KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fil‑15 ta’ Mejju 2019 (1)
Kawża C‑378/18
Landwirtschaftskammer Niedersachsen
vs
Reinhard Westphal
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika agrikola komuni — Skemi ta’ għajnuna Komunitarja — Ħlasijiet skont is-superfiċji — Irkupru tal-ħlasijiet indebiti — Sanzjonijiet — Preskrizzjoni — Bidu tat-terminu — Applikazzjoni eventwali tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”
1. Fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 1251/1999 (2), fis-snin 2001 u 2002, bidwi Ġermaniż applika għall-għajnuna għal ċerti superfiċji agrikoli. Huwa rċieva l-ħlasijiet korrispondenti xi xhur wara t-talbiet rispettivi tiegħu, iżda, fis-sena 2006, il-Landwirtschaftskammer Niedersachsen [il-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen (il-Ġermanja); iktar ’il quddiem il-“Kamra tal-Agrikoltura”] ikkonkludiet li dan il-bidwi kien iddikjara, b’mod żbaljat, l-estensjoni tal-irqajja’ tal-art tiegħu, u għaldaqstant awtorizzat ir-revoka totali tal-għajnuna, bħala sanzjoni xierqa għal dan l-aġir.
2. Il-kawża quddiem il-qrati Ġermaniżi ffokat fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal dawn il-fatti, kwistjoni li hija marbuta mal-allegata retroattività in melius ta’ ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni li kienu implimentaw skema ta’ sanzjonijiet iktar favorevoli.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Dispożizzjonijiet tal-politika agrikola komuni
1. Ir-Regolament (KEE) Nru 3887/92 (3)
3. Konformement mal-Artikolu 9(2):
“2. Meta jiġi kkonstatat li s-superfiċji ddikjarata f’applikazzjoni għall-għajnuna ‘ta’ superfiċji’ taqbeż is-superfiċji ddeterminata, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi kkalkolat abbażi tas-superfiċji effettivament iddeterminata matul il-kontroll. Madankollu, minbarra fil-każ ta’ forza maġġuri, is-superfiċji effettivament iddeterminata tonqos bid-doppju tad-differenza kkonstatata, jekk din tkun iktar minn 3 % jew minn 2 ettari u mhux iktar minn 20 % tas-superfiċji ddeterminata.
Fil-każ fejn l-eċċess ikkonstatat huwa iktar minn 20 % tas-superfiċji ddeterminata, ebda għajnuna marbuta mas-superfiċji ma tingħata.
[…]
Fis-sens ta’ dan l-artikolu, ‘superfiċji ddeterminata’ tfisser dak li għaliha r-rekwiżiti regolatorji jkunu ġew issodisfatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
2. Ir-Regolament (KE) Nru 2419/2001 (4)
4. L-Artikolu 32(1) jipprovdi li:
“1. Jekk, f’dak li jirrigwarda grupp ta’ kultivazzjoni, iż-żona ddikkjarata taqbeż iż-żona determinata f’konformità ma’ l-Artikolu 31(2) [(5)] l-għajnuna għandha tkun kalkulata fuq il-bażi taż-żona determinata mnaqqsa b’darbtejn id-differenza misjuba jekk dik id-differenza hija iktar minn jew 3 % jew żewġ ettari iżda mhux iktar minn 20 % taż-żona determinata.
Iżda jekk id-differenza hija iktar minn 20 % taż-żona determinata, l-ebda għajnuna tal-qasam marbuta għandha tkun mogħtija għall-grupp ta’ kultivazzjoni konċernata.”
5. L-Artikolu 49 (“Irkupru ta’ ħlasijiet mhux dovuti”) jistabbilixxi li:
“1. Jekk ħlas mhux dovut huwa magħmul, il-bidwi għandu jħallas mill-ġdid l-ammont in kwistjoni flimkien ma’ l-interess ikkalkulat f’konformità ma’ paragrafu 3.
[…]
5. L-obbligu għall-ħlas mill-ġdid imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk għadda il-perjodu bejn id-data tal-ħlas ta’ l-għajnuna u dik ta’ l-ewwel notifikazzjoni lill-benefiċjarju mill-awtorità kompetenti li tikkonċerna n-natura mhux dovuta tal-ħlas konċernat huwa iktar minn għaxar snin.
Iżda, l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun limitat għal erba’ snin jekk il-benefiċjarju aġixxa in bona fede.
6. Ammonti li għandhom ikunu rkuprati bħala konsegwenza ta’ l-applikazzjoni ta’ tnaqqis u esklużjonijiet ma’ l-Artikolu 13 u Titolu IV għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin.
[…]”
6. L-Artikolu 52a, bl-isem “Preskrizzjoni rigward applikazzjonijiet għall-għajnuna relattivi għal snin ta’ marketing u perjodi ta’ premium li bdew qabel l-1 ta’ Jannar 2002”, miżjud fl-Artikolu 1(13) tar-Regolament (KE) Nru 118/2004 (6), jipprovdi li:
“B’deroga mill-Artikolu 54(2) u mingħajr preġudizzju għar-regoli aktar favorevoli dwar perjodi ta’ limitazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, l-Artikolu 49(5) għandu japplika wkoll għall-applikazzjonijiet relattivi mas-snin ta’ marketing u perjodi ta’ premium li bdew qabel l-1 ta’ Jannar 2002, kemm il-darba il-benefikant ġie nnotifikat mill-awtoritajiet kompetenti dwar in-natura mhux assenjata tal-pagament konċernat qabel l-1 ta’ Frar 2004”.
7. Għalkemm permezz tal-Artikolu 80(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 (7) ġie mħassar ir-Regolament Nru 2419/2001, ir-regoli dwar preskrizzjoni nżammu fl-Artikolu 73(1), (5) u (6) tal-ewwel wieħed mir-regolamenti, sakemm ġie mħassar, fl‑1 ta’ Jannar 2010, permezz tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 (8). Dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 640/2014 (9), fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2015.
B. Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Ir-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2988/95 (10)
8. Il-leġiżlazzjoni li tirregola l-ġlieda kontra l-frodi, bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tinsab fir-Regolament Nru 2988/95, b’mod ġenerali, li huwa sussidjarju għar-regoli settorjali, b’mod partikolari, fil-qasam tal-agrikoltura.
9. Skont id-disa’ premessa tiegħu:
“Billi l-miżuri u l-penali tal-Komunità stabbiliti skond l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jifformaw parti integrali mis-sistemi ta’ l-għajnuna; billi dawn isegwu l-għanijiet tagħhom […]; billi l-effikaċja tagħhom għandha tiġi żgurata mill-effett immedjat tar-regoli tal-Komunità […]”.
10. L-Artikolu 1(2), li jinsab taħt l-ewwel titolu (“Il-prinċipji ġenerali”) jistipula li:
“2. ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom [tal-Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”
11. Konformement mal-Artikolu 2(2):
“2. Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.”
12. L-Artikolu 3 jistabbilixxi li:
“1. Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. […]
F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. […]
It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.
[…]
2. Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. […]
Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”
II. Il-fatti u l-kawża prinċipali
13. Ser nippreżenta l-fatti bħalma jidher fid-digriet tar-rinviju (li ser nikkwota letteralment xi partijiet minnu), b’tali mod li wieħed iżomm f’moħħu li hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward ta’ wħud minnhom.
14. F’Mejju tas-snin 2000 u 2001 (11), R. Westphal, bidwi, talab il-ħlasijiet skont is-superfiċji b’rabta mal-perijodi ta’ primjum, konformement mal-iskema ta’ appoġġ għall-produtturi ta’ ċerti prodotti tar-raba’ li jinħarat.
15. Il-Kamra tal-Agrikoltura awtorizzat u wettqet dawn il-ħlasijiet qabel ma ntemmew is-snin li fihom ġew sottomessi dawn l-applikazzjonijiet (12).
16. “Fil-kuntest ta’ kontroll fuq il-post imwettaq [fit‑12 ta’] Jannar 2006, il-[Kamra tal-Agrikoltura] sabet irregolaritajiet fid-data dwar is-superfiċji li ma għadhomx jintużaw għall-kultivazzjoni. Wara li semgħet lil [R. Westphal], permezz tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2007, din annullat parti mill-għajnuna għas-snin 2000 u 2001 u talbet ir-rimbors tal-ħlasijiet żejda. Meta għamlet il-kalkolu, din qieset li, bħala sanzjoni għad-dikjarazzjoni żejda tas-superfiċji mhux ikkultivati, ma kienet ser tipprovdi l-ebda għajnuna” (13).
17. R. Westphal ikkontesta din id-deċiżjoni. “Fil-proċedura ta’ appell, ġie aċċettat l-annullament tal-għajnuna u r-rimbors tal-ammont tal-għajnuna, sa fejn dawn ma kinux ibbażati fuq is-sanzjoni. […] Fir-rigward tal-bqija tar-rimbors ibbażat fuq is-sanzjoni, il-qorti tal-appell annullat id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2007” (14).
18. L-argumenti tal-qorti tar-rinviju sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha kienu dawn li ġejjin (15):
– Ġew issodisfatti r-rekwiżiti materjali għall-impożizzjoni tas-sanzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92. Fir-rigward tas-sentejn inkwistjoni, id-differenza bejn is-superfiċji ddikjarata bħala mhux ikkultivata u dik effettivament iddeterminata kienet taqbeż l-20 % ta’ din tal-aħħar.
– Madankollu, is-sanzjoni kienet preskritta.
– Il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-inqas regola ta’ sanzjoni ħarxa (it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95) kien jitlob l-applikazzjoni tas-sistema ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 49(5) u (6) tar-Regolament Nru 2419/2001.
– Konformement ma’ din is-sistema, is-sanzjoni kienet preskritta minħabba li kienu għaddew iktar minn erba’ snin bejn id-dati tal-ħlasijiet tal-għajnuna u d-data meta r-rikorrent ġie informat mill-awtorità kompetenti, wara li saru l-kontrolli fuq il-post, li l-għajnuna kienet ingħatatlu indebitament.
– Dawn ir-regoli ta’ preskrizzjoni huma inqas ħorox minn dawk li kieku japplikaw b’mod awtomatiku (jiġifieri, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95), minħabba li, skont din id-dispożizzjoni, fil-każijiet ta’ irregolarità rrepetuta, bħall-każ inkwistjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jiddekorri qabel tintemm l-irregolarità.
19. Il-Kamra tal-Agrikoltura kkontestat din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
III. Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-qorti tal-ewwel istanza li l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tas-sanzjoni, skont ir-Regolament Nru 3887/92 kienu sodisfatti, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenza ogħla minn 20 % bejn is-superfiċji ddikjarata u dik iddeterminata.
21. Min-naħa l-oħra, għandha dubji dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-iktar sanzjoni favorevoli, għar-raġunijiet li ġejjin:
– Ir-Regolament Nru 3887/92 ma kienx jinkludi regoli ta’ preskrizzjoni tas-sanzjonijiet, għaldaqstant kienu japplikaw dawk tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li t-terminu ta’ preskrizzjoni tiegħu ta’ erba’ snin jibda jiddekorri minn meta tintemm l-irregolarità rrepetuta (16).
– Id-dritt Ġermaniż ma għamilx użu mill-possibbiltà li jiġi implimentat “perjodu li jkun itwal”, li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2988/95.
– L-adozzjoni, għall-ewwel darba, fl-Artikolu 49(5) u (6) tar-Regolament Nru 2419/2001, ta’ leġiżlazzjoni settorjali ta’ preskrizzjoni tas-sanzjonijiet għall-irkupru ta’ ħlasijiet mhux dovuti, inklużi r-rimborsi minħabba tnaqqis jew esklużjonijiet, emendat il-bidu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, fejn ittieħed bħala riferiment il-ħlas tal-għajnuna, għalkemm inżamm il-perijodu ta’ erba’ snin.
22. Minħabba li l-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 ma jindikax meta jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-ammonti li għandhom ikunu rkuprati bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tat-tnaqqis u l-esklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju teħtieġ li tkun taf:
– Jekk għandux jiġi applikat il-bidu tad-dekorrenza stabbilit fil-punt 5 ta’ dan l-artikolu (id-data tal-ħlas tal-għajnuna). B’dan il-mod, isseħħ il-preskrizzjoni.
– Jekk, għall-kuntrarju, din il-lakuna kellha tiġi evitata billi jsir riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bħala regolament ġenerali sussidjarju, ma kinitx tidħol fis-seħħ il-preskrizzjoni.
23. Madankollu, il-prinċipju ta’ applikazzjoni tar-regola tal-inqas sanzjoni ħarxa (it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95) jirriżulta applikabbli, anki jekk is-sistema settorjali ġdida tar-Regolament Nru 2419/2001 daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2002, jiġifieri wara l-ħlas tal-għajnuna (17). Barra minn hekk, dan l-aħħar regolament biddilx l-iskema ta’ appoġġ u ta’ sanzjoni, għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza, dan il-prinċipju jista’ jsir riferiment għalih, minkejja l-kuntest regolatorju differenti (18).
24. Għad baqa’ jiġi ċċarat jekk ir-regoli ġodda dwar il-preskrizzjoni jikkostitwixxux dispożizzjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi, għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Skont il-qorti tar-rinviju, il-qrati kriminali Ġermaniżi jinkludu l-preskrizzjoni tar-reati fid-dritt proċedurali, b’tali mod li l-prinċipju ta’ applikazzjoni tal-inqas liġi ħarxa (19) japplika biss meta, bejn it-twettiq tal-fatti u d-deċiżjoni, it-theddida kriminali sostantiva tkun saret iktar serja u, għalhekk, ikun ġie emendat it-terminu ta’ preskrizzjoni, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, apparti l-ekwità, għandu jitqies li l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ preskrizzjoni ġdida timplika neċessarjament evalwazzjoni ġdida tas-sistema min-naħa tal-leġiżlatur.
25. Kieku l-inqas regola ħarxa dwar il-preskrizzjoni ma kinitx applikabbli, kienet taqa’ l-applikazzjoni tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar l-eventwali applikazzjoni b’analoġija eventwali tal-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu, anki jekk il-kontenut letterali tiegħu ma jippermettix dan. Għall-qorti tar-rinviju jidher li huwa loġiku li l-formulazzjoni tal-Artikolu 52a tar-Regolament Nru 2419/2001 hija bbażata fuq l-idea li l-Artikolu 49(6) ma jeħtieġx dispożizzjoni speċifika, minħabba li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 diġà tiggarantixxi sistema koerenti. Għalhekk, din tixtieq tkun taf jekk jeżistix vojt regolatorju li jista’ jiġi integrat permezz tal-analoġija.
26. F’din iċ-ċirkustanza, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) It-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 jibda jiddekorri mid-data tal-pagament tal-għajnuna jew huwa rregolat mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jiġifieri, f’dan il-każ, mill-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament?
2) Ir-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 jew fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huma dispożizzjonijiet li jirrigwardaw sanzjonijiet amministrattivi fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95?
3) L-Artikolu 52a tar-Regolament Nru 2419/2001, li jipprevedi l-applikazzjoni retroattiva tar-regola ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 49(5) tal-imsemmi regolament jista’ wkoll japplika b’analoġija għall-Artikolu 49(6) tal-imsemmi regolament?”
27. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, jekk l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (l-ewwel domanda) tkun applikabbli, ma jkunx hemm għalfejn tingħata risposta għad-domandi l-oħrajn. Għall-kuntrarju, jekk ikollha titwieġeb it-tieni domanda, u r-risposta tkun fl-affermattiv, ma jkunx hemm għalfejn tiġi indirizzata t-tielet domanda.
28. Id-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ġunju 2018, filwaqt li l-Kamra tal-Agrikoltura u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst. Ma ġiex ikkunsidrat meħtieġ li ssir seduta.
IV. Analiżi ġuridika
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
1. Regoli ta’ preskrizzjoni rilevanti
29. Mill-fatti deskritti fid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, permezz tad-Deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2007, il-Kamra tal-Agrikoltura imponiet sanzjoni fuq R. Westphal, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 3887/92. Is-sanzjoni kienet tikkorrispondi għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi f’Mejju tas-snin 2000 u 2001 għall-istaġuni rispettivi, li ngħatat f’dawn l-istess snin. L-ewwel darba li l-amministrazzjoni kompetenti intervjeniet kien f’Jannar 2006, meta wettqet kontroll fuq il-post u skopriet id-differenza tas-superfiċji, li qajmet dubji dwar il-preskrizzjoni.
30. Jidher li fid-domandi preliminari huwa preżunt li t-terminu ta’ preskrizzjoni (erba’ snin) indikat fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 japplika għal din il-kawża. Madankollu, għall-motivi li ser nispjega sussegwentement, ma naħsibx li dan il-paragrafu huwa rilevanti sabiex tiġi riżolta l-kawża.
31. Ir-raġuni prinċipali hija n-natura tat-tnaqqis u l-esklużjonijiet, fir-rigward tal-preskrizzjoni, ittrattata fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001. Mill-qari tal-Artikoli 13 (dwar l-applikazzjonijiet sottomessi tard), 32 (dwar it-tnaqqis u esklużjonijiet minħabba dikjarazzjonijiet żejda ta’ superfiċji) (20) u 38 (dwar it-tnaqqis u esklużjonijiet relatati mad-differenzi fin-numru ta’ bhejjem) ta’ dan ir-regolament, jiġi dedott li jissemmew sanzjonijiet pekunjarji reali, jiġifieri, il-ħlas ta’ ammonti li jmorru lil hinn minn kalkolu proporzjonali bejn l-eċċess iddikjarat u l-ammont li għandu jkun irkuprat mill-amministrazzjoni.
32. Fil-fatt, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet huma stabbiliti bħala sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 2988/95 (21), minħabba li jobbligaw lill-applikant iħallas ammont ogħla mis-somom irċevuti indebitament. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-natura punittiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet legali, b’tali mod li ma qagħditx lura milli tikklassifikahom bħala sanzjonijiet (22).
33. L-ammonti li għandhom ikunu rkuprati, bħala konsegwenza tat-tnaqqis u l-esklużjonijiet, huma kkalkolati, b’mod loġiku, fid-deċiżjonijiet amministrattivi ta’ sanzjoni rispettivi. Mid-data ta’ dawn tal-aħħar, dawn l-ammonti jsiru eżiġibbli. Barra minn hekk, bl-istess mod bħar-regolament ġenerali (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95) jiġi stabbilit “perjodu għall-implimentazzjoni [ta’ tliet snin għad-]deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva”, fir-regola settorjali (Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001) jiġi stabbilit terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, li għandu jitqies bħala perijodu massimu li fih l-amministrazzjoni tista’ tiġbor l-ammonti li, bis-saħħa tas-sanzjoni imposta, jistgħu jkunu rkuprati (23).
34. Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni tevita l-assurdità li jiġi stabbilit terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin biss għal atti li, minħabba n-natura illegali ċara tagħhom, jimplikaw sanzjonijiet (paragrafu 6) u, għall-kuntrarju, terminu ta’ mhux iktar minn għaxar snin fir-rigward tal-inqas kondotti serji (paragrafu 5) li jimponu biss l-obbligu ta’ rkupru. L-unika spjegazzjoni li għandi hija li dawn huma termini ta’ natura differenti, u li dak tal-paragrafu 6 jirreferi, kif għadni kif indikajt, għall-implementazzjoni tas-sanzjoni nnifisha.
35. Barra minn hekk, f’din il-kawża ma jidhirx li jiġi diskuss it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet (tnaqqis u esklużjonijiet) li ġew imposti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kamra tal-Agrikoltura tat‑23 ta’ Lulju 2007 (24). It-tilwima kienet esklużivament dwar il-preskrizzjoni tal-obbligu ta’ rimbors tal-ammonti li ngħataw lill-bidwi, bħala għajnuna għall-istaġuni tas-snin 2000 u 2001, u li dan irċieva indebitament, minħabba li kienu jikkorrispondu għal superfiċji differenti minn dawk fir-realtà.
36. Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 ma hijiex rilevanti għal din il-kawża.
37. Fir-Regolament Nru 1251/1999, li fuqu huma bbażati l-applikazzjonijiet sottomessi minn R. Westphal, ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni li kienet tirregola l-preskrizzjoni tal-obbligi ta’ rimbors li huma riżultat ta’ irregolaritajiet bħal dawk f’din il-kawża. Lanqas ir-Regolament Nru 3887/92 ma kien fih tali dispożizzjoni, li l-Artikolu 9 tiegħu serva bħala bażi sabiex il-Kamra tal-Agrikoltura adottat id-deċiżjoni ta’ sanzjoni tat‑23 ta’ Lulju 2007.
38. Minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, kellu jsir riferiment għal-leġiżlazzjoni ġenerali (25), jiġifieri għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, fis-seħħ fil-mument meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet u meta ngħata l-ammont tal-għajnuna mitluba (fis-snin 2000 u 2001 rispettivament) (26).
39. Madankollu, fis-sena 2001, ġiet adottata leġiżlazzjoni speċifika (għall-għajnuna fis-settur agrikolu) li tintroduċi r-regoli proprji tagħha fil-qasam tal-preskrizzjoni. L-iskema ta’ preskrizzjoni settorjali għar-rimbors ta’ ħlasijiet mhux dovuti ta’ dan it-tip ta’ għajnuna ġiet stabbilita fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 2419/2001 u ġiet emendata, parzjalment, fis-sena 2004, biż-żieda tal-Artikolu 52a f’dan ir-regolament.
40. L-iskema ġdida ta’ preskrizzjoni daħlet fis-seħħ permezz tal-emenda, fl‑2004, tar-Regolament Nru 2419/2001: b’mod partikolari, l-obbligi ta’ rimbors dwar l-applikazzjonijiet għall-għajnuna korrispondenti għall-istaġuni li bdew qabel l-1 ta’ Jannar 2002 setgħu jibbenefikaw mit-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 (27).
41. Konformement ma’ din l-iskema ġdida, applikabbli b’mod retroattiv, l-obbligu ta’ rimbors jiġi preskritt jekk ikunu għaddew għaxar snin (in mala fide) jew erba’ snin (in bona fide) “bejn id-data tal-ħlas ta’ l-għajnuna u dik ta’ l-ewwel notifikazzjoni lill-benefiċjarju mill-awtorità kompetenti”. Fl-aħħar nett, dan huwa l-kontenut tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001.
42. Permezz tal-introduzzjoni tal-Artikolu 52a, l-estensjoni tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2002 (li huwa l-każ inkwistjoni) daħlet fis-seħħ fil‑25 ta’ Jannar 2004. Minħabba li f’din id-data kien għadu jiddekorri t-terminu (ġenerali) ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, ma jinħolqux problemi mill-perspettiva taċ-ċertezza legali (28) għall-irregolaritajiet imwettqa in bona fide: skont iż-żewġ skemi (il-ġenerali u l-ispeċifika), it-terminu ta’ preskrizzjoni kien l-istess, jiġifieri, ta’ erba’ snin.
43. Il-problemi li jinħolqu minħabba r-retroattività tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 ikunu ikbar jekk jiġi kkunsidrat li R. Westphal ma aġixxiex in bona fide. F’din l-ipoteżi, it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-regola settorjali ġdida (għaxar snin) huwa itwal minn dak tar-regola ġenerali (erba’ snin). Madankollu, naħseb li din l-applikazzjoni retroattiva hija ġġustifikata fuq il-livell ġuridiku.
44. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Istati Membri, fil-qasam kriminali, is-setgħa li jiġu stabbiliti termini ta’ preskrizzjoni itwal, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss meta, fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-terminu ġdid, l-irregolarità ma tkunx preskritta u jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (29), b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali u l-proporzjonalità.
45. Ma nara l-ebda raġuni għalfejn dawn ir-regoli ġurisprudenzjali ma għandhomx jiġu estiżi għal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur Ewropew, suġġetta għall-istess kriterji.
46. Barra minn hekk, f’dan il-każ, id-dewmien fit-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin (Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001) jirriżulta applikabbli biss għal dawk l-applikazzjonijiet sottomessi in mala fide fejn it-terminu jkun għadu ma għaddiex (30).
47. Fir-rigward tal-proporzjonalità (31), għalkemm terminu ta’ għaxar snin jista’ jidher eċċessiv, din l-impressjoni tiġi kkonfermata jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti użati kull sena għall-primjums għall-agrikoltura u l-fatt li huma mqassma bejn numru kbir ta’ applikazzjonijiet, mingħajr ma l-awtoritajiet tal-Istati Membri jeżerċitaw il-kontroll b’mod eżawrjenti tagħhom, b’tali mod li jieħdu biss kampjuni.
2. Dies a quo għall-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni
48. L-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 tippermetti li tiġi dedotta d-data meta beda jiddekorri t-terminu tal-preskrizzjoni tal-obbligu ta’ rimbors ta’ R. Westphal: il-jum tal-ħlas tal-għajnuna, skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.
49. Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 2988/95, li l-Artikolu 3 tiegħu jistabbilixxi d-dies a quo tal-preskrizzjoni fil-jum tat-twettiq tal-irregolarità (fil-każ inkwistjoni hija xi data matul ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2000 u 2001) (32), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 jindika l-bidu tal-preskrizzjoni fid-data tal-ħlas tal-għajnuna.
50. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2419/2001 ma jagħmilx distinzjoni bejn irregolaritajiet uniċi jew kontinwi, bħalma jagħmel ir-Regolament Nru 2988/95. Il-qorti tar-rinviju hija tal-idea li dan huwa każ ta’ irregolarità kontinwa (33), minħabba li jinkludi ż-żewġ applikazzjonijiet tas-snin 2000 u 2001.
51. Din il-klassifikazzjoni tiġi appoġġjata kemm mill-qari tar-Regolament Nru 1251/1999 (34), li jistabbilixxi struttura għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna (bħal dik ta’ R. Westphal), ibbażata fuq il-mudell “l-ewwel l-applikazzjoni u mbagħad il-ħlas”, kif ukoll mill-fatti tat-tilwima, minħabba li l-applikazzjonijiet ġew sottomessi għal sentejn suċċessivi, jiġifieri, f’Mejju tas-sena 2000 u tal‑2001, u l-għajnuna tħallset fl-aħħar xhur ta’ kull waħda minnhom.
52. Barra minn hekk, mil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dawn il-każijiet, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni jinsab fid-data tat-twettiq tad-dannu pekunjarju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni, jiġifieri, il-ħlas, minħabba li dan seħħ wara l-att jew l-ommissjoni li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni (35).
53. Fl-aħħar nett, il-kriterju tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 sabiex jiġi stabbilit il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni jikkoinċidi ma’ dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-irregolaritajiet kontinwi. F’din il-kawża, it-tnejn li huma jwasslu għall-istess riżultat: id-dies a quo hija dik tal-ħlas tal-għajnuna mogħtija indebitament.
54. Jifdal punt finali fir-rigward ta’ liema miż-żewġ termini previsti fl-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 huwa applikabbli, b’kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ attività preċedenti tal-amministrazzjoni fiż-żewġ każijiet sal‑2006: dak ta’ għaxar snin mill-ħlas, mingħajr ebda kundizzjoni oħra, jew dak ta’ erba’ snin mill-ħlas, suġġett għall-kundizzjoni li R. Westphal aġixxa in bona fide.
55. Minħabba li l-evalwazzjoni tal-bone fide hija kwistjoni ta’ fatt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwaha u, skont il-konstatazzjoni tagħha (36), tapplika l-varjant korrispondenti.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
56. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-regoli dwar il-preskrizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001, u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet li jirrigwardaw sanzjonijiet amministrattivi.
57. Fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività in melius, karatteristika tar-regoli ta’ natura ta’ sanzjoni sussegwenti li jimplikaw trattament iktar favorevoli għall-individwu kkonċernat, tiddependi fuq ir-risposta. L-adegwatezza ta’ dan il-prinċipju hija nnotata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (37).
58. Sa fejn ma nqisx li huwa applikabbli l-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001, jidhirli li ma huwiex neċessarju li nirrispondi din id-domanda. Għaldaqstant, l-argumenti li sussegwentement ser nesponi huma ta’ natura sussidjarja.
59. Dwar dan il-punt, għandu jerġa’ jsir riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Taricco et (38), imsemmija ma’ dik tas-sentenza M.A.S u M.B (39). F’din tal-aħħar, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja saret fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju enfasizzat “[in-]natura sostantiva tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-ordinament ġuridiku Taljan, li timplika li dawn ir-regoli għandhom ikunu raġonevolment prevedibbli għall-individwi fil-mument tat-twettiq tar-reati inkwistjoni mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu emendati in pejus b’mod retroattiv” (40).
60. Barra minn hekk, fis-sentenza M.A.S u M.B huwa stabbilit li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk, skont ir-regoli nazzjonali tal-qorti li għandhom jiġu applikati mid-dritt tal-Unjoni, “ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ nonretroattività inerenti għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege japplikaw ukoll […] għar-regoli dwar il-preskrizzjoni li jikkonċernaw ir-reati kriminali” (41).
61. Il-qorti tar-rinviju kkonfermat li, fid-dritt Ġermaniż, il-preskrizzjoni ma hijiex inkluża fid-dritt sostantiv, iżda fil-proċedura kriminali, għaldaqstant għar-regoli li jirregolawha ma japplikax il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (għalhekk, lanqas dak ta’ retroattività in melius). Fid-digriet tar-rinviju, din tafferma li l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege ma jaffettwax ir-regoli dwar il-preskrizzjoni (42).
62. Jekk dan huwa l-każ, ir-regoli li jistabbilixxu perijodi iqsar għall-preskrizzjoni ta’ ksur jew ta’ sanzjonijiet amministrattivi ma għandhomx neċessarjament jiġu applikati, bi preferenza għal dawk li, fil-mument tat-twettiq tal-fatti, kienu stabbilew termini itwal. Barra minn hekk, kif diġà enfasizzajt (43), xejn ma jwaqqaf milli jiġu mtawla t-termini ta’ preskrizzjoni għal dan it-tip ta’ ksur li jkun għadu ma ġiex preskritt, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza Glencore Céréales France (44).
63. Minn perspettiva oħra, iktar iffokata fuq iċ-ċirkustanzi uniċi tat-tilwima, il-Kamra tal-Agrikoltura tindika li l-ammont tas-sanzjoni b’konformità mal-lex posterior (Artikolu 32 tar-Regolament Nru 2419/2001) ma kienx inqas minn dak li rriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li permezz tagħha R. Westphal ġie ssanzjonat (Artikolu 9 tar-Regolament Nru 3887/92).
64. Għalkemm il-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar regola ta’ sanzjoni favorevoli japplika meta dispożizzjoni tal-Unjoni temenda a posteriori s-sanzjoni msemmija f’dispożizzjoni preċedenti oħra, b’tali mod li tnaqqasha, f’din il-kawża l-ammont kien l-istess, skont iż-żewġ regoli.
65. Sabiex ir-retroattività in melius tkun applikabbli, kienet tkun meħtieġa “bidla fl-evalwazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward tan-natura xierqa tas-sanzjoni fil-konfront tas-severità tal-irregolarità inkwistjoni” (45). Minn din il-bidla fl-evalwazzjoni jirriżulta li l-ammont tas-sanzjoni, skont ir-regola ġdida, huwa inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola preċedenti (46). Ma jidhirx li dan kien il-każ f’din il-kawża.
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
66. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-effett retroattiv tar-regola ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 jistax jiġi applikat, b’analoġija, għall-paragrafu 6 tal-istess artikolu.
67. Bħalma huwa l-każ fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, lanqas ma nara li huwa essenzjali li nirrispondi għat-tielet waħda, minħabba li r-riferimenti għall-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 ma humiex rilevanti sabiex tiġi riżolta din it-tilwima. Madankollu, ser nittratta din id-domanda b’mod purament sussidjarju.
68. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 49(6) tar-Regolament Nru 2419/2001 jippreżupponu l-intervent tal-awtorità kompetenti li imponiethom. Kif diġà affermajt, din iċ-ċirkustanza ma hijiex marbuta man-nuqqas ta’ attività tal-amministrazzjoni għal għaxar jew erba’ snin, li huma t-termini ta’ preskrizzjoni stipulati fl-Artikolu 49(5) tal-istess regolament għall-obbligi ta’ rimbors, li l-ħlas tagħhom ma kienx mitlub mill-benefiċjarju.
69. Ladarba l-leġiżlatur tal‑2004 żied l-Artikolu 52a fir-Regolament Nru 2419/2001, b’tali mod li llimita r-retroattività tat-termini (ġodda) ta’ preskrizzjoni għall-każijiet tal-Artikolu 49(5) tiegħu, u ma kkunsidrax dawk tal-paragrafu 6, naħseb li din id-deċiżjoni leġiżlattiva ttieħdet bil-għan li ssir distinzjoni bejn xi każijiet li ma humiex analogi, u mhux sabiex ikunu simili għal xulxin.
70. Barra minn hekk, fir-rigward tal-każijiet fejn l-applikant aġixxa in bona fide, it-terminu ta’ preskrizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(5) tar-Regolament Nru 2419/2001 jikkoinċidi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 li, fir-realtà, dan issostitwixxa fis-settur tal-għajnuna inkwistjoni.
71. Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, meta nikkunsidra l-mod kif ġiet imwettqa r-retroattività tat-termini ta’ preskrizzjoni (Artikolu 52a tar-Regolament Nru 2419/2001), nikkonkludi li l-leġiżlatur kellu l-għan li deliberatament itawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-obbligi ta’ rimbors sa għaxar snin, fil-każijiet kollha ta’ dikjarazzjonijiet (applikazzjonijiet) intenzjonalment żbaljati, inkluż dawk tal-istaġuni ta’ qabel is-sena 2002, u jinżamm dak ta’ erba’ snin għad-dikjarazzjonijiet in bona fide.
72. Barra minn hekk, ladarba intervjeniet l-amministrazzjoni sabiex tindika l-ammont li għandu jkun irkuprat għat-tnaqqis u/jew l-esklużjoni, permezz tad-deċiżjoni rilevanti, ma hijiex rilevanti l-bona fide jew il-mala fide tal-applikant ikkonċernat, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-preskrizzjoni.
73. Fl-aħħar nett, ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tiġi estiża ir-retroattività tal-preskrizzjoni tal-Artikolu 49(5), moqri flimkien mal-Artikolu 52a, it-tnejn li huma fir-Regolament Nru 2419/2001, għall-paragrafu 6 tal-istess Artikolu 49 abbażi ta’ każijiet ipotetiċi.
V. Konklużjoni
74. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:
“F’ċirkustanza bħal dik tal-kawża prinċipali, fejn ġiet imposta sanzjoni fuq bidwi li ssottometta applikazzjonijiet għall-għajnuna għal superfiċji ddikjarata ikbar minn dik sussegwentement iddeterminata mill-awtorità kompetenti, l-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 tal‑11 ta’ Diċembru tal‑2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– Skont il-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 49, jista’ jitqies preskritt l-obbligu ta’ rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament, ladarba l-awtorità kompetenti ma tkun wettqet l-ebda att b’rabta mal-ilment tiegħu, kemm sempliċement billi jiddekorru għaxar snin mill-jum li fih sar il-ħlas, jew perijodu ta’ erba’ snin minn din l-istess data, jekk l-applikant ikun aġixxa in bona fide. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-persuna kkonċernata aġixxietx in bona fide meta ssottomettiet l-applikazzjonijiet li huma s-suġġett tat-tilwima.
– Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 49 ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni
– Ir-regoli dwar il-preskrizzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna korrispondenti għall-istaġuni ta’ bejgħ u perijodi ta’ primjum li bdew qabel l-1 ta’ Jannar 2002, kif ġew ippreżentati fl-Artikolu 52a tar-Regolament Nru 2419/2001, ma jikkostitwixxux ‘dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi’, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.
– Il-kawżi tal-preskrizzjoni tal-Artikolu 49(5) huma differenti minn dawk li jappoġġjaw il-preskrizzjoni tal-Artikolu 49(6), għaldaqstant ma għandhiex tiġi estiża, b’analoġija, ir-retroattività tal-paragrafu 5, moqri flimkien mal-Artikolu 52a tar-Regolament Nru 2419/2001, għal dan il-paragrafu 6”.