiet għall-espożizzjoni użati fl-istudji fil-laboratorju ma humiex paragunabbli mal-firxa ta’ espożizzjonijiet tal-bniedem u tal-ambjent għall-bexx tal-glifosat skont il-prattiki agrikoli tajbin.

109    Ċertament, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-istudji mitluba twettqa fil-laboratorju fuq fenkiet tqal b’amministrazzjoni ta’ dożi għolja ta’ glifosat permezz ta’ sonda li ma jikkorrispondux għal dawl li għalihom bniedem huwa suġġett waqt użu normali ta’ din is-sustanza.

110    Issa, il-Qorti al-Ġustizzja ddeċidiet li dak li huwa rilevanti ma huwiex tant li d-data inkwistjoni ġejja minn studji mwettqa għalkollox jew parzjalment fuq l-art jew f’laboratorju, jew inkella mill-eżami tat-trażlokazzjoni, iżda li l-imsemmija studji għandhom bħala għan li jevalwaw “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri, l-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni fl-ambjent f’ċirkustanzi li jirrappreżentaw kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza, jew li janalizzaw l-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 89).

111    B’dan il-mod, data estratta minn testijiet li għandhom l-għan li jistudjaw l-effetti tal-użu ta’ doża tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni li hija kunsiderevolment ogħla mid-doża massima li għaliha hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq u li ser tintuża fil-prattika, jew f’konċentrazzjoni ħafna ogħla, meta tali data tkun tirrigwarda emissjonijiet mhux prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu ma tikkostitwixxix b’mod partikolari informazzjoni “dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 90).

112    Min-naħa l-oħra, studji intiżi sabiex jistabbilixxu t-tossiċità, l-effetti u aspetti oħra ta’ prodott jew ta’ sustanza fil-kundizzjonijiet realistiċi l-iktar sfavorevoli li jistgħu raġonevolment ikunu preżenti, kif ukoll studji mwettqa f’kundizzjonijiet l-iktar qrib possibbli għall-prattika agrikola normali u kundizzjonijiet li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza ser jintużaw jaqgħu taħt il-kunċett ta’ informazzjoni “dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 91).

113    Minn dan jirriżulta li, sabiex studji jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma humiex daqstant neċessarji l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ dawn l-istudji, b’mod partikolari jekk ikunux twettqu fl-aboratorji jew le, iżda pjuttost l-għan tagħhom.

114    B’hekk, l-EFSA ma tistax issostni li, ladarba d-dożi għolja użati fl-istudji mitluba biex tiġi stabbilita l-ADI ma jikkorrispondux għal dawk rilaxxati effettivament fl-ambjent, l-istudji mitluba ma humiex marbuta mal-użi mistennija u għalhekk huma purament teoretiċi.

115    Fil-fatt, dan ikun ifisser li l-istudji mitluba stabbilixxew id-DMEDO għall-bniedem, li minnhom ġiet ikkalkolata l-ADI, minn data purament ipotetika li ma għandha ebda relazzjoni mal-mod li bih il-glifosat ikollu effett fuq bnedmin meta dan jintuża.

116    Għalhekk, l-argument tal-EFSA, li l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-isudji mitluba ma humiex marbuta mal-emissjonijiet, ma huwiex rilevanti. Ma humiex daqstant neċessarji l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-istudji mitluba iżda pjuttost l-għan tagħhom, li għandu jiġi ddefinit mid-DMEDO, li servew bħala bażi għall-istabbiliment tal-ADI, kif ukoll tal-ArfD. Għalhekk l-għan tal-istudji mitluba huwa li jiġu ddeterminati l-limiti li jekk jinqabżu l-espożizzjoni għas-sustanza attiva glifosat tippreżenta riskji għas-saħħa tal-bniedem.

117    Għaldaqstant, billi l-istudji mitluba jippermettu li tiġi ddefinita d-doża massima ta’ espożizzjoni għall-glifosat li jekk tinqabeż ir-residwi tas-sustanza attiva jitqiesu li jkunu dannużi għas-saħħa tal-bniedem, dawn jikkostitwixxu studji intiżi sabiex tiġi ddeterminata t-tossiċità tal-glifosat taħt l-iktar kundizzjonijiet realistiċi sfavoreli li jistgħu raġonevolment jirriżultaw.

118    Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, li skontha l-pubbliku għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem b’mod raġonevoli l-mod kif l-ambjent jgħaddi mir-riskju li jiġi raġonevolament affetwat mill-emissjonijiet, hemm lok li jitqies li l-aċċess tar-rikorrent għall-istudji mitluba jkun jippermettilu jifhem il-mod kif is-saħħa tal-bniedem jgħaddi mir-riskju li jiġi affetwat mir-rilaxxi ta’ glifosat fl-ambjent.

119    Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-istudji mitluba għadhom jitqiesu li jikkostitwixxu informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

120    Għalhekk, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-iżvelar tagħha titqies li tippreżenta interess pubbliku superjuri u l-EFSA ma setgħetx tirrifjuta l-iżvelar tagħha minħabba li dan ikun jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-proprjetarji tal-istudji mitluba, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

121    Minn dan jirriżulta li ma huwiex rilevanti l-argument tal-ESFA li, ġaladarba l-partijiet mill-istudji mitluba li ġew żvelati jippermettu li jiġi vverifikat ir-riżultat tal-istudji jew tal-evalwazzjoni mwettqa, l-aċċess għall-istudji kompleti ma huwiex neċessarju.

122    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-EFSA indikat li l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 kien jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ informazzjoni sensittiva li l-iżvelar tagħha kienet bħala prinċipju meqjusa li tipprekludi l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati. Hija qieset li l-partijiet tal-istudji identifikati bħala li jidħlu f’din il-lista kellhom jiġu protetti konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

123    Minn naħa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-EFSA ma tispeċifikax liema partijiet mill-istudji mitluba kienu ġew identifikati bħala li jidħlu fil-lista tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

124    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, fir-rigward tal-informazzjoni relatata mal-ismijiet u mal-indirizzi tal-persuni li jipprattikaw testijiet fuq il-vertebrati, imsemmija f l-Artikolu 63(2)(g) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-EFSA indikat espliċitament li dawn kienu protesti bis-saħħa tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, jeħtieġ li jitfakkar li din l-informazzjoni ma hijiex is-suġġett tar-rikors preżenti.

125    Min-naħa l-oħra, l-EFSA ma tindikax liema informazzjoni li tinsab fl-istudji mitluba tagħmel parti minn waħda mill-eċċezzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li t-tabella li tinsab annessa mad-deċiżjoni kkontestata, li tindika liema partijiet mill-istudji mitluba ġew żvelati jew le u għal liema raġuni, tagħmel riferiment għall-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 biss fir-rigward tal-partijiet minn dawn l-istudji li ġew żvelati, jiġifieri t-titolu, il-werrej u t-tabelli, dijagrammi u annessi li għandhom data mhux ipproċessata tal-istudji.

126    Barra minn hekk, l-EFSA tindika espliċitament, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija applikat l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 fil-kuntest tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

127    Issa, mill-punti preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tistax tiġi invokata sabiex jiġi kkontestat l-iżvelar tal-istudji mitluba li jitqiesu li jikkostitwixxu informazzjoni li “tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

128    Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-EFSA ma ġġustifikatx l-applikazzjoni tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

129    Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel motiv u, għaldaqstant, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tirrifjuta l-iżvelar tal-istudji kollha mitluba, bl-eċċezzjoni tal-ismijiet u firem tal-persuni li jissemmew fihom.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

131    Peress li l-EFSA tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

132    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel tas16 ta’ Ottubru 2017 li tannulla u tissostitwixxi d-deċiżjoni tat30 ta’ Lulju 2014 u li tagħti aċċess parzjali għal żewġ studji ta’ tossiċità li jirrigwardaw is-sustanza attiva glifosat, stabbiliti fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva hija annullata sa fejn l-EFSA tirrifjuta l-iżvelar ta’ dawn l-istudji kollha, bl-eċċezzjoni tal-ismijiet u tal-firem tal-persuni li jissemmew fihom.

2)      L-EFSA għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Anthony Tweedale.

3)      Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.