Language of document : ECLI:EU:F:2011:2

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Dikastirio Diethnous Prostasias (Ċipru) fit-23 ta’ April 2024 – B.F. vs Kypriaki Dimokratia

(Kawża C-283/24, Barouk) 1

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Dioikitiko Dikastirio Diethnous Prostasias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: B.F.

Konvenut: Kypriaki Dimokratia

Domandi preliminari

L-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 1 , interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u flimkien mal-obbligu ta’ stima individwali msemmi fl-Artikolu 4(3)(c) u mal-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 2 u mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali espliċita li tipprevedi s-setgħa tal-qorti nazzjonali, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li tissuġġetta lill-applikant għal żjarat mediċi, tali qorti tista’ tislet id-dritt li toħroġ ordni biex l-applikant jiġi ssuġġettat għal żjarat mediċi direttament mill-imsemmija dispożizzjoni fil-mument li jitqies li huwa neċessarju għal eżami sħiħ ex nunc ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

L-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u flimkien mal-obbligu ta’ stima individwali msemmi fl-Artikolu 4(3)(c) u l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95 u mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali espliċita li tipprevedi s-setgħa tal-qorti nazzjonali, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li tissuġġetta lill-applikant għal żjarat mediċi, u, b’estensjoni, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita dwar mekkaniżmu ta’ rinviju rigward iż-żjarat mediċi li l-qorti nazzjonali tista’ tislet direttament mill-istess artikolu, tali qorti jkollha s-setgħa li tadixxi lill-awtorità ta’ verifika (li f’kull mument hija parti fil-proċedimenti quddiemha) sabiex din tkun tista’, b’analoġija, tagħti bidu għall-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/32 b’tali mod li tipprovdi lill-qorti nazzjonali r-riżultat taż-żjara medika tal-applikant?

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-modalitajiet ta’ twettiq ta’ eżami sħiħ u ex nunc ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jitħallew għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u flimkien mal-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95 u mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali espliċita li tipprevedi s-setgħa tal-qorti nazzjonali li tissuġġetta lill-applikant għal żjarat mediċi u, b’estensjoni, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita dwar mekkaniżmu ta’ rinviju rigward iż-żjarat mediċi għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali, tali qorti jkollha s-setgħa li tadixxi lill-awtorità ta’ verifika (li f’kull mument hija parti fil-proċedimenti quddiemha) sabiex din tkun tista’, b’analoġija, tagħti bidu għall-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/32 billi tipprovdi lill-qorti nazzjonali r-riżultat taż-żjara medika tal-applikant meta dan tal-aħħar iqis li l-miżuri nazzjonali ma jissodisfawx il-prinċipju ta’ effikaċja?

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każijiet fejn jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ mekkaniżmi adegwati għat-twettiq tal-eżami individwali sħiħ u ex nunc previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-garanziji previsti minn tali artikoli jiġu ssodisfatti fil-każijiet fejn il-qorti nazzjonali tkun kompetenti biex tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2013, L 180, p. 60.

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.