Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Settembru 2011 - LTTE vs Il-Kunsill

(Kawża T-508/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE) (Herning, id-Danimarka) (rappreżentant: V. Koppe, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat-18 ta' Lulju 2011 1 sa fejn jikkonċerna lil LTTE u tistabbilixxi li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 2 ma huwiex applikabbli fir-rigward ta' LTTE;

sussidjarjament, tapplika miżura inqas restrittiva minn tqegħid kontinwu fuq il-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li fir-rigward tagħhom japplika r-Regolament (KE) Nru 2580/2001; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż bl-interessi.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv , li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE u/jew li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 huwa inapplikabbli minħabba nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-liġi dwar il-kunflitt armat;

It-tieni motiv , li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE peress li r-rikorrenti ma tistax tiġi kkwalifikata bħala organizzazzjoni terrorista kif iddefinit fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK;

It-tielet motiv, li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE peress li ma ttieħdet ebda deċiżjoni minn awtorità kompetenti kif meħtieġ mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK;

Ir-raba' motiv, li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE peress li l-Kunsill ma għamel ebda reviżjoni, kif meħtieġ mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK;

Il-ħames motiv, li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE peress li d-deċiżjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' proporzjonalità u ta' sussidjarjetà;

Is-sitt motiv, li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE peress li d-deċiżjoni ma tissodisfax l-obbligu ta' motivazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 296 TFUE;

Is-seba' motiv, li jallega

li r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 huwa bla effett sa fejn jikkonċerna lil LTTE peress li jikser id-dritt tad-difiża tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011, tat- 18 ta' Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU L 188, p. 2).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207).