Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Martinair Holland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-67/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Martinair Holland NV (Haarlemmermeer, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: R. Wesseling, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 6 u 7 tad-deċiżjoni kompletament jew parzjalment, jew

tnaqqas il-multi imposti fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Rikors skont l-Artikoli 263 u 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 intiż għar-reviżjoni u għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta' Novembru 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 - Ġarr ta' merkanzija bl-ajru) indirizzata lil Martinair Holland N.V. u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta.

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

1. L-ewwel motiv jallega li:

l-Kummissjon kisret l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta (dritt għal amministrazzjoni tajba) peress li ma huwiex possibbli li tiġi determinata mid-deċiżjoni n-natura u l-portata tal-ksur; minn naħa, id-dispożittiv tad-deċiżjoni jidentifika b'mod ċar erba' ksur (preżumibbilment uniku u kontinwu) fir-rigward ta' gruppi ta' destinatarji distinti, ta' perijodi differenti u ta' rotot ġeografiċi differenti. Min-naħa l-oħra, l-espożizzjoni tal-motivi ma hijiex ibbażata u lanqas tirreferi għal ebda wieħed minn dawn l-erba' tipi ta' ksur speċifiċi;

sa fejn il-Qorti Ġenerali ma tistax tistħarreġ kompletament il-motivi wara d-deċiżjoni minħabba nuqqas ta' raġunament (suffiċjentement ċar), il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali fundamentali tar-rikorrenti; b'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tikser id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq u l-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża skont l-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa bi ksur tar-Regolament Nru 1/2003 1, tal- linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi u tal-prinċipji ta' proporzjonalità, ta' trattament ugwali u tal-obbligu ta' motivazzjoni, bi ksur tal-Artikoli 41 sa 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 296 TFUE u tal prinċipji ġenerali oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li:

fl-ewwel lok, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni bi ksur tal-linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi u tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali billi integrat id-dħul mill-bejgħ relatat mat-tariffi u mat-titjiriet li jaslu fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ;

fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bi ksur tar-Regolament 1/2003, tal-linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi u tal-prinċipju ta' proprzjonalità;

fit-tielet lok, il-Kummissjoni kisret ir-Regolament 1/2003, il-linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi u l-prinċipju ta' proporzjonalità billi ħadet inkunsiderazzjoni s-sistemi regolatorji bħala ċirkustanza mitiganti sabiex tnaqqas il-multa bi 15 % biss;

fir-raba' lok, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-kalkolu tal-multa bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205)