Language of document : ECLI:EU:T:2022:295

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Mejju 2022 (*)

“Miżuri ta’ salvagwardja – Suq ta’ prodotti tal-azzar – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dmir ta’ diliġenza – Theddida ta’ dannu serju – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja – Kompetenza tal-Kummissjoni – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑245/19,

Uzina Metalurgica Moldoveneasca OAO, stabbilita f’Rîbniţa (il‑Moldova), irrappreżentata minn P. Vander Schueren u E. Gergondet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger (Relatur) u O. Porchia, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ April 2019,

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Ġunju 2019,

–        l-osservazzjonijiet fuq din l-eċċezzjoni ppreżentati mir-rikorrenti fl‑20 ta’ Awwissu 2019,

–        id-digriet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu tat‑13 ta’ Frar 2020,

wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Uzina Metalurgica Moldoveneasca OAO, titlob l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal‑31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja definittivi kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU 2019, L 31, p. 27, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn dan japplika għaliha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti, stabbilita fir-Reġjun ta’ Transnistria fil-Moldova, hija produttriċi ta’ żewġ kategoriji ta’ prodotti tal-azzar li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ salvagwardja imposti skont ir-Regolament ikkontestat: il-kategorija ta’ prodotti Nru 13 (Vireg tar-rinforz) u l-kategorija ta’ prodotti Nru 16 (Virga tal-Wajer Mhux Illigati u Oħrajn Illigati).

3        Fit‑28 ta’ April 2016, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/670 li tintroduċi s-sorveljanza minn qabel tal-Unjoni għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU 2016, L 115, p. 37).

4        Fit‑23 ta’ Marzu 2018, l-Istati Uniti tal-Amerika stabbilixxew dazji fuq l-importazzjoni taħt it-Taqsima 232 tat-Trade Expansion Act (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tal-Kummerċ) (iktar ’il quddiem it-“Taqsima 232”).

5        Fis‑26 ta’ Marzu 2018, fid-dawl tal-istatistika miġbura wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ta’ salvagwardja sabiex teżamina s-sitwazzjoni ta’ diversi kategoriji ta’ prodotti tal-azzar.

6        Sa fejn l-analiżi tagħha tad-data wasslitha sabiex tikkonkludi b’mod provviżorju li l-industrija tal-azzar tal-Unjoni kienet mhedda b’dannu serju fir-rigward ta’ 23 mis‑26-il kategorija ta’ prodotti li għalihom żieda fl-importazzjonijiet ġiet stabbilita wara l-investigazzjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1013 tas‑17 ta’ Lulju 2018 li jimponi miżuri proviżorji ta’ salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU 2018, L 181, p. 39, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

7        Fil‑31 ta’ Jannar 2019, peress li qieset li l-industrija tal-azzar tal-Unjoni kienet mhedda b’dannu serju li jikkonċerna 26 kategorija ta’ prodotti tal-azzar, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat, li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja definittivi għal perijodu ta’ tliet snin fil-forma ta’ kwoti tariffarji speċifiċi skont il-kategorija li l-limitu kwantitattiv tagħhom ġie ffissat għall-volum medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perijodu 2015–2017, miżjud b’5 % sabiex jiġi ggarantit li l-flussi kummerċjali normali jinżammu u li l-industrija utenti u importatriċi eżistenti fl-Unjoni tirċievi appoġġ suffiċjenti.

8        Kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kien hemm fil-kuntest tal-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji, ir-Regolament ikkontestat stabbilixxa kwoti speċifiċi għal kull pajjiż għall-pajjiżi li għandhom interess sinjifikattiv bħala fornituri (jiġifieri l-pajjiżi b’sehem ta’ iktar minn 5 % tal-importazzjonijiet għall-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni). Kwota tat-tariffa “residwali” ġiet stabbilita wkoll għall-pajjiżi esportaturi l-oħra lejn it-territorju tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset ukoll li, meta pajjiż fornitur ikun eżawrixxa l-kwota tariffarja speċifika tiegħu, huwa għandu jiġi awtorizzat ikollu aċċess għall-kwota tariffarja residwali sabiex jiżgura ż-żamma tal-flussi kummerċjali abitwali, iżda wkoll sabiex jiġi evitat li, jekk ikun il-każ, ċerti partijiet tal-kwota tariffarja residwi jibqgħu mhux użati.

9        B’hekk, peress li l-pajjiżi esportaturi għandhom interess sinjifikattiv bħala fornituri — bħall-Moldova f’dak li jikkonċerna l-kategoriji ta’ prodotti Nru 13 u Nru 16 — għandhom, bħala prinċipju, il-possibbiltà li joperaw fil-kuntest ta’ żewġ sistemi distinti. Fl-ewwel stadju, huma jistgħu jkomplu l-iskambji tagħhom taħt il-volum kwantitattiv speċifiku għal kull pajjiż, iddefinit fir-rigward tal-flussi kummerċjali abitwali tagħhom bejn l‑2015 u l‑2017, miżjuda b’5 %, u, it-tieni, ladarba jintlaħaq dan il-limitu kwantitattiv speċifiku għal kull pajjiż, huma jistgħu jkomplu jesportaw lejn l-Unjoni bil-kundizzjoni li ma jaqbżux il-limitu tal-kwota residwali erga omnes. Huwa biss jekk iż-żewġ limiti jintlaħqu li d-dazju barra mill-kwota ta’ 25 % jibda japplika għal tali importazzjonijiet.

10      Skont il-Kummissjoni, minn naħa, il-miżuri meħuda f’dan il-każ huma intiżi sabiex jippermettu lill-flussi kummerċjali abitwali li jevitaw protezzjoni supplimentari sabiex l-offerta u l-kompetizzjoni jkunu suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-livelli tal-kwoti tariffarji huma stabbiliti b’mod li jipprekludu kull devjazzjoni tal-flussi kummerċjali, fil-kuntest tal-miżuri adottati taħt it-Taqsima 232, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni. B’hekk, bħala prinċipju, id-dritt barra l-kwota japplika biss jekk devjazzjoni tal-flussi kummerċjali dovuta għall-miżuri adottati mill-Istati Uniti tal-Amerika tipprovoka s-silta minn sitwazzjoni ta’ theddida ta’ dannu serju għal sitwazzjoni ta’ dannu serju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-kwoti tariffarji speċifiċi għall-pajjiżi indikati fl-Anness IV.1 tar-Regolament ikkontestat ġew stabbiliti b’mod li jnaqqsu għall-minimu l-effett tal-miżuri ta’ salvagwardja fuq il-flussi kummerċjali normali li ġejjin, b’mod partikolari, mill-Moldova.

11      Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat fit‑2 ta’ Frar 2019 sat‑30 ta’ Ġunju 2021, il-miżuri kellhom jiġu regolarment irreveduti u lliberalizzati progressivament, f’intervalli regolari, sabiex jiżdiedu ftit ftit il-livelli kwantitattivi sabiex l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tadatta ruħha.

 Ittalbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-Regolament ikkontestat, sa fejn japplika għaliha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

14      Permezz ta’ att separat, il-Kummissjoni kkontestat in-natura ammissibbli tar-rikors minħabba l-fatt li r-rikorrenti la tissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-interess ġuridiku u lanqas dawk dwar il-locus standi.

 Fuq ilpreżentata wara liskadenza tatterminu taleċċezzjoni ta’ inammissibbiltà millKummissjoni

15      Preliminarjament, ir-rikorrenti tqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda sa fejn din ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura.

16      Ir-rikorrenti tqis li, sabiex tosserva t-terminu applikabbli għall-preżentata ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni kellha tressaq it-talba tagħha sa mhux iktar tard mill‑25 ta’ Ġunju 2019. Madankollu, hija tirrileva li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet ippreżentata fis‑26 ta’ Ġunju 2019.

17      L-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli li jirregolaw il-kalkolu tat-termini applikabbli għal din il-proċedura.

18      Fil-fatt, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà ta’ rikors għandha titressaq fit-terminu previst fl-Artikolu 81 tal-istess regoli, jiġifieri fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors.

19      Barra minn hekk, l-Artikolu 58(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li terminu espress f’xhur għandu jispiċċa mal-iskadenza ta’ dak il-jum li, fl-aħħar xahar, iġib l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

20      F’dan il-każ, in-notifika tar-rikors ġiet irċevuta mill-Kummissjoni fis‑16 ta’ April 2019, kif jirriżulta mill-proċess. Għalhekk, skont l-Artikolu 58(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 81 tal-istess regolament kien jiddekorri sas‑16 ta’ Ġunju 2019. Dan it-terminu, miżjud b’għaxart ijiem mit-terminu għal raġuni ta’ distanza skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, kien jiskadi fis‑26 ta’ Ġunju 2019.

21      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Ġunju 2019, ma hijiex tardiva.

 Fuq linteress ġuridiku

22      L-ewwel, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti minħabba li din tal-aħħar ma teżerċitax l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat.

23      Il-Kummissjoni tafferma li r-Regolament ikkontestat ma jipproduċi ebda effett vinkolanti fil-Moldova għall-operazzjonijiet jew għall-attivitajiet ta’ kuljum tar-rikorrenti. Fil-fatt, hija tqis li, peress li r-rikorrenti hija biss produttriċi stabbilita barra mit-territorju tal-Unjoni, l-attivitajiet tagħha ma humiex koperti mir-Regolament ikkontestat li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għat-territorju tal-Unjoni Doganali.

24      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

25      F’dan ir-rigward, sabiex jiġi miċħud dan l-argument, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li mid-dokumenti pprovduti matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura kien jirriżulta li l-attivitajiet tar-rikorrenti kienu jinkludu dawk ta’ esportatriċi ta’ ċerti kategoriji tal-prodotti kkonċernati lejn l-Unjoni.

26      It-tieni, il-Kummissjoni tqis li, jekk ir-rikorrenti tirbaħ il-kawża, hija ma tistax tikseb benefiċċju personali, sa fejn l-annullament tar-Regolament ikkontestat ma jistax iwassal għall-eliminazzjoni tad-dannu li hija tinvoka. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ interess eżistenti u attwali fir-rigward tar-rikorrenti, sa fejn ir-Regolament ikkontestat ma jipprekludix l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-Moldova lejn l-Unjoni.

27      Insostenn tal-argument tagħha, l-ewwel, minn naħa, il-Kummissjoni tfakkar il-fatt li huwa biss meta l-kwota tariffarja għal kull pajjiż u l-kwota residwa jiġu eżawriti t-tnejn li japplika d-dazju barra mill-kwota ta’ 25 %. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, il-komponent kwantitattiv tal-kwoti stabbiliti mir-Regolament ikkontestat għall-kategoriji ta’ prodotti Nru 13 u Nru 16, sa fejn dan kien jikkonċerna l-Moldova, ma kienx eżawrit. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tista’ tislet ebda benefiċċju mill-annullament tar-Regolament ikkontestat, peress li dan għadu ma pproduċiex effetti legali fir-rigward tagħha.

28      Sussegwentement, il-Kummissjoni żżid li l-fatt, għar-rikorrenti, li tinvoka, sabiex turi interess ġuridiku, is-sempliċi possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ dazju barra mill-kwoti jikkostitwixxi argument spekulattiv. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, minħabba r-reviżjonijiet tal-limiti kwantitattivi previsti fir-Regolament ikkontestat, iċ-ċertezza li tali possibbiltà titwettaq saħansitra hija nieqsa, filwaqt li hija kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza jekk l-interess li jinvoka rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura.

29      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-ġurisprudenza rilevanti twassal għall-konklużjoni li konsegwenza legali personali li tirriżulta mir-Regolament ikkontestat tista’ tiġi kkonstatata biss għall-entitajiet li huma suġġetti għal miżuri ta’ implimentazzjoni li jimplimentaw ir-Regolament ikkontestat, jiġifieri importatur tal-prodott inkwistjoni stabbilit fl-Unjoni li tiġi ppreżentata lilu l-fattura doganali li tapplika d-dazju barra mill-kwota ta’ 25 % mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, ma hijiex ir-rikorrenti li għandha tħallas id-dazju barra mill-kwoti waqt l-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat.

30      Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li, jekk ir-rikorrenti tirbaħ il-kawża, dan ma jistax jirriżulta f’vantaġġ li jikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-konsegwenzi legali tar-Regolament ikkontestat li jirriżultaw mill-eżawriment tal-limitu kwantitattiv stabbilit minn dan l-att.

31      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi r-rekwiżit essenzjali u ewlieni ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja. Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali, li l-azzjoni hija għalhekk adatta, permezz tar-riżultat tagħha, sabiex tagħti benefiċċju lill-parti li tkun bdietha u li din tiġġustifika interess reali u attwali fl-annullament tal-imsemmi att (ara sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest‑C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni, T‑499/12, EU:T:2015:840, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li s-sistema legali applikabbli għall-attività ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-prodotti tar-rikorrenti hija inqas favorevoli minn dik li kienet tapplika għaliha qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

34      B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-valur probatorju taċ-ċifri ppreżentati mill-partijiet fil-kawża dwar l-eżawriment tal-kwoti, għandu jiġi rrikonoxxut li l-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat permezz ta’ deċiżjoni favorevoli għar-rikorrenti jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u jkun kapaċi, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lir-rikorrenti li, għaldaqstant, għandha interess ġuridiku.

 Fuq il-locus standi

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li ma hijiex destinatarja tiegħu. Minn naħa, tali appell jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta appell kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (ara sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il‑Kummissjoni, C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑894/16, EU:T:2019:508, punt 24).

36      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, sa fejn, peress li hija l-unika produttriċi-esportatriċi ta’ Moldova, hija naturalment tifforma parti mill-grupp ristrett tan-negozjanti li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat ir-Regolament ikkontestat.

37      Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti la hija kkonċernata direttament u lanqas individwalment mir-Regolament ikkontestat u li, konsegwentement, għandu jiġi konkluż li hija ma tistax tippreżenta rikors intiż għall-annullament ta’ dan ir-regolament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–       Inċidenza diretta

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, direttament tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji li għandhom jimplimentawha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet relatati mal-interess dirett.

40      Fl-ewwel lok, sabiex tistabbilixxi l-assenza tal-effett tar-Regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq erba’ argumenti: l-ewwel, sa fejn u sakemm il-komponent tal-kwota tar-Regolament ikkontestat ikun eżawrit u jiġi impost id-dritt iktar mill-kwota, ebda effett legali ma jista’ jirriżulta minn dan ir-regolament. It-tieni, anki jekk tali effett legali jirriżulta mis-sempliċi eżistenza ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrenti ma tkunx affettwata legalment, peress li dan l-att ma jipproduċi ebda effett ġuridiku fil-Moldova, iżda jipproduċi dan fl-Unjoni biss. It-tielet, l-effetti legali li jirriżultaw mir-Regolament ikkontestat jistgħu jirriżultaw biss minn implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u għalhekk iseħħu biss fil-livell tal-importatur informat bil-livell tad-dejn doganali. Ir-raba’ u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma esportatx effettivament il-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati matul l-investigazzjoni, iżda sempliċement aġixxiet bħala produttriċi ta’ dawn il-prodotti, u dan jeskludi kull interess ġuridiku dirett.

41      Fit-tieni lok, sabiex turi l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li huwa irrilevanti jekk l-imsemmija miżuri għandhomx jew le natura awtomatika u, min-naħa l-oħra, li, fil-qasam tal-applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għandha importanza partikolari, peress li dawn il-miżuri huma l-uniċi li jimmaterjalizzaw l-effetti tar-Regolament ikkontestat. Hija żżid li l-persuna fiżika jew ġuridika tista’, għaldaqstant, tikkontesta l-miżura quddiem il-qrati nazzjonali.

42      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

43      Qabelxejn, kull argument tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ interess dirett minħabba n-natura esklużiva ta’ produttriċi tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 25 iktar ’il fuq.

44      Sussegwentement, ir-Regolament ikkontestat joħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Huwa jiddetermina, fil-fatt, il-kuntest ġuridiku u l-kundizzjonijiet li fihom ir-rikorrenti għandha l-fakultà li tesporta lejn l-Unjoni, f’termini ta’ volum bħala prezz, il-prodotti tagħha li issa huma suġġetti għal sistema ta’ kwota u mhux għal rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, li la timponi allokazzjoni ta’ kwantitajiet u lanqas awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. F’tali sistema ta’ kwota, il-fakultà tar-rikorrenti li tuża l-kwota b’dazju żero tiddependi mill-allokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwantitajiet fuq din il-kwota lill-prodotti tagħha.

45      Fl-aħħar, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rekwiżit ta’ att li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni ma għandux jiġi konfuż mal-kundizzjoni marbuta mal-inċidenza diretta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2013, Forgital Italy vs Il‑Kunsill, T‑438/10, mhux ippubblikat, EU:T:2013:648, punt 54) u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest tal-analiżi tal-inċidenza diretta, is-sempliċi eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi din l-inċidenza, peress li l-kriterju legali rilevanti huwa dak tal-ineżistenza ta’ kull setgħa diskrezzjonali mogħtija lid-destinatarji tal-att inkwistjoni, li huma inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il‑Kummissjoni, T‑507/13, EU:T:2015:23, punt 40).

46      Fil-każ ineżami, ir-Regolament ikkontestat ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Changmao Biochemical Engineering vs Distillerie Bonollo et, C‑461/18 P, EU:C:2020:979, punt 59, u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 28 (mhux ippubblikat)), peress li l-awtoritajiet kompetenti huma marbuta japplikaw dritt addizzjonali bir-rata ta’ 25 % ġaladarba l-kwoti tariffarji jkunu ġew eżawriti (ara Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifika fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), kif ukoll tal-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament ikkontestat).

47      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat.

–       Inċidenza individwali

48      Peress li l-kundizzjonijiet tal-interess dirett u individwali huma kumulattivi (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 76), ir-rikorrenti għandha wkoll titqies li hija individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat sabiex ir-rikors tagħha jkun ammissibbli.

49      Il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet dwar l-interess individwali.

50      L-ewwel, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li r-Regolament ikkontestat huwa att ta’ portata ġenerali li jeżiġi li miżuri ta’ implimentazzjoni (adottati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri) jidħlu fis-seħħ u li jikkonċerna numru kważi infinit ta’ persuni (erga omnes) u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament ikkontestat jikkonċerna bl-istess mod lil kull persuna ta’ Moldova u kull persuna tal-Unjoni li tixtieq tesporta jew timporta l-prodott ikkonċernat minn jew mill-Moldova. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat issir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettivament determinata li ma għandhiex karatteristiċi li jippermettu kwalunkwe individwalizzazzjoni.

51      It-tieni, il-Kummissjoni tafferma li r-Regolament ikkontestat ma huwiex ta’ natura ibrida, fis-sens li jinkludi deċiżjonijiet individwali li jippersonalizzaw lir-rikorrenti u b’hekk joħolqu “klassi”. Il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm din in-natura ġiet irrikonoxxuta fil-każ tar-regolamenti antidumping u antisussidji, dan ir-rikonoxximent huwa bbażat fuq karatteristiċi partikolari ta’ dawn ir-regolamenti (jiġifieri l-istabbiliment individwali u personali tar-rata tad-dazju antidumping jew kumpensatorju għal kull negozjant jew produttur-esportatur abbażi biss tad-data individwali tiegħu), li ma jinsabux fir-regolamenti li jimponu miżuri ta’ salvagwardja, li l-għan tagħhom huwa li jipproteġu s-suq tal-azzar tal-Unjoni kontra żieda f’daqqa fl-importazzjonijiet.

52      It-tielet, il-Kummissjoni tqis li r-Regolament ikkontestat fl-ebda każ ma “jagħżel” klassi, u li tali klassi lanqas ma hija “magħżula” mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jimplimentaw l-imsemmi regolament. Hija tippreċiża li l-fatt li ċerti kategoriji ta’ prodotti tal-azzar li joriġinaw minn ċertu numru ta’ pajjiżi huma msemmija fir-Regolament ikkontestat ma jikkostitwixxi xejn iktar mit-twaqqif, b’mod oġġettivament iddefinit, tal-kundizzjonijiet leġiżlattivi għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk dan ir-regolament jiddeterminax jew le, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-operaturi ekonomiċi li għalihom tapplika l-miżura ma tbiddilx il-forma ta’ din tal-aħħar, li tibqa’ att ta’ portata ġenerali u fl-ebda każ ma tindividwalizza din il-“klassi”. Fil-fatt, kull persuna lesta u kapaċi li tesporta l-prodott ikkonċernat mill-Moldova tista’ f’kull mument tingħaqad mal-“klassi” tal-esportaturi u tan-negozjanti tal-kategoriji ta’ prodotti Nru 13 u Nru 16 u tista’ wkoll tagħmel dan min-naħa tal-importaturi tal-Unjoni.

53      Il-Kummissjoni tqis li din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li huwa impossibbli li dan l-att jiġi annullat parzjalment fir-rigward ta’ persuna jew kategorija individwalizzata ta’ persuni, sa fejn il-miżura ta’ protezzjoni hija applikabbli fuq il-bażi ta’ importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kollha, u mhux ta’ ċerti impriżi jew ta’ pajjiżi speċifiċi.

54      Ir-raba’, skont il-Kummissjoni, anki jekk kien hemm tip ta’ “klassi” speċifika għall-Moldova, xejn ma jindika li r-rikorrenti tirrappreżenta l-interessi tal-imsemmija “klassi” kollha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkontesta mhux biss il-fatt li r-rikorrenti hija produttri-esportatriċi, iżda wkoll il-fatt li, kif tafferma din tal-aħħar, ir-referenzi kollha għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Moldova fir-Regolament ikkontestat huma de facto riferimenti għaliha.

55      Il-ħames, il-Kummissjoni tqis li hija applikabbli għall-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja l-ġurisprudenza li tgħid li s-sempliċi parteċipazzjoni fi proċedura mmexxija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tfissirx li l-persuna parteċipanti hija kkonċernata mill-att stabbilit ladarba tintemm il-proċedura. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni, anki “attiva”, tar-rikorrenti fl-investigazzjoni ma twassalx għall-individwalizzazzjoni tagħha mir-Regolament ikkontestat. L-individwalizzazzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat isseħħ biss bl-adozzjoni tal-miżura nazzjonali ta’ eżekuzzjoni mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u b’hekk tippermettilu jikkontesta l-miżura kkonċernata quddiem il-qrati tal-imsemmija Stati Membri.

56      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

57      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jawtorizza lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi jippreżentaw rikors kontra att ta’ portata ġenerali, bħal regolament, biss meta, minbarra li jikkonċerna direttament lil dawn il-persuni, jaffettwahom ukoll minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u minħabba dan il-fatt tindividwalizzahom bl-istess mod bħal dak ta’ destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 36, u tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen, C‑142/00 P, EU:C:2003:217, punt 65). Fi kliem ieħor, il-ksur allegat mir-rikorrenti għandu jkun ta’ natura li jindividwalizzaha bl-istess mod bħad-destinatarju tal-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ Mejju 2019, Carvalho et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑330/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:324, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq in-natura ta’ regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja.

59      Fil-fatt, qabelxejn, il-fatt li r-Regolament ikkontestat, min-natura tiegħu, għandu effett erga omnes, ma jeskludix il-possibbiltà għal tali att li jinkludi miżuri li japplikaw individwalment għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ April 2003, VVG International et vs Il‑Kummissjoni, T‑155/02, EU:T:2003:125, punti 40 sa 42). Għaldaqstant, minkejja li l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat issir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettivament determinata, ir-rikorrenti tista’, madankollu, tinvoka elementi ta’ natura li jindividwalizzawha bl-istess mod bħad-destinatarju tal-att.

60      Sussegwentement, il-fatt li, fir-rigward ta’ regolament li jistabbilixxi miżuri ta’ salvagwardja, l-element li ppermetta li tiġi rrikonoxxuta n-natura ibrida tar-regolamenti antidumping u antisussidji, jiġifieri l-użu ta’ ċifri ta’ operaturi, li huma individwalizzati f’dan il-każ, huwa nieqes, ma jippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ kwalitajiet partikolari għar-rikorrenti jew ta’ sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u tindividwalizzaha bl-istess mod bħad-destinatarju tal-att.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-parteċipazzjoni f’investigazzjoni ma tfissirx li l-impriża parteċipanti hija kkonċernata individwalment mill-att. Fil-fatt, filwaqt li s-sempliċi parteċipazzjoni ma hijiex suffiċjenti fiha nnifisha, ma hijiex madankollu irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-inċidenza individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il‑Kunsill, T‑161/94, EU:T:1996:101, punti 47 u 48). F’dan il-każ u kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet l-unika produttriċi fil-Moldova li tikkoopera fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

62      Fl-aħħar, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni (ara l-punt 55 in fine iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li l-interess individwali tar-rikorrenti għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq u li din ma tagħmilx riferiment għall-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. Konsegwentement, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet huma ineffettivi.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-analiżi taċ-ċifri, mill-Kummissjoni, li wasslitha sabiex tqis li r-rikorrenti ma kinitx l-unika esportatriċi tal-prodott ikkonċernat fil-Moldova, minn-naħa, għandu jiġi rrilevat li, mingħajr ma kienet ikkontestata speċifikament fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tenfasizza n-natura marġinali tal-importazzjonijiet mill-Moldova li jaqgħu taħt kategoriji oħra ta’ prodotti tal-azzar għajr il-kategoriji Nru 13 u Nru 16. Għalhekk, għalkemm il-fatt li tkun l-ikbar produtturiċi-esportatriċi ta’ prodotti suġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja ma huwiex fih innifsu, ta’ natura li jindividwalizza lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑47/00, EU:T:2002:7, punt 39), ma huwiex irrilevanti, sa fejn huwa jagħmel parti mill-elementi li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza lir-rikorrenti, fid-dawl tal-miżura inkwistjoni, meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 17).

64      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-analiżi taċ-ċifri li jwassluha sabiex tqis li r-rikorrenti ma hijiex l-unika esportatriċi tal-kategoriji ta’ prodotti Nru 13 u Nru 16 fil-Moldova, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tesprimi ruħha, waqt is-seduta, kemm fuq id-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u intiżi li jagħtu prova tal-kuntrarju kif ukoll fuq l-ispjegazzjonijiet dwar l-allegati inkoerenzi li hija kienet irrivelat. Għalkemm il-Kummissjoni setgħet tesprimi riżervi fir-rigward tal-veraċità ta’ din l-informazzjoni, hija madankollu rrikonoxxiet li ma vverifikathiex iktar qabel. Minn dan għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova li tmur kontra l-provi prodotti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

65      Fit-tielet lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet, esposti fil-punt 64 iktar ’il fuq, dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impossibbiltà li r-Regolament ikkontestat jiġi annullat parzjalment, sa fejn tali annullament parzjali huwa possibbli peress li jikkonċerna l-kwoti speċifikament stabbiliti għall-kategoriji ta’ prodotti Nru 13 u Nru 16 provenjenti mill-Moldova.

66      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ klassi magħluqa minħabba l-fatt li kull importatur attwali jew potenzjali, stabbilit fit-territorju tal-Unjoni, ta’ prodotti li joriġinaw mill-Moldova u li jaqgħu taħt il-kategoriji previsti mill-miżuri ta’ protezzjoni huwa wkoll ikkonċernat mill-att ikkontestat, jeħtieġ li tiġi identifikata s-serje ta’ elementi li jistgħu jikkaratterizzaw individwalizzazzjoni tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il‑Kunsill, C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 17).

67      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li r-Regolament ikkontestat jipprovdi kwota speċifika għaż-żewġ kategoriji ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-attività ekonomika tar-rikorrenti, it-tieni, li r-Regolament ikkontestat jistabbilixxi dawn il-kwoti għal kull pajjiż u, iktar speċifikament, jalloka tali kwoti lill-Moldova (ara Anness IV tar-Regolament ikkontestat), it-tielet, li, mingħajr ma kien validament kontradett mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti pproduċiet provi dokumentali u ċifri (flimkien ma’ ġustifikazzjonijiet dar l-oġġezzjonijiet relatati mal-affidabbiltà u l-koerenza ta’ din l-informazzjoni) intiżi li juru li hija l-unika produttriċi-esportatriċi ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji Nru 13 u Nru 16 fil-Moldova, ir-raba’, li r-rikorrenti pparteċipat attivament fl-investigazzjoni ta’ salvagwardja u, il-ħames, li l-informazzjoni użata mir-Regolament ikkontestat li jikkonċerna lill-Moldova, minkejja li ġejja mill-Eurostat, hija l-istess bħall-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti sa fejn l-istatus tagħha bħala produttriċi-esportatriċi unika ta’ prodotti li jaqgħu fil-kategoriji Nru 13 u Nru 16 f’dan il-pajjiż ma ġietx validament ikkonfutata.

68      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tista’ titqies bħala, l-ewwel, li tagħmel parti minn ċirku magħluq, it-tieni, identifikabbli fir-Regolament ikkontestat, it-tielet, li pparteċipat fl-investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti miżuri ta’ salvagwardja u, ir-raba’, li hija l-uniku operatur li d-data kummerċjali tiegħu ntużat sabiex jiġu ffissati l-kwoti tariffarji li jikkonċernaw lill-Moldova.

69      Għaldaqstant, mill-atti tal-proċess, kif ġew diskussi waqt is-seduta, jirriżulta li jeżistu numru ta’ elementi fattwali u legali li jikkostitwixxu sitwazzjoni partikolari li tikkaratterizza lir-rikorrenti, fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor u, għaldaqstant, li tistabbilixxi interess individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

70      Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti f’dan il-kuntest, għandu jiġi konkluż li din hija individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat.

71      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq ilmertu

72      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

73      Preliminarjament, hija ssostni li l-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU 2015, L 83, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku dwar is-salvagwardji”) għandha tiġi kkontrollata fid-dawl tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal‑1994 u tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar is-salvagwardji kif ukoll il-ġurisprudenza tal-WTO relatata jew, minn tal-inqas u sussidjarjament, li dawn il-ftehimiet u din il-ġurisprudenza jistgħu jikkostitwixxu għodda ta’ interpretazzjoni utli sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq ilportata talistħarriġ ġudizzjarju

74      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u speċjalment fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jevalwaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 47).

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur talprinċipji ta’ ugwaljanza fittrattament u ta’ nondiskriminazzjoni

76      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tirrileva li r-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat ta’ Lichtenstein u r-Renju tan-Norveġja, bħala Stati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri taż-ŻEE rilevanti”), ġew esklużi mill-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat. Madankollu, hija tqis, essenzjalment, li r-Repubblika tal-Moldova tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tar-raġunijiet invokati sabiex tiġġustifika din l-esklużjoni. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Moldova kellha tingħata l-istess trattament.

77      L-ewwel, l-istess bħall-Ftehim ŻEE, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU 2014, L 260, p. 4), stabbilixxa integrazzjoni ekonomika mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Moldova, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambji ta’ beni, li fosthom hemm il-prodott ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat.

78      It-tieni, ebda espansjoni jew frammentazzjoni tal-industrija ta’ Moldova ma jista’ jkollha impatt reali fuq il-volum ta’ importazzjoni fl-Unjoni, sa fejn ir-rikorrenti hija l-unika produttriċi-esportatriċi tal-prodott ikkonċernat fil-Moldova.

79      It-tielet, is-sehem tal-Moldova fl-importazzjonijiet totali fi ħdan l-Unjoni hija inqas minn dik tal-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti.

80      Konsegwentement, l-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti u l-Moldova jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-integrazzjoni ekonomika mill-qrib mas-suq tal-Unjoni, taċ-ċifri globali tal-importazzjonijiet u tar-riskju baxx ta’ devjazzjoni tal-flussi kummerċjali. Madankollu, huma ġew ittrattati b’mod differenti mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

81      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid, minn naħa, li, fid-dawl tal-Artikolu 2(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar il-salvagwardji, l-Artikolu 15(5) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li ma teżisti ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li s-swieq tal-azzar tal-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti huma iktar integrati b’mod strett fis-suq tal-Unjoni milli huwa s-suq Moldovan.

82      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

83      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li jeżisti prinċipju li jimponi fuq il-Kummissjoni li tittratta b’mod ugwali diversi pajjiżi terzi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni. Hija tqis li tali prinċipju jirriżulta mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(2) tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju tan-nazzjon l-iktar favorit stabbilit fl-Artikolu 1(1) tal-GATT tal-1994. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għandha ssir b’osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

84      Fid-dawl tar-risposta mogħtija mir-rikorrenti għal domanda magħmula waqt is-seduta intiża li tippreċiża l-kontenut tal-ewwel motiv, jirriżulta li, sabiex dan il-motiv jiġi miċħud, ma huwiex neċessarju, fil-fatt, li tingħata deċiżjoni dwar il-ksur tal-klawżola tan-nazzjon l-iktar favorit, kif allegat mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk, billi applikat fil-konfront tal-Moldova trattament differenti minn dak applikat lill-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

85      F’dan ir-rigward, mis-sottomissjonijiet bil-miktub jirriżulta li l-partijiet ma jpoġġux ruħhom fuq l-istess livell fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet.

86      Fil-fatt, l-analiżi li tagħmel ir-rikorrenti tikkonsisti fl-eżami tas-sitwazzjoni tal-Moldova fir-rigward ta’ kriterji msemmija fir-Regolament provviżorju sabiex teskludi lill-Istati Membri taż-ŻEE kkonċernati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Għalhekk, hija tikkonkludi li l-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti u l-Moldova jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-integrazzjoni mill-qrib mas-suq tal-Unjoni, taċ-ċifri globali relatati mal-importazzjonijiet u tar-riskju baxx ta’ devjazzjoni tal-flussi kummerċjali.

87      Madankollu, billi twettaq paragun limitat għal dawn il-kriterji, ir-rikorrenti tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-approċċ tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju huwa bbażat qabelxejn fuq il-premessa li hija kwistjoni tal-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti. Fil-fatt, fil-premessa 80 tar-Regolament provviżorju, huwa espressament indikat li, “[m]inħabba l-Ftehim ŻEE, l-Unjoni stabbiliet integrazzjoni ekonomika mill-qrib mas-swieq tal-pajjiżi taż-ŻEE”. Huma fil-fatt “is-swieq” inkwistjoni, mingħajr ma dan huwa limitat għas-suq tal-azzar biss. Għalhekk, huwa żbaljat li jiġi interpretat ir-raġunament tal-Kummissjoni li fuqu hija bbażata l-esklużjoni tal-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti billi jiġi injorat il-kuntest li jirriżulta mill-ftehim inkwistjoni. B’riferiment għall-premessa 80 tar-Regolament provviżorju, ir-Regolament ikkontestat jikkonferma din l-interpretazzjoni billi jfakkar, fil-premessa 193 tiegħu, li, b’mod partikolari, l-integrazzjoni mill-qrib tas-swieq tal-Istati Membri taż-ŻEE tiġġustifika din l-esklużjoni.

88      Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata fid-dawl tal-approċċ applikat fil-premessa 193 in fine tar-Regolament ikkontestat dwar l-Afrika t’Isfel, il-Botswana, il-Kamerun, il-Côte d’Ivoire, l-Eswatini, il-Fiġi, il-Gana, il-Lesoto, il-Możambik u n-Namibja. Dawn il-pajjiżi huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat “sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ obbligi bilaterali”. Madankollu, kull Stat terz li kkuntratta “obbligazzjonijiet” bilaterali mal-Unjoni ma huwiex, minħabba dan il-fatt biss, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

89      Għalhekk, sa fejn il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tar-relazzjonijiet li jorbtu lill-Unjoni u lill-Istat terz ikkonċernat, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli qieset li s-sitwazzjoni tal-Moldova ma kinitx paragunabbli ma’ dik tal-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti.

90      Fil-fatt, ma jidher li hemm ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-fatt li jkun ġie konkluż li l-ftehim ŻEE, li juri l-eżistenza ta’ relazzjoni twila li tat lok għal integrazzjoni kontinwa u profonda tas-swieq u li għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi, bl-iktar mod komplet possibbli, il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, b’mod li s-suq intern fl-Unjoni jiġi estiż għall-Istati Membri taż-ŻEE rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, li permezz tiegħu nħolqot żona ta’ kummerċ ħieles approfondit u komplet, iżda li daħal fis-seħħ biss f’Lulju 2016, huma differenti fil-portata tagħhom, fl-għanijiet tagħhom u fil-mekkaniżmi istituzzjonali tagħhom.

91      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 18 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

92      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji billi ma eskludietx l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Moldova (bħala pajjiż li qiegħed jiżviluppa) mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni.

93      Ir-rikorrenti tqis li, filwaqt li l-Kummissjoni ddefinixxiet il-prodott ikkonċernat mill-evalwazzjoni bħala kompost minn 26 kategorija ta’ prodotti meqjusa flimkien, l-analiżi tal-limiti li jwasslu għall-esklużjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw saret għal kull kategorija ta’ prodotti separatament, kuntrarjament għal dak li jimponi l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni u għalhekk ma tippermettilhiex tagħżel l-informazzjoni kollha li għandha skont l-interessi tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar qatt ma wettqet analiżi reali skont il-kategorija ta’ prodotti, sa fejn hija llimitat ruħha li tagħmel tali analiżi b’mod indikattiv u mhux fil-kuntest ta’ eżami motivat u adegwat tat-tendenzi tal-importazzjonijiet u tad-dannu għal kull waħda mis‑26 kategorija ta’ prodotti.

94      Ir-rikorrenti żżid li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji hija konsistenti mal-obbligu li jiġi osservat paralleliżmu bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja u dak ta’ miżura ta’ salvagwardja, kif stabbilixxa l-korp tal-appell tal-WTO. F’din il-kawża, hija tirrileva li, peress li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda s‑26 kategorija ta’ prodotti meqjusa flimkien, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni għandu jkopri s‑26 kategorija ta’ prodotti meqjusa fl-intier tagħhom. Peress li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżuri għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huwa element kostituttiv tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja, din l-esklużjoni għandha tkun ibbażata wkoll fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni, jiġifieri s‑26 kategorija ta’ prodotti meqjusa fl-intier tagħhom.

95      Ir-rikorrenti tikkonkludi li applikazzjoni mhux ivvizzjata b’illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji kienet twassal sabiex ir-Repubblika ta’ Moldova tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja definittivi stabbiliti mir-Regolament ikkontestat għall-kategoriji kollha ta’ prodotti.

96      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

97      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-istruttura ġenerali tal-Kapitolu V tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jirriżulta li l-miżuri ta’ protezzjoni għandhom ikunu suġġetti għal applikazzjoni proporzjonata u eċċezzjonali.

98      L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Fil-fatt, huwa jipprovdi dan li ġej:

“Ma tista’ tiġi applikata l-ebda miżura ta’ salvagwardja għal prodott li joriġina f’pajjiż Membru tal-WTO li qiegħed jiżviluppa sakemm is-sehem ta’ dan il-pajjiż fl-importazzjonijiet tal-prodott fil-kwistjoni fl-Unjoni ma jaqbiżx it-3 %, dment li l-pajjiżi Membri tal-WTO li qegħdin jiżviluppaw u li jkollhom sehem fl-importazzjoni ta’ inqas minn 3 % jakkontaw b’mod kollettiv għal mhux aktar minn 9 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni tal-prodott interessat.”

99      F’dan il-każ, għalkemm, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti sostantivi li jippermettu li jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-“prodott ikkonċernat” bħala li huwa kompost minn 26 kategorija ta’ prodotti meqjusa flimkien, hija wettqet analiżi iktar iddettaljata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija miżuri.

100    Għalhekk, konformement mar-rekwiżit imfakkar fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri l-iktar xierqa, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, li wassalha sabiex tanalizza kull kategorija ta’ prodotti sabiex tkun tista’ tiddetermina l-kwoti tariffarji (ara, f’dan ir-rigward, l-Anness III.2 tar-Regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-premessa 191 tal-istess regolament). F’dan il-kuntest, kif indikat fil-premessi 190 u 191 tar-Regolament ikkontestat, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tat-3 % imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji. B’dan il-mod, hija evitat li tissuġġetta l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bħala membri tal-WTO għall-miżuri ta’ salvagwardja għall-kategoriji kollha ta’ prodotti filwaqt li, fir-realtà, l-imsemmija importazzjonijiet kienu jikkonċernaw biss numru żgħir ta’ kategoriji. Tali approċċ jippermetti għalhekk li jinkiseb riżultat proporzjonat mal-għanijiet imfittxija, kuntrarjament għal dak li kienet twassal għalih l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji proposta mir-rikorrenti.

101    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ paralleliżmu bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja u dak ta’ miżura ta’ salvagwardja, dawn huma infondati.

102    Fil-fatt, l-osservanza ta’ tali obbligu teħtieġ li d-deċiżjoni li jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja tkun ibbażata fuq korrispondenza perfetta mal-“prodott ikkonċernat”. F’dan il-każ, il-Kummissjoni pproċediet b’dan il-mod, peress li l-eżami tal-kriterji sostantivi saru fir-rigward tas‑26 kategorija ta’ prodotti meqjusa fit-totalità tagħhom, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

103    Il-fatt li ġie applikat il-livell li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji abbażi ta’ kull kategorija ta’ prodotti meqjusa separatament jirrifletti għalhekk il-flessibbiltà rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-WTO fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji, kif iċċitata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, u speċifikament il-kunsiderazzjonijiet tal-grupp speċjali tal-WTO ifformulati fir-rapport fil-kawża Ir-Repubblika Domenikana – Miżuri ta’ salvagwardja dwar l-importazzjonijiet ta’ basktijiet tal-polipropilen u ta’ tessut tubulari (WT/DS 415, 416, 417, 418/R, 21 ta’ Jannar 2012, punti 7.367 sa 7.391), dwar l-elementi rilevanti f’dan ir-rigward inklużi fir-rapport tal-korp tal-appell tal-WTO fil-kawża Stati Uniti – Miżuri ta’ salvagwardja definittivi dwar importazzjonijiet ta’ pajpijiet iwweldjati bil-karbonju b’sezzjoni ċirkulari li joriġinaw mill-Korea (WT/DS 202/AB/R, 15 ta’ Frar 2002, punt 181).

104    Konsegwentement, l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji f’dan il-każ. Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ilksur talArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

105    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball meta naqset milli teżamina jekk il-kundizzjonijiet sabiex jiġu imposti miżuri ta’ sigurtà kinux issodisfatti għal kull kategorija ta’ prodotti meqjusa separatament. Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet ilmenti.

–       Fuq lewwel parti tattielet motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni kisret ilprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi billi għamlet biss evalwazzjoni waħda għas26 kategorija ta’ prodotti

106    Ir-rikorrenti ssostni li, fl-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-portata tal-investigazzjoni kienet iddefinita b’riferiment għal “prodotti”, fil-plural, u li l-Kummissjoni kienet ħabbret li riedet twettaq l-analiżi tagħha abbażi ta’ eżami individwali ta’ kull kategorija ta’ prodotti. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-preżenza, fl-imsemmija opinjoni, ta’ diversi indikazzjonijiet ċari u inekwivoċi dwar l-intenzjoni li jiġu ttrattati l-kategoriji ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni bħala grupp uniku ta’ prodotti. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, billi naqset milli tipproċedi b’dan il-mod, kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

107    Barra minn hekk, hija żżid li l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mill-avviż ta’ bidu ta’ proċedura ġew maħżuna u kkonfermati f’żewġ dokumenti ulterjuri. B’hekk, hija tqis li, sal-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, il-partijiet ikkonċernati rċevew informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti li tgħid li l-analiżi għandha ssir għal kull kategorija ta’ prodotti separatament, b’tali mod li huma setgħu kellhom aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward.

108    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

109    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet eżami dwar is‑26 kategorija ta’ prodotti meqjusa flimkien, ikkompletat b’analiżijiet iktar iddettaljati fil-livell ta’ ċerti kategoriji ta’ prodotti (ara l-punt 99 iktar ’il fuq).

110    Fit-tieni lok, dan l-approċċ huwa rifless fit-termini użati fil-punt 2 tal-avviż ta’ bidu tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja. Fil-fatt, wara li indikat diversi drabi li l-analiżi tagħha hija bbażata fuq “it-totalità tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati”, il-Kummissjoni tippreċiża, fit-tieni paragrafu in fine ta’ dan il-punt 2, li “l-investigazzjoni ser teżamina s-sitwazzjoni tal-prodotti kkonċernati, inkluż għal kull kategorija ta’ prodotti separatament”. Din il-formulazzjoni tista’ tinftiehem biss bħala li tfisser li “s-sitwazzjoni tal-prodotti kkonċernati” tirreferi għal analiżi globali.

111    Konsegwentement, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma fattwalment żbaljati.

112    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika fil-kuntest ta’ avviż ta’ bidu ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja, l-avviż inkwistjoni f’dan il-każ fl-ebda mument ma seta’ joħloq tali aspettattivi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ metodu ta’ analiżi individwalizzat u separat tal-prodotti suġġetti għall-investigazzjoni ta’ salvagwardja.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel parti tat-tielet motiv hija infondata.

–       Fuq ittieni parti tattielet motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni kisret ilprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret lArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji meta ddefinixxiet ilprodott ikkonċernat bħala grupp uniku firrigward tas26 kategorija ta’ prodotti

114    Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li wettqet eżami tas‑26 kategorija ta’ prodotti fl-intier tagħhom, minn naħa, ma jistax jiġi ġġustifikat, sa fejn l-imsemmija prodotti ma humiex interrelatati u, min-naħa l-oħra, iwassal għal distorsjoni tal-konstatazzjonijiet dwar iż-żieda fl-importazzjonijiet, theddida ta’ dannu serju u rabta kawżali, peress li l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġu imposti miżuri ta’ salvagwardja ma humiex neċessarjament issodisfatti skont il-kategorija.

115    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

116    L-ewwel, fir-rigward tal-interrelazzjoni tal-prodotti inkwistjoni, ir-rikorrenti tafferma essenzjalment li, qabelxejn, apparti ż-żewġ kategoriji ta’ prodotti li jistgħu jintużaw bħala materja prima, il-kategoriji ta’ prodotti tal-azzar ma jistgħux, fil-biċċa l-kbira, iservu għall-manifattura, it-tieni, dawn il-prodotti ma humiex interkambjabbli fuq livell kummerċjali u ma jissodisfawx l-istess eżiġenzi tal-konsumaturi u, fl-aħħar, peress li d-diversi kategoriji ta’ prodotti tal-azzar ma humiex immanifatturati bl-istess apparat, l-ammont tal-investimenti neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-importazzjonijiet tal-prodotti li ma humiex suġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja jissostitwixxu importazzjonijiet ta’ prodotti suġġetti għal tali miżuri jfisser li ma hemmx riskju kredibbli li dan iseħħ. Skont ir-rikorrenti, sa fejn, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

117    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 15 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni enfasizzat li diversi produtturi tal-Unjoni huma attivi fil-produzzjoni tal-parti l-kbira tal-kategoriji ta’ prodotti, li juru għalhekk li l-industrija tal-azzar tista’ tadatta l-produzzjoni tagħha għal diversi tipi ta’ kategoriji ta’ prodotti.

118    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement tirrispondi li, anki jekk il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jipproduċu iktar minn kategorija ta’ prodotti, dan ma jfissirx li l-ktajjen ta’ produzzjoni jistgħu jiġu faċilment interrotti u orjentati mill-ġdid. Insostenn tal-affermazzjoni tagħha intiża li teskludi l-interrelazzjoni bejn il-kategoriji ta’ prodotti, ir-rikorrenti madankollu ma tipprovdi ebda prova prima facie.

119    It-tieni, fir-rigward tal-fatt li l-analiżi approvata tal-Kummissjoni kienet wasslet għal konstatazzjonijiet foloz fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu ssodisfatti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, ir-rikorrenti ssostni li dan l-approċċ, minn naħa, għandu l-konsegwenza li jxejjen il-varjazzjonijiet fl-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet, sa fejn, anki jekk l-importazzjonijiet setgħu jonqsu għal ċerti kategoriji ta’ prodotti, dan it-tnaqqis huwa kkumpensat minn żidiet iktar għolja għal oħrajn u, min-naħa l-oħra, li ma jippermettix li jiġi kkonfermat li l-importazzjonijiet tal-prodot ikkonċernat għandhom tabilħaqq l-effett li jikkawżaw li jheddu li jikkawżaw dannu serju għall-industrija tal-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet fis-suq ma għandhomx dejjem l-istess effetti fuq l-importazzjonijiet ta’ suq ieħor. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata, minħabba l-fatt li din tal-aħħar ikkunsidrat ukoll il-kategoriji ta’ prodotti separatament.

120    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 117 u 118 iktar ’il fuq, l-interrelazzjoni bejn il-kategoriji ta’ prodotti ma tistax tiġi eskluża. Minħabba l-imsemmija interrelazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli eżaminat l-effetti taż-żieda tal-importazzjonijiet fuq bażi aggregata u li ddeċidiet fuq l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju fir-rigward tal-kategoriji kollha ta’ prodotti.

121    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma pproduċietx biżżejjed provi sabiex tistabbilixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ dan l-element tal-analiżi tal-Kummissjoni.

122    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-tieni parti tat-tielet motiv hija infondata.

–       Fuq ittielet parti tattielet motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret lArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji meta affermat li lanaliżi globali tas26 kategorija ta’ prodotti meqjusa flimkien kienet imsaħħa minn analiżi separata mwettqa fuq tliet familji ta’ prodotti differenti

123    Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-analiżi tat-tendenzi tal-importazzjonijiet u tad-dannu fil-livell ta’ tliet familji ta’ prodotti (jiġifieri l-prodotti ċatti, il-prodotti twal u t-tubi) tagħti riżultat differenti, li kellu jinċentiva lil din tal-aħħar teżamina b’mod iktar iddettaljat għal liema kategoriji ta’ prodotti l-miżuri ta’ protezzjoni kienu ġġustifikati jew le.

124    Konsegwentement, billi affermat li l-analiżi globali mwettqa fil-livell tas‑26 kategorija ta’ prodotti kienet ikkonfermata minn analiżi separata li tikkonċerna tliet familji ta’ prodotti differenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

125    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

126    L-ewwel, fir-rigward tal-analiżi dwar iż-żieda fl-importazzjonijiet, sa fejn ir-rikorrenti tiżviluppa l-argument tagħha prinċipalment fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, isir riferiment għall-punti 140 u 144 iktar ’il quddiem.

127    It-tieni, fir-rigward tal-analiżi dwar id-dannu tal-industrija tal-Unjoni, ir-rikorrenti tippreżenta ċifri li minnhom jirriżulta, minn naħa, li għall-prodotti ċatti u għall-prodotti twal, il-partijiet mis-suq naqsu u l-profittabbiltà żdiedet u, min-naħa l-oħra, li, għat-tubi, il-parti mis-suq baqgħet stabbli, anki jekk il-profittabbiltà naqset. Dawn iċ-ċifri jikkorrispondu għall-kunsiderazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fil-premessi 77 u 84 tar-Regolament ikkontestat fil-kuntest tal-analiżi tagħha għal kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ prodotti.

128    Dawn l-iżviluppi jidhru koerenti ma’ dawk osservati fil-kuntest tal-analiżi globali u riprodotti fil-premessi 68 u 72 tar-Regolament ikkontestat.

129    Fil-fatt, l-elementi li fuqhom huwa bbażat l-argument tar-rikorrenti, bħat-titjib tal-profittabbiltà tal-prodotti ċatti, ma jippermettux li tiġi kkontestata l-analiżi kollha sa fejn ma għandux jintesa li, fil-premessa 90 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qieset li, minkejja dan it-titjib temporanju, l-industrija tal-Unjoni kienet għadha tinsab f’sitwazzjoni delikata u taħt theddida ta’ dannu serju jekk it-tendenza ta’ żieda fl-importazzjonijiet kienet ser tissokta, bit-tnaqqis fil-prezzijiet u fir-rendiment taħt livelli sostenibbli li huma konsegwenza ta’ dan.

130    Għalhekk, fir-rigward tat-theddida ta’ dannu serju, is-selezzjoni ta’ data li fuq il-bażi tagħha r-rikorrenti tikkonkludi li t-tliet familji ta’ prodotti jsegwu tendenzi differenti ma tippermettix li tintwera l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni, ifformulata fil-premessa 87 tar-Regolament ikkontestat, li tgħid li mill-analiżi mwettqa, kemm globalment kif ukoll għal kull waħda mit-tliet familji ta’ prodotti, l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli sal‑2016, li ġiet indirizzata biss parzjalment fl-2017.

131    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-tielet parti tat-tielet motiv hija infondata, bla ħsara għall-evalwazzjoni li ser issir tal-fondatezza tal-analiżi tar-rikorrenti dwar iż-żieda tal-importazzjonijiet ippreżentata fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ osservanza taddmir ta’ diliġenza kif ukoll fuq ilksur talArtikolu 9(1)(a) u talArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

132    Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ikkontestat ma jurix li kien hemm żieda reċenti, immedjata, qawwija u sinjifikattiva tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, kif jeżiġu l-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

133    L-ewwel, fir-rigward tal-analiżi globali mwettqa mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti tqis li s-sempliċi żieda immedjata u qawwija jew sostanzjali fl-importazzjonijiet li tista’ tiġi allegata seħħet bejn l‑2013 u l‑2016, jiġifieri tliet snin qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, iż-żieda fl-importazzjonijiet ikkonstatata mill-Kummissjoni ma hijiex reċenti biżżejjed sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni. Din l-evalwazzjoni tan-natura “reċenti” hija konformi mal-ġurisprudenza tal-WTO. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll, minn naħa, li ma huwiex biżżejjed li l-importazzjonijiet ikunu żdiedu f’mument partikolari fil-passat u li baqgħu stabbli sabiex jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja u, min-naħa l-oħra, li l-analiżi tat-tendenzi matul il-perijodu l-iktar reċenti għandha ssostni n-natura immedjata u reċenti taż-żieda tal-importazzjonijiet, li ma tirriżultax mill-analiżi kwalitattiva tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet f’dan il-każ.

134    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji meta qieset li ż-żieda tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni kienet tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

135    Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tirrendi bla sustanza r-rekwiżit li ż-żieda fl-importazzjonijiet għandha tkun reċenti u immedjata u tmur kontra l-għan tal-miżuri ta’ protezzjoni, kif mifhum, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-WTO.

136    It-tieni, fir-rigward tal-analiżi bbażata fuq it-tliet familji ta’ prodotti magħmula mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti tqis li dawn it-tliet familji segwew tendenzi differenti ħafna matul il-perijodu mill‑1 ta’ Lulju 2017 sat‑30 ta’ Ġunju 2018, imsejjaħ l-iktar perijodu reċenti (iktar ’il quddiem il-“PLR”). Għaldaqstant, ir-rikorrenti tirrileva li, peress li l-analiżi għal kull familja ta’ prodotti turi tendenzi diverġenti, hija ma tippermettix li tiġi kkorroborata l-analiżi globali.

137    Billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-WTO li tenfasizza l-importanza tat-tendenzi intermedjarji li jwasslu għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet żdiedu fis-sens tal-Artikolu 2.1 tal-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji, ir-rikorrenti tikkonkludi li, meta jiġu kkonstatati tendenzi differenti bejn kategoriji differenti ta’ prodotti li jikkomponu prodott ikkonċernat uniku, xejn ma jsostni l-konklużjoni li tgħid li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat uniku żdiedu u miżuri ta’ salvagwardja huma legalment iġġustifikati. F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ, hija tikkontesta r-rilevanza tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li l-ġurisprudenza tal-WTO tikkontradixxi l-pożizzjoni tagħha.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti tqis li, billi ma siltitx il-konklużjonijiet rilevanti tal-analiżi tagħha għal kull familja ta’ prodotti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset ukoll mid-dmir tagħha ta’ diliġenza billi naqset milli tistabbilixxi u teżamina bir-reqqa l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

139    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

140    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-iżbalji li wettqet il-Kummissjoni meta għamlet l-analiżi tagħha, fosthom, l-ewwel, in-nuqqas ta’ korroborazzjoni bejn l-analiżi globali u l-analiżi bbażata fuq it-tliet kategoriji ta’ prodotti.

141    Minn naħa, fid-dawl tal-premessi 32 u 33 tar-Regolament ikkontestat, mill-analiżi globali jirriżulta li l-importazzjonijiet żdiedu b’71 % f’ċifri assoluti u li l-partijiet mis-suq żdiedu minn 12.7 % għal 18.8 % f’termini relattivi. L-aktar żieda sinjifikattiva seħħet fil-perjodu 2013‑2016. Sussegwentement, l-importazzjonijiet komplew jiżdiedu b’ritmu iktar bil-mod, qabel ma reġgħu żdiedu mill-ġdid matul il-PLR.

142    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-premessi 34 u 35 tar-Regolament ikkontestat, mill-analiżi tal-familji ta’ prodotti jirriżulta li t-tliet familji ta’ prodotti (prodotti ċatti, prodotti twal u tubi) żdiedu f’termini assoluti b’64 %, 97 % u 60 % rispettivament matul l‑2013 u l-PLR. Fl-istess perijodu, l-importazzjonijiet żdiedu wkoll f’termini relattivi, b’partijiet tas-suq li żdiedu rispettivament minn 14.2 % għal 20.9 %; minn 8.6 % għal 14 % u minn 20.4 % għal 25.7 %.

143    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jista’ jiġi konkluż, qabelxejn, li ż-żewġ metodi ta’ analiżi jaslu għal riżultati simili, sussegwentement, li l-Kummissjoni wettqet analiżi kemm tal-punti estremi kif ukoll tat-tendenzi intermedjarji u, fl-aħħar, li ż-żieda fl-importazzjonijiet matul il-PLR tabilħaqq ittieħdet inkunsiderazzjoni.

144    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq analiżi parzjali tad-data li tenfasizza perijodi li huma qosra wisq sabiex ikunu sinjifikattivi. Bħala eżempju, ir-rikorrenti ssostni li l-importazzjonijiet ta’ prodotti ċatti naqsu bejn l‑2017 u l-PLR. Madankollu, għalkemm effettivament il-volum naqas minn 20 299 000 tunnellata għal 20 202 000 tunnellata (jiġifieri tnaqqis ta’ 97 000 tunnellata), il-parti tas-suq, madankollu, baqgħet kostanti (20.9 %) u, fuq kollox, il-volum baqa’ għoli ħafna meta mqabbel mal-perijodu 2013–2015 (+ 1 811 000 tunnellata meta mqabbel mal‑2015).

145    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kriterji li għandha tissodisfa ż-żieda fl-importazzjonijiet sabiex tiġi ġġustifikata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

146    F’dan ir-rigward, kif tfakkar ir-rikorrenti, l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji juża l-espressjoni ta’ “kwantitajiet tant miżjuda” u l-Artikolu 9(1)(a) tal-istess regolament jirreferi għal żieda “b’mod sinifikanti”. Fir-rapport tiegħu tal‑14 ta’ Diċembru 1999, mogħti fil-kawża “Arġentina – Miżuri ta’ salvagwardja għall-importazzjoni taż-żraben [Arġentina – Żraben (KE)], il-korp tal-appell tal-WTO enfasizza li kien neċessarju li “ż-żieda fl-importazzjonijiet tkun pjuttost reċenti, pjuttost immedjata, pjuttost qawwija u pjuttost kunsiderevoli, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità, sabiex tikkawża jew thedded li tikkawża ‘dannu serju’”. Fil-premessi 39 u 47 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq din il-ġurisprudenza, ikkonfermat li ż-żieda fl-importazzjonijiet inkwistjoni kienet tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

147    Huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura reċenti taż-żieda tal-importazzjonijiet, sa fejn hija ma hijiex marbuta ma’ temporalità preċiża fir-rigward tal-identifikazzjoni taż-żieda tal-importazzjonijiet inkwistjoni, u li l-eżami tagħha taż-żieda ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-pjanijiet kemm kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv irrileva in-natura qawwija, immedjata u suffiċjentement reċenti tagħha sabiex tikkawża jew thedded li tikkawża dannu serju.

148    Fil-każ ineżami, fid-dawl tal-evoluzzjonijiet tal-importazzjonijiet inkwistjoni (ara l-punti 127 u 141 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet intitolata tikkonkludi li ż-żieda inkwistjoni kienet tissodisfa l-kriterji meħtieġa.

149    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-kriterju “reċenti” ssuġġerita mir-rikorrenti twassal sabiex il-miżuri ta’ sorveljanza li jikkompletaw is-sistema stabbilita għat-tfassil ta’ miżuri ta’ salvagwardja konformi mal-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jsiru ineffettivi.

150    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

151    Skont il-punti 126 u 131 iktar ’il fuq, it-tielet motiv kollu għandu wkoll jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat, sa fejn l-argument tar-rikorrenti dwar iż-żieda fl-importazzjonijiet, invokat fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, iżda żviluppat fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ġie miċħud.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq ilksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fuq nuqqas ta’ osservanza taddmir ta’ diliġenza kif ukoll fuq ilksur talArtikolu 5(2), talArtikolu 9(2) u talArtikolu 16 tar-regolament bażiku dwar issalvagwardji

152    Permezz tal-ħames motiv tagħha, maqsum f’erba’ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ikkontestat ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju (l-ewwel parti), li l-imsemmija theddida hija, b’mod żbaljat, ibbażata esklużivament fuq devjazzjoni ta’ flussi kummerċjali (it-tieni parti), li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma bbażatx ruħha fuq il-fatti sabiex tikkonstata l-imsemmija theddida (it-tielet parti) u li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-indikaturi ta’ dannu kkomunikati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (Eurofer) sabiex tevalwa l-imsemmija theddida (ir-raba’ parti).

–       Fuq lewwel parti talħames motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret lArtikolu 9(2) u lArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji billi qieset li ssitwazzjoni talindustrija talUnjoni setgħet tiżvela theddida ta’ dannu serju

153    Permezz tal-ewwel parti tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kellhiex tikkonstata theddida ta’ dannu serju abbażi tad-data u tal-informazzjoni li hija kellha.

154    Insostenn tal-kontestazzjoni tagħha, l-ewwel, ir-rikorrenti tirrileva li, mill-ħdax-il indikatur ta’ dannu eżaminati mill-Kummissjoni, tlieta biss juru tendenza kemxejn negattiva (partijiet tas-suq, ħażniet u impjieg), li ma hijiex is-sinjal ta’ industrija f’sitwazzjoni “delikata” jew “vulnerabbli”, kif mifhuma mill-ġurisprudenza tal-WTO, iżda pjuttost turi industrija solida u robusta, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tal-indikatur prinċipali tal-profittabbiltà.

155    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

156    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkontestat in-natura ammissibbli tal-ewwel parti tal-ħames motiv, minħabba li l-argument żviluppat mir-rikorrenti ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tidher li bidlet l-evalwazzjoni tagħha, billi qieset li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fir-replika kienu jippermettu li jinftiehem aħjar l-argument li kienet ibbażata fuqu l-ewwel parti tal-ħames motiv. Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta dwar iż-żamma tal-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tafda fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali, u dan ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta.

157    Mill-iskambji bejn il-partijiet, kemm matul il-fażi bil-miktub kif ukoll matul il-fażi orali tal-proċedura, jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar l-ewwel parti tal-ħames motiv ġie espost b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tirrispondi għalih u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ħames motiv u li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.

158    F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkwalifikata r-rilevanza tal-evalwazzjonijiet tar-rikorrenti, minħabba n-natura frammentarja u iżolata tagħhom. Fil-fatt, hija tirrileva, minn naħa, li l-konsum u l-bejgħ intern kienu żdiedu u, min-naħa l-oħra, li l-produzzjoni kienet żdiedet ukoll fl-istess waqt li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċitajiet kienu baqgħu stabbli. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet għandhom jitqiesu fid-dawl tal-fatt li mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fil-premessi 63 sa 89 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, l-ewwel, minkejja li l-produzzjoni kienet żdiedet, din iż-żieda kienet inqas mill-konsum intern, sussegwentement, il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-Unjoni kienu naqsu matul il-perijodu kkunsidrat, bl-eċċezzjoni ta’ rkupru fi tmiem dan il-perijodu kollu, u, fl-aħħar, il-profitti kienu baqgħu inqas mill-profitti mira matul il-perijodu kollu kkunsidrat (u setgħu biss jiżdiedu fl‑2017 minħabba tnaqqis tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tal-effiċjenza tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali adottati mill-Unjoni). Ma’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiżdied ukoll il-fatt li l-parti mis-suq kienet naqset.

159    Minkejja li huwa minnu li r-rikorrenti enfasizzat iż-żieda kontinwa tal-profittabilità u t-titjib tal-fluss tal-likwidità, hemm lok, madankollu, li jiġi nnotat li, fil-premessa 97 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod speċifiku li “minkejja l-fatt li fl‑2017 il-livelli ta’ profittabilità kienu tjiebu b’mod sinjifikattiv meta mqabbla ma’ snin preċedenti (li matulhom l-industrija tal-Unjoni kienet irreġistrat telf jew kienet laħqet il-livell ta’ profittabilità), din is-sitwazzjoni tista’ tkun reversibbli malajr jekk l-importazzjonijiet ikomplu jiżdiedu (jew jisplodu, b’riżultat fost l-oħrajn tal-miżuri tal-Istati Uniti fis-Sezzjoni 232)”.

160    Għalhekk, minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li l-livelli ta’ profittabbiltà milquta ma setgħux jitqiesu b’mod iżolat, għaliex, minkejja li tjiebu meta mqabbla mas-sena preċedenti, ir-riskju stabbilit ta’ miżapproprjazzjoni tal-flussi kummerċjali kien element essenzjali li jkollu effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni li kieku ma ġewx adottati miżuri. F’dan il-kuntest, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-devjazzjoni imminenti tal-flussi kummerċjali kien ikollha, fl-assenza ta’ miżuri, effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, b’tali mod li l-istabbiliment mill-ġdid malajr seta’ kien reversibbli.

161    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi konkluż li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab l-industrija tal-Unjoni.

162    It-tieni, ir-rikorrenti tqis li l-iżvilupp tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni bejn l‑2013 u l-ewwel nofs tas-sena 2018 ma jippermettix li jiġi konkluż li teżisti “theddida ta’ dannu serju”, b’mod partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza tal-WTO. Barra minn hekk, hija żżid li d-data l-iktar reċenti fil-fajl tindika li l-importazzjonijiet addizzjonali ma kellhomx l-effett allegat mill-Kummissjoni.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

164    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, sa fejn ġie konkluż, fil-punti 158 sa 161 iktar ’il fuq, li l-analiżi tar-rikorrenti kellha tiġi miċħuda favur dik proposta mill-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti mressqa dwar il-mod kif jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi prospettivi issa huma irrilevanti.

165    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma jista’ jiġi identifikat mill-fatt li kkonkludiet li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni setgħet tiżvela theddida ta’ dannu serju.

166    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ittieni parti talħames motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret lArtikolu 9(2) u lArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji billi bbażat ilkonstatazzjoni tagħha ta’ theddida ta’ dannu serju biss fuq eventwali devjazzjoni talflussi kummerċjali

167    Permezz tat-tieni parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha biss fuq devjazzjoni tal-flussi kummerċjali, hija ma kellhiex tikkonstata l-eżistenza ta’ theddida ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

168    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tibbażax it-theddida ta’ dannu serju fuq il-livell tal-importazzjonijiet fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat jew it-tkomplija tal-importazzjonijiet f’dan il-livell, iżda pjuttost fuq żieda mhux iġġustifikata u teoretika tal-importazzjonijiet fil-futur, li tirriżulta minn devjazzjoni ta’ flussi kummerċjali taħt l-effett tal-miżuri Amerikani meħuda skont is-Sezzjoni 232. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni assimilat theddida ipotetika ta’ żieda fl-importazzjonijiet ma’ theddida ta’ dannu serju. B’dan il-mod, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-WTO.

169    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

170    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 90 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni “kienet għadha f’sitwazzjoni fraġli u taħt it-theddida ta’ dannu serju jekk it-tendenza li qed tiżdied fl-importazzjonijiet kompliet bit-tnaqqis fil-prezzijiet u l-profittabbiltà li rriżulta taħt livelli sostenibbli”. Ir-rikorrenti ssostni li din id-dikjarazzjoni hija infondata u kontradetta mill-provi tal-proċess, sa fejn hija stabbilixxiet, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ħames motiv tagħha, li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl‑2017 u matul l-ewwel żewġ trimestri tas-sena 2018 ma wrietx li, fil-livell tal-importazzjonijiet matul dan il-perijodu, l-industrija tal-Unjoni kienet sal-punt li tikkollassa u li għalhekk dannu serju kien prevedibbli b’mod ċar jew imminenti.

171    Sa fejn ġie deċiż li l-ewwel parti tal-ħames motiv tiġi miċħuda, il-premessa tal-argument tar-rikorrenti żviluppat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv hija żbaljata. B’hekk, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-allegazzjonijiet li l-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-prova ta’ żieda possibbli fl-importazzjonijiet jikkostitwixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni.

172    Mill-proċess jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tat-theddida ta’ dannu serju, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq il-konstatazzjoni ta’ devjazzjoni possibbli tal-flussi kummerċjali, iżda ħadet inkunsiderazzjoni fatturi oħra. Fil-fatt, fil-premessi 99 u 100 tar-Regolament ikkontestat, saret analiżi tar-ritmu taż-żieda tal-esportazzjonijiet kif ukoll tal-probabbiltà ta’ żieda ġdida fl-esportazzjonijiet abbażi ta’ analiżi tad-data disponibbli l-iktar reċenti. Barra minn hekk, l-istatistika ppreżentata u analizzata fil-punti 5.6.1 u 5.6.2 tar-Regolament ikkontestat turi t-tendenza ta’ żieda kontinwa tal-importazzjonijiet u l-fatt li l-ewwel sinjali ta’ devjazzjoni tal-flussi kummerċjali setgħu diġà jiġu osservati matul ix-xhur li segwew id-dħul fis-seħħ tal-miżuri meħuda mill-Istati Uniti tal-Amerika skont is-Sezzjoni 232.

173    Konsegwentement, il-Kummissjoni effettivament ibbażat ruħha fuq elementi li jippermettu li tiġi kkonstatata mhux biss devjazzjoni tal-flussi kummerċjali, iżda wkoll probabbiltà ta’ żieda fl-importazzjonijiet normalment intiżi għas-suq Amerikan li setgħu għalhekk jiġu ddevjati lejn l-Unjoni.

174    Għalhekk, ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jista’ jiġi dedott mis-sensiela ta’ indizji ddettaljata li hija bbażata fuqha l-analiżi tal-Kummissjoni.

175    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Ftehim tal-WTO dwar is-salvagwardji, jista’ jiġi rrilevat li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa koerenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi ftehim, peress li l-prova tal-eżistenza ta’ żieda possibbli tal-importazzjonijiet ma hijiex ibbażata, f’dan il-każ, fuq sempliċi allegazzjonijiet, konġetturi jew possibbiltajiet remoti.

176    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ittielet parti talħames motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret lArtikolu 9(2) u lArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji billi ma wettqitx evalwazzjoni fattwali approfondita talkonstatazzjoni tagħha ta’ theddida ta’ dannu serju

177    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tressaq tliet argumenti sabiex turi li, anki fis-sitwazzjoni fejn it-theddida ta’ żieda fl-importazzjonijiet tista’ tikkostitwixxi theddida ta’ dannu serju, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix, b’mod sodisfaċenti, fid-dawl b’mod partikolari tal-ġurisprudenza tal-WTO, li jeżisti riskju reali ta’ devjazzjoni kunsiderevoli tal-flussi kummerċjali li jista’ jikkawża dannu serju.

178    L-ewwel, il-Kummissjoni ma pprevedietx l-eżistenza ta’ swieq oħra ta’ esportazzjoni li jistgħu jikkumpensaw l-eventwali devjazzjoni tal-flussi kummerċjali provenjenti mill-Istati Uniti. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tagħha, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha sabiex turi l-kuntrarju jikkostitwixxu biss affermazzjonijiet li l-valur probatorju tagħhom huwa nieqes.

179    It-tieni, mill-analiżi taċ-ċifri tal-proċess ma jirriżultax li d-devjazzjoni tal-flussi kummerċjali kkonstatati setgħet thedded li tikkawża dannu serju, peress li dawn il-movimenti huma limitati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kuntrarju ma humiex sostnuti mill-fatti.

180    It-tielet, l-analiżi, mill-Kummissjoni, tal-iżvilupp tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u lejn l-Istati Uniti matul l-ewwel xhur tas-sena 2018 saret f’termini assoluti u dawn l-importazzjonijiet ma kinux neċessarjament twettqu f’kundizzjonijiet jew skont metodi li jistgħu jikkostitwixxu theddida ta’ dannu serju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ppreżentatx il-fatti li ppermettewlha tikkonkludi li importazzjonijiet addizzjonali kienu jinvolvu tnaqqis fil-prezzijiet u tnaqqis fil-profittabbiltà. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma tatx spjegazzjonijiet fir-rigward tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet fi kwantitajiet allegatament ogħla heddew li jikkawżaw dannu serju.

181    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

182    L-ewwel, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-fatt li, indipendentement minn għeluq eventwali tas-suq Amerikan, devjazzjoni tal-flussi kummerċjali hija limitata u ftit li xejn tista’ tikkawża theddida ta’ dannu serju, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li kemm mill-premessi 35 u 67 tar-Regolament provviżorju kif ukoll mill-premessi 107 u 173 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li din il-kritika hija infondata, sa fejn ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni swieq oħra. Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ dak li huwa indikat fil-punti 172 sa 174 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-ilment, magħmul kontra l-Kummissjoni, li l-imsemmija premessi jikkostitwixxu biss sempliċi affermazzjonijiet li ma huma sostnuti minn ebda prova u, b’mod iktar preċiż, li ma hemm ebda prova li l-flussi kummerċjali lejn l-Istati Uniti jikkorrispondu — f’termini ta’ firxa ta’ prodotti u ta’ pajjiżi esportaturi — għall-flussi kummerċjali lejn l-Unjoni.

183    It-tieni, fir-rigward tal-fatt li l-eventwali devjazzjoni tal-flussi kummerċjali li joriġinaw mill-Istati Uniti hija wisq limitata sabiex tikkostitwixxi theddida li tikkawża dannu serju, ir-rikorrenti tikkontesta l-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni. Madankollu, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq, ma huwiex daqstant importanti li analiżi oħra, bħal dik proposta mir-rikorrenti, tista’ titwettaq, sa fejn l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, f’dan il-każ, huwa limitat għall-identifikazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-analiżi li fuqha huwa bbażat ir-Regolament ikkontestat. Madankollu, tali żball ma jirriżultax mill-proċess. Fil-fatt, il-premessi 107 u 179 tar-Regolament ikkontestat jindikaw li l-Kummissjoni wettqet simulazzjonijiet billi ħadet inkunsiderazzjoni kriterji differenti u kkorroborat il-mudell ekonomiku tagħha permezz tal-iktar data reċenti disponibbli. L-approċċ segwit mill-Kummissjoni ppermettielha, barra minn hekk, li tikkonkludi li kien hemm devjazzjoni tal-flussi kummerċjali fir-rigward tal-volumi fl-ewwel semestru tas-sena 2018, li kien suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-konklużjonijiet tagħha dwar it-theddida ta’ dannu serju.

184    It-tielet, fir-rigward tal-konklużjoni li ż-żieda tal-importazzjonijiet twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet u tal-profittabbiltà b’mod li thedded li jiġi kkawżat dannu serju ma hija sostnuta minn ebda prova, għandu jitfkkar li ġie ammess li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova, suffiċjentement skont il-liġi, li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni delikata (ara l-punti 158 sa 161 iktar ’il fuq) u li għalhekk hemm lok li jiġi evalwat, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-fondatezza tal-istabbiliment, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ theddida li jiġi kkawżat dannu serju minħabba ż-żieda tal-importazzjonijiet. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tal-Kummissjoni żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba l-fatt li hija qieset li, fir-rigward tal-profitti żgħar miksuba matul il-perijodu kkunsidrat, il-pressjoni addizzjonali li kienet tirrappreżenta l-aċċelerazzjoni taż-żieda kkonstatata fl-importazzjonijiet wara l-adozzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika tal-miżuri meħuda skont is-Sezzjoni 232 twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet u għal tnaqqis fil-profittabbiltà, b’tali mod li hija thedded li jiġi kkawżat dannu serju. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-titjib tal-profittabbiltà għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 158 sa 161 iktar ’il fuq, moqrija flimkien mal-punt 165 iktar ’il fuq.

185    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, it‑tielet parti tal‑ħames motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq irraba’ parti talħames motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, kisret ilprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, naqset middmir tagħha ta’ diliġenza u aġixxiet bi ksur talArtikolu 5(2) tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni liżvilupp pożittiv talindikaturi ta’ dannu għallewwel semestru tassena 2018

186    Permezz tar-raba’ parti tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza u kisret l-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji meta ddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-indikaturi ta’ dannu kkomunikati minn Eurofer għall-ewwel semestru tas-sena 2018.

187    Skont ir-rikorrenti, ebda waħda mir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni ma tista’ tiġġustifika dan in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, sa fejn hija setgħet legalment tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni aġġornata, bi jew mingħajr verifika, titlob informazzjoni addizzjonali, jekk ikun il-każ, u tibbaża ruħha fuq id-data disponibbli, jekk ikun neċessarju.

188    Ir-rikorrenti tqis, qabelxejn, li dawn l-indikaturi juru li l-industrija tal-Unjoni tejbet il-pożizzjoni kompetittiva tagħha u li, konsegwentement, jikkostitwixxu provi pożittivi tal-assenza ta’ theddida ta’ dannu serju.

189    Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, anki li kieku hija ħadet inkunsiderazzjoni l-indikaturi ta’ dannu għall-ewwel semestru tal‑2018, il-konstatazzjoni finali kienet tkun identika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li t-tendenza ta’ żieda fil-profittabbiltà fuq il-perijodu mix-xahar ta’ Jannar 2018 sax-xahar ta’ Ġunju 2018 ma setgħetx tikkonferma l-konstatazzjoni finali tal-Kummissjoni li hija bbażata fuq l-ipoteżi li żieda fil-volumi ta’ importazzjonijiet twassal għal depressjoni fil-prezzijiet u għal tnaqqis fil-profittabbiltà.

190    Fl-aħħar, ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti, f’dan il-każ, sabiex tistħarreġ jekk din tal-aħħar aġixxietx konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

191    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

192    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, diversi drabi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti tibbaża l-analiżi tagħha fuq indikaturi ta’ dannu aġġornati pprovduti minn Eurofer, li r-rilevanza tagħhom hija s-suġġett tar-raba’ parti tal-ħames motiv.

193    Madankollu, l-analiżi tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-fattur dwar il-profittabbiltà. Kif ġie indikat fil-punti 158 sa 161 iktar ’il fuq, moqrija flimkien mal-punt 165 iktar ’il fuq, l-importanza ta’ dan il-fattur għandha tiġi rrelativizzata u ma tistax, fiha nnifisha, twassal għall-identifikazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ħames motiv hija ineffettiva.

194    Fi kwalunkwe każ, id-diversi raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-fatt li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-indikaturi ta’ dannu kkomunikati minn Eurofer għall-ewwel żewġ trimestri tas-sena 2018 ma jiżvelawx żball manifest ta’ evalwazzjoni minkejja l-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, l-inkompletezza tal-imsemmija data hija karatteristika. Fil-fatt, l-indikaturi ta’ Eurofer ma jkoprux il-prodott ikkonċernat kollu. Għaldaqstant, anki jekk ir-rikorrenti tqis li l-kategoriji ta’ prodotti koperti jirrappreżentaw il-maġġoranza vasta tal-volumi tal-prodott ikkonċernat u li, peress li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kategoriji l-oħra ta’ prodotti huwa probabbilment dovut għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din id-data mill-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tubu tal-Azzar (ESTA), il-Kummissjoni kellha d-dritt tuża d-data disponibbli, skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, minn dan ma jistax jiġi dedott obbligu għall-Kummissjoni li tagħmel dan. Din tal-aħħar hija, effettivament, fid-dritt li tqis li, fid-dawl ta’ din l-inkompletezza, id-data ma hijiex rilevanti, mingħajr ma dan jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ ksur tad-dmir ta’ diliġenza jew tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

195    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, din għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

 Fuq issitt motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ilksur talArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

196    Permezz tas-sitt motiv tagħha, maqsum fi tliet partijiet, ir-rikorrenti tfittex li tistabbilixxi li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji billi ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet ikkonstatati u r-riskju identifikat ta’ dannu serju li jhedded l-industrija tal-Unjoni.

–       Fuq lewwel parti tassitt motiv, dwar ilfatt li, peress li ttheddida ta’ dannu serju hija marbuta malimportazzjonijiet futuri, ilKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi stabbilixxiet rabta kawżali bejn limsemmija theddida u żżieda talimportazzjonijiet, bi ksur talArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

197    Fil-kuntest tal-ewwel parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tallega li mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li l-importazzjonijiet eżistenti fid-data tar-Regolament ikkontestat kienu jikkawżaw jew kienu heddu li jikkawżaw dannu serju, iżda li din it-theddida kienet ibbażata fuq importazzjonijiet li kienu għadhom ma twettqux, li huwa kuntrarju, b’mod partikolari, għall-ġurisprudenza tal-WTO.

198    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’hekk kisret l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, billi bbażat ruħha fuq “żieda futura u teoretika tal-importazzjonijiet”.

199    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

200    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha fuq evalwazzjoni tal-importazzjonijiet eżistenti u futuri. Fil-fatt, mill-analiżi tagħha jirriżulta li, għalkemm it-theddida ta’ dannu serju hija, f’dan il-każ, irrappreżentata mill-importazzjonijiet futuri, li l-potenzjal tagħhom jirriżulta mis-sensiela ta’ indizji msemmija fil-punti 172 sa 174 iktar ’il fuq, din teżisti minħabba s-sitwazzjoni partikolari li fiha tinsab l-industrija tal-Unjoni minħabba l-importazzjonijiet ikkonstatati fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

201    L-approċċ segwit mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji huwa, għalhekk, konformi mal-Artikolu 9(2) tal-istess regolament, li jipprevedi preċiżament li, fil-każ ta’ theddida ta’ dannu serju, il-Kummissjoni għandha teżamina r-rata ta’ żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni sabiex tiddetermina jekk huwiex prevedibbli b’mod ċar li sitwazzjoni partikolari tista’ tinbidel f’dannu reali.

202    Fi kliem ieħor, mingħajr l-effetti kkawżati mill-importazzjonijiet eżistenti, importazzjonijiet futuri jistgħu ma jkunux problematiċi. B’hekk, minħabba l-importazzjonijiet eżistenti, tidher theddida ta’ dannu serju fid-dawl tal-projezzjonijiet previsti fir-rigward tar-rata ta’ żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

203    Ir-rikorrenti tqis li mill-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jirriżulta li huma biss l-importazzjonijiet eżistenti li għandhom jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju.

204    Il-premessa tal-argument żviluppat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti hija bbażata, għalhekk, fuq interpretazzjoni żbaljata tan-natura tar-rabta kawżali eżistenti bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet ikkonstatati u r-riskju identifikat ta’ dannu serju li jhedded l-industrija tal-Unjoni.

205    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ittieni parti tassitt motiv, dwar innuqqas ta’ rabta kawżali, b’mod li lKummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni bi ksur talArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

206    Permezz tat-tieni parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali u li għaldaqstant hija ma osservatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

207    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi tal-proċess juru li, iktar milli jhedded li jikkawża dannu serju, il-livell eżistenti tal-importazzjonijiet, anki matul il-PLR, ma jipprekludix lill-industrija tal-Unjoni milli ssostni l-kompetizzjoni u milli tikseb benefiċċji komdi. Skont il-ġurisprudenza tal-WTO, il-Kummissjoni kellha tipprovdi, f’tali sitwazzjoni, spjegazzjonijiet sodisfaċenti, motivati jew raġonevoli dwar il-fatt li d-data kienet tindika minkejja kollox l-eżistenza ta’ rabta kawżali, ħaġa li hija ma għamlitx.

208    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-assenza ta’ rilevanza, allegata mill-Kummissjoni, taċ-ċifri pprovduti minn Eurofer fir-rigward tal-kriterju relatat mal-profittabbiltà u tenfasizza li, anki jekk tibbaża ruħha fuq iċ-ċifri msemmija fir-Regolament ikkontestat, tirriżulta assenza ta’ korrelazzjoni bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet u deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bejn is-sena 2013 u s-sena 2017.

209    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

210    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ rabta kawżali u li jsostnu t-tieni parti tas-sitt motiv tagħha huma bbażati essenzjalment fuq l-interpretazzjonijiet tagħha dwar iż-żieda fil-profittabbiltà, sostnuti miċ-ċifri pprovduti minn Eurofer.

211    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, qabelxejn, il-kriterju tal-profittabbiltà ma jidhirx li huwa determinanti (ara l-punti 158 sa 161 iktar ’il fuq, moqrija flimkien mal-punt 165 iktar ’il fuq), sussegwentement, iċ-ċifri pprovduti minn Eurofer ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara l-punt 194 iktar ’il fuq) u, fl-aħħar, ir-rabta kawżali bejn il-livell eżistenti ta’ importazzjonijiet, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, u t-theddida ta’ dannu serju ġiet stabbilita, suffiċjentement skont il-liġi, mill-Kummissjoni (ara l-punti 200 sa 205 iktar ’il fuq).

212    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ittielet parti tassitt motiv, dwar ilfatt li lKummissjoni ma evalwatx korrettament leffett talprattiki preċedenti ta’ dumping jew ta’ sussidji fuq iddannu subit millindustrija talUnjoni, u għaldaqstant ivvizzjat levalwazzjoni tagħha talkawżalità bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, bi ksur talArtikolu 16 tarRegolament bażiku dwar issalvagwardji

213    Permezz tat-tielet parti tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett possibbli tal-prattiki preċedenti ta’ dumping u ta’ sussidji, fatt li vvizzja l-konstatazzjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tad-dannu, b’tali mod li l-analiżi tar-rabta kawżali kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

214    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tirrileva li l-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet, fir-Regolament ikkontestat, li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli sal‑2016 huwa spjegat, tal-inqas parzjalment, minn dannu sinjifikattiv preċedenti li l-kawża tiegħu kienet prattiki preċedenti ta’ dumping u ta’ sussidji li fil-konfront tagħhom kienu ġew adottati miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-fatt jekk il-miżuri antidumping u kumpensatorji għandhomx jew le għanijiet differenti jew immirati lejn prodotti speċifiċi meta mqabbla mal-miżuri ta’ salvagwardja huwa irrilevanti.

215    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

216    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 95 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni la injorat l-eżistenza ta’ prattiki preċedenti ta’ dumping u ta’ sussidji inkwistjoni, u lanqas l-effetti tal-miżuri meħuda fir-rigward tagħhom. Barra minn hekk, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ġġustifika l-fatt li hija ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu serju.

217    Għalhekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni ma huwa vvizzjat minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-impatt tal-prattiki preċedenti ta’ dumping u ta’ sussidji fuq l-analiżi tagħha tar-rabta kawżali bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet u t-theddida ta’ dannu serju.

218    It-tieni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod iktar iddettaljat dawn il-prattiki, sa fejn, anki jekk dawn kienu jikkonċernaw allegatament parti sinjifikattiva tal-prodott ikkonċernat, kif issostni r-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn kienu jikkonċernaw biss ċerti kategoriji ta’ prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi.

219    Għaldaqstant, il-fatt li ttieħdu inkunsiderazzjoni bil-mod deskritt fil-punt 216 iktar ’il fuq huwa biżżejjed sabiex tiġi eskluża kull identifikazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

220    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 16 u talArtikolu 5(1) tarregolament bażiku dwar issalvagwardji

221    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li ma teżisti ebda bażi legali fir-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji sabiex il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni ta’ salvagwardja fuq inizjattiva tagħha stess. Dan il-ftuħ ikun iġġustifikat biss jekk l-informazzjoni (u, fl-aħħar mill-aħħar, talba) tkun ġiet irċevuta min-naħa ta’ Stat Membru.

222    B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, inkluż fil-Kapitolu III li jirreferi għalih l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 7 u 8 tal-istess regolament, sabiex issostni li huma biss l-Istati Membri li jistgħu jieħdu l-inizjattiva tal-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja. Minn naħa, hija tenfasizza li n-notifika ta’ bidu tal-investigazzjoni tindika espliċitament li din infetħet fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess u, min-naħa l-oħra, hija tirrileva, fid-dawl ta’ diversi elementi fil-fajl, li hija kienet infetħet fuq il-bażi ta’ informazzjoni li qatt ma ġie stabbilit li din kienet toriġina minn Stat Membru.

223    Fl-aħħar, minn naħa, ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ l-investigazzjoni abbażi biss tal-informazzjoni rċevuta fil-kuntest tal-miżuri ta’ sorveljanza, peress li dawn il-miżuri jkopru biss l-importazzjonijiet għall-perijodu mill‑2015 sal‑2017, bl-esklużjoni tal-perijodu mill‑2013 sal‑2014 u fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li, indipendentement mill-kompetenzi effettivament attribwiti lill-Kummissjoni skont ir-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, l-ebda dispożizzjoni ma tippermettilha tiftaħ investigazzjonijiet ex officio.

224    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

225    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-inizjattiva tal-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja ma tirriżultax mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, moqri fid-dawl tal-premessi 7 u 8 tal-istess regolament.

226    Qabelxejn, il-premessa 7 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa mill-Istati Membri b’kull periklu maħluq mix-xejriet fl-importazzjonijiet li jistgħu jitolbu għas-sorveljanza tal-Unjoni jew l-applikazzjoni tal-miżuri tas-salvagwardja”.

227    Din il-premessa ma tikkonċernax is-setgħa tal-Kummissjoni li tiftaħ investigazzjoni, iżda l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq l-Istati Membri sabiex din tkun tista’ twettaq l-obbligi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tawha, sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni, kemm fir-rigward tat-tnedija ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-importazzjoni ta’ prodott li joriġina minn pajjiż terz, skont il-Kapitolu IV tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, kif ukoll tal-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ prodott importat fl-Unjoni, konformement mal-Kapitolu V tal-istess regolament.

228    Madankollu, ebda esklużività fir-rigward tas-sors tal-informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni teżerċita l-obbligi tagħha ma tirriżulta mill-kliem tal-imsemmija premessa.

229    Sussegwentement, il-premessa 8 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji tipprovdi li, “[f]’każijiet simili l-Kummissjoni għandha teżamina t-termini u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom jiġru l-importazzjonijiet, ix-xejra fl-importazzjonijiet, l-aspetti varji tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u, fejn ikun xieraq, il-miżuri li jridu jiġu applikati”.

230    Din il-premessa ma tikkonċernax is-setgħa tal-Kummissjoni li tiftaħ investigazzjoni, iżda hija intiża sabiex timponi obbligu ta’ eżami fuqha f’sitwazzjoni speċifika, jiġifieri meta hija tirċievi t-tip ta’ informazzjoni msemmija fil-premessa 7 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

231    Għalkemm l-eżistenza ta’ obbligu limitat għal ipoteżi partikolari tirriżulta mill-kliem tal-premessa 8 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, dan la jillimita u lanqas jeskludi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħmel tali eżami f’każijiet oħra.

232    Fl-aħħar, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jindika, b’mod partikolari, li, “[f]ejn ikun jidher lill-Kummissjoni li hemm evidenza suffiċjenti li tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha titnieda investigazzjoni fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mingħand Stat Membru u tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”.

233    Din id-dispożizzjoni tiggarantixxi lil Stat Membru li jkun bagħat informazzjoni lill-Kummissjoni li din tal-aħħar ser tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu fir-rigward tal-ftuħ ta’ investigazzjoni eventwali. Għalhekk, it-terminu stabbilit ikopri, mid-definizzjoni tiegħu stess, is-sitwazzjoni li tkun tinsab fiha l-Kummissjoni meta jiġi impost fuqha l-obbligu ta’ eżami msemmi fil-premessa 8 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

234    Madankollu, kif ġie ppreċiżat fil-punti 228 u 231 iktar ’il fuq, din is-sitwazzjoni ma teskludix ipoteżijiet oħra, għaliex inkella l-Kummissjoni tiġi prekluża milli tissodisfa l-obbligi li ġew fdati lilha.

235    Dan huwa l-każ, minn tal-inqas, meta, bħal fil-każ ineżami, ikunu ġew implimentati miżuri ta’ sorveljanza.

236    L-applikazzjoni ta’ tali miżuri tista’ tiġi deċiża mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, mingħajr investigazzjoni preliminari, peress li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(1) tal-istess regolament ma japplikax għal din is-sitwazzjoni.

237    Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/670 ġie, b’mod partikolari, adottat abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

238    Skont il-premessa 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/670, l-għan li għandu jintlaħaq bl-istabbiliment ta’ sorveljanza minn qabel kien il-provvista ta’ informazzjoni statistika approfondita li tippermetti analiżi rapida tal-iżvilupp tal-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi terzi kollha.

239    Kif jirriżulta mill-avviż ta’ bidu tal-investigazzjoni ta’ salvagwardja, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-informazzjoni miksuba bis-saħħa tas-sistema ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni qieset li kien hemm provi suffiċjenti li jindikaw li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet jista’ jirrendi neċessarju l-użu ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

240    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, il-Kummissjoni, sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni, tista’, b’mod partikolari fuq inizjattiva tagħha stess, timponi tali miżuri meta jkunu ssodisfatti kundizzjonijiet sostantivi.

241    Madankollu, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 7 tal-istess regolament, ebda miżura ta’ salvagwardja ma tista’ tiġi imposta mingħajr il-ftuħ ta’ investigazzjoni minn qabel.

242    Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda, fuq inizjattiva tagħha stess, tali investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar.

243    Minn dak li ntqal jirriżulta li jekk, kif tallega r-rikorrenti, l-inizjattiva tal-ftuħ ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja taqa’ esklużivament fuq l-Istati Membri, mhux biss tkun limitata fl-effetti tagħha s-setgħa ta’ inizjattiva mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, iżda fuq kollox, ikun affettwat l-għan innifsu tal-mekkaniżmu ta’ sorveljanza.

244    Fil-fatt, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti, li twassal sabiex il-ftuħ ta’ investigazzjoni jiddependi fuq ir-riferiment lill-Kummissjoni minn Stat Membru, iċċaħħad l-istudju tad-data miġbura skont dan il-mekkaniżmu mill-essenzjal tal-interess tagħha.

245    Konsegwentement, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti dwar is-setgħa ta’ inizjattiva ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, hija inkompatibbli mal-istruttura tas-sistema prevista minn dan ir-regolament.

246    F’dan ir-rigward, jista’ jingħad ukoll li l-interpretazzjoni li tagħti r-rikorrenti tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji tidher inkoerenti fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament.

247    Għalhekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jippermetti lill-Kummissjoni tadotta, b’mod partikolari, miżuri ta’ salvagwardja provviżorji f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza. Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, l-implimentazzjoni ta’ din il-kompetenza hija eżentata milli tissodisfa r-rekwiżit relatat mat-twettiq ta’ investigazzjoni qabel l-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri. Madankollu, kull miżura ta’ investigazzjoni ma hijiex eskluża. Fil-fatt, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji jippreċiża li l-Kummissjoni għandha tipproċedi immedjatament għall-miżuri investigattivi li jkunu għadhom neċessarji. Madankollu, il-ftuħ ta’ tali investigazzjoni ma jiddependix mir-riferiment minn qabel lill-Kummissjoni minn Stat Membru. Fil-fatt, ikun illoġiku li tiġi imposta tali kundizzjoni meta, b’mod partikolari, ikun ġie stabbilit li kienu jeżistu provi suffiċjenti li juru li żieda fl-importazzjonijiet kienet ikkawżat jew heddet li jiġi kkawżat dannu serju, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji. L-istess raġunament jispjega l-eżistenza tal-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tiftaħ investigazzjoni mingħajr riferiment minn qabel minn Stat Membru, meta miżuri ta’ sorveljanza jkunu diġà fis-seħħ u jippermettu li jiġu prodotti provi suffiċjenti li jindikaw li l-iżvilupp tal-importazzjonijiet jista’ jirrendi neċessarju l-użu ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

248    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bi kwalunkwe obbligu li tiġi adita minn Stat Membru qabel l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha bis-saħħa, minn naħa, tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji, li jawtorizzaha tadotta miżuri ta’ salvagwardja, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20 tal-istess regolament, li jawtorizzaha teżamina l-effetti tal-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ u temenda l-modalitajiet tagħha, jew saħansitra tirrevoka dawn il-miżuri. Dawn l-azzjonijiet kollha, li l-Kummissjoni tista’ twettaq fuq inizjattiva tagħha stess, jagħmlu parti minn loġika li tgħid li hija għandha, qabel l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, provi dwar l-eżistenza jew le ta’ sitwazzjoni problematika għall-produtturi tal-Unjoni, peress li l-oriġini ta’ dawn il-provi hija irrilevanti.

249    Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet tirriżulta sistema koerenti, li tistabbilixxi loġika globali li tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess meta jkollha provi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-azzjoni tagħha.

250    Għaldaqstant, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din il-loġika u, għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess hija rrikonoxxuta fil-kuntest tal-ftuħ tal-investigazzjonijiet imsemmi f’dan l-istess artikolu.

251    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda element fattwali ma jikkorrobora l-pożizzjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-Istati Membri ma esprimewx oġġezzjoni fir-rigward ta’ din l-investigazzjoni u saħansitra kkooperaw mal-Kummissjoni f’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji.

252    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq kwalunkwe esklużività fir-rigward tas-sors tal-informazzjoni li tillimita l-kamp ta’ investigazzjoni ma huwiex sostnut mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti. Fil-fatt, ma jeżisti ebda argument testwali li jobbliga lill-Kummissjoni teskludi l-informazzjoni li hija setgħet tikseb flimkien ma’ dik miksuba permezz tal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont il-miżuri ta’ sorveljanza.

253    Fi kwalunkwe każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti tikkonfondi d-data li tat bidu għall-ftuħ tal-investigazzjoni (jiġifieri ż-żieda kontinwa fl-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar) ma’ dik dwar il-perijodu eżaminat mill-Kummissjoni sabiex tislet il-konklużjonijiet tagħha.

254    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal smigħ xieraq

255    Fil-kuntest tat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma żvelatx ċerta informazzjoni matul l-investigazzjoni ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża.

256    B’mod iktar preċiż, wara li fakkret l-importanza partikolari li għandha l-osservanza tal-garanziji proċedurali li jinkludu d-dritt għal smigħ xieraq fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, qasam li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, minn naħa, ir-rikorrenti tqis li, billi ma żvelatx l-informazzjoni statistika għall-PLR li hija kellha, il-Kummissjoni pprekludiet lill-partijiet ikkonċernati, inkluża r-rikorrenti, milli jiddeċiedu fuq informazzjoni essenzjali li b’mod partikolari serviet bħala bażi sabiex tikkonstata żieda fl-importazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li, billi dewmet b’mod sinjifikattiv it-tixrid tal-informazzjoni trażmessa minn Eurofer, il-Kummissjoni ċaħħdet lill-partijiet ikkonċernati, inkluża r-rikorrenti, mill-possibbiltà li jagħmlu kummenti u li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom dwar id-dannu aġġornat sostnut minn parti kbira tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li ma huwiex rilevanti l-fatt li l-Kummissjoni ma użatx din id-data, sa fejn l-argument tagħha huwa bbażat fuq il-grad ta’ informazzjoni li hija seta’ kellha sabiex tifforma l-opinjoni tagħha.

257    Ir-rikorrenti żżid, l-ewwel, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar, minn naħa, kellha l-obbligu li tpoġġiha f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tikkomunika b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati insostenn tal-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ żieda fl-importazzjonijiet u ta’ theddida ta’ dannu serju u, min-naħa l-oħra, naqset milli żżomm il-fajl aġġornat fi żmien xieraq. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tafferma li ma ngħatatx l-opportunità li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward, minn naħa, l-informazzjoni dwar l-użu tal-istatistika ta’ importazzjoni għall-PLR u, min-naħa l-oħra, l-indikaturi ta’ dannu aġġornati ta’ Eurofer.

258    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

259    Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mid-dokumenti tar-rikorrenti jirriżulta li, għalkemm l-argument tagħha fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-użu tal-istatistika ta’ importazzjoni għall-PLR kien, inizjalment, il-bażi tal-argument tagħha dwar l-allegata illegalità tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni, hija sussegwentement qieset li l-illegalità kienet toriġina mill-fatt li hija ma kinitx tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha. B’hekk, din ma għadhiex kwistjoni ta’ kontestazzjoni dwar l-assenza ta’ żvelar, iżda ta’ kontestazzjoni dwar in-natura tardiva ta’ dan l-iżvelar. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din l-informazzjoni huma essenzjalment l-istess bħall-ilment tagħha mressaq fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar l-indikaturi ta’ dannu aġġornati ta’ Eurofer.

260    Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura ineffettiva tat-tmien motiv minħabba l-inapplikabbiltà tad-dritt għal smigħ xieraq f’dan il-każ. Fil-fatt, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-kontroreplika, matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura rriżulta li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega, fir-realtà, ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-fatt li hija ma tqegħditx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar ċertu ammont ta’ informazzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

261    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet li jirregolaw id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati li jesprimu l-opinjoni tagħhom, li jkollhom aċċess għal ċerta informazzjoni u li jinstemgħu, huma previsti fl-Artikolu 5(1)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku dwar is-salvagwardji kif ukoll fl-Artikolu 5(4) u (5) tal-istess regolament.

262    Għalkemm huwa minnu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tindikax b’mod espliċitu d-dispożizzjoni li l-Kummissjoni kisret, madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li, sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet inkwistjoni fil-punt 261 iktar ’il fuq, din tal-aħħar hija obbligata li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet, fi żmien xieraq, l-informazzjoni li tingħatalha fil-kuntest tal-investigazzjoni, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet.

263    F’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-komunikazzjoni tardiva tal-informazzjoni dwar l-użu tal-istatistika ta’ importazzjoni għall-PLR u informazzjoni dwar l-indikaturi ta’ dannu aġġornati fir-rigward tal-osservanza, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet, fi żmien xieraq, l-informazzjoni li tingħatalha fil-kuntest tal-investigazzjoni.

264    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti kellha aċċess għall-indikaturi ta’ dannu pprovduti minn Eurofer fil‑21 ta’ Diċembru 2018 u għall-informazzjoni statistika għall-PLR fl‑4 ta’ Jannar 2019. Ir-Regolament ikkontestat ġie adottat fil‑31 ta’ Jannar 2019.

265    Għalkemm ir-rikorrenti ma kellhiex perijodu ta’ żmien twil, għandu jitfakkar, minn naħa, li din l-informazzjoni kienet sempliċement tikkompleta informazzjoni oħra li hija kienet ikkummentat matul il-proċedura kollha u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri ta’ salvagwardja huma miżuri ta’ emerġenza li l-adozzjoni tagħhom ma tistax tittawwal indefinittivament.

266    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xieraq u li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet, fi żmien xieraq, l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha fil-kuntest tal-investigazzjoni.

267    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jista’ jiġi identifikat.

268    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura ineffettiva tat-tmien motiv minħabba l-assenza tal-użu tal-indikaturi ta’ dannu aġġornati għall-ewwel u għat-tieni trimestru tal‑2018, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq lispejjeż

269    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

270    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Uzina Metalurgica Moldoveneasca OAO hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Jaeger

Porchia

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Mejju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.