Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' April 2009 - Bredenkamp et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-145/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: John Arnold Bredenkamp, Alpha International (PTV) Ltd (Camberley, ir-Renju Unit), Breco (Asia Pacific) Ltd. (Douglas, Isle of Man, ir-Renju Unit), Breco (Eastern Europe) Ltd. (Douglas, Isle of Man, ir-Renju Unit), Breco (South Africa) Ltd. (Douglas, Isle of Man, ir-Renju Unit), Breco (UK) Ltd. (Ascot, ir-Renju Unit), Breco Group, Breco International (St. Helier, Jersey, ir-Renju Unit), Breco Nominees Ltd. (Ascot, ir-Renju Unit), Breco Services Ltd. (Ascot, ir-Renju Unit), Corybantes Ltd. (Ascot, ir-Renju Unit), Echo Delta Holdings (Reading, ir-Renju Unit), Masters International Ltd. (Ascot, ir-Renju Unit), Piedmont (UK) Ltd. (Ascot, ir-Renju Unit), Raceview Enterprises (Private) Limited, Scottlee Holdings (PTV) Ltd., Scottlee Resorts Ltd., Timpani Exports Ltd. (Douglas, Isle of Man, ir-Renju Unit), Tremalt Ltd. (rappreżentanti: D. Vaughan, QC, P. Moser, Barrister u R. Khan, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Erwropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 77/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti u kull wieħed minnhom;

sussidjarjament jew alternattivament, tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 77/2009 safejn dan jikkonċerna lill-ewwel rikorrent u xi entità fl-Anness III kkunsidrata bħala "proprjetà " tal-ewwel rikorrent permezz tat-tħassir mill-Anness III tal-inseriment tal-ewwel rikorrent u tal-inserimenti kollha ta' dawk l-entitajiet ;

konsegwentement, tiddikjara li l-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2009 hija inapplikabbli fil-konfront tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

F'dan il-każ ir-rikorrenti qegħdin jitolbu l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 77/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe1 safejn ir-rikorrenti huma inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni.

Ir-rikorrenti jressqu ħames motivi insostenn għat-talbiet tagħhom.

L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat m'għandu ebda bażi legali.

It-tieni, huma jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi raġunijiet konvinċenti għall-iffriżar tal-fondi fir-rigward tar-rikorrenti, bi ksur tal-obbligu tagħha kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita.

It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat jikser id-dritt tad-difiża tagħhom, kemm id-dritt għal smigħ kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva peress li, fl-opinjoni tar-rikorrenti, dan ġie adottat mingħajr ma ngħatat ebda garanzija rigward il-komunikazzjoni ta' provi inkriminanti kontrihom jew rigward is-smigħ tagħhom f'dak li jikkonċerna tali provi, u lanqas f'dak li jikkonċerna l-provi tagħhom li jiskulpawhom.

Ir-raba, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament ikkontestat kien adottat bi ksur tal- Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-KEDB u jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom għall-proprjetà.

Il-ħames, huma jsostnu li r-Regolament ikkontestat huwa bbażat fuq żball manifest tal-fatti safejn dan jaffettwhom. Huma jargumentaw ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi r-raġunijiet allegati sabiex tipprova li l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti huwa legalment iġġustifikat, fid-dawl ta' leġiżlazzjoni relevanti u milli tipprovdi informazzjoni preċiża u provi serji u kredibbli bħala bażi għad-deċiżjoni tagħha u għalhekk naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġ.

____________

1 - ĠU L 2009 L 23, p. 5