Language of document : ECLI:EU:T:2022:842

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla)

21 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli – Ilment – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Sejħa għal teħid ta’ azzjoni – Ammissibbiltà – Obbligu li tittieħed azzjoni – Assenza”

Fil-Kawża T‑702/21,

Ekobulkos EOOD, stabbilita fi Todorichene (Il-Bulgarija), irrappreżentata minn M. Dimitrov, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C.-M. Carrega u C. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla),

komposta minn D. Spielmann (Relatur), President, R. Mastroianni u I. Gâlea, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet f’terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 265 TFUE, ir-rikorrenti, Ekobulkos EOOD, titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea illegalment astjeniet milli tieħu pożizzjoni fuq l-ilment tagħha, ippreżentat fil‑21 ta’ Frar 2020, dwar allegata miżura ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika tal-Bulgarija u li tiffavorixxi ċerti produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija produttur tal-elettriku attiv fit-territorju tal-Bulgarija u għandha impjant fotovoltajku li beda jopera fid‑19 ta’ Mejju 2012.

3        Permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 5205 final, tal‑4 ta’ Awwissu 2016, fil-Kawża SA.44840 (2016/NN) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fil-Kawża SA.44840”), il-Kummissjoni qieset li l-iskema Bulgara ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, innotifikata mill-awtoritajiet Bulgari u kkostitwita miz-Zakon za energiata ot vazobnovyaemi iztochnitsi (ZEVI) (il-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli, iktar ’il quddiem iż-“ŻEVI”), fis-seħħ mit‑3 ta’ Mejju 2011 (DV Nru 35, tat‑3 ta’ Mejju 2011), kif ukoll taż-żewġ digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2013 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Prezz tal-Elettriku u tal‑20 ta’ Frar 2004 dwar ir-Regolazzjoni tal-Prezz tal-Elettriku, huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.

4        Fil‑21 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, irreġistrat bir-referenza SA.56620, li fih hija sostniet li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet tat lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, fil-forma ta’ prezzijiet preferenzjali tax-xiri tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli. Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti spjegat li l-għajnuna kienet tirriżulta minn emenda introdotta mill-paragrafu 18 taż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na Zakona za energetikata (ZID-ZE) (il-Liġi li Temenda u Tikkompleta l-Liġi dwar l-Enerġija), tal‑24 ta’ Lulju 2015 (DV Nru 56, tal‑24 ta’ Lulju 2015, iktar ’il quddiem, il-“Liġi Emendatorja”), li kienet titbiegħed b’mod kunsiderevoli mill-miżura preċedentement awtorizzata mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, l-emenda introdotta mill-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kienet tistabbilixxi, bejn produtturi identiċi, li wettqu investimenti tal-istess ammont, li qiegħdu l-installazzjonijiet tagħhom fis-servizz fl-istess mument u li bbenefikaw minn għajnuna ta’ ammont identiku, distinzjoni skont id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna. B’hekk, ċerti produtturi kienu jibbenefikaw minn ammont ta’ għajnuna erba’ darbiet ogħla minn oħrajn, minħabba li kienu ppreżentaw applikazzjoni għal għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea wara t‑3 ta’ Mejju 2011, li jmur kontra b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5        Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet dan l-ilment fis‑6 ta’ Marzu 2020.

6        Fis‑7 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra li tindika b’mod partikolari li, kif imsemmi fil-paragrafi 27 u 28 tad-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840, skont ir-regoli antikumulu u l-paragrafu 129 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1), l-għajnuna għall-investiment irċevuta preċedentement kellha titnaqqas mill-għajnuna għall-funzjonament li għandha l-istess għan. Skont il-Kummissjoni, peress li l-għajnuna għall-investiment mogħtija qabel it‑3 ta’ Mejju 2011, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli, ma kinitx ġiet dedotta mill-għajnuna għall-funzjonament, il-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kien jirrimedja din id-differenza fit-trattament sabiex jitneħħa l-kumpens żejjed tal-produtturi li bbenefikaw minn għajnuna qabel l‑2011. B’dan il-mod, l-iskema Bulgara ta’ appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kienet, fil-fehma tagħha, konformi mad-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840 li tiddikjara l-iskema Bulgara kompatibbli mas-suq intern u li l-paragrafu 29 tagħha kien jindika li, “meta l-għajnuna għall-investiment ma [kinitx] inizjalment ġiet dedotta waqt l-iffissar tal-livell ta’ appoġġ, il-prezz ta’ xiri preferenzjali [kien] tnaqqas permezz tal-modifika taż-ZEVI tal‑24 ta’ Lulju 2015 sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ kumulu u l-eliminazzjoni tar-riskju ta’ kumpens żejjed”. Il-Kummissjoni indikat li hija kienet għalhekk approvat il-Liġi Emendatorja, inkluż il-paragrafu 18, u li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-ilment, hija ma kinitx identifikat applikazzjoni żbaljata tal-għajnuna awtorizzata bid-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840, u lanqas miżuri ġodda li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Hija kkonkludiet li ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika korrettament il-miżura li allegatament tikkostitwixxi għajnuna u ċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex tevalwa din il-miżura. Fl-aħħar, hija stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha, jekk kien hemm lok, provi oħra insostenn tal-ilment tagħha f’terminu ta’ xahar, li mingħajrha l-ilment tagħha jiġi kkunsidrat bħala rtirata.

7        Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Novembru 2020 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti żammet l-argumenti mressqa fl-ilment tagħha.

8        Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti enfasizzat li rċeviet sussidju mhux rimborsabbli (de minimis) tal-baġit tal-Unjoni, abbażi tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007–2013, adottat b’implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal‑20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26 u r-rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23). Hija indikat li dan is-sussidju kien ingħata għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-Unjoni intiża għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’mikroimpriżi mhux agrikoli fiż-żoni rurali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija f’dawn l-istess żoni, li ma kinitx għajnuna għall-investiment u li kellha għan differenti. Ir-rikorrenti sostniet li ma huwiex xieraq li fondi, allokati għall-għan tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-Unjoni, li jikkonsisti fil-“ħolqien ta’ possibbiltajiet ta’ impjieg u ta’ kundizzjonijiet ta’ tkabbir” fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (PAK), jiġu ttrattati bħala fondi intiżi għat-twettiq tal-parti indikattiva tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fil-kuntest tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Hija fakkret li l-punt 190 tar-regolament tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent tal‑2008 jippermetti li jiġu akkumulati l-għajnuna għall-investiment u għall-funzjonament meta din tingħata sabiex jintlaħqu għanijiet differenti ta’ politiki differenti tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li t-total ma jaqbiżx il-limiti imposti mil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, hija sostniet li, anki jekk setgħet tkun għajnuna għall-investiment, l-awtoritajiet Bulgari ma kinux osservaw ir-regoli dwar il-kumulu tal-għajnuna, b’mod partikolari, peress li huma ma kinux iddeduċu l-għajnuna għall-investiment tal-għajnuna għall-funzjonament, iżda kienu, mingħajr ġustifikazzjoni, naqqsu erba’ darbiet l-għajnuna għall-funzjonament qabel ma ddeduċu l-għajnuna għall-investiment. Barra minn hekk, il-prezzijiet imposti mill-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja ma kinux jikkorrispondu, fil-fehma tagħha, għal dak li kien indikat fil-paragrafi 16 sa 19 tad-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840.

9        Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostniet li l-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kien imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li kien iwassal għal prezzijiet preferenzjali li jiffavorixxu lil ċerti produtturi fir-rigward ta’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni analoga fl-elementi essenzjali tiegħu, mingħajr ma dan kien iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Minn naħa, din id-diskriminazzjoni tirriżulta bejn l-entitajiet individwali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja, peress li l-entitajiet-proprjetarji ta’ installazzjonijiet tal-enerġija li nbnew u bdew joperaw f’mumenti differenti, bi spejjeż ta’ investiment u b’rati ta’ redditu differenti (il-prezz tal-installazzjonijiet voltajċi naqas ħafna bejn l‑2009 u l‑2014), kienu jibbenefikaw mill-istess prezz preferenzjali għax-xiri tal-elettriku. Min-naħa l-oħra, din id-diskriminazzjoni tidher fir-rigward tal-proprjetarji ta’ installazzjonijiet tal-enerġija li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna ġew sottomessi wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli u fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ produtturi ta’ enerġija rinnovabbli li bbenefikaw ukoll minn għajnuna qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli. Il-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja jikser għalhekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ggarantiti mill-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

10      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ġunju 2021 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tenniet l-argumenti tagħha intiżi sabiex juru li l-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kien jintroduċi miżura ġdida li tikkostitwixxi għajnuna illegali, li timponi kundizzjonijiet diskriminatorji fuq grupp ta’ produtturi li applikaw għall-għajnuna qabel it‑3 ta’ Mejju 2011. Hija enfasizzat li l-Liġi Emendatorja ma ssemmietx fid-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840, li din kienet tmur kontra l-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli u r-regoli dwar il-kumulu tal-għajnuna. Hija sostniet li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet kisret l-Artikolu 72(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 u l-Artikolu 175 TFUE billi ma kkonformatx mal-għanijiet tal-politika ta’ żvilupp rurali tal-Unjoni. Abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), hija talbet lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżura msemmija fil-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u ppreċiżat li l-ittra tagħha kienet tikkostitwixxi sejħa għal teħid ta’ azzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE.

 Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni sa fejn astjeniet milli tieħu deċiżjoni dwar l-ilment irreġistrat bir-referenza SA.56620;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inkluż jekk tadotta deċiżjoni wara l-preżentata tar-rikors.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u infondat;

–        tikkundanna lill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 Iddritt

13      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-ilment tagħha fi żmien xieraq, kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589, u li hija ma ddeċidietx b’deċiżjoni, kif jipprevedu l-Artikolu 4 u l-Artikolu 15(1) tal-istess regolament.

14      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli u infondat.

 Fuq lammissibbiltà tarrikors

15      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli. Hija tfakkar li l-intimazzjoni hija formalità essenzjali li għandha b’mod partikolari l-effett li tiddelimita l-kuntest ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni eventwali. Issa, f’dan il-każ, hija ssostni li l-kontenut tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 72(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 u tal-Artikolu 175 TFUE, huwa differenti mis-suġġett tar-rikors, li huwa bbażat fuq l-Artikoli 12, 13 u 15 tar-Regolament 2015/1589.

16      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli, peress li, wara l-informazzjoni u l-argumenti addizzjonali li hija pprovdiet, il-Kummissjoni ma għalqitx il-proċedura ta’ lment, li obbligatha tirrepeti l-argumenti tagħha fil-kuntest tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021. Hija tindika li, għalkemm din is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni kienet tirrigwarda biss l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2015/1589, kien evidenti li hija kienet tirrigwarda deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura u mhux dwar is-sospensjoni temporanja tagħha.

17      Hemm lok li jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun ammissibbli biss jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tkun intalbet minn qabel tieħu azzjoni. Hija ġurisprudenza stabbilita li din l-intimazzjoni lill-istituzzjoni hija formalità essenzjali u li għandha bħala effett, minn naħa, li jibda jiddekorri t-terminu ta’ xahrejn li fih l-istituzzjoni għandha tieħu pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li tiddelimita l-kuntest li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors fil-każ li l-istituzzjoni tastjeni milli tieħu pożizzjoni. Għalkemm ma hijiex suġġetta għal kundizzjoni formali partikolari, huwa, madankollu, neċessarju li l-intimazzjoni tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tkun taf b’mod konkret il-kontenut tad-deċiżjoni li hija mitluba tadotta u sabiex turi li hija intiża li tobbligaha tieħu pożizzjoni (is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 1999, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑17/96, EU:T:1999:119, punt 41 u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:547, punt 22). Madankollu, il-kliem tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni u dawk tal-intimazzjoni ma għandhomx ikunu identiċi (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, ViaSat vs Il-Kummissjoni, T‑245/17, EU:T:2021:128, punt 39).

18      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, teżisti diverġenza bejn, minn naħa, il-konklużjoni tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021, li tiddelimita l-kuntest ta’ dan ir-rikors u, min-naħa l-oħra, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, minn naħa, l-ittra tar-rikorrenti tat‑22 ta’ Ġunju 2021 tistieden lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni tal-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2015/1589, li tippermetti lill-Kummissjoni tordna lill-Istat Membru kkonċernat jissospendi l-ħlas ta’ kull għajnuna illegali sakemm hija tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-Artikoli 107 u 108 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 4, 12 u 15 tar-Regolament 2015/1589, u għalhekk hija intiża sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-Kummissjoni minħabba nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-legalità jew il-kompatibbiltà tal-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja fir-rigward tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

19      Madankollu, tali diverġenza bejn is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, li tiddelimita l-kuntest tal-kawża, u dan ir-rikors, kif iddefinit mir-rikjesta fir-rikors, ma hijiex tali li għandha twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza preċedentement iċċitata (ara punt 17 iktar ’il fuq).

20      Fil-fatt, mill-ilment tar-rikorrenti tal‑21 ta’ Frar 2020, li hija tirreferi għalih fil-bidu tas-sejħa tagħha għal teħid ta’ azzjoni, jirriżulta li hija essenzjalment allegat li l-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kien jikkostitwixxi b’mod partikolari għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Dan jirriżulta wkoll mill-ittra tas‑7 ta’ Novembru 2020 li minnha jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx qed tirreferi biss għas-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja, iżda wkoll għall-kisba ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, kif tikkonferma r-rikorrenti fir-risposta quddiem il-Qorti Ġenerali.

21      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 10 iktar ’il fuq, fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, ir-rikorrenti ċertament titlob, fil-konklużjoni tagħha, għas-sospensjoni tal-miżura inkwistjoni fl-istennija ta’ deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Madankollu, hija tirrepeti l-analiżi tagħha li l-Artikolu 18 tal-Liġi Emendatorja jintroduċi miżura ġdida li tikkostitwixxi għajnuna illegali, li tmur b’mod partikolari kontra r-regoli dwar il-kumulu tal-għajnuna mogħtija sabiex jintlaħqu għanijiet differenti ta’ politiki differenti tal-Unjoni, u li skontha din hija għajnuna illegali li timponi kundizzjonijiet diskriminatorji fuq grupp ta’ produtturi.

22      Barra minn hekk, sospensjoni tal-miżura inkwistjoni min-naħa tal-Kummissjoni, kif mitluba fis-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, tidher prima facie neċessarjament marbuta mal-eżami tal-mertu tal-legalità u tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

23      Għaldaqstant, minkejja l-konklużjoni tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021 li tistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-applikazzjoni tal-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2015/1589, fid-dawl tal-elementi tal-proċess u b’mod partikolari tal-proċedura amministrattiva li ppreċedietha, l-imsemmija sejħa għal teħid ta’ azzjoni, li tirreferi għall-ilment u għall-aspettattiva ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern, kienet suffiċjentement espliċita u preċiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tkun taf b’mod konkret il-kontenut tad-deċiżjoni li kienet mitluba tieħu, jiġifieri mhux biss li tissospendi l-miżura inkwistjoni, iżda wkoll li tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

24      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, sa fejn għandu l-għan li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni illegalment astjeniet milli tadotta deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kienx jikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli mas-suq intern.

 Fuq ilfondatezza tarrikors

25      Ir-rikorrenti ssostni li l-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja jintroduċi metodu ta’ xiri mill-ġdid tal-elettriku li ġej minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma ġietx ikkunsidrata fid-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840. Hija tindika li, wara l-ilment tagħha, hija pprovdiet informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tas‑7 ta’ Novembru 2020 u li, mingħajr tweġiba tal-Kummissjoni, hija bagħtet sejħa għal teħid ta’ azzjoni fit‑22 ta’ Ġunju 2021. Essenzjalment, hija ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx fi żmien xieraq l-ilment tagħha dwar eventwali għajnuna illegali, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589, li hija ma ddeċidietx b’deċiżjoni, bi ksur tal-Artikolu 15(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li hija ma bagħtitilhiex kopja tad-deċiżjoni tagħha u li hija ma ħaditx miżuri xierqa. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kienet obbligata tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja mat-Trattat FUE u l-analiżi tal-Kummissjoni magħmula fl-ittra tas‑7 ta’ Ottubru 2020 la kienet tikkostitwixxi opinjoni definittiva u lanqas pożizzjoni finali fuq l-ilment tagħha. Hija tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni minn naħa tal-Kummissjoni.

26      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

27      Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ talbiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, hija kellhiex obbligu li tieħu azzjoni (is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T‑95/96, EU:T:1998:206, punt 71; tad‑19 ta’ Mejju 2011, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑423/07, EU:T:2011:226, punt 25, u tad‑29 ta’ Settembru 2011, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑442/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:547, punt 28).

28      Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat, is-sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward tal-għajnuna illegali jew inkompatibbli mas-suq intern huma rregolati mir-Regolament 2015/1589.

29      Għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajnuna illegali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha teżamina mingħajr dewmien indebitu kull ilment ippreżentat minn parti kkonċernati, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament. Din id-dispożizzjoni, dwar id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati, tipprevedi b’mod partikolari li, l-elementi ta’ fatt u l-punti ta’ liġi invokati mill-parti kkonċernata ma humiex biżżejjed sabiex juru, abbażi ta’ eżami prima facie, li teżisti għajnuna mill-Istat illegali jew applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna, f’liema każ il-Kummissjoni tinforma lill-parti kkonċernata b’dan u tistidinha tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu speċifikat li normalment ma jaqbiżx xahar. Jekk il-parti kkonċernata tonqos milli tesponi l-fehmiet tagħha fit-terminu stabbilit, l-ilment jitqies li jkun ġie rtirat.

30      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589 tipprevedi li l-eżami ta’ eventwali għajnuna illegali twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tal-imsemmi regolament, liema artikolu jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika hekk kif tirċeviha u tieħu jew deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna, jew deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jekk il-miżura ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, jew deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk l-imsemmija miżura tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

31      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġietx adita b’ilment jew ingħatat informazzjoni dwar għajnuna allegatament illegali jew inkompatibbli mas-suq intern, fatti li kellhom jiġu segwiti minn deċiżjoni bbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet.

32      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni tagħha fil-Kawża SA.44840, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-emendi magħmula lill-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli u b’mod partikolari l-Liġi Emendatorja inkwistjoni f’dan il-każ.

33      L-ewwel, dan jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 2 tad-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840, li ssemmi l-Liġi Emendatorja. It-tieni, dan jirriżulta mill-paragrafu 29 tal-imsemmija deċiżjoni, li jindika li, meta l-għajnuna għall-investiment ma tkunx ġiet inizjalment dedotta waqt id-determinazzjoni tal-livell tal-għajnuna, il-prezz ta’ xiri preferenzjali tnaqqas permezz tal-Liġi Emendatorja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli dwar il-kumulu u jiġi eliminat ir-riskju ta’ kumpens żejjed. Dan huwa preċiżament kopert mill-emenda introdotta mill-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja. It-tielet, kif jirriżulta mill-paragrafu 40 tad-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840, fil-mument tal-analiżi tal-iskema nnotifikata mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni kienet irċeviet ilmenti minn assoċjazzjoni Bulgara għall-fotovoltajċi u produtturi żgħar li jikkonċernaw b’mod partikolari l-emenda introdotta mill-Artikolu 18 tal-Liġi Emendatorja. Ir-raba’, mill-paragrafu 46 tad-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840 jirriżulta li l-livelli ta’ għajnuna għall-installazzjonijiet tnaqqsu sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet ikkonstatati matul verifika mwettqa fil-kuntest tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali għall-Perijodu 2007–2013. Kif tindika l-Kummissjoni, din l-emenda tal-leġiżlazzjoni, introdotta mill-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja, kienet intiża sabiex tnaqqas il-livelli ta’ għajnuna għal ċerti installazzjonijiet sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-awtoritajiet Bulgari. Din il-korrezzjoni kienet tikkonċerna l-benefiċjarji ta’ għajnuna għall-investiment taħt il-programm tal-iżvilupp rurali msemmi mir-rikorrenti, li kienu jibbenefikaw bis-sħiħ kemm minn prezzijiet preferenzjali kif ukoll minn finanzjament taħt l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali u tal-Unjoni. L-introduzzjoni tal-emenda prevista fil-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja kienet għalhekk tikkoreġi l-kumpens żejjed eżistenti mogħti lill-produtturi li ssottomettew talbiet għal għajnuna qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar l-Enerġija Prodotta minn Sorsi Rinnovabbli, jiġifieri qabel l‑2011, fatt li l-Kummissjoni esponiet lir-rikorrenti fl-ittra tagħha tas‑7 ta’ Ottubru 2020 bi tweġiba għall-ilment tagħha (ara punt 6 iktar ’il fuq).

34      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mid-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840 jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-paragrafu 18 tal-Liġi Emendatorja fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni u għalhekk iddeċidiet ukoll dwar il-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

35      Issa, ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2015/1589 ma tobbliga lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern li dwarha hija tkun diġà ddeċidiet. Kif tindika l-Kummissjoni, tali obbligu jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jikkontestaw l-analiżi tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, inkluż wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE.

36      Barra minn hekk, wara l-ilment tar-rikorrenti tal‑21 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni weġbitha permezz tal-ittra tas‑7 ta’ Ottubru 2020. Wara li fakkret il-kontenut tad-deċiżjoni tagħha fil-Kawża SA.44840, hija ppreċiżat li eżaminat hemmhekk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Emendatorja, inkluż il-paragrafu 18. Hija żiedet li, abbażi tal-ilment tar-rikorrenti, ma kienx possibbli li tiġi identifikata applikazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni (ara punt 6 iktar ’il fuq).

37      Issa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tistabbilixxi, quddiem il-Qorti Ġenerali, li din l-evalwazzjoni hija żbaljata u kif l-Artikolu 18 tal-Liġi Emendatorja stabbilixxa miżura oħra ta’ għajnuna li ma ġietx eżaminata fid-Deċiżjoni SA.44840, li dwarha l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi.

38      Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni, id-deċiżjoni fil-Kawża SA.44840 għandha biss l-għan u l-effett li tawtorizza skema ta’ għajnuna billi tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern u l-Istat Membru jista’ jirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna jew inaqqas l-għajnuna mingħajr ma dan iwassal għall-istabbiliment ta’ għajnuna ġdida mill-Istat.

39      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-mument tas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni indirizzata lill-Kummissjoni, hija ma kellha ebda obbligu li tieħu azzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli, iċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, b’tali mod li ebda nuqqas li tittieħed azzjoni ma jista’ jiġi attribwit lilha f’dan il-każ.

40      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward tat-terminu ta’ eżami tal-ilment tagħha, fid-dawl tal-assenza ta’ obbligu tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni, tali nuqqas ma jistax jiġi kkonstatat.

41      Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

42      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

43      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess.

44      Skont it-talbiet tal-Kummissjoni, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Irrikors huwa miċħud.

2)      Ekobulkos EOOD u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Spielmann

Mastroianni

Gâlea

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Bulgaru.