Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja

(Kawża C-577/23)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Keidel u K. Toomus)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Estonja

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 1 jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 600 għal kull jum bejn il-5 ta’ Frar 2021 u l-jum li fih jieqaf in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa ta’ dan l-Istat Membru jew, fil-każ li n-nuqqas jippersisti, sal-jum li fih tingħata s-sentenza f’din il-kawża, somma li fi kwalunkwe każ ma għandhiex tkun inqas minn EUR 168 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika tal-Estonja msemmi fl-ewwel inċiż jippersisti sal-jum li fih tingħata s-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lil dan l-Istat Membru jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 5 220 għal kull jum bejn id-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża u l-jum li fih ir-Repubblika tal-Estonja twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva (UE) 2019/1;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 tistabbilixxi rekwiżiti minimi li abbażi tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom garanziji ta’ indipendenza, riżorsi u setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni li jkunu, fil-parti l-kbira tagħhom, komparabbli ma’ dawk tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 u li huma meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, b’tali mod li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx is-suġġett ta’ distorsjoni u b’tali mod li l-konsumaturi u l-impriżi ma jkunux żvantaġġati minn liġijiet u miżuri nazzjonali li jimpedixxu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli japplikaw ir-regoli b’mod effettiv. L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1 jipprevedi li din id-direttiva għandha tiġi implimentata sal-4 ta’ Frar 2021 u li l-Istati Membri għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha.

Ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq dan l-obbligu. Għaldaqstant, fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Estonja. Din tal-aħħar wieġbet għaliha b’ittri tal-15 ta’ Ġunju u tat-12 ta’ Diċembru 2021, fejn spjegat li d-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1 kien dovut għall-fatt li tali implimentazzjoni kienet teħtieġ riforma sħiħa tad-dritt proċedurali attwalment fis-seħħ fl-Estonja kif ukoll it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet li jimponu sanzjoni fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn impriżi. Fid-29 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Estonja, li għaliha din tal-aħħar wieġbet b’ittra tad-29 ta’ Novembru 2022 li fiha ammettiet li naqset milli timplimenta d-Direttiva (UE) 2019/1 fit-termini previsti u tenniet ir-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq li kienu wasslu għad-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, filwaqt li għamlet riferiment għall-ħtieġa ta’ riforma fundamentali fid-dritt proċedurali Estonjan.

Id-Direttiva (UE) 2019/1 kienet adottata abbażi tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b’tali mod li l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2019/1/UE, li tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva sal-4 ta’ Frar 20221 u li tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet immedjatament lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huma ssodisfatti.

Il-Kummissjoni għalhekk titlob li r-Repubblika tal-Estonja tiġi kkundannata tħallas somma f’daqqa u pagamenti ta’ penalità fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE u li tali sanzjonijiet jiġu ddeterminati konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur 1 .

____________

1     Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3).

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

1     ĠU 2023, C 2, p. 1.