Language of document : ECLI:EU:T:2020:440

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

23 ta’ Settembru 2020 (*)

“Relazzjonijiet barranin – Kooperazzjoni teknika – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2018/1971 – Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 – Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiż terz f’dan il-korp – Parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo – Kunċett ta’ pajjiż terz – Żball ta’ liġi”

Fil-Kawża T‑370/19,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, M. Kellerbauer u T. Ramopoulos, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2019, C 115, p. 26),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J. Costeira (Relatur), President, M. Kancheva u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU 2009, L 337, p. 1), il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jwaqqaf il-BEREC u li jinkarigah li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jtejjeb l-funzjonament tiegħu, billi jiżgura applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropea għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Konformement ma’ dan ir-regolament, il-BEREC kellu jeżegwixxi l-kompiti tiegħu, b’mod indipendenti, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem in-“NRA”) u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-istess mod, il-BEREC kellu jinkoraġixxi l-kooperazzjoni bejn in-NRA, u bejn n-NRA u l-Kummissjoni.

2        Konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1211/2009, il-BEREC kien ikkostitwit minn Bord tar-Regolaturi. Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, il-BEREC kien assistit mill-Uffiċċju, impoġġi taħt it-tmexxija tal-Bord tar-Regolaturi. L-Uffiċċju kien jinkludi b’mod partikolari Kumitat ta’ Tmexxija. Il-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija kienu komposti, kull wieħed minnhom, minn membru minn kull Stat Membru, li kien id-direttur jew ir-rappreżentant ta’ livell għoli tan-NRA stabbilita f’kull Stat Membru. Bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, in-NRA tal-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni kellhom l-istatus ta’ osservatur u kienu jipparteċipaw fil-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC u fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Uffiċċju. Il-pajjiżi terzi minbarra l-pajjiżi taż-ŻEE u l-pajjiżi li huma kandidati kienu ġew esklużi mill-parteċipazzjoni fil-BEREC u mill-korpi tiegħu.

3        Barra minn hekk, bejn l‑2001 u l‑2015, l-Unjoni ffirmat ma’ diversi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem il-“FSA”), li jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (ĠU 2016, L 71, p. 3, iktar ’il quddiem l-“FSA Kosovo”), li jipprevedi tali dispożizzjonijiet fl-Artikolu 111 tiegħu, li, taħt it-titolu “Networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“Il-kooperazzjoni għandha tiffoka primarjament fuq l-oqsma prijoritarji relatati mal-acquis tal-UE f’dan il-qasam.

Il-Partijiet, b’mod partikolari, għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, bl-għan aħħari li l-Kosovo jadotta l-acquis tal-UE fis-settur ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, b’attenzjoni speċjali tingħata lejn l-iżgurar u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji relevanti.”

4        B’mod ġenerali, il-FSA Kosovo huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jittieħdu miżuri konkreti sabiex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Kosovo u t-tqarrib bejnu u l-Unjoni. L-Artikolu 2 tal-FSA Kosovo jippreċiża madankollu li l-“kliem jew definizzjonijiet użati f’dan il-Ftehim, inklużi l-Annessi u l-Protokolli għalihom, ma jikkostitwixxu rikonoxximent tal-Kosovo mill-UE bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxu rikonoxximent minn Stati Membri individwali tal-Kosovo f’dik il-kapaċità fejn huma ma jkunux għamlu tali pass”.

5        Fis‑6 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent” (COM(2018) 65 final). F’din il-komunikazzjoni, huwa indikat li l-Kummissjoni biħsiebha tniedi strateġija diġitali għall-Balkani tal-Punent, li tinkludi azzjonijiet intiżi li jiffaċilitaw it-tnaqqis tal-ispejjeż tar-roaming, li tiġi appoġġjata t-tnedija tal-broadband, li tiġi żviluppata s-soċjetà diġitali u, b’mod iktar ġenerali, li jiġu sostnuti l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis fil-qafas tas-suq diġitali uniku.

6        Fit‑22 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat dokument tax-xogħol, intitolat “Miżuri insostenn ta’ strateġija diġitali għall-Balkani tal-Punent” (SWD(2018) 360 final) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Wieħed mill-ħames oqsma prinċipali koperti minn din l-istrateġija diġitali jikkonċerna l-appoġġ għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis fis-suq diġitali uniku. Waħda mill-azzjonijiet f’dan il-qasam prinċipali tikkonsisti fl-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fi ħdan korpi regolatorji jew fi gruppi ta’ ħidma eżistenti, bħall-BEREC, li jissemma espliċitament. F’dan ir-rigward, dan id-dokument jippreċiża, fil-punt 8.3.1 tiegħu, dwar il-kwistjoni tal-BEREC, li “[r]elazzjoni iktar mill-qrib bejn in-NRA tal-UE u tal-Balkani tal-Punent ser tikkontribwixxi sabiex jitqarrbu l-prattiċi regolatorji tar-reġjun tagħhm ma’ dawk tal-Unjoni […] Minkejja li erba’ mis-sitt ekonomiji tal-Balkani tal-Punent huma attwalment osservaturi tal-BEREC, il-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC aċċetta li jikkollabora iktar mill-qrib mas-sitt NRA kollha tar-reġjun. Dan ser jibqa’ possibbli fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament [Nru 1211/2009]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Fil‑11 ta’ Diċembru 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2018/1971 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU 2018, L 321, p. 1). Dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Diċembru 2018.

8        B’mod partikolari, l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971, intitolat “Kooperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni, mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Sa fejn ikun meħtieġ biex il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u jwettqu l-kompiti tagħhom, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawn jistgħu jikkooperaw ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għal dak il-għan u soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi.

2.      Il-Bord tar-Regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-Bord Maniġerjali għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi li jkollhom responsabbiltà primarja fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika fejn dawk il-pajjiżi terzi jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop.

Taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, sa fejn u l-mod kif dawn l-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi kkonċernati ser jieħdu sehem mingħajr id-dritt tal-vot fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-BEREC, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal għall-Uffiċċju tal-BEREC. Fi kwalunkwe każ, fejn jidħlu l-materji marbutin mal-persunal, dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolamenti tal-Persunal.

3.      Bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 21, il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta l-istrateġija tal-BEREC għar-relazzjonijiet ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-BEREC. Il-Kummissjoni, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jikkonkludu arranġament xieraq ta’ ħidma bil-għan li jiżgura li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC joperaw fi ħdan il-mandat tagħhom u l-qafas istituzzjonali eżistenti.”

9        Fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat sitt deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-BEREC. Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu b’mod partikolari abbażi tal-qafas legali l-ġdid u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, li jirregola l-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ pajjiżi terzi fil-korpi tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, bl-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ dawn is-sitt pajjiżi fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, konformement mal-istrateġija diġitali għall-Balkani tal-Punent imsemmija fil-punti 5 u 6 iktar ’il fuq.

10      Fost is-sitt deċiżjonijiet hemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2019, C 115, p. 26, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li n-NRA tal-Kosovo, li għandha bħala responsabbiltà prinċipali li tissorvelja ta’ kuljum il-funzjonament tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, setgħet tipparteċipa fil-Bord tar-Regolaturi u fil-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC kif ukoll fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC. Barra minn hekk, filwaqt li tagħmel riferiment għall-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo, il-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata tistipula li l-Unjoni u l-Kosovo kkonkludew ftehim fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment ukoll għall-Artikolu 17 TUE fil-premessa 1 tagħha.

11      Fl‑24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-awtorità regolatorja tal-komunikazzjonijiet Irlandiża, fil-kwalità tagħha ta’ President tal-BEREC, li fiha hija esponiet il-kriterji li hija stabbilixxiet f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC u fl-Uffiċċju tal-BEREC. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ppreżentat, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tal-Balkani tal-Punent, li jikkonċernaw sitt partijiet li kkonkludew FSA mal-Unjoni, jiġifieri erba’ pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni (l-Albanija, il-Maċedonja tat-Tramuntana, il-Montenegro u s-Serbja) kif ukoll żewġ kandidati potenzjali (il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo). Fiha l-Kummissjoni indikat li, f’kull każ, il-FSA huma meqjusa bħala ftehimiet fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 u spjegat li s-sitt deċiżjonijiet adottati fit‑18 ta’ Marzu 2019 jipprevedu d-dispożizzjonijiet vinkolanti neċessarji fir-rigward tan-natura, il-portata u l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC u fl-Uffiċċju tal-BEREC.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2019, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors.

13      Ir-risposta tal-Kummissjoni ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Awwissu 2019.

14      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Ottubru 2019.

15      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Diċembru 2019.

16      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

17      Bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni ordnata mill-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ April 2020, il-partijiet indikaw li ma jixtiqux jinstemgħu f’seduta. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

18      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn il-Kosovo ma huwiex “pajjiż terz”. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-ksur ta’ dan l-artikolu sa fejn ma jeżistix “ftehim” għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-BEREC. It-tielet motiv, min-naħa tiegħu, huwa bbażat fuq il-ksur tal-imsemmi artikolu sa fejn il-Kummissjoni warrbet il-proċedura stabbilita għall-parteċipazzjoni tan-NRA tal-pajjiżi terzi fil-BEREC.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn il-Kosovo ma huwiex “pajjiż terz”

21      Permezz tal-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li, billi awtorizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, in-NRA tal-Kosovo sabiex tipparteċipa fil-Bord tar-Regolaturi u fil-gruppi tax-xogħol tal-BEREC kif ukoll fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn din id-dispożizzjoni tippermetti din il-parteċipazzjoni tan-NRA tal-“pajjiżi terzi” biss. Skont ir-Renju ta’ Spanja, peress li l-Kosovo ma huwiex legalment “pajjiż terz”, il-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu fil-Kosovo ma jistgħux ikunu ssodisfatti.

22      F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-formulazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 hija ċara u kkonfermata mill-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, li tagħmel riferiment ukoll għall-possibbiltà ta’ tali parteċipazzjoni tan-NRA tal-“pajjiżi terzi”. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-parteċipazzjoni fil-BEREC, prevista fl-imsemmi Artikolu 35(2), teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ awtorità relatata ma’ organizzazzjoni tal-Istat, b’tali mod li jista’ jkun hemm NRA biss fi Stat. Ir-Renju ta’ Spanja jispeċifika, barra minn hekk, li l-imsemmija premessa 34 tinvoka, bħala eżempji ta’ pajjiżi terzi, lill-Istati Membri taż-ŻEE jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni.

23      Ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-Kummissjoni impliċitament assimilat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kosovo ma’ “pajjiż terz” fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971, minkejja li ma hemm ebda bażi legali biex tagħmel dan. Huwa josserva li l-fatt li Kosovo kkonkluda FSA mal-Unjoni ma jagħmlux “pajjiż terz” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li l-Kosovo ma jistax jiġi assimilat mal-Istati Membri taż-ŻEE jew tal-EFTA u lanqas mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni. Huwa jinnota wkoll li l-Artikolu 2 tal-FSA Kosovo jikkonferma dan l-approċċ.

24      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li ma huwiex neċessarju li n-NRA tal-Kosovo tipparteċipa fil-BEREC sabiex tosserva l-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo. Is-sitwazzjoni tal-Kosovo hija simili għall-ħames sitwazzjoni msemmija fl-ittra tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ April 2019, jiġifieri dik tal-“pajjiżi l-oħra”. Fil-fatt, dan l-artikolu jagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-kooperazzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u huwa intiż li jsaħħaħ l-indipendenza tan-NRA, iżda ma jipprevedi ebda parteċipazzjoni fl-istrutturi Ewropej f’dan il-qasam.

25      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan l-ewwel motiv jiġi miċħud.

26      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, hija assimilat il-Kosovo ma’ “pajjiż terz”, minkejja li din id-dispożizzjoni tippreżupponi l-parteċipazzjoni ta’ awtorità marbuta ma’ organizzazzjoni tal-Istat, b’tali mod li jista’ jkun hemm NRA biss fi Stat sovran, li ma huwiex il-każ fil-każ tal-Kosovo.

27      Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-portata tal-kunċett ta’ “pajjiż terz” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 u, b’mod partikolari, li tiddetermina jekk dan il-kunċett huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “Stat terz”, bħalma jippretendi r-Renju ta’ Spanja.

28      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” bl-ebda mod ma huwa ddefinit fir-Regolament 2018/1971, u lanqas fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti f’dan il-każ.

29      It-Trattat FUE, min-naħa tiegħu, juża kemm il-kliem “pajjiż terz” kif ukoll “Stat terz” fid-dispożizzjonijiet tiegħu. Madankollu, għandu jiġi nnutat li diversi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kwistjonijiet dwar ir-relazzjonijiet barranin jużaw il-kliem “pajjiż terz”, għaliex is-soċjetà internazzjonali ma hijiex ikkostitwita minn “Stati” biss. B’mod partikolari, il-ħames parti tat-Trattat FUE, intitolata “L-Azzjoni Esterna ta’ l-Unjoni”, tirrifletti l-fatt li s-soċjetà internazzjonali hija komposta minn diversi atturi u, għaldaqstant, tinkludi Titolu III dwar il-kooperazzjoni “Mal-Pajjiżi Terzi” kif ukoll Titolu VI dwar ir-relazzjonijiet “ta’ l-Unjoni ma’ l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali u l-Pajjiżi Terzi”.

30      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-“pajjiżi terzi” huma intiżi b’mod ċar li jiftħu l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet “li ma humiex Stati”. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet territorjali, koperti taħt il-kunċett flessibbli ta’ “pajjiż”, li għandhom il-kapaċità li jikkonkludu trattati skont id-dritt internazzjonali, iżda li ma humiex bilfors “Stati” fis-sens tad-dritt internazzjonali. Li jiġi sostnut il-kuntrarju jwassal sabiex jinħoloq vojt legali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Unjoni kkonkludiet diversi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet li ma humiex Stati sovrani. Hemm b’mod partikolari ftehimiet konklużi mal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO), it-territorju doganali distint ta’ Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu, il-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Ħong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew anki r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

32      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Unjoni kkonkludiet diversi ftehimiet internazzjonali mal-Kosovo, li tirrikonoxxi b’dan il-mod il-kapaċità tiegħu li jikkonkludi tali ftehimiet. Fil-fatt, l-Unjoni b’mod partikolari kkonkludiet il-FSA Kosovo skont l-Artikolu 217 TFUE jew anki l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni (ĠU 2017, L 195, p. 3), konformement mal-Artikolu 212 TFUE. Il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet kienet legalment possibbli biss għaliex il-kunċett ta’ “pajjiż terz” imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE seta’ jieħu tifsira wiesgħa, li tippermetti b’dan il-mod lill-Unjoni li tqis lill-Kosovo bħala tali.

33      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kull darba, l-Unjoni naqset milli tieħu pożizzjoni fuq l-istatus ta’ Stat tal-Kosovo fid-dawl tad-dritt internazzjonali, bħalma juru d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 17 u fl-Artikolu 2 tal-FSA Kosovo, li jippreċiżaw li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix rikonoxximent tal-Kosovo bħala Stat indipendenti mill-Unjoni u lanqas ma jaffettwa l-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq il-kwistjoni tal-istatus tiegħu. Tali prekawzjonijiet jinsabu wkoll f’atti oħrajn tal-Unjoni dwar il-Kosovo, bħall-ftehim qafas imsemmi fil-punt 32 iktar ’il fuq u l-atti bażiċi li jistabbilixxu diversi programmi tal-Unjoni, bħal Erasmus + jew Horizon 2020, li l-Kosovo ġie aċċettat jipparteċipa fihom bħala “pajjiż terz”.

34      Dawn il-prekawzjonijiet meħuda mill-Unjoni fl-atti tagħha dwar il-Kosovo, billi jsemmu espliċitament l-assenza ta’ rikonoxximent tal-Istat tal-Kosovo, ma jistgħux, kuntrarjament għal dak li jippretendi r-Renju ta’ Spanja, jiġu interpretati fis-sens li jeskludu lill-Kosovo mill-kunċett ta’ “pajjiż terz”. Għall-kuntrarju, l-imsemmija prekawzjonijiet huma intiżi preċiżament li jiddistingwu, minn naħa, l-istatus ta’ “Stat” u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità tal-Kosovo li jimpenja ruħu skont id-dritt internazzjonali, bħala attur ta’ dan id-dritt li jaqa’ taħt il-kunċett iktar wiesa’ ta’ “pajjiż terz”.

35      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” imsemmi fid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Artikoli 212 u 216 sa 218 TFUE, sabiex jindika entitajiet suġġetti għad-dritt internazzjonali li jista’ jkollhom drittijiet u obbligi, ma jistax ikollu sens differenti meta dan l-istess kunċett ikun f’test ta’ dritt sekondarju bħalma huwa l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” imsemmi f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandu jirċievi interpretazzjoni differenti minn dik li tinsab fl-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

36      Konsegwentement, il-kunċett ta’ “pajjiż terz” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 ma jistax, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-Renju ta’ Spanja, ikun ekwivalenti għal dak ta’ “Stat terz”. Dan il-kunċett ta’ “pajjiż terz” għandu portata usa’ li tmur lil hinn mill-Istati sovrani biss, b’tali mod li l-Kosovo jista’ jaqa’ taħt tali kunċett ta’ pajjiż terz, bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni jew dik tal-Istati Membri tagħha f’dak li jirrigwarda l-istatus tal-Kosovo bħala Stat indipendenti. Bl-istess mod, fil-kwalità tiegħu ta’ “pajjiż terz”, il-Kosovo jista’ wkoll ikollu awtoritajiet pubbliċi, bħan-NRA tal-Kosovo, b’tali mod li l-affermazzjoni tar-Renju ta’ Spanja skont liema “jista’ jkun hemm NRA biss fi Stat” ma tistax tintlaqa’.

37      Għalhekk, meta qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-Kosovo kien “pajjiż terz” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, il-Kummissjoni ma kisritx din id-dispożizzjoni.

38      Għaldaqstant, l-ewwel motiv imqajjem mir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn ma jeżistix “ftehim” għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-BEREC

39      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn ma jeżistix “ftehim”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-Bord tar-Regolaturi, fil-gruppi ta’ ħidma u fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-BEREC.

40      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li, kuntrarjament għal dak li tindika d-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 111 tal-FSA ma jippermettix li jitqies li l-Kosovo kkonkluda mal-Unjoni ftehim ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC. Din id-dispożizzjoni tipprevedi biss tisħiħ tal-kooperazzjoni sabiex il-Kosovo jadotta l-acquis tal-Unjoni, iżda biss il-parteċipazzjoni fl-istrutturi Ewropej. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-BEREC timplika li wieħed imur lil hinn minn din il-kooperazzjoni u mill-għan stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni.

41      F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li, fid-deċiżjoni kkontestata u fl-ittra tal‑24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ħalltet, minn naħa, il-“kooperazzjoni” koperta mill-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/1971 kif ukoll mill-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo, u, min-naħa l-oħra, l-“integrazzjoni”, koperta mill-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex limitata għal “kooperazzjoni” iżda tikkonkretizza l-“integrazzjoni” tan-NRA tal-Kosovo fil-BEREC. Issa, il-“kooperazzjoni” ta’ NRA mal-BEREC għandha tiġi distinta mill-“integrazzjoni” tagħha jew mill-“parteċipazzjoni” tagħha fl-istrutturi Ewropej tal-BEREC, għaliex dawn iż-żewġ ipoteżijiet koperti mill-imsemmi Artikolu 35 għandhom portata u natura differenti.

42      Ir-Renju ta’ Spanja jikkonkludi minn dan li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi integrazzjoni fl-istruttura tal-BEREC li la hija prevista mill-FSA Kosovo u lanqas minn ebda ftehim ieħor konkluż għal dan l-għan mal-Unjoni. Għalhekk, l-interpretazzjoni “estensiva” tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, mogħtija mill-Kummissjoni, hija żbaljata.

43      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud.

44      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 sa fejn hija qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li, f’dak li jirrigwarda l-Kosovo, kien jeżisti “ftehim mal-Unjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-parteċipazzjni tan-NRA tal-Kosovo fil-Bord tar-Regolaturi u fil-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC kif ukoll fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC. Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo ma jippermettix li jitqies li l-Kosovo kkonkludiet mal-Unjoni “ftehim” ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC.

45      Għalhekk, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-portata tal-kunċett ta’ “ftehim mal-Unjoni għal dak l-iskop” imsemmi fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, u wara li tiddetermina jekk il-FSA Kosovo, b’mod partikolari l-Artikolu 111 tiegħu, jaqax taħt dan il-kunċett.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, kuntrarjament għall-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/1971, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jissuġġetta l-parteċipazzjoni tan-NRA tal-pajjiżi terzi fil-korpi kompetenti tal-BEREC għall-kundizzjoni doppja, minn naħa, tal-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-pajjiż terz ikkonċernat u l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun saret “għal dak l-iskop”.

47      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ “ftehim mal-Unjoni”, mill-kuntest li dan il-kliem jidħol fih isegwi li dan tal-aħħar jagħmel riferiment għal ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, jiġifieri l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Għalhekk, il-FSA Kosovo tista’ ċertament tikkostitwixxi tali ftehim, għaliex dan jorbot lill-partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

48      It-tieni, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni li l-ftehim ikun ġie konkluż “għal dak l-iskop”, din l-espressjoni tal-aħħar tindika li l-ftehimiet ikkonċernati għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jservu bħala l-bażi għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat fil-qasam inkwistjoni, f’dan il-każ il-“qasam tal-komunikazzjoni elettronika”, bħalma jsemmi espliċitament l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Is-sens ta’ din l-espressjoni huwa, barra minn hekk, ippreċiżat fil-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, sa fejn din tagħmel riferiment għal “Stati tal-EFTA taż-ŻEE u [għal] pajjiżi kandidati” bħala eżempji ta’ “pajjiżi terzi [li] daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop”.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kandidati għall-adeżijoni fl-Unjoni (jiġifieri l-Albanija, il-Maċedonja tat-Tramuntana, il-Montenegro u s-Serbja), dawn tal-aħħar ikkonkludew FSA mal-Unjoni li għandhom għan ekwivalenti għal dak tal-FSA Kosovo u li jinkludu dispożizzjonijiet simili ħafna, bħala formulazzjoni u kuntest, għall-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 104 tal-FSA mal-Albanija (ĠU 2009, L 107, p. 166), tal-Artikolu 106 tal-FSA mal-Montenegro (ĠU 2010, L 108, p. 3) jew anki tal-Artikolu 106 tal-FSA mas-Serbja (ĠU 2013, L 278, p. 16), li kollha jitqiesu bħala ftehimiet konklużi mal-Unjoni “għal dak l-iskop” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, li barra minn hekk ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax. Minn dan isegwi li l-FSA Kosovo, b’mod partikolari l-Artikolu 111 tiegħu, għandu għalhekk jitqies ukoll bħala tali “ftehim għal dak l-iskop”.

50      Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa kkonfermat minn analiżi tal-kliem tal-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo kif ukoll mis-suġġett u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Filfatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo, għandu jiġi nnutat li din tistieden interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, peress li dan jipprevedi li l-Unjoni u l-Kosovo “b’mod partikolari, għandhom isaħħu l-kooperazzjoni” fil-qasam tan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bl-għan aħħari jkun li l-Kosovo jadotta l-acquis tal-Unjoni f’dan is-settur. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam jikkostitwixxi għalhekk motiv li permezz tiegħu l-FSA Kosovo jaħseb li jilħaq l-għan tiegħu ta’ implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni mill-Kosovo. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jagħmel riferiment espress għall-“awtoritajiet regolatorji” f’dan il-qasam, li jistieden ukoll li jitqies li din id-dispożizzjoni tippermetti l-ftuħ tal-BEREC għal dawn l-awtoritajiet.

52      It-tieni, fir-rigward tas-suġġett u tal-għan tal-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo, għandu jitfakkar li dawn huma intiżi għall-adozzjoni, mill-Kosovo, tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Issa, din l-adozzjoni tal-acquis tkun iffaċilitata ħafna bil-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, fid-dawl tar-rwol ta’ dawn tal-aħħar, li jirrigwarda mill-preparazzjoni għall-implimentazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. Din il-parteċipazzjoni tkun iġġustifikata wkoll meta din il-ħidma tkun intiża għat-tfassil ta’ leġiżlazzjoni ġdida tal-Unjoni fl-imsemmi qasam. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2018/1971 jeżiġi li n-NRA u l-Kummissjoni jieħdu l-ikbar kunsiderazzjoni tal-komunikazzjonijiet, linji gwida, rakkommandazzjonijiet, pożizzjonijiet komuni u prattiċi tajba adottati mill-BEREC sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju tal-Unjoni fil-qasam ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għaldaqstant, sa fejn il-missjoni prinċipali tal-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC tikkonsisti f’li tiġi żgurata l-omoġeneità tal-applikazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) u mill-Artikolu 4(1)(k) tar-Regolament 2018/1971, huwa koerenti li jitqies li l-awtoritajiet kollha li għandhom il-missjoni li japplikaw l-istess acquis tal-Unjoni f’dan il-qasam jistgħu, b’osservanza b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, jipparteċipaw fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC.

53      Minn dan isegwi li l-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo jipprevedi kooperazzjoni mill-qrib, billi jagħmel riferiment għal “tisħiħ” tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-titolu tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 juża wkoll il-kelma “kooperazzjoni”, b’tali mod li l-paragafu 1 u l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jistgħu jirregolaw modalitajiet ta’ kooperazzjoni, li huma differenti. Fil-fatt, din il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma jew ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni skont l-imsemmi paragrafu 1 jew ta’ parteċipazzjoni, bi drittijiet limitati, skont l-imsemmi paragrafu 2. Din il-forma ta’ kooperazzjoni tal-aħħar tikkorrispondi għall-kooperazzjoni mill-qrib imsemmija fl-imsemmi Artikolu 111, iżda bl-ebda mod ma tista’ tkun ekwivalenti għal xi “integrazzjoni” tan-NRA tal-Kosovo fl-istruttura tal-BEREC, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja. Barra minn hekk, l-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo jenfasizza espliċitament l-importanza tal-“awtoritajiet regolatorji” u l-indipendenza tagħhom.

54      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jsegwi li l-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo jikkostitwixxi ftehim “għal dak l-iskop”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

55      Għaldaqstant, billi qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-Artikolu 111 tal-FSA Kosovo kien jippermetti li jiġi sostnut li l-Kosovo kien ikkonkluda “ftehim mal-Unjoni għal dak l-iskop” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, il-Kummissjoni ma kisritx din id-dispożizzjoni.

56      Għaldaqstant, it-tieni motiv invokat mir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn il-Kummissjoni warrbet il-proċedura stabbilita għall-parteċipazzjoni tan-NRA tal-pajjiżi terzi fil-BEREC

57      Permezz tat-tielet motiv, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn il-Kummissjoni warrbet il-proċedura stabbilita għall-parteċipazzjoni tan-NRA tal-pajjiżi terzi fil-BEREC. Barra minn hekk, din l-attitudni wasslet għall-adozzjoni ta’ att ġuridiku mingħajr ebda bażi legali, li joħloq obbligi fil-konfront ta’ terzi, mingħajr il-Kummissjoni ma ngħatat kompetenzi speċifiċi sabiex tagħmel dan.

58      B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 jipprevedi li l-arranġamenti ta’ xogħol huma stabbiliti “skont dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-ftehimiet [ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC]” u li dawn id-dispożizzjonijiet ser jiddeterminaw ukoll, fl-ewwel lok, il-modalitajiet ta’ ffissar tal-arranġamenti ta’ xogħol. Għalhekk għandu jkun hemm ftehim ta’ parteċipazzjoni konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz, għaliex jinħolqu obbligi ġuridiċi fil-konfront ta’ pajjiż terz fid-dawl tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-BEREC. Issa, fl-assenza ta’ tali ftehim, bħalma huwa allegat fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-imsemmija dispożizzjonijiet b’mod unilaterali, fid-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma prevista fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

59      F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li xi “dispożizzjonijiet rilevanti”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, jistgħu jiġu stabbiliti biss fil-ftehim ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC. Il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex previsti f’tali ftehim ma jagħtix is-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxihom b’mod unilaterali, ’il barra mill-qafas ta’ ftehim internazzjonali, kuntrarjament għal dak li hija indikat fl-ittra tagħha tal‑24 ta’ April 2019, li fiha hija ddikjarat lilha nnifisha bħala kompetenti sabiex tadotta arranġamenti ta’ ħidma vinkolanti skont il-bżonn.

60      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-Kummissjoni, fir-realtà, adottat att li għandu effetti ġuridiċi mingħajr ebda bażi ġuridika sabiex tagħmel dan. Minkejja li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi bħala bażi ġuridika l-Artikolu 17(1) TUE, din id-dispożizzjoni madankollu ma tikkostitwixxix bażi ġuridika suffiċjenti, li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta unilateralment atti li jipprevedu l-parteċipazzjoni ta’ “pajjiżi terzi” fl-istrutturi Ewropej. L-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni setgħa ġenerali sabiex teżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni b’mod ġenerali, u mhux f’qasam speċifiku.

61      Barra minn hekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, ir-Regolament 2018/1971 lanqas ma jattribwixxi lill-Kummissjoni l-kompetenza li tiffissa “dispożizzjonijiet rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ lakuna fil-ftehim ta’ parteċipazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi, b’deċiżjoni unilaterali, dawn id-dispożizzjonijiet rilevanti u l-arranġamenti ta’ ħidma li jimplimentawhom, mingħajr l-imsemmi regolament ma jkun taha l-kompetenza.

62      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal‑24 ta’ April 2019, ir-Regolament 2018/1971 ma attribwixxilhiex kompetenza sabiex tadotta arranġamenti ta’ ħidma vinkolanti skont il-bżonn. Minn naħa, l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, li ma japplikax f’dan il-każ, ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza li tistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma vinkolanti, iżda biss dik li tapprova arranġamenti ta’ ħidma li ma joħolqux obbligi ġuridiċi, stabbiliti mill-BEREC u mill-Uffiċċju tal-BEREC. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 35(2) tal-imsemmi regolament ma jattribwixxi ebda rwol lill-Kummissjoni, peress li dan ma huwiex iċċitat f’din id-dispożizzjoni.

63      Ir-Renju ta’ Spanja jikkonkludi minn dan li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fil-FSA Kosovo li jippermettu l-parteċipazzjoni fil-BEREC, il-Kummissjoni ma tistax tadotta, b’deċiżjoni unilaterali, dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC u li jipprevedu obbligi fuq il-Kosovo. Dan ir-rwol jista’ jittieħed biss mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, imwaqqaf mill-Artikolu 126 tal-FSA Kosovo, sa fejn huwa l-uniku korp bis-setgħa li jieħu deċiżjonijiet obbligatorji għall-Kosovo u għall-Unjoni fil-qasam tal-FSA Kosovo, konformement mal-Artikolu 128 tal-FSA Kosovo.

64      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud.

65      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, sa fejn hija ffissat unilateralment, fid-deċiżjoni kkontestata, l-“arranġamenti ta’ ħidma” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-Bord tar-Regolaturi u fil-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC kif ukoll fil-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC. Skont ir-Renju ta’ Spanja, dawn l-arranġamenti ta’ ħidma vinkolanti għandhom jiġu stabbiliti “skont dispożizzjonijiet rilevanti [tal-]ftehimiet” ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC, b’tali mod li huma biss dawn il-ftehimiet innifishom li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ ffissar tal-imsemmija arranġamenti ta’ ħidma.

66      Ir-Renju ta’ Spanja jikkonkludi minn dan li, billi ħadet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mhux biss warrbet il-proċedura stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni għall-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, iżda adottat ukoll att ġuridiku vinkolanti mingħajr ebda bażi legali, għaliex din l-istituzzjoni ma għandhiex il-kompetenzi neċessarji sabiex tagħmel dan.

67      Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżamina l-proċedura ta’ determinazzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, sabiex tistabbilixxi li l-Kummissjoni kellha kompetenza sabiex tiffissa unilateralment dawn l-arranġamenti ta’ ħidma fid-deċiżjoni kkontestata u jekk il-bażi legali li din tal-aħħar hija bbażata fuqha hijiex valida.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 huwa fformulat kif ġej: “Taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ [parteċipazzjoni tan-NRA ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC], għandhom jiġu żviluppati arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, sa fejn u l-mod kif dawn […] ser jieħdu sehem […] inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-BEREC, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal għall-Uffiċċju tal-BEREC. […]”

69      Ir-Renju ta’ Spanja jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq din il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 sabiex jallega li huma biss il-ftehimiet ta’ parteċipazzjoni fil-BEREC li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ ffissar ta’ dawn l-“arranġamenti ta’ ħidma”. Issa, tali approċċ huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jekk in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ din il-parteċipazzjoni kellhom diġà jkunu ddettaljati f’dawn il-ftehimiet ta’ parteċipazzjoni nnifishom, l-imsemmija dispożizzjoni, li għandha bħala għan preċiżament li tipprevedi l-adozzjoni tal-imsemmija arranġamenti ta’ ħidma, jitneħħielha l-effett utli tagħha u għalhekk ma jkollhiex iktar raġuni.

70      Minn dan isegwi li l-kliem “dispożizzjonijiet rilevanti [tal-]ftehimiet”, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, ma jistax ifisser li jrid ikun hemm diġà dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-parteċipazzjoni fil-BEREC fil-ftehim ta’ parteċipazzjoni kkonċernat. Ir-riferiment għall-imsemmija “dispożizzjonijiet rilevanti [tal-]ftehimiet”, li flimkien magħha hemm il-kelma “taħt”, huwa intiż pjuttost li jindika li l-adozzjoni tal-“arranġamenti ta’ ħidma” għandha ssir “konformement” mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet ta’ parteċipazzjoni.

71      Ir-Renju ta’ Spanja madankollu jargumenta li ftehim mal-pajjiż terz ikkonċernat huwa neċessarju sabiex jiġu ddeterminati d-dettalji tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tiegħu fil-BEREC, peress li jinħolqu xi obbligi fil-konfront ta’ dawn l-awtoritajiet. Issa, skont ir-Renju ta’ Spanja, tali ftehim huwa nieqes f’dak li jirrigwarda l-Kosovo.

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, jeżisti “ftehim” ta’ parteċipazzjoni konkluż bejn il-Kosovo u l-Unjoni, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 69 u 70 iktar ’il fuq jsegwi li tali ftehim ma għandux neċessarjament jinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-parteċipazzjoni fil-BEREC. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2018/1971 ma jeżiġix li n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ din il-parteċipazzjoni jkunu s-suġġett ta’ ftehim formali jew ta’ strument bilaterali mal-pajjiż terz ikkonċernat. B’mod ġenerali, ma huwiex legalment neċessarju li wieħed jeżiġi li l-“ftuħ tal-parteċipazzjoni” ta’ NRA ta’ pajjiż terz ikun suġġett għal awtorizzazzjoni speċifika stabbilita fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali. Fil-fatt, dan il-ftuħ u r-“regoli ta’ dħul” adottati għall-parteċipazzjoni fil-BEREC ma jimplikaw ebda obbligu legali fil-konfront ta’ din in-NRA, għaliex, definittivament, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tieħu liberament id-deċiżjoni ulterjuri li tipparteċipa fil-BEREC konformement ma’ dawn ir-regoli.

73      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li l-bażi legali li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuqha hija nieqsa, għaliex il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenzi neċessarji sabiex tistabbilixxi l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tan-NRA tal-Kosovo fil-BEREC u fl-Uffiċċju tal-BEREC.

74      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li, fl-assenza ta’ kompetenza espressa fil-formulazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, hija ddeċidiet li kien iktar xieraq li tagħmel riferiment, fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-Artikolu 17 TUE.

75      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-Artikolu 17 TUE. B’mod partikolari, din il-premessa tistipula li “[l-]Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jelenka s-setgħat tal-Kummissjoni u jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dak l-għan, teżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuttivi u ta’ ġestjoni, kif stabbilit fit-Trattati, u tiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u każijiet oħra previsti fit-Trattati”.

76      Għandu jiġi nnutat ukoll li l-Uffiċċju tal-BEREC huwa aġenzija ddeċentralizzata tal-Unjoni inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni. Din l-aġenzija għandha setgħat idderivati, mogħtija normalment mill-Kummissjoni bħala parti mill-funzjonijiet eżekuttivi tagħha u mis-setgħat ta’ rappreżentazzjoni esterna tagħha, għaliex din tikkonċerna l-kooperazzjoni man-NRA tal-pajjiżi terzi, konformement mal-Artikolu 17 TUE.

77      Minn dan isegwi li l-kompetenzi li ma ġewx espliċitament iddelegati lil aġenzija tal-Unjoni fil-qafas ta’ att leġiżlattiv jibqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni. Peress li la r-Regolament 2018/1971 u lanqas ebda leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni ma taw espressament lill-Uffiċċju tal-BEREC jew lil xi korp ieħor il-kompetenza li jistabbilixxu l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tan-NRA tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari tan-NRA tal-Kosovo, din il-kompetenza hija tal-Kummissjoni.

78      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-differenza fil-formulazzjoni użata fl-Artikolu 35(1) u fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Fil-fatt, il-paragrafu 1 jiddelega espliċitament lill-BEREC u lill-Uffiċċju tal-BEREC is-setgħa li jistabbilixxu “arranġamenti ta’ ħidma”, iżda suġġett għall-“approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni”, li għalhekk għandha rwol ta’ superviżjoni, filwaqt li l-paragrafu 2 ma jipprevedix din id-delega ta’ setgħa. Din is-setgħa tibqa’ għalhekk taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni, li tippermettilha tadotta “arranġamenti ta’ ħidma” skont l-Artikolu 35(2) tal-imsemmi regolament, ħlief jekk il-ftehim internazzjonali kkonċernat jipprevedi proċedura oħra, bħalma huwa l-każ għall-Istati Membri taż-ŻEE.

79      Għalhekk, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li timplimenta r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni skont setgħat li huma mogħtija lilha mill-Artikolu 17 TUE u ma tistax tiġi kkritikata li għamlet riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-assenza ta’ kompetenza espressament imsemmija fil-formulazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

80      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jallega li dispożizzjoni ġenerali bħall-Artikolu 17 TUE, li tipprevedi l-kooperazzjoni b’mod ġenerali, ma tistax isservi bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda s-setgħat tal-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 16 TUE seta’ jservi bħala bażi għal ċerti setgħat tal-Kunsill (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 40). Għalhekk, jekk dan kien il-każ għall-Artikolu 16 TUE, ma hemmx raġuni għaliex tali interpretazzjoni ma tingħatax ukoll għall-Artikolu 17 TUE, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Kummissjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jargumenta r-Renju ta’ Spanja, il-fatt li l-Artikolu 17 TUE huwa dispożizzjoni ġenerali ma jimplikax li ma jistax jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jsegwi li l-Kummissjoni kellha kompetenza sabiex tiffissa unilateralment, fid-deċiżjoni kkontestata, “arranġamenti ta’ ħidma” applikabbli għall-parteċipazzjoni tan-NRA ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, koperti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, b’tali mod li ma tistax tiġi kkritikata li warrbet, f’din id-deċiżjoni, il-proċedura stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata dwar l-assenza ta’ bażi legali tal-imsemmija deċiżjoni.

83      Għaldaqstant, it-tielet motiv imqajjem mir-Renju ta’ Spanja għandu wkoll jiġi miċħud u għalhekk ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

85      Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Costeira

Kancheva

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.