Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Marzu 2013 - Zanjani vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-155/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Babak Zanjani (Dubai, L-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: L. Defalque u C. Malherbe, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punt I.I.1 (taħt it-titolu "Persuna") tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta' Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 71);

tannulla l-punt I.I.1 (taħt it-titolu "Persuna") tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 55);

tiddikjara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta' Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran inapplikabbli sa fejn l-Artikolu 19(1)(b) u (ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39) jiġi applikat għar-rikorrent, u tiddikjara li l-miżuri restrittivi previsti minnha ma jgħoddux għar-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kunsill adotta l-miżuri restrittivi kkontestati previsti fl-Artikolu 19(1)(b) u (ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK fin-nuqqas ta' bażi legali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kunsill ma osservax l-obbligu tiegħu ta' motivazzjoni. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u tas-soluzzjoni kkontestati hija vaga u ġenerali u ma tindikax ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-Kunsill qies li r-rikorrent kellu jkun suġġett għall-miżuri restrittivi kkontestati.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal smigħ xieraq u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent. Ir-rikorrent la ġie informat u lanqas innotifikat bil-provi prodotti kontrih u li jiġġustifikaw il-miżuri li jippreġudikawh. Il-Kunsill la ta lir-rikorrent aċċess għall-fajl tiegħu u lanqas ipprovdielu d-dokumenti mitluba (inkluża informazzjoni preċiża u personalizzata li tiġġustifika l-miżuri restrittivi kkontestati) u lanqas ma żvelalu l-eventwali provi prodotti kontrih. Il-Kunsill ċaħad li jisma' lir-rikorrent kif mitlub minn dan tal-aħħar b'mod espliċitu. Il-ksur imsemmi hawn fuq tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent - b'mod partikolari n-nuqqas ta' informazzjoni lir-rikorrent fir-rigward tal-provi prodotti kontrih - irriżulta fi ksur tad-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta adotta l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent. Ir-raġunijiet li fuqhom straħ il-Kunsill kontra r-rikorrent ma jikkostitwixxux motivazzjoni adegwata. Barra minn hekk, il-Kunsill ma pproduċa la l-provi u lanqas l-informazzjoni insostenn tal-motivi invokati sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi kkontestati, li huma bbażati fuq sempliċi allegazzjonijiet.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi kkontestati huma vvizzjati b'illegalità minħabba l-insuffiċjenza tal-evalwazzjoni tal-Kunsill qabel ma ġew adottati. Il-Kunsill ma wettaqx eżami ġenwin taċ-ċirkustanzi tal-każ, iżda sempliċement segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-UNSC [Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] u adotta l-proposti magħmula mill-Istati Membri.

____________