Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2011 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-512/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida u I. Metaxas-Maragkidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummmissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment, skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-13 ta' Lulju 2011, fil-kawża ta' għajnuna mill-Istat SA.29064 (2011/C ex 2011/NN) - Irlanda - Trasport bl-Ajru - Eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru, sa fejn l-eżenzjoni ta' trasferiment u ta' tranżitu tal-passiġġieri mit-Taxxa Irlandiża fuq l-Ivvjaġġar bl-Ajru ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-rikorrenti; u

tadotta l-miżuri ulterjuri li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ikkommettiet żball manifest ta' evalwazzjoni u żball ta' liġi meta kkonkludiet li l-eżenzjoni ta' trasferiment u ta' tranżitu ta' passiġġieri mit-Taxxa Irlandiża dwar l-Ivvjaġġar bl-Ajru ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur mill-konvenuta tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 1, inkwantu naqset milli tibda l-proċedura prevista f'dawn id-disposizzjonijiet fir-rigward tal-għajnuna koperta mill-ewwel parti tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-eżistenza, ta' mill-anqas, dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-eżenzjoni ta' trasferiment u ta' tranżitu ta' passiġġieri mit-Taxxa Irlandiża dwar l-Ivvjaġġar bl-Ajru, u għalhekk kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur mill-konvenuta tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li tat motivi żbaljati, karatterizzati minn kontradizzjonijiet u ġeneralizzazzjoni abużiva.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339)