Language of document : ECLI:EU:T:2010:338

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

1 ta’ Settembru 2010

Kawża T-91/09 P

Carina Skareby

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 — Rapport semplifikat stabbilit għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Settembru 2005 — Riproduzzjoni kompleta tal-evalwazzjonijiet li jidhru fir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera 2004, li sussegwentement ġie parzjalment annullat fis-sentenza kkontestata”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-15 ta’ Diċembru 2008, Skareby vs Il‑Kummissjoni (F‑34/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑477 u II‑A‑1‑2637) u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-15 ta’ Diċembru 2008, Skareby vs Il‑Kummissjoni, (F‑34/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑477 u II‑A‑1‑2637) hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tar-rendiment ta’ C. Skareby għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Settembru 2005. Id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta’ C. Skareby għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005 hija annullata, sa fejn tirrigwarda l-punt 6.1. intitolat “Rendiment”. Il-kumplament tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taħt in-numru ta’ referenza F‑34/07 huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din l-istanza kif ukoll għal dawk sostnuti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36, u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Appell — Aggravji — Żball ta’ liġi

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 10(2))

3.      Uffiċjali — Appelli — Suġġett — Ordni indirizzata lill-amministrazzjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Għalkemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa marbut li jipprovdi motivazzjoni għas-sentenzi tiegħu, skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għalih bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess Statut, dak l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jorbtux li jagħti spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha fformulati mill-partjiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tkun tippermetti lill-parti kkonċernata li ssir taf ir-raġunijiet għalfejn il-qorti tal-ewwel istanza ma laqgħatx l-argumenti tagħha u lill-qorti tal-appell li jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punt 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 96; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 42

2.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi billi f’rapport semplifikat huwa kkunsidra bħala ammissibbli l-kontinwazzjoni ta’ evalwazzjoni, li fir-realtà kienet ineżistenti minħabba annullament parzjali mill-Qorti Ġenerali tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tas-sena preċedenti. Il-qorti tal-ewwel istanza kienet konxja mir-riskju li kienet qiegħda tassumi meta bbażat ruħha fuq dak ir-rapport, peress li hija rrimarkat il-fatt li s-sentenza tagħha dwar il-legalità ta’ dak ir-rapport hija suġġetta għal appell.

(ara l-punt 57)

3.      Il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti toħroġ ordnijiet diretti lejn l-istituzzjonijiet u lanqas li tagħti dikjarazzjonijiet jew konstatazzjonijiet ta’ prinċipju. Fil-fatt, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li tkun ipproduċiet l-att annullat li għandha tieħu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddikjara l-annullament.

(ara l-punt 70)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 28 ta’ Ottubru 2004, Meister vs UASI, T‑76/03, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1477, punt 38