Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Frar 2009 - United Phosphorus vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-95/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United Phosphorus (Warringthon, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/902/KE, tas-7 ta' Novembru 2008, dwar in-noninklużjoni tan-napropamide fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6281) 1. Il-miżuri kkontestati jidħlu fis-seħħ fis-7 ta' Mejju 2009.

Ir-rikorrenti tressaq tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji manifesti ta' evalwazzjoni. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, m'hemmx ġustifikazzjoni xjentifika suffiċjenti għall-konklużjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-provi xjentifiċi disponibbli kollha bi ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 2 u tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1490/2002 3.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1490/2002, peress li l-allegat aġir kunfliġġenti u kontradittorju tagħha ċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt li tirrevoka s-sostenn ta' sustanza bi skambju għal perijodu ta' tneħħija estiż sakemm is-sottomissjoni mill-ġdid tal-fajl tkun għadha pendenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tadotta d-deċiżjoni kkontestata fit-termini proċedurali applikabbli u għaldaqstant kisret l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1490/2002.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju bħall-prinċipju tal-aspettativi leġittimi, il-prinċipju ta' smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u kif ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità kif iddikjarat fl-Artikolu 5 KE peress li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet testendi t-termini applikabbli sabiex l-EFSA tingħata iktar żmien sabiex tirrevedi l-informazzjoni u d-data ppreżentata mir-rikorrenti. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi motivazzjoni adegwata sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta' qbil tagħha mal-evalwazzjoni tar-RMS u tal-EFSA u għaldaqstant naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 253 KE.

____________

1 - ĠU L 326, p. 35

2 - Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1)

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002, tal-14 ta' Awwissu 2002, li jwaqqaf regoli oħra għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta' xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (ĠU 2002 L 224, p. 23)