Language of document : ECLI:EU:F:2008:85

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

26 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-54/07

Anne Joseph

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Rikors tardiv – Każ fortuwitu – Reklutaġġ – Artikoli 3a, 3b u 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Tul tal-kuntratt – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, dwar it-tul massimu tal-impjieg ta’ persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni – Artikolu 12 tad-DĠI dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni – Trattament ugwali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Joseph qed titlob, b’mod partikolari u essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti li tiffissa għal ħmistax-il xahar, minflok għal tliet snin, it-tul tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, iffirmat fl-20 ta’ Lulju 2006 u li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Ottubru ta’ wara, kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, l-annullament tad-deċiżjoni espressa li tirrifjuta l-ilment tagħha tat-13 ta’ Frar 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 3a u 85(1))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 3a, 82(6), u 85(1))

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Trattament ugwali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 3a, 82(5) u (6), u 85(1))

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 3a)

1.      Billi impona, fl-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, limitu massimu ta’ ħames snin, kemm għall-konklużjoni kif ukoll għat-tiġdid tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, il-leġiżlatur madankollu ma pprekludiex lill-istituzzjonijiet milli jikkonkludu jew iġeddu dan it-tip ta’ kuntratti, skont l-Artikolu 2a tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, għal perijodu iqsar, sakemm jiġi rrispettat il-perijodu minimu previst fl-Artikolu 85(1) ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Madankollu, istituzzjoni ma tistax, mingħajr ma tinjora din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, tirrestrinġi b’mod ġenerali u impersonali, f’dan il-każ permezz ta’ Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni jew ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali, il-perijodu massimu possibbli tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, kif ġie stabbilit mil-leġiżlatur stess.

(ara l-punti 68, 69, 91 u 92)

2.      Il-Kummissjoni, billi pprovdiet għal perijodu massimu totali ta’ tliet snin għall-konklużjoni jew it-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, biss f’każ li l-imsemmi membru tal-persunal ma jkunx għamel l-eżamijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, ma injoratx il-limiti minimi u massimi stabbiliti fl-Artikolu 85(1) tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, billi użat l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet mill-Artikolu 82(6) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri għall-ingaġġ tal-persunal bil-kuntratt permezz ta’ Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni, il-Kummissjoni pprovdiet, fl-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali, għall-possibbiltà li tirrekluta, skont l-Artikolu 3a jew l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, matul perijodu ta’ tranżizzjoni, bejn l-1 ta’ Novembru 2004 u l-1 ta’ Mejju 2007, membri tal-persunal bil-kuntratt li ma jkunux ġew suġġetti għall-proċeduri ta’ għażla previsti fl-Artikoli 5 jew 8 tal-istess dispożizzjonijiet ġenerali. Il-Kummissjoni tista’, b’mod validu u billi tirrispetta l-limiti tal-kompetenza tagħha skont l-imsemmi Artikolu 82(6), tieħu inkunsiderazzjoni din is-sistema ta’ tranżizzjoni għal żmien qasir sabiex b’mod partikolari tistabbilixxi l-perijodu massimu possibbli tal-kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, konklużi skont l-Artikolu 12(1) tad-Dispożizzjonijet Ġenerali ta’ Implementazzjoni.

(ara l-punti 74, 75 u 94)

3.      Għalkemm, skont l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, il-kuntratt tal-membri tal-persunal bil-kuntratt koperti mill-Artikolu 3a ta’ dawn il-Kondizzjonijiet tal-impjieg jista’ jiġi konkluż għal żmien speċifikat ta’ għall-inqas tliet xhur u ta’ mhux iktar minn ħames snin, filwaqt li l-Artikolu 12(1) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal b’kuntratt mal-Kummissjoni jillimita t-tul awtorizzat tal-kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li ma jkunux ħadu sehem fil-proċeduri ta’ għażla previsti fl-Artikoli 5 jew 8 tal-imsemmija Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni, din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata mix-xewqa tal-istituzzjoni li tippermetti lill-membri tal-persunal diġà rreklutati fi ħdanha, mingħajr ma jkunu inizjalment marru kontra r-“regola tas-sitt snin”, u li l-kuntratt tagħhom jiġi mġedded, jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għażla organizzati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Għażla tal-Persunal (EPSO), bil-kundizzjoni li l-perijodu totali tal-kuntratt inizjali u tal-kuntratt imġedded ma jaqbiżx it-tliet snin. B’hekk, il-membri tal-persunal bil-kuntratt li jingħataw l-ewwel kuntratt u dawk li l-kuntratt tagħhom jiġi mġedded ma humiex f’sitwazzjonijiet paragunabbli, u b’hekk jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tat-tul tal-kuntratti ta’ impjieg.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma jagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tul tal-kuntratti koperti, skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx għaddiet jew le mill-eżamijiet organizzati għall-finijiet tar-reklutaġġ tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, ma jistax jaffettwa l-validità tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni. Fil-fatt, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra stess jipprovdu, fl-Artikolu 82(5), għall-possibbiltà li jiġu organizzati tali proċeduri ta’ għażla, peress li l-persuni li jkunu għaddew mill-eżamijiet ta’ għażla ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-persuni li ma pparteċipawx fl-imsemmija proċeduri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri għall-ingaġġ tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 82(6) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, b’mod partikolari, sabiex tapplika l-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fir-rigward tal-iffissar tat-tul tal-kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-limiti indikati hemmhekk.

(ara l-punti 79 sa 81)

4.      Skont l-Artikolu 3a(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, il-membru tal-persunal li jiġi impjegat “f’istituzzjoni” huwa impjegat sabiex “[i]wettaq kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattiv ta’ appoġġ” [subparagrafu (a)], filwaqt li din ir-restrizzjoni ma teżistix fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal “fir-Rappreżentazzjonijiet u d-Delegazzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità” [subparagrafu (d)]. B’hekk, l-assenjazzjoni ta’ kompiti essenzjali lil membru tal-persunal rreklutat skont l-Artikolu 3a tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg u li jiġi assenjat biex jaħdem fi ħdan delegazzjoni ta’ istituzzjoni, speċjalment meta jkun ġie kklassifikat fl-ogħla grupp tal-funzjoni, għandha tkun inqas eċċezzjonali milli fil-każ ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt irreklutat fi ħdan istituzzjoni. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ikun ikklassifikat fil-grupp tal-funzjoni IV ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-kompiti tiegħu huma essenzjali. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni oħra, din il-kwistjoni teħtieġ eżami in concreto.

(ara l-punti 87 u 88)