Language of document : ECLI:EU:T:2019:669

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li tordna l-irkupru tagħha – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (tax ruling) – Prezz ta’ trasferiment – Kalkolu tal-bażi taxxabbli – Prinċipju ta’ distakkament – Vantaġġ – Sistema ta’ referenza – Awtonomija fiskali u proċedurali tal-Istati Membri”

Fil-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat inizjalment minn M. Bulterman, B. Koopman, M. de Ree u M. Noort, sussegwentement minn M. Bulterman, M. de Ree u M. Noort, bħala aġenti,

rikorrent fil-Kawża T‑760/15,

sostnut minn

L-Irlanda, irrappreżentata inizjalment minn E. Creedon, G. Hodge, K. Duggan u A. Joyce, sussegwentement minn G. Hodge, A. Joyce, K. Duggan, M. Browne u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn M. Collins, P. Gallagher, SC, u B. Doherty u S. Kingston, barristers,

intervenjenti,

Starbucks Corp., stabbilita f’Seattle, Washington (l-Istati Uniti),

Starbucks Manufacturing Emea BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn S. Verschuur, M. Petite u M. Stroungi, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑636/16,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata fil-Kawża T‑760/15, inizjalment minn P-J. Loewenthal u B. Stromsky, sussegwentement minn P-J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti, u, fil-Kawża T‑636/16, minn P-J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/502 tal‑21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38374 (2014/C ex 2014/NN) implimentata min-Netherlands għal Starbucks (ĠU 2017, L 83, p. 38),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, V. Tomljenović (Relatur), E. Bieliūnas, A. Marcoulli u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridiku

1        Starbucks Manufacturing Emea BV (iktar ’il quddiem “SMBV”) hija sussidjarja tal-grupp Starbucks (iktar ’il quddiem il-“grupp Starbucks”), stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-grupp Starbucks huwa kompost minn Starbucks Corp. u mill-impriżi kollha kkontrollati minnha. Starbucks Corp. għandha s-sede prinċipali tagħha f’Seattle, Washington (l-Istati Uniti). Alki LP (iktar ’il quddiem “Alki”) hija sussidjarja tal-grupp Starbucks, stabbilita fir-Renju Unit, li tikkontrolla indirettament lil SMBV. Alki u SMBV ikkonkludew ftehim dwar l-inkaljar (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar l-inkaljar”), li jipprevedi b’mod partikolari li SMBV tħallas lil Alki royalty għall-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Alki, fosthom b’mod partikolari l-metodi tal-inkaljar u ta’ kompetenzi oħra fir-rigward tal-inkaljar (iktar ’il quddiem it-“royalty”).

2        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/502 tal‑21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38374 (2014/C ex 2014/NN) implimentata min-Netherlands għal Starbucks (ĠU 2017, L 83, p. 38, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), tirrigwarda miżura relatata mal-applikazzjoni tal-iskema tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża fil-każ speċifiku ta’ SMBV.

A.      Fuq il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, din it-taxxa għandha titħallas mill-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huma persuni taxxabbli nazzjonali, kif ukoll mill-impriżi mhux stabbiliti, li huma persuni taxxabbli barranin, li għandhom attività ekonomika fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tal-Wet op de vennootschapsbelasting (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“LTK”), tal‑1969, l-impriżi stabbiliti – li jinkludu neċessarjament il-kumpanniji kkostitwiti skont id-dritt Olandiż – huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dħul dinji tagħhom. Skont l-Artikolu 3 tal-LTK, l-impriżi li ma humiex stabbiliti, min-naħa tagħhom, jiġu ntaxxati fuq id-dħul tagħhom minn sorsi Olandiżi.

4        F’dan il-kuntest, il-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija kkostitwita minn profitti magħmula mill-impriża taxxabbli. Fil-fatt, mill-Artikolu 8 tal-LTK, moqri flimkien mal-Artikolu 3.8 tal-Wet inkomstenbelasting (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), tal-2001, jirriżulta li l-persuni taxxabbli kollha għandhom jiġu ntaxxati skont il-prinċipju tal-profitt totali. Skont dan il-prinċipju, il-profitti kollha tal-impriżi huma ntaxxati, bil-kundizzjoni li jkunu ġejjin minn attività ekonomika jew kummerċjali. L-Artikolu 3.8 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jipprevedi li “[i]l-profitt ta’ impriża (profitt) huwa t-total ta’ vantaġġi komuni li jirriżultaw minn impriża irrispettivament mill-isem u l-forma tagħha”. Skont l-Artikolu 3.25 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li japplika wkoll skont l-Artikolu 8 tal-LTK għall-persuni suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-profitt annwali taxxabbli għandu jiġi ddeterminat konformement mal-prattiki tajba tal-kummerċ u bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ linja ta’ aġir kostanti.

5        B’mod ġenerali, il-profitt taxxabbli jikkorrispondi għall-profitt tal-kontabbiltà bħalma jirriżulta mill-kont tal-profitt u tat-telf tal-impriża. Madankollu, jistgħu jsiru aġġustamenti fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tat-taxxa speċifiċi, bħall-inċentivi tat-taxxa applikabbli, l-eżenzjoni fuq l-ishma, l-aġġustamenti għar-riżultat tat-taxxa minn tranżazzjonijiet li ma jissodisfawx il-prinċipju ta’ distakkament u l-applikazzjoni ta’ diversi regoli tad-deprezzament skont dispożizzjonijiet fiskali jew tal-kontabbiltà.

6        L-Artikolu 8b(1) tal-LTK jipprovdi li, “jekk organu jipparteċipa, direttament jew indirettament, fit-tmexxija, fil-kontroll jew fil-kapital ta’ entità oħra u jekk, minħabba dawn ir-relazzjonijiet legali reċiproċi, jiġu miftiehma jew imposti kundizzjonijiet (prezzijiet ta’ trasferiment) li jkunu differenti mill-kundizzjonijiet li jkunu normalment miftiehma minn partijiet indipendenti fiċ-ċirkwit ekonomiku, il-profitt magħmul minn dawn l-entitajiet jiġi ddeterminat daqslikieku l-aħħar kundizzjonijiet imsemmija kienu ġew miftiehma”.

7        Id-Digriet IFZ2001/295M tas-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi Olandiż, tat‑30 ta’ Marzu 2001, intitolat “Prezzijiet ta’ trasferiment, applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament u tal-prinċipji tal-OECD applikabbli dwar il-prezzijiet tat-trasferiment għall-impriżi multinazzjonali u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa (il-prinċipji tal-OECD)” (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment”), jiddeskrivi l-mod kif l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża tinterpreta l-prinċipju ta’ distakkament fuq il-bażi tal-Artikolu 8b(1) tal-LTK. Il-preambolu tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment jipprovdi dan li ġej:

“Il-politika Olandiża fil-qasam tad-dritt fiskali internazzjonali fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament titlaq mill-premessa li dan il-prinċipju huwa inkluż fl-ordinament ġuridiku fiskali Olandiż, b’riżultat tal-inklużjoni fil-kunċett wiesa’ tad-dħul imsemmi fl-Artikolu 3.8 tal-[Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul]. Teoretikament, il-[prinċipji applikabbli dwar il-prezz tat-trasferiment għall-impriżi multinazzjonali u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, adottati mill-Kumitat tal-Affarijiet tat-Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fis‑27 ta’ Ġunju 1995] huma għalhekk direttament applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tal-Artikolu 3.8 tal-[Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul]. Il-linji gwida tal-OECD jħallu marġni ta’ interpretazzjoni fuq ċertu numru ta’ punti. Fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ punti oħra, il-prattika teħtieġ kjarifika tal-linji gwida tal-OECD. Dan id-digriet jiċċara l-perspettiva tal-awtoritajiet Olandiżi dwar dawn il-punti u jneħħi, jekk ikun il-każ, l-inċertezzi eżistenti.”

8        Id-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment jinqasam fi tnax‑il parti li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ distakkament, il-metodi tal-prezzijiet ta’ trasferiment, l-approċċi amministrattivi intiżi sabiex jipprevjenu u jsolvu t-tilwim dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, l-aġġustamenti sekondarji, id-determinazzjoni tal-prezz ta’ distakkament meta l-evalwazzjoni tkun ferm inċerta fil-mument tat-tranżazzjoni, il-provvista ta’ servizzi fi ħdan grupp, il-kontribuzzjonijiet għal ftehim dwar it-tqassim tal-ispejjeż b’marġni ta’ profitt, ir-remunerazzjoni konformi mal-prinċipju ta’ distakkament għas-servizzi finanzjarji, is-sussidji, l-inċentivi fiskali u l-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu parzjalment, l-allokazzjoni ta’ profitti lil kumpannija omm u lil stabbiliment stabbli, id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u l-applikazzjoni tal-politika attwali.

9        B’mod iktar partikolari, id-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment jistabbilixxi fil-punt 1 tiegħu, b’mod partikolari, li l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Olandiż huwa bbażat, b’mod ġenerali, fuq it-tqabbil tal-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni bejn impriżi affiljati mal-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni bejn impriżi indipendenti. L-amministrazzjoni għandha d-dritt li tistenna li persuna taxxabbli turi li l-prezzijiet ta’ trasferiment li hija tapplika huma konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. F’dan il-kuntest, il-premessa għandha tkun li kull waħda mill-impriżi kkonċernati tirċievi remunerazzjoni li tirrifletti l-funzjonijiet eżerċitati, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-assi mmobilizzati u tar-riskji sostnuti. Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni konformi mal-prinċipju ta’ distakkament għandha teoretikament tiġi ddeterminata fuq il-bażi tat-tranżazzjonijiet. Issa, fil-każ ta’ diffikultà, it-tranżazzjonijiet jistgħu jiġu evalwati flimkien sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mal-prinċipju ta’ distakkament. Iktar minn hekk, fil-kuntest ta’ eżami tad-data multiannwali, l-amministrazzjoni tat-taxxa ma tistax tuża għarfien miksub a posteriori.

10      Fil-punt 2 tiegħu, id-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment jirreferi għal ħames metodi, spjegati fil-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-prezz tat-trasferiment għall-impriżi multinazzjonali u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, adottati mill-Kumitat tal-Affarijiet tat-Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fis‑27 ta’ Ġunju 1995 u riveduti fit‑22 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-OECD”), dwar id-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Fost dawn il-metodi hemm b’mod partikolari l-metodu tal-prezz komparabbli fis-suq ħieles (iktar ’il quddiem il-“metodu CUP”) kif ukoll il-metodu tat-tranżazzjoni tal-marġni pożittiv (iktar ’il quddiem il-“MTMN”). Skont l-imsemmi digriet, il-linji gwida tal-OECD jippreżupponu ċerta ġerarkija bejn il-metodi, bil-preferenza tingħata lill-metodi tat-tranżazzjoni tradizzjonali. L-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża għandha dejjem tibda l-eżami tagħha tal-prezzijiet ta’ trasferiment mill-perspettiva tal-metodu magħżul mill-persuna taxxabbli fid-data tat-tranżazzjoni. Id-Digriet jispeċifika li din ir-regola hija konformi mal-paragrafu 1.68 tal-linji gwida tal-OECD, fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Minn dan jirriżulta li l-persuna taxxabbli hija bħala prinċipju libera li tagħżel metodu tal-prezz ta’ trasferiment sakemm il-metodu magħżul iwassal għal riżultat konformi mal-prinċipju ta’ distakkament għat-tranżazzjoni kkonċernata. Għalkemm il-persuna taxxabbli għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tagħżel metodu tal-prezz ta’ trasferiment, l-affidabbiltà ta’ dan il-metodu fis-sitwazzjoni kkonċernata, dan l-approċċ ma huwiex intiż preċiżament sabiex jinċentivaha tevalwa l-metodi kollha u tiġġustifika, sussegwentement, ir-raġunijiet għaliex il-metodu li għażlet jagħti l-aħjar riżultat fir-rigward tal-kundizzjonijiet preżenti.

11      Il-punt 5 tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment jipprevedi b’mod partikolari li jista’ jkun diffiċli, waqt it-trasferiment ta’ beni intanġibbli bħal privattivi, pereżempju, li jiġi evalwat il-valur ta’ dawn l-assi fil-mument tat-trasferiment minħabba għarfien insuffiċjenti dwar il-vantaġġi u r-riskji futuri. Fil-każ fejn impriżi indipendenti jkunu għażlu klawżola ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, f’ċirkustanzi komparabbli, l-amministrazzjoni tat-taxxa għandu jkollha l-possibbiltà li tiddetermina l-prezz fuq il-bażi ta’ tali klawżola. L-għan huwa li jkun hemm sistema li fiha r-remunerazzjoni tkun konformi mal-vantaġġi li l-beni intanġibbli ser jiġġenera fil-futur.

B.      Fuq l-arranġament preliminari ta’ prezzijiet

12      Fit‑28 ta’ April 2008, l-awtoritajiet fiskali Olandiżi kkonkludew arranġament preliminari ta’ prezzijiet ma’ SMBV (iktar ’il quddiem l-“APA”), li għandu l-għan li jiddetermina r-remunerazzjoni ta’ SMBV għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha, kif deskritti fl-APA, fi ħdan il-grupp Starbucks (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni ta’ SMBV”). Ir-remunerazzjoni ta’ SMBV serviet, sussegwentement, sabiex jiġi ddeterminat kull sena l-profitt taxxabbli ta’ SMBV skont it-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, skont il-preambolu tiegħu, l-APA huwa ftehim fiskali dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ distakkament tal-prezzijiet ta’ trasferiment li għandu jintuża fil-kuntest tal-kalkolu tal-profitt fi ħdan grupp internazzjonali. Jirriżulta [kunfidenzjali] (1) mill-APA li dan kellu b’mod partikolari l-għan li jintuża għall-finijiet tad-dikjarazzjonijiet annwali relatati mat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-APA kien validu gћall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2017.

13      L-APA kien jipprevedi metodu għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ SMBV konformement mad-distakkament għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha fi ħdan il-grupp Starbucks. Barra minn hekk, l-APA approva l-ammont tar-royalty, imħallsa minn SMBV lil Alki għall-użu tat-teknoloġiji tal-inkaljar, tat-taħlitiet ta’ kafè u tal-kurvi tal-inkaljar tal-kafè (iktar ’il quddiem il-“proprjetà intellettwali tal-inkaljar”), fil-kuntest tal-proċess ta’ produzzjoni u tal-provvista ta’ kafè lill-operaturi tal-ħwienet.

14      B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-APA, [kunfidenzjali]. Fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ SMBV, [kunfidenzjali] din tal-aħħar kienet prinċipalment responsabbli mill-produzzjoni tal-kafeni inkaljati u tal-provvista ta’ kafeni inkaljati u ta’ prodotti relatati mal-ħwienet Starbucks tar-reġjun tal-Ewropa, tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika (iktar ’il quddiem ir-“reġjun EMEA”) u li hija kienet il-proprjetarja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ fabbrika tal-inkaljar. Barra minn hekk, l-APA kien jindika li SMBV kienet topera taħt liċenzja ċerti drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jappartjenu lil Alki u li dawn id-drittijiet kienu neċessarji fil-kuntest tal-proċess ta’ produzzjoni kif ukoll tal-provvista ta’ kafè lill-operaturi tal-ħwienet. Kien ippreċiżat li, għal dan il-għan, SMBV kienet tħallas ir-royalty lil Alki. [kunfidenzjali] Iktar minn hekk, skont [kunfidenzjali] l-APA, SMBV kienet teżerċita funzjoni ta’ distributur għal diversi prodotti oħra relatati mal-kafè u, minbarra l-funzjonijiet loġistiċi relatati mal-attivitajiet proprji ta’ produzzjoni tagħha, kienet tipprovdi wkoll mezz loġistiku għal prodotti oħra f’ċerti swieq.

15      Fir-rigward tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ SMBV, [kunfidenzjali] tal-APA kien jistabbilixxi b’mod partikolari li r-remunerazzjoni ta’ SMBV kellha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-metodu tal-ispiża miżjuda (cost plus method) (ara l-punt 187 iktar ’il quddiem dwar is-sinjifikat ta’ din l-espressjoni), u li dan kien konformi mad-distakkament jekk il-“marġni operattiv” kien jammonta għal [kunfidenzjali] % tal-bażi tal-ispejjeż rilevanti (iktar ’il quddiem il-“bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV”). Barra minn hekk, skont l-APA, ma kinux jagħmlu parti mill-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV:

–        l-ispejjeż relatati mat-tazzi ta’ Starbucks, mas-srievet tal-karti ta’ Starbucks, eċċ.;

–        l-ispiża tal-kafeni ħodor;

–        l-ispejjeż ta’ loġistika u ta’ distribuzzjoni relatati mas-servizzi pprovduti minn terzi u r-remunerazzjoni ta’ attivitajiet eżerċitati minn terzi fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ manifattura abbażi ta’ kunsinna (consignment manufacturing);

–        il-ħlas tar-royalty.

16      Fir-rigward tar-royalty li SMBV kellha tħallas kull sena lil Alki, [kunfidenzjali] l-APA kien jipprevedi li din kienet iffissata fuq il-bażi tad-differenza bejn il-profitt operattiv magħmul fir-rigward tal-funzjoni ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, qabel l-ispejjeż relatati mar-royalty, u r-remunerazzjoni ta’ SMBV. Il-ħlas tar-royalty kellu jitnaqqas skont it-taxxa fuq il-kumpanniji u ma kienx suġġett għat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża.

C.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.      Fuq il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

17      Fit‑30 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-ewwel talba għal informazzjoni dwar il-prattiki nazzjonali relatati mad-deċiżjonijiet bil-quddiem fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji. F’dan il-kuntest, hija talbet li jiġu kkomunikati lilha d-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha li kienu ta’ benefiċċju għal SMBV u Starbucks Coffee Emea BV, żewġ sussidjarji tal-grupp Starbucks stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Bi tweġiba għal din it-talba, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika fost oħrajn l-APA.

18      Fil‑11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), dwar l-APA, għar-raġuni li dan tal-aħħar jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

19      Wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni skambjat, diversi drabi, mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mal-entitajiet fi ħdan il-grupp Starbucks li kienu l-korrispondenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“korrispondenti ta’ Starbucks”), b’mod partikolari dwar l-APA.

2.      Fuq id-deċiżjoni kkontestata

20      Fil‑21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, minn naħa, qieset li l-APA kien jikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna. Id-deċiżjoni kkontestata hija maqsuma fi ħdax‑il taqsima.

a)      Fuq id-deskrizzjoni tal-miżura kkontestata

21      Fit-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Deskrizzjoni tal-miżura kkontestata”, il-Kummissjoni identifikat l-APA bħala l-miżura inkwistjoni. Hija ppreċiżat li l-APA kien ġie konkluż fuq il-bażi tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ippreparat mill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment”) u kkonstatat li dan id-dokument kien jifforma parti integrali mill-APA (premessi 40 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li, billi adottaw l-APA, l-awtoritajiet fiskali Olandiżi kienu aċċettaw li r-remunerazzjoni tal-attivitajiet ta’ SMBV fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif iddeterminata mill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks, tikkostitwixxi remunerazzjoni ta’ distakkament. Il-Kummissjoni sussegwentement ippreċiżat li l-awtoritajiet Olandiżi kienu aċċettaw ukoll li l-ammont tar-royalty li SMBV kienet tħallas lil Alki kien jikkorrispondi għad-differenza bejn il-profitt tal-operat magħmul qabel il-ħlasijiet tar-royalties u r-remunerazzjoni ta’ SMBV kif previst mill-APA. Hija kkonstatat li l-APA kien jipprevedi li l-ammont tar-royalty jitnaqqas mill-profitt taxxabbli ta’ SMBV u ma huwiex suġġett għat-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 40 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      It-tieni nett, il-Kummissjoni spjegat il-kontenut tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment. Qabel kollox, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien jippreżenta lil Starbucks Coffee Emea bħala l-istabbiliment prinċipali tal-grupp Starbucks fir-reġjun EMEA. Hija kienet deskritta bħala li għandha l-funzjoni li tagħti b’sottoliċenzja d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-grupp Starbucks (trade mark, teknoloġija u kompetenzi), li għalihom hija stess kienet tħallas royalty lil Alki, lil terzi li joperaw l-istabbilimenti ta’ Starbucks. Dawn għalhekk kienu jħallsu drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil Starbucks Coffee Emea li jikkorrispondu għal perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks qies li l-metodu CUP seta’ jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ distakkament tal-ħlasijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fi ħdan il-grupp lil Starbucks Coffee Emea.

24      Sussegwentement, fir-rigward ta’ SMBV, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien sempliċement jiddeskriviha bħala entità li għandha l-funzjoni primarja li tinkalja l-kafeni ħodor u li tbigħ mill-ġdid il-kafè inkaljat lil entitajiet affiljati u mhux affiljati. Fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, SMBV kienet obbligata tosserva l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ipprovduti mill-kumpanniji tal-grupp Starbucks li kienu stabbiliti fit-territorju tal-Istati Uniti (iktar ’il quddiem “Starbucks US”) u kellha r-responsabbiltà li tiżgura li l-produzzjoni tagħha kienet konformi mal-istandards ta’ kwalità ta’ Starbucks US. SMBV kienet taġixxi wkoll bħala intermedjarju ta’ distribuzzjoni għal diversi prodotti li ma humiex idderivati mill-kafè u kienet tipprovdi servizzi ta’ “appoġġ għall-katina tal-provvista”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppreċiżat li, sabiex teżerċita din l-attività, SMBV kienet takkwista kafeni ħodor mingħand sussidjarja tal-grupp Starbucks stabbilita fl-Isvizzera, Starbucks Coffee Trading SARL (iktar ’il quddiem “SCTC”). SMBV kienet tħallas ukoll royalty lil Alki għall-użu ta’ proċess tal-inkaljar kif ukoll id-dritt li tipprovdi lill-istabbilimenti ta’ Starbucks bil-kafè. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kienx jiddeskrivi l-ftehim ta’ liċenzja li permezz tiegħu SMBV kienet tħallas royalty lil Alki fost it-tranżazzjonijiet l-iktar importanti. Ir-relazzjonijiet bejn SMBV u d-diversi entitajiet tal-grupp Starbucks ġew inklużi fid-dijagramma Nru 1 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotta kif ġej:

Image not found

25      Finalment, il-Kummissjoni kkonstatat li, fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien għażel il-MTMN, metodu li skontu kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-marġni pożittivi li kienu tħallsu waqt tranżazzjonijiet komparabbli minn kumpanniji mhux affiljati. Skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, dan il-metodu kien xieraq fil-każ inkwistjoni, minħabba li d-differenzi bejn it-tranżazzjonijiet u l-funzjonijiet tal-entitajiet li għandhom jitqabblu sabiex jiġi ddeterminat il-marġni pożittiv kienu inqas sorsi ta’ żball milli fil-kuntest tal-metodi klassiċi (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Il-Kummissjoni ppreċiżat li, sabiex jiġi applikat il-MTMN, il-konsulent tat-taxxa kien għażel bħala indikatur tal-livell ta’ profitt l-ispejjeż tal-operat relatati mal-attivitajiet li għalihom SMBV kienet tipproduċi l-valur miżjud. Wara riċerka ta’ komparabbiltà, il-konsulent tat-taxxa kien qies li l-profitt nett tal-entitajiet komparabbli ma’ SMBV kien jikkorrispondi għal fattur ta’ żieda fl-ispejjeż totali. Sussegwentement, il-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks kien wettaq żewġ aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn l-entitajiet imqabbla u SMBV, bħar-riskji sostnuti jew il-funzjonijiet eżerċitati. L-ewwel aġġustament kien intiż sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV, li għaliha ġie applikat il-fattur ta’ żieda, ma kinitx tinkludi l-ispiża tal-kafeni ħodor. It-tieni aġġustament kellu l-għan li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi komparabbli kienu jġarrbu l-ispiża tal-materja prima u li r-redditu tagħhom kien ikkalkolat fuq bażi tal-ispejjeż li tinkludi l-materja prima. Bl-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ aġġustamenti, il-fattur ta’ żieda għalhekk kien żdied għal [kunfidenzjali] % tal-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV (premessi 56 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      It-tielet nett, il-Kummissjoni spjegat il-kontenut tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjonijiet tagħhom tal‑1995 u tal‑2010. Fil-fehma tagħha, il-linji gwida tal-OECD jelenkaw ħames metodi sabiex jiġu stabbiliti bl-iktar mod adegwat possibbli l-prezzijiet ta’ distakkament għat-tranżazzjonijiet u għat-tqassim tal-profitti bejn il-kumpanniji tal-istess grupp. Skont il-Kummissjoni, huma kienu joperaw klassifikazzjoni ta’ dawn il-ħames metodi bejn il-metodi tradizzjonali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet u l-metodi tat-tranżazzjoni tal-profitti. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-metodi tradizzjonali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet kellhom jingħataw prijorità. Fost il-ħames metodi elenkati fil-linji gwida tal-OECD kien hemm b’mod partikolari l-metodu CUP u l-MTMN (premessi 67 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      L-ewwel metodu, il-metodu CUP, huwa, kif ġie deskritt mill-Kummissjoni, metodu tradizzjonali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet, li jikkonsisti fit-tqabbil tal-prezz iffatturat għat-trasferiment ta’ oġġetti jew servizzi fil-kuntest ta’ tranżazzjoni bejn żewġ impriżi affiljati, mal-prezz iffatturat għat-trasferiment ta’ oġġetti jew servizzi fil-kuntest ta’ tranżazzjoni komparabbli mwettqa f’ċirkustanzi komparabbli bejn żewġ impriżi indipendenti (premessi 67 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      It-tieni metodu, il-MTMN, huwa, kif ġie deskritt mill-Kummissjoni, metodu tat-tranżazzjoni bbażat fuq il-profitti, li jikkonsisti fl-istima tal-ammont potenzjali tal-profitt fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament għal attività meqjusa kollha kemm hi, iktar milli għal tranżazzjonijiet speċifiċi. F’dan il-kuntest, kellu jintgħażel indikatur tal-livell tal-profitti, bħall-ispejjeż, id-dħul mill-bejgħ jew l-investimenti fissi, u tiġi applikata għalih rata ta’ profitt li tirrifletti dik osservata fi tranżazzjonijiet komparabbli mwettqa fis-suq (premessi 67 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Fuq l-evalwazzjoni tal-miżura kkontestata

30      Fit-Taqsima 9 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Valutazzjoni tal-miżura kkontestata”, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet teżisti għajnuna mill-Istat. Hija qieset li l-erba’ kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kienu ssodisfatti.

31      Wara li fakkret il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, previsti fl-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel kundizzjoni għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li tirrikjedi intervent tal-Istat jew li ssir permezz ta’ riżorsi tal-Istat, kienet issodisfatta. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija rrilevat li l-APA kien jinkludi l-aċċettazzjoni mill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża ta’ metodu ta’ tassazzjoni tal-profitti lil SMBV fi ħdan il-grupp Starbucks, kif propost mill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks. SMBV għalhekk ikkalkolat fuq din il-bażi l-ammont annwali tat-taxxa fuq il-kumpanniji li hija kellha tħallas fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont il-Kummissjoni, l-APA kien għalhekk imputabbli għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonstatat li dan l-APA kien iwassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn SMBV fil-Pajjiżi l-Baxxi billi kien jitbiegħed mit-taxxa li SMBV, fl-assenza tal-APA, kienet tkun marbuta tħallas skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-APA kien jagħti lok għal tnaqqis tad-dħul mit-taxxa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 223 sa 226 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fir-rigward tat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, minn naħa, il-Kummissjoni qieset li l-APA seta’ jaffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea, peress li SMBV kienet tagħmel parti mill-grupp Starbucks, entità attiva fuq skala internazzjonali li topera fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li, sa fejn l-APA kien inaqqas l-oneru fiskali li SMBV kien ikollha tħallas skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, dan kien iwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jsaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja ta’ SMBV (premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qieset li l-APA kien jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV, sa fejn dan kien iwassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn SMBV fil-Pajjiżi l-Baxxi meta mqabbla ma’ dik li hija kienet tkun dovuta tħallas skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll meta mqabbla mal-impriżi awtonomi (premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      B’mod preliminari, il-Kummissjoni indikat li, skont il-ġurisprudenza, tkun meħtieġa analiżi fi tliet stadji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura hijiex selettiva. Qabel kollox, għandha tiġi ddeterminata s-“sistema ta’ referenza”, jiġifieri s-sistema fiskali normalment applikabbli għall-benefiċjarju tal-miżura fiskali. Sussegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-miżura fiskali tikkostitwixxix deroga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn din tagħmel distinzjoni bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-għanijiet intrinsiċi għas-sistema ta’ referenza, ikunu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Finalment, jekk il-miżura tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, l-Istat għandu jistabbilixxi jekk id-deroga hijiex iġġustifikata min-natura jew mill-ekonomija ġenerali tas-sistema ta’ referenza (premessa 230 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Fir-rigward tal-ewwel stadju, jiġifieri l-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza, il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ referenza kienet is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, li għan tagħha huwa t-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji kollha suġġetti għat-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi huma persuni taxxabbli nazzjonali u huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dħul dinji tagħhom. Il-kumpanniji li ma humiex stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi huma persuni taxxabbli barranin u huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul minn sorsi Olandiżi. Skont il-Kummissjoni, l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi kienu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fir-rigward ta’ dan l-għan u, għaldaqstant, kienu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji mingħajr l-ebda distinzjoni. F’dan ir-rigward, id-differenza fil-modalitajiet ta’ kalkolu tal-profitti taxxabbli tal-impriżi integrati ma kellha l-ebda effett fuq l-għan tas-sistema ta’ referenza, jiġifieri t-tassazzjoni tal-impriżi kollha suġġetti għat-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 231 sa 244 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Fir-rigward tat-tieni stadju stabbilit fil-punt 34 iktar ’il fuq, jiġifieri l-prova ta’ deroga mis-sistema ta’ referenza, qabel kollox, il-Kummissjoni indikat li l-kwistjoni dwar jekk miżura fiskali tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta’ referenza ġeneralment kienet tikkoinċidi mal-konstatazzjoni li kien ingħata vantaġġ lill-benefiċjarju permezz ta’ din il-miżura. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, meta miżura fiskali twassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn benefiċjarju meta mqabbla mat-taxxa li huwa normalment kien ikollu jħallas fl-assenza tal-imsemmija miżura, dan it-tnaqqis jikkostitwixxi kemm il-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali kif ukoll id-deroga mis-sistema ta’ referenza (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Sussegwentement, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza li skontha, fil-każ ta’ miżura individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tal-imsemmija miżura tiġi preżunta. Hija ppreċiżat li, fil-każ inkwistjoni, l-APA mogħti lil SMBV kien miżura ta’ għajnuna individwali (premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Finalment, il-Kummissjoni affermat li, fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li miżura fiskali li twassal sabiex impriża integrata tapplika prezzijiet ta’ trasferiment li ma jirriflettux il-prezzijiet li kieku kienu jiġu applikati f’ambjent li fih tiddomina l-kompetizzjoni ħielsa, fi kliem ieħor prezzijiet li kieku kienu jiġu miftiehma minn impriżi awtonomi li jinnegozjaw skont il-prinċipju ta’ distakkament f’kundizzjonijiet komparabbli, tagħti lill-imsemmija impriża integrata vantaġġ fis-sens li din twassal għal tnaqqis tal-bażi taxxabbli u għalhekk tat-taxxa dovuta fuq il-bażi tas-sistema ordinarja tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-Kummissjoni fakkret li l-prinċipju ta’ distakkament kien jikkonsisti fil-fatt li t-tranżazzjonijiet eżegwiti fi ħdan grupp ta’ impriżi kellhom jiġu rremunerati daqslikieku kienu miftiehma bejn impriżi awtonomi li kienu jinnegozjaw skont kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kellha tivverifika jekk il-metodu aċċettat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża permezz tal-APA għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli ta’ SMBV fil-Pajjiżi l-Baxxi kienx jitbiegħed minn metodu li kien iwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u, minħabba dan, mill-prinċipju ta’ distakkament. F’dan il-każ, l-APA jitqies li jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 259 sa 263 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-prinċipju ta’ distakkament kien neċessarjament jagħmel parti integrali mill-evalwazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji integrati, indipendentement minn jekk Stat Membru kienx inkorpora dan il-prinċipju fis-sistema legali nazzjonali tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk ippreċiżat li, bi tweġiba għall-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mqajma fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, hija ma kinitx eżaminat jekk l-APA kienx josserva l-prinċipju ta’ distakkament, kif iddefinit fl-Artikolu 8b tal-LTK kif ukoll mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, iżda li hija pprovat tiddetermina jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża tatx vantaġġ selettiv lil SMBV fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 264 sa 265 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni spjegat sensiela ta’ linji ta’ raġunament intiżi sabiex juru li l-APA kien jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV. F’raġunament prinċipali, il-Kummissjoni żviluppat diversi linji ta’ raġunament, li wħud minnhom kienu sussidjarji bejniethom, intiżi sabiex juru li l-APA kien jidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża. F’raġunament sussidjarju, il-Kummissjoni sostniet li l-APA kien jidderoga mill-Artikolu 8b(1) tal-LTK kif ukoll mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment.

41      B’mod partikolari, fl-ewwel lok, fir-raġunament prinċipali tagħha intiż sabiex turi li l-APA kien jidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, il-Kummissjoni rrilevat li l-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks kien għażel il-MTMN sabiex jiġu ddeterminati l-profitti taxxabbli ta’ SMBV. Hija qieset li għażliet metodoloġiċi differenti, proposti mill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks u vvalidati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, wasslu għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji, imħallsa minn SMBV, meta mqabbla mal-impriżi awtonomi li l-profitti taxxabbli tagħhom kienu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq (premessi 268 sa 274 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien naqas milli jeżamina jekk it-tranżazzjoni fi ħdan il-grupp li għaliha l-APA fir-realtà kien intalab u ngħata, jiġifieri r-royalty li SMBV kienet tħallas lil Alki għal-liċenzja għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Konsegwentement, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kienx jidentifika u ma kienx janalizza t-tranżazzjonijiet ikkontrollati u mhux ikkontrollati rilevanti, minkejja li huwa l-ewwel stadju indispensabbli fl-evalwazzjoni tan-natura ta’ distakkament tal-kundizzjonijiet kummerċjali li kienu japplikaw għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment bejn partijiet affiljati (premessi 275 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      It-tieni nett, fir-rigward tal-livell tar-royalty, il-Kummissjoni qieset li, kieku r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien identifika u eżamina r-royalty b’mod korrett, dan kien jasal għal valur ta’ distakkament ta’ żero. Hija rrilevat b’mod partikolari li SMBV ma kienet kisbet l-ebda profitt mill-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li kienu s-suġġett tar-royalty, peress li hija ma kinitx tużathom fis-suq. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li l-profitti mħallsa lil Alki permezz tar-royalty kellhom jiġu ntaxxati b’mod sħiħ fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 286 sa 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Sabiex teżamina n-natura ta’ distakkament tar-royalty, il-Kummissjoni applikat il-metodu CUP u identifikat diversi ftehimiet ta’ produzzjoni bejn il-grupp Starbucks u entitajiet terzi, jew bejn entitajiet terzi għall-grupp Starbucks, bħala tranżazzjonijiet komparabbli.

45      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks sabiex jiġġustifikaw l-ammont tar-royalty. Minn naħa, hija qieset li l-ħlas tar-royalty ma setax ikollu bħala korrispettiv it-teħid ta’ responsabbiltà tar-riskji imprenditorjali ta’ SMBV minn Alki, bir-riskju li jiġi aċċettat li l-impriżi integrati jkunu jistgħu jallokaw mill-ġdid b’mod kuntrattwali r-riskji u għalhekk jevitaw kull applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-ħlas tar-royalty ma setax jiġi ġġustifikat mid-daqs tal-ammonti mħallsa minn Alki lil Starbucks US.

46      It-tielet nett, fir-rigward tal-livell tal-prezz tax-xiri tal-kafeni ħodor, il-Kummissjoni rrilevat li din it-tranżazzjoni ma kinitx ġiet eżaminata fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, filwaqt li l-imsemmi rapport identifikaha bħala waħda mit-tranżazzjonijiet prinċipali mwettqa minn SMBV. Abbażi tad-data finanzjarja ta’ SCTC, il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni gross medju fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor għall-perijodu ta’ validità tal-APA. Il-Kummissjoni qieset li l-marġni gross bejn l-2011 u l-2014, li kien ifisser żieda sinjifikattiva fil-prezzijiet tal-kafeni li tħallset minn SMBV meta mqabbla mal-ispejjeż sostnuti minn SCTC, ma kienx jirrifletti approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq. Hija kkonkludiet li l-prezz żejjed imħallas minn SMBV, billi jitnaqqsu l-profitti rreġistrati u b’hekk il-bażi taxxabbli ta’ din tal-aħħar, kien jikkostitwixxi vantaġġ selettiv (premessi 342 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Fit-tieni lok, dejjem fir-raġunament prinċipali tagħha intiż sabiex turi li l-APA jidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, iżda sussidjarjament għall-kritiki spjegati fil-punti 42 sa 46 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li, fi kwalunkwe każ u anki kieku kellu jitqies li l-MTMN huwa xieraq sabiex jiġu identifikati l-profitti magħmula minn SMBV, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien adotta applikazzjoni żbaljata tal-MTMN. Hija kkonkludiet li, peress li dan il-metodu ma wassalx għal riżultat ta’ distakkament, l-awtoritajiet fiskali Olandiżi ma setgħux japprovawh fl-APA (premessi 362 sa 408 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien identifika bi żball lil SMBV bħala l-inqas entità kumplessa, u għalhekk bħala l-“parti li għandha tiġi ttestjata”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN. Hija żiedet tgħid min-naħa l-oħra li SMBV kellha tiġi identifikata bħala l-iktar entità kumplessa, sa fejn, minn naħa, Alki kienet teżerċita biss funzjonijiet limitati u, min-naħa l-oħra, minbarra l-fatt li SMBV kienet teżerċita funzjonijiet oħra minbarra dawk tal-inkaljar, din il-funzjoni ma kinitx tikkonsisti f’attivitajiet ta’ rutina iżda kienet essenzjali (premessi 362 sa 377 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li l-livell ta’ profitt, adottat fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, jiġifieri l-ispejjeż tal-operat, ma kienx xieraq. Skont il-Kummissjoni, il-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks kien qies bi żball li l-inkaljar kien il-funzjoni prinċipali ta’ SMBV minflok il-bejgħ mill-ġdid u d-distribuzzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-użu tal-bejgħ irreġistrat minn SMBV bħala indikatur tal-livell ta’ profitt kien iktar xieraq u kien iwassal għal remunerazzjoni ogħla mill-attività ta’ SMBV. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni kkalkolat proporzjon ta’ profittabbiltà minn grupp ta’ entitajiet indipendenti li jeżerċitaw l-istess attivitajiet ta’ bejgħ mill-ġdid u ta’ inkaljar bħal SMBV. Hija kkonkludiet, wara t-tqabbil ma’ Starbucks Manufacturing Corporation (iktar ’il quddiem “SMC”) – l-unika entità oħra tal-grupp li teżerċita attivitajiet ta’ inkaljar għall-grupp – li SMC kienet [kunfidenzjali] iktar profittabbli minn SMBV fuq il-bażi tal-APA (premessi 379 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li, fi kwalunkwe każ u anki kieku kellu jitqies li l-ispejjeż tal-operat huma indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt sabiex jiġu kkalkolati l-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ SMBV, iż-żewġ aġġustamenti magħmula mill-konsulent tat-taxxa fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kinux jippermettu l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat tas-suq. Il-Kummissjoni kkritikat, minn naħa, l-użu ta’ “aġġustament tal-kapital operatorju” u, min-naħa l-oħra, l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-impriża indikata, fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bit-terminu “kumpanija tal-manifattura mhux affiljata 1” (iktar ’il quddiem il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1”) tal-bażi tal-ispejjeż użata bħala indikatur tal-livell ta’ profitt (premessi 401 sa 408 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Il-Kummissjoni kkonkludiet għalhekk li l-metodoloġija aċċettata mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi, li skontha l-profitti ġġenerati minn SMBV u li jaqbżu l-marġni ta’ [kunfidenzjali] % tal-ispejjeż tal-operat kellhom jitħallsu bħala royalty lil Alki, ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament u kienet twassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali fuq SMBV.

52      Għalhekk, minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, il-Kummissjoni qajmet sitt żbalji li kienu jippermettu li jiġi konkluż li kien jeżisti vantaġġ selettiv fil-każ ineżami. F’dan l-eżami, l-ewwel tliet żbalji jagħmlu parti minn pożizzjoni prinċipali, filwaqt li t-tliet żbalji l-oħra jagħmlu parti minn pożizzjoni sussidjarja u huma sussidjarji bejniethom.

53      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-pożizzjoni prinċipali, il-Kummissjoni qieset li l-metodu aċċettat mill-APA kien jidderoga minn metodu li kien jippermetti approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq konformement mal-prinċipju ta’ distakkament, sa fejn:

–        l-għażla tal-MTMN kienet żbaljata u r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kienx jeżamina t-tranżazzjoni fi ħdan il-grupp li għaliha l-APA fir-realtà kien intalab u ngħata (iktar ’il quddiem l-“ewwel linja ta’ raġunament”);

–        minn naħa, l-APA ma kienx jistabbilixxi metodoloġija intiża sabiex tiggarantixxi li r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kienet konformi mal-prinċipju ta’ distakkament; issa, il-metodu CUP kellu jiġi applikat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki; bl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, ir-royalty kellha tkun żero (iktar ’il quddiem it-“tieni linja ta’ raġunament”);

–        min-naħa l-oħra, l-APA ma kienx jeżamina jekk il-livell tal-prezz tax-xiri tal-kafè aħdar kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament; issa, dan kien sopravvalutat (iktar ’il quddiem it-“tielet linja ta’ raġunament”).

54      Fir-rigward tal-pożizzjoni sussidjarja, il-Kummissjoni qieset li, anki kieku kellu jitqies li l-MTMN kien il-metodu xieraq sabiex jiġu ddeterminati l-profitti magħmula minn SMBV, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment adotta applikazzjoni żbaljata tal-MTMN. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li:

–        il-metodu aċċettat mill-APA kien jidderoga minn metodu li kien jippermetti approssimazzjoni affidabbli tar-riżultat fis-suq konformement mal-prinċipju ta’ distakkament, sa fejn SMBV kienet ġiet identifikata b’mod inkorrett bħala l-inqas entità kumplessa u għalhekk bħala l-entità li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN (iktar ’il quddiem ir-“raba’ linja ta’ raġunament”);

–        sussidjarjament, il-metodu aċċettat mill-APA ma kienx jippermetti approssimazzjoni affidabbli tar-riżultat fis-suq konformement mal-prinċipju ta’ distakkament, sa fejn il-funzjonijiet ta’ SMBV kienu ġew analizzati b’mod inkorrett u fejn l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt kienet inkorretta (iktar ’il quddiem il-“ħames linja ta’ raġunament”);

–        sussidjarjament, il-metodu aċċettat mill-APA ma kienx jippermetti approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq, konformement mal-prinċipju ta’ distakkament, sa fejn l-aġġustamenti applikati għall-fattur ta’ żieda ma kinux xierqa (iktar ’il quddiem is-“sitt linja ta’ raġunament”).

55      Fit-tielet lok, fir-raġunament sussidjarju tagħha intiż sabiex turi li l-APA kien jidderoga mill-Artikolu 8b(1) tal-LTK kif ukoll mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, il-Kummissjoni qieset li, anki kieku kellu jitqies li l-qafas ta’ referenza rilevanti ma kienx kompost mir-regoli ġenerali dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda, kif isostnu l-awtoritajiet Olandiżi, biss mid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Olandiż, jiġifieri l-Artikolu 8b(1) tal-LTK kif ukoll id-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, l-APA, billi approva metodu ta’ determinazzjoni tal-profitti ta’ SMBV li ma kienx iwassal għal riżultat ta’ distakkament, kien jidderoga wkoll minn din is-sistema ta’ referenza. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni rreferiet għall-analiżi tagħha li saret fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża u għas-sitt linji ta’ raġunament spjegati fil-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem ir-“raġunament fir-rigward tal-qafas ta’ referenza ristrett”) (premessi 409 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fir-rigward tat-tielet stadju tal-analiżi tan-natura selettiva tal-miżuri fiskali, kif identifikat fil-punt 34 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li d-deroga mis-sistema ta’ referenza ma kinitx iġġustifikata. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li la l-awtoritajiet Olandiżi u lanqas Starbucks ma kienu ppreżentaw ġustifikazzjonijiet possibbli għat-trattament selettiv ta’ SMBV, minkejja li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuqhom dwar dan il-punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet tgħid li hija ma kienet identifikat l-ebda ġustifikazzjoni possibbli (premessi 413 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-APA ta’ SMBV kien jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn dan kien ivvalida metodu ta’ allokazzjoni tal-profitti lil SMBV li ma setax jitqies bħala li jwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq, konformement mal-prinċipju ta’ distakkament. Skont il-Kummissjoni, dan il-metodu kien wassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ SMBV, prinċipalment, fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, meta mqabbla mal-impriżi awtonomi, u, sussidjarjament, fir-rigward tal-Artikolu 8b(1) tal-LTK u tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, meta mqabbla mal-impriżi integrati l-oħra (premessi 415 sa 416 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-APA kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (premessi 422 u 423 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-għajnuna mogħtija lil SMBV kienet inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma invoka l-ebda raġuni ta’ kompatibbiltà prevista fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE. Issa, l-għajnuna inkwistjoni, li kellha titqies bħala għajnuna għall-funzjonament, normalment ma setgħetx titqies bħala kompatibbli mas-suq intern (premessi 431 sa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kien ikkomunikalha l-ebda abbozz li jikkorrispondi għall-APA, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, u ma kienx osserva l-obbligu ta’ sospensjoni impost fuqu konformement ma’ dan l-artikolu. Għalhekk din setgħet tkun biss għajnuna mill-Istat illegali implimentata bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (premessi 435 u 436 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Iktar minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-informazzjoni li hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuqha kienet disponibbli għall-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża fil-mument tal-adozzjoni tal-APA. Hija żiedet tgħid, fir-rigward tal-ispiża tal-kafeni ħodor, li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kienx jeżamina l-prezzijiet iffatturati minn SCTC lil SMBV bis-saħħa tal-ftehim tagħhom ta’ xiri ta’ kafeni ħodor u li, kieku din it-tranżazzjoni kienet ġiet eżaminata fl-APA fl‑2008 sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ distakkament għaliha, l-APA ma setax iħalli marġni għaż-żidiet fil-prezzijiet osservati fl‑2011 (premessi 424 sa 427 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Finalment, il-Kummissjoni identifikat lil SMBV kif ukoll lill-grupp Starbucks kollu kemm hu bħala benefiċjarji tal-għajnuna, għar-raġuni li huma kienu jifformaw entità ekonomika waħda (premessi 417 sa 419 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)      Fuq l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat

63      Fit-Taqsima 10 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Irkupru”, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li hija ma kinitx marbuta tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, iżda li kellha biss tipprovdi lid-destinatarju tad-deċiżjoni b’informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiddetermina l-ammont tal-irkupru huwa stess. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni qieset li, peress li l-ammont tar-royalty kellu jkun żero, il-profitti tal-kontabbiltà ta’ SMBV kellhom jintużaw sabiex jiġu kkalkolati l-profitti taxxabbli ta’ SMBV. Barra minn hekk, dawn il-profitti kellhom jiżdiedu bid-differenza bejn il-prezz imħallas għall-kafeni ħodor u l-prezz li kellu jitħallas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li marġni gross ta’ [kunfidenzjali] % għal SCTC kien jikkostitwixxi prezz ta’ distakkament għax-xiri tal-kafeni. Hija ppreċiżat għalhekk li s-somma li kellha tiġi rkuprata kienet tikkorrispondi għad-differenza bejn it-taxxi li kellhom jitħallsu fuq il-bażi ta’ dan il-prezz u l-ammont effettivament imħallas skont l-APA (premessi 442 sa 448 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu qabel kollox jirkupra l-għajnuna mingħand SMBV u li, jekk din tal-aħħar ma setgħetx twettaq il-ħlas, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu għalhekk jirkupraha mingħand Starbucks Corp., peress li hija din l-entità li kienet tikkontrolla l-grupp Starbucks (premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata).

d)      Konklużjoni

65      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni qieset li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, permezz tal-APA, kien ta illegalment għajnuna mill-Istat lil SMBV u lill-grupp Starbucks, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jirkupraha, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), mingħand SMBV u, jekk din tal-aħħar ma tħallasx l-ammont sħiħ, jirkupraha mingħand Starbucks Corp. fl-ammont tal-għajnuna mhux imħallsa lura (premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara kif ġej:

Artikolu 1

L-[APA] konkluż [mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] fit‑28 ta’ April 2008 ma’ [SMBV], li jippermetti lil din tal-aħħar tiddetermina l-obbligazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpaniji tagħha fin-Netherlands fuq bażi annwali għal perjodu ta’ għaxar snin, jikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE] li hija inkompatibbli mas-suq intern u li ġiet implimentata mhux skont il-liġi [mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE].

Artikolu 2

[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għand[u] [jirkupra] l-għajnuna inkompatibbli u illegali msemmija fl-Artikolu 1 mingħand [SMBV].

Kull somma li tibqa’ mhux rekuperabbli mingħand [SMBV] wara l-irkupru deskritt fil-paragrafu preċedenti, għandha tiġi rkuprata mingħand Starbucks [Corp.].

Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġorru mgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali [sal-irkupru effettiv] tagħhom.

L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

L-irkupru tal-għajnuna mogħtija msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għand[u] [jiżgura] li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha tiġi notifikata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, [ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għand[u] jissottomett[i] informazzjoni rigward il-metodoloġija li ntużat sabiex jiġi kkalkulat l-ammont eżatt tal-għajnuna.

[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għand[u] [jżomm] lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna mogħtija msemmi fl-Artikolu 1. Għand[u] jissottomett[i] minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà [jkun ħa] u [ppjana] sabiex [jirrispetta] din id-Deċiżjoni.

[…]”

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

A.      Fuq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T760/15

67      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Diċembru 2015, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta rikors fil-Kawża T‑760/15. Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fit‑30 ta’ Marzu 2016. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fl‑14 ta’ Ġunju 2016 u fid‑9 ta’ Settembru 2016.

1.      Fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u fuq it-trattament prijoritarju

68      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ġunju 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab li l-Kawża T‑760/15 tiġi deċiża minn kulleġġ ġudikanti estiż. Il-Qorti Ġenerali, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ħadet nota tal-fatt li l-Kawża T‑760/15 kienet intbagħtet quddiem il-Ħames Awla Estiża.

69      Peress li fis‑26 ta’ Settembru 2016 kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, lis-Seba’ Awla Estiża, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata l-Kawża T‑760/15.

70      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2017, innomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Awla.

71      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-proposta tal-Imħallef Relatur li l-Kawża T‑760/15 tinqata’ bi prijorità skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.      Fuq l-interventi

72      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2016, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervjeni fil-Kawża T‑760/15 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

73      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ April 2016, l-Irlanda talbet li tintervjeni fil-Kawża T‑760/15 insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

74      Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2016, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

75      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Novembru 2016, ir-Renju Unit irtira l-intervent tiegħu. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2016, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ħassar lir-Renju Unit mill-Kawża T‑760/15 bħala intervenjent.

3.      Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

76      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Frar 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ parti mir-rikors kif ukoll ta’ ċerti dokumenti annessi miegħu.

77      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ parti mir-rikors kif ukoll ta’ ċerti dokumenti annessi miegħu, tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ parti mir-risposta.

78      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni talbet it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ parti mir-risposta.

79      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Lulju 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ parti mir-replika kif ukoll ta’ ċerti dokumenti annessi magħha.

80      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Lulju 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi informa lill-Qorti Ġenerali li kien intlaħaq ftehim mal-Kummissjoni dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tagħha u li huwa kien qiegħed jemenda t-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa fil-kuntest tal-Kawża T‑760/15 fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata konformement ma’ dan il-ftehim.

81      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Ottubru 2016, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ parti mill-kontroreplika kif ukoll ta’ ċerti dokumenti annessi magħha.

82      Wara l-ammissjoni tagħha bħala intervenjenti, l-Irlanda rċeviet biss verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali u ma qajmet l-ebda oġġezzjoni kontra t-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa fil-konfront tagħha.

83      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, is-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura li permezz tagħha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie mistieden jirrevedi t-talbiet tiegħu għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-APA, il-ftehim dwar l-inkaljar bejn SMBV u Alki, imsemmi fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, u r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment sabiex jelimina ċerti inkoerenzi fl-imsemmija talbiet. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi pprovda verżjonijiet ġodda mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti fit-terminu stabbilit.

4.      Fuq it-talbiet tal-partijiet

84      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fil-Kawża T‑760/15.

85      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑760/15 bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż fil-Kawża T‑760/15.

86      L-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata konformement mat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

B.      Fuq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T636/16

87      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Settembru 2016, Starbucks Corp. u Starbucks Manufacturing Emea (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, “Starbucks”) ippreżentaw rikors fil-Kawża T‑636/16. Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fis‑16 ta’ Marzu 2017. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fis‑26 ta’ Ġunju u fl‑20 ta’ Ottubru 2017.

1.      Fuq il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti u fuq it-trattament prijoritarju

88      Fuq proposta tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fit‑12 ta’ Lulju 2017, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

89      Minħabba l-impediment ta’ Membru tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2017, innomina lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Awla.

90      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-proposta tal-Imħallef Relatur li l-Kawża T‑636/16 tinqata’ bi prijorità skont l-Artikolu 67(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.      Fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali

91      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ April 2017 u rregolarizzat permezz ta’ atti ppreżentati fit‑23 ta’ April 2018, Starbucks talbet it-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-Irlanda, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors, fir-risposta, fir-replika, fil-kontroreplika kif ukoll f’ċerti annessi ta’ dawn in-noti.

3.      Fuq it-talbiet tal-partijiet

92      Starbucks titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fil-Kawża T‑636/16.

93      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑636/16 bħala infondat;

–        tikkundanna lil Starbucks għall-ispejjeż fil-Kawża T‑636/16.

C.      Fuq it-tgħaqqid għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u fuq il-fażi orali tal-proċedura

94      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Frar 2017, Starbucks talbet li l-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16 jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

95      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx, f’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16.

96      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Mejju 2018, il-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

97      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet iwieġbu mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit.

98      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 u fil‑15 ta’ Ġunju 2018, Starbucks talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll f’dik tal-Kummissjoni.

99      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ġunju 2018, Starbucks pprovdiet osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta.

100    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni talbet l-irtirar tal-osservazzjonijiet ta’ Starbucks fuq ir-rapport tas-seduta mill-proċess.

101    Wara li rċeviet il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali biss tad-dokumenti msemmija fil-punti 91, 98 u 99 iktar ’il fuq, l-Irlanda ma qajmet l-ebda oġġezzjoni kontra t-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa fil-konfront tagħha.

102    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Ġunju 2018, Starbucks talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tuża mezzi tekniċi matul is-seduta u pproponiet li tirrikorri, matul is-seduta, għal perit. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tissottometti oralment l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija talba u, min-naħa tagħha, talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tuża mezzi tekniċi matul is-seduta.

103    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet, bl-użu tal-mezzi tekniċi mitluba, u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Lulju 2018.

104    Il-partijiet instemgħu fis-seduta dwar tgħaqqid eventwali tal-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.

III. Id-dritt

105    Għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors, hemm lok, qabel kollox, li jinqatgħu ċerti kwistjonijiet proċedurali mqajma mill-partijiet, qabel ma jiġu analizzati l-motivi tal-mertu mqajma minn dawn tal-aħħar.

A.      Kwistjonijiet proċedurali

106    Fir-rigward tal-kwistjonijiet proċedurali li jqumu fil-każ ineżami, qabel kollox, hemm lok li jiġi eżaminat it-tgħaqqid eventwali ta’ dawn il-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex l-osservazzjonijiet ta’ Starbucks tat‑8 ta’ Ġunju 2018 fuq ir-rapport tas-seduta jiġu rtirati mill-proċess. Finalment, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15, li ġie kkontestat mill-Kummissjoni.

1.      Fuq it-tgħaqqid ta’ dawn il-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza

107    Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għadda d-deċiżjoni dwar it-tgħaqqid tal-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, li kienet taqa’ fil-kompetenza tiegħu, lis-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

108    Wara li l-partijiet instemgħu fis-seduta dwar tgħaqqid eventwali, hemm lok li jingħaqdu, għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16, minħabba konnessjoni.

2.      Fuq it-talba intiża sabiex jiġu rtirati mill-proċess l-osservazzjonijiet ta’ Starbucks fuq ir-rapport tas-seduta

109    Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tirtira mill-proċess tal-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16 l-ittra ta’ Starbucks tat‑8 ta’ Ġunju 2018 (ara l-punt 100 iktar ’il fuq), sa fejn din kien fiha osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta, minħabba li tali osservazzjonijiet la huma previsti mir-Regoli tal-Proċedura u lanqas mid-dispożizzjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

110    Minn naħa, għandu jitfakkar li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2018, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jinkludi fil-proċess l-ittra ta’ Starbucks tat‑8 ta’ Ġunju 2018. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-uniku imħallef tan-neċessità li jiġu inklużi fil-proċess atti mhux previsti mir-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex tiġi rtirata mill-proċess l-ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2018.

111    Madankollu, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

112    Peress li Starbucks ma tat l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni tardiva tal-argumenti mressqa fl-ittra tagħha tat‑8 ta’ Ġunju 2018, hemm lok, kif affermat il-Kummissjoni, li dawn jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn dawn imorru lil hinn minn sempliċi osservazzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u l-eżattezza tar-rapport għas-seduta billi jbiddlu l-motivi mqajma fir-rikors.

3.      Fuq l-ammissibbiltà tal-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T760/15

113    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15, li jinkludi tqabbil skematiku ta’ ċerti aspetti tal-funzjonament tal-kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u ċerti partijiet terzi. Skont il-Kummissjoni, l-elementi fattwali u legali essenzjali li jibbaża fuqhom ir-rikors għandhom jiġu ddikjarati, taħt piena tal-inammissibbiltà tagħhom, mill-inqas b’mod sommarju, iżda koerenti u li jinftiehem, fit-test innifsu tar-rikors. Din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-każ ineżami.

114    Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati u l-espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Din l-indikazzjoni trid tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn Sabiex rikors ikun ammissibbli, jeħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax itaffi l-assenza ta’ punti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. L-annessi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dawn jinkludu li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew l-argumenti. Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala bażi tar-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punti 268 sa 271 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Fil-każ ineżami, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar esterni u produtturi ta’ prodotti dderivati mill-kafè, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Anness A.7 jinkludi “sunt skematiku tal-punti ta’ tqabbil tal-kuntratti prodotti mill-Kummissjoni […] li jirriproduċi t-tliet differenzi ċċitati” fir-rikors fil-Kawża T‑760/15. Madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jispjega, fil-punti 140 sa 155 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15, ir-raġunijiet li juru, fil-fehma tiegħu, li l-kuntratti li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni kkontestata tagħha ma humiex komparabbli mar-relazzjoni kuntrattwali bejn Alki u SMBV.

116    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti kollha li jinsabu fl-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15 jirriżultaw b’mod suffiċjentement ċar u preċiż mill-punti 140 sa 155 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15. Għalhekk, fl-assenza tal-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha u l-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-uniku valur miżjud tal-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15 jikkonsisti għalhekk fl-indikazzjoni ta’ liema huma l-kuntratti speċifiċi kkonċernati mill-argumenti rispettivi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta jagħmel riferiment, fil-punti 140 sa 155 tar-rikors, għall-“biċċa l-kbira” jew għall-“maġġoranza” tal-imsemmija kuntratti.

117    Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li skontu l-Anness A.7 tar-rikors fil-Kawża T‑760/15 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

B.      Fuq il-motivi invokati u fuq l-istruttura tal-eżami ta’ dawn ir-rikorsi

118    Ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑760/15 u T‑636/16 huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika l-APA bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u sa fejn din tordna l-irkupru tas-somom li ma nġabrux mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mingħand SMBV abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

119    Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks iqajmu rispettivament ħames u żewġ motivi, li jikkoinċidu għall-parti l-kbira.

120    Fil-kuntest tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑760/15 kif ukoll f’dak tal-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑636/16, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks iqajmu dubju dwar l-eżami tan-natura selettiva tal-APA magħmul mill-Kummissjoni. B’mod iktar partikolari, huma jsostnu li l-Kummissjoni adottat qafas ta’ referenza żbaljat għall-finijiet tal-eżami tan-natura selettiva tal-APA.

121    Fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi fil-Kawża T‑760/15 kif ukoll f’dak tat-tieni parti tal-ewwel motiv u tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jaffermaw li l-analiżi tal-Kummissjoni li skontha l-APA jagħti vantaġġ lil SMBV hija żbaljata.

122    B’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tat-tieni motiv fil-Kawża T‑760/15 u f’dak tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑636/16, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jinvokaw, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni eżaminat bi żball l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward ta’ prinċipju ta’ distakkament li huwa speċifiku għad-dritt tal-Unjoni u għalhekk kisret l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri.

123    Fil-kuntest tat-tielet motiv fil-Kawża T‑760/15 kif ukoll f’dak tat-tielet parti tal-ewwel motiv u tal-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks iqajmu, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset bi żball li l-għażla tal-MTMN sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet ta’ trasferiment kienet tikkostitwixxi vantaġġ. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jikkontestaw, essenzjalment, il-linja ta’ raġunament prinċipali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur SMBV, spjegata fil-premessi 255 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-motivi jikkonċernaw mill-ewwel sat-tielet linja ta’ raġunament imsemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq.

124    Fil-kuntest tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u f’dak tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jaffermaw ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni qieset bi żball li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-MTMN kif ivvalidati fl-APA kienu jagħtu vantaġġ lil SMBV. Dawn il-motivi jikkonċernaw mir-raba’ sas-sitt linja ta’ raġunament imsemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq.

125    Fil-kuntest tal-ħames motiv fil-Kawża T‑760/15, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza.

126    Fir-rigward tal-analiżi tal-motivi mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks, qabel kollox, hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv li jikkontesta l-eżistenza tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-motivi li jikkontestaw li, mill-ewwel sas-sitt linja ta’ raġunament tagħha spjegati fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wriet li l-APA kien jidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża u kien jagħti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, lil SMBV. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi analizzat il-motiv li jikkontesta li, fir-raġunament tagħha fir-rigward tal-qafas ta’ referenza ristrett, spjegat fil-punt 55 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wriet li l-APA kien jidderoga mill-qafas ta’ referenza limitat kompost mill-Artikolu 8b tal-LTK u mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment u kien jagħti vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, lil SMBV. Finalment, sakemm l-eżami mwettaq fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ iwassal għaċ-ċaħda tal-imsemmija motivi, għandhom jiġu eżaminati l-motivi bbażati fuq l-assenza ta’ natura selettiva tal-miżura kkontestata u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza.

127    F’dan ir-rigward, inċidentalment hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat teħtieġ li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha previsti mill-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, huwa stabbilit li, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Issa, fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-preżentazzjoni tal-motivi, spjegata fil-punti 118 sa 125 iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks ma jikkontestawx l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet u tar-raba’ kundizzjoni li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huma ma jikkontestawx il-fatt li, anki kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni kienet uriet li l-APA kien jagħti vantaġġ fiskali, dan kien jikkostitwixxi intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li kien iwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ewwel erba’ motivi mqajma fil-Kawża T‑760/15 huma intiżi, essenzjalment, sabiex iqajmu dubju dwar il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-APA kien jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV.

129    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prova tal-vantaġġ selettiv, hemm lok li jiġi rrilevat li l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-eżami fl-istess waqt tal-kriterji tal-vantaġġ u tan-natura selettiva ma huwiex żbaljat fih innifsu, peress li huma eżaminati kemm il-vantaġġ kif ukoll in-natura selettiva tiegħu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina, qabel kollox, jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi ġustament li kien hemm vantaġġ qabel ma tipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-eżami ta’ jekk dan il-vantaġġ kellux jitqies bħala selettiv.

130    Sussegwentement, għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks fir-rigward tan-nuqqas ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, mogħti lil SMBV mill-APA.

C.      Fuq l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ distakkament fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat u fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ awtonomija fiskali tal-Istati Membri

131    Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-Kummissjoni wettqet żball meta identifikat prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni u meta identifikatu bħala kriterju tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Starbucks tqajjem, essenzjalment, l-istess ilmenti, fit-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha.

132    L-ewwel nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), li tibbaża fuqha l-Kummissjoni sabiex tidentifika prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni, ma tippermettix li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ tali prinċipju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la indikat il-bażi li minnha hija kienet identifikat l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ distakkament fid-dritt tal-Unjoni u lanqas ma ppreċiżat il-kontenut ta’ dan il-prinċipju. Starbucks iżżid tgħid li, minkejja l-fatt li l-osservanza tal-Artikolu 107 TFUE effettivament tikkostitwixxi limitu għall-awtonomija fiskali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 107 TFUE. Starbucks tikkritika lill-Kummissjoni li ssostitwixxiet, taħt il-kopertura tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-regoli tad-dritt fiskali Olandiż bi prinċipju fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment żviluppat b’mod awtonomu u, għalhekk, li imponiet regoli tad-dritt fiskali sostantivi.

133    It-tieni nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-Kummissjoni ma setgħetx teżamina l-APA fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni, minħabba li huma biss il-liġijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li huma rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. B’mod iktar preċiż, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-eżistenza ta’ vantaġġ setgħet tiġi eżaminata esklużivament fir-rigward tal-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż għall-finanzi tal-impriża taħt id-dritt nazzjonali u mhux fir-rigward ta’ prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni. Starbucks iżżid tgħid, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dritt Olandiż u li r-raġunament tagħha kien ibbażat ukoll fuq kunsiderazzjonijiet diverġenti, u saħansitra opposti, għar-regoli Olandiżi fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment.

134    Qabel kollox, l-Irlanda żżid tgħid li l-Kummissjoni, li kellha l-obbligu li tidentifika deroga, ma qabblitx is-sitwazzjoni ta’ Starbucks ma’ dik ta’ xi persuna taxxabbli oħra u fittxet biss li tapplika l-prinċipju ta’ distakkament. Sussegwentement, hija tafferma li l-Kummissjoni ma tistax timponi l-applikazzjoni ta’ regoli li qatt ma ġew inkorporati fis-sistema nazzjonali. Għalhekk, l-ammissjoni ta’ prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tat-tassazzjoni jippreġudika l-awtonomija u s-sovranità tal-Istati Membri. Finalment, l-Irlanda tafferma li s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), ma identifikatx prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni, sa fejn, fil-każ inkwistjoni, minn naħa, il-prinċipju ta’ distakkament kien inkorporat fid-dritt nazzjonali Belġjan u, min-naħa l-oħra, is-sentenza tirreferi għal-linji gwida tal-OECD, li ġew integrati fid-dritt nazzjonali Belġjan.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni b’mod partikolari li hija eżaminat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fir-rigward tal-qafas ta’ referenza li jirriżulta mid-dritt nazzjonali u mhux fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ vantaġġ ġiet analizzata bi tqabbil mal-oneru fiskali li normalment kellu jiġi impost fuq SMBV taħt is-sistema ordinarja tat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji.

136    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, essenzjalment, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jikkritikaw għalhekk lill-Kummissjoni li identifikat prinċipju ta’ distakkament speċifiku għad-dritt tal-Unjoni, bi ksur tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri u li eżaminat l-APA biss fir-rigward ta’ dan il-prinċipju mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-dritt Olandiż.

137    Qabel kollox, huwa importanti li jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 252, 267 u 408 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jidħol fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-vantaġġ selettiv imwettqa prinċipalment. Kif ġie spjegat fil-punt 35 iktar ’il fuq, din l-analiżi prinċipali tikkonsisti fl-eżami dwar jekk l-APA jidderogax mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat minn qabel, fil-premessi 232 sa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tas-sistema ġenerali Olandiża tat-taxxa fuq il-kumpanniji kien li jiġu ntaxxati l-profitti tal-kumpanniji kollha stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kemm jekk kienu integrati kif ukoll mhux integrati, u li dawn iż-żewġ tipi ta’ kumpanniji jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali simili fir-rigward ta’ dan l-għan.

138    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, il-Kummissjoni affermat, fil-premessi 258 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont dan il-prinċipju, it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp għandhom jiġu rremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti. Hija żiedet tgħid, fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan tal-imsemmi prinċipju kien li jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp jiġu ttrattati, għal finijiet tat-taxxa, fil-konfront tal-ammont tal-profitt li kien jiġi magħmul kieku l-istess tranżazzjoni ġiet konkluża minn impriżi awtonomi. Inċidentalment, il-Kummissjoni sostniet, matul is-seduta, li l-prinċipju ta’ distakkament kien, fil-fehma tagħha, għodda għall-evalwazzjoni tal-livell tal-prezz tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan fil-minuti tas-seduta.

139    Fir-rigward tan-natura ġuridika tal-prinċipju ta’ distakkament, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien neċessarjament jagħmel parti mill-eżami, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji ta’ grupp, indipendentement minn jekk l-Istat Membru kienx inkorpora dan il-prinċipju fis-sistema legali nazzjonali tiegħu. Hija ppreċiżat li l-prinċipju ta’ distakkament li hija applikat kien prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tat-taxxa, li kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-verżjoni Franċiża tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi f’dan il-kuntest “principe de traitement équitable” (prinċipju ta’ trattament ekwu), li huwa żball ta’ traduzzjoni tal-espressjoni “principe d’égalité de traitement” (prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament). Il-Kummissjoni bbażat din il-konstatazzjoni fuq is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), dwar l-iskema fiskali ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni fil-Belġju, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul taxxabbli previst mill-imsemmija skema kien jagħti vantaġġ selettiv lill-imsemmija ċentri. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 96 tal-imsemmija sentenza, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-imsemmija ċentri “ma [kienx jippermetti] li jiġu stabbiliti prezzijiet ta’ trasferiment li [kienu] qrib dawk li jintalbu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa”.

140    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament, fil-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, sabiex jiġi evalwat jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tax vantaġġ selettiv lil SMBV, il-Kummissjoni għaldaqstant kellha tivverifika jekk il-metodu appoġġjat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża permezz tal-APA għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitti taxxabbli ta’ SMBV fil-Pajjiżi l-Baxxi kienx jitbiegħed minn metodu li kien iwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u, minħabba dan, mill-prinċipju ta’ distakkament. Hija żiedet tgħid, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-profitti taxxabbli ta’ kumpannija li tagħmel parti minn grupp għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji kinux ġew ikkalkolati bl-applikazzjoni ta’ metodu li kien jersaq lejn kundizzjonijiet tas-suq, b’mod li din il-kumpannija ma kinitx tibbenefika minn trattament iktar favorevoli, b’applikazzjoni tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, minn dak riżervat għal kumpanniji mhux integrati li l-profitti taxxabbli tagħhom kienu ddeterminati mis-suq.

141    Għalhekk huwa importanti li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tanalizza l-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, kif mogħti f’sunt fil-punti 138 sa 140 iktar ’il fuq, li jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp humiex irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati f’kundizzjonijiet tas-suq.

142    Skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom xorta waħda jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-interventi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, minkejja li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet li ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat,

143    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikklassifika miżura fiskali bħala għajnuna mill-Istat fil-każ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali klassifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 28, u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 81). Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam fiskali konformement mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑487/08, EU:C:2010:310, punt 37). Konsegwentement, huma għandhom jastjenu milli jieħdu, f’dan il-kuntest, kwalunkwe miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

144    Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjoni li skontha l-miżura inkwistjoni għandha tagħti vantaġġ ekonomiku, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi, jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 21).

145    B’mod iktar preċiż, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14; ara wkoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fil-każ ta’ miżuri fiskali, l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali” (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56). Għaldaqstant, tali miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju tagħha peress li din tnaqqas l-oneri li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma tkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, hija tal-istess natura u għandha effetti identiċi (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 22).

147    Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix vantaġġ fiskali, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni għandha titqabbel mas-sitwazzjoni tiegħu fl-assenza tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla‑La Mancha vs Il‑Kummissjoni, C‑91/17 P u C‑92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punt 114) u bl-applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni.

148    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija integrata li tagħmel parti minn grupp ta’ impriżi, hemm lok li jiġi rrilevat qabel kollox li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp imwettqa minnha ma ġewx iddeterminati f’kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, dawn il-prezzijiet huma miftiehma bejn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp, b’tali mod li huma ma humiex suġġetti għall-forzi tas-suq.

149    Issa, meta d-dritt fiskali nazzjonali ma jagħmilx distinzjoni bejn l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi għall-finijiet tal-issuġġettar tagħhom għat-taxxa fuq il-kumpanniji, dan id-dritt ikollu l-intenzjoni li jintaxxa l-profitt li jirriżulta mill-attività ekonomika ta’ tali impriża integrata bħalma kien jirriżulta minn tranżazzjonijiet imwettqa għal prezzijiet tas-suq. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, meta hija teżamina, fil-kuntest tal-kompetenza li jagħtiha l-Artikolu 107(1) TFUE, miżura fiskali mogħtija lil tali impriża integrata, il-Kummissjoni tista’ tqabbel l-oneru fiskali ta’ tali impriża integrata li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija miżura fiskali, mal-oneru fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali ta’ impriża, imqiegħda f’sitwazzjoni fattwali komparabbli, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet tas-suq.

150    Inċidentalment u bħalma rrilevat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati mis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), li kienet tikkonċerna d-dritt fiskali Belġjan, li kienet tipprevedi li l-kumpanniji integrati u l-kumpanniji awtonomi għandhom jiġu ttrattati fl-istess kundizzjonijiet. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-punt 95 ta’ din is-sentenza n-neċessità li tqabbel skema ta’ għajnuna derogatorja ma’ dik ta’ “liġi ordinarja bbażata fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa”.

151    F’dan il-kuntest, għalkemm, permezz tal-miżura fiskali mogħtija lil kumpannija integrata, l-awtoritajiet nazzjonali aċċettaw ċertu livell tal-prezz ta’ tranżazzjoni fi ħdan il-grupp, l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tistħarreġ jekk dan il-livell tal-prezz jikkorrispondix għal dak li kien jintuża f’kundizzjonijiet tas-suq, sabiex tivverifika jekk minn dan jirriżultax tnaqqis tal-oneri imposti normalment fuq il-finanzi tal-impriża inkwistjoni, li jagħtiha għalhekk vantaġġ fis-sens tal-imsemmi artikolu. Il-prinċipju ta’ distakkament, kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi għalhekk għodda li tippermetti li ssir din il-verifika fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni inċidentalment ippreċiżat, ġustament, fil-premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament seħħ bħala “punt [kriterju] ta’ referenza” sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpannija integrata kinitx tibbenefika, permezz ta’ miżura fiskali li tiddetermina l-prezzijiet tagħha ta’ trasferiment, minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

152    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-Kummissjoni tapplika din l-għodda sabiex tistħarreġ jekk il-profitt taxxabbli ta’ impriża integrata bl-applikazzjoni ta’ miżura fiskali jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ profitt taxxabbli magħmul f’kundizzjonijiet tas-suq, hija tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss bil-kundizzjoni li d-differenza bejn iż-żewġ fatturi ta’ tqabbil tmorr lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb tali approssimazzjoni.

153    Fil-każ ineżami, l-APA jirrigwarda d-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV skont il-LTK, li, indipendentement minn jekk ir-regoli normali ta’ tassazzjoni għandhomx jiġu ddefiniti b’mod wiesa’ jew strett, għandu l-għan li l-impriżi integrati u l-impriżi awtonomi fil-Pajjiżi l-Baxxi jiġu ntaxxati bl-istess mod fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tivverifika jekk il-profitt taxxabbli ta’ SMBV bl-applikazzjoni tal-APA kienx inferjuri għall-oneru fiskali ta’ SMBV fl-assenza tal-APA u bl-applikazzjoni tar-regoli normali ta’ tassazzjoni tad-dritt Olandiż. Peress li SMBV hija impriża integrata u li l-LTK hija intiża sabiex tintaxxa l-profitt li jirriżulta mill-attività ekonomika ta’ tali impriża integrata bħalma kien jirriżulta mit-tranżazzjonijiet imwettqa bil-prezzijiet tas-suq, hemm lok, fil-kuntest tal-eżami tal-APA, li l-profitt taxxabbli ta’ SMBV li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-APA jitqabbel mas-sitwazzjoni, li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt Olandiż, ta’ impriża, f’sitwazzjoni fattwali komparabbli, li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa. F’dan il-kuntest, għalkemm l-APA aċċetta ċertu livell tal-prezz ta’ tranżazzjoni fi ħdan il-grupp, għandu jiġi mistħarreġ jekk dan il-livell tal-prezz jikkorrispondix għal dak li kien jintuża f’kundizzjonijiet tas-suq.

154    F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-eżami ta’ jekk impriża integrata kisbitx vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li użat metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment li hija tqis xieraq fil-każ inkwistjoni sabiex teżamina l-livell tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal tranżazzjoni jew għal diversi tranżazzjonijiet relatati b’mod strett, li jagħmlu parti mill-miżura kkontestata. Madankollu huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tiġġustifika l-għażla metodoloġika tagħha.

155    Minkejja li l-Kummissjoni osservat ġustament li hija ma tistax tkun marbuta formalment mil-linji gwida tal-OECD, jibqa’ l-fatt li dawn il-linji gwida jibbażaw fuq xogħlijiet imwettqa minn gruppi ta’ esperti, li dawn jirriflettu l-kunsens milħuq fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-prezzijiet ta’ trasferiment u li dawn għalhekk għandhom importanza prattika ċerta fl-interpretazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-prezzijiet ta’ trasferiment, bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata.

156    Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset ġustament li hija setgħet teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jekk it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp kinux irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati f’kundizzjonijiet tas-suq. Din il-konstatazzjoni ma titqegħidx f’dubju mill-argumenti l-oħrajn tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks.

157    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li skontu l-Kummissjoni ma ppreċiżatx il-kontenut tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan huwa għodda li tippermetti li jiġi mistħarreġ li t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp jiġu rremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti (ara l-punt 138 iktar ’il fuq). Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

158    It-tieni nett, sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks isostnu li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jippermettilha, waħdu, li tippreskrivi l-profitt taxxabbli ta’ impriża u li dan ikollu bħala konsegwenza armonizzazzjoni moħbija fil-qasam tat-tassazzjoni diretta bi ksur tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

159    Fil-fatt, għalkemm, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar dan, l-indikazzjoni tal-valuri taxxabbli u t-tqassim tal-oneru fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97), dan ma jimplikax li kull miżura fiskali, li taffettwa b’mod partikolari l-valur taxxabbli meħud inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali, tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 104). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, kompetenza li tippermettilha tiddefinixxi b’mod awtonomu t-tassazzjoni msejħa “normali” ta’ impriża integrata, billi tinjora regoli fiskali nazzjonali. Madankollu, għalkemm it-tassazzjoni msejħa “normali” hija ddefinita mir-regoli fiskali nazzjonali u għalkemm l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ għandha tiġi stabbilita fil-konfront tagħha, jibqa’ l-fatt li, jekk dawn ir-regoli jipprevedu li l-kumpanniji awtonomi u l-kumpanniji integrati jiġu ntaxxati fl-istess kundizzjonijiet, l-Artikolu 107(1) TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tistħarreġ jekk il-livell tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, aċċettat mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat il-valur taxxabbli ta’ impriża integrata, jikkorrispondix għal-livell tal-prezz ta’ tranżazzjoni li kien innegozjat f’kundizzjonijiet tas-suq.

160    Konsegwentement, meta l-Kummissjoni teżamina jekk il-metodu vvalidat f’miżura fiskali nazzjonali jwassalx għal riżultat li kien ġie stabbilit konformement mal-prinċipju ta’ distakkament kif iddefinit fil-punt 137 iktar ’il fuq, hija ma tmurx lil hinn mill-kompetenzi tagħha.

161    It-tielet nett, sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma indikat l-ebda bażi legali għall-prinċipju tagħha ta’ distakkament, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessi 264 u 265 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata kien jeżisti indipendentement mill-inkorporazzjoni ta’ tali prinċipju fis-sistema ġuridika nazzjonali. Hija ppreċiżat ukoll li hija ma kinitx eżaminat jekk l-APA kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament previst fl-Artikolu 8b tal-LTK jew fid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ rasferiment li jinkorporaw il-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Olandiż. Bl-istess mod, il-Kummissjoni affermat li l-prinċipju ta’ distakkament li hija kienet applikat kien distint minn dak stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD fuq id-Dħul u fuq il-Kapital.

162    Madankollu, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien neċessarjament jagħmel parti integrali mill-eżami, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpanniji ta’ grupp u li l-prinċipju ta’ distakkament kien prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni, li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

163    Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prinċipju ta’ distakkament, kif deskritt mill-Kummissjoni, huwa għodda użata, ġustament, fil-kuntest tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

164    Huwa minnu li, matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata la kien jaqa’ fid-dritt tal-Unjoni u lanqas fid-dritt internazzjonali, iżda li dan kien inerenti għas-sistema ordinarja ta’ tassazzjoni kif previst mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, għalkemm Stat Membru jagħżel, fil-kuntest tas-sistema fiskali nazzjonali tiegħu, l-approċċ tal-entità ġuridika distinta, li skontu d-dritt fiskali jintrabat mal-entitajiet ġuridiċi u mhux mal-entitajiet ekonomiċi, il-prinċipju ta’ distakkament huwa neċessarjament korollarju ta’ dan l-approċċ, li għandu valur vinkolanti fl-Istat Membru inkwistjoni, indipendentement minn jekk il-prinċipju ta’ distakkament ġiex inkorporat, b’mod espliċitu jew impliċitu, fid-dritt nazzjonali.

165    F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks indikaw matul is-seduta li, permezz ta’ dawn l-affermazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet tidher li qiegħda tibdel il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, li kieku kellu jitqies li l-interpretazzjoni mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks tingħata prova tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat, fi kwalunkwe każ, li l-Kummissjoni ma tistax tibdel, fl-istadju tas-seduta, il-bażi legali tal-prinċipju ta’ distakkament kif spjegatu fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 116).

166    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-preċiżjoni magħmula matul is-seduta ma tqajjimx dubju dwar il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 156 iktar ’il fuq li skontha mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prinċipju ta’ distakkament japplika fil-kuntest tal-eżami skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Inċidentalment, mis-sottomissjonijiet bil-miktub kollha tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks jirriżulta li huma fiehmu sewwa d-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata japplika fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura fiskali nazzjonali skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

167    Ir-raba’ nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Irlanda jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni stabbilixxiet indebitament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-finijiet tat-taxxa fuq il-profitti ta’ impriżi integrati u mhux integrati.

168    Huwa minnu li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju ta’ distakkament kien prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni, li kien jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, tali formulazzjoni ma għandhiex tiġi iżolata mill-kuntest tagħha u ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni affermat l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-taxxa inerenti għall-Artikolu 107(1) TFUE, li kieku jagħti portata estensiva wisq lill-imsemmi artikolu.

169    Fi kwalunkwe każ, mill-premessi 258 sa 267 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 262 u 265 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, li l-prinċipju ta’ distakkament kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien meqjus minnha biss bħala għodda li ppermettitilha tistħarreġ li t-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp ġew irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati bejn impriżi indipendenti. L-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Irlanda ma jistax iqajjem dubju dwar il-konstatazzjoni magħmula fil-punti 147 sa 156 iktar ’il fuq li skontha l-Kummissjoni setgħet teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jekk it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp kinux irremunerati daqslikieku kienu ġew innegozjati f’kundizzjonijiet tas-suq.

170    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Irlanda f’dan ir-rigward.

171    Il-ħames nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks isostnu li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament, iżda li hija ma eżaminatx l-eżistenza ta’ vantaġġ permezz tad-dritt fiskali nazzjonali. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li mill-premessi 267, 341, 415 u 416 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni wettqet l-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża. Għandu jiġi vverifikat jekk dan l-eżami kienx ivvizzjat bi żball fil-kuntest tal-eżami speċifiku tas-sitt linji ta’ raġunament u, jekk ikun il-każ, tar-raġunament fir-rigward tal-qafas ta’ referenza ristrett.

172    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġu miċħuda t-tieni motiv fil-Kawża T‑760/15 u t-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑636/16, li skonthom il-Kummissjoni wettqet żball meta identifikat prinċipju ta’ distakkament bħala kriterju tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Huwa għalhekk fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 137 sa 170 iktar ’il fuq li għandha tiġi analizzata l-fondatezza ta’ kull linja ta’ raġunament spjegata fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 53 u 54 iktar ’il fuq).

D.      Fuq il-kontestazzjoni tar-raġunament prinċipali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur SMBV (premessi 275 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata)

1.      Fuq l-għażla tal-MTMN fil-każ ineżami u fuq l-ommissjoni tal-eżaminazzjoni tat-tranżazzjoni fi ħdan il-grupp li għaliha l-APA fir-realtà kien intalab (l-ewwel linja ta’ raġunament)

173    L-ewwel parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑760/15 kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel motiv u l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16 jirrigwardaw l-analiżi tal-Kummissjoni, imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha, minn naħa, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment la kien identifika u lanqas analizza t-tranżazzjoni li għaliha fir-realtà kien ġie stabbilit prezz fl-APA, jiġifieri r-royalty, u, min-naħa l-oħra, il-metodu CUP kellu jingħata prijorità, sabiex jiġi ddeterminat il-livell tar-royalty, meta mqabbel mal-MTMN, sabiex jiġi ddeterminat il-profitt nett tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ SMBV. Dawn iż-żewġ ilmenti magħmula kontra l-APA, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, jippreċedu l-analiżi konkreta tal-Kummissjoni li skontha l-livell tar-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellu jkun żero u l-livell tal-prezz tal-kafeni ħodor mis-sena 2011 kien għoli wisq, kwistjonijiet li ser jiġu eżaminati fil-punti 217 sa 404 iktar ’il quddiem.

174    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑760/15, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li skontu l-MTMN ma jippermettix li tiġi eżaminata u evalwata b’mod distint il-konformità mad-distakkament tar-royalty. Huwa jafferma li dan l-argument huwa żbaljat u ma jistax iqiegħed f’dubju r-rilevanza tal-għażla tal-MTMN fil-każ ineżami.

175    L-ewwel nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li mid-deċiżjoni kkontestata jidher li jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet il-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment bħala għan fih innifisu, filwaqt li dan huwa biss mezz sabiex tiġi ddeterminata l-konformità mad-distakkament tal-kundizzjonijiet tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp. Issa, kieku l-metodu magħżul wassal għal riżultat konformi mad-distakkament, il-Kummissjoni ma tistax tqiegħdu f’dubju minħabba li r-royalty u r-rata ta’ marġni applikata għall-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-kafeni ħodor ma ġewx eżaminati individwalment. Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-linji gwida tal-OECD kienu jagħtu prijorità lill-użu ta’ metodi tradizzjonali, bħall-metodu CUP, meta mqabbla mal-metodi tat-tranżazzjoni, bħall-MTMN. Min-naħa l-oħra, mill-punt 2 tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment kif ukoll mill-paragrafu 4.9 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jirriżulta li l-persuna taxxabbli hija libera li tagħżel metodu tal-prezz ta’ trasferiment, peress li l-metodu magħżul iwassal għal riżultat ta’ distakkament.

176    It-tieni nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li, b’differenza minn dak li ssostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-uniċi tranżazzjonijiet ikkonċernati mill-APA huma l-inkaljar tal-kafeni u l-provvista ta’ servizzi loġistiċi u amministrattivi f’isem Alki. L-APA ma huwiex intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-royalty hijiex konformi mad-distakkament. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva, barra minn hekk, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet li wassluha għall-preżunzjoni li l-APA kien intalab u konkluż għal kuntratt ta’ liċenzja u għar-royalty.

177    It-tielet nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-MTMN kien il-metodu l-iktar adattat fil-każ ineżami. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-raġuni prinċipali għall-għażla ta’ dan il-metodu kienet l-assenza ta’ tranżazzjonijiet mhux konnessi esterni jew interni simili, neċessarji għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-metodu CUP, li għalihom ikun possibbli li jsir tqabbil tat-tranżazzjonijiet bejn Alki u SMBV u, għaldaqstant, ir-remunerazzjoni assoċjata magħhom. Min-naħa l-oħra, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-MTMN seta’ jiġi applikat fil-każ ta’ SMBV minħabba l-fatt li kien hemm informazzjoni effettivament disponibbli dwar il-profitt operattiv tal-impriżi li kienu komparabbli magħha fil-livell tal-funzjoni, jiġifieri l-inkaljar tal-kafeni.

178    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv u permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, Starbucks issostni li l-MTMN kien l-iktar metodu xieraq sabiex jiġu kkalkolati l-prezzijiet ta’ trasferiment fil-każ ineżami u li l-Kummissjoni ma setgħetx tiċħad il-MTMN għar-raġunijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Skont Starbucks, sa fejn il-MTMN ġie applikat b’mod korrett sabiex tiġi kkalkolata r-remunerazzjoni ta’ distakkament ta’ SMBV, huwa inutli li jiġu eżaminati separatament il-ħlasijiet tar-royalty magħmula minn SMBV, peress li dawn il-ħlasijiet ma setax ikollhom effett fuq ir-remunerazzjoni tagħha kif ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-MTMN.

179    B’mod iktar speċifiku, l-ewwel nett, Starbucks tafferma li l-affermazzjoni li saret mill-Kummissjoni li skontha teżisti regola stretta favur l-użu tal-metodu CUP, ma għandha l-ebda bażi fid-dritt fiskali Olandiż jew fil-linji gwida tal-OECD. Barra minn hekk, Starbucks tqis li l-użu ta’ metodu differenti fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment ma għandux fih innifsu l-effett li jnaqqas l-ammont tat-taxxa dovuta, sa fejn il-metodi kollha jagħmlu sforz sabiex jilħqu l-allokazzjoni tal-profitti li jirriflettu l-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ distakkament. Il-fatt li jiġi allegat żball metodoloġiku ma huwiex biżżejjed sabiex tingħata prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

180    It-tieni nett, skont Starbucks, il-Kummissjoni qabblet il-prezz tal-kafè aħdar u r-royalty ma’ tranżazzjonijiet “ikkontrollati” (fi ħdan il-grupp) bi ksur tad-dritt fiskali Olandiż. Issa, Starbucks għażlet il-MTMN minħabba li l-kuntratt tal-inkaljar kien jiġbor flimkien diversi tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp li permezz tagħhom kienu fdati lil SMBV attivitajiet ta’ rutina b’riskju baxx, jiġifieri attivitajiet tal-inkaljar u tal-ippakkjar tal-kafè kif ukoll attivitajiet ta’ sostenn amministrattiv u ta’ appoġġ loġistiku.

181    It-tielet nett, Starbucks issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda argument li jafferma li s-sempliċi nuqqas ta’ identifikazzjoni u ta’ analiżi tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ SMBV huwa biżżejjed sabiex tingħata prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ u li dan l-argument tressaq għall-ewwel darba fir-risposta fil-Kawża T‑636/16 u għalhekk huwa inammissibbli.

182    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

183    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tispjega li fid-deċiżjoni kkontestata hija mkien ma timponi regola stretta li tikkonċerna l-applikazzjoni tal-metodu CUP minflok metodu ieħor ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment, iżda li l-metodu l-iktar affidabbli għandu jintgħażel skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża. Qabel kollox hija stabbilixxiet li l-APA kien intalab u ngħata sabiex jiġi ffissat il-prezz tal-kuntratt ta’ liċenzja ta’ proprjetà intellettwali bejn SMBV u Alki u sussegwentement hija kkonkludiet li, peress li prezz komparabbli għall-prezz ta’ din it-tranżazzjoni seta’ jiġi ddeterminat, l-użu tal-metodu CUP kien, fil-każ ineżami, preferibbli minn dak tal-MTMN. Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tagħmel dan, hija bbażat ruħha fuq il-gwida spjegata fil-linji gwida tal-OECD.

184    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-metodu approvat fl-APA sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-royalty, li permezz tiegħu SMBV tħallas lil Alki l-profitt residwali tal-bejgħ tal-kafeni inkaljati u tal-prodotti li ma humiex relatati mal-kafè, ma jistax iwassal għal riżultat konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, peress li kienu jeżistu tranżazzjonijiet komparabbli li jippermettu li jiġi stmat il-valur tar-royalty, il-konsulent tat-taxxa kien messu uża l-metodu CUP sabiex jiġi ddefinit il-prezz tar-royalty dovuta minn SMBV lil Alki, li kienet it-tranżazzjoni li għaliha l-APA fir-realtà kien intalab u ngħata. Barra minn hekk, il-prezzijiet iffatturati minn SCTC lil SMBV għall-kafeni ħodor kien messhom ukoll ġew suġġetti għal analiżi tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Il-Kummissjoni tafferma li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks, l-iffissar tal-prezz ta’ tranżazzjonijiet individwali huwa l-essenza nnifisha ta’ dan il-prinċipju. Għalhekk, l-istabbiliment u l-analiżi ta’ tranżazzjonijiet ikkontrollati u ta’ tranżazzjonijiet fis-suq ħieles jikkostitwixxu l-ewwel stadju indispensabbli tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ distakkament tal-prezz ta’ trasferiment.

185    It-tielet nett, il-Kummissjoni tafferma li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma pproduċiex il-prova li l-MTMN kien iktar xieraq, fil-każ ineżami, mill-metodu CUP. Fil-fatt, il-Kummissjoni tafferma, qabel kollox, li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li kienet fis-seħħ fil-mument li fih ġie konkluż l-APA, u fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, jagħtu preferenza lill-metodi tradizzjonali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet, bħall-metodu CUP, meta mqabbla mal-metodi tat-tranżazzjoni bbażati fuq profitti. Issa, skont il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li l-MTMN jingħata preferenza għall-metodu CUP ma humiex preżenti fil-każ ineżami.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

186    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-APA, kif spjegata fil-punti 12 sa 16 iktar ’il fuq, teħtieġ żewġ preċiżazzjonijiet importanti.

187    L-ewwel nett, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-metodu applikat fl-APA huwa tabilħaqq il-MTMN. F’dan ir-rigward, fir-rikors fil-Kawża T‑760/15 u matul is-seduta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreċiża li r-riferiment għall-metodu tal-ispiża miżjuda (“cost plus method”) fl-APA kien jikkostitwixxi użu mhux tekniku ta’ din l-espressjoni.

188    It-tieni nett, fir-risposti tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u matul is-seduta, il-partijiet ippreċiżaw li, fir-realtà u għall-kuntrarju ta’ dak li huwa spjegat fl-APA, ir-royalty li għandha titħallas lil Alki ma kinitx iffissata fuq il-bażi tad-differenza bejn il-profitt operattiv magħmul f’dak li jirrigwarda l-funzjoni ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, qabel l-ispejjeż relatati mar-royalty, u r-remunerazzjoni ta’ SMBV, iżda fuq il-bażi tad-differenza bejn id-dħul totali ta’ SMBV, minn naħa, u l-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV, miżjuda bir-remunerazzjoni ta’ SMBV, min-naħa l-oħra.

189    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni spjegat l-ewwel linja ta’ raġunament tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fil-premessi 272 u 275 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, prinċipalment fit-Taqsima 9.2.3.2, intitolata “Ir-rapport [dwar il-prezzijiet] ta’ trasferiment jonqos milli jeżamina t-tranżazzjoni intragrupp li għaliha ntalab u ngħata b’mod effettiv l-APA”.

190    Minn naħa, fil-premessi 272, 276 sa 279 u 285 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, aċċettat mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi fil-kuntest tal-konklużjoni tal-APA ma’ SMBV, naqas milli jistabbilixxi jew janalizza t-tranżazzjonijiet ikkontrollati u t-tranżazzjonijiet fis-suq ħieles ta’ SMBV, u dan kien jikkostitwixxi l-ewwel stadju indispensabbli tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ distakkament tal-prezzijiet ta’ trasferiment. B’mod iktar preċiż, hija qieset li l-ħlas tar-royalty tal-liċenzja ta’ proprjetà intellettwali tal-inkaljar bejn Alki u SMBV kien it-tranżazzjoni li għaliha l-APA fir-realtà kien intalab.

191    Min-naħa l-oħra, fil-premessi 280 sa 284 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat, essenzjalment, li approċċ li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal kull tranżazzjoni meħuda individwalment kellu jingħata prijorità meta mqabbel ma’ approċċ li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal funzjoni kollha kemm hi. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni qieset li l-metodu CUP kellu jingħata prijorità meta mqabbel mal-metodi tat-tranżazzjoni bbażat fuq il-profitti, bħall-MTMN. Fil-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li, peress li l-analiżi ta’ remunerazzjoni ta’ distakkament għal SMBV kienet saret fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment billi telqet minn punt ta’ tluq żbaljat, din ir-remunerazzjoni kienet neċessarjament stmata b’mod żbaljat bl-użu tal-MTMN. Barra minn hekk, hija qieset li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien messu, sabiex jistabbilixxi prezzijiet ta’ trasferiment fil-każ ineżami, jagħmel użu minn tqabbil affidabbli mal-informazzjoni disponibbli dwar tranżazzjonijiet bejn partijiet mhux affiljati li kienu fil-pussess ta’ Starbucks fiż-żmien meta saret it-talba għal APA.

192    Il-Kummissjoni inċidentalment ikkonfermat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li l-ewwel linja ta’ raġunament tagħha kienet tikkonsisti fil-kritika tal-użu tal-MTMN sabiex jiġi ddeterminat il-profitt nett tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ SMBV minflok il-metodu CUP sabiex jiġi ddeterminat il-livell tar-royalty. Fil-fatt, hija sostniet li l-validità tal-ewwel linja ta’ raġunament tagħha ma kinitx tiddependi mill-konklużjoni li skontha l-valur ta’ distakkament tar-royalty kien żero. Il-fatt li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment naqas milli jistabbilixxi jew janalizza t-tranżazzjonijiet ikkontrollati u t-tranżazzjonijiet fis-suq ħieles ta’ SMBV għandu bħala konsegwenza li l-ewwel stadju indispensabbli tal-evalwazzjoni tan-natura ta’ distakkament tal-kundizzjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prezzijiet ta’ trasferiment bejn partijiet affiljati ma sarx.

193    Mingħajr ma hemm bżonn, f’dan l-istadju, li jiġi analizzat l-ilment ta’ Starbucks li skontu d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda argument li jafferma li s-sempliċi nuqqas ta’ identifikazzjoni u ta’ analiżi tat-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ SMBV huwa biżżejjed sabiex tingħata prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, argument li tressaq għall-ewwel darba fir-risposta fil-Kawża T‑636/16 u għalhekk huwa inammissibbli, għandu jiġi eżaminat jekk il-kritika magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel linja ta’ raġunament tagħha ppermettietx li tiġi ġġustifikata l-konstatazzjoni li skontha l-APA ta vantaġġ lil SMBV għar-raġuni li l-għażla fiha nnifisha tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, propost fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, ma kinitx twassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq, konformement mal-prinċipju ta’ distakkament.

b)      Fuq l-oneru tal-prova

194    Huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, bħala prinċipju, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tipproduċi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova tal-eżistenza ta’ tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 34, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 95). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

195    Min-naħa l-oħra, huwa l-Istat Membru li jkun introduċa differenzazzjoni bejn l-impriżi li għandu juri li din hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jinkludix il-miżuri mill-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, selettivi a priori, meta din id-differenzazzjoni tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li huma jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il‑Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punti 120 u 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    Minn dan jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li turi li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa stabbilit li l-Istat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-approvazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu ma jistax iwassal biex iċaħħad lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ li l-prezzijiet ta’ trasferiment inkwistjoni ma jwasslux għall-għoti ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinċipju ta’ distakkament jippermettilha tivverifika jekk prezz ta’ trasferiment appoġġjat minn Stat Membru jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq u jekk id-distakk ikkonstatat eventwalment fil-kuntest ta’ dan l-eżami ma jmurx lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb l-imsemmija approssimazzjoni.

c)      Fuq il-livell ta’ stħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali

197    Fir-rigward tal-livell ta’ stħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 263 TFUE, l-għan tar-rikors għal annullament huwa l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati f’tali artikolu. Għaldaqstant, l-analiżi tal-motivi mqajma fil-kuntest ta’ tali rikors la għandha l-għan u lanqas l-effett li tissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 84).

198    Fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, SNCM u Franza vs Corsica Ferries France, C‑533/12 P u C‑536/12 P, EU:C:2014:2142, punt 15, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 87).

199    Dwar il-kwistjoni jekk metodu ta’ determinazzjoni ta’ prezz ta’ trasferiment ta’ kumpannija integrata jkunx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, għandu jitfakkar, bħalma diġà ġie indikat iktar ’il fuq, li, meta hija tuża din l-għodda fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura approssimattiva tagħha. Għalhekk l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu tendenza li jivverifika li l-iżbalji identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, li fuq bażi tagħhom il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni ta’ vantaġġ, imorrux lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-applikazzjoni ta’ metodu maħsub sabiex tinkiseb approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq.

d)      Fuq l-ommissjoni li tiġi identifikata u analizzata r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki fl-APA

200    Fir-rigward tal-konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni li skontha r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment la identifika u lanqas analizza t-tranżazzjoni li għaliha fir-realtà kien ġie stabbilit prezz fl-APA, hemm lok li jiġi osservat li, fil-premessa 276 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-profitt taxxabbli ta’ SMBV kien inqas għoli mill-profitt realment irreġistrat minħabba l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-fatt li l-ammont reali tal-profitt iġġenerat minn SMBV fil-Pajjiżi l-Baxxi jitnaqqas, għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji, sal-ammont tar-royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Fil-premessi 277 u 278 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tislet minn dan bħala konsegwenza li r-royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kienet it-tranżazzjoni li għaliha l-APA fir-realtà kien intalab u li l-metodu li jippermetti li jiġi ddeterminat il-livell ta’ din ir-royalty, bħala varjabbli ta’ aġġustament, kien it-tranżazzjoni li għaliha fir-realtà kien ġie stabbilit prezz ta’ trasferiment fl-APA. Hija qieset ukoll li l-prezz tal-kafeni kellu jkun is-suġġett ta’ analiżi.

201    F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sempliċi nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti metodoloġiċi ma jwassalx neċessarjament għal tnaqqis tal-oneru fiskali. Huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni turi li l-iżbalji metodoloġiċi li hija identifikat fl-APA ma jippermettux il-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament u li dawn wasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli meta mqabbel mal-oneru fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ tassazzjoni normali tad-dritt nazzjonali għal impriża mqiegħda f’sitwazzjoni fattwali komparabbli ma’ dik ta’ SMBV u li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ żball metodoloġiku ma hijiex biżżejjed, bħala prinċipju, waħedha, sabiex turi li l-APA kien ta vantaġġ lil SMBV u, għaldaqstant, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

202    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li l-metodi differenti ta’ ffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment, kemm fir-rigward taċ-CUP jew tal-MTMN, jagħmlu sforz sabiex jilħqu livelli ta’ profitti li jirriflettu l-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ distakkament u li ma jistax jiġi konkluż, bħala prinċipju, li metodu ma jippermettix il-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq.

203    Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li, skont il-Kummissjoni, la r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u lanqas l-APA ma kienu identifikaw ir-royalty bħala t-tranżazzjoni li għaliha fir-realtà kien ġie stabbilit prezz ta’ trasferiment fl-APA u li dawn ma kinux analizzaw jekk ir-royalty kinitx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din ir-royalty ma kinitx effettivament konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Għalhekk, din is-sempliċi konstatazzjoni ma kinitx tippermetti li jintwera li l-APA ta vantaġġ lil SMBV.

204    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni, li skontu r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment la identifika u lanqas analizza r-royalty bħala t-tranżazzjoni li għaliha fir-realtà kien ġie stabbilit prezz fl-APA, huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li skontha, fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, il-ħlas ta’ royalty ma huwiex meqjus bħala l-varjabbli ta’ aġġustament tal-istruttura ta’ din ir-remunerazzjoni ssuġġerita. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment bl-ebda mod ma jeskludi l-ftehim ta’ liċenzja konkluż bejn SMBV u Alki. Fil-fatt, dan il-ftehim huwa msemmi kemm fid-deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-grupp Starbucks fir-reġjun EMEA u fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fir-rappreżentazzjoni grafika tat-tranżazzjonijiet tar-reġjun EMEA. Għalhekk, il-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks ħa inkunsiderazzjoni dawn it-tranżazzjonijiet meta ppropona r-remunerazzjoni ta’ SMBV.

205    Għalhekk hemm lok li jintlaqa’ l-ilment tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li skontu l-Kummissjoni qieset bi żball li l-assenza ta’ analiżi separata tar-royalty fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u fl-APA kienet tagħti vantaġġ lil SMBV.

e)      Fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-metodu CUP meta mqabbel mal-MTMN

206    Fir-rigward tat-teżi tal-Kummissjoni li skontha l-metodu CUP kellu jingħata prijorità meta mqabbel mal-MTMN, peress li dan l-ewwel metodu kien applikabbli fil-każ ineżami, l-ewwel nett, għandu jiġi rrimarkat li, fil-każ ineżami, l-APA aċċetta l-użu tal-MTMN sabiex jiġi ddeterminat il-marġni operattiv għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ SMBV. Issa, l-APA aċċetta li r-royalty tiġi ddeterminata bħala, essenzjalment, id-differenza bejn il-profitt operattiv magħmul f’dak li jirrigwarda l-funzjoni ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni u l-marġni operazzjonali. Minn dan isegwi li l-APA ma jipprevedix direttament l-użu ta’ metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment għall-kalkolu tal-livell tar-royalty, li huwa ddefinit bħala valur purament residwu.

207    Ċertament, mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 148 sa 156 iktar ’il fuq jirriżulta li, peress li r-royalty kienet tranżazzjoni fi ħdan il-grupp li l-livell tagħha kien iddeterminat fl-APA, il-Kummissjoni kellha d-dritt li teżamina fil-kuntest tal-analiżi tagħha skont l-Artikolu 107(1) TFUE, bl-użu ta’ metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment li hija qieset bħala xieraq fil-każ inkwistjoni, jekk l-ammont tar-royalty kienx iddeterminat daqslikieku kien ġie nnegozjat f’kundizzjonijiet tas-suq.

208    Madankollu, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-metodu CUP kellu jingħata prijorità meta mqabbel mal-MTMN sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat il-livell ta’ distakkament tar-royalty, hija tonqos milli tqis li, fil-fatt, fl-APA, il-livell tar-royalty ma ġiex ikkalkolat bl-applikazzjoni ta’ metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, u b’mod partikolari tal-MTMN. Min-naħa l-oħra, il-MTMN intuża fl-APA sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni ta’ SMBV għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, it-teżi tal-Kummissjoni twassal, essenzjalment, sabiex jiġi kkritikat il-fatt li l-MTMN intuża sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni ta’ SMBV għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni minflok il-metodu CUP, li kellu jintuża, skont il-Kummissjoni, għall-kalkolu tal-livell tar-royalty.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ metodi huma applikati għall-kalkolu tal-livell tal-prezz ta’ tranżazzjonijiet differenti fi ħdan il-grupp. Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-linji gwida tal-OECD esprimew ċerta preferenza għall-użu tal-metodi tradizzjonali, bħall-metodu CUP, hija ma tistax teżiġi l-eżami ta’ tranżazzjoni oħra minbarra dik li għaliha l-APA stabbilixxa prezz ta’ trasferiment fuq il-bażi tal-MTMN, minħabba s-sempliċi fatt li, għal din it-tranżazzjoni l-oħra, kellu jiġi ddeterminat prezz ta’ trasferiment abbażi tal-metodu CUP. Ir-regola invokata mill-Kummissjoni tippermetti biss li jintgħażel il-metodu xieraq ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment għall-istess tip ta’ tranżazzjoni jew ta’ tranżazzjonijiet relatati b’mod strett. Fil-fatt, l-għażla tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ma huwiex għan fih innifsu, iżda jsir fid-dawl tat-tranżazzjoni fi ħdan il-grupp li għaliha għandu jiġi ddeterminat il-livell ta’ distakkament u mhux bil-maqlub.

210    It-tieni nett, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie spjegat fil-punti 146 u 147 iktar ’il fuq, miżura fiskali tagħti vantaġġ ekonomiku meta din twassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali meta mqabbel ma’ dak li normalment kellu jiġi sostnut minnu fl-assenza tal-imsemmija miżura.

211    Issa, kif ġie spjegat fil-punt 201 iktar ’il fuq, is-sempliċi nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti metodoloġiċi ma jwassalx neċessarjament għal tnaqqis tal-oneru fiskali. Minn dan jirriżulta li s-sempliċi konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ żbalji fl-għażla jew fl-applikazzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ma hijiex biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ.

212    Madankollu, fil-premessi 275 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż, mingħajr ma jsir tqabbil mar-riżultat li kien jinkiseb bl-applikazzjoni tal-metodu CUP, li l-għażla tal-MTMN twassal neċessarjament għal riżultat baxx wisq. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tafferma, fil-premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-persuna taxxabbli kellha l-obbligu li jivverifika jekk il-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment magħżul minnu kienx iwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ prezz ta’ distakkament, qabel ma l-awtoritajiet fiskali jkunu jistgħu jaċċettaw talba ta’ APA abbażi ta’ dak il-metodu.

213    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għalih jaqa’ taħt id-dritt fiskali u, filwaqt li l-ksur tiegħu jista’ jwassal għal konsegwenzi fil-livell fiskali, fil-livell ta’ għajnuna mill-Istat, tali ksur ma jippermettix li jiġi preżunt li l-metodu magħżul mill-persuna taxxabbli ma jipprovdix approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ibbażat fuq is-suq konformement mal-prinċipju ta’ distakkament.

214    Għall-finijiet ta’ eżawrjenza, għandu jitfakkar (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) li l-punt 2 tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment jipprevedi li l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża għandha dejjem tibda l-eżami tagħha tal-prezzijiet ta’ trasferiment mill-perspettiva tal-metodu magħżul mill-persuna taxxabbli fid-data tat-tranżazzjoni. Din ir-regola hija konformi mal-paragrafu 1.68 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Minn dan jirriżulta li l-persuna taxxabbli hija bħala prinċipju libera li tagħżel metodu tal-prezz ta’ trasferiment sakemm il-metodu magħżul iwassal għal riżultat konformi mal-prinċipju ta’ distakkament għat-tranżazzjoni kkonċernata. Għalkemm il-persuna taxxabbli għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tagħżel metodu tal-prezz ta’ trasferiment, l-affidabbiltà ta’ dan il-metodu fis-sitwazzjoni kkonċernata, dan l-approċċ ma huwiex intiż preċiżament sabiex jinċentiva lill-persuna taxxabbli tevalwa l-metodi kollha u tiġġustifika sussegwentement kif il-metodu li għażlet jagħti l-aħjar riżultat fil-kundizzjonijiet preżenti.

215    Minn dan jirriżulta li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-metodu CUP kellu jkun, bħala prinċipju, ippreferut mill-metodu MTMN.

216    Għalhekk hemm lok li jintlaqa’ l-ilment tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li skontu l-Kummissjoni qieset bi żball li s-sempliċi għażla tal-MTMN fil-każ ineżami kienet tagħti vantaġġ lil SMBV, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument ta’ Starbucks li jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni.

2.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellhiex tkun żero (it-tieni linja ta’ raġunament)

217    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑760/15, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-Kummissjoni ssostni bi żball li r-remunerazzjoni mħallsa minn SMBV lil Alki kellha tkun żero u li minnha jirriżulta vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, il-kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar esterni u produtturi ta’ prodotti dderivati mill-kafè li fuqhom huwa bbażat it-tqabbil li sar mill-Kummissjoni, ma jistgħux jintużaw għal tqabbil tal-ftehimiet kuntrattwali bejn Alki u SMBV, ibbażat fuq il-metodu CUP. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-Kummissjoni ma wrietx li l-MTMN ma kienx wassal għal riżultat ta’ distakkament.

218    Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, Starbucks issostni, essenzjalment, li l-analiżi mill-Kummissjoni tar-royalty tibbaża kważi esklużivament fuq provi li ma kinux aċċessibbli f’April 2008. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tad-dritt fiskali Olandiż u tal-linji gwida tal-OECD, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx firxa ta’ distakkament għar-royalty, iżda kkonkludiet li din għandha tkun ugwali għal żero. Bħar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Starbucks tqis li l-produtturi terzi kollha, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li, bħal SMBV, jipprovdu prodotti tal-kafè bit-trade mark Starbucks lil ħwienet jew lil bejjiegħa mill-ġdid, iħallsu royalties sostanzjali inkambju għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar ta’ Starbucks. Ma titħallas l-ebda royalty mis-subappaltaturi li, għall-kuntrarju ta’ SMBV, ma jipprovdux tali prodotti lill-klijenti, iżda jiżguraw biss servizz tal-inkaljar lill-grupp Starbucks. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar jiġi ġġenerat meta l-prodotti tal-kafè bit-trade mark Starbucks jinbiegħu lill-ħwienet u lill-bejjiegħa mill-ġdid, li jkunu lesti li jħallsu prezz primjum għal dawn il-prodotti. Iktar minn hekk, Starbucks issostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tikkonstata d-deċiżjoni kkontestata, għall-perijodu eżaminat, l-attivitajiet tal-inkaljar ta’ SMBV kienu dejjem profittabbli.

219    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

220    Minn naħa, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li hija qabblet l-ammont tar-royalties fil-kuntest tas-seba’ kuntratti msemmija fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata ma’ dak tar-royalty fil-kuntest tar-relazzjoni bejn SMBV u Alki. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega, fil-Kawża T‑760/15, li hija bbażat wkoll fuq il-kuntratti msemmija fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata u, fil-Kawża T‑636/16, li dan ma kienx, bħala l-prinċipju, il-każ. Il-Kummissjoni żżid tgħid li hija inċidentalment ibbażat fuq il-ftehimiet bejn kompetituri tal-grupp Starbucks u kumpanniji terzi tal-inkaljar tal-kafè, imsemmija fil-premessi 305 sa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-valur ta’ distakkament tar-royalty mħallsa fil-kuntest tar-relazzjoni bejn SMBV u Alki kellu jkun żero. Hija żżid tgħid li, fil-premessi 292 sa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, hija spjegat ir-raġunijiet għaliex hija kienet qieset li dawn it-tranżazzjonijiet kienu jikkostitwixxu punt ta’ tqabbil dirett li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tar-royalty dovuta minn SMBV lil Alki inkambju għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

221    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tafferma li hija ma tikkontestax il-fatt li l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar tista’ tirrappreżenta valur. Madankollu, il-valur ta’ din il-proprjetà intellettwali ma jistax jiġi sfruttat qabel ma l-prodotti tal-kafè bit-trade mark Starbucks jinbiegħu mill-ħwienet Starbucks lill-klijenti finali. Skont il-Kummissjoni, il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar għalhekk ma tistax titqies bħala vantaġġ għal SMBV li għalih għandha titħallas royalty.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

222    Hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni spjegat it-tieni linja ta’ raġunament tagħha fil-premessi 286 sa 341 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-Taqsima 9.2.3.3, intitolata “Il-pagament ta’ royalty lil Alki […] li jirriżulta mill-APA […] mhuwiex ipprezzat f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta [distakkament]”.

223    B’mod preliminari, għandhom isiru żewġ osservazzjonijiet.

224    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li r-royalty kienet tikkostitwixxi, bħala prinċipju, oneru deduċibbli fid-dritt fiskali Olandiż. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat il-fatt li, peress li din hija tranżazzjoni fi ħdan il-grupp Starbucks, ir-royalty hija tranżazzjoni fi ħdan il-grupp. Mill-punti 147 sa 156 iktar ’il fuq jirriżulta li l-livell ta’ tali tranżazzjoni għandu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ SMBV, jiġi evalwat daqslikieku kien ġie ddeterminat f’kundizzjonijiet tas-suq.

225    It-tieni nett, huwa importanti li jiġi osservat li, għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-livell tar-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellu jkun żero, hija rrikonoxxiet fil-premessa 310 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kompetenzi u l-kurvi dwar l-inkaljar setgħu jirrappreżentaw valur. Bl-istess mod, fil-punt 126 tar-risposta tagħha fil-Kawża T‑636/16, il-Kummissjoni tispjega li hija ma tiċħadx li l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar tista’ tirrappreżenta valur.

226    Minn dan isegwi li s-sempliċi kwistjoni li dwarha l-partijiet ma jaqblux hija dik dwar x’kien ikun il-livell tal-prezz ta’ trasferiment għar-royalty li kieku kien ġie stabbilit f’kundizzjonijiet tas-suq.

227    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 286 sa 341 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellha tkun żero. Fil-fatt, skont il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma taffermax li l-livell tal-imsemmija royalty kellu jkun inqas għoli mil-livell tar-royalty aċċettata mill-APA, iżda li ma kellha titħallas l-ebda royalty. Il-Kummissjoni tafferma hija stess li hija ma pproċediet għall-ebda stima ta’ firxa għal-livell tar-royalty għar-raġuni li dan kellu jkun eżattament żero (premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata).

228    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-prova tagħha li skontha r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellha tkun żero (premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata), essenzjalment, fuq tliet elementi.

229    Fir-rigward tal-ewwel element, il-Kummissjoni sostniet li n-natura varjabbli tar-royalty matul il-perijodu mill‑2006 sal‑2014 kien “l-ewwel indikazzjoni” li l-ammont ta’ dan il-ħlas ma kellux x’jaqsam mal-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar (premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-tieni element, il-Kummissjoni affermat li, fir-relazzjoni tagħha ma’ Alki, SMBV ma kinitx tibbenefika mill-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar (premessi 310 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tat-tielet element, il-Kummissjoni spjegat li l-ftehimiet ta’ produzzjoni konklużi minn Starbucks ma’ terzi ma kienu jeżiġu l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar (premessi 291 sa 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

230    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti mressqa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks matul il-proċedura amministrattiva. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni qieset li r-royalty ma kinitx tirrappreżenta remunerazzjoni għat-trasferiment tar-riskji ta’ impriża (premessi 319 sa 332 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-ammont tar-royalty ma kienx iġġustifikat mill-ammonti mħallsa minn Alki lil Starbucks US għat-teknoloġija skont il-ftehim ta’ tqassim tal-ispejjeż (premessi 333 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    Sussegwentement, l-ewwel nett, hemm lok li tiġi esposta fil-qosor it-teorija sostnuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-funzjonijiet ta’ SMBV fir-rigward tar-royalty u dwar ir-regoli normali ta’ tassazzjoni rilevanti. Fil-fatt, dawn l-elementi huma l-bażi li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-livell tar-royalty, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ Starbucks li skontu l-analiżi tar-royalties mill-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq provi li ma kinux disponibbli f’April 2008. It-tielet nett, għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar min uża l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Ir-raba’ nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkonstata, fuq il-bażi ta’ tqabbil ma’ royalties previsti f’kuntratti ma’ terzi, li r-royalty kellha tkun żero. Il-ħames nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni, imressaq matul is-seduta, li skontu, fir-realtà, hija sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li l-livell tar-royalty kellu jkun inqas għoli mil-livell ikkonfermat mill-APA.

b)      Fuq il-funzjonijiet ta’ SMBV fir-rigward tar-royalty

232    Fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ SMBV li huma rilevanti għall-analiżi tar-royalty, qabel kollox, huwa stabbilit li hija tinkalja kafeni ħodor li tixtri mingħand SCTC.

233    Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 49, 96, 137, 313 u 330, kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-ħwienet Starbucks, affiljati u mhux affiljati, huma obbligati jixtru l-kafè inkaljat mingħand SMBV u għalhekk li SMBV hija wkoll il-bejjiegħ tal-kafè inkaljat.

234    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-ħażniet li SMBV tixtri u tbigħ għandhom jidhru, skont l-istandards tal-kontabbiltà, fil-bilanċ tagħha, minħabba l-fatt li hija l-entità inkarigata mill-konklużjoni tal-kuntratti u tal-fatturazzjoni mal-ħwienet.

235    Finalment, mid-deċiżjoni kkontestata, moqrija kollha kemm hi, jirriżulta li l-Kummissjoni tqis li huwa bi żball li, fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, SMBV hija ppreżentata bħala produttur tal-kafè b’riskju baxx. F’dan ir-rigward, fil-premessi 319 sa 332 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet b’mod partikolari l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-korrispondenti ta’ Starbucks li skonthom il-modalitajiet kuntrattwali bejn SMBV u Alki, li r-rapport tal-konsulent tat-taxxa kien ibbażat fuqhom, iwasslu għal trasferiment effettiv tar-riskji ta’ impriża ta’ SMBV lil Alki. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li SMBV kienet issostni riskji kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħha ma’ SCTC u l-ħwienet Starbucks.

236    Minn dan isegwi li, skont il-Kummissjoni, SMBV ma hijiex, fir-rigward tal-bejgħ tagħha tal-kafè inkaljat lill-ħwienet Starbucks, produttur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar jew subappaltatur, iżda li hija tinkalja l-kafè f’isimha stess u taġixxi bħala bejjiegħ. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-espressjoni “manifattura b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar” normalment tinftiehem li tfisser arranġament li fih impriża tipproċessa materja prima jew prodotti nofshom lesti f’isem impriża oħra.

c)      Fuq ir-regoli ta’ tassazzjoni normali fid-dritt Olandiż

237    Kif ġie kkonstatat fil-punt 146 iktar ’il fuq, l-eżami skont l-Artikolu 107(1) TFUE ta’ miżura fiskali mogħtija lil impriża integrata jimplika d-determinazzjoni, minn qabel, tar-regoli ta’ tassazzjoni normali applikabbli lill-benefiċjarju tal-imsemmija miżura.

238    Fil-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li r-regoli Olandiżi li fir-rigward tagħhom għandu jiġi eżaminat l-APA huma r-regoli tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża. Dawn ir-regoli huma mogħtija fil-qosor fil-punti 3 sa 11 u 35 iktar ’il fuq.

239    Fil-fatt, fil-każ ineżami, huwa stabbilit li l-APA kien ġie konkluż sabiex SMBV tkun tista’ tantiċipa l-applikazzjoni tar-regoli dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji billi tiddetermina l-profitt taxxabbli tagħha. Minn dan jirriżulta li l-APA jidħol fil-kuntest tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, li għandha l-għan li tintaxxa lill-impriżi – integrati jew awtonomi – suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

240    Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-funzjonijiet ta’ SMBV kif identifikati fil-punti 232 sa 236 iktar ’il fuq u tar-regoli normali ta’ tassazzjoni kif identifikati iktar ’il fuq li għandha tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk il-livell tar-royalty kienx jikkorrispondi għal livell li kieku kien jintuża f’kundizzjonijiet tas-suq.

d)      Fuq l-użu ta’ elementi invokati mill-Kummissjoni li ma kinux disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA

241    Starbucks tafferma li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA, f’April 2008. B’mod iktar preċiż, Starbucks tirreferi għall-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar il-kriterju ta’ investitur privat li skontu, sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika ta’ miżura partikolari, hemm lok li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perijodu li fih ittieħdu l-miżuri ta’ għajnuna finanzjarja u, għalhekk, li ma għandha tingħata l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti. L-istess prinċipju huwa, skont Starbucks, stabbilit ukoll fid-dritt fiskali Olandiż kif ukoll fil-linji gwida tal-OECD.

242    Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li dan il-prinċipju huwa applikabbli fil-każ ineżami u tillimita ruħha li tafferma li numru kunsiderevoli ta’ argumenti insostenn tal-konklużjoni tagħha li skontha l-APA ma kienx josserva l-prinċipju ta’ distakkament kienu bbażati fuq informazzjoni u data li l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża kellha fil-mument li fih ġie konkluż l-APA.

243    Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li d-dritt fiskali Olandiż kif ukoll il-linji gwida tal-OECD jipprevedu, skont Starbucks, li huwa neċessarju li ma tingħata l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni ta’ ftehim minn qabel fir-rigward tal-prezzijiet sabiex jiġi eżaminat jekk dan josservax il-prinċipju ta’ distakkament, ma għandu l-ebda effett fuq l-eżami fil-każ ineżami tal-APA fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE.

244    Starbucks tibbaża l-argument tagħha fuq applikazzjoni analoga tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni li skontha, sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata adottawx jew le l-aġir ta’ operatur privat prudenti li jopera fl-ekonomija tas-suq, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perijodu li fih il-miżuri inkwistjoni ttieħdu sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Membru jew l-entità pubblika, u għaldaqstant ma għandha tingħata l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni suċċessiva (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 93; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 69 u 71, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105).

245    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-determinazzjoni ta’ prezz ta’ trasferiment konformement mal-kundizzjonijiet tas-suq ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u privati, iżda, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, fuq l-għan leġittimu ta’ ftehim minn qabel fiskali, bħall-APA, li huwa li tiġi stabbilita, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, minn qabel, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni fiskali.

246    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni ta’ ftehim minn qabel fiskali, bħall-APA, kien jagħti lok għal għajnuna ġdida, dan kellu jiġi kkomunikat lilha qabel l-implimentazzjoni tiegħu, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE. Issa, li kieku l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar tali komunikazzjoni, hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni elementi ta’ informazzjoni li ma kinux magħrufa jew raġonevolment prevedibbli fil-mument tad-deċiżjoni tagħha. Għalhekk hija ma tistax tikkritika lill-Istat Membru kkonċernat li ma ħax inkunsiderazzjoni elementi li ma kinux magħrufa jew raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-ftehim inkwistjoni.

247    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li mill-Artikolu 1 u mill-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura kkontestata mill-Kummissjoni hija biss l-APA.

248    It-tieni nett, għalkemm huwa veru li l-APA seta’ jiġi rrevokat jew emendat matul il-perijodu tal-validità tiegħu, mill‑2007 sal‑2017, huwa importanti li jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qisitx li l-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ma rrevokawx jew ma emendawx l-APA matul il-validità tiegħu, kien ta vantaġġ lil SMBV. Fil-fatt, it-tieni inċiż tal-punt 6 tal-APA, moqri flimkien mal-ewwel inċiż tal-punt 4 tiegħu, jistipula li dan jintemm meta jkun hemm bidla sostanzjali tal-fatti u ċ-ċirkustanzi approvati mill-APA, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu b’mod bonarju dwar reviżjoni tal-ftehim. Issa, għalhekk, xejn ma kien iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tikkonstata li seħħet bidla sostanzjali tal-fatti u ċ-ċirkustanzi approvati mill-APA u li, konsegwentement, applikazzjoni kontinwa tal-APA kienet tagħti vantaġġ selettiv lil SMBV.

249    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skontu l-APA kien is-suġġett ta’ verifika f’nofs it-terminu, wara s-sitt sena finanzjarja li ntemmet fil‑31 ta’ Diċembru 2013, u li l-APA ma ġiex emendat f’din l-okkażjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, imkien fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma sostniet li l-assenza ta’ emenda jew ta’ revoka tal-APA, wara din il-verifika f’nofs it-terminu, tat vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) TFUE lil SMBV.

250    Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti minn ftehim minn qabel, bħalma huwa l-APA, għandu jsir fir-rigward tal-kuntest tal-perijodu li fih dan kien ġie konkluż. Din il-konstatazzjoni timplika li l-Kummissjoni hija obbligata ma tagħmel l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni tal-APA.

251    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ l-argument imressaq minn Starbucks li skontu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-analiżi tagħha fuq informazzjoni li ma kinitx disponibbli jew raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA, f’April 2008.

e)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kinitx tirrappreżenta valur għal SMBV

252    Permezz tat-tieni argument imressaq fil-premessi 310 sa 332 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 230 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni fittxet, essenzjalment, li turi li l-ħlas ta’ royalty minn SMBV lil Alki ma kienx iġġustifikat, bħala prinċipju, peress li SMBV ma kinitx tibbenefika, skont il-Kummissjoni, mill-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Dan l-argument jinqasam f’żewġ partijiet. Essenzjalment, minn naħa, il-Kummissjoni qieset li SMBV ma kinitx tuża l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fis-suq. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li l-attività tal-inkaljar tal-kafè ma kinitx tiġġenera profitti suffiċjenti sabiex jippermettu l-ħlas tar-royalty.

1)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk SMBV kinitx tuża l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fis-suq

253    Fir-rigward tal-argument li skontu SMBV ma kinitx tuża l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fis-suq, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 310 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata li, qabel kollox, fir-relazzjoni speċifika bejn Alki u SMBV, il-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar ma kienx “sfruttat” mill-kumpannija tal-inkaljar, jiġifieri SMBV. Skont il-Kummissjoni, l-importanza tal-kompetenzi u l-kurvi tal-inkaljar kienet tinsab fl-iżgurar ta’ togħma konsistenti assoċjata mat-trade mark u mal-prodotti differenti tagħha. Minn dan hija ddeduċiet li l-valur tal-kompetenzi u l-kurvi tal-inkaljar ta’ Starbucks kien “sfruttat” biss meta l-prodotti Starbucks kienu jinbiegħu bit-trade mark Starbucks mill-ħwienet. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-kompetenzi u l-kurvi dwar l-inkaljar, waħedhom, ma kienu jiġġeneraw l-ebda valur għall-inkaljar fuq bażi kontinwa jekk ma kinux jistgħu jiġu sfruttati fis-suq. Fil-fehma tagħha, fil-każ ta’ SMBV, il-kompetenzi u l-kurvi tal-inkaljar kienu “jidhru” li jikkostitwixxu speċifikazzjoni teknika li għandha tiġi osservata għall-inkaljar skont il-preferenza jew l-għażla tal-impriża li kienet tordna l-inkaljar. Il-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet iffissati minn Alki rigward il-proċess tal-inkaljar u, b’mod partikolari, il-kurvi tal-inkaljar, kienu jippermettu lil SMBV tinkalja l-kafè mibjugħ bit-trade mark Starbucks, ma kien jagħti l-ebda benefiċċju, skont il-Kummissjoni, lil SMBV f’termini ta’ iktar bejgħ jew prezz tal-bejgħ ogħla, meta jitqies li, bħala prinċipju, SMBV ma kinitx tbigħ il-produzzjoni tagħha lil klijenti finali li kienu japprezzaw lit-trade mark Starbucks. Finalment, il-Kummissjoni żiedet tgħid li SMBV kienet tbigħ kważi t-totalità tal-produzzjoni tagħha fi ħwienet ta’ konċessjoni Starbucks u li għalhekk hija ma kinitx tisfrutta l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fis-suq.

254    Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni żżid tgħid li l-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar jiġi sfruttat biss meta l-prodotti jinbiegħu lill-klijenti finali li jevalwaw din it-togħma stabbilita assoċjata mat-trade mark inkwistjoni. Fil-livell ekonomiku, ma jkunx razzjonali li l-kumpannija tal-inkaljar/produttur tal-kafè jħallsu royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar meta huma ma jikkummerċjalizzawx direttament il-prodott finali. Dan jinsab fil-fatt li, f’tali xenarju, il-kumpannija tal-inkaljar/produttur tal-kafè juża din il-proprjetà intellettwali għall-inkaljar tal-kafeni fuq talba tal-persuna li tagħmel l-ordni.

255    B’mod preliminari, minn naħa, [kunfidenzjali]. Minn dan isegwi li, skont il-ftehim dwar l-inkaljar, SMBV kienet obbligata tħallas ir-royalty inkambju għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

256    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma sostnietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-teżi tagħha li skontha l-operat tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar isir fil-konfront tal-konsumaturi finali, kienet tikkostitwixxi test stabbilit mid-dritt fiskali Olandiż. Għall-kuntrarju, mill-premessi 310 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi introduttivi li jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem id-deċiżjoni ta’ ftuħ, jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet eżami purament ekonomiku li hija bbażat fuq il-linji gwida tal-OECD fil-verżjonijiet tagħhom tal‑1995 u tal‑2010.

257    Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-teżi tal-Kummissjoni, spjegata fil-premessi 298, 300 u 310 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha SMBV ma kinitx tisfrutta direttament il-proprjetà intellettwali fis-suq minħabba li ma kinitx tbigħ il-prodotti lil klijenti finali.

258    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessi 310 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex plawżibbli. Fil-fatt, ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fil-premessi 310 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa, essenzjalment, ibbażat fuq il-premessa li l-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar jiġi sfruttat biss meta l-prodotti jinbiegħu lill-klijenti finali li jevalwaw din it-togħma stabbilita assoċjata mat-trade mark inkwistjoni u li, fil-livell ekonomiku, ma jkunx razzjonali li l-kumpannija tal-inkaljar/produttur tal-kafè jħallsu royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar meta huma ma jikkummerċjalizzawx direttament il-prodott finali. Madankollu, din il-premessa ma tingħatax prova tagħha mill-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata.

259    Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kienet, bħala prinċipju, tista’ tirrappreżenta valur ekonomiku. It-tieni nett, huwa stabbilit wkoll bejn il-partijiet li SMBV hija kumpannija tal-inkaljar li kienet obbligata tuża l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar sabiex tinkalja l-kafè tagħha. It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ħwienet Starbucks, affiljati u mhux affiljati, huma obbligati jixtru l-kafè inkaljat mingħand SMBV u li hija għalhekk ukoll il-bejjiegħ tal-kafè inkaljat.

260    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bi żball iffokat l-analiżi tagħha fuq il-premessa li l-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar jiġi sfruttat biss meta l-prodotti jinbiegħu lill-klijenti finali. Il-kwistjoni dwar min għandu finalment ibati l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-kumpens tal-valur tal-proprjetà intellettwali użata għall-produzzjoni tal-kafè hija distinta sew mill-kwistjoni dwar jekk il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kinitx neċessarja sabiex tippermetti lil SMBV tipproduċi l-kafè inkaljat skont il-kriterji meħtieġa mill-ħwienet Starbucks, li lilhom hija tbigħ, f’isimha stess, il-kafè.

261    Fil-każ li SMBV tbigħ il-kafè li hija tinkalja lil ħwienet Starbucks li jeżiġu li l-kafè jkun kien ġie inkaljat skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Starbucks, huwa plawżibbli li, fl-assenza tad-dritt li tintuża, jew – sabiex tiġi riprodotta t-terminoloġija tad-deċiżjoni kkontestata – li tiġi sfruttata l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, SMBV ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tipproduċi u li tipprovdi kafè inkaljat skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Starbucks lill-ħwienet tal-istess isem.

262    Minn dan hemm lok li jiġi konkluż li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-ħlas ta’ royalty minn SMBV għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar ma huwiex nieqes minn kwalunkwe razzjonalità ekonomika. Fil-fatt, il-proprjetà intellettwali kienet neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ta’ SMBV, jiġifieri li tipproduċi l-kafè inkaljat skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Starbucks. Minn dan jirriżulta li SMBV tislet tassew valur miżjud mill-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, li mingħajrha hija sussegwentement ma tkunx tista’ terġa’ tbigħ il-kafè inkaljat lill-ħwienet Starbucks.

263    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li skontu huma l-ħwienet Starbucks li jħallsu royalties lil Starbucks Coffee Emea li diġà jinkludu remunerazzjoni [kunfidenzjali]. Minn naħa, l-iżviluppi fil-kuntest ta’ din il-linja ta’ raġunament fid-deċiżjoni kkontestata ma jinkludu l-ebda element li jissostanzja din it-teżi. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ħwienet Starbucks iħallsu royalty lil Starbucks Coffee Emea ma jeskludix li SMBV tkun tista’ tgħaddi [kunfidenzjali] fil-prezz iffatturat lill-ħwienet. Iktar minn hekk, il-fatt li, skont il-Kummissjoni, il-ħwienet Starbucks iħallsu t-tieni royalty [kunfidenzjali] lil Starbucks Coffee Emea, [kunfidenzjali], jista’ jagħti vantaġġ, l-iktar l-iktar, lil din tal-aħħar, iżda mhux lil SMBV.

264    Minn dak li ntqal jirriżulta li kien bi żball li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 298 u 300 tad-deċiżjoni kkontestata, li kumpannija tal-manifattura mhux affiljata tisfrutta proprjetà intellettwali tal-inkaljar biss fil-każ fejn hija tbigħ il-prodotti tagħha lil klijenti finali. Fil-fatt, l-operat tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom kumpannija tal-inkaljar tbigħ il-kafè tagħha fis-suq bl-imnut lill-konsumaturi finali, iżda jinkludi wkoll is-sitwazzjonijiet bħal dik ta’ SMBV, li fihom, kumpannija tal-inkaljar tkun attiva bħala bejjiegħ fis-suq bl-ingrossa. Min-naħa l-oħra, sempliċi pproċessar tal-kafè f’isem persuna li tagħmel l-ordni li tagħti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ produzzjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera l-operat ta’ tali proprjetà intellettwali.

265    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat li SMBV, hekk kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex tħallas royalty minħabba l-fatt li hija ma kinitx tisfrutta l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fis-suq.

2)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk SMBV għamlitx telf mill-attivitajiet tagħha tal-inkaljar

266    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni, spjegat fil-premessi 314 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontu mill‑2010 SMBV għamlet telf mill-attivitajiet tagħha tal-inkaljar, sitwazzjoni li ma kinitx tippermetti li titħallas royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni b’mod partikolari ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li l-kafeni mixtrija minn SMBV kienu jintużaw ukoll għall-produzzjoni tal-kafè minn terzi. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li dan kien juri li l-metodu użat sabiex tiġi ddeterminata r-royalty bħala varjabbli ta’ aġġustament, kif approvat mill-APA, ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament.

267    Il-Kummissjoni tirribatti li, skont l-informazzjoni li hija rċeviet mingħand Starbucks matul il-proċedura amministrattiva, parti limitata biss tal-kafè inkaljat kienet ipproċessata minn produtturi esterni. Għalhekk hija qieset ġustament li kważi l-kafeni kollha mixtrija minn SMBV kienu pproċessati fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni tal-kafè.

268    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, essenzjalment, li mill‑2010, SMBV kienet għamlet telf mill-attivitajiet tagħha tal-inkaljar u li r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kienet iffinanzjata parzjalment mill-attivitajiet l-oħra ta’ SMBV, mingħajr ma kien hemm prospett ta’ profitti futuri li jirriżultaw mill-inkaljar. Skont il-Kummissjoni, l-attività tal-inkaljar tal-kafè ma kinitx tiġġenera profitti suffiċjenti sabiex jippermettu l-ħlas tar-royalty. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-royalty mħallsa fi ħdan il-grupp minn SMBV lil Alki għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kienet “tidher” li sservi l-uniku skop tat-trasferiment tal-profitti ġġenerati mill-attività tal-bejgħ mill-ġdid ta’ SMBV lil Alki.

269    Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-premessa li skontha huwa neċessarju li jsiru profitti mill-attivitajiet tal-inkaljar sabiex tkun tista’ titħallas royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Issa, il-Kummissjoni ma turix li r-regoli ta’ tassazzjoni Olandiżi jipprevedu li l-obbligu li titħallas royalty jiddependi mill-profittabbiltà tal-attività kkonċernata. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet tal-inkaljar ta’ SMBV kinux profittabbli, ma għandhiex rabta ma’ dik dwar jekk obbligu li titħallas royalty bħal dik fil-każ ineżami jistax ikun ekonomikament iġġustifikat.

270    F’dan ir-rigward, qabel kollox, huwa importanti jiġi osservat li l-Kummissjoni ssostni li l-attività tal-inkaljar ma ġġeneratx biżżejjed profitti, għall-perijodu li jibda fl‑2010. Din il-konstatazzjoni għalhekk ma tikkonċernax il-perijodu kollu ta’ validità tal-APA (li jibda fl‑2007).

271    Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif ġie indikat fil-punti 243 sa 251 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet marbuta ma tagħmel l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti għall-konklużjoni tal-APA. Issa, il-Kummissjoni ma tispjegax, fid-deċiżjoni kkontestata, kif it-telf li hija tirreferi għalih fil-premessi 314 sa 317 tagħha kienu prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-APA, minkejja li dawn jaqgħu taħt is-sitwazzjoni ta’ SMBV mill‑2010. Il-Kummissjoni għalhekk ma wrietx li hija kellha dritt tibbaża fuq il-fatt li, mill‑2010, SMBV kienet għamlet telf mill-attivitajiet tagħha tal-inkaljar.

272    Finalment, fi kwalunkwe każ, sa fejn Starbucks issostni li l-attivitajiet tal-inkaljar ta’ SMBV kienu dejjem profittabbli, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni wettqet l-analiżi tagħha fuq il-bażi ta’ tqabbil tad-dħul magħmul minn ħwienet Starbucks mal-valur tax-xiri tal-kafeni ħodor minn SMBV mingħand SCTC. Madankollu, fil-kuntest tat-tielet linja ta’ raġunament, il-Kummissjoni ssostni preċiżament li ż-żieda fil-prezzijiet tal-kafeni ħodor mill‑2010 kienet għolja wisq. Għalhekk, diġà mill-argumenti tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ispejjeż tal-kafeni ħodor kienu kunsiderevolment sopravvalutati u li, għaldaqstant, it-telf li hija tirreferi għalih fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx jeżisti, mill-inqas fi proporzjonijiet bħal dawk ikkonstatati fil-premessi 314 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata.

273    Dawn il-konstatazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li skontu SMBV ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar minħabba l-fatt li hija għamlet telf mill-attivitajiet tagħha tal-inkaljar.

274    Fi kwalunkwe każ, Starbucks issostni li l-kalkolu tal-Kummissjoni huwa żbaljat, minħabba l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li volum kunsiderevoli tat-total tax-xiri ta’ kafè aħdar ma kienx ġie inkaljat minn SMBV. Il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument, għar-raġuni li din l-informazzjoni hija ġdida u kontradittorja fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa matul il-proċedura amministrattiva.

275    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tammetti, kemm fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 155 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-informazzjoni pprovduta minn Starbucks matul il-proċedura amministrattiva kienet twassal għall-konklużjoni li prattikament il-kafè aħdar kollu mixtri minn SMBV, bl-eċċezzjoni ta’ “volum limitat” li kien ġie pprovdut lil terzi, kien ġie inkaljat ukoll minn SMBV. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għall-ittra tal-korrispondenti ta’ Starbucks li ġiet indirizzata lilha fit‑23 ta’ Settembru 2015. Madankollu, mill-imsemmija ittra jirriżulta li t-terz inkwistjoni kellu kuntratt ta’ manifattura b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar mal-grupp Starbucks li kien jikkonċerna “b’mod predominanti” (predominantly) il-produzzjoni ta’ prodotti li ma humiex il-kafè inkaljat, “iżda wkoll l-inkaljar tal-kafè aħdar bħala tali (minkejja li jirrigwarda volumi limitati)”. Ir-riferiment għall-“volumi limitati” jindika li t-terz inkwistjoni kien jipproduċi kwantità limitata ta’ kafè inkaljat meta mqabbel mal-produzzjoni tiegħu ta’ prodotti li ma humiex it-trab tal-kafè, iżda dan ma jindikax li huwa kien jipproduċi kwantitajiet negliġibbli ta’ kafè inkaljat. Il-Kummissjoni għalhekk ġiet avżata matul il-proċedura amministrattiva li parti mill-kafè aħdar mixtri minn SMBV ma kinitx inkaljata minn SMBV. L-oġġezzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument ta’ Starbucks u bbażata fuq il-fatt li dan l-argument huwa bbażat fuq informazzjoni li ma kinitx saret taf bihom matul il-proċedura amministrattiva hija għalhekk nieqsa mill-fatti u għandha tiġi miċħuda.

276    Fir-rigward tal-fondatezza tal-argument ta’ Starbucks li skontu l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-somom kollha li jikkorrispondu għax-xiri tal-kafè aħdar ta’ SMBV bħala spejjeż għall-kalkolu tagħha filwaqt li volum kunsiderevoli tax-xiri totali tal-kafè aħdar ma kienx ġie inkaljat minn SMBV, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ssostni li Starbucks ma indikatx, fid-dokumenti trażmessi fid‑29 ta’ Mejju 2015, li parti sinjifikattiva ta’ kafeni ħodor kienu inkaljati minn terzi. Madankollu, kif issostni ġustament Starbucks, it-tweġiba għall-mistoqsija 2 fl-ittra tal-korrispondenti ta’ Starbucks tad‑29 ta’ Mejju 2015 li l-Kummissjoni tinvoka fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha kienet tirrigwarda l-allokazzjoni tad-dħul ta’ SMBV għad-diversi funzjonijiet tagħha, u mhux l-allokazzjoni tal-ispejjeż tagħha għal dawn il-funzjonijiet. Minn dan isegwi li t-tweġibiet tal-korrispondenti ta’ Starbucks li fuqhom il-Kummissjoni bbażat, skont is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-konstatazzjoni tagħha li skontha l-funzjoni tal-inkaljar ta’ SMBV kienet iġġenerat telf sa mill‑2010, ma kinux suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal din il-konklużjoni.

277    Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punt 275 iktar ’il fuq, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni diġà kellha indikazzjonijiet sabiex tqis li l-kalkolu tagħha, spjegat fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-prezz imħallas minn SMBV lil SCTC għall-kafeni ħodor mid-dħul miksub mill-inkaljar tal-kafè, kien żbaljat.

278    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li mill‑2010 SMBV għamlet telf mill-attivitajiet tagħha tal-inkaljar, sitwazzjoni li ma kinitx tippermetti li titħallas royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

f)      Fuq it-tqabbil ma’ kuntratti tal-inkaljar tal-kafè konklużi minn Starbucks ma’ terzi u meta mqabbla ma’ ftehimiet ta’ liċenzji simili “fis-suq”

279    Permezz tat-tielet argument spjegat fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 229 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni fittxet li tispjega, essenzjalment, li l-ftehimiet ta’ produzzjoni konklużi minn Starbucks ma’ terzi kif ukoll ċerti ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar terzi, ma kienu jipprevedu l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar (premessi 291 sa 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

280    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata, li analiżi mill-perspettiva tal-prezzijiet ta’ trasferimenti tal-valur ta’ distakkament tar-royalty mħallsa lil Alki minn SMBV għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kienet twassal għall-konklużjoni li, fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni partikolari, ma setgħet tkun dovuta l-ebda royalty għal din il-proprjetà intellettwali. Hija bbażat din il-konstatazzjoni, minn naħa, fuq analiżi tal-ftehimiet ta’ produzzjoni konklużi minn Starbucks ma’ terzi u, min-naħa l-oħra, fuq tqabbil mal-ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u ta’ kumpanniji tal-inkaljar terzi. Mill-premessi 291 u 299 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni fittxet li tiddetermina l-livell ta’ royalty konformi mad-distakkament bejn SMBV u Alki.

281    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks ma jaqblux mal-Kummissjoni, essenzjalment, dwar il-kwistjoni dwar jekk il-kuntratti konklużi minn Starbucks ma’ kumpanniji tal-inkaljar esterni kif ukoll ma’ produtturi ta’ prodotti dderivati mill-kafè, li fuqhom huwa bbażat it-tqabbil li sar mill-Kummissjoni, kinux rilevanti sabiex isir tqabbil mal-ftehimiet kuntrattwali bejn Alki u SMBV, bl-applikazzjoni tal-metodu CUP.

282    Essenzjalment, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehimiet ta’ produzzjoni konklużi minn Starbucks ma’ terzi jimplikawx li r-royalty kellha tkun żero, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jaffermaw li:

–        il-kuntratti konklużi bejn Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar esterni kif ukoll produtturi ta’ prodotti dderivati mill-kafè li fuqhom tibbaża d-deċiżjoni kkontestata ma setgħux jintużaw għal tqabbil mal-ftehimiet kuntrattwali bejn Alki u SMBV, ibbażat fuq il-metodu CUP;

–        l-analiżi tal-Kummissjoni dwar ir-royalties tibbaża kważi esklużivament fuq provi li ma kinux disponibbli f’April 2008;

–        il-maġġoranza tal-kuntratti użati mill-Kummissjoni għat-tqabbil tat-tranżazzjonijiet kienu jirrigwardaw prodotti speċifiċi, idderivati mill-kafè, minbarra l-kafeni inkaljati;

–        ir-remunerazzjoni ta’ Alki kienet marbuta b’mod inseparabbli max-xiri tal-kafeni ħodor mingħand SCTC, iżda l-ebda waħda mit-tranżazzjonijiet idderivati mill-kuntratti użati mill-Kummissjoni għat-tqabbil ma kienet marbuta b’mod inseparabbli ma’ tranżazzjoni oħra b’dan il-mod;

–        il-produtturi terzi kollha, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li, bħal SMBV, kienu jipprovdu prodotti tal-kafè bit-trade mark Starbucks lil ħwienet jew lil bejjiegħa mill-ġdid, kienu jħallsu royalties sostanzjali inkambju għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar tal-kafè ta’ Starbucks.

283    Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ produzzjoni konklużi minn Starbucks ma’ terzi, il-Kummissjoni eżaminat, fl-ewwel stadju, fil-premessi 291 sa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-kuntratti tal-inkaljar tal-kafè konklużi mill-grupp Starbucks ma’ għaxar impriżi terzi kinux joffru punt ta’ tqabbil dirett li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tar-royalty dovuta minn SMBV lil Alki. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat l-eżami tagħha fuq il-paragrafu 1.36 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, li, għall-finijiet tal-analiżi ta’ komparabbiltà bejn it-tranżazzjonijiet ikkontrollati tal-impriża taxxabbli u t-tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq ħieles, jistabbilixxi ħames fatturi ta’ komparabbiltà, li jinkludu l-karatteristiċi tal-oġġetti jew tas-servizzi ttrasferiti, il-funzjonijiet żgurati mill-partijiet, il-klawżoli kuntrattwali, iċ-ċirkustanzi ekonomiċi tal-partijiet u l-istrateġiji industrijali u kummerċjali li huma jsegwu. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 147 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-paragrafu 1.17 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995. Skont dan tal-aħħar, għall-finijiet tal-analiżi ta’ komparabbiltà, il-karatteristiċi li jistgħu jkunu importanti huma dawk tal-oġġetti jew tas-servizzi ttrasferiti, il-funzjonijiet żgurati mill-partijiet, il-klawżoli kuntrattwali, is-sitwazzjoni ekonomika rispettiva tal-partijiet u l-istrateġiji industrijali u kummerċjali li huma jsegwu.

284    Fit-tieni stadju, fil-premessi 299 sa 304 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fuq il-bażi ta’ dawn l-għaxar tranżazzjonijiet mhux ikkontrollati, l-ammont ta’ royalty konformi mad-distakkament bejn SMBV u Alki seta’ jiġi ddeterminat bl-użu tal-metodu CUP.

285    B’mod iktar speċifiku, l-ewwel nett, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-royalty billi jiġi applikat il-metodu CUP, hija qabblet il-ħlas tar-royalty ta’ SMBV lil Alki mal-ħlasijiet dovuti minn terzi lil impriżi oħra tal-grupp Starbucks, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet komparabbli konklużi f’kundizzjonijiet simili fis-suq ħieles. It-tieni nett, il-Kummissjoni analizzat kuntratti konklużi mill-grupp Starbucks mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 kif ukoll mal-kumpanniji indikati, fil-premessa 300 tal-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-kliem “kumpaniji tal-manifattura mhux affiljati 2, 3, 4, 8, 9 u 10” (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2”, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3”, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 4”, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 8, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 9” u l-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 10”). Hija għalhekk ikkonstatat li l-imsemmija terzi ma kinux iħallsu royalties fuq il-bażi tal-ftehimiet ta’ liċenzja tagħhom mal-grupp Starbucks jekk huma ma kinux jużaw il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fis-suq. It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-grupp Starbucks u l-kumpanniji indikati, fil-premessa 303 tal-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-kliem “kumpaniji tal-manifattura mhux affiljati 5, 6 u 7” (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5”, il-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 6” u l-“kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 7”), li huma biss il-ftehimiet ta’ liċenzja għat-trade mark u t-teknoloġija konklużi ma’ dawn it-terzi minn Starbucks li kienu jipprevedu l-ħlas ta’ royalty.

286    Fit-tielet stadju, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti tal-inkaljar tal-kafè konklużi mill-grupp Starbucks ma’ għaxar impriżi terzi ma kienu jeżiġu l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li, fil-kuntest tar-relazzjoni partikolari bejn SMBV u Alki, ma setgħet tkun dovuta l-ebda royalty għal din il-proprjetà intellettwali.

287    Mingħajr ma hemm bżonn, f’dan l-istadju, li jiġi eżaminat jekk l-għażla mill-Kummissjoni tal-elementi rilevanti għall-analiżi ta’ komparabbiltà, jiġifieri l-karatteristiċi tal-oġġetti jew tas-servizzi ttrasferiti, il-funzjonijiet żgurati mill-partijiet, il-klawżoli kuntrattwali, is-sitwazzjoni ekonomika rispettiva tal-partijiet u l-istrateġiji industrijali u kummerċjali li huma jsegwu, kinitx ivvizzjata bi żball, hemm lok li jiġi kkonstatat li jeżistu diversi elementi fil-kuntest ta’ din l-analiżi li jipprekludu l-komparabbiltà bejn, minn naħa, ir-relazzjonijiet bejn il-grupp Starbucks ma’ terzi u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet bejn SMBV u Alki. Dawn l-elementi huma spjegati fil-punti 288 sa 345 iktar ’il quddiem.

1)      Fuq il-kuntratti konklużi wara l-APA

288    Hemm lok li jiġi osservat li sebgħa mill-għaxar kuntratti eżaminati mill-Kummissjoni, jiġifieri dawk konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 3, 4, 7, 8, 9 u 10 ġew eżaminati wara l-konklużjoni tal-APA. Peress li l-Kummissjoni ma tispjegax kif dawn il-kuntratti kienu disponibbli jew raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA, hija ma kinitx f’pożizzjoni, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 243 sa 251 iktar ’il fuq, li tibbaża l-analiżi tagħha tal-APA fuq elementi sussegwenti għall-konklużjoni tagħha. Għalhekk hemm lok li dawn is-seba’ kuntratti jiġu esklużi mill-analiżi ta’ tqabbil.

2)      Fuq il-kuntratti konklużi ma’ impriżi li ma jinkaljawx kafè

289    Kif ġie spjegat fil-punti 232 sa 236 iktar ’il fuq, SMBV hija kumpannija tal-inkaljar tal-kafè aħdar li tħallas lil Alki royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

290    Fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fost l-għaxar impriżi terzi li kkonkludew kuntratt mal-grupp Starbucks, xi wħud ma kinux jinkaljaw kafè. Issa, huwa magħruf li impriża li ma tinkaljax il-kafè ma hijiex ser tħallas royalty lill-grupp Starbucks għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar għall-finijiet tal-produzzjoni tal-kafè inkaljat.

291    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi li jindikaw li l-kuntratti li fil-kuntest tagħhom it-terz ma kienx jipproduċi kafè inkaljat huma komparabbli għall-kuntratt konkluż bejn SMBV u Alki. Ċertament, din il-konstatazzjoni ma teskludix li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-analiżi tagħha fuq it-tranżazzjonijiet ta’ impriża li ma kinitx teżerċita l-istess funzjonijiet bħal SMBV jew li kienet tinsab f’sitwazzjoni fattwali differenti. F’din l-ipoteżi, hija kellha l-obbligu li tiġġustifika tali għażla u li tispjega l-adattamenti li hija kienet wettqet fl-analiżi tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn l-impriżi.

292    Għaldaqstant, kuntratt li kien ġie konkluż ma’ impriża li ma kinitx kumpannija tal-inkaljar ma setax jintuża, fil-każ ineżami, mingħajr aġġustamenti jew adattamenti, għall-finijiet tal-analiżi ta’ tqabbil sabiex jintwera li l-livell tar-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellu jkun żero.

293    F’dan ir-rigward, il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 5, 6 u 7 ma kinux jikkonċernaw, skont id-deskrizzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata, l-inkaljar tal-kafè aħdar. Peress li, fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, il-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 5, 6 u 7 ma eżerċitawx il-funzjoni ta’ kumpannija tal-inkaljar tal-kafè, hemm lok li jiġi konkluż li l-kuntratti konklużi mal-imsemmija kumpanniji ma setgħux jintużaw, fil-każ ineżami, għall-finijiet tal-analiżi ta’ tqabbil.

3)      Fuq il-kuntratti ma’ impriżi li ma żgurawx il-bejgħ tal-kafè inkaljat lill-ħwienet jew lill-konsumaturi

294    Kif ġie spjegat fil-punt 235 iktar ’il fuq, il-ħażniet li SMBV xtrat mingħand SCTC u li hija biegħet lill-ħwienet jidhru fil-bilanċ ta’ SMBV minħabba li din tal-aħħar hija l-entità inkarigata mill-konklużjoni tal-kuntratti u tal-fatturazzjoni mal-ħwienet. Minn dan isegwi li SMBV saret il-proprjetarja tal-ħażniet tal-kafè aħdar li hija inkaljat u biegħet lill-ħwienet. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kieku SMBV kienet impriża awtonoma, hija ma setgħetx tipproduċi l-kafè tagħha skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-grupp Starbucks mingħajr ma tkun kisbet id-dritt li tuża l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Għaldaqstant, hija ma setgħetx tipproduċi l-kafè inkaljat tagħha mingħajr ma tħallas royalty.

295    Min-naħa l-oħra, kif ġie spjegat fil-punt 236 iktar ’il fuq, produttur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar jew subappaltatur jipproċessa materja prima jew prodotti nofshom lesti f’isem il-persuna li tagħmel l-ordni. Konsegwentement, il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar għalih tirrappreżenta biss speċifikazzjoni teknika li għaliha ma huwiex se jħallas royalty lill-persuna li tagħmel l-ordni.

296    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett hemm lok li jiġi osservat li, fir-risposta fil-Kawża T‑636/16, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-grupp Starbucks, il-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 8 u 9 operaw fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ manifattura b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar u li huma kienu jimmanifatturaw prinċipalment prodotti bħall-kafè aromatizzat, it-trab għal prodott tal-kafè bi trade mark irreġistrata jew il-kafè solubbli. Skont il-Kummissjoni, il-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 8 u 9 ma kinux saru l-proprjetarji tal-komponenti Starbucks. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ftehimiet mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 8 u 9 huma differenti mill-ftehim dwar l-inkaljar tal-kafè bejn SMBV u Alki.

297    It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntratt konkluż bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 4, il-Kummissjoni ppreċiżat, fit-tielet inċiż tal-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan kien intiż sabiex jiżgura l-inkaljar tal-kafè permezz ta’ subappalt. F’dan ir-rigward, Starbucks issostni li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 4 tixtri l-kafè aħdar mingħand il-grupp Starbucks, u sussegwentement tinkaljah konformement mal-kurvi tal-inkaljar u mar-riċetti għat-taħlita tal-kafeni pprovduti minnu. Hija sussegwentement tbigħ il-kafè inkaljat kollu tagħha lil sussidjarja miżmuma kompletament mill-grupp Starbucks, li tbigħ mill-ġdid il-kafè inkaljat lill-ħwienet.

298    Minn din id-deskrizzjoni jirriżulta li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 4 ma bigħetx il-kafè li hija inkaljat lil ħwienet. Hija pprovdiet biss il-kafè inkaljat, bħala subappaltatur, lil impriża tal-grupp Starbucks li kienet tieħu ħsieb il-bejgħ ta’ dan il-kafè. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar ma kinitx tikkostitwixxi ħlief speċifikazzjoni teknika tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 4 ma ħallsitx royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar lill-grupp Starbucks ma timplikax li SMBV ma kellhiex tħallas royalty lil Alki.

299    It-tielet nett, fir-rigward tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 10, il-Kummissjoni tispjega, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-Kawża T‑636/16, li din il-kumpannija kienet tipproduċi u tinkalja l-kafeni ħodor, mixtrija direttament mingħand fornituri tal-kafè aħdar, u kienet tbigħ il-prodotti kollha tal-kafè bit-trade mark Starbucks lil entità waħda tal-grupp Starbucks li kienet tieħu ħsieb il-bejgħ tagħhom.

300    Minn din id-deskrizzjoni jirriżulta li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 10 għalhekk ma bigħetx il-kafè inkaljat tagħha lil ħwienet, iżda lil impriża tal-grupp Starbucks li kienet tieħu ħsieb il-bejgħ tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar ma kinitx tikkostitwixxi speċifikazzjoni teknika tal-produzzjoni. Għalhekk ma huwiex sorprendenti li din il-kumpannija ma ħallsitx royaltylill-grupp Starbucks għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

301    Il-Kummissjoni tirribatti li kemm il-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 4 u 10 kif ukoll SMBV jimmanifatturaw prodotti tal-kafè li huma ma humiex il-fornitur indipendenti tagħhom fis-suq u li, għaldaqstant, huma f’sitwazzjonijiet komparabbli. Madankollu, dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk SMBV ibbenefikatx minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, is-sitwazzjoni ta’ SMBV, bl-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, għandha titqabbel mas-sitwazzjoni ta’ impriża komparabbli li teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod awtonomu f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa (ara l-punti 148 u 149 iktar ’il fuq). Is-suġġett tat-tqabbil fil-kuntest ta’ tali analiżi huwa għalhekk impriża awtonoma fis-sitwazzjoni ta’ SMBV, jiġifieri impriża li tinkalja l-kafè u tbigħu lill-ħwienet, fis-suq.

302    Fir-rigward ta’ dawn id-differenzi bejn is-sitwazzjoni ta’ SMBV u dik tal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 4, 8, 9 u 10 u fl-assenza ta’ elementi supplimentari li kienu jindikaw li madankollu kienet teżisti komparabbiltà bejn il-kuntratti inkwistjoni, kien hemm lok għalhekk li mill-analiżi ta’ komparabbiltà jiġu esklużi l-kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u l-imsemmija kumpanniji.

4)      Fuq il-kuntratti li jirrigwardaw prodotti li ma humiex il-kafè inkaljat

303    Fil-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fost l-għaxar impriżi terzi li kkonkludew kuntratt mal-grupp Starbucks, xi wħud mit-terzi inkwistjoni kienu jipproduċu xarbiet lesti biex jinxtorbu jew prodotti u ingredjenti oħrajn għat-tħejjija tax-xarbiet u li, għaldaqstant, mhux l-għaxar impriżi terzi kollha kienu jipproduċu kafè inkaljat. Skont l-istess premessa, il-kuntratti li kienu jikkonċernaw l-inkaljar tal-kafè aħdar kienu dawk konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 2, 3, 4 u 10.

304    Kif ġie spjegat fil-punt 296 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fir-rigward tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom mal-grupp Starbucks, il-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 8 u 9 kienu jimmanifatturaw prinċipalment prodotti bħall-kafè aromatizzat, it-trab għal prodott tal-kafè bi trade mark irreġistrata jew il-kafè solubbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ftehimiet mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 8 u 9 huma differenti, f’dan ir-rigward, mill-ftehim dwar l-inkaljar tal-kafè bejn SMBV u Alki.

305    Iktar minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ssostni, fir-risposta fil-Kawża T‑636/16, li l-evalwazzjoni tagħha tal-kuntratti ma’ terzi ma tibbażax, bħala prinċipju, fuq il-ftehimiet konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 5, 6 u 7, minħabba d-differenzi li tippreżenta l-kompetenza liċenzjata – jiġifieri l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, meta mqabbla mal-kompetenzi fil-qasam tal-produzzjoni ta’ xarbiet lesti biex jinxtorbu – u mal-pożizzjoni ta’ dawn il-kumpanniji fil-katina ta’ provvista – jiġifieri l-fatt li SMBV tinkalja l-kafeni, u sussegwentement tbigħhom mill-ġdid lil distributuri jew lil terzi produtturi, filwaqt li l-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 5, 6 u 7 jipproduċu prodotti relatati mal-kafè li huma jbigħu direttament lill-klijenti tagħhom, f’dan il-każ prinċipalment lil supermarkets.

306    Issa, fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-grupp Starbucks u l-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 5, 6, 7, 8 u 9, hemm lok li jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tipproduċix elementi li jindikaw li l-kuntratti li fil-kuntest tagħhom it-terz ma jipproduċix kafè inkaljat għall-finijiet tal-bejgħ lil ħwienet affiljati jew mhux affiljati mal-grupp Starbucks huma komparabbli ma’ dak konkluż bejn SMBV u Alki. Fil-fatt, mill-premessi 298 u 300 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ tqabbil bejn ir-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki u r-royalties previsti, jekk ikun il-każ, fl-għaxar kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u terzi, il-Kummissjoni qieset li l-element rilevanti għall-komparabbiltà kien il-kwistjoni dwar jekk it-terz kienx jopera direttament il-proprjetà intellettwali fis-suq billi jbigħ il-prodotti lil klijenti finali.

307    Madankollu, il-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 5, 6, 7, 8 u 9 ma kellhomx, skont il-Kummissjoni, funzjoni tal-inkaljar li kienet tirrigwarda l-istess prodott bħall-funzjoni tal-inkaljar tal-kafè ta’ SMBV. Il-Kummissjoni għalhekk ma rnexxilhiex turi li dawn il-kuntratti kienu suffiċjentement komparabbli mal-kuntratt tal-inkaljar konkluż bejn SMBV u Alki.

308    Konsegwentement, fil-każ ineżami, għal din ir-raġuni, il-kuntratti bejn il-grupp Starbucks u l-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 5, 6, 7, 8 u 9 għandhom ukoll jiġu esklużi mill-analiżi ta’ tqabbil.

5)      Fuq il-kuntratt li jipprevedi l-ħlas ta’ royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar

309    Fir-rigward tal-kuntratt konkluż bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3, il-Kummissjoni sostniet, fit-tieni inċiż tal-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ liċenzja tal-inkaljar, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 kienet tipprovdi servizzi ta’ inkaljar tal-kafè. Il-kafè kien inbiegħ lill-grupp Starbucks kif ukoll lil impriża konġunta, miżmuma mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 u l-grupp Starbucks (iktar ’il quddiem l-“impriża konġunta”), li kienet topera l-ħwienet Starbucks f’pajjiż barra mill-Unjoni. Il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 ħallset lill-grupp Starbucks royalty għall-inkaljar tal-kafè, li l-ammont tagħha kien ġie ffissat, għal kwantità speċifika ta’ kafè aħdar prodott u mibjugħ lill-impriża konġunta.

310    Fil-premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 kienet tħallas royalty lill-grupp Starbucks biss meta hija kienet tbigħ il-produzzjoni tagħha lill-impriża konġunta. F’din l-ipoteżi, skont il-Kummissjoni, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 kienet “tisfrutta direttament l-IP [il-proprjetà intellettwali] tal-inkaljar fis-suq permezz ta’ parti relatata”, sabiex il-ħlas ta’ royalties “jidher” li jkopri d-distribuzzjoni lil terzi ta’ prodotti bit-trade mark Starbucks mill-impriża konġunta. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li, meta l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 kienet tbigħ il-kafè inkaljat lill-grupp Starbucks, minflok lill-impriża konġunta, u meta l-grupp Starbucks kien jiżgura d-distribuzzjoni u l-isfruttar tat-trade mark fis-suq, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 ma kienet tħallas l-ebda royalty lil Starbucks għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

311    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa stabbilit bejn il-Kummissjoni u Starbucks li, meta l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 tbigħ il-kafeni inkaljati lill-impriża konġunta għal territorju speċifiku, hija tħallas lill-grupp Starbucks royalty ta’ liċenzja tal-inkaljar f’ammont fiss għal kull kwantità ta’ kafè inkaljat u ppakkjat u li, meta hija tbigħ il-kafeni inkaljati tagħha lil Starbucks [kunfidenzjali], ma titħallas l-ebda royalty ta’ liċenzja tal-inkaljar.

312    Din il-konstatazzjoni tikkontradixxi b’mod ċar it-teorija tal-Kummissjoni li skontha l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 ma kinitx tħallas royalty fuq il-bażi tal-ftehim ta’ liċenzja tagħha konkluż mal-grupp Starbucks jekk hija ma kinitx topera l-proprjetà intellettwali tal-inkaljar direttament fil-konfront tal-konsumaturi finali fis-suq. Kif issostni ġustament Starbucks, l-obbligu għall-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 li tħallas royalty huwa bbażat biss fuq il-bejgħ tal-kafè inkaljat tagħha lill-ħwienet fit-territorju kkonċernat, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-ħwienet iqassmux il-kafè inkaljat lill-klijent finali jew le.

313    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tafferma li teżisti differenza bejn is-sitwazzjoni tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 u dik ta’ SMBV, li tinsab fil-fatt li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 u l-ħwienet Starbucks fit-territorju kkonċernat huma kkontrollati mill-istess entità, jiġifieri l-kumpannija omm tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-ħlas ta’ royalty mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 “jidher” li jsir f’isem l-impriża konġunta, iktar milli bħala r-remunerazzjoni għall-użu mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

314    Issa, qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif ġie spjegat fil-punti 194 sa 196 iktar ’il fuq, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna.

315    Dan l-obbligu ma huwiex issodisfatt jekk il-Kummissjoni tillimita ruħha li tagħmel konstatazzjonijiet prima facie, bħal, fil-każ ineżami, meta hija tillimita ruħha li tikkonstata li l-ħlas ta’ royalty “jidher” li jkopri d-distribuzzjoni lil terzi ta’ prodotti bit-trade mark Starbucks mill-impriża konġunta jew li “jidher” li jsir f’isem l-impriża konġunta.

316    Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li d-differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ SMBV u dik tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 kienet biegħet il-kafè inkaljat tagħha, permezz tal-impriża konġunta lil ħwienet Starbucks preżenti fit-territorju kkonċernat, ma jqajjimx dubju dwar il-fatt li royalty ta’ liċenzja tal-inkaljar, għal ammont fiss għal kull kwantità ta’ kafè inkaljat u ppakkjat, kienet tħallset mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 mal-grupp Starbucks. [kunfidenzjali]

317    Finalment, il-Kummissjoni ssostni hija stess, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li, peress li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 u l-impriża konġunta huma partijiet affiljati, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit tqabbil dirett mar-relazzjoni bejn SMBV u l-ħwienet Starbucks fir-reġjun EMEA. Din il-konstatazzjoni ddgħajjef iktar it-teorija tal-Kummissjoni li skontha r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 u l-grupp Starbucks huma komparabbli ma’ dawk eżistenti bejn SMBV u Alki u jippermettu li jiġi konkluż li t-royalty għandha tkun żero.

318    Fil-qosor, minn dak li ntqal jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 kienet kumpannija tal-inkaljar li kienet tħallas royalty lill-grupp Starbucks għall-użu ta’ proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

319    Għaldaqstant, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 289 sa 318 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li tqabbil bejn, minn naħa, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn Alki u SMBV u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-grupp Starbucks u l-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1 u 3 sa 10 jippermetti li jiġi konkluż li l-livell tar-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellu jkun żero.

6)      Fuq il-kuntratt konkluż mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2

320    Mill-ewwel inċiż tal-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jagħti b’subappalt l-inkaljar tal-kafè, il-grupp Starbucks ikkonkluda żewġ tipi ta’ kuntratti mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2, li ġew emendati diversi drabi. Min-naħa, skont ftehim tal-liċenzja tat-teknoloġija, konkluż qabel is-sena 2008, impriża tal-grupp Starbucks tat lill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 liċenzja mhux esklużiva għall-użu, b’mod partikolari, tat-teknoloġija u tal-kompetenzi ta’ Starbucks għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ kafè inkaljat lil terzi magħżula li magħhom Starbucks ikkonkludiet kuntratti ta’ provvista, jiġifieri, essenzjalment, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5. Bħala korrispettiv, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 kellha twettaq is-servizzi b’mod li jiggarantixxi li l-kafè inkaljat ikun ta’ kwalità għolja. Għal dan il-għan, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 kellha tissodisfa, b’mod partikolari, ċerti standards ta’ kontroll tal-kwalità ffissati minn Starbucks. Il-ftehim tal-liċenzja tat-teknoloġija kien jistipula li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma kellhiex tħallas royalty għal-liċenzja. Min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ provvista tal-kafè aħdar kien jistipula li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 kellha l-obbligu li tixtri l-kafè aħdar esklużivament mingħand il-grupp Starbucks permezz ta’ remunerazzjoni fissa għal kull ċerta kwantità. Il-ftehim tal-liċenzja tat-teknoloġija u l-kuntratt ta’ provvista kienu ġew konklużi ma’ żewġ entitajiet differenti fi ħdan il-grupp Starbucks.

321    Fil-premessi 300 u 302 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma kinitx tħallas royalty fuq il-bażi tal-ftehim ta’ liċenzja tagħha konkluż mal-grupp Starbucks jekk hija ma kinitx topera direttament fis-suq il-proprjetà intellettwali tal-inkaljar billi tbigħ il-prodotti lil klijenti finali. Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li mid-deskrizzjoni magħmula fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma bigħetx il-kafè inkaljat tagħha lil konsumaturi finali.

322    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ SMBV, għandu jiġi kkonstatat li l-arranġament kuntrattwali bejn il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 u l-grupp Starbucks huwa marbut strettament ma’ dak konkluż bejn il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5 u l-grupp Starbucks. Fil-fatt, diversi snin qabel il-konklużjoni tal-APA, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5 u SMBV kienu kkonkludew ftehim ta’ provvista li fih il-grupp Starbucks ħa l-impenn li jikkunsinna kafeni inkaljati, konċentrat u ingredjenti oħra tal-kafè lill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5.

323    Iktar tard, iżda qabel il-konklużjoni tal-APA, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5 u SMBV kienu kkonkludew kuntratt ta’ delega [kunfidenzjali] li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 aderixxiet miegħu fl-istess ġurnata.[kunfidenzjali]

324    [kunfidenzjali]

325    [kunfidenzjali]

326    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rwol tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 kien differenti minn dak ta’ SMBV, li, skont il-Kummissjoni, kienet kumpannija tal-inkaljar li kienet tiżgura wkoll il-bejgħ tal-kafè inkaljat lill-ħwienet Starbucks. Fil-fatt, skont il-kuntratt ta’ delega, il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 forniet lill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5, sabiex tippermetti lill-grupp Starbucks jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu lejn din tal-aħħar, kif kienu jirriżultaw mill-ftehim ta’ provvista.

327    F’dan il-kuntest, hemm lok li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat in-natura tal-arranġament kuntrattwali bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 bħala kuntratt ta’ subappalt (ara l-punt 320 iktar ’il fuq). Madankollu, kif ġie spjegat fil-punt 236 iktar ’il fuq, tali subappaltatur jillimita ruħu sabiex jeżegwixxi l-inkaljar konformement mal-istruzzjonijiet tal-persuna li tagħmel l-ordni sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu kuntrattwali ta’ provvista tal-kafè inkaljat impost fuqu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpannija tal-inkaljar sempliċement issegwi r-rekwiżiti tekniċi tal-persuna li tagħmel l-ordni.

328    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma tipprovdix elementi suffiċjenti li jindikaw li tali kuntratt ta’ subappalt huwa komparabbli ma’ dak konkluż bejn SMBV u Alki għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell tar-royalty.

329    Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell tar-royalty, l-arranġamenti kuntrattwali bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 huma komparabbli ma’ dawk konklużi bejn SMBV u Alki, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiċħad l-argument ta’ Starbucks li skontu fattur ta’ żieda ogħla fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ħallset lill-grupp Starbucks, jikkostitwixxi remunerazzjoni “moħbija” tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. F’dan il-kuntest, minn naħa, hija affermat li ż-żieda “tidher” li għaddiet kompletament fuq il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li “[m]a [kien] hemm l-ebda indikazzjoni li kwalunkwe valwazzjoni pożittiva għal prezz tax-xiri [żieda fi prezz tax-xiri] mhijiex ser tingħadda direttament lill-[kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5] jew inkella taffettwa l-kundizzjonijiet kummerċjali bejn il-[kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5] u l-[kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2], peress li dan l-arranġament kuntrattwali ma kienx konkluż b’mod indipendenti mill-arranġament kuntrattwali bejn [il-grupp] Starbucks u l-[kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5]”.

330    Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jibdlu l-konstatazzjoni li skontha l-pożizzjoni ta’ “subappaltatur” tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li SMBV, bħala bejjiegħ tal-kafè inkaljat tagħha, ma kellha tħallas l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

331    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fattur ta’ żieda ogħla fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor imħallas mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 lill-grupp Starbucks kienx jikkostitwixxi r-remunerazzjoni ta’ proprjetà intellettwali tal-inkaljar tal-kafè, hemm lok li jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni li skontu l-fattur ta’ żieda ogħla fuq l-ispejjeż tal-kafeni mħallas mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 “jidher” li jiġi ttrasferit lill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 5, huwa spekulattiv u ma jeskludix, bħala tali, li remunerazzjoni għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar effettivament tħallset lill-grupp Starbucks mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2.

332    Min-naħa l-oħra, diversi elementi jqajmu dubji dwar l-argument tal-Kummissjoni li skontu, fil-każ ineżami, ma tħallset l-ebda remunerazzjoni għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar lill-grupp Starbucks mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2.

333    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, prima facie, il-livell tal-prezz għall-kafeni ħodor pprovduti minn SMBV, imħallas mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 lill-grupp Starbucks, jidher għoli fir-rigward taċ-ċifri invokati minn Starbucks fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 189 tar-rikors fil-Kawża T‑636/16. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dawn iċ-ċifri. Inċidentalment, fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-affermazzjoni magħmula mill-korrispondenti ta’ Starbucks li skontha l-imsemmi prezz kien għoli.

334    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li hija kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li l-kuntratt ta’ liċenzja għat-teknoloġija kien jistipula li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma kellha tħallas l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. Hija tqis li, konsegwentement, kienu r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks li kellhom jagħtu prova li d-differenza fil-prezz tal-kafè aħdar kienet tirrappreżenta remunerazzjoni “moħbija” għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, u huma ma rnexxilhomx jagħmlu dan.

335    Issa, hemm lok li jitfakkar li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjonijiet tagħhom tal‑1995 u tal‑2010, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà, jipprevedu espressament, fil-paragrafu 6.17 tagħhom, li l-korrispettiv għall-użu ta’ beni intanġibbli jista’ jiġi inkluż fil-prezz iffatturat għall-bejgħ ta’ prodotti, meta, pereżempju, impriża tbigħ lil impriża oħra prodotti mhux lesti filwaqt li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-esperjenza tagħha għall-ipproċessar ulterjuri ta’ xogħol. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ssostni, ġustament, li differenza fil-prezz hija, bħala prinċipju, distinta minn royalty, li potenzjalment timplika konsegwenzi fiskali differenti, li inċidentalment huwa riprodott, essenzjalment, fil-paragrafu 6.19 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010.

336    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li Starbucks kienet affermat matul il-proċedura amministrattiva li l-fattur ta’ żieda ogħla fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ħallset lill-grupp Starbucks kienet tikkostitwixxi remunerazzjoni tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

337    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-korrispondenti ta’ Starbucks, imqajma matul il-proċedura amministrattiva, ma setgħux jiġu miċħuda fuq il-bażi tas-sempliċi konstatazzjoni li l-kuntratt ta’ liċenzja għat-teknoloġija kien jipprevedi li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma għandha tħallas l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

338    It-tielet nett, għalkemm il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li l-provvista ta’ kafeni ħodor u l-konċessjoni ta’ sottoliċenzja ta’ proprjetà intellettwali huma tranżazzjonijiet distinti fuq il-bażi ta’ żewġ kuntratti konklużi ma’ kontrapartijiet differenti fi ħdan il-grupp Starbucks, jibqa’ l-fatt li l-ftehim tal-liċenzja tat-teknoloġija bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 jindika, [kunfidenzjali].

339    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni żżid tgħid, essenzjalment, li d-differenza fil-prezz bejn il-kafeni ħodor mixtrija rispettivament mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 u dawk mixtrija minn SMBV jista’ jkollha diversi spjegazzjonijiet oħra, bħalma huma, qabel kollox, is-setgħa ta’ negozjar ta’ Starbucks [kunfidenzjali], sussegwentement, il-fatt li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma tixtrix il-kafeni ħodor tagħha direttament mingħand SCTC, iżda mingħand Starbucks [kunfidenzjali], li tixtrihom mingħand SCTC u terġa’ tbigħhomlha, u dan jista’ jwassal ukoll għal żieda supplimentari fuq l-ispiża sabiex jiġi kopert il-valur miżjud minn Starbucks [kunfidenzjali], jew, finalment, id-differenza fil-kundizzjonijiet ta’ kunsinna.

340    Qabel kollox, huwa importanti li jiġi osservat li l-argument tal-Kummissjoni li skontu Starbucks [kunfidenzjali] kellha setgħa ta’ negozjar tant sinjifikattiva, meta mqabbla mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2, li kienet tippermettilha li titlob prezz ferm ogħla minn dak li hija kienet kapaċi tikseb mingħand [kunfidenzjali] SMBV ma huwiex konvinċenti.

341    Sussegwentement, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 ma tixtrix il-kafeni ħodor tagħha direttament mingħand SCTC, iżda mingħand Starbucks [kunfidenzjali] li tixtrihom mingħand SCTC u terġa’ tbigħhomlha, tista’ wkoll twassal għal żieda supplimentari fuq l-ispiża sabiex tkopri [kunfidenzjali], madankollu hija ma tispjegax [kunfidenzjali]. Issa, Starbucks tirribatti, f’dan ir-rigward, li SCTC tieħu kompletament responsabbiltà għall-proċess ta’ provvista, li jinkludi t-trasport tal-kafeni mill-port ta’ oriġini sal-port ta’ destinazzjoni, fejn jiġu kkunsinnati lill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2, mingħajr ebda pproċessar. Barra minn hekk, skont Starbucks, għal raġunijiet ta’ effikaċja amministrattiva, [kunfidenzjali]. Huwa meħtieġ għalhekk li jiġi miċħud ukoll dan l-argument tal-Kummissjoni.

342    Finalment, il-Kummissjoni tafferma li teżisti differenza fil-kundizzjonijiet ta’ kunsinna tal-kafeni ħodor li jibbenefikaw minnhom il-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 u SMBV. Hija ssostni li Starbucks [kunfidenzjali] tbigħ il-kafeni ħodor lill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 bil-prezz CIF (kost, assigurazzjoni u nol) fil-port ta’ dħul tat-territorju li fih hija teżerċita l-attività ekonomika tagħha, filwaqt li l-kafeni ħodor li SMBV tikseb mingħand SCTC jiġu kkunsinnati bil-prezz FOB (frank abbord) fil-port ta’ Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tikkwantifikax id-dikjarazzjoni tagħha li skontha d-differenza fl-ispejjeż għal kunsinna bi prezz FOB meta mqabbel ma’ prezz CIF tista’ tkun kunsiderevoli. Min-naħa l-oħra, Starbucks issostni, min-naħa tagħha, li d-differenza fl-ispejjeż bejn kunsinna bi prezz FOB u kunsinna bi prezz CIF hija wisq dgħajfa sabiex jiġi spjegat il-“fattur ta’ żieda ogħla”. Il-Kummissjoni għalhekk ma rnexxilhiex tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha li l-“fattur ta’ żieda ogħla” ma setax jirrappreżenta, anki jekk parzjalment, remunerazzjoni għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, minħabba li dan kien dovut kompletament għad-differenza tal-kundizzjonijiet ta’ kunsinna bejn il-kuntratti inkwistjoni.

343    F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-motivazzjoni qasira mogħtija fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas l-ispjegazzjonijiet l-oħra pprovduti mill-Kummissjoni u kkontestati minn Starbucks, ma kienu jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 kienu juru, b’suffiċjenza fid-dritt, li din il-kumpannija ma kienet tħallas l-ebda remunerazzjoni lill-grupp Starbucks għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

344    Minn dan isegwi li, fuq il-bażi ta’ dak li spjegat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’suffiċjenza fid-dritt li l-kuntratt bejn il-grupp Starbucks u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2 jippermetti li jitqies li r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellha tkun żero.

345    Fil-qosor, minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, fuq il-bażi tat-tqabbil tagħha mal-kuntratti konklużi mal-għaxar kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati, li r-royalty kellha tkun żero. Fil-fatt, il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 3, 4, 7, 8, 9 u 10 kienu ġew konklużi wara l-adozzjoni tal-APA. Il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 5, 6 u 7 jikkonċernaw, min-naħa tagħhom, kumpanniji li ma jinkaljawx kafè. Il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 4, 8, 9 u 10 ma humiex kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid. Il-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati 1, 5, 6, 7, 8 u 9 jikkonċernaw prodotti li ma humiex il-kafè inkaljat u l-kuntratt konkluż mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 3 jindika l-possibbiltà tal-ħlas ta’ royalty. Fir-rigward tal-analiżi tal-kuntratt konkluż mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 2, l-argumenti qosra u spekulattivi tal-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex juru li din il-kumpannija ma kienet tħallas l-ebda remunerazzjoni lill-grupp Starbucks għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar.

346    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 288 sa 345 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-applikazzjoni tal-metodu CUP fuq il-bażi ta’ tqabbil mal-kuntratti konklużi bejn il-grupp Starbucks u l-għaxar kumpanniji tal-manifattura mhux affiljati kien iwassal għall-konklużjoni li r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, kieku din kienet ġiet iffissata f’kundizzjonijiet tas-suq, kellha tkun żero.

g)      Fuq il-ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar terzi

347    Il-Kummissjoni qabblet ukoll ir-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki ma’ dak li kien previst minn diversi ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar terzi. Il-Kummissjoni qieset li minn din l-analiżi ta’ tqabbil kien jirriżulta li ma kellha titħallas l-ebda royalty għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar minn SMBV lil Alki.

348    Fil-fatt, mill-premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk SMBV ħallsitx lil Alki royalty konformi mal-prinċipju ta’ distakkament għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, il-Kummissjoni qabblet il-ftehim konkluż bejn Alki u SMBV ma’ diversi ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar terzi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rreferiet għar-risposti ta’ Melitta, ta’ Dallmayr u tal-Kumpannija Y.

349    Starbucks tikkontesta l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni. Hija tqis li l-ftehimiet li jikkonċernaw lil Melitta u lill-Kumpannija X huma “ftehimiet li permezz tagħhom il-produttur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar jew b’kuntratt, bid-differenza ta’ SMBV, jipprovdi l-prodotti lesti lill-mandant tiegħu u mhux direttament lill-klijenti tal-mandant”. Dan jagħmel dawn il-ftehimiet fundamentalment differenti mill-kuntratt tal-inkaljar u, konsegwentement, l-eżami tagħhom huwa irrilevanti fil-każ ineżami. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dawn it-tliet relazzjonijiet kuntrattwali kinux komparabbli mal-kuntratt tal-inkaljar bejn SMBV u Alki.

350    L-ewwel nett, fir-rigward ta’ Melitta, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-impriża kompetitriċi ta’ Starbucks kienet spjegatilha li meta l-inkaljar tal-kafè kien jiġi subappaltat lil terzi, hija ma kinitx tirċievi royalty, għalkemm hija kienet tagħmel il-kurvi tal-inkaljar tagħha disponibbli għalihom.

351    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li mill-premessi 207 u 208 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-kapaċitajiet tal-inkaljar kienu ġew eżawriti, Melitta kienet subappaltat l-inkaljar tal-kafè (outsourcing). Madankollu, minn din id-deskrizzjoni ma jirriżultax li l-kumpanniji tal-inkaljar terzi effettivament biegħu l-kafè inkaljat lil ħwienet jew lil konsumaturi oħra.

352    Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont il-konstatazzjonijiet spjegati fid-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni ta’ Melitta ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ SMBV.

353    It-tieni nett, fir-rigward tal-Kumpannija Y, li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 211 u 307 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet twettaq l-inkaljar permezz ta’ kumpannija tal-grupp maħtura bħala produtturi b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar u li din il-kumpannija tal-inkaljar ma kinitx tħallas royalty lill-grupp.

354    Għandu jiġi kkonstatat li minn din id-deskrizzjoni jirriżulta li l-kumpannija tal-inkaljar tal-grupp li kienet tifforma parti minnu l-Kumpannija Y operat bħala produttur b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar. Il-kumpannija tal-inkaljar kienet tipproċessa l-kafeni ħodor f’isem kumpannija oħra fi ħdan il-grupp li kienet tagħmel parti minnu l-Kumpannija Y. Dan ifisser li l-kumpanniji tal-inkaljar ma bigħetx il-kafè inkaljat lil ħwienet jew lil konsumaturi oħra.

355    Għalhekk mill-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-Kumpannija Y ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ SMBV.

356    It-tielet nett, fir-rigward ta’ Dallmayr, huwa spjegat fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata li dan il-kompetitur kien iqis il-ħlas ta’ royalty minn kumpannija li kienet tipprovdi l-inkaljar bħala mhux tas-soltu, peress li huwa pjuttost jistenna li l-klijenti jħallsu għall-inkaljar, u mhux bil-kontra. Fil-fatt, mill-premessi 204 u 205 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Dallmayr sostniet li l-inkaljar tal-kafè kien issir bħala attività distinta, jew bħala attività integrata vertikalment f’impriża. Hija ppreċiżat li l-funzjoni ta’ xiri kienet “tipikament” integrata mal-funzjoni tal-inkaljar. Dallmayr tqis għalhekk li l-ħlas ta’ royalty minn terz li kien jipprovdi servizzi relatati mal-inkaljar tal-kafè kien prattika pjuttost stramba. Skont Dallmayr, fir-realtà hija tistenna li l-klijent iħallas lill-kumpannija tal-inkaljar, u mhux bil-kontra.

357    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li Dallmayr affermat biss li hija tqis il-ħlas ta’ royalty fil-qasam tal-inkaljar bħala “prattika pjuttost stramba”. Din l-affermazzjoni ma teskludix li tali royalty xorta waħda tista’ tkun prevista. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Dallmayr għalhekk ma jikkontradixxux l-eżistenza ta’ royalty bħal dik imħallsa minn SMBV.

358    Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 347 sa 357 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar terzi, identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, kienu rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ SMBV. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet magħmula, f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi konkluż li dawn il-ftehimiet kienu komparabbli mal-ftehim tal-inkaljar. Għaldaqstant, anki kieku kellu jitqies li huwa minnu li ma tħallset l-ebda royalty fil-kuntest tal-ftehimiet konklużi bejn il-kompetituri ta’ Starbucks u kumpanniji tal-inkaljar terzi, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex turi li ma kellha titħallas l-ebda royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar minn SMBV lil Alki.

359    Għar-raġunijiet spjegati fil-punti 279 sa 358 iktar ’il fuq, għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza spjegata fil-punti 194 sa 196 iktar ’il fuq, li r-royalty dovuta kellha tkun żero. Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqgħu, fuq din il-bażi, ir-rikorsi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks sa fejn dawn jikkonċernaw it-tieni linja ta’ raġunament tad-deċiżjoni kkontestata. Minħabba dan, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li permezz tagħhom huma jikkontestaw iċ-ċaħda tal-argumenti tagħhom imressqa, matul il-proċedura amministrattiva, sabiex jiġġustifikaw l-eżistenza tar-royalty (ara l-punt 230 iktar ’il fuq).

h)      Fuq l-argument li skontu l-livell tar-royalty kellu jkun inqas għoli mil-livell ikkonfermat mill-APA

360    Kif ġie spjegat fil-punt 229 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li n-natura varjabbli tar-royalty matul il-perijodu mill‑2006 sal‑2014 kien “l-ewwel indikazzjoni” li l-ammont ta’ dan il-ħlas ma kellux x’jaqsam mal-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat, matul is-seduta, li mill-premessi 287 sa 289 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna 146 tad-deċiżjoni kkontestata kien jirriżulta li r-royalty kellha tiġi ffissata f’livell inqas għoli minn dak ikkonfermat mill-APA.

361    Issa, qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessa 287 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirriproduċi ċerti konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, mingħajr madankollu ma siltet xi konsegwenza għad-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, għall-perijodu mill‑2006 sal‑2014, hija kkalkolat kemm l-ammont annwali tar-royalty mħallsa lil Alki minn SMBV kien jirrappreżenta bħala perċentwali tal-bejgħ annwali tal-kafè inkaljat minn SMBV fil-ħwienet, u dan ikkonferma d-dubji tagħha dwar il-fluttwazzjonijiet tar-royalty. Finalment fil-premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet tgħid li n-natura varjabbli tar-royalty kienet “l-ewwel indikazzjoni” li l-ammont ta’ dan il-ħlas ma kellux x’jaqsam mal-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar li għaliha kienet tħallset din ir-royalty. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 146 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi, essenzjalment, li, “[b]ħala eżempju, […] [f]ost il-kuntratti kollha [eżaminati mill-Kummissjoni], ma ġie identifikat l-ebda kuntratt li bih tħallset rimunerazzjoni għat-teknoloġija tal-inkaljar tal-kafè lliċenzjata fis-suq”.

362    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li la l-premessi 287 sa 289 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas in-nota ta’ qiegħ il-paġna 146 tal-imsemmija deċiżjoni ma jinkludu xi argument li skontu l-livell tar-royalty kellu jkun inqas għoli mil-livell ikkonfermat mill-APA. Fil-fatt, dawn il-premessi sempliċement jikkonstataw, minn naħa, li l-varjabbiltà tar-royalty tindika li din ma kinitx marbuta mal-valur tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija royalty bl-ebda mod ma kellha titħallas.

363    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 290, 318, 339 u 445 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kkonstatat li r-royalty kellha tkun eżattament żero. A fortiori, fil-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li ma kienx utli li jiġi stmat il-livell tar-royalty u li, fi kliem ieħor, il-profitt imħallas minn SMBV lil Alki bħala royalty għall-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kellu jkun kompletament taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

364    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda kunsiderazzjoni li kienet identifikabbli mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks li skontha r-royalty kellha tiġi ffissata f’livell inqas għoli minn dak ikkonfermat mill-APA.

365    Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li r-royalty kellha tiġi ffissata f’livell inqas għoli mil-livell ikkonfermat mill-APA, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jikkontestaw, essenzjalment, l-argument tal-Kummissjoni li skontu l-livell tar-royalty huwa ddissoċjat mill-valur ekonomiku tiegħu.

366    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li, ċertament, ma jistax jiġi miċħud li n-natura varjabbli tar-royalty tqajjem dubji fir-rigward tar-razzjonalità ekonomika tar-royalty. Fil-fatt, fil-każ ineżami, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks ma pprovdew l-ebda spjegazzjoni konvinċenti li tiġġustifika l-għażla ta’ metodu mhux tas-soltu sabiex jiġi ddeterminat il-livell tar-royalty.

367    Madankollu, in-natura residwa tal-imsemmija royalty timplika sempliċement li din ġiet ikkalkolata, bħala prinċipju, mid-determinazzjoni tal-livell tal-oneri u d-dħul l-oħra rilevanti kif ukoll minn stima tal-livell tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV. Jekk l-imsemmija parametri kienu identifikati b’mod korrett, is-sempliċi natura residwa tar-royalty ma teskludix li l-livell tar-royalty residwa jista’ jikkorrispondi għall-valur ekonomiku tiegħu.

368    Għandu jiġi kkonstatat li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessi 287 sa 289 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux suffiċjenti sabiex juru li r-royalty kellha tiġi ffissata f’livell inqas għoli minn dak ikkonfermat mill-APA matul il-perijodu kollu mill‑2006 sal‑2014, b’mod partikolari għar-raġuni li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax liema huwa l-livell tar-royalty li l-Kummissjoni qieset bħala xieraq.

369    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-konstatazzjoni li saret fil-premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha kien ġie indikat dan li ġej:

“[A]naliżi bl-użu ta’ RoyaltyStat, fit-tieni trimestru tal‑2015, turi li mill‑168 ftehim disponibbli permezz tal-bażi tad-dejta tul is-settur billi t-tekonoloġija biss ġiet liċenzjata, il-valur medjan tar-royalty kien ta’ 5 % tal-bejgħ (abbażi tal-143 minn dawk il-ftehimiet fejn il-miżata tal-liċenzja ġiet iddeterminata bħala perċentwal tal-valur tal-bejgħ milli l-ammont imħallas għal kull unità mibjugħa). Fost il-kuntratti kollha disponibbli permezz tal-bażi tad-dejta RoyaltyStat, ma ġie identifikat l-ebda kuntratt li bih tħallset rimunerazzjoni għat-teknoloġija tal-inkaljar tal-kafè lliċenzjata fis-suq. Tali teknoloġija kienet illiċenzjata biss f’ċerti każijiet flimkien ma’ trademarks.”

370    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn il-kunsiderazzjonijiet saru biss “[b]ħala eżempju”, it-tieni nett, li filwaqt li l-Kummissjoni tafferma li kienet tħallset royalty għas-“setturi [li fihom] t-tekonoloġija biss ġiet liċenzjata” u li kien hemm eżempji ta’ “[t]ali teknoloġija [li] kienet illiċenzjata […] flimkien ma’ trademarks”, hija madankollu ma tispjegax liema kien il-livell xieraq ta’ tali royalty u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li d-data relatata mas-sena 2015 kienet raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA fl‑2008.

371    Il-Kummissjoni għalhekk ma ssostanzjatx b’suffiċjenza fid-dritt l-affermazzjoni tagħha li skontha, matul il-perijodu kollu mill‑2006 sal‑2014, il-livell tar-royalty ma kellux x’jaqsam mal-valur tal-proprjetà intellettwali li għaliha din kienet tħallset u li skontha, minħabba dan, kien ingħata vantaġġ ekonomiku lil SMBV.

372    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li skontu fid-deċiżjoni kkontestata hija wriet li r-royalty kellha tiġi ffissata f’livell inqas għoli minn dak ikkonfermat mill-APA.

373    Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ t-tieni parti tat-tielet motiv fil-Kawża T‑760/15 u r-raba’ parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jikkontestaw li l-Kummissjoni wriet, fil-kuntest tat-tieni linja ta’ raġunament, li r-royalty mħallsa minn SMBV lil Alki kellha tkun żero u li kienet tirriżulta minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument ta’ Starbucks li skontu l-Kummissjoni kienet obbligata tiddetermina firxa ta’ distakkament għar-royalty.

3.      Fuq id-determinazzjoni annwali tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor (it-tielet linja ta’ raġunament)

374    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks iqajmu, essenzjalment, żewġ ilmenti kontra l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tielet linja ta’ raġunament tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-livell tal-prezz tal-kafeni ħodor kien sopravvalutat filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk dan kienx konformi mal-prinċipju ta’ distakkament ma kienet is-suġġett tal-ebda eżami fl-APA. Permezz tal-ewwel ilment, Starbucks issostni li t-tielet linja ta’ raġunament tirrigwarda element tal-ispejjeż ta’ SMBV li kien barra mill-portata tal-miżura kkontestata kif iddefinita fid-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni lment, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jikkontestaw il-konstatazzjoni li skontha l-livell tar-rata ta’ marġni applikata għall-ispejjeż tal-kafeni ħodor mibjugħa minn SCTC lil SMBV ma huwiex konformi ma’ livell ta’ distakkament.

a)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prezz tal-kafeni ħodor kienx barra mill-portata tal-miżura kkontestata

375    Fir-rigward tal-ewwel ilment, Starbucks issostni, essenzjalment, li t-tielet linja ta’ raġunament tal-Kummissjoni, dwar il-prezz tal-kafeni ħodor, issemmi element tal-ispejjeż ta’ SMBV li kien barra mill-portata tal-miżura kkontestata kif iddefinita fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, Starbucks tosserva li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni tal-prezz tal-kafè aħdar billi marret lura għall-mument tal-konklużjoni tal-APA, jiġifieri f’April 2008. Hija żżid tgħid, fil-kuntest tar-replika, li ċerti argumenti mressqa fir-risposta fil-Kawża T‑636/16 jindikaw li l-vantaġġi fiskali identifikati mill-Kummissjoni li jirriżultaw mill-prezz tal-kafeni ħodor għas-snin 2011 sa 2014 ma jistgħux jiġu attribwiti għall-APA. Fil-fatt, il-vantaġġi fiskali allegati li jirriżultaw mill-prezz tal-kafeni ħodor ma jistgħux jiġu attribwiti għall-APA iżda għad-dikjarazzjonijiet annwali li jikkonfermaw dawn il-prezzijiet u għalhekk huma barra mill-portata tad-“deċiżjoni kkontestata”.

376    Il-Kummissjoni tafferma li mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mir-risposta fil-Kawża T‑636/16 jirriżulta b’mod ċar li l-prezz għall-kafeni ħodor kellu jiġi eżaminat sabiex jiġi stabbilit jekk il-livell ta’ dan il-prezz kienx għoli wisq u kienx iwassal għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV.

377    Fir-rigward tal-portata tal-miżura kkontestata kif ġiet stabbilita bid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżura li tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li kienet eżegwita mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE hija l-APA, li ġie “konkluż min-Netherlands fit‑28 ta’ April 2008 ma’ [SMBV]”. Minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mid-definizzjoni spjegata fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura kkontestata hija għalhekk ikkostitwita biss mill-APA.

378    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mid-dispożizzjonijiet tal-APA (ara l-punti 12 sa 16 iktar ’il fuq) jirriżulta li dan jiddetermina l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ SMBV għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha, li jservi sabiex tiġi stabbilita l-bażi taxxabbli għall-finijiet tal-ħlas minn SMBV tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża. F’dan il-kuntest, għalkemm l-APA jirreferi għall-prezz tal-kafeni ħodor imħallas minn SMBV lil SCTC billi kkonstata li dawn l-ispejjeż huma esklużi mill-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV, dan ma jirregolax il-kwistjoni dwar f’liema livell il-prezzijiet ta’ trasferiment għax-xiri tal-kafeni ħodor għandu jiġi ffissat. Fil-fatt, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk l-ispiża tal-kafeni ħodor hijiex parti mill-bażi tal-ispejjeż għall-kalkolu tal-valur taxxabbli u dik dwar liema huwa l-ammont tal-prezz ta’ trasferiment ta’ dawn it-tranżazzjonijiet li effettivament ġie ddeterminat għal sena partikolari. Issa l-APA ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat dan l-ammont, b’tali mod li l-awtoritajiet Olandiżi la vvalidaw, fil-kuntest tal-APA, metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, u lanqas livell tal-prezz, fir-rigward tal-kafeni ħodor.

379    Hemm lok li jiġi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ determinazzjoni tal-livell tal-prezz għax-xiri ta’ kafeni ħodor fl-APA, l-iffissar annwali tal-prezz tal-kafeni, b’mod partikolari għas-snin 2011 sa 2014, kellu jsir, kieku kien neċessarju, fil-kuntest ta’ stimi ta’ taxxa annwali.

380    Minn dan isegwi li d-determinazzjoni annwali tal-livell tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor ma ssemmietx mill-APA u, konsegwentement, kienet barra mill-portata tal-miżura kkontestata. Din il-konstatazzjoni ma titqegħidx f’dubju mill-argumenti tal-Kummissjoni.

381    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-APA, li jikkostitwixxi l-miżura kkontestata, kellu jiddetermina minn qabel il-prezz ta’ trasferiment għall-kafeni ħodor mis-sena finanzjarja 2011. Fil-fatt, skont il-premessa 447 tad-deċiżjoni kkontestata, il-profitt tal-kontabbiltà ta’ SMBV li jirriżulta mill-ispejjeż tal-kafeni ħodor għas-snin finanzjarji mis-sena 2011 kellu jiġi ddeterminat f’livell ogħla. Fil-fatt, mill-premessi 360 u 361 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment naqas milli jeżamina l-kwistjoni dwar jekk il-prezz tal-kafeni ħodor, imħallas minn SMBV lil SCTC, kienx wieħed ta’ distakkament. Skont il-Kummissjoni dan “[i]fisser” li l-metodu propost f’dan ir-rapport sabiex jiġi ddeterminat il-profitt taxxabbli ta’ SMBV jagħti lil din tal-aħħar vantaġġ selettiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-APA kien messu jiffissa fl‑2008 prezz ta’ distakkament li wieħed ma setax jitbiegħed minnu fl‑2011, b’mod partikolari permezz ta’ żieda taż-żieda, ħlief permezz ta’ sostituzzjoni jew emenda ta’ dan il-prezz fl-APA.

382    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma jinkludi l-ebda eżami tal-prezzijiet ta’ trasferiment applikabbli għal tranżazzjonijiet speċifiċi bħall-prezz tal-kafeni ħodor mitlub minn SCTC lil SMBV. Min-naħa l-oħra, dan jispjega l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ SMBV għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha, li jikkostitwixxi l-bażi taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża.

383    L-APA jikkonsisti biss fil-kisba ta’ konferma, minn qabel, tat-trattament fiskali ta’ persuna taxxabbli. Issa, deċiżjoni antiċipattiva bħall-APA ma tkoprix neċessarjament l-aspetti kollha tat-trattament fiskali ta’ persuna taxxabbli, iżda tista’ sempliċement tittratta ċerti kwistjonijiet preċiżi. Inċidentalment, mill-paġna 28 tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment jirriżulta li l-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks qies li t-tranżazzjonijiet relatati mal-kafè aħdar kienu tranżazzjonijiet differenti minn dawk li għalihom kien intalab l-APA.

384    Issa, minn naħa, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li tindika li, fid-dritt Olandiż, li huwa d-dritt rilevanti f’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-livell tal-prezz tal-kafeni ħodor imħallas minn SMBV lil SCTC kienx ta’ distakkament kellu jiġi eżaminat fl-APA.

385    Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-APA ma jiddeterminax minn qabel livell tal-prezz ta’ trasferiment għall-kafeni ħodor, ma jfissirx, fih innifsu, li l-APA, billi ffissa l-metodu għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ SMBV, ta vantaġġ lil SMBV għall-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha.

386    It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-implimentazzjoni teknika tal-APA, permezz tal-istimi ta’ taxxa annwali, tikkostitwixxi wkoll l-għoti ta’ għajnuna. Madankollu, tali konstatazzjoni ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għall-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għall-fatt li, fuq il-bażi tal-APA, SMBV tista’ “tiddetermina l-obbligazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpaniji tagħha [fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] fuq bażi annwali għal perjodu ta’ għaxar snin”. Il-Kummissjoni żżid tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel diversi riferimenti għall-profitt taxxabbli ta’ SMBV kif iddeterminat mill-APA. Fil-fehma tagħha, l-APA ma għandu l-ebda valur ħlief jekk jintuża għall-“preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa”. F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi li l-APA jimplika li l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża taċċetta l-allokazzjoni tal-profitti proposta minn Starbucks li fuq il-bażi tagħha SMBV tiddetermina l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li hija ser ikollha tħallas fil-Pajjiżi l-Baxxi kull sena.

387    B’differenza mill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni kif deskritti iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-istimi ta’ taxxa annwali relatati ma’ SMBV ma jimplimentawx l-APA b’mod purament tekniku. Għalkemm huwa ċertament veru li l-APA u r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment li fuqhom huwa bbażat jiddeterminaw minn qabel il-metodu għall-kalkolu tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV skont it-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiżi, dawn bl-ebda mod ma kienu jippermettu li jiġu previsti d-dħul u l-ispejjeż annwali li kienu ddikjarati minn SMBV għal tranżazzjonijiet reali li seħħew matul is-sena inkwistjoni.

388    Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-implimentazzjoni teknika tal-APA permezz tal-istimi ta’ taxxa annwali tikkostitwixxi wkoll l-għoti ta’ għajnuna, hija żbaljata. Fil-fatt, l-istimi annwali li jimplimentaw l-APA ma jagħmlux parti mill-miżura inkwistjoni kif iddefinita mill-Kummissjoni, jiġifieri l-APA, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod iktar preċiż, l-APA ma ddeterminax il-profitt taxxabbli ta’ SMBV fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor u lanqas ma ttratta l-kwistjoni tad-determinazzjoni annwali tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni mkien fid-deċiżjoni kkontestata ma tikkritika lill-awtoritajiet Olandiżi li taw vantaġġ lil SMBV minħabba l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor mill-bażi taxxabbli, iżda sempliċement ikkontestat il-fatt li l-livell tal-prezz tagħhom ma kienx ġie kkontrollat mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi.

389    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma pprekluda lill-Kummissjoni milli tiddefinixxi l-miżura kkontestata b’mod iktar wiesa’ b’tali mod li l-istimi ta’ taxxa annwali relatati ma’ SMBV kienu ġew koperti minnha. Issa, hija llimitat il-portata tal-miżura kkontestata biss għall-APA.

390    Barra minn hekk, fil-punt 248 iktar ’il fuq ġie spjegat li l-APA seta’ jiġi rrevokat jew emendat matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, mill‑2007 sal‑2017. Hemm lok li jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ma rrevokawx jew ma emendawx l-APA matul il-perijodu ta’ validità tiegħu minħabba li l-ispejjeż tal-kafeni ħodor kienu eċċessivi kien ta vantaġġ lil SMBV.

391    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ l-ilment li skontu t-tielet linja ta’ raġunament tirrigwarda element tal-ispejjeż ta’ SMBV li kien barra mill-portata tal-miżura kkontestata. Peress li l-livell tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor għas-snin finanzjarji mis-sena 2011 ma kienx jagħmel parti mill-miżura kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx titlob lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, konformement mal-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-premessi 447 u 448 tagħha, li jirkupra d-differenza bejn l-ammont realment imħallas bħala taxxa fuq il-kumpanniji u l-ammont li kien ikun dovut li kieku l-profitt tal-kontabbiltà ta’ SMBV li jirriżulta mill-ispejjeż tal-kafeni ħodor għas-snin finanzjarji mis-sena 2011 kien ġie stabbilit f’livell ogħla.

b)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-livell taż-żieda applikata għall-ispejjeż tal-kafeni ħodor mibjugħa minn SCTC lil SMBV ma kienx konformi ma’ livell ta’ distakkament

392    Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li t-tielet linja ta’ raġunament tirrigwarda element tal-ispejjeż ta’ SMBV li kien kopert mill-miżura kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni lment spjegat fil-punt 374 iktar ’il fuq għandu jintlaqa’ wkoll. Fil-fatt, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-ispiża tal-kafeni ħodor mixtrija minn SMBV hija eskluża mill-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV iddeterminata fl-APA. Essenzjalment, il-prezz tal-kafeni ħodor li għandu jitħallas minn SMBV lil SCTC jikkonsisti fl-ispejjeż tal-merkanzija ta’ SCTC u f’żieda fuq dawn l-ispejjeż.

393    Id-deċiżjoni kkontestata tispjega li, għall-perijodu mill‑2005 sal‑2010, iż-żieda medja fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor ikkunsinnati minn SCTC kienet ta’ [kunfidenzjali] %, kontra [kunfidenzjali] % għall-perijodu mill‑2011 sal‑2014. Il-marġni gross medju korrispondenti fuq l-ispiża tal-bejgħ għall-perijodu mill‑2005 sal‑2010 kien tela’ għal [kunfidenzjali] %, filwaqt li l-marġni gross medju fuq l-ispiża tal-bejgħ għall-perijodu mill‑2011 sal‑2014 kien tela’ għal [kunfidenzjali]. Skont id-deċiżjoni kkontestata, Starbucks sostniet li ż-żieda ta’ [kunfidenzjali] % applikata bħala medja għall-perijodu mill‑2005 sal‑2010 kienet konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Il-Kummissjoni ppreżumiet sussegwentement li ż-żieda taż-żieda mill‑2011 setgħet tikkostitwixxi remunerazzjoni rreġistrata fil-kontabbiltà minn SMBV fuq l-attivitajiet tal-inkaljar tal-kafè. Peress li ż-żieda ta’ [kunfidenzjali] % tinsab ukoll fil-firxa tar-remunerazzjonijiet għall-funzjoni ta’ kunsinna mressqa minn Starbucks matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda ta’ [kunfidenzjali] % fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor matul il-perijodu mill‑2005 sal‑2010 kienet konformi mal-prinċipju ta’ distakkament. Peress li Starbucks, skont id-deċiżjoni kkontestata, ma tat l-ebda raġuni “valida” għaż-żieda taż-żieda għal [kunfidenzjali] % mill‑2011, il-Kummissjoni qieset li minn dan il-mument ma seta’ jiġi aċċettat l-ebda tnaqqis korrispondenti mill-profitti tal-kontabbiltà ta’ SMBV wara din iż-żieda.

394    Madankollu, sabiex wieħed jasal għal approssimazzjoni affidabbli ta’ żieda konformi mal-prinċipju ta’ distakkament għall-perijodu li beda fl‑2011, il-Kummissjoni aċċettat li żżid maż-żieda medja ta’ [kunfidenzjali] % għall-perijodu mill‑2005 sal‑2010 l-ispejjeż tal-Programm tal-Prattiki C.A.F.E sal-ammont tal-ispejjeż ta’ [kunfidenzjali]. Skont il-Kummissjoni, fl-aħħar tal‑2014, dawn l-ispejjeż kienu jirrappreżentaw [kunfidenzjali] % tal-ispiża tal-kafeni ħodor mixtrija minn SCTC u [kunfidenzjali] % tal-prezz iffatturat lil SMBV. Żieda ta’ distakkament irreġistrata fil-kontabbiltà minn SCTC għall-perijodu li beda fl‑2011 titla’ għalhekk għal [kunfidenzjali] % tal-ispiża tal-kafeni ħodor mixtrija minn SCTC, u dan jikkorrispondi għall-marġni gross ta’ [kunfidenzjali] % fuq il-prezz tal-bejgħ tal-kafeni ħodor li SCTC kienet tiffattura lil SMBV.

395    Il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda medja ta’ [kunfidenzjali] % applikata fir-realtà mill‑2011 sal‑2014 fuq l-ispiża tal-kafeni ħodor mibjugħa minn SCTC lil SMBV ma tirriflettix approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq konformi mal-prinċipju ta’ distakkament.

396    Minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif ġie indikat fil-punti 243 sa 251 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet marbuta ma tagħmel l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti għall-konklużjoni tal-APA. Issa, il-Kummissjoni ma tispjegax, fid-deċiżjoni kkontestata, kif il-livell għoli tal-ispejjeż tal-kafeni ħodor għas-snin finanzjarji mis-sena 2011, li hija tirreferi għalih fil-premessi 342 sa 359 ta’ din id-deċiżjoni, kienu prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-APA, minkejja li din kienet is-sitwazzjoni ta’ SMBV mill‑2011. Il-Kummissjoni għalhekk ma wrietx li hija kellha dritt tibbaża fuq il-fatt li SCTC kienet applikat żieda ogħla fuq l-ispejjeż tal-kafeni ħodor għas-snin finanzjarji mis-sena 2011.

397    Min-naħa l-oħra, anki kieku kellu jitqies li l-iżvilupp taż-żieda mill‑2011 kien prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, kif issostni ġustament Starbucks, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ż-żieda ta’ SCTC kien messha ġiet iffissata fil-livell tal-profitt medju qabel it-taxxa mwettaq minn SCTC fuq il-bejgħ tagħha fi ħdan il-grupp matul is-snin finanzjarji qabel l-2008, filwaqt li tali tranżazzjonijiet “ikkontrollati” (fi ħdan il-grupp) preċedenti ma jistgħux jintużaw għall-finijiet ta’ analiżi komparattiva tal-prezzijiet ta’ trasferiment “ibbażati fuq is-suq”.

398    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ssostni li l-prezz li SMBV ħallset lil SCTC kien għoli wisq mill‑2011. Hemm lok li jitfakkar li dan huwa prezz imħallas fi ħdan il-grupp Starbucks. Issa, sabiex jiġi ddeterminat prezz ta’ trasferiment, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-prezz imħallas minn SMBV lil SCTC ma’ prezz għall-kafeni ħodor li impriża awtonoma kienet tħallas fis-suq. Hija kellha tiddetermina firxa ta’ prezz għall-kafeni ħodor li kumpannija tal-inkaljar awtonoma f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ SMBV kienet tħallas fis-suq. Madankollu, minflok ma ddeterminat u eżaminat tali tranżazzjoni mhux ikkontrollata, il-Kummissjoni llimitat l-analiżi tagħha għat-tranżazzjoni kkontrollata inkwistjoni u vverifikat sempliċement il-plawżibbiltà tal-istruttura tal-ispejjeż u taż-żidiet tal-parti l-oħra (integrata) mat-tranżazzjoni kkontrollata inkwistjoni, jiġifieri ta’ SCTC.

399    Bħala eżempju, għandu jitfakkar li l-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, li l-Kummissjoni tirreferi għalihom diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata, fil-paragrafi 3.24 u 3.25 tagħhom jipprovdu dan li ġej:

“3.24      Tranżazzjoni komparabbli fis-suq ħieles hija tranżazzjoni bejn żewġ partijiet indipendenti li hija komparabbli mat-tranżazzjoni kkontrollata eżaminata. Din tista’ tkun tranżazzjoni komparabbli bejn parti fit-tranżazzjoni kkontrollata u parti indipendenti (‘komparabbli interna’) jew bejn żewġ impriżi indipendenti li l-ebda waħda minnhom ma hija involuta fit-tranżazzjoni kkontrollata (‘komparabbli esterna’).

3.25      It-tqabbil tat-tranżazzjonijiet ikkontrollati minn persuna taxxabbli ma’ tranżazzjonijiet oħra kkontrollati mwettqa mill-istess grupp multinazzjonali jew minn grupp ieħor ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament u għalhekk ma għandux jintuża minn amministrazzjoni tat-taxxa bħala bażi biex isir aġġustament tal-prezzijiet ta’ trasferiment jew minn persuna taxxabbli sabiex tissostanzja l-politika tagħha fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

400    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tammetti li, fil-premessi 342 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kellhiex l-għan li twettaq analiżi rigoruża tal-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment sabiex tiddetermina l-prezz ta’ distakkament għall-kafè aħdar fil-mument li fih intalab l-APA. Madankollu, kif ġie spjegat fil-punt 154 iktar ’il fuq, kienet il-Kummissjoni li kellha tiġġustifika l-għażla tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment li hija qieset bħala xieraq fil-każ inkwistjoni sabiex jiġi eżaminat il-livell tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal tranżazzjoni fi ħdan il-grupp.

401    L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skontha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, hija bl-ebda mod ma kellha bżonn tistabbilixxi t-tranżazzjonijiet esterni komparabbli għall-kafeni ħodor minħabba l-fatt li hija kienet “fehmet” li ż-żieda medja ta’ [kunfidenzjali] % għall-perijodu mill‑2005 sal‑2010 kienet tikkorrispondi għal żieda ta’ distakkament fl‑2008 ma hijiex suffiċjenti bħala ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, it-tqabbil tat-tranżazzjoni kkontrollata ma’ tranżazzjonijiet esterni komparabbli, għall-perijodu wara s-sena 2011, għandu l-għan li jiddetermina jekk din kinitx ta’ distakkament u l-fatt li tranżazzjoni oħra kkontrollata tkun preżunta li hija ta’ distakkament, għall-perijodu bejn l-2005 u l-2010, ma jippermettix li jiġi evitat l-eżami ta’ tranżazzjonijiet esterni komparabbli għall-perijodu wara s-sena 2011. Is-sempliċi fatt li, skont il-Kummissjoni, il-korrispondenti ta’ Starbucks ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni valida għaż-żieda taż-żieda mill‑2011, ma jurix li l-prezz tal-kafeni ħodor imħallas minn SMBV fuq SCTC għas-snin finanzjarji mis-sena 2011 kien iffissat f’livell ogħla mill-prezzijiet li operaturi oħra komparabbli fis-suq kellhom iħallsu.

402    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li t-tieni lment spjegat fil-punt 374 iktar ’il fuq għandu jintlaqa’ wkoll.

403    Għaldaqstant, kif ġie spjegat fil-punti 391 u 402 iktar ’il fuq, hemm lok li jintlaqa’ l-ilment li skontu t-tielet linja ta’ raġunament tirrigwarda element tal-ispejjeż ta’ SMBV li kien barra mill-portata tal-miżura kkontestata u li, b’mod superfluwu, il-Kummissjoni ma wrietx, permezz ta’ din il-linja ta’ raġunament, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur SMBV.

404    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-fatt li, fil-kuntest tal-ewwel sat-tielet linja ta’ raġunament tagħha, il-Kummissjoni ma wrietx li l-APA kien ta vantaġġ lil SMBV, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

E.      Fuq il-kontestazzjoni tar-raġunament sussidjarju dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali favur SMBV (premessi 362 sa 408 tad-deċiżjoni kkontestata)

405    Ir-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u t-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16 jirrigwardaw ir-raġunament sussidjarju tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, li juri li, anki kieku kellu jitqies li l-MTMN seta’ jintuża għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-metodu lil SMBV, kif ivvalidati fl-APA, huma żbaljati.

406    Dan ir-raġunament sussidjarju jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni qieset li l-għażla ta’ SMBV bħala “parti ttestjata” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN, minflok Alki, kienet żbaljata (ir-raba’ linja ta’ raġunament). Fit-tieni parti, il-Kummissjoni qieset li, anki kieku kellu jitqies li l-parti li għandha tiġi ttestjata kienet effettivament SMBV, il-marġni ta’ profitt ta’ SMBV miksub wara l-applikazzjoni tal-MTMN ma huwiex konformi mad-distakkament. Minn naħa, il-Kummissjoni qieset li l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt kienet żbaljata (il-ħames linja ta’ raġunament). Min-naħa l-oħra, hija qieset li, fi kwalunkwe każ, l-aġġustamenti applikati għall-marġni ta’ profitt sabiex tiżdied il-komparabbiltà ta’ SMBV mal-impriżi komparabbli ma kinux xierqa (is-sitt linja ta’ raġunament).

407    Il-MTMN, li tirreferi għalih l-Kummissjoni fil-premessi 72 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa metodu indirett ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Dan jikkonsisti fid-determinazzjoni, minn bażi xierqa, tal-profitt nett li tagħmel persuna taxxabbli fir-rigward ta’ tranżazzjoni kkontrollata jew fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ikkontrollati li huma strettament relatati jew kontinwi. Sabiex tiġi ddeterminata din il-bażi xierqa, hemm lok li jintgħażel indikatur tal-livell ta’ profitt, bħalma huma l-ispejjeż, il-bejgħ jew l-assi. L-indikatur tal-profitt nett miksub mill-persuna taxxabbli fir-rigward ta’ tranżazzjoni kkontrollata għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-indikatur tal-profitt nett li l-istess persuna taxxabbli jew impriża indipendenti twettaq permezz ta’ tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq ħieles. Il-MTMN jimplika li għandha tiġi identifikata parti fit-tranżazzjoni li għaliha huwa ttestjat indikatur.

408    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks, li jsostnu li l-MTMN ġie applikat b’mod korrett, jikkontestaw il-kritika kollha magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-raġunament sussidjarju tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

409    L-ewwel nett, l-ewwel parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16 jirrigwardaw l-identifikazzjoni ta’ SMBV bħala l-inqas entità kumplessa.

410    It-tieni nett, it-tieni u t-tielet parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u t-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16 jirrigwardaw l-identifikazzjoni tal-funzjonijiet prinċipali ta’ SMBV u d-determinazzjoni tal-profitt ta’ SMBV fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-operat.

411    It-tielet nett, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u t-tielet ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16 jirrigwardaw l-għażla tal-aġġustamenti intiżi sabiex tiżdied il-komparabbiltà ta’ SMBV mal-impriżi komparabbli. Kull wieħed minn dawn l-ilmenti għandu jiġi eżaminat suċċessivament.

412    Barra minn hekk, Starbucks tafferma li r-raġunament sussidjarju tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ (premessi 362 sa 408 tad-deċiżjoni kkontestata) huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija tikkritika lill-Kummissjoni li kkritikat il-mod kif il-MTMN ġie applikat mingħajr ma wriet li applikazzjoni aħjar ta’ dan il-metodu kienet twassal għal profitt ogħla għal SMBV.

1.      Fuq l-identifikazzjoni ta’ SMBV bħala l-iktar entità kumplessa (ir-raba’ linja ta’ raġunament)

413    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-argument tal-Kummissjoni li skontu, peress li SMBV kienet l-iktar entità kumplessa, hija ma setgħetx tiġi identifikata bħala parti li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN, huwa żbaljat. Fil-fatt, huwa jafferma li kienet korretta l-għażla ta’ SMBV sabiex jiġi applikat il-MTMN. Minn naħa, is-sempliċi fatt li Alki hija proprjetarja tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar kif ukoll tat-trade mark Starbucks għar-reġjun EMEA kien jiġġustifika li ma tiġix indikata bħala parti li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN. Min-naħa l-oħra, il-funzjonijiet ta’ SMBV huma inqas kumplessi minn dawk ta’ Alki. L-ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-funzjonijiet u r-riskji assunti minn SMBV ma huma ta’ natura li jqajmu dubju dwar din il-konstatazzjoni. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni ma kkalkolatx il-profitt li kellu jiġi imputat lil Alki kieku l-MTMN kien ġie applikat għaliha u, konsegwentement, li hija ma wrietx li l-applikazzjoni tal-MTMN li hija tirrakkomanda kienet twassal għal profitt ikbar għal SMBV.

414    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, Starbucks tafferma li SMBV kienet ġiet ikklassifikata, ġustament, fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, bħala l-inqas entità kumplessa meta mqabbla ma’ Alki. Minn naħa, hija tafferma li SMBV issegwi attivitajiet ta’ rutina b’riskju baxx ta’ inkaljar u ppakkjar tal-kafè kif ukoll ta’ sostenn amministrattiv u loġistiku. Min-naħa l-oħra, Starbucks tqis li Alki hija neċessarjament l-iktar entità kumplessa, peress li hija topera d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-inkaljar, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax, u li hija ssostni r-riskji relatati mal-attivitajiet ta’ SMBV, konformement mal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt tal-inkaljar. Starbucks tikkritika lill-Kummissjoni li ma wettqitx analiżi xierqa tal-funzjonijiet ta’ SMBV, u lanqas ta’ dawk ta’ Alki.

415    Barra minn hekk, Starbucks issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija tafferma li l-Kummissjoni ma wrietx li l-fatt li kienet identifikat, bi żball, lil SMBV bħala l-inqas entità kumplessa, kien jagħtiha vantaġġ. Hija tafferma li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax x’kien ikun il-profitt taxxabbli ta’ SMBV kieku Alki kienet ġiet indikata bħala l-inqas entità kumplessa, u lanqas il-mod kif il-MTMN kellu jiġi applikat għal Alki.

416    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li hija wriet, b’suffiċjenza fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għażla ta’ SMBV bħala entità li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN kienet żbaljata u ma kinitx tippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament.

417    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tafferma li l-fatt li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma jinkludix analiżi funzjonali kompleta ta’ SMBV u ta’ Alki, huwa biżżejjed sabiex jitqies li l-metodu adottat fl-APA ma jippermettix il-kisba ta’ riżultat ta’ distakkament. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-linji gwida tal-OECD ma jippermettux li tiġi sostnuta l-pożizzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks dwar l-għażla tal-parti li għandha tiġi ttestjata. It-tielet nett, il-Kummissjoni tafferma li l-kumplessità tal-parti li għandha tiġi ttestjata hija relatata ma’ dik tal-entità l-oħra li tieħu sehem fit-tranżazzjoni li għandha tiġi ttestjata u li, f’din il-perspettiva, Alki hija inqas kumplessa minn SMBV. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tafferma li l-argument li skontu hija ma wettqitx analiżi funzjonali adegwata ta’ SMBV u ta’ Alki huwa inammissibbli, sa fejn dan huwa argument ġdid, ippreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat.

418    Il-ħames nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni mqajjem minn Starbucks, il-Kummissjoni tirribatti li hija kkonkludiet, fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, li, peress li l-applikazzjoni tal-MTMN kienet ibbażata fuq premessa żbaljata, din ma kinitx tippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat tas-suq u għalhekk kienet tagħti vantaġġ lil SMBV. Hija tippreċiża li, għalkemm Alki kienet tqieset bħala l-iktar entità kumplessa, l-analiżi tal-funzjonijiet tagħha wriet li hija ma kellhiex dritt għal remunerazzjoni, b’tali mod li l-profitti kollha kellhom jiġu attribwiti lil SMBV.

419    Essenzjalment, il-partijiet ma jaqblux, minn naħa, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, kif ivvalidat fl-APA, identifikax b’mod korrett lil SMBV bħala l-entità li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-MTMN u, min-naħa l-oħra, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni mmotivatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija qieset li l-iżball fl-identifikazzjoni tal-entità li għandha tiġi ttestjata wassal għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV.

420    Hemm lok li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-entità li għandha tiġi ttestjata kinitx SMBV jew Alki, jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

421    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom f’li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296(2) TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru l-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, T‑308/00 RENV, EU:T:2013:30, punti 112 u 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

422    Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni spjegat, fit-Taqsima 9.2.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għażla ta’ SMBV bħala entità li għandha tiġi ttestjata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN, kienet tat vantaġġ lil SMBV.

423    Qabel kollox, hija rrilevat, fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kellu jinkludi tqabbil ta’ kull waħda mill-parti fit-tranżazzjonijiet relatati.

424    Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 365 sa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għażla ta’ SMBV, bħala parti ttestjata, ma hijiex konformi mal-preskrizzjonijiet tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjonijiet tagħhom tal‑1995 u tal‑2010, li bis-saħħa tagħhom il-parti li għandha tiġi ttestjata hija dik li l-funzjonijiet tagħha huma l-inqas kumplessi fost l-entitajiet li huma partijiet fit-tranżazzjoni kkontrollata.

425    Finalment, wara analiżi tal-funzjonijiet ta’ SMBV u ta’ Alki, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien indika bi żball lil SMBV bħala li għandha l-inqas funzjoni kumplessa meta mqabbla ma’ Alki (premessi 369 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

426    Fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli ta’ SMBV fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kienet imsejsa fuq is-suppożizzjoni żbaljata li skontha SMBV għandha tkun il-parti ttestjata għall-applikazzjoni tal-MTMN, dik il-metodoloġija ma tirriżultax, konsegwentement, f’approssimazzjoni affidabbli tar-riżultat ta’ suq konformement mal-prinċipju ta’ distakkament. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, peress li l-approvazzjoni fl-APA ta’ dik il-metodoloġija twassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn SMBV skont is-sistema fiskali ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża meta mqabbla ma’ impriżi awtonomi li l-profitt tagħhom huwa ddeterminat mis-suq fuq il-bażi ta’ din is-sistema, għandu jitqies li l-APA jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

427    Issa, kif ġie spjegat fil-punt 201 iktar ’il fuq, is-sempliċi konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti metodoloġiċi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni turi li l-iżbalji metodoloġiċi li hija identifikat ma jippermettux il-kisba ta’ approssimazzjoni ta’ riżultat ta’ distakkament u li dawn wasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli meta mqabbel ma’ profitt li kien jiġi kkalkolat konformement mal-prinċipju ta’ distakkament.

428    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha kif spjegat fil-punt 421 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet marbuta tagħti r-raġunijiet għaliex hija kienet qieset li l-iżball fir-rigward tal-għażla tal-entità li għandha tiġi ttestjata kellu l-effett li jnaqqas il-livell ta’ profitt taxxabbli ta’ SMBV fi proporzjonijiet tali li dan ma kienx jikkorrispondi għal approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament, u għalhekk wassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ SMBV.

429    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li Starbucks issostni ġustament li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda element li jippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li l-iżball fl-identifikazzjoni tal-entità li kellha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN kien ta vantaġġ lil SMBV.

430    Minn naħa, għalkemm il-Kummissjoni indikat fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata li l-iżball fir-rigward tal-entità li għandha tiġi ttestjata kien ta vantaġġ lil SMBV, din il-premessa ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 422 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sempliċement affermat li l-iżball fir-rigward tad-determinazzjoni tal-entità li għandha tiġi ttestjata kien iwassal għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli. Hija ma tipprovdi l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-MTMN lil Alki u l-allokazzjoni tal-profitti residwi lil SMBV wasslu għal profitt taxxabbli ogħla għal SMBV.

431    Min-naħa l-oħra, il-premessi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata ma fihom l-ebda element li jippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li l-profitt taxxabbli ta’ SMBV kien ikun ogħla li kieku l-MTMN kien ġie applikat għal Alki u mhux għal SMBV.

432    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex hija qieset li l-għażla ta’ SMBV bħala parti li għandha tiġi ttestjata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN kienet wasslet għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wrietx kif dan l-iżball kien jagħti vantaġġ lil SMBV, u dan bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 296(2) TFUE.

433    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat ukoll li r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-entità li għandha tiġi ttestjata huwa żbaljat. Fil-fatt, anki kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet tistħarreġ l-APA fid-dawl tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, kif disponibbli f’April 2008, u li hija setgħet tiddeduċi l-eżistenza ta’ vantaġġ min-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti li jinsabu f’dawn il-linji gwida, dawn tal-aħħar ma jipprevedux regola stretta fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-parti li għandha tiġi ttestjata.

434    B’mod iktar preċiż, kif jaffermaw ġustament ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks, il-paragrafu 3.43 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995 jindika li l-impriża assoċjata, li għaliha huwa applikat il-MTMN, għandha tkun l-impriża li fir-rigward tagħha d-data affidabbli dwar it-tranżazzjonijiet komparabbli bl-iktar mod strett tista’ tiġi identifikata. Sussegwentement, huwa ppreċiżat li dan ħafna drabi jimplika li għandha tintgħażel l-impriża assoċjata li hija l-inqas kumplessa mill-impriżi kkonċernati mit-tranżazzjoni u li ma għandhiex assi intanġibbli ta’ valur jew assi uniċi. Minn dan jirriżulta li l-linji gwida ma jimponux neċessarjament li tintgħażel l-inqas entità kumplessa, iżda li dawn sempliċement jagħtu l-parir li tintgħażel l-entità li fir-rigward tagħha hemm disponibbli l-iktar data affidabbli.

435    Issa, il-Kummissjoni ma turix li kien hemm disponibbli data iktar affidabbli sabiex jiġi applikat il-MTMN għal Alki. B’mod partikolari hemm lok li jiġi rrilevat li, minn naħa, l-għan tal-APA huwa li jiġi ddeterminat il-livell ta’ profitt taxxabbli ta’ SMBV u mhux dak ta’ Alki u li, min-naħa l-oħra, Alki kienet terz fil-proċedura intiża sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni fiskali fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ SMBV.

436    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din ir-rakkomandazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li l-għażla ta’ entità waħda jew oħra bħala entità li għandha tiġi ttestjata jkollha neċessarjament influwenza fuq il-prezz ta’ trasferiment miksub u li l-għażla tal-iktar entità kumplessa bħala entità li għandha tiġi ttestjata ma tippermettix il-kisba ta’ riżultat ta’ distakkament.

437    Fil-fatt, għalkemm l-għażla tal-inqas entità kumplessa bħala parti li għandha tiġi ttestjata għandha t-tendenza li tillimita l-iżbalji, ma huwa eskluż bl-ebda mod li l-applikazzjoni tal-MTMN għall-iktar entità kumplessa tista’ twassal għal riżultat ta’ distakkament. Barra minn hekk, sa fejn il-profitti residwi huma attribwiti lill-parti l-oħra, ir-riżultat għandu fit-teorija jkun l-istess kemm jekk tiġi ttestjata entità jew tiġi ttestjata entità oħra.

438    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqgħu l-ewwel parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u l-ewwel ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument ta’ Starbucks intiż sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

2.      Fuq l-analiżi tal-funzjonijiet ta’ SMBV u fuq id-determinazzjoni tal-profitt ta’ SMBV fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-operat (il-ħames linja ta’ raġunament)

439    Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-Kummissjoni qieset bi żball, minn naħa, li l-funzjonijiet prinċipali ta’ SMBV kienu l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti dderivati mill-kafè u li ma humiex relatati mal-kafè minflok l-inkaljar u, min-naħa l-oħra, li l-ispejjeż tal-operat ma kinux l-indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt.

440    L-ewwel nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset bi żball li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid minflok l-inkaljar. It-tieni nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, peress li l-Kummissjoni qieset bi żball li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid, il-konstatazzjoni tagħha li skontha l-indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt kien il-bejgħ huwa wkoll żbaljat. It-tielet nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-analiżi ta’ komparabbiltà alternattiva proposta mill-Kummissjoni fil-premessi 395 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata ma turix li d-determinazzjoni tal-profitt ta’ SMBV fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ kien iwassal għal profitt taxxabbli ogħla għal SMBV.

441    Fil-kuntest tat-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħha, Starbucks tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li qieset bi żball li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè minflok l-inkaljar tal-kafè u li minn dan iddeduċiet li l-bejgħ, u mhux l-ispejjeż tal-operat, kienu l-indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt. Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-ispejjeż tal-operat jikkostitwixxu l-indikatur it-tajjeb tal-livell ta’ profitt ta’ SMBV. Barra minn hekk, Starbucks tafferma li l-Kummissjoni ma wrietx li l-iżball fid-determinazzjoni tal-funzjonijiet ta’ SMBV kien taha vantaġġ, sa fejn l-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żbalji sinjifikattivi.

442    Il-Kummissjoni ssostni li hija wriet b’mod korrett li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid u li, għaldaqstant, l-indikatur tal-livell ta’ profitt rilevanti għal SMBV kien il-bejgħ u mhux l-ispejjeż tal-operat.

443    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li SMBV taġixxi prinċipalment bħala bejjiegħ mill-ġdid.

444    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks intiżi sabiex juru li hija qieset bi żball li l-bejgħ kien l-indikatur rilevanti tal-livell ta’ profitt. Hija tafferma li, peress li hija wriet li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid, hija, ġustament, ikkritikat lill-awtoritajiet Olandiżi li vvalidaw l-użu tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt u li setgħet tqis li l-indikatur rilevanti tal-livell ta’ profitt kien il-bejgħ.

445    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-profitt tal-bejgħ ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè għandu jiġi imputat lil SMBV u ma jistax jitħallas, permezz ta’ royalty, lil Alki, li ma hijiex f’pożizzjoni li tippermettilha tagħmel profitti mill-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè.

446    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li skonthom l-analiżi tagħha tal-punti ta’ tqabbil hija vvizzjata b’diversi żbalji.

447    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-kritiki fformulati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks li skonthom hija ma wrietx li applikazzjoni aħjar tal-MTMN kienet twassal għal profitt taxxabbli ogħla għal SMBV.

448    Minn naħa, il-Kummissjoni tafferma li din il-kritika hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ma kienx jidhrilha li huwa neċessarju li tipproponi metodu ta’ rkupru għar-raġunament sussidjarju tagħha peress li ma kinitx taqbel mal-użu tal-MTMN fil-każ ta’ SMBV.

449    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li dawn ir-rimarki ma humiex fondati, peress li hija wettqet analiżi fuq il-bażi tal-funzjoni ta’ bejjiegħ mill-ġdid ta’ SMBV u kkalkolat remunerazzjoni għal SMBV fuq il-bażi ta’ marġni fuq il-bejgħ. Il-premessa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija ammettiet li dan il-kalkolu ma kienx intiż sabiex tiġi kkalkolata r-remunerazzjoni ta’ distakkament ta’ SMBV, ma tqajjimx dubju dwar il-fatt li l-analiżi tagħha ta’ tqabbil kienet twettqet sabiex jintwera li applikazzjoni aħjar tal-MTMN kieku kienet tagħti lok għal profitt taxxabbli ogħla għal SMBV.

450    Essenzjalment, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wrietx li l-iżbalji li hija identifikat fir-rigward tal-analiżi tal-funzjonijiet ta’ SMBV u fir-rigward tal-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt taw vantaġġ lil SMBV.

451    B’mod preliminari, huwa importanti li jiġi kkonstatat li, minkejja li, fir-rikors fil-Kawża T‑760/15, dawn il-kwistjonijiet huma s-suġġett ta’ żewġ ilmenti distinti ttrattati f’taqsimiet separati, il-kwistjonijiet tal-identifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ SMBV u tal-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt huma inseparabbli. Fil-fatt, mill-premessi 386 u 400 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jagħmlu parti mill-istess prova li skontha l-APA ta vantaġġ lil SMBV.

452    Fil-fatt, fl-ewwel stadju, il-Kummissjoni kkonstatat li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè, u mhux l-inkaljar tal-kafè (premessi 380 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

453    Fit-tieni stadju, abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-bejgħ kien indikatur iktar xieraq tal-livell ta’ profitt mill-ispejjeż tal-operat (premessi 387 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li, għall-perijodu mill‑2008 sal‑2014, l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt ma tirriflettix iż-żieda qawwija fil-bejgħ u għalhekk fil-profitt ta’ SMBV miksub mill-attività ta’ bejgħ mill-ġdid tagħha. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-profitti miksuba mill-bejgħ kienu indebitament ittrasferiti lil Alki permezz tar-royalty, filwaqt li din tal-aħħar ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġenera l-imsemmija profitti.

454    In-natura inseparabbli taż-żewġ stadji spjegati fil-punti 452 u 453 iktar ’il fuq tirriżulta, minn naħa, mill-fatt li l-Kummissjoni ma tislet l-ebda konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv mill-konstatazzjoni tas-sempliċi żball fl-identifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ SMBV u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Kummissjoni tiddeduċi l-iżball fl-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt ta’ SMBV mill-iżball fl-identifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ SMBV.

455    Fit-tielet stadju, il-Kummissjoni fittxet ukoll li “turi” l-effett tal-iżball fid-determinazzjoni tal-funzjonijiet prinċipali ta’ SMBV u l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt fuq il-livell ta’ profitt ta’ SMBV. Sabiex tagħmel dan, hija wettqet l-analiżi funzjonali tagħha billi telqet mill-premessa li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid (premessi 392 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

456    Għall-finijiet ta’ ċarezza, hemm lok li jiġi osservat li, permezz ta’ dan ir-raġunament, minn naħa, il-Kummissjoni ma tqajjimx dubju dwar l-għażla tal-MTMN fil-każ ineżami u li, min-naħa l-oħra, hija ma tallegax li l-indikatur tal-livell ta’ profitt adottat fl-APA, jiġifieri l-ispejjeż tal-operat, kellu jinkludi elementi ta’ spejjeż oħra, iżda ssostni li fil-kuntest tal-APA kellu jintuża indikatur tal-livell ta’ profitt totalment distint mill-ispejjeż.

457    Sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex turi li l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt kienet wasslet għal riżultat mhux konformi mal-prinċipju ta’ distakkament, għandhom għalhekk jiġu eżaminati, qabel kollox, il-prova tal-Kummissjoni prodotta fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni stadji (premessi 380 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata), u sussegwentement l-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà mwettqa fil-kuntest tat-tielet stadju tar-raġunament tagħha (premessi 392 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata).

a)      Fuq l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt

458    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè. Hija bbażat dan ir-raġunament prinċipalment fuq il-fatt li, fl‑2007, [kunfidenzjali] % biss tad-dħul ta’ SMBV kienu bbażati fuq il-bejgħ tal-kafè inkaljat. Bi tqabbil, [kunfidenzjali] % tad-dħul ta’ SMBV kien ibbażat fuq il-bejgħ ta’ prodotti li ma humiex marbuta mal-kafè, li jikkorrispondu għal dak li Starbucks tidentifika bħala l-attività ta’ provvista ta’ servizzi loġistiċi u amministrattivi, u parti sostanzjali tal-persunal ta’ SMBV kienet assenjata għal din l-attività.

459    Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-bejgħ kien l-indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt. Fil-premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, hija rrilevat li, skont il-paragrafu 2.87 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, il-bejgħ jew l-ispejjeż operattivi ta’ distribuzzjoni setgħu jkunu indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt. Sussegwentement, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-bejgħ huwa indikatur adattat aħjar tal-profittabbiltà tal-funzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ SMBV minħabba l-fatt li l-profitti ta’ din tal-aħħar huma ġġenerati u rreġistrati permezz ta’ marġni fuq il-prodotti ddistribwiti. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, bejn l-2008 u l-2014, il-bejgħ totali ta’ SMBV kien prattikament it-triplu, filwaqt li l-“marġni gross” żdied b’iktar mid-doppju matul dan l-istess perijodu u li, bi tqabbil, l-ispejjeż tal-operat ta’ SMBV żdiedu biss b’6 %. Minn dan hija għalhekk iddeduċiet li l-ispejjeż tal-operat ma setgħux ikunu indikatur adegwat tal-livell ta’ profitt. Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-ħlas ta’ royalty lil Alki, li jikkorrispondi għall-profitt residwu, kellu bħala effett it-trasferiment ta’ parti mill-profitt ta’ SMBV relatat mal-bejgħ mill-ġdid lil Alki, filwaqt li din tal-aħħar, minħabba l-kapaċitajiet operattivi limitati tagħha, ma kinitx f’pożizzjoni li tiġġenera profitti għal din l-attività. Hija għalhekk ikkonkludiet li l-profitti kollha kellhom jiġu attribwiti lil SMBV.

460    Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li, anki kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè, l-analiżi tagħha ma hijiex suffiċjenti sabiex turi li indikatur tal-livell ta’ profitt ibbażat fuq l-ispejjeż tal-operat ma setax iwassal għal riżultat ta’ distakkament.

461    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni stess fil-premessa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-paragrafu 2.87 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010 jirriżulta li l-bejgħ jew l-ispejjeż tal-operat marbuta mad-distribuzzjoni setgħu jkunu indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt. Minn dan jirriżulta li, anki kieku kellu jitqies li l-premessa tal-Kummissjoni li skontha l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè hija korretta, ma huwiex eskluż, bħala prinċipju, li l-ispejjeż tal-operat setgħu jikkostitwixxu indikatur xieraq tal-livell ta’ profitt.

462    Sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè kien jikkostitwixxi bażi xierqa għad-determinazzjoni tal-profitt nett ta’ SMBV, għandu jitfakkar li mil-linji gwida tal-OECD, li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuqhom, u b’mod partikolari mill-paragrafi 1.42, 3.2 u 3.26 tal-verżjoni tagħhom tal‑1995, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-paragrafi 2.57, 2.58 u 3.9 tal-verżjoni tagħhom tal‑2010, jirriżulta li l-MTMN jikkonsisti fid-determinazzjoni, minn bażi xierqa, tal-profitt nett li tagħmel persuna taxxabbli fir-rigward ta’ tranżazzjoni kkontrollata jew fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ikkontrollati li huma strettament relatati jew kontinwi. Minn dan isegwi li l-MTMN iservi sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ prezz ta’ trasferiment għal tip ta’ tranżazzjoni jew għal tranżazzjonijiet strettament relatati jew kontinwi fuq il-bażi ta’ analiżi tal-funzjonijiet prinċipali marbuta ma’ din it-tranżazzjoni jew ma’ dawn it-tranżazzjonijiet. Madankollu, dan ma għandux l-għan li jiddetermina l-livell tal-profitt għall-attività globali ta’ impriża, li tikkonsisti f’tipi ta’ tranżazzjonijiet varjati, fuq il-bażi tal-identifikazzjoni ta’ funzjoni prinċipali waħda, billi jinjora l-funzjonijiet l-oħra eżerċitati minn din l-impriża. Dan il-proċess ma huwiex konformi mal-paragrafu 3.4 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑1995, li jikkorrispondi għall-paragrafu 2.7 tal-linji gwida tal-OECD fil-verżjoni tagħhom tal‑2010, li skontu huwa previst dan li ġej:

“Il-metodi tat-tranżazzjoni ta’ profitti fl-ebda każ ma għandhom jintużaw b’mod li jwasslu għal tassazzjoni żejda għall-impriżi sempliċement minħabba li dawn jagħmlu profitti li jkunu inqas mill-medja jew għall-kuntrarju għal inqas tassazzjoni għall-impriżi li jagħmlu profitti ogħla mill-medja. Ma hemmx raġuni, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ distakkament, li jiġi impost oneru fiskali addizzjonali fuq impriżi li huma inqas effiċjenti mill-medja jew, għall-kuntrarju, li jimponu inqas oneri fuq l-impriżi li huma iktar effiċjenti mill-medja, meta r-raġunijiet tas-suċċess tagħhom jew tan-nuqqas ta’ suċċess tagħhom huma imputabbli lil fatturi kummerċjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

463    F’dan il-kuntest, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-funzjonijiet ta’ SMBV marbuta mal-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti marbuta mal-kafè u dawk marbuta mal-inkaljar ma kinux ta’ importanza negliġibbli. Konsegwentement, dawn iż-żewġ funzjonijiet, u mhux waħda jew l-oħra, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ SMBV.

464    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wrietx li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, it-tranżazzjonijiet kollha fi ħdan il-grupp ta’ SMBV li kienu rilevanti għad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli tagħha kienu strettament relatati jew kontinwi, b’tali mod li livell wieħed ta’ prezz seta’ jiġi ddeterminat għar-remunerazzjoni tagħhom.

465    Din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-bejgħ ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè kienu indikatur tal-livell ta’ profitt li seta’ jintuża għall-globalità tal-attività ta’ SMBV.

466    It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi għaċ-ċaħda, fil-każ ineżami, tal-użu tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt ma humiex konvinċenti.

467    Minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessi 388 u 389 tad-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq data sussegwenti għall-konklużjoni tal-APA. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 251 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-analiżi tagħha fuq informazzjoni li ma kinitx disponibbli jew raġonevolment prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-APA, jiġifieri f’April 2008. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ma wrietx li d-data dwar il-bejgħ ta’ SMBV kif ukoll dwar l-ispejjeż tagħha għall-perijodu mill‑2008 sal‑2014 kienu raġonevolment prevedibbli, b’tali mod li hija ma setgħetx tibbaża l-analiżi tagħha fuq din id-data.

468    Min-naħa l-oħra, anki kieku kellu jitqies li d-data dwar l-attività ta’ SMBV bejn l-2008 u l-2014 setgħet tintuża mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni li skontha l-bejgħ magħmul minn SMBV kien ittriplika filwaqt li l-ispejjeż tal-operat kienu żdiedu biss b’6 % għal dan l-istess perijodu, ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqajjem dubju dwar l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt.

469    Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 458 iktar ’il fuq, l-argument tal-Kummissjoni jibbaża fuq il-premessa li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV hija l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè. Issa, minn naħa, iċ-ċifri invokati mill-Kummissjoni jirrigwardaw, kif tindika hija stess, il-bejgħ totali u l-“marġni gross” ta’ SMBV, u dan jinkludi neċessarjament il-bejgħ tal-kafè u ta’ prodotti relatati mal-kafè. Barra minn hekk, fir-rigward tal-“marġni gross”, dan huwa daqs il-profitt gross, jiġifieri d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ u l-ispejjeż tal-merkanzija mibjugħa, diviż bil-bejgħ (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 tad-deċiżjoni kkontestata) u għalhekk ma jikkostitwixxix rata li tindika l-profittabbiltà tal-bejgħ qabel it-tnaqqis tal-ispejjeż fissi. Issa, il-Kummissjoni ma tispjegax kif dawn iċ-ċifri jistgħu jintużaw jew huma rilevanti fil-każ ineżami. Iktar minn hekk, hija ma tipproduċi l-ebda prova insostenn ta’ din id-data numerika, u lanqas xi indikazzjoni fir-rigward tas-sors tagħha.

470    It-tielet nett, l-indikatur tal-livell ta’ profitt propost mill-Kummissjoni, jiġifieri l-bejgħ totali, lanqas ma jidher li huwa xieraq għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ SMBV.

471    Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 458 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat l-argument tagħha fuq il-premessa li [kunfidenzjali] % tad-dħul ta’ SMBV huma dderivati mill-funzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li ma humiex relatati mal-kafè. Minn dan hija ddeduċiet li din il-funzjoni kienet il-funzjoni prinċipali ta’ SMBV.

472    Madankollu, huwa importanti li jiġi rrilevat li din id-data numerika li l-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha fuqha tikkonċerna d-dħul u mhux il-profitti ta’ SMBV. Issa, għandu jiġi kkonstatat li proporzjon għoli ta’ dħul ma jfissirx neċessarjament proporzjon għoli ta’ profitti, b’tali mod li din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-funzjoni prinċipali ta’ SMVB hija l-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li ma humiex relatati mal-kafè.

473    Barra minn hekk, il-valur probatorju ta’ din id-data numerika huwa iktar u iktar diskutibbli peress li, kif ġie kkonstatat fil-punti 275 sa 277 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li parti mid-dħul u mill-profitti kienet ibbażata fuq il-bejgħ tal-kafè inkaljat minn terzi.

474    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 458 sa 473 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx b’suffiċjenza fid-dritt li l-għażla tal-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt ma kinitx tippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq.

475    Peress li l-Kummissjoni ma wrietx li l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt kienet żbaljata, hija ma setgħetx tqis, fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, li parti mill-profitt ta’ SMBV, relatat mal-attività tagħha ta’ bejgħ mill-ġdid, kienet indebitament ittrasferita lil Alki permezz tar-royalty. Fil-fatt, hija ma wrietx li l-profitt ta’ SMBV kellu jkun ogħla mil-livell ta’ profitt iddeterminat bl-applikazzjoni tal-APA.

b)      Fuq l-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni

476    Kif ġie kkonstatat fil-punt 455 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għamlet, fil-premessi 392 sa 399 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tagħha stess ta’ komparabbiltà billi telqet mill-premessa li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè.

477    Fil-fatt, il-Kummissjoni fittxet li tiddetermina l-firxa ta’ distakkament għal SMBV, billi qabblitha ma’ impriżi li għandhom bħala funzjoni prinċipali l-bejgħ bl-ingrossa ta’ prodotti dderivati mill-kafè u billi qieset il-bejgħ bħala indikatur tal-livell ta’ profitt.

478    Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni rriproduċiet l-analiżi tal-konsulent tat-taxxa bi grupp ta’ impriżi komparabbli kkorreġut, li għalih hija rreferiet bħala “grupp ta’ pari kkoreġut”, identifikat fuq il-bażi tal-funzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ SMBV, u sussegwentement hija kkalkolat, mill-grupp ta’ pari kkorreġut, il-firxa ta’ redditu mill-bejgħ li kien jikkorrispondi, fir-rigward tal-analiżi tagħha, għal riżultat ta’ distakkament. Il-firxa interkwartili miksuba għar-redditu mill-bejgħ kienet tikkorrispondi għal firxa ta’ bejn 1.5 u 5.5 %. Għalhekk, il-Kummissjoni applikatha għar-riżultati ta’ SMBV miksuba bejn l-2007 u l-2014. Hija kkonstatat li, għal kull waħda mis-snin koperti mill-APA, il-valur taxxabbli ta’ SMBV ikkalkolat fuq il-bażi tal-APA kien inqas mill-kwartili inferjuri tal-valur taxxabbli ta’ SMBV, hekk kif kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu adottat mill-Kummissjoni.

479    L-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti, minn naħa, fit-twettiq tal-analiżi tagħha stess u, min-naħa l-oħra, fit-tqabbil tas-sitwazzjoni ta’ SMBV fir-rigward tal-APA mar-riżultati tal-analiżi tagħha, huwa ta’ natura li jissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq il-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Fil-fatt, ir-riżultati tal-analiżi tal-Kummissjoni juru li l-profitt taxxabbli ta’ SMBV, kif miksub bl-applikazzjoni tal-APA għas-snin 2007 sa 2014, huwa inqas mill-profitt taxxabbli ta’ SMBV, kif ikkalkolat għas-snin 2007 sa 2014, bl-applikazzjoni tal-firxa ta’ distakkament miksub mill-Kummissjoni, mill-grupp ta’ pari kkorreġut.

480    Madankollu, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jaffermaw ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks, l-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni hija nieqsa mill-affidabbiltà.

481    L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi rrilevat li, fil-premessa 400 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-iskop tal-analiżi li hija wettqet “[ma kienx] li [t]ikkalkola r-rimunerazzjoni ta’ distakkament għall-funzjonijiet imwettqa minn SMBV fi ħdan il-grupp Starbucks”. Hija għalhekk “[i]rrikonoxxi[et] li l-firxa ppreżentata hawn fuq [ma kinitx] appoġġata minn analiżi ta’ paragun suffiċjenti”. Issa, tali preċiżazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni nnifisha, iddgħajjef in-natura probatorja tal-analiżi tagħha sabiex turi li l-iżbalji identifikati fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ SMBV u fir-rigward tal-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt wasslu sabiex jingħata vantaġġ lil SMBV.

482    It-tieni nett, l-impossibbiltà, allegata minn Starbucks, li tiġi riprodotta t-tfittxija tal-grupp ta’ pari kkorreġut, magħmula mill-Kummissjoni, u li jinkisbu l-istess riżultati bħall-Kummissjoni, hija ta’ natura li tikkonferma n-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni. Fil-fatt, meta l-konsulent tat-taxxa ta’ Starbucks ipprova jirriproduċi l-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni billi juża l-istess kriterji bħalha, huwa kiseb lista ta’ 87 impriża. Issa, mit-tnax‑il impriża identifikati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-analiżi tagħha ta’ tqabbil, tlieta biss kienu preżenti fil-lista ta’ 87 impriża.

483    Ċertament, il-Kummissjoni pprovat tirriproduċi, fl-istadju tar-risposta fil-Kawża T‑636/16, it-tfittxija tal-grupp ta’ pari kkorreġut, sabiex turi l-affidabbiltà tal-analiżi ta’ komparabbiltà tagħha. Madankollu, u anki kieku kellu jitqies li l-użu tad-database “Orbis” minflok id-database “Amadeus” ma għandu l-ebda effett, peress li l-ewwel database tinkludi l-istess data bħat-tieni waħda, hemm lok li jiġi kkonstatat li ħamsa mill-impriżi identifikati fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux jidhru meta hija rriproduċiet it-tfittxija tagħha ta’ impriżi komparabbli. Il-Kummissjoni ammettiet dan, inċidentalment, fil-punt 179 tar-risposta tagħha fil-Kawża T‑636/16.

484    Issa, l-argumenti invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika din id-differenza fir-riżultati bejn l-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà u r-riproduzzjoni ta’ din l-analiżi, ma jippermettux għalhekk li tiġi kontradetta l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kredibbiltà u ta’ affidabbiltà tal-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija differenza fir-riżultati hija spjegata mill-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-ħames impriżi fid-database nbidlet wara l-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà.

485    Issa, minn naħa, mir-replika ta’ Starbucks, mingħajr ma hija kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni fil-kontroreplika fil-Kawża T‑636/16, jirriżulta li huwa possibbli li jiġu kkonsultati l-verżjonijiet storiċi tad-databases “Orbis” u “Amadeus”, b’tali mod li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-impriżi ma għandux ikollu effett fuq ir-riproduċibbiltà tal-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, peress li dawn il-verżjonijiet storiċi tad-database “Amadeus” ma jistgħux jiġu aġġornati b’mod retroattiv, ir-riżultati ma setgħux ikunu differenti minn dawk miksuba fl-analiżi ta’ komparabbiltà tal-Kummissjoni.

486    Min-naħa l-oħra, Starbucks tippreċiża li l-Kummissjoni użat, kemm għall-finijiet tal-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà kif ukoll tar-riproduzzjoni tal-analiżi ta’ komparabbiltà, verżjonijiet tad-databases “Amadeus” u “Orbis” bid-data, rispettivament, tal‑2015 u tal‑2017, u l-Kummissjoni ma tikkontestax dan. Minn dan jirriżulta li l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq verżjonijiet ta’ databases ta’ wara s-sena 2008. Issa, sa fejn, kif issostni l-Kummissjoni stess, il-klassifikazzjoni tal-impriżi tista’ tvarja skont il-verżjonijiet tad-databases, ir-riżultati tal-analiżi ta’ komparabbiltà setgħu jiġu distorti mill-użu ta’ verżjoni iktar reċenti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 243 sa 251 iktar ’il fuq, hija biss l-informazzjoni disponibbli fil-ġurnata tal-adozzjoni tal-miżura kkontestata li setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

487    Għaldaqstant, il-fatt, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tirriproduċi l-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà u, min-naħa l-oħra, li dawn il-ħames impriżi kienu jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-grupp ta’ pari kkorreġut, użat għall-finijiet tal-analiżi ta’ komparabbiltà, kif ukoll l-impossibbiltà li tirriżulta għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jew għall-Qorti Ġenerali li jsiru jafu l-metodu eżatt użat mill-Kummissjoni fir-raġunament tagħha u li jirriproduċu din l-analiżi sabiex jiġi mistħarreġ jekk hija identifikatx b’mod korrett l-impriżi komparabbli, huma ta’ natura li jqajmu dubju dwar l-affidabbiltà u l-kredibbiltà tagħha.

488    Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jaffermaw ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks, l-analiżi tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’diversi żbalji.

489    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-grupp ta’ pari kkorreġut użat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-analiżi tagħha ta’ komparabbiltà huwa inkoerenti fir-rigward tal-konstatazzjonijiet li huma għamlu fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ SMBV u ma jippermettix li jintwera li l-iżbalji li hija identifikat wasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV.

490    Fil-fatt, minn naħa, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè. Fil-fatt, fil-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet il-bejgħ mill-ġdid, peress li [kunfidenzjali] % tad-dħul tal-kumpannija fl‑2007 kienu dderivati minn din l-attività. Fil-premessa 384 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ċċarat il-pożizzjoni tagħha li skontha l-parti essenzjali tal-attivitajiet ta’ SMBV kienu jirrigwardaw il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatatia mal-kafè, bħal tazzi u srievet tal-karti. Din il-konstatazzjoni, barra minn hekk, hija kkonfermata mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, li fihom il-Kummissjoni tafferma li l-funzjoni prinċipali ta’ SMBV hija l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè u li din hija r-raġuni prinċipali għaliex hija kkritikat lill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks talli għażel l-ispejjeż tal-operat bħala indikatur tal-livell ta’ profitt.

491    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 393 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata li, peress li l-funzjonijiet ta’ SMBV kienu ġew identifikati b’mod inkorrett fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, il-grupp ta’ pari użat sabiex jiġi applikat il-MTMN, identifikat mill-kodiċi tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunitajiet Ewropej (NACE) “ipproċessar tat-te u tal-kafè”, ma kienx xieraq. Il-Kummissjoni għalhekk irriproduċiet l-analiżi mwettqa fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment billi użat il-grupp ta’ pari kkorreġut, identifikat mill-kodiċi NACE “bejgħ bl-ingrossa ta’ kafè, te, kawkaw u ħwawar”. Hija sussegwentement eskludiet mill-grupp ta’ pari kkorreġut il-kumpanniji li jiddistribwixxu prinċipalment prodotti li ma humiex te u kafè. Minn dan irriżulta grupp ta’ pari kkorreġut kompost minn tnax‑il kumpannija, li kollha jeżerċitaw attività tal-inkaljar, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata.

492    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kumpanniji li jifformaw il-grupp ta’ pari kkorreġut għandhom funzjonijiet differenti mill-funzjoni prinċipali ta’ SMBV, kif identifikata mill-Kummissjoni, jiġifieri l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-kafè. Dan jimplika li dawn il-kumpanniji ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ SMBV. Dawn l-impriżi għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala rilevanti sabiex jiġi kkalkolat il-profitt li tagħmel SMBV f’kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, l-analiżi ta’ komparabbiltà alternattiva li tikkonsisti fir-riproduzzjoni tal-analiżi tal-konsulent tat-taxxa billi jittieħed grupp ta’ pari kkorreġut li għandu bħala attività l-bejgħ ta’ kafè u l-inkaljar hija neċessarjament żbaljata.

493    It-tieni nett, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif tafferma Starbucks, li, anki kieku kellu jitqies li l-grupp ta’ pari kkorreġut seta’ jintuża mill-Kummissjoni, ir-riżultati tal-analiżi ta’ komparabbiltà mwettqa mill-Kummissjoni huma neċessarjament distorti, peress li hija qabblet data mhux komparabbli, jiġifieri l-profitti tal-operat ta’ impriżi komparabbli mal-profitt taxxabbli ta’ SMBV.

494    F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-firxa interkwartili kkalkolata mill-Kummissjoni għall-perijodu mill‑2005 sal‑2007, li tikkorrispondi għal firxa ta’ bejn 1.5 u 5.5 % tal-bejgħ, ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-profitti tal-operat tal-kumpanniji li jifformaw il-grupp ta’ pari kkorreġut. Din l-affermazzjoni hija inċidentalment issostanzjata mit-Tabella 12 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-Kummissjoni qabblet il-profitt taxxabbli ta’ SMBV, iddeterminat bl-applikazzjoni tal-APA, u mhux il-profitt tal-operat tagħha, mal-profitt tal-operat tal-impriżi komparabbli tal-grupp ta’ pari kkorreġut. Dan jirriżulta inċidentalment mit-Tabella 13 tad-deċiżjoni kkontestata.

495    Issa, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-profitti tal-operat ma humiex komparabbli mal-profitti qabel it-taxxa, iżda sempliċement tafferma li hija rriproduċiet l-analiżi tal-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-profitti tal-operat u l-profitti taxxabbli huma żewġ kunċetti distinti li, bħala prinċipju, jiġu riflessi fl-iskrizzjoni ta’ ammonti differenti fil-linji tal-kontabbiltà korrispondenti, kif jirriżulta mill-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-Tabella 1 tal-imsemmija deċiżjoni.

496    Il-fatt li l-Kummissjoni affermat, fil-premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata, li qabblet il-profitt taxxabbli ta’ SMBV ikkalkolat fuq il-bażi tal-APA mal-profitt taxxabbli kkalkolat fuq il-bażi tal-firxa ddeterminata mill-Kummissjoni, ma jistax iqajjem dubju dwar il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 493 iktar ’il fuq. Fil-fatt, peress li l-firxa interkwartili ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-profitti tal-operat tal-impriżi komparabbli, ir-riżultat miksub għal SMBV bl-applikazzjoni ta’ din il-firxa ma jikkorrispondix għall-profitt taxxabbli tagħha, iżda għall-profitt tal-operat tagħha.

497    Minn dan jirriżulta li t-tqabbil tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV mal-firxa interkwartili miksuba mill-profitt tal-operat tal-kumpanniji tal-grupp ta’ pari kkorreġut huwa neċessarjament distort.

498    Barra minn hekk, għas-sena 2007-2008, iċ-ċifra ta’ 1.2 % hija qrib biżżejjed il-firxa baxxa tal-firxa kkalkolata mill-Kummissjoni. Fir-rigward tad-diversi approssimazzjonijiet fl-analiżi tal-Kummissjoni, dan ir-riżultat ma jurix sitwazzjoni li b’mod ċar tmur kontra l-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-Kummissjoni tistħarreġ jekk il-profitt taxxabbli ta’ impriża integrata bl-applikazzjoni ta’ miżura fiskali jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ profitt taxxabbli magħmul f’kundizzjonijiet tas-suq, hija tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss bil-kundizzjoni li d-differenza bejn iż-żewġ fatturi ta’ tqabbil imorru lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb tali approssimazzjoni.

499    Barra minn hekk, anki kieku kellu jitqies li l-iżball li jikkonsisti fit-tqabbil tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV mal-profitt tal-operat ta’ impriżi komparabbli kien effettivament jinsab fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ta’ Starbucks, li Starbucks tikkontestah, l-eżistenza tal-imsemmi żball fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma tipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli tistħarreġ li d-deċiżjoni kkontestata ma tkunx ivvizzjata bi żball. Iktar minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni kienet qieset bħala problematiku l-fatt li l-profitti tal-operat jitqabblu mal-profitti taxxabbli, kien il-kompitu tagħha li teżamina din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

500    Għalhekk hemm lok li jitqies, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 480 sa 499 iktar ’il fuq, li l-analiżi ta’ tqabbil magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 392 sa 399 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, hija nieqsa mill-affidabbiltà u, min-naħa l-oħra, hija vvizzjata b’diversi żbalji.

501    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 457 sa 500 iktar ’il fuq, hemm lok li jintlaqgħu l-ilmenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li skonthom il-Kummissjoni ma wrietx li l-validazzjoni mill-APA tal-identifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ SMBV u tal-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt, proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, kienet tat vantaġġ lil SMBV. Għalhekk, ma huwiex iktar neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni qisitx b’mod korrett li l-identifikazzjoni tal-funzjonijiet ta’ SMBV u l-għażla tal-indikatur tal-livell ta’ profitt adottati fl-APA kienu żbaljati. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-argument ta’ Starbucks li jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

3.      Fuq l-għażla tal-aġġustamenti (is-sitt linja ta’ raġunament)

502    Fil-kuntest tar-raba’ parti tar-raba’ motiv fil-Kawża T‑760/15 u tat-tielet ilment tat-tielet parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑636/16, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks jaffermaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma wrietx li l-aġġustamenti proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment sabiex tiżdied il-komparabbiltà bejn SMBV u l-impriżi komparabbli kienu ta’ natura li jagħtu vantaġġ lil SMBV.

503    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li l-Kummissjoni kkonstatat bi żball li tnejn mill-aġġustamenti proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment sabiex tiżdied il-komparabbiltà bejn SMBV u l-għoxrin impriża mhux affiljata komparabbli, ma kinux jippermettu l-kisba ta’ approssimazzjoni ta’ riżultat ta’ distakkament. Minn naħa, l-esklużjoni, mill-bażi tal-ispejjeż rilevanti, tal-ispejjeż tal-prodotti relatati u li ma humiex relatati mal-kafè hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-fatt li SMBV taġixxi bħala fornitur ta’ servizz, ma teżerċita l-ebda funzjoni ta’ xiri u ma ssostnix ir-riskji marbuta mal-ħażniet għall-kuntrarju tal-impriżi komparabbli. Min-naħa l-oħra, l-aġġustament tal-fattur ta’ żieda huwa ġġustifikat mill-fatt li l-fattur ta’ żieda qabel l-aġġustament jirrigwarda l-profitti tal-operat, filwaqt li l-APA għandu l-għan li jiddetermina l-profitti taxxabbli. Dan l-aġġustament kellu l-effett li jżid il-fattur ta’ żieda.

504    Minn naħa, Starbucks iżżid tgħid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma qajmitx dubju dwar l-aġġustamenti applikati għall-bażi tal-ispejjeż, magħżula bħala indikatur tal-livell ta’ profitt. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni, żviluppat fil-punt 183 tar-risposta fil-Kawża T‑636/16, li skontu l-aġġustament tal-bażi tal-ispejjeż ma huwiex xieraq minħabba l-assenza ta’ trasferiment tar-riskji ta’ SMBV lil Alki, huwa inammissibbli minħabba li ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija tqis li d-data numerika, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-punti 184 u 185 tar-risposta fil-Kawża T‑636/16, intiża sabiex turi li d-dħul taxxabbli ta’ SMBV kien ikun ogħla li kieku ġiet applikata żieda fuq l-ispejjeż totali, hija wkoll inammissibbli minħabba l-fatt li din ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata.

505    Fir-rigward tal-aġġustamenti inkwistjoni, Starbucks tqajjem nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tafferma li l-aġġustamenti ma kinux adatti, mingħajr ma wriet kif il-profitt taxxabbli ta’ SMBV kien ikun ogħla b’aġġustamenti xierqa.

506    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li ż-żewġ aġġustamenti proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma humiex adegwati u jwasslu għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV. Hija tafferma li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks ma wrewx li hija kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

507    L-ewwel nett, fir-rigward tal-aġġustamenti applikati għall-bażi tal-ispejjeż, il-Kummissjoni ssostni li hija kkontestat dan il-punt fil-premessi 319 sa 332 tad-deċiżjoni kkontestata billi affermat li Alki ma setgħet issostni l-ebda riskju ta’ impriża ta’ SMBV. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-premessi 59 u 159 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom hemm spjegat li l-aġġustament tal-bażi tal-ispejjeż hija ġġustifikata, skont ir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, mill-kwalità ta’ produtturi b’arranġamenti ta’ sottokuntrattar, li ma jassumi l-ebda riskju, ta’ SMBV. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li skonthom il-profitt ta’ SMBV seta’ jiġi kkalkolat abbażi tal-ispejjeż tal-operat u mhux tal-ispejjeż totali.

508    It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm iż-żieda aġġustata kienet wasslet għal perċentwali ogħla, dan il-perċentwali ġie applikat għal bażi tal-ispejjeż nettament inferjuri. Hija żżid tgħid li, peress li l-ispiża tal-kafeni ħodor, ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil terzi u l-prodotti li ma humiex marbuta mal-kafè kellhom jiġu inklużi fil-bażi tal-ispejjeż, ma kienx hemm lok li jiġi applikat l-“aġġustament tal-kapital operatorju”. Anki kieku kellu jitqies li l-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks li pprepara r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma wettaqx żball meta eskluda dawn id-diversi ispejjeż mill-bażi tal-ispejjeż, lanqas l-“aġġustament tal-kapital operatorju” ma kien ikun adatt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li hija kienet spjegat b’mod suffiċjenti, fil-premessi 402 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, kif l-“aġġustament tal-kapital operatorju”, flimkien mal-aġġustament fuq il-bażi tal-ispejjeż, naqqas it-taxxa fuq il-kumpanniji li normalment hija responsabbli li tħallas SMBV.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

509    Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-premessi 407 u 408 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, anki kieku kellu jitqies li l-funzjonijiet ta’ SMBV u l-indikatur tal-livell ta’ profitt kienu ġew identifikati b’mod korrett, żewġ aġġustamenti proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kellhom bħala konsegwenza li l-metodu propost fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kienx jippermetti l-kisba ta’ riżultat ta’ distakkament.

510    Fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li ż-żewġ aġġustamenti huma żbaljati, il-Kummissjoni kkonkludiet li, billi aċċetta l-metodoloġija li kienet twassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta minn SMBV skont is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża meta mqabbla ma’ impriżi awtonomi li l-profitt tagħhom huwa ddeterminat f’kundizzjonijiet tas-suq fuq il-bażi ta’ din is-sistema, l-APA jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

511    Hemm lok li jiġi rrilevat li mill-premessi 407 u 408 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fit-tqabbil tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV bl-applikazzjoni tal-APA ma’ dak ta’ impriża awtonoma li l-profitt tagħha huwa ddeterminat f’kundizzjonijiet tas-suq fuq il-bażi tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiża, jidher, prima facie, li jissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq il-Kummissjoni dwar il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

512    Madankollu, għandu jitfakkar li mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 151 u 152 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-APA tax vantaġġ lil SMBV fil-każ ineżami, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment ikkonfermat fl-APA wassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ SMBV u, b’mod iktar preċiż, li turi li l-livell ta’ profitt ta’ SMBV, ikkalkolat bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment, jitnaqqas fi proporzjonijiet tali li dan ma jistax jitqies bħala approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 498 iktar ’il fuq, meta l-Kummissjoni tistħarreġ jekk il-profitt taxxabbli ta’ impriża integrata bl-applikazzjoni ta’ miżura fiskali jikkorrispondix għal approssimazzjoni affidabbli ta’ profitt taxxabbli magħmul f’kundizzjonijiet tas-suq, hija tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE biss bil-kundizzjoni li d-differenza bejn iż-żewġ fatturi ta’ tqabbil imorru lil hinn mill-impreċiżazzjonijiet inerenti għall-metodu applikat sabiex tinkiseb tali approssimazzjoni.

513    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wrietx b’mod suffiċjenti li ż-żewġ aġġustamenti magħmula mill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks kienu taw vantaġġ lil SMBV.

b)      Fuq l-aġġustament li jirrigwarda l-bażi tal-ispejjeż

514    L-ewwel aġġustament propost fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment jirrigwarda l-bażi tal-ispejjeż (iktar ’il quddiem l-“aġġustament tal-bażi tal-ispejjeż”). Dan jikkonsisti fl-esklużjoni ta’ ċerti spejjeż mill-bażi tal-ispejjeż użati bħala indikatur tal-livell ta’ profitt għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN. Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-premessi 406 u 407 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kritiki identifikati mill-Kummissjoni huma limitati b’mod espliċitu għall-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 mill-bażi tal-ispejjeż adottata għall-applikazzjoni tal-MTMN. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkonstatat li xejn ma kien jispjega li l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 kienu esklużi meta dawn kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-APA preċedenti.

515    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-konklużjoni li saret fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-aġġustamenti proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u vvalidati fl-APA jagħtu vantaġġ lil SMBV, hija limitata b’mod espliċitu għall-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 mill-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV. Fil-fatt, mit-test tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tal-vantaġġ fuq l-esklużjoni ta’ spejjeż oħra mill-bażi tal-ispejjeż użata bħala indikatur tal-livell ta’ profitt ta’ SMBV.

516    Iċ-ċirkustanza, invokata mill-Kummissjoni, li skontha din tal-aħħar qajmet dubju, fil-kuntest tal-premessi 319 sa 332 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-fatt li r-riskji imprenditorjali ta’ SMBV kienu ġew ittrasferiti lil Alki, ma tippermettix li jiġi kkonstatat li hija kienet qieset, għal dawn ir-raġunijiet, li ċerti spejjeż kienu ġew esklużi bi żball mill-bażi tal-ispejjeż użata bħala indikatur tal-livell ta’ profitt. Din il-konstatazzjoni hija msaħħa mill-fatt li l-kwistjoni tal-aġġustamenti hija ppreżentata mill-Kummissjoni stess bħala linja ta’ raġunament sussidjarja (ara l-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata) għal-linja ta’ raġunament eżaminata fil-kuntest tal-premessi 319 sa 332 tad-deċiżjoni kkontestata.

517    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, mill-premessi 59 u 159 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li hija kienet ibbażat il-konstatazzjoni li l-APA kien ta vantaġġ lil SMBV fuq l-aġġustamenti tal-bażi tal-ispejjeż. Fir-rigward tal-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm din tirreferi effettivament għall-imsemmija aġġustamenti, din hija biss preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment. Fir-rigward tal-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, din – li tinsab fit-taqsima ta’ preżentazzjoni tal-proċedura amministrattiva – sempliċement tindika li l-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar l-aġġustamenti proposti fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, mingħajr ma kien possibbli li tiġi dedotta minnha l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

518    Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 515 sa 517 iktar ’il fuq, huwa importanti għalhekk li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la affermat, u lanqas ma wriet a fortiori, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustament tal-bażi tal-ispejjeż, minbarra l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1, kien ta vantaġġ lil SMBV. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni, imressqa fl-istadju tar-risposta, li skonthom l-użu tal-ispejjeż tal-operat minflok l-ispejjeż totali (inklużi l-ispiża tal-kafeni, ir-remunerazzjonijiet imħallsa lil terzi u l-ispejjeż tal-prodotti li ma humiex relatati mal-kafè) wassal għal tnaqqis tal-bażi taxxabbli ta’ SMBV.

519    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment kien aċċetta tnaqqis kunsiderevoli tal-bażi tal-ispejjeż, meta eskluda l-imsemmija spejjeż.

520    Issa, il-Kummissjoni sempliċement affermat, fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-ispejjeż kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-mod preċedenti ta’ determinazzjoni tal-valur taxxabbli ta’ SMBV, użat qabel il-konklużjoni tal-APA, u li l-esklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż ma kinitx ġiet immotivata, u dan mingħajr l-ebda preċiżazzjoni oħra. Mit-test tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax b’mod ċar dak li tirreferi għalih il-Kummissjoni meta tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tal-esklużjoni tal-ispejjeż, u b’mod partikolari jekk hija tqisx li tali spjegazzjonijiet kellhom ikunu inklużi fl-APA jew mogħtija matul il-proċedura amministrattiva.

521    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-konstatazzjoni tal-ġustifikazzjoni insuffiċjenti tal-aġġustament, kemm mill-korrispondenti ta’ Starbucks jew mill-awtoritajiet Olandiżi, la hija biżżejjed sabiex turi, bħala tali, li dan l-aġġustament kien żbaljat u lanqas li dan wassal għal tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ SMBV.

522    It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jiġi kkonstatat li mill-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-eżami tan-natura żbaljata tal-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1, magħmul mill-Kummissjoni, huwa analiżi sussidjarja, li tifforma parti mill-ipoteżi fejn il-funzjoni prinċipali ta’ SMBV kienet effettivament l-inkaljar tal-kafè.

523    Issa, minn naħa, mir-risposta tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑636/16 jirriżulta li l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 kienet timmanifattura prinċipalment prodotti bħall-kafè aromatizzat, it-trab għal prodott tal-kafè bi trade mark irreġistrata jew il-kafè solubbli u li din kienet tinkalja kafeni ħodor biss f’“volumi limitati”. Il-Kummissjoni madankollu ma spjegatx kif l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 kienu rilevanti sabiex jiġi kkalkolat il-profitt taxxabbli ta’ SMBV, bħala kumpannija tal-inkaljar.

524    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 huma bbażati fuq il-premessa li l-attività prinċipali ta’ SMBV hija l-bejgħ mill-ġdid. Għaldaqstant, huwa importanti li dawn l-argumenti differenti jiġu miċħuda.

525    It-tielet nett, mir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment jirriżulta li l-konsulent tat-taxxa eskluda mill-bażi tal-ispejjeż, użata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN, l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet li għalihom SMBV ma tipproduċix valur miżjud. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u Starbucks inċidentalment isostnu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, li l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 hija ġġustifikata mill-fatt li SMBV ma tipproduċi l-ebda valur miżjud. Huma jsostnu li l-ispejjeż marbuta mat-tranżazzjoni bejn SMBV u l-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 sempliċement jgħaddu mill-kontijiet ta’ SMBV, iżda ma humiex imputabbli għall-attività ta’ SMBV. Ix-xiri tal-prodotti tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 jikkostitwixxi għalhekk tranżazzjoni newtrali għad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ din tal-aħħar.

526    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li ma huwiex eskluż li d-dħul miksub mill-prodotti pprovduti mill-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 huwa ekwivalenti għall-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1, b’tali mod li SMBV ma tagħmel ebda profitt minn prodotti tal-imsemmija kumpannija. Issa, il-Kummissjoni ma wrietx li SMBV kienet żiedet l-apprezzament għall-prodotti tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 u li hija kienet effettivament għamlet profitt mill-operat ta’ dawn il-prodotti, b’tali mod li l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 kellhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMN.

527    Il-Kummissjoni lanqas ma turi li d-differenzi invokati fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, bejn il-funzjonijiet ta’ SMBV u tal‑20 impriża li fuq il-bażi tagħhom saret l-analiżi ta’ tqabbil, ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tal-aġġustament fir-rigward tal-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1.

528    Sa fejn il-Kummissjoni ma tipproduċix provi ta’ natura li jqisu li SMBV għamlet profitt mit-tranżazzjoni mal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 jew li l-fattur ta’ żieda għandu japplika għal bażi tal-ispejjeż li tinkludi l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ma setgħetx tikkonkludi li l-esklużjoni tal-imsemmija spejjeż kienet żbaljata u kienet wasslet għal tnaqqis tal-profitt ta’ SMBV.

529    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif issostni Starbucks, id-data numerika li tinsab fit-tabella ppreżentata fil-punt 184 tar-risposta tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑636/16, li hija kalkoli bbażati fuq ċifri li jinsabu fit-Tabella 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni insostenn tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Minn naħa, l-imsemmija data tirrigwarda l-ispejjeż totali (spejjeż tal-operat u spejjeż tal-merkanzija mibjugħa) ta’ SMBV u mhux biss l-ispejjeż tal-operat li magħhom kienu jiżdiedu l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1. Min-naħa l-oħra, din id-data turi biss li l-livell ta’ profitt kien ikun ogħla kieku l-bażi tal-ispejjeż kienet iktar sinjifikattiva u ma tippermettix li tiġi ssostanzjata t-teżi li skontha SMBV għamlet profitt mill-operat tal-prodotti tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1.

530    Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 ġiet ikkombinata mal-aġġustament, ’il fuq, tal-marġni ta’ redditu. Għalhekk ma jistax jiġi neċessarjament konkluż li l-aġġustamenti applikati fl-APA, meħuda kollha kemm huma, kienu neċessarjament iwasslu għal tnaqqis tal-bażi taxxabbli ta’ SMBV. Issa, il-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1, jew, mill-inqas, il-parti li dawn jirrappreżentaw fost l-ispejjeż ta’ SMBV. Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 jirrappreżentaw tali parti mill-ispejjeż ta’ SMBV li s-sempliċi esklużjoni tagħhom taffettwa l-profitti ta’ SMBV b’portata tali li l-livell tagħhom ma jibqax rappreżentattiv ta’ profitt li jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ distakkament.

531    Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 tat vantaġġ lil SMBV, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni vvizzjatx id-deċiżjoni tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

c)      Fuq l-“aġġustament tal-kapital operatorju”

1)      Fuq il-portata tal-aġġustament inkwistjoni

532    Fir-rigward tal-portata tat-tieni aġġustament inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-applikazzjoni tal-“aġġustament tal-kapital operatorju” (working capital adjustment) kellha bħala konsegwenza li l-metodu propost fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment ma kienx jippermetti approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ suq konformement mal-prinċipju ta’ distakkament. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li la r-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u lanqas l-APA ma jużaw l-espressjoni “aġġustament tal-kapital operatorju”.

533    Qabel kollox, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li, fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment, il-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks ippropona aġġustament għaż-żieda ta’ konverżjoni, deskritta mill-awtoritajiet Olandiżi bħala “aġġustament tal-kapital operatorju” (premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li l-espressjoni “aġġustament tal-kapital operatorju”, kif użata fid-deċiżjoni kkontestata, għandha tinftiehem fis-sens kif użata mill-awtoritajiet Olandiżi matul il-proċedura amministrattiva.

534    Sussegwentement, mill-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar l-“aġġustament tal-kapital operatorju” fil-premessi 101 sa 113 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Minn naħa, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ddiskutiet l-“aġġustament relatat mal-ispejjeż tal-materja prima” (raw material cost mark-up), filwaqt li l-aġġustament relatat mal-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kafè aħdar fuq il-bażi tal-ispejjeż kienet diskussa fil-premessi 99 u 100 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma tagħmilx riferiment, fil-premessa 403 tagħha, għal dan l-aħħar aġġustament. Din il-konstatazzjoni hija msaħħa inċidentalment mill-premessa 269(iii), u min-nota ta’ qiegħ il-paġna 130 tad-deċiżjoni kkontestata.

535    Ċertament, il-premessi 103 sa 113 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jikkonċernaw ukoll, parzjalment, l-aġġustament relatat mal-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kafè aħdar mill-bażi tal-ispejjeż. Madankollu, skont il-premessa 107 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-argumenti tal-awtoritajiet Olandiżi dwar l-“aġġustamenti tal-kapital operatorju” huma spjegati fil-premessa 59 tal-istess deċiżjoni. Issa, skont il-premessa 59 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-awtoritajiet Olandiżi ddikjaraw li “[l]-aġġustament fil-każ ineżami [kien] kombinazzjoni ta’ żewġ aġġustamenti ta’ komparabbiltà: dan [kien] jikkombina aġġustament tal-kapital operatorju għall-inventarju tal-materja prima fuq ir-redditu ta’ kumpanniji komparabbli ma’ aġġustament għall-ispejjeż tal-materja prima fil-bażi tal-ispejjeż ta’ kumpanniji komparabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mid-deskrizzjoni tal-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li, għal dan tal-aħħar, l-espressjoni “aġġustament tal-kapital operatorju” kienet tikkonċerna biss l-“aġġustament relatat mal-ispejjeż tal-materja prima”, identifikat fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment.

536    Finalment, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess tagħmel differenza bejn l-“aġġustament tal-kapital operatorju” u l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 mill-valur taxxabbli ta’ SMBV.

537    Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li l-espressjoni “aġġustament tal-kapital operatorju”, użata fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferi għall-“aġġustament relatat mal-ispejjeż tal-materja prima”, identifikat fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment.

538    Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li l-espressjoni “aġġustament tal-kapital operatorju”, użata fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tinftiehem ukoll bħala li tirreferi għall-aġġustament għall-ispejjeż tal-materja prima fil-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 401 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata ma fihom l-ebda argument dwar il-bażi tal-ispejjeż li ma humiex dawk li jirrigwardaw l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1. Issa, diġà ġie kkonstatat, fil-punti 514 sa 531 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-esklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż tat vantaġġ lil SMBV. Fil-premessi 404 u 405 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad sempliċement l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ir-rilevanza ta’ studju ta’ komparabbiltà fuq il-bażi tal-ispejjeż totali u ta’ artiklu xjentifiku. Barra minn hekk, il-premessi 401 sa 403 tad-deċiżjoni kkontestata ma fihom l-ebda riferiment għall-bażi tal-ispejjeż ta’ SMBV.

2)      Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ tnaqqis tal-oneru fiskali ta’ SMBV

539    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, minn naħa, l-“aġġustament tal-kapital operatorju” jikkorrispondi għall-aġġustament għall-ispejjeż tal-materja prima fil-bażi tal-ispejjeż, identifikat fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment (ara l-punt 537 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, l-argument dwar l-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 ġie miċħud (ara l-punti 514 sa 531 iktar ’il fuq), dan l-aġġustament huwa rifless minn żieda fir-rata ta’ żieda tal-bażi tal-ispejjeż minn [kunfidenzjali] % għal [kunfidenzjali] %. Issa, l-użu ta’ rata ta’ żieda ogħla għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV ma setax iwassal għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV. Dan is-sempliċi aġġustament, meħud waħdu, għalhekk ma huwiex ta’ natura li jagħti vantaġġ lil SMBV.

540    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni la rnexxielha turi li l-“aġġustament tal-kapital operatorju” kellu l-effett li jbaxxi l-livell ta’ profitti ta’ SMBV u lanqas, konsegwentement, li dan l-aġġustament kien taha vantaġġ.

541    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-“aġġustament tal-kapital operatorju”, spjegat fil-premessi 401 sa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax juri li l-“aġġustament tal-kapital operatorju” kellu l-effett li jbaxxi l-livell ta’ profitti ta’ SMBV u li dan, konsegwentement, kien taha vantaġġ.

542    Qabel kollox, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-konstatazzjoni li l-metodu użat għad-determinazzjoni tal-“aġġustament tal-kapital operatorju” ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ kapital operatorju tal-impriżi komparabbli, u lanqas dak ta’ SMBV, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tispjegax kif dan il-fatt jista’ juri tnaqqis tal-livell ta’ profitti ta’ SMBV.

543    Sussegwentement, għalkemm il-Kummissjoni qieset li ma kienet teżisti l-ebda rabta kostanti bejn l-ispejjeż tal-bejgħ użati fl-aġġustament u l-bżonnijiet ta’ kapital operatorju, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma spjegatx kif dan il-fatt jista’ juri b’mod konkret tnaqqis tal-livell ta’ profitti ta’ SMBV.

544    Barra minn hekk, permezz tal-affermazzjonijiet tagħha li skonthom l-“aġġustament tal-kapital operatorju”, magħmul mill-konsulent tat-taxxa tal-grupp Starbucks, ma huwiex adatt għall-għan iddikjarat ta’ aġġustament tad-differenzi fl-użu tal-kapital operatorju, il-Kummissjoni tillimita ruħha għal kunsiderazzjonijiet ġenerali u approssimattivi, bħal dawk li jaffermaw li dan l-aġġustament huwa “[totalment] inadatt” jew anki li “kumpanija b’ammont kbir ta’ kost tal-materja prima jista’ jkollha ħtiġijiet baxxi ta’ kapital operatorju jekk tipproċessal-istokk tagħha b’mod effiċjenti”.

545    Finalment, fir-rigward tal-konstatazzjoni, magħmula fil-premessi 402 sa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-ebda wieħed mill-fatti ppreżentati fir-rapport dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment u l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ma taw xi ġustifikazzjoni għall-“aġġustament tal-kapital operatorju”, hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sempliċi konstatazzjoni tal-assenza ta’ tali ġustifikazzjoni lanqas ma turi li l-“aġġustament tal-kapital operatorju” wassal għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV.

546    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonkludiet il-Kummissjoni fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma wrietx li l-“aġġustament tal-kapital operatorju” wassal għal tnaqqis tal-profitt taxxabbli ta’ SMBV.

547    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-argumenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi kkonstatat li mill-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-eżami tal-“aġġustament tal-kapital operatorju”, magħmul mill-Kummissjoni, huwa analiżi sussidjarja li tifforma parti mill-ipoteżi fejn il-funzjoni prinċipali ta’ SMBV hija effettivament l-inkaljar tal-kafè. Issa, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-“aġġustament tal-kapital operatorju”, huma bbażati fuq il-premessa li l-attività prinċipali ta’ SMBV hija l-bejgħ mill-ġdid. Għaldaqstant, huwa importanti li dawn l-argumenti differenti jiġu miċħuda.

548    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-punti 502 sa 547 iktar ’il fuq, hemm lok li jintlaqgħu l-ilmenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks li skonthom il-Kummissjoni ma wrietx li l-validazzjoni mill-APA tal-aġġustamenti tal-kapital operatorju kif ukoll tal-esklużjoni tal-ispejjeż tal-kumpannija tal-manifattura mhux affiljata 1 kienet tat vantaġġ lil SMBV.

549    Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq il-fatt li, fil-kuntest tar-raba’ sas-sitt linji ta’ raġunament tagħha, il-Kummissjoni ma wrietx li l-APA kien ta vantaġġ lil SMBV, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

F.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-APA kienx jidderoga mill-Artikolu 8b tal-LTK kif ukoll mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (raġunament fir-rigward tal-qafas ta’ referenza ristrett, il-premessi 409 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata)

550    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jafferma li huwa jinvoka l-motivi tiegħu dwar l-assenza ta’ vantaġġ, fil-każ ineżami, kemm fil-konfront tal-pożizzjoni prinċipali tal-Kummissjoni, jiġifieri l-ewwel sitt linji ta’ raġunament, kif ukoll fil-konfront tar-raġunament tagħha fir-rigward tal-qafas ta’ referenza ristrett, li fih il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm vantaġġ, fil-każ ineżami, fir-rigward tal-Artikolu 8b tal-LTK kif ukoll tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment. Starbucks issostni, min-naħa tagħha, li l-Kummissjoni kien messha eżaminat l-APA fir-rigward tal-Artikolu 8b(1) tal-LTK u tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, u hija ma għamlitx dan.

551    Il-Kummissjoni ssostni li hija eżaminat, fil-premessi 409 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, l-APA fir-rigward tal-Artikolu 8b(1) tal-LTK u li hija kkonstatat, wara dan l-eżami, li l-APA kien jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV.

552    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, b’mod estremament sussidjarju, fit-Taqsima 9.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Linja sussidjarja ta’ raġunemt: Il-vantaġġ selettiv minħabba deroga mid-Digriet [dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment]” (premessi 409 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni qieset li l-APA kien jagħti vantaġġ lil SMBV fir-rigward tal-evalwazzjoni fuq il-bażi tal-qafas iktar ristrett tal-Artikolu 8b(1) tal-LTK u tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

553    Fil-fatt, fil-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, “f’linja sussidjarja ta’ raġunemnt, […] l-APA ta’ SMBV [kien] jagħti wkoll lil SMBV vantaġġ selettiv fil-kuntest tas-sistema ta’ referenza aktar limitata [fil-qafas ta’ referenza iktar ristrett] komposta minn grupp ta’ kumpaniji li japplikaw ipprezzar ta’ trasferiment li għalih [kienu] japplikaw l-Arikolu 8b(1) [tal-LTK] u d-Digriet [dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment]”. Fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 8b(1) tal-LTK u d-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment kienu stabbilixxew “[i]l-‘prinċipju ta’ distakkament’ skont il-liġi tat-taxxa Olandiża, li skont din it-tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji intragrupp għandhom jiġu remunerati daqslikieku ġew maqbula minn kumpaniji indipendenti”. F’din l-istess premessa, il-Kummissjoni rrilevat li l-preambolu tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment kien jippreċiża li l-linji gwida tal-OECD kienu japplikaw b’mod dirett għall-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għar-raġunament spjegat fil-premessi 268 sa 274 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġbru fil-qosor mill-ewwel sas-sitt linja ta’ raġunament, sabiex tikkonkludi li l-APA kien jagħti wkoll vantaġġ selettiv fuq il-bażi tal-qafas ta’ referenza iktar ristrett kompost mill-Artikolu 8b(1) tal-LTK u mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment.

554    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-APA inkwistjoni kien jagħti vantaġġ selettiv lil SMBV peress li dan kien iwassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha l-prinċipju ta’ distakkament stabbilit fl-Artikolu 8b tal-LTK u fid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment kien ikun applikat b’mod korrett.

555    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fuq l-eżami tagħha tal-APA mwettaq fil-kuntest tal-analiżi tagħha b’mod prinċipali. Għalhekk hija affermat li hija kienet diġà wriet, fil-kuntest tat-Taqsima 9.2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-APA ma kienx jippermetti l-kisba ta’ approssimazzjoni affidabbli ta’ riżultat ta’ distakkament.

556    Ċertament, ir-raġunament spjegat fil-premessi 409 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna, qabel kollox, argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks fir-rigward tal-għażla tal-qafas ta’ referenza, li jaqa’ taħt l-analiżi tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

557    Madankollu, hemm lok li jiġi rrimarkat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jqisu li l-premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata fis-sens li din tal-aħħar ikkonkludiet, fuq il-bażi ta’ eżami fir-rigward tad-dritt nazzjonali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 8b(1) tal-LTK u d-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, li l-APA kien jagħti vantaġġ lil SMBV, peress li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fl-ewwel sas-sitt linja ta’ raġunament tapplika mutatis mutandis. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-formulazzjoni tal-premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata.

558    Mingħajr ma hemm bżonn, fil-każ ineżami, li tittieħed pożizzjoni dwar in-natura eżatta u dwar il-portata eżatta tar-raġunament fir-rigward tal-qafas ta’ referenza ristrett tal-Kummissjoni, spjegat fil-premessi 409 sa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki kieku kellu jitqies li, permezz ta’ dan, il-Kummissjoni eżaminat l-iżbalji li hija kienet identifikat fil-kuntest tal-ewwel sas-sitt linja ta’ raġunament fir-rigward tal-Artikolu 8b tal-LTK kif ukoll tad-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt Olandiż, il-Kummissjoni ma wrietx, għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-punti 173 sa 549 iktar ’il fuq, li japplikaw mutatis mutandis għal tali eżami, li l-APA kien ta vantaġġ lil SMBV, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

G.      Konklużjoni

559    Minn naħa, mill-punti 404 u 549 iktar ’il fuq jirriżulta li s-sitt linji ta’ raġunament tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux suffiċjenti sabiex juru li l-APA kien ta vantaġġ lil SMBV, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

560    Min-naħa l-oħra, mill-punti 550 sa 558 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-APA kien jidderoga mill-Artikolu 8b tal-LTK kif ukoll mid-Digriet dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment u li għalhekk dan kien ta vantaġġ lil SMBV, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

561    Għalhekk, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi b’suffiċjenza fid-dritt, permezz ta’ ebda waħda mil-linji ta’ raġunament spjegati fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u minn Starbucks.

IV.    Fuq l-ispejjeż

562    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ Starbucks, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

563    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T760/15 u T636/16 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/502 tal21 ta’ Ottubru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38374 (2014/C ex 2014/NN) implimentata min-Netherlands għal Starbucks hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ Starbucks Corp. u ta’ Starbucks Manufacturing Emea BV.

4)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Van der Woude

Tomljenović

Bieliūnas

Marcoulli

 

      Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwi tal-kawża: l-Olandiż u l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali mħollija barra.