Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Firenze (l-Italja) fis-26 ta’ Marzu 2024 – A.M. vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

(Kawża C-226/24, Barbavi 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte d’appello di Firenze

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A.M.

Konvenut: Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

Domandi preliminari

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim-qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv nazzjonali bħal dik inkluża fl-Artikolu 40 taċ-C.C.N.L. [contratto collettivo nazionale di lavoro] tas-6 ta’ Lulju 2006 relatat mal-ħaddiema ta’ operazzjonijiet agrikoli u florikulturali, kif interpretata mill-Corte di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) b’mod vinkolanti għall-qorti tar-rinviju, li fir-rigward tal-ħaddiema agrikoli b’kuntratt għal żmien determinat, tirrikonoxxi d-dritt għal ħlas tas-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma fil-ġurnata, b’oppożizzjoni għall-Artikolu 30 taċ-C.C.N.L. li, għall-ħaddiema agrikoli b’kuntratt għal żmien indeterminat, jirrikonoxxi d-dritt għal remunerazzjoni billi jibbaża fuq ġurnata ta’ xogħol ta’ 6 sigħat u nofs?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, il-klawżola 4(1) tal-ftehim-qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li anki d-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ sigurtà soċjali dovuti għall-ħaddiema agrikoli b’kuntratt għal żmien determinat skont sistema professjonali ta’ sigurtà soċjali taqa’ wkoll taħt il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, b’mod li dan l-ammont għandu jiġi determinat skont l-istess kriterju bħal dak previst għall-ħaddiema agrikoli b’kuntratt għal żmien indeterminat u għalhekk skont it-tul ta’ kuljum ta’ xogħol stabbilit mill-ftehim kollettiv u mhux mis-sigħat ta’ xogħol effettivament maħduma?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.