Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Markkinaoikeus (il-Finlandja) fit-12 ta’ Novembru 2020 – Kuluttaja-asiamies vs MiGame Oy

(Kawża C-594/20)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Markkinaoikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Kuluttaja-asiamies

Konvenut: MiGame Oy

Domandi preliminari

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil kummerċjant milli jipprovdi, minbarra linja tat-telefon li għaliha ma jitħallasx iktar mit-tariffa bażika, linja tat-telefon li l-konsumatur jista’ juża għal kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt konkluż preċedentement u li għall-użu tagħha jitħallas prezz li jeċċedi t-tariffa bażika, u, barra minn hekk, fil-każ li l-provvista ta’ linja tat-telefon li għaliha jitħallas prezz li jeċċedi t-tariffa bażika titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 21 f’ċerti ċirkustanzi, il-fatturi, pereżempju, jekk huwiex faċli li jinstab in-numru tat-telefon suġġett għat-tariffa bażika, jekk l-użu intenzjonat għan-numri tat-telefon huwa speċifikat b’ċarezza suffiċjenti u jekk hemmx differenzi sinjifikattivi fid-disponibbiltà jew fil-livell ta’ servizz lill-konsumatur, huma rilevanti għall-evalwazzjoni?

Il-kunċett ta’ tariffa bażika skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant jista’ jipprovdi, bħala linja tat-telefon intiża għas-servizz lill-konsumatur għal kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti konklużi preċedentement, biss linja tat-telefon ġeografika standard jew linja tat-telefonija mobbli jew linja mingħajr ħlas għall-konsumaturi, u, barra minn hekk, fil-każ li l-kummerċjant ikun permess li jipprovdi linja tat-telefon oħra, x’inhu l-ammont massimu li konsumatur jista’ jintalab li jħallas għall-użu ta’ dik il-linja tat-telefon jekk ikun ikkonkluda kuntratt tat-telefon bħala parti minn pakkett?

____________

1     ĠU 2011, L 304, p. 64.