Language of document : ECLI:EU:T:2013:592

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Novembru 2013 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Ftehim bejn l-Istat Ungeriż u l-kumpannija taż-żejt u l-gass MOL dwar tariffi tax-xogħol fil-minjieri marbuta mal-estrazzjoni tal-idrokarburi — Emenda sussegwenti tas-sistema legali tat-tariffi — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Natura selettiva”

Fil-Kawża T‑499/10,

MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt., stabbilita f’Budapest (l‑Ungerija), irrappreżentata minn N. Niejahr, avukat, F. Carlin, barrister, u C. van der Meer, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/88/UE, tad-9 ta’ Ġunju 2010, dwar għajnuna mill-istat C 1/09 (ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt. (ĠU 2011, L 34, p. 55) u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn hija tordna l-irkupru tal-ammonti kkonċernati mingħand din tal-aħħar,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse u J. Schwarcz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt., hija kumpannija stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), li l-attivitajiet prinċipali tagħha huma t-tfittix għal u l-produzzjoni ta’ żejt mhux raffinat, ta’ gass naturali u ta’ prodotti tal-gass, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ prodotti abbażi ta’ żejt mhux raffinat lill-grossisti u lill-bejjiegħa bl-imnut, it-trasport tal-gass naturali kif ukoll il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ alkeni u ta’ poljolefini.

2        L-Ungerija rregolat l-attivitajiet kollha ta’ xogħol fil-minjieri, fosthom dawk li jinvolvu l-idrokarburi, permezz tal-1993. évi XLVIII. törvény a bányászatról (Liġi XLVIII tas-sena 1993 dwar l-attività ta’ xogħol fil-minjieri, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-minjieriˮ). Skont il-Liġi dwar il-minjieri, il-funzjonijiet regolatorji huma eżerċitati mill-Ministru responsabbli mill-minjieri u mill-awtorità inkarigata mill-minjieri, li tissorvelja l-attivitajiet ta’ xogħol fil-minjieri.

3        Il-Liġi dwar il-minjieri tipprovdi li l-esplorazzjoni u l-attività ta’ xogħol fil-minjieri jistgħu jsiru taħt żewġ sistemi legali differenti. L-Artikoli 8 sa 19 tal-Liġi dwar il-minjieri jistabbilixxu, għaż-żoni meqjusa rikki b’materjali li jistgħu jiġu estratti abbażi, b’mod partikolari, ta’ data ġeoloġika, u kklassifikati bħala “magħluqaˮ (Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar il-minjieri), sistema ta’ konċessjoni, mogħtija wara t-tmiem ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kull żona magħluqa, abbażi ta’ kuntratt iffirmat bejn il-Ministru responsabbli mill-minjieri u l-impriża li tintgħażel fis-sejħa għal offerti (Artikoli 10 sa 12 tal-Liġi dwar il-minjieri). Għal dak li jirrigwarda żoni kklassifikati bħala “miftuħaˮ, a priori inqas rikki b’materjali li jistgħu jiġu estratti, huma jistgħu jiġu operati taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità inkarigata mill-minjieri, meta l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet legali [Artikolu 5(1)(a) u (4) tal-Liġi dwar il-minjieri].

4        L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-minjieri jiddetermina r-regoli li jiffissaw it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li għandhom jitħallsu lill-Istat. L-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi li l-ammont tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri huwa perċentwali ddeterminat, skont il-każ, fil-liġi, fil-kuntratt ta’ konċessjoni jew fil-kuntratt konkluż taħt l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri. Għal dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri hija stabbilita mill-Ministru responsabbli mill-minjieri, li jieħu kont ta’ ċerti parametri msemmija fl-Artikolu 20(8) tal-Liġi dwar il-minjieri. Għall-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, ir-rata tat-tariffa hija ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri hija ffissata mil-Liġi dwar il-minjieri meta l-attività tal-estrazzjoni sseħħ taħt ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni (Artikolu 20(2) sa (7) tal-Liġi dwar il-minjieri).

5        Sal-2008, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi, ta’ żejt mhux raffinat u ta’ gass naturali, taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, kienet iffissata għal 12 % tal-valur tal-kwantità prodotta għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw mill-1 ta’ Jannar 1998 jew kienet idderivata mill-applikazzjoni ta’ formula matematika li tieħu, b’mod partikolarli, kont tal-prezz medju tal-gass naturali mixtri mid-dipartiment pubbliku tal-gass, b’rata minima ta’ 12 %, għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998 [Artikolu 20(3)(b) tal-Liġi dwar il-minjieri].

6        L-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi li meta impriża li topera minjieri li teżerċita l-attività tagħha taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri għal żoni ta’ depożiti li jinsabu f’żoni miftuħa, ma tkunx bdiet topera fil-ħames snin wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, hija tista’ tapplika, għal darba biss, quddiem l-awtorità inkarigata mill-minjieri għal estensjoni ta’ dan it-terminu għal perijodu massimu ta’ ħames snin. F’każ ta’ kunsens mill-imsemmija awtorità, kuntratt bejn il-Ministru responsabbli mill-minjieri u l-impriża li topera minjieri għandu jiddetermina, għaż-żoni ta’ depożiti li ngħataw estensjoni, il-kwantità ta’ materjali li jservi ta’ bażi għall-kalkolu tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri u r-rata ta’ din, li għandha tkun ogħla mir-rata applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal estensjoni, mingħajr ma teċċedi 1.2 darba din ir-rata (iktar ’il quddiem it-“tariffa ta’ estensjoniˮ). Jekk l-applikazzjoni għal estensjoni tkun tirrigwarda iktar minn żewġ żoni ta’ depożiti, ir-rata tat-tariffa ta’ estensjoni hija applikata għaż-żoni kollha ta’ depożiti tal-impriża li topera minjieri permezz ta’ kuntratt ta’ mill-inqas ħames snin (iktar ’il quddiem it-“tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieriˮ). Jekk l-applikazzjoni għal estensjoni tirrigwarda iktar minn ħames żoni ta’ depożiti, tista’ tintalab tariffa eċċezzjonali, sa massimu ta’ 20 % tal-ammont pagabbli abbażi tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri (iktar ’il quddiem it-“tariffa eċċezzjonaliˮ).

7        Fid-19 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti applikat għal estensjoni tad-dritt tagħha tax-xogħol fil-minjieri relatat ma’ tnax-il żona ta’ depożiti ta’ idrokarburi li ngħataw awtorizzazzjoni u li kienu għadhom ma bdewx joperaw.

8        Fit-22 ta’ Diċembru 2005, il-Ministru responsabbli mill-minjieri u r-rikorrenti ffirmaw ftehim ta’ estensjoni taħt l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, dwar it-tnax-il żona ta’ depożiti ta’ idrokarburi msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-2005ˮ), li l-punt 1 tiegħu jestendi b’ħames snin id-data sa meta dawn it-tnax-il żona ta’ depożiti kellhom jibdew joperaw u jiffissa t-tariffa ta’ estensjoni li kellha titħallas mir-rikorrenti lill-Istat għal kull waħda mill-ħames snin (12 % x 1.050 għall-ewwel sena, jiġifieri 12.600 %; 12 % x 1.038 għat-tieni sena, jiġifieri 12.456 %; 12 % x 1.025 għat-tielet sena, jiġifieri 12.300 %; 12 % x 1.020 għar-raba’ u l-ħames sena, jiġifieri 12.240 %).

9        Skont il-punt 4 tal-Ftehim tal-2005, it-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri tapplika għaż-żoni kollha ta’ depożiti tar-rikorrenti li kienu diġà bdew joperaw taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri 44 żoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 1998 u 93 żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel din id-data, għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim. Ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri tal-ħames sena tal-perijodu ta’ estensjoni tapplika sal-ħmistax-il sena. Għal dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998, il-koeffiċjent ta’ żieda għal kull waħda mill-ħames snin ta’ estensjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) japplika għall-formula matematika ffissata mill-Artikolu 20(3)(b) tal-Liġi dwar il-minjieri, filwaqt li l-koeffiċjent ta’ żieda tal-ħames sena japplika sal-ħmistax-il sena.

10      Il-punt 6 tal-Ftehim tal-2005 jipprovdi l-ħlas ta’ tariffa eċċezzjonali ta’ 20 biljun fjorin Ungeriż (HUF).

11      Il-punt 9 tal-Ftehim tal-2005 jipprovdi li r-rata tat-tariffa ta’ estensjoni, ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, il-bażi tal-kalkolu, il-perċentwali u kull fattur li jservi għall-kalkolu ta’ dawn it-tariffi huma ddeterminati, matul il-perijodu kollu tal-ftehim, permezz tal-klawżoli ta’ dan tal-aħħar biss u li r-rati ddefiniti fil-Ftehim tal-2005 jibqgħu l-istess jew kostanti matul dan il-perijodu kollu.

12      Skont il-punt 11 tiegħu, il-Ftehim tal-2005 jidħol fis-seħħ fid-data effettiva tar-reżoluzzjoni tal-awtorità inkarigata mill-minjieri. Din l-istess klawżola tipprojbixxi lill-partijiet milli jtemmu b’mod unilaterali l-Ftehim tal-2005, ħlief fil-każ li terz jakkwista iktar minn 25 % tal-kapital tar-rikorrenti.

13      Il-Ftehim tal-2005 kien is-suġġett ta’ reżoluzzjoni tal-awtorità inkarigata mill-minjieri, tat-23 ta’ Diċembru 2005, li tapprova l-estensjoni tad-data sa meta dawn it-tnax-il żona ta’ depożiti ta’ idrokarburi msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq kellhom jibdew joperaw kif ukoll il-pagamenti li kellha tagħmel ir-rikorrenti u li kienu ddeterminati mill-imsemmi ftehim.

14      L-2007. évi CXXXIII. törvény a bányászatról szóló 1993. évi XLVIII. törvény módosításáról (Liġi CXXXIII tas-sena 2007 dwar l-attività ta’ xogħol fil-minjieri li temenda l-Liġi XLVIII tas-sena 1993, iktar ’il quddiem il-“Liġi emendata dwar il-minjieriˮ) daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Jannar 2008. Il-Liġi emendata dwar il-minjieri temenda r-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri. Prinċipalment, l-Artikolu 20(3) tal-Liġi emendata dwar il-minjieri jipprovdi rata ta’ 30 % tal-valur tal-kwantità prodotta għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw bejn l-1 ta’ Jannar 1998u l-31 ta’ Diċembru 2007, l-applikazzjoni tal-formula matematika eżistenti taħt is-sistema tal-Liġi dwar il-minjieri għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998, b’rata tariffarja minima ta’ 30 %, u l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri differenzjata għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw wara l-1 ta’ Jannar 2008, skont il-kwantità ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ gass naturali estratt, jiġifieri rata ta’ 12 % għal kwantità annwali prodotta li ma teċċedix 300 miljun m 3 ta’ gass naturali jew 50 kt ta’ żejt mhux raffinat, rata ta’ 20 % għal produzzjoni ta’ bejn 300 u 500 miljun m 3 ta’ gass naturali jew bejn 50 u 200 kt ta’ żejt mhux raffinat, u rata ta’ 30 % għal produzzjoni li taqbeż 500 miljun m 3 ta’ gass naturali jew 200 kt ta’ żejt mhux raffinat. Fl-aħħar nett, għaż-żoni kollha ta’ depożiti, tkun xi tkun id-data li fiha bdew joperaw, it-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta tiżdied bi 3 jew 6 % jekk il-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent jaqbeż 80 jew 90 dollaru Amerikan (USD) rispettivament.

15      L-Artikolu 235 tal-2008. évi LXXXI. törvény egyes adó- és járuléktörvények módosításáról (Liġi LXXXI tas-sena 2008 li temenda r-rati tat-taxxi u tat-tariffi) jemenda l-Liġi dwar il-minjieri, billi jġib lura għal 12 % ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri għaż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2007 inkluż, u r-rata minima tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta għaż-żoni ta’ depożiti ta’ gass naturali li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Jannar 1998. Din l-emenda daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Jannar 2009.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

16      Wara li rċeviet ilment fl-14 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bagħtet ittra lill-Ungerija, bid-data tal-24 ta’ Jannar 2008, li permezz tagħha hija talbitha tipprovdilha ċerti dokumenti relattivi għall-Ftehim tal-2005 u staqsietha xi domandi dwar l-imsemmi ftehim, dwar l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-minjieri u l-Liġi emendata dwar il-minjieri.

17      Wara r-risposta tal-Ungerija tas-17 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni talbet kjarifiki addizzjonali dwar il-Ftehim tal-2005, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 2008, li l-Ungerija rrispondiet għaliha fit-8 ta’ Settembru 2008.

18      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Ungeriżi bid-deċiżjoni tagħha li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar il-Ftehim tal-2005, li eżenta lir-rikorrenti miż-żieda tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri li rriżultat mil-Liġi emendata dwar il-minjieri (ĠU C 74, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formaliˮ). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, fid-dawl tal-modalitajiet li bihom tfasslu, il-Ftehim tal-2005 u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi emendata dwar il-minjieri kienu jagħmlu parti mill-qafas tal-istess miżura u, wara li evalwat l-impatt komuni tagħhom, hija kkonkludiet li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri kellhom flimkien l-effett li jagħtu vantaġġ inġust lir-rikorrenti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-miżura kienet tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 87(1) KE u kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat u li xejn minnha ma kien jindika li setgħet tkun kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata, flimkien mal-istedina magħmula lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

19      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ April 2009, l-Ungerija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Ungeriżi kienu tal-fehma li l-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-Ftehim tal-2005 ma kien ta ebda vantaġġ lir-rikorrenti u ma kienx selettiv billi ebda trattament preferenzjali favuriha ma kien irriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

20      Permezz ta’ żewġ ittri tas-27 ta’ April 2009, ir-rikorrenti u l-Magyar Bányászati Szövetség (Assoċjazzjoni Ungeriża ta’ Xogħol fil-Minjieri) ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ir-rikorrenti kienet tqis li ma kinitx ipprivileġġata bl-applikazzjoni tal-Ftehim tal-2005, peress li hija ħallset livell ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri ħafna ogħla minn dik tal-kompetituri tagħha u minn dik li kienet tħallas fl-assenza tal-ftehim, fejn dan tal-aħħar kien konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri u mal-loġika tagħha. Min-naħa tagħha, il-Magyar Bányászati Szövetség insistiet partikolarment fuq in-neċessità għall-Istat, partikolarment fil-funzjoni tiegħu ta’ leġiżlatur, li josserva l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali rigward l-istabbiltà fit-tul tar-rati tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri taż-żoni ta’ depożiti li għalihom kienet diġà nħarġet awtorizzazzjoni.

21      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2009 l-Ungerija ddikjarat li ma kellha ebda intenzjoni tirreaġixxi għall-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati.

22      Permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Ottubru 2009 u tat-8 ta’ Frar 2010, l-Ungerija rrispondiet għat-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Settembru 2009 u t-12 ta’ Jannar 2010, billi pprovdiet id-dokumenti mitluba minnha.

23      Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/88/UE dwar għajnuna mill-istat C 1/09 (ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt. (ĠU 2011, L 3 4, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ) li tipprovdi li, minn naħa, il-miżura meħuda mill-Ungerija, jiġifieri l-iffissar fil-Ftehim tal‑2005 tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri dovuta mir-rikorrenti, flimkien mal-emendi li rriżultaw mil-Liġi emendata dwar il-minjieri, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 108(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, l-Ungerija kellha tirkupra l-għajnuna mingħand ir-rikorrenti.

24      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna ineżami kienet it-teħid flimkien tal-Ftehim tal-2005 u tal-Liġi emendata dwar il-minjieri, billi l-ewwel wieħed kien jeżenta lir-rikorrenti mit-tibdil li sar lit-tariffi tax-xogħol fil-minjieri permezz tat-tieni waħda (premessi 19 u 20). Fil-fehma tagħha, għalkemm il-Ftehim tal-2005 kien konformi mal-Liġi dwar il-minjieri li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, u l-Istat Membru seta’ jiffissa t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri, l-effetti prodotti ma kinux neċessarjament kompatibbli mar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, minkejja li, meħuda waħedhom, la l-Ftehim tal-2005 u lanqas il-Liġi emendata dwar il-minjieri ma kienu kontra dawn ir-regoli (premessi 52 u 53).

25      Għal dak li jirrigwarda l-kriterju relatat mas-selettività tal-miżura, il- Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema ta’ referenza kienet ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni, filwaqt li ċaħdet l-argumenti li jipprovdu li d-diversi ftehim li jestendu tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu sistema ta’ referenza separata (premessi 61 sa 65). Fil-fehma tal-Kummissjoni, ftehim ta’ estensjoni kien “mingħajr dubjuˮ selettiv, billi l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom il-flessibbiltà sabiex jiddeċiedu jekk jikkonkludux jew le tali ftehim u sabiex jiffissaw il-komponenti ta’ ħlas inklużi f’tali ftehim (premessa 66). Il-Kummissjoni kompliet tinsisti fuq il-fatti li, minn naħa, ir-rikorrenti kienet ser tibbenefika minn tariffi mnaqqsa sal‑2020 għal kważi ż-żoni kollha ta’ depożiti suġġetti għal awtorizzazzjoni, filwaqt li l-kompetituri tagħha, suġġetti għall-istess reġim u li bdew jipproduċu fit-termini legali, kellhom iħallsu tariffi ogħla (premessa 67) u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet l-uniku operatur fil-qasam tal-idrokarburi li kisbet estensjoni tad-dritt tagħha tax-xogħol fil-minjieri mogħti lilha fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni, billi l-estensjonijiet l-oħra kienu jirrigwardaw impriżi kkonċernati mill-estrazzjoni ta’ minerali solidi, li għalihom it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri ma kinux ġew emendati (premessa 68). Il-Kummissjoni qieset li r-riżultat tal-azzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-mod li bih l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri tfassal, il-Ftehim tal-2005 konkluż fuq din il-bażi u l-emendi inklużi fil-Liġi emendata dwar il-minjieri, kien selettiv (premessa 69). Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti biss kienet suġġetta għal sistema speċifika li kienet tipproteġiha minn kull żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri (premessa 70).

26      Għal dak li jirrigwarda l-vantaġġ mogħti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-Ungerija li kienet qed issostni li aġixxiet bħala operatur ekonomiku billi awtorizzat l-attivitajiet ta’ xogħol fil-minjieri. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ma kienx jagħmel parti minn attività li setgħet tiġi eżerċitata minn operaturi privati, iżda mill-eżerċizzju ta’ poteri ta’ awtorità pubblika, peress li r-riżorsi minerali huma dejjem proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi u billi, barra minn hekk, ma ntweriet ebda rabta bejn il-livell tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri u l-valur tal-awtorizzazzjoni (premessi 72 u 73). Bil-kontra ta’ dak li sostniet l-Ungerija, il-Kummissjoni indikat li operaturi oħra kienu ġew suġġetti għaż-żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li rriżultat mil-Liġi emendata dwar il-minjieri, b’mod partikolari billi ġiet applikata ż-żieda marbuta mal-prezz taż-żejt mhux raffinat Brent, deskritta fil-punt 14 iktar ’il fuq (premessi 77 u 78). Il-Kummissjoni kkonstatat li l-operaturi l-oħrajn, b’mod partikolari, dawk ġodda, kellhom jiffaċċjaw il-kompetizzjoni tar-rikorrenti, li kienet l-unika benefiċjarja ta’ rata iktar baxxa tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri sal-2020, u dan kien jikkostitwixxi vantaġġ fuq perijodu twil (premessi 79 u 80). Il-Kummissjoni qieset li l-ħlas fl-2006 u fl-2007 mir-rikorrenti ta’ tariffi miżjuda minħabba l-Ftehim tal-2005 ma kellux effett, peress li dan kien jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri, jew għal dak li jirrigwarda t-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri u tat-tariffa eċċezzjonali, dawn kienu somom imħallsa inkambju tal-estensjoni, marbuta man-numru ta’ żoni ta’ depożiti li ngħataw estensjoni, u għaldaqstant irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-pagamenti li ma għandhom ebda rabta mal-emendi li rriżultaw mil-Liġi emendata dwar il-minjieri (premessi 82 sa 86). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-miżura kienet tagħti vantaġġ lir-rikorrenti.

27      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi sommarja tal-kundizzjonijiet l-oħra għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u qieset li l-miżura kienet tinvolvi telf ta’ dħul għall-Istat, kienet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija kkonkludiet li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 89 sa 91).

28      Fil-premessi 92 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mat-Trattat FUE, filwaqt li rrilevat li, min-natura tagħha, il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna għat-tħaddim u li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) u (3) TFUE ma kienu applikabbli. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

29      Fil-premessi 107 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argumenti tal-Ungerija, dwar l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet kweżiti, u d-diskriminazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti. L-ewwel nett, hija fakkret li l-impriżi ma setgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi li l-għajnuna ser titqies legali ħlief jekk l-għajnuna kienet irrikonoxxuta bħala kompatibbli fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni, it-tieni nett, hija kkonstatat li ma kienet ingħatat ebda assigurazzjoni minn awtorità li tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna u ebda ċirkustanza eċċezzjonali ma setgħet, f’dan il-każ, tkun il-bażi ta’ aspettattivi leġittimi rigward tali kompatibbiltà, u t-tielet nett, hija insistiet fuq il-fatt li l-Liġi emendata dwar il-minjieri kienet żiedet ir-rata tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li kienu diġà joperaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, u dan juri l-assenza ta’ aspettattivi leġittimi, fi ħdan id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni, fl-immutabbiltà tas-sitwazzjoni legali tagħhom (premessi 107 sa 111). Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, il-Kummissjoni rrispondiet li ż-żieda tat-tariffa għall-operaturi kollha ma kienet tirriżulta f’ebda diskriminazzjoni (premessa 112).

30      Fl-aħħar nett, fil-premessi 113 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-obbligu tal-Ungerija li tirkupra l-għajnuna mill-Istat mingħand ir-rikorrenti, peress li l-vantaġġ mogħti lilha kien immaterjalizza fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi inklużi fil-Liġi emendata dwar il-minjieri, jiġifieri fit-8 ta’ Jannar 2008 u kienu jikkonsistu f’differenza bejn it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri mħallsa mir-rikorrenti għaż-żoni tagħha ta’ depożiti li kienu bdew joperaw u dawk it-tariffi li għalihom kellha tkun suġġetta skont il-Liġi emendata dwar il-minjieri. Il-Kummissjoni indikat li sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ għajnuna li kellha titħallas lura, la kellha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tariffa ta’ estensjoni, la t-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri dovuta għas-snin 2006 u 2007 u lanqas it-tariffa eċċezzjonali, iżda kellha tittieħed inkunsiderazzjoni biss it-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri mħallsa mir-rikorrenti sa mit-8 ta’ Jannar 2008, id-data li daħlet fis-seħħ il-Liġi emendata dwar il-minjieri.

31      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“L-Ewwel Artikolu

1.      Il-kombinazzjoni tat-tariffa fissa tax-xogħol fil-minjieri definita fil-ftehim [tal-2005] konkluż bejn l-[Ungerija] u [r-rikorrenti] fit- 22 ta’ Diċembru 2005 u l-emendi [tal-Liġi emendata dwar il-minjieri] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li[r-rikorrenti] fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

2.      L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(1), mogħtija illegalment mill-Ungerija li[r-rikorrenti] bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern.

3.      L-Ungerija għandha żżomm lura mill-għoti tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-[deċiżjoni kkontestata].

Artikolu 2

1.      L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.      L-għajnuna mill-Istat tammonta għal HUF 28444,7 miljun għall-2008 u HUF 1942,1 miljun għall-2009. Fir-rigward tal-2010, l-ammont ta’ għajnuna trid tiġi kkalkolata mill-Ungerija sakemm il-miżura tiġi abolita.

3.       L-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħaxijiet mid-data meta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data ta’ meta jiġu attwalment irkuprati.

4.      L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta l-Artikolu [108] tat-Trattat [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3)], kif emendat mir-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008, tat-30 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 82, p. 1)].

Artikolu 3

1.      L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.      L-Ungerija għandha tiżgura li din id-[deċiżjoni kkontestata] tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur min-notifikazzjoni tagħha.

Artikolu 4

1.      Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-[deċiżjoni kkontestata], l-Ungerija għandha tissottometti t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni:

(a)      l-ammont totali (kapital u imgħax ta’ rkupru) li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju, inkluż il-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna għall-2010;

(b)      deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ppjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-[deċiżjoni kkontestata];

(ċ)      dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.      L-Ungerija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin biex tiġi implimentata din id-[deċiżjoni kkontestata] sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tissottometti minnufih, wara sempliċi talba mill-Kummissjoni, tagħrif dwar il-miżuri diġà mwettqa u ppjanati biex tkun konformi ma’ din id-[deċiżjoni kkontestata]. Għandha tipprovdi wkoll tagħrif iddettaljat dwar l-ammonti ta’ għajnuna u ta’ imgħax tal-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata li[ll-]Ungerija.ˮ

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tordna l-irkupru mingħandha tal-ammonti kkonċernati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

35      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet diversi domandi lill-partijiet li rrispondew permezz ta’ ittri ppreżentati fit-8 ta’ Jannar 2013 għar-rikorrenti u fid-9 ta’ Jannar 2013 għall-Kummissjoni.

36      Fi tmiem is-seduta, il-Qorti Ġenerali tat lir-rikorrenti l-possibbiltà li f’terminu ta’ ġimgħa mid-data tas-seduta jipproduċu kwalunkwe informazzjoni dwar il-livell tal-prezz taż-żejt mhux raffinat fl-aħħar tas-sena 2005, meta l-Ftehim tal-2005 ġie ffirmat u waqt it-tieni nofs tas-sena 2007, meta l-Liġi emendata dwar il-minjieri ġiet imfassla u vvotata kif ukoll il-previżjonijiet tal-prezz għas-sena 2008.

37      Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fit-terminu mogħti lilha ġew ikkomunikati għall-osservazzjonijiet lill-Kummissjoni. Wara li rċeviet dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għalqet il-proċedura orali fis‑7 ta’ Frar 2013.

 Id-dritt

38      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi: l-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni wettqet żball tad-dritt meta kkonkludiet li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, it-tieni nett, sussidjarjament, l-imsemmija deċiżjoni tikser l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108] tat-Trattat [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), peress li l-Kummissjoni ma evalwatx il-Ftehim tal-2005 fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna eżistenti u t-tielet nett, sussidjarjament, din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 billi tordna l-irkupru tal-ammonti inkwistjoni.

39      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat mogħtija lill-miżura ineżami. Permezz tal-ewwel ilment hija ssostni li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri ma jistgħux jitqiesu bħala miżura ta’ għajnuna unika. Permezz tat-tieni, it-tielet u r-raba’ argumenti tal-motiv, hija ssostni rispettivament li kieku kellu jiġi deċiż li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri jikkostitwixxu miżura ta’ għajnuna unika, tali miżura ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-imsemmija miżura ma hijiex selettiva, ma tagħtihiex vantaġġ u ma toħloqx distorsjoni għall-kompetizzjoni.

40      Għandu jiġi eżaminat, b’mod partikolari, it-tieni argument tal-ewwel motiv, li jirrigwarda l-assenza ta’ selettività tal-miżura kkontestata. Għal dan il-għan, l-ewwel nett għandha tiġi esposta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata rigward is-selettività tal-miżura kkontestata qabel ma jiġu ppreżentati, sussegwentement, l-argumenti li l-partijiet invokaw f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali segwiti, fl-aħħar nett, bl-evalwazzjoni ta’ din il-qorti.

 Evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, rigward is-selettività tal-miżura kkontestata

41      Il-Kummissjoni analizzat il-kundizzjoni rigward is-selettività tal-miżura kkontestata fil-premessi 56 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata.

42      F’dawn ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ referenza kienet ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata), li minnha kien jagħmel parti l-mekkaniżmu ta’ ftehim ta’ estensjoni, filwaqt li ċaħdet l-argumenti tal-Ungerija favur ir-rikonoxxenza ta’ sistema ta’ referenza awtonoma kkostitwita minn dan it-tip ta’ ftehim (premessi 62 u 63 tal-imsemmija deċiżjoni). Il-Kummissjoni rrilevat li l-Ungerija kellha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex testendi l-awtorizzazzjoni u sabiex, sussegwentement, temenda d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri, filwaqt li kellha konoxxenza tal-effetti vantaġġużi li dan kien ser ikollu għar-rikorrenti, li kienet l-unika operatriċi fis-settur tal-idrokarburi li kkonkludiet ftehim ta’ estensjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Ungerija kienet libera li tiffissa t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri fi kwalunkwe mument u għaldaqstant, li ma temendax il-Liġi dwar il-minjieri (premessa 64 ta’ din id-deċiżjoni). Għal dak li jikkonċerna l-effetti, is-sekwenza tal-atti kienet, skont il-Kummissjoni, iffavorixxiet impriża partikolari.

43      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li fir-reġim ta’ awtorizzazzjoni, il-ftehim ta’ estensjoni kien ċarament selettiv fid-dawl tal-flessibbiltà tal-partijiet li jiffissaw id-diversi komponenti ta’ ħlas jew li jiddeċiedu li ma jikkonkludux tali ftehim u l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom għaldaqstant setgħa diskrezzjonali sabiex jikkonkludu ftehim mar-rikorrenti jew ma kwalunkwe operatur fis-suq (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, tali trattament la huwa spjegat mil-loġika u lanqas min-natura tas-sistema, li fiha t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri jiżguraw riżorsi għall-Istat, ikkalkolati fuq il-valur estratt, u s-somom dovuti taħt ftehim ta’ estensjoni huma mħallsa bi skambju għall-estensjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konklużjoni tal-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri jwasslu sabiex ir-rikorrenti tibbenefika minn tariffi tax-xogħol fil-minjieri mnaqqsa sal-2020 għal prattikament kull żona tagħha ta’ depożiti li għandha awtorizzazzjoni, filwaqt li l-kompetituri tagħha, li joperaw żoni ta’ depożiti taħt il-kopertura ta’ tali awtorizzazzjonijiet, li bdew il-produzzjoni fil-ħin u li ma kkonkludewx ftehim ta’ estensjoni għandhom iħallsu tariffi ogħla (premessa 67 tal-imsemmija deċiżjoni).

44      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni osservat li l-Ftehim tal-2005 kien l-uniku wieħed konkluż fis-settur tal-idrokarburi, billi diversi ftehim ta’ dan it-tip saru fis-settur tal-minerali solidi, iżda li t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li jikkonċernaw lil dawn tal-aħħar ma kinux inbidlu mil-Liġi emendata dwar il-minjieri (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Fir-raba’ lok, is-sekwenza tal-azzjonijiet, jiġifieri l-mod li bih l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri tfassal, il-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri, hija selettiva fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz tal-effetti magħquda flimkien ta’ din is-sekwenza, ir-rikorrenti hija l-unika waħda suġġetta għal sistema speċifika li tipproteġiha minn kwalunkwe żieda fit-tariffi dovuti għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi (premessa 70 tal-imsemmija deċiżjoni). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterju ta’ selettività kien issodisfatt, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li biha ftehim ta’ estensjoni seta’ jiġi konkluż u tal-fatt li l-eżenzjoni kienet ta’ benefiċċju biss għal impriża waħda (premessa 71 ta’ din id-deċiżjoni).

46      Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni qieset li l-miżura kkontestata kienet iffavorixxiet, f’dawn iż-żewġ elementi li jikkostitwixxuha, lir-rikorrenti, hija insistiet fuq il-fatt li l-ftehim ta’ estensjoni kien, fih innifsu, selettiv minħabba l-mod kif ġie nnegozjat u l-mod kif ġie konkluż (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi indikat li l-Ftehim tal-2005 u l-Liġi emendata dwar il-minjieri kienu wasslu għall-benefiċċju tar-rikorrenti minn tariffi tax-xogħol fil-minjieri inqas minn dawk ta’ operaturi oħrajn sal-2020, il-Kummissjoni wriet is-selettività tal-Ftehim tal-2005 biss fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 67 tal-imsemmija deċiżjoni), peress li l-benefiċċju ta’ tali tariffi tax-xogħol fil-minjieri jirriżulta biss mill-ftehim, li jiffissa r-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tal-ftehim, u li jipprovdi li r-rati ffissati hekk huma ddeterminati biss skont il-klawżoli tiegħu u li jibqgħu l-istess (punti 4 u 9 tal-Ftehim tal-2005). Barra minn hekk, billi kkonkludiet li r-rikorrenti kienet suġġetta għal sistema speċifika li tipproteġiha minn kwalunkwe żieda ta’ tariffi tax-xogħol fil-minjieri (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni neċessarjament qieset li l-kriterju ta’ selettività tal-miżura kkontestata kien sodisfatt minħabba li, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu msemmija iktar ’il fuq, il-Ftehim tal-2005 kien selettiv.

47      Għaldaqstant, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq in-natura selettiva tal-Ftehim tal‑2005, sa fejn jiffissa r-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tat-tul tiegħu u sa fejn jipprovdi li r-rati hekk iffissati jibqgħu l-istess, biex qieset lill-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

 L-argumenti tal-partijiet

48      Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005. L-ewwel nett, hija tosserva li l-issuġġettar taż-żoni ta’ depożiti tagħha kollha għat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri jirriżulta mil-Liġi dwar il-minjieri, billi l-kundizzjonijiet li hija tipprovdi huma ssodisfatti u jippreżenta għalhekk portata u applikazzjoni ġenerali. Sussegwentement, hija tiddikjara li d-detenturi kollha ta’ awtorizzazzjoni li kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tagħha setgħu jiddeċiedu li jinnegozjaw ftehim sabiex jestendu d-dritt tagħhom tax-xogħol fil-minjieri, skont id-dispożizzjonijiet previsti f’dan is-sens mil-Liġi dwar il-minjieri. Fir-replika hija tinnota li l-Kummissjoni nnifisha qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Ftehim tal‑2005 kien jipprovdi “trattament standardˮ fil-konfront tagħha u ma kienx jikkostitwixxi “vantaġġˮ, anki jekk kien jiffissa t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri li hija kellha tħallas matul il-perijodu kollu tal-imsemmi ftehim. Hija tirreferi għall-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri li jipprovdi li t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri mħallsa fil-każ ta’ konċessjoni jew ta’ estensjoni tal-awtorizzazzjoni huma dawk indikati u miftiehma fil-ftehim ta’ konċessjoni u fil-ftehim ta’ estensjoni. Hija tfakkar li, waqt il-proċedimenti amministrattivi, l-Ungerija spjegat li l-impriżi li jinvestu b’mod sinjifikattiv fil-proġett tal-minjieri għandhom bżonn ta’ ċertezza fit-tul rigward it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri u miżati applikabbli u li, konsegwentement, billi t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri kienu s-suġġett ta’ ftehim, huma kellhom ikunu fissi u stabbli matul il-perijodu kollu, u dan il-prinċipju għandu japplika għat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri relattivi għaż-żoni ta’ depożiti li joperaw fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni.

49      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti permezz ta’ tliet argumenti. L-ewwel nett, hija tqis li d-dikjarazzjoni li l-Liġi dwar il-minjieri tistabbilixxi qafas ta’ referenza uniku li fi ħdanu l-konċessjonijiet, l-awtorizzazzjoni u l-ftehim ta’ estensjoni jikkostitwixxu subsistemi distinti ma hijiex fondata, peress li d-diversi ftehim ta’ estensjoni jagħmlu parti mir-reġim ta’ awtorizzazzjoni. It-tieni nett, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li, ladarba ġie magħmul il-Ftehim tal-2005, ma hemmx diskriminazzjoni bejnha u d-detenturi l-oħra kollha ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżura kkontestata hija t-teħid flimkien ta’ dan il-ftehim u l-Liġi emendata dwar il-minjieri, li wara d-dħul fis-seħħ tagħha r-rikorrenti ma hijiex fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-imsemmija detenturi. It-tielet nett, il-Kummissjoni tiddubita li l-Liġi dwar il-minjieri tiffissa regola ta’ stabbiltà tat-tariffi fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni jew li teżisti sistema regolatorja koerenti li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali lill-impriżi kollha li joperaw minjieri għaż-żoni ta’ depożiti kollha tagħhom li qed joperaw diġà.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

50      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Għaldaqstant, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel nett, għandha tinvolvi intervent tal-Istat jew riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jikkawża distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra p. I‑78 31, punti 38 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-benefiċjarju, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, punt 51 iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju. Dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqsu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens ristrett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, Ġabra p. I-12899, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għal dak li jirrigwarda n-natura selettiva tal-miżura ta’ għajnuna, għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi mill-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑ 409/00, Ġabra p. I‑1 487, punt 46). Minn dan isegwi li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni titlob biss li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali speċifika, miżura tal-Istat hijiex tali li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturiˮ meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara s-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’każ ta’ risposta pożittiva, il-miżura ta’ għajnuna tissodisfa l-kundizzjoni ta’ selettività li huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat previst minn din id-dispożizzjoni.

55      Qabel ma tiġi evalwata l-validità tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata rigward in-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005, għadhom jiġu esposti l-argumenti ppreżentati mill-Ungerija u mir-rikorrenti waqt il-proċedimenti amministrattivi.

56      F’dan ir-rigward, matul il-proċedimenti amministrattivi, l-Ungerija ressqet diversi argumenti li jikkontestaw in-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005, li kienet diġà invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li kienet ssostni li l-miżura kkontestata ineżami kienet tagħti eżenzjoni mit-tariffi tax-xogħol fil-minjieri lil impriża waħda (premessi 18 u 21 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali).

57      Waqt il-fażi preliminari, l-Ungerija rrispondiet, fis-17 ta’ Marzu 2008, għad-domanda tal-Kummissjoni rigward id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-minjieri li bis-saħħa tagħha r-rikorrenti kienet awtorizzata tħallas tariffi tax-xogħol fil-minjieri stabbli sal-2020, billi ppreżentat l-Artikolu 20(11) u l-Artikolu 26/A(5) tal-imsemmija liġi. Skont l-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri, l-ammont tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri espress f’termini monetarji għandu jkun perċentwali tal-valur tal-minerali estratti kif speċifikat f’din il-liġi jew fil-ftehim ta’ konċessjoni jew fil-kuntratt magħmul skont l-Artikolu 26/A(5) tal-liġi inkwistjoni. L-Ungerija osservat li kwalunkwe impriża li topera minjieri li għandha awtorizzazzjoni setgħet titlob l-estensjoni tat-terminu legali sabiex tibda l-produzzjoni, billi tħallas tariffa li tissostitwixxi t-tariffa mitlufa, skont il-prinċipji tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), iżda li l-konklużjoni ta’ tali ftehim ta’ estensjoni ma kinitx obbligatorja. Hija kkunsidrat li l-Liġi dwar il-minjieri kienet tippermetti estensjoni tad-dritt tax-xogħol fil-minjieri bbażata fuq l-istess prinċipji bħar-regoli applikabbli għall-konċessjoni. Hija kkonkludiet li kwalunkwe impriża li topera minjieri setgħet tikkonkludi ftehim ta’ estensjoni b’mod nondiskriminatorju, peress li tali impriża kellha dritt għall-estensjoni tad-data ta’ meta l-produzzjoni għandha tibda, fl-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri.

58      Barra minn hekk, fit-8 ta’ Settembru 2008, l-Ungerija kkjarifikat il-bażijiet legali li fid-dawl tagħhom kien possibbli għal impriża, li ma jkunx irnexxielha tibda l-produzzjoni tagħha fit-terminu previst, li tħallas tariffi tax-xogħol fil-minjieri inqas minn dawk iffissati mil-Liġi dwar il-minjieri, billi tiċċita għal darba oħra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(11) tal-imsemmija liġi sabiex jitqies li, meta l-attività tkun imwettqa taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, ir-rata tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri tkun iffissata, skont il-każ, mill-Artikolu 20(3) ta’ din il-liġi li jiddetermina r-rata legali tat-tariffa skont it-tip ta’ materjali estratti, jew permezz ta’ ftehim konkluż taħt l-Artikolu 26/A(5) tal-liġi inkwistjoni, f’każ ta’ estensjoni ta’ awtorizzazzjoni.

59      Fir-risposta tagħha tad-9 ta’ April 2009 għad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Ungerija insistiet, l-ewwel nett, fuq il-loġika tal-leġiżlazzjoni dwar il-minjieri, li timplika li klawżola bħal dik li tiffissa r-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tal-ftehim u li tipprovdi li r-rati hekk iffissati jibqgħu l-istess hija element “naturaliˮ ta’ kull ftehim ta’ estensjoni, peress li l-emendi sussegwenti tar-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri ma jistgħux japplikaw għar-rati ffissati f’tali ftehim. Skont l-Ungerija, il-Ftehim tal-2005 ma jagħti ebda trattament preferenzjali lir-rikorrenti billi kwalunkwe impriża oħra li topera minjieri li tinsab fl-istess sitwazzjoni tista’ titlob li tikkonkludi ftehim simili li jiffissa r-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri bl-istess mod bħal dan. Sussegwentement, l-Ungerija marret lura fuq l-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri, li fil-fehma tagħha jispeċifika l-metodi ta’ kalkolu tar-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri. Skont l-Ungerija, billi jirreferi għad-diversi ftehim konklużi skont l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, l-Artikolu 20(11) ta’ din il-liġi għandu l-għan iddikjarat li jrendi legalment applikabbli t-tariffi tax-xogħol fil-minjieri ffissati f’dawn id-diversi ftehim għall-produzzjoni ta’ żoni ta’ depożiti msemmija fihom, indipendentement mir-rata ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri ffissata mil-liġi inkwistjoni. Fl-aħħar nett, l-Ungerija kkontestat il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 29 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li tipprovdi li ebda operatur ieħor fis-suq ma seta’ jistenna li jikseb tali ftehim taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Ftehim tal‑2005, peress li, fil-fehma tagħha, kien il-kontra li rriżulta mill-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, jiġifieri li l-Ftehim tal-2005 kien eżattament l-uniku tip ta’ ftehim li seta’ jiġi konkluż.

60      Barra minn hekk, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti żviluppat argumenti relattivi mal-assenza ta’ selettività tal-Ftehim tal-2005.

61      Fl-osservazzjonijiet tagħha tas-27 ta’ April 2008, ir-rikorrenti kkunsidrat, hija wkoll, li kwalunkwe impriża li topera minjieri li tinsab fl-istess sitwazzjoni tikkonkludi, abbażi tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, ftehim ta’ estensjoni li jinkludi l-istess klawżoli bħal tal-Ftehim tal-2005, li jiffissaw ir-rati tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri ddefinita fil-ftehim u li jeskludu li tibdil sussegwenti tar-rati mil-liġi ma jkollux effett. Hija kkontestat ukoll in-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005 billi rreferiet għad-diversi ftehim tal-istess natura magħmula bejn l-awtoritajiet Ungeriżi u impriżi li joperaw minjieri fis-settur tal-minerali solidi u li jinkludu klawżoli bħal dawk li jiffissaw ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tal-imsemmi Ftehim tal-2005 u bħal dik li tipprovdi li r-rati hekk iffissati jibqgħu l-istess. Hija rreferiet għall-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri, sabiex tiġġustifika l-fatt li r-rati tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri previsti mill-Ftehim tal-2005 kienu differenti minn dak li jirriżulta mir-reġim ta’ awtorizzazzjoni, peress li, kieku l-leġiżlatur kien xtaq li emenda futura tat-tariffa tax-xogħol fil-minjieri ffissata mil-liġi tissostitwixxi r-rati tat-tariffi ffissati mill-Ftehim tal-2003, huwa kien messu inkluda dispożizzjoni espressa f’dan is-sens.

62      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-miżura kkontestata hija kkostitwita minn żewġ elementi, jiġifieri l-Ftehim tal-2005, li jiffissa r-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri taż-żoni kollha ta’ depożiti tar-rikorrenti, li bdew joperaw jew li ngħataw estensjoni, għal kull waħda mill-ħmistax-il sena li ser idum fis-seħħ il-ftehim u l-Liġi emendata dwar il-minjieri, li żżid ir-rati tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri għaż-żoni kollha ta’ depożiti ta’ idrokarburi bl-awtorizzazzjoni, mingħajr ma tinkludi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw iż-żoni ta’ depożiti li kienu diġà s-suġġett ta’ ftehim ta’ estensjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li l-Kummissjoni ġustament enfasizzat, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Ftehim tal-2005 ma kienx imur kontra r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, peress li t-tariffi stipulati taħt il-Ftehim tal-2005, applikabbli kemm għaż-żoni ta’ depożiti li kienu qed joperaw diġà kif ukoll għaż-żoni ta’ depożiti kkonċernati mill-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet, kienu ogħla mit-tariffi legali applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, dan il-ftehim ma kienx jinvolvi element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

64      Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, meta Stat jikkonkludi ftehim ma operatur ekonomiku li ma jinvolvix element ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, il-fatt li l-kundizzjonijiet esterni għal tali ftehim jinbidlu wara b’tali mod li l-operatur inkwistjoni jitqiegħed f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbel ma’ operaturi oħrajn li ma jkunux ikkonkludew ftehim simili ma huwiex biżżejjed sabiex, meta meħuda flimkien, il-ftehim u l-emenda sussegwenti tal-kundizzjonijiet esterni minnu jistgħu jitqiesu bħala jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

65      Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali prinċipju, kwalunkwe ftehim li operatur ekonomiku jikkonkludi ma’ Stat u li ma jinvolvix elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE jista’ dejjem jiġi diskuss mill-ġdid, meta s-sitwazzjoni tas-suq li fih jaġixxi l-operatur li huwa parti mill-ftehim tevolvi b’tali mod li tagħtih vantaġġ bħal dak espost fil-punt 64 iktar ’il fuq jew meta l-Istat jeżerċita s-setgħa regolatorja tiegħu b’mod li jkun oġġettivament iġġustifikat wara evoluzzjoni tas-suq filwaqt li josserva d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn tali ftehim.

66      Min-naħa l-oħra, teħid flimkien ta’ elementi bħal dik irrilevata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat meta t-termini tal-ftehim konkluż ikunu ġew proposti b’mod selettiv mill-Istat lil operatur wieħed jew lil diversi u mhux abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jirriżultaw minn test ta’ portata ġenerali u applikabbli għall-operaturi kollha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li operatur wieħed biss ikkonkluda ftehim ta’ dan it-tip ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva tal-ftehim, peress li tali ċirkustanza tista’ tirriżulta b’mod partikolari, mill-assenza ta’ interess min-naħa ta’ kwalunkwe operatur ieħor.

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, miżura ta’ għajnuna unika tista’ tkun ikkostitwita minn elementi magħquda flimkien bil-kundizzjoni li huma jkollhom, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument li jintervjenu, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li jiġu diviżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑ 399/10 P u C‑401/10 P, punti 103 u 104). F’dan il-kuntest, teħid flimkien ta’ elementi bħal dak invokat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat meta l-Istat jaġixxi b’tali mod li jipproteġi operatur wieħed jew diversi li huma diġà preżenti fis-suq, billi jikkonkludi magħhom ftehim li jagħtihom rati ta’ tariffi ggarantiti għat-tul kollu tal-ftehim, filwaqt li jkollu l-intenzjoni li jeżerċita sussegwentement il-kompetenza regolatorja tiegħu billi jżid ir-rata tat-tariffi b’tali mod li l-operaturi l-oħrajn fis-suq ikunu żvantaġġati, sew jekk ikunu operaturi diġà preżenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim u sew jekk ikunu operaturi ġodda.

68      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkunsidra li l-miżura kkontestata kienet selettiva, minħabba li l-Ftehim tal-2005, sa fejn jiffissa r-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tiegħu u sa fejn jipprovdi li r-rati hekk iffissati jibqgħu l-istess, kien selettiv.

69      Fl-ewwel lok, għandu jiġi analizzat preċiżament il-kuntest legali li fih ġie konkluż il-Ftehim tal-2005.

70      L-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri jippermetti lil kwalunkwe impriża li topera minjieri, sew jekk hija topera żoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi u sew jekk ta’ minerali solidi, tapplika għall-estensjoni tad-dritt tagħha tax-xogħol fil-minjieri fuq żona waħda ta’ depożiti jew fuq diversi li hija ma tkunx bdiet topera fi żmien ħames snin mid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni. F’dan il-każ, l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri ma jidhirx bħala dispożizzjoni ta’ natura selettiva.

71      Għal dak li jikkonċerna l-fatt, irrilevat fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li impriża li topera minjieri u l-awtoritajiet Ungeriżi jistgħu jiddeċiedu li ma jikkonkludux ftehim ta’ estensjoni, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li mill-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri ma jirriżultax li, meta jkollhom applikazzjoni għal estensjoni quddiemhom, l-awtoritajiet Ungeriżi jistgħu jirrifjutaw li jiftħu negozjati sabiex jiġi konkluż ftehim li għandu l-għan li jestendi d-dritt tax-xogħol fil-minjieri inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, kwalunkwe impriża li topera minjieri tista’ tapplika sabiex id-dritt tagħha tax-xogħol fil-minjieri jiġi estiż (ara l-punt 70 iktar ’il fuq). Madankollu, tali impriża tista’ wkoll tiddeċiedi li ma tapplikax għal estensjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kost finanzjarju li jirriżulta miż-żieda tar-rata tat-tariffa applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal estensjoni, intiża, skont il-każ, għaż-żoni kollha ta’ depożiti li jkunu bdew joperaw (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) jew tiddeċiedi li ma taċċettax ir-rati proposti mill-awtoritajiet Ungeriżi wara applikazzjoni għal estensjoni u b’hekk ma jiġi konkluż ebda ftehim ta’ estensjoni.

72      Barra minn hekk, huwa minnu li l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi, billi jipprovdi li r-rata tat-tariffa ta’ estensjoni, li tiddetermina, skont il-każ, dik tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, ma għandhiex teċċedi 1.2 darba r-rata applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal estensjoni. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax obbligatorjament jitqies bħala li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn u, għaldaqstant, li jagħti natura selettiva lill-ftehim ta’ estensjoni konklużi. Fil-fatt, tali marġni ta’ diskrezzjoni jista’ jiġi ġġustifikat b’diversi fatturi, bħan-numru ta’ żoni ta’ depożiti li ngħataw estensjoni u l-importanza tagħhom stmata meta mqabbla maż-żoni ta’ depożiti li joperaw diġà. B’mod iktar preċiż, għalkemm, kif iddikjarat l-Ungerija matul il-proċedimenti amministrattivi (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), iż-żieda tar-rata tat-tariffa applikabbli fid-data tal-applikazzjoni għal estensjoni hija intiża sabiex tikkumpensa t-telf ta’ tariffi relattivi għaż-żoni ta’ depożiti li ma jkunux bdew joperaw fit-terminu ta’ ħames snin mill-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet, ma huwiex illoġiku li r-rata tat-tariffa ta’ estensjoni u, skont il-każ, dik tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, li japplikaw rispettivament għaż-żoni ta’ depożiti li d-data ta’ meta jibdew joperaw tkun ġiet estiża u għaż-żoni ta’ depożiti li jkunu bdew joperaw diġà, ikunu ogħla meta n-numru ta’ żoni ta’ depożiti li jingħataw estensjoni jkun kbir meta mqabbel man-numru ta’ żoni ta’ depożiti li bdew joperaw diġà u li jkunu inqas meta, bħal f’dan il-każ, in-numru ta’ żoni ta’ depożiti li ngħataw estensjoni jirrappreżenta parti żgħira miż-żoni ta’ depożiti li bdew joperaw. Minn dan jirriżulta li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mill-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri huwa tali li jippermetti lill-amministrazzjoni żżomm l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi skont jekk jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli jew different fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, billi tadatta l-proposti tagħha dwar it-tariffi għall-karatteristiċi ta’ kull applikazzjoni għal estensjoni ppreżentata, u skont jekk tidhirx bħala l-espressjoni ta’ setgħa diskrezzjonali ċirkoskritta permezz tal-kriterji oġġettivi li ma humiex estranji għas-sistema ta’ tariffi stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li l-marġni ta’ diskrezzjoni inkwistjoni hawnhekk jiddistingwi ruħu, min-natura tiegħu, mill-każijiet fejn l-eżerċizzju ta’ tali marġni huwa marbut mal-għoti ta’ vantaġġ favur operatur ekonomiku. F’dan il-każ, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi jservi sabiex jibbilanċja spiża addizzjonali imposta fuq l-operaturi ekonomiċi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti essenzjali li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

73      L-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri jipprovdi wkoll li l-ftehim ta’ estensjoni jiffissa r-rati tat-tariffa ta’ estensjoni u li meta l-applikazzjoni għal estensjoni tkun tirrigwarda iktar minn żewġ żoni ta’ depożiti jew iktar minn ħamsa, dan l-istess ftehim jiffissa r-rati tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin u l-ammont tat-tariffa eċċezzjonali (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’każ ta’ estensjoni, ir-rati tat-tariffa ta’ estensjoni u, skont il-każ, ir-rati tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri huma ddeterminati esklużivament mill-ftehim ta’ estensjoni, prinċipju li huwa, barra minn hekk, espressament imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(11) tal-Liġi dwar il-minjieri.

74      Għaldaqstant, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, li huma applikabbli għall-impriżi kollha li jixtiequ japplikaw għall-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom u li abbażi tagħhom ġie konkluż il-Ftehim tal-2005, il-fatt li r-rati ffissati għal kull sena ta’ validità tal-imsemmi ftehim huma r-riżultat ta’ negozjati ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lil dan il-ftehim natura selettiva. Fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż fil-punt 72 iktar ’ il fuq, ma kienx ikun mod ieħor ħlief kieku l-awtoritajiet Ungeriżi kienu eżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom waqt in-negozjati li wasslu għall-Ftehim tal-2005, li jiffissa r-rati tat-tariffa ta’ estensjoni u tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, b’tali mod li tiġi ffavorita r-rikorrenti billi jaċċettaw livell baxx ta’ tariffa mingħajr raġuni oġġettiva fid-dawl tal-għan taż-żieda tat-tariffi f’każ ta’ estensjoni ta’ awtorizzazzjoni u għad-detriment ta’ kwalunkwe operatur ieħor li jkun ipprova jieħu estensjoni tad-dritt tiegħu tax-xogħol fil-minjieri jew, fin-nuqqas ta’ tali operatur, fil-preżenza ta’ indizji konkreti tal-eżistenza ta’ trattament li jiffavorixxi, b’mod li ma huwiex iġġustifikat, lir-rikorrenti. Barra minn hekk, sa fejn il-klawżoli tiegħu jipprovdu li r-rati tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri, iddefiniti kuntrattwalment, japplikaw matul it-tul kollu tiegħu u ma jistgħux jinbidlu unilateralment waqt dan iż-żmien, il-Ftehim tal-2005 ma jżid xejn mar-regola stabbilita mill-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, imfakkar fil-punt 73 iktar il fuq.

75      Fit-tieni lok, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika jekk il-Kummissjoni wrietx in-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005, b’mod partikolari fid-dawl tal-klawżola li tiffissa r-rata preċiża tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena tal-ftehim u ta’ dik li tipprovdi li r-rati hekk iffissati jibqgħu l-istess.

76      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Liġi dwar il-minjieri hija fformulata f’termini ġenerali għal dak li jirrigwarda l-impriżi li jistgħu jibbenefikaw mill-Artikolu 26/A(5) tal-imsemmija liġi (ara l-punt 70 iktar ’il fuq).

77      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li r-rikorrenti kienet l-unika impriża li kienet, fil-fatt, ikkonkludiet ftehim ta’ estensjoni fis-settur tal-idrokarburi (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif ġie rrilevat fil-punti 66 u 71 iktar ’il fuq, dan il-fatt jista’ jiġi spjegat minn assenza ta’ interess min-naħa ta’ operaturi oħrajn u għaldaqstant, assenza ta’ applikazzjonijiet għal estensjoni, jew minn assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet fuq ir-rati tat-tariffa ta’ estensjoni. Għal dak li jirrigwarda dawn iż-żewġ ipoteżi tal-aħħar, peress li l-kriterji ffissati mil-Liġi dwar il-minjieri għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ estensjoni huma oġġettivi u applikabbli għall-operaturi kollha, potenzjalment interessati, li jissodisfawhom, ma jistax jiġi aċċettat li l-konklużjoni tal-Ftehim tal‑2005 għandha natura selettiva.

78      Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 74 iktar ’il fuq, billi ffissaw ir-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri għal kull waħda mill-ħmistax-il sena li matulhom il-Ftehim tal-2005 huwa validu u billi pprovdew li r-rati hekk iffissati jibqgħu l-istess, l-Ungerija u r-rikorrenti sempliċement applikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(11) u tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri, li jipprovdu li kull ftehim ta’ estensjoni jiffissa r-rata tat-tariffa miżjuda tax-xogħol fil-minjieri sakemm idum fis-seħħ.

79      Barra minn hekk huwa importanti li jitfakkar li r-rati stipulati taħt il-Ftehim tal‑2005 japplikaw għaż-żoni kollha ta’ depożiti tar-rikorrenti li bdew joperaw diġà taħt il-kopertura ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri għal 44 żona ta’ depożiti ta’ idrokarburi li l-produzzjoni tagħhom bdiet wara l-1 ta’ Jannar 1998 u għal 93 żona ta’ depożiti ta’ gass naturali li l-produzzjoni tagħhom bdiet qabel din id-data, filwaqt li l-estensjoni tikkonċerna biss tnax-il żona oħra ta’ depożiti li ma bdewx joperaw fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-koeffiċjent ta’ żieda jinsab taħt il-limitu ta’ 1.2 u b’mod partikolari bejn 1.02 u 1.05 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) jista’ jiġi spjegat oġġettivament min-numru żgħir ta’ tnax-il żona ta’ depożiti kkonċernati mill-estensjoni meta mqabbla mal-137 żona ta’ depożiti li kienu bdew joperaw diġà fl-2005 (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma eżaminatx dan l-aspett rilevanti tal-Ftehim 2005, b’tali mod li ebda indizju ta’ trattament preferenzjali mhux iġġustifikat tar-rikorrenti ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi preżunt li r-rikorrenti kellha dritt għal trattament favorevoli meta mqabbla mal-impriżi l-oħrajn kollha li potenzjalment jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq.

80      B’mod korrelattiv, għalkemm il-Kummissjoni semmiet li kienu jeżistu iktar minn ftehim wieħed ta’ estensjoni fis-settur tal-minerali solidi, hija qieset li ma kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li kienu jikkonċernaw tipi oħra ta’ minerali suġġetti għal tariffi oħrajn tax-xogħol fil-minjieri u li, għal dawn il-minerali, ma kinux saru emendi fit-tariffi mil-Liġi emendata dwar il-minjieri (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura selettiva tal-miżura kkontestata tirriżulta mis-selettività tal-Ftehim tal-2005 (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) u mhux min-natura tal-minerali estratti, mir-rati tat-tariffi applikabbli għal dawn il-kategoriji ta’ minerali jew mill-fatt li dawn ir-rati ma ġewx emendati sussegwentement. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex rilevanti sabiex jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diversi ftehim oħra ta’ estensjoni konklużi taħt l-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri u f’termini simili għall-Ftehim tal-2005. Permezz tal-approċċ li hija ħadet, il-Kummissjoni rrifjutat, għaldaqstant, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li permezz tagħhom hija setgħet tkun f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-Ftehim tal‑2005 kienx selettiv fir-rigward tar-rikorrenti fid-dawl tas-sitwazzjoni maħluqa minn diversi ftehim oħrajn ta’ estensjoni, konklużi wkoll abbażi tal-Artikolu 26/A(5) tal-Liġi dwar il-minjieri u li l-eżistenza tagħhom ġiet irrevelata lilha minnha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma pprovat tikseb informazzjoni iktar fid-dettall mill-awtoritajiet Ungeriżi dwar id-diversi ftehim ta’ estensjoni konklużi minn impriżi li joperaw minjieri fis-settur tal-minerali solidi.

81      Fid-dawl, l-ewwel nett, tal-assenza ta’ selettività li tikkaratteristika l-kuntest ġuridiku li jirregola l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ estensjoni kif ukoll ta’ kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi waqt in-negozjati relattivi għar-rati tat-tariffi u, it-tieni nett, tal-assenza ta’ kwalunkwe indizju li dawn l-awtoritajiet taw trattament favorevoli lir-rikorrenti meta mqabbla mal-impriżi l-oħrajn kollha, li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara l-punti 70 sa 74, 79 u 80 iktar ’il fuq), in-natura selettiva tal-Ftehim tal-2005 ma tistax titqies li ġiet stabbilita.

82      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ż-żieda tat-tariffi taħt il-Liġi emendata dwar il-minjieri, li ma daħlitx fis-seħħ ħlief fl-2008, seħħet fil-kuntest ta’ żieda f’livell mondjali taż-żejt mhux raffinat, kif ġie espost mir-rikorrenti fl-atti tagħha tal-proċedura u msemmija fid-dettall fl-ittra tagħha b’risposta għad-domanda magħmula f’dan is-sens mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 36 iktar ’il fuq). Peress li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma invokatx li l-Ftehim tal-2005 kien ġie konkluż fl-antiċipazzjoni ta’ żieda tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri, dan il-ftehim flimkien ma’ din il-liġi tal-aħħar ma jistgħux jiġu kklassifikati, b’mod validu, bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara l-punti 64 sa 67 iktar ’il fuq).

83      Konsegwentement, it-tieni argument tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ selettività tal-miżura kkontestata għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata risposta għall-argumenti l-oħrajn tal-ewwel motiv, għat-tieni u għat-tielet motiv.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li f’dan il-każ il-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2011/88/UE, tad-9 ta’ Ġunju 2010, dwar għajnuna mill-istat C 1/09 (ex NN 69/08) mogħtija mill-Ungerija lil MOL Nyrt., hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Novembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.