Language of document : ECLI:EU:C:2013:390

Kawża C‑45/12

Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS)

vs

Radia Hadj Ahmed

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula imressqa mill-Cour du travail de Bruxelles)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Għoti ta’ benefiċċji tal-familja lil ċittadin ta’ Stat terz li jkun jibbenefika minn dritt ta’ residenza fi Stat Membru — Regolament (KE) Nru 859/2003 — Direttiva 2004/38/KE — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2013

1.        Sigurtà soċjali — Ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant — Ċittadina ta’ Stat terz u t-tifla tagħha, li hija wkoll ċittadina ta’ Stat terz, li kisbet, f’inqas minn ħames snin ilu, permess ta’ residenza fi Stat Membru sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ħaddiem migrant, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, u missier il-wild tagħha, li huwa wkoll ċittadin ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor — Koabitazzjoni li fil-frattemp spiċċat, u ż-żewġ ulied jgħixu ma’ ommhom — Esklużjoni — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 1(f)(ii))

2.        Ċittadinanza tal-unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata — Ċittadina ta’ Stat terz u t-tifla tagħha, li hija wkoll ċittadina ta’ Stat terz, li kisbet, f’inqas minn ħames snin ilu, permess ta’ residenza fi Stat Membru sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ħaddiem migrant, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, u missier il-wild tagħha, li huwa wkoll ċittadin ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor — Koabitazzjoni li fil-frattemp spiċċat, u ż-żewġ ulied jgħixu ma’ ommhom — Kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza ta’ ħames snin għall-għoti tal-benefiċċji tal-familja garantiti — Ammissibbiltà

(Artikolu 18 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 13(2) u 14)

3.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 267 TFUE)

4.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja — Ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja ta’ wild ta’ ħaddiem migrant jew ta’ persuna li kienet ħaddiem migrant — Neċessità li l-wild ikun beda jagħmel użu mis-sistema edukattiva tal-Istat Membru ospitanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 12)


1.        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadina ta’ Stat terz jew it-tifla tagħha, li hija wkoll ċittadina ta’ Stat terz, ġaladarba dawn tal-aħħar ikunu fis-sitwazzjoni li ġejja:

-       din iċ-ċittadina ta’ Stat terz kisbet, f’inqas minn ħames snin ilu, permess ta’ residenza fi Stat Membru sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li minnu għandha wild ċittadin ta’ dan l-aħħar Stat Membru;

-       huwa biss dak iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li għandu l-istatus ta’ ħaddiem;

-       il-koabitazzjoni bejn l-imsemmija ċittadina ta’ Stat terz u l-imsemmi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fil-frattemp spiċċat; u

-       iż-żewġt itfal jgħixu flimkien mal-omm,

ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dak ir-regolament, sakemm din iċ-ċittadina ta’ stat terz jew it-tifla tagħha ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, bħala “membri tal-familja” taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew, jekk fin-negattiv, jekk huma jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prinċipalment dipendenti” fuq dan tal-aħħar.

(ara l-punt 34, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 13(2) u 14 tad-Direttiva 2004/38/KE, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, interpretat fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li permezz tagħhom dan tal-aħħar jimponi fuq ċittadina ta’ Stat terz, meta din tkun tinsab fis-sitwazzjoni li ġejja:

-       din iċ-ċittadina ta’ Stat terz kisbet, f’inqas minn ħames snin ilu, permess ta’ residenza fi Stat Membru sabiex tingħaqad, barra ż-żwieġ jew sħubija rreġistrata, ma’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li minnu għandha wild ċittadin ta’ dan l-aħħar Stat Membru;

-       huwa biss dak iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li għandu l-istatus ta’ ħaddiem;

-       il-koabitazzjoni bejn l-imsemmija ċittadina ta’ Stat terz u l-imsemmi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fil-frattemp spiċċat; u

-        iż-żewġt itfal jgħixu flimkien mal-omm,

kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza ta’ ħames snin għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja garantiti, filwaqt li ma jimponihiex fuq iċ-ċittadini proprji tiegħu.

Fil-fatt, il-Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru ma jibqax validu, skont dik id-dispożizzjoni u taħt ċerti kundizzjonijiet, limitatament fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ jew ta’ tmiem ta’ unjoni rreġistrata. Fin-nuqqas ta’ żwieġ jew ta’ sħubija rreġistrata, ċittadin ta’ Stat terz ma jistax jinvoka dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, u lanqas skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, li, fil-paragrafu 2 tiegħu, sempliċiment ifakkar il-ħtieġa għall-persuni kkonċernati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti, partikolarment, fl-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva sabiex tkun tista’ tibbenefika miż-żamma tad-dritt ta’ residenza. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li tagħmel riferiment għalih il-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha, ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni.

(ara l-punti 36-38, 54 u d-dispożittiv 2)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 42)

4.        Sabiex ċittadin ta’ Stat terz, bħala ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tal-wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien ħaddiem fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ tibbenefika mid-dritt ta’ residenza bbażat fuq Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità jeħtieġ li dan il-wild ikun beda jagħmel użu mis-sistema edukattiva tal-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punt 52)