Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2013 – Philip Morris Benelux vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-520/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Philip Morris Benelux (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: K. Nordlander, avukat, u P. Harrison, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni meħuda mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”), li biha l-Kummissjoni rrifjutat it-talba tar-rikorrenti għall-aċċess għall-abbozzi tar-Rapport ta’ Evalwazzjoni anness mal-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tlett motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li billi adottat il-miżura kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 , billi ddikjarat u kkonkludiet li kemm l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament (li huma reċiprokament esklużivi) setgħu japplikaw għall-istess fatti inkwistjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li billi adottat il-miżura kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(3)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi kkonkludiet li l-eċċezzjoni stretta u limitata pprovduta f’dak is-subparagrafu ġġustifikat ir-rifjut tagħha għad-dokumenti mitluba.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li billi adottat il-miżura kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(3)(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, peress li id-dokumenti mitluba ma għandhomx il-kwalità ta’ opinjonijiet u għaldaqstant ma humiex koperti mill-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(3)(2) tar-regolament inkwistjoni. Barra minn hekk, (i) l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jippreġudikax il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni; u (ii) hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).