Language of document : ECLI:EU:T:2016:389

Kawża T‑518/13

Future Enterprises Pte Ltd

vs

L‑Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MACCOFFEE – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea McDONALD’S – Artikolu 53(1)(a) u Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Familja ta’ trade marks – Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Dikjarazzjoni ta’ invalidità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Lulju 2016

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjoni – Rabta bejn it-trade marks – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Trade marks verbali MACCOFFEE u McDONALD’S

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjoni – Rabta bejn it-trade marks – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżistenza ta’ familja ta’ trade marks preċedenti – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

5.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Eżami tat-talba – Prova tal-użu tat-trade marks preċedenti li jistgħu jikkostitwixxu familja ta’ trade marks – Użu effettiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 42(2), 57(2) u 78(1)(f); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 22(4) u 40(6))

6.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet – Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

7.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet – Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

8.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Provi li għandhom jiġu prodotti mill-proprjetarju – Probabbiltà futura serja ta’ vantaġġ indebitu jew ta’ dannu

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(5) u 53(1)(a))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 14, 15)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 20, 21, 37)

3.      Teżisti probabbiltà serja li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark verbali MACCOFFEE rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 32 skont il-Ftehim ta’ Nice jieħu vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark verbali preċedenti McDONALD’S irreġistrata preċedentement bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 32 u 42 skont l-imsemmi ftehim.

It-trade mark McDONALD’S tgawdi reputazzjoni kunsiderevoli fl-Unjoni għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr. Ir-reputazzjoni tagħha tkopri l-elementi karatteristiċi tal-familja ta’ trade marks “Mc”. Fil-fatt, it-trade mark McDONALD’S hija t-trade mark oriġinali tal-familja, li magħha huma marbuta t-trade marks li joriġinaw minnha permezz ta’ karatteristika komuni, jiġifieri l-prefiss “mc”, u li minnha huma kollha separati permezz tal-istess tip ta’ element finali, li jirreferi għal wieħed mill-prodotti tal-ikel li jissemmew fil-menu tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr. Għaldaqstant, il-prefiss “mc” kien akkwista karattru distintiv proprju fir-rigward tas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u ta’ prodotti li jissemmew fil-menu tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, minn tal-inqas f’parti mit-territorju tal-Unjoni, b’mod li dan il-prefiss huwa idoneu sabiex jikkaratterizza l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks.

It-trade mark MACCOFFEE, li kunċettwalment tixbah it-trade mark McDONALD’S u tirriproduċi l-istess struttura, tista’ tintrabat mal-familja ta’ trade marks “Mc”.

F’dak li jirrigwarda s-servizzi u l-prodotti li għalihom huma rreġistrati t-trade marks kunfliġġenti, dawn tal-aħħar għandhom ċertu livell ta’ xebh, minħabba fir-rabtiet stretti eżistenti bejniethom.

F’dan ir-rigward, il-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-pubbliku inġenerali fi ħdan l-Unjoni, jew parti sostanzjali minnu, jista’ jistabbilixxi mentalment rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, sa fejn huwa jista’ jiġi attirat mill-fatt li t-trade mark ikkontestata għandha prattikament l-istess prefiss u tirripproduċi l-istess struttura bħat-trade mark McDONALD’S u jassoċja l-imsemmija trade mark mal-familja tat-trade marks “Mc”.

(ara l-punti 31, 63, 64, 67, 85, 99, 101, 102, 104, 105 u 108)

4.      L-istabbiliment, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, ta’ rabta bejn it-trade marks għandu jiġi evalwat globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm l-eżistenza ta’ familja tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, fil-każ fejn it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ bosta trade marks preċedenti li jippreżentaw karatteristiċi komuni li jippermettu li jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-istess familja, l-istabbiliment, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u t-trade marks preċedenti jista’ jirriżulta mill-fatt li l-ewwel waħda għandha karatteristiċi li jistgħu jorbtuha mal-familja magħmula mit-tieni. Bosta trade marks għandhom karatteristiċi li jippermettulhom li jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-istess “familja” meta, b’mod partikolari, jirripproduċu kompletament l-istess element distintiv biż-żieda ta’ element, grafiku jew verbali, li jiddistingwihom minn xulxin, jew meta jkunu kkaratterizzati mir-repetizzjoni tal-istess prefiss jew suffiss estratt minn trade mark li tkun is-sors. Il-pubbliku kkonċernat ma jistax ikun mistenni, fl-assenza ta’ użu ta’ numru ta’ trade marks suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu familja, li jagħraf il-karatteristiċi komuni fl-imsemmija familja u li jistabbilixxi rabta bejn din il-familja u trade mark oħra li tinkludi l-elementi li joqorbu lejn l-imsemmija karatteristiċi. Għalhekk, sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jistabbilixxi rabta bejn trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u “familja” ta’ trade marks preċedenti, it-trade marks li huma inklużi f’din tal-aħħar għandhom ikunu preżenti fuq is-suq. Għalhekk hija r-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, li jitlob għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti, li jipprovdi l-prova tal-użu effettiv ta’ numru ta’ trade marks suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu “familja” ta’ trade marks u, għalhekk, li juri l-eżistenza ta’ din tal-aħħar sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-pubbliku kkonċernat jistabbilixxix rabta bejn it-trade mark li għaliha ntalbet dikjarazzjoni ta’ invalidità u t-trade marks preċedenti li jagħmlu parti mill-imsemmija “familja” jew anki biss bejn it-trade mark li għaliha ntalbet dikjarazzjoni ta’ invalidità u t-trade mark preċedenti li toriġina minn din l-istess “familja”.

(ara l-punti 42‑45)

5.      Sabiex tiġi eżaminata n-natura effettiva tal-użu tat-trade mark li jistgħu jikkostitwixxu familja ta’ trade marks, għandha titwettaq evalwazzjoni globali tal-provi ppreżentati, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu r-realtà tal-użu kummerċjali tat-trade mark, b’mod partikolari l-użi tagħha kkunsidrati bħala ġġustifikati fil-qasam ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti minn din it-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark. L-użu effettiv tat-trade marks ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi. Madankollu, jirriżulta mir-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, applikabbli mutatis mutandis fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità konformement mar-Regola 40(6) tal-imsemmi regolament, li l-provi dwar l-użu huma limitati, bħala prinċipju, għall-produzzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn bħall-imballaġġ, l-ittikkettjar, il-listi ta’ prezzijiet, il-katalgi, il-fatturi, ir-ritratti, ir-riklamar fuq il-gazzetti kif ukoll id-dikjarazzjonijiet bil-miktub magħmula taħt ġurament jew affermati, imsemmija fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 52‑54)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 88, 93, 95)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 94)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 96, 97)