Language of document : ECLI:EU:T:2013:80

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Frar 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Entità li hija miżmuma 100 % minn entità rikonoxxuta bħala involuta fil-proliferazzjoni nukleari — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑492/10,

Melli Bank plc, stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentat minn S. Gadhia, S. Ashley, solicitors, D. Anderson, QC, u R. Blakeley, barrister, sussegwentement minn S. Ashley, S. Jeffrey, A. Irvine, solicitors, D. Wyatt, QC, u R. Blakeley,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-anullament tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/431/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 281, p. 81), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir‑Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d‑Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir‑Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, talba għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 għar-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Melli Bank plc, huwa kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li għandha l-uffiċċju tagħha rreġistrat fir-Renju Unit, fejn hija awtorizzata u rregolata mill‑Financial Services Authority (Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji fir-Renju Unit). Ir-rikorrent beda jwettaq l‑attivitajiet bankarji tiegħu fir-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 2002, wara t‑trasformazzjoni tal-kumpannija sussidjarja f’dan il-pajjiż tal-Bank Melli Iran (iktar ’il quddiem il-“BMI”). Il-BMI, il-kumpannija parent li hija l-proprjetarja assoluta tar‑rikorrent, huwa bank Iranjan ikkontrollat mill-Istat Iranjan.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi meħuda sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal‑aħħar ittemm l‑attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Kemm il-BMI u kif ukoll is-sussidjarji tiegħu, inkluż ir-rikorrent, ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU L 61, p. 49), permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/479/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU L 163, p. 43).

4        B’konsegewenza ta’ dan, il-BMI u r-rikorrent ġew inklużi fil-lista li tinsab fl‑Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 103, p. 1), permezz tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplimenta l‑Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 163, p. 29), bil-konsegwenza li ġew iffriżati l-fondi tagħhom.

5        Kemm fil-Pożizzjoni Komuni 2008/479 kif ukoll fid‑Deċiżjoni 2008/475, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sostna r-raġunijiet segwiti fir-rigward tal-BMI kif ukoll tal-fergħat u tas-sussidjarji kollha tiegħu:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Kumpannija Novin Energy, Kumpannija Mesbah Energy, Kumpannija Kalaye Electric u DIO). Il-[BMI] jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta’ l‑Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran. Huwa pprova [pprovda] firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l-industriji nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż‑żamma tal‑kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq issemmew [fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà] 1737 u 1747.”

6        Ir-rikorrent ippreżenta żewġ rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d‑Deċiżjoni 2008/475. Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill (T‑246/08 u T‑332/08, Ġabra p. II 2629).

7        Fil-kuntest taż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent, kien hemm skambju ta’ diversi ittri li sar bejn ir-rikorrent u l-Kunsill bejn Lulju 2009 u Mejju 2010. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill ittri fis-6, fil-15 u fl-24 ta’ Lulju, fl-20 ta’ Awwissu u fil-15 ta’ Ottubru 2009 u kif ukoll fit-22 ta’ Marzu 2010, li għalihom il-Kunsill wieġeb fit-23 ta’ Lulju, fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009 u kif ukoll fil-11 ta’ Mejju 2010.

8        Minn naħa, l-iskambju tal-ittri kien jikkonċerna r-raġunijiet li jiġġustifikaw l‑adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tal-BMI u r‑rikorrent. F’dan ir-rigward, fl-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill ippreċiża li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi fil-kapaċità tiegħu bħala entità sussidjarja tal-BMI. Fl-ittra tat-18 ta’ Novembru 2009, huwa kkonstata, wara eżami mill-ġdid, l-ewwel nett, li l-BMI ipprovda appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, it-tieni nett, li r‑rikorrent huwa proprjetà tal-BMI, li jista’ jeżerċita influwenza fuqu, u, it-tielet nett, li l-miżuri alternattivi proposti mir-rikorrent ma jippermettux li jiġi evitat ir-riskju li l-BMI jevita l-miżuri restrittivi li jirrigwardawh, billi juża lir-rikorrent bħala intermedjarju. Huwa sostna din l‑opinjoni fl-ittra tal-11 ta’ Mejju 2010.

9        Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent talab biex ikollu aċċess għall-fajl tal‑Kunsill. F’dan il-kuntest, fl-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill irrifjuta aċċess għall-proposta inizjali għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-BMI u lir-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“proposta inizjali”) minħabba n-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument. Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2009, huwa kkomunika lir-rikorrent ir-raġunijiet supplimentari li jikkonċernaw l-allegat involviment tal‑BMI fil-proliferazzjoni nukleari. Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Novembru 2009, huwa ttrażmetta lir-rikorrent verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑proposta għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi bbażata fuq ir-raġunijiet supplimentari pprovduti fl‑ittra tal-1 ta’ Ottubru 2009 (iktar ’il quddiem il-“proposta supplimentari”).

10      Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kemm il-BMI kif ukoll ir-rikorrent ġew inklużi fil-lista tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni. Ir-raġuni li ġiet sostnuta fir-rigward tal-BMI hija s-segwenti:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi appoġġ finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u tal-missili tal-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Novin Energy Company, Mesbah Energy Company, Kalaye Electric Company u d-DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi tal-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjali sensittivi għall‑programmi nukleari u tal-missili tal-Iran. Huwa pprovda firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta mal-industriji nukleari u tal-missili tal-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż-żamma tal‑kontijiet. Ħafna mill-kumpanniji t’hawn fuq ġew indikati [fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà] 1737 (2006) u 1747 (2007). [Il-BMI] jkompli f’dan ir-rwol, billi jimpenja ruħu f’mudell ta’ aġir li jappoġġa u jiffaċilita l-attivitajiet sensittivi tal-Iran. Bl-użu tar-relazzjonijiet bankarji tiegħu, huwa jkompli jipprovdi appoġġ għal, u servizzi finanzjarji lil, entitajiet elenkati min-NU u l-UE f’konnessjoni ma’ tali attivitajiet. Huwa jaġixxi wkoll f’isem, u taħt id-direzzjoni ta’ tali entitajiet, inkluż Bank Sepah, billi spiss jopera permezz tas-sussidjarji u l-assoċjati tagħhom.”

11      L-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 ma ġietx affettwata bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25).

12      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413.

13      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent talab lill-Kunsill biex jagħmel eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li jiġi inkluż fil-lista tal‑Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u li jinżamm fil-lista tal-Anness V tar‑Regolament Nru 423/2007. Huwa talab, f’dan il-kuntest, li tintbagħatlu kopja tal-fajl sħiħ tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Huwa tenna l-proposta tiegħu tal-garanziji intiżi biex jipprevjenu kull riskju ta’ evitar tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw lill-BMI.

14      L-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 inżammet permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal‑25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 281, p. 81).

15      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1), l-ismijiet tal-BMI u tar-rikorrent ġew inklużi mill-Kunsill fl‑Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent ġew iffriżati skont l-Artikolu 16(6) tal‑imsemmi regolament.

16      Ir-raġunijiet użati fir-rigward tal-BMI fid-Deċiżjoni 2010/644 u fir‑Regolament Nru 961/2010 huma l-istess għal dawk użati fid‑Deċiżjoni 2010/413.

17      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar iż-żamma ta’ ismu fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u dwar l‑inklużjoni tiegħu f’dik tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa ppreċiża, f’dan ir-rigward, li l-osservazzjonijiet imressqa mir‑rikorrent fis-17 ta’ Awwissu 2010 ma kinux jiġġustifikaw it‑tneħħija tal-miżuri restrittivi li jirrigwardawh u li l-fajl tiegħu ma kien fih ebda informazzjoni jew fatti ġodda li jikkonċernawh.

18      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent talab lill-Kunsill biex jagħmel eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li jżommu fil-lista tal‑Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness VIII tar‑Regolament Nru 961/2010. Huwa tenna l-proposta tiegħu tal-garanziji intiżi biex jipprevjenu kull riskju ta’ evitar tal-miżuri restrittivi fir-rigward tal-BMI, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l‑ħatra u r-revoka tad-diretturi tiegħu, u enfasizza l-effikaċja u l‑fattibbiltà ta’ dawn il-garanziji.

19      L-inklużjoni tal-BMI u tar-rikorrent fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness VIII tar-Regolament 961/2010 ma ġietx affettwata bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

20      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir‑rikorrent dwar iż-żamma ta’ ismu fil-listi tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa kkonstata li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir‑rikorrent fid-29 ta’ Lulju 2011 ma kinux jiġġustifikaw it-tneħħija tal‑miżuri restrittivi li jirrigwardawh, peress b’mod partikolari li l‑garanziji proposti minnu f’dak li jikkonċernaw il-ħatra u r-revoka tad‑diretturi tiegħu ma kinux suffiċjenti sabiex jiżguraw l‑indipendenza tiegħu fir-rigward tal-BMI.

21      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent sostna li, fil-fehma tiegħu, l‑eżami mill-ġdid taż-żamma tal-miżuri restrittivi li jirrigwardawh kien ivvizzjat minn żbalji. Huwa b’mod partikolari kkonstata li, dejjem fil-fehma tiegħu, il‑Kunsill ma tax motivazzjoni b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, fl‑ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, għaċ-ċaħda li jieħu inkunsiderazzjoni l‑garanziji supplimentari li huwa kien ippropona.

22      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill (C‑380/09 P), il-Qorti tal‑Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrent mis-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 6 iktar ’il fuq.

23      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), l-ismijiet tal-BMI u tar-rikorrent ġew inklużi mill-Kunsill fil-lista fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Ir-raġunijiet użati fir-rigward tal-BMI, inklużi l-fergħat u s-sussidjarji kollha tiegħu, huma l-istess bħal dawk li jidhru fid-Deċiżjoni 2010/413. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent ġew iffriżati skont l-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament.

24      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2012, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar iż-żamma ta’ ismu fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u dwar l‑inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Huwa rrefera, f’din l-okkażjoni, għall-argumenti li għamel preċedentement, kemm fl-iskambju ta’ ittri mar-rikorrent kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra dan, huwa ġibed l-attenzjoni tar‑rikorrent għall-konstatazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent ressaq din il-kawża.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent aġġusta l-kapi tat-talbiet tiegħu wara l‑adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni fil-kawża preżenti b’appoġġ għall-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Marzu 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

28      Fir-replika tiegħu, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrent irrinunzja għall-kawża sa fejn din tirrigwarda l‑annullament tar-Regolament Nru 668/2010.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent, minn naħa, aġġusta l-kapi tat-talbiet tiegħu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u, min-naħa l-oħra, talab li l-atti kkontestati jiġu, skont il-każ, annullati b’effett immedjat.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2012, ir-rikorrent aġġusta l-kapi tat-talbiet tiegħu wara l‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 267/2012.

31      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ressqet bil‑miktub mistoqsijiet lill‑partijiet li jikkonċernaw il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, f’din il-kawża, mis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, u l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv tar‑rikorrent. Il‑partijiet wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

32      Fit-tweġiba tiegħu għall-mistqosijiet tal-Qorti Ġenerali, ippreżentata fir‑Reġistru ta’ din tal-aħħar fit-8 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrent irrinunzja, l-ewwel nett, għal parti mill-ilmenti ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja, it-tieni nett, għal parti mill-ilmenti ppreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward taż-żamma jew tal-kontroll tar‑rikorrent mill-BMI, u, fl-aħħar nett, għat-tielet motiv, ibbażat fuq in‑natura illegali tal‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal‑Artikolu 16(2)(a) tar‑Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-3 ta’ Lulju 2012.

34      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Settembru 2012, il-proċedura orali reġgħet infetħet sabiex jinġabru l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il-Kunsill [C-110/12 P(R), mhux ippublikat fil-Ġabra], kif ukoll dawk tal-partijiet l-oħra. Il-proċedura orali reġgħet ingħalqet fl-4 ta’ Ottubru 2012.

35      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, b’effett immedjat, il-punt 5 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, il-punt 5 tat-Tabella I. B tal-Anness tad‑Deċiżjoni 2010/644, il-punt 5 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar‑Regolament Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u r‑Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tiddikjara li l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2012 u l‑Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 ma japplikawx għalih;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

37      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent invoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward taż-żamma jew tal-kontroll tar-rikorrent mill-BMI. It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata, u għaldaqstant illegali, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal‑Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tal-BMI fil-proliferazzjoni nukleari. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-dritt ta’ proprjetà u tad-dritt għall‑eżerċizzju ta’ attività ekonomika tar-rikorrent.

38      Kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, ir-rikorrent irrinunzja fil‑mori tal-kawża għat-tielet motiv tiegħu kif ukoll għal parti mill‑ilmenti invokati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi. Sa fejn it-tielet motiv kien l-uniku motiv invokat insostenn tat-tieni kap tat-talbiet, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament 267/2012, ir-rinunzja parzjali tar-rikorrent timplika, għalhekk, li l-imsemmi kap ta’ talbiet sar mingħajr suġġett.

39      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi mressqa mir-rikorrent. Barra minn dan, fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill sostna li ma huwiex ammissibbli li r-rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, sa fejn ir-rikorrent huwa emanazzjoni tal-Istat Iranjan.

40      Hemm lok li jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-ammissibbiltà tal‑aġġustament tat-talbiet magħmula mir-rikorrent, it-tieni nett, ir-raba’ motiv u, fl-aħħar nett, l-argumenti tal-Kunsill dwar il-possibbiltà għar‑rikorrent li jinvoka l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tal-aġġustament tal-kapi tat-talbiet tar-rikorrent

41      Kif jirriżulta mill-punti 14, 15 u 23 iktar ’il fuq, minn wara l-preżentata tar-rikors, il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, stabbilita fid-Deċiżjoni 2010/644, u r-Regolament Nru 423/2007 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 961/2010, li min-naħa tiegħu ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 267/2012. Barra minn dan, fil-premessi tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, il-Kunsill espliċitament ikkonstata li kien għamel eżami mill-ġdid sħiħ tal-lista tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u li kien wasal għall-konklużjoni li l-persuni, entitajiet u korpi li isimhom jidher elenkat hemmhekk, fosthom ir-rikorrent, kellhom jibqgħu suġġetti għal miżuri restrittivi. Ir-rikorrent aġġusta t-talbiet inizjali tiegħu b’mod li t‑talba għall-annullament tiegħu tkopri, minbarra d‑Deċiżjoni 2010/413, id-Deċiżjoni 2010/644, ir-Regolament Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, meħuda kollha flimkien, l-“atti kkontestati”). Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma qajmu l-ebda oġġezzjoni għal dan l-aġġustament.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament jew individwalment individwu jiġu ssostitwiti, fil‑mori tal-kawża, minn att li jkollu l-istess għan, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent li jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kontra l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u kontra l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat li jippreżenta rikors ieħor. Barra minn dan, ikun inġust jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tiffaċċja l‑kritika li tinsab f’rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea kontra att, taġġusta l-att ikkontestat jew tissostitwixxieh b’ieħor u tibbenefika, fil-mori tal-kawża, minn din l-emenda jew sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l‑motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      L-istess konklużjoni tapplika għall-atti, bħalma huma d-Deċiżjoni 2011/783 u r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, li jikkonstataw li deċiżjoni jew regolament għandhom ikomplu jirrigwardaw direttament u individwalment ċerti individwi, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid espressament imposta minn din l-istess deċiżjoni jew minn dan l-istess regolament.

44      Għalhekk, f’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent jista’ jressaq talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644, tar-Regolament Nru 961/2010, tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 47).

 Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tal-BMI fil-proliferazzjoni nukleari

45      Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tal-BMI ma hijiex iġġustifikata. Huwa jirreferi, f’dan ir-rigward, għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni mill-BMI u jispjega li, jekk dan tal-aħħar ma jkunx għadu milqut mill-miżuri restrittivi fil-mument li tingħata din is-sentenza, il-miżuri li jirrigwardawh ukoll ikollhom jiġu annullati.

46      Madankollu, ir-rikorrent ma jinvoka l-ebda lment konkret li jikkontesta l-legalità tal-miżuri restrittivi fir-rigward tal-BMI. B’mod partikolari, huwa ma jesprimix ruħu, bi preċiżjoni suffiċjenti, dwar ir-raġunijiet supplimentari li jikkonċernaw l-allegat involviment tal-BMI fil‑proliferazzjoni nukleari li ġew ikkomunikati lilu permezz tal-ittra tal‑Kunsill tal-1 ta’ Ottubru 2009 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), u dan sa fejn lanqas ma jindika jekk huwiex jikkontesta r-realtà tal-fatti allegati fil-konfront tal-BMI jew il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi fuq ir-raba’ motiv minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni suffiċjenti tal-argumentazzjoni tar‑rikorrent. Għaldaqstant, l-imsemmi motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kif tinvoka l-Kummissjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tal-Kunsill dwar l-ammissibbiltà tal‑motivi bbażati fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent

48      Fil-kontroreplika, il-Kunsill sostna li r-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat bħala emanazzjoni tal-Istat Iranjan b’tali mod li ma jistax jinvoka favurieh il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Konsegwentement, huwa jikkunsidra li l-motivi tar‑rikors ibbażati fuq allegat ksur ta’ dawn id-drittijiet għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

49      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma jikkontestax id-dritt stess tar-rikorrent li jitlob l-annullament tal-atti kkontestati. Huwa qiegħed jikkontesta biss li huwa għandu ċerti drittijiet li qiegħed jinvoka sabiex jikseb dan l-annullament.

50      Issa, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent għandux jew le d-dritt invokat fil-kuntest ta’ motiv insostenn ta’ talbiet intiżi għal annullament ma tikkonċernax l-ammissibbiltà ta’ dan l‑istess motiv, iżda l-fondatezza tiegħu. Għalhekk, l-argument tal‑Kunsill, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent huwa emanazzjoni tal-Istat Iranjan, għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż sabiex tiġi ddikjarata l‑inammissibbiltà parzjali tar-rikors.

51      Fit-tielet lok, dan l-argument ġie ppreżentat għall-ewwel darba fil‑kontroreplika, mingħajr ma l-Kunsill invoka l-fatt li dan kien ibbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ġew irrivelati waqt il-proċedura. Sa fejn jikkonċerna l-mertu tal-kawża, dan jikkostitwixxi, għalhekk, motiv ġdid skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u dan jimplika li dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-mertu

52      Wara r-rinunzja parzjali magħmula mir-rikorrent u fid-dawl tal-inammissibbiltà tar-raba’ motiv, hemm lok li jiġu eżaminati biss l‑ewwel, it-tieni u l-ħames motivi.

53      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandhom jiġi eżaminati flimkien, inizjalment, it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward taż-żamma jew tal-kontroll tar-rikorrent mill-BMI, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt ta’ proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward taż‑żamma jew tal-kontroll tar-rikorrent mill-BMI, u fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt ta’ proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika

54      Fit-tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ippreżentata fir-Reġistru ta’ din tal-aħħar fit-8 ta’ Ġunju 2012 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), ir‑rikorrent espona li, wara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, huwa ma baqax isostni li ma kienx miżmum mill-BMI fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tad‑Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u lanqas li ma kienx proprjetà tal-BMI fis-sens tal‑Artikolu 23(2)(a) tar‑Regolament Nru 267/2012. Huwa jikkunsidra madankollu li l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jirrigwardawh jikkostitwixxu restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu u tad-dritt tiegħu għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

55      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-fondi ta’ entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari jkunu ffriżati, ikun hemm riskju mhux insinjifikattiv li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm jew tikkontrolla jew li huma proprjetà tagħha sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jittieħdu kontra tagħha. Konsegwentement, l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet impost mill‑Kunsill permezz tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal‑Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) tar‑Regolament Nru 267/2012, huwa neċessarju u xieraq sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal‑miżuri adottati u sabiex jiġi ggarantit li dawn il‑miżuri ma jkunux evitati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, punti 39 u 58).

56      Dejjem skont il-ġurisprudenza, meta entità tkun 100 % proprjetà ta’ entità meqjusa bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari, il‑kundizzjoni li entità tkun proprjetà ta’ entità oħra msemmija fl‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 16(2)(a) tar‑Regolament Nru 961/2010 tkun sodisfatta (ara, b’analoġija, is‑sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, punt 79). L-istess konklużjoni għandha tiġi applikata għall‑kunċett ta’ entità “li [tkun] proprjetà” ta’ entità kkunsidrata bħala involuta fil‑proliferazzjoni nukleari, li jidher fl-Artikolu 23(2)(a) tar‑Regolament Nru 267/2012.

57      Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità miżmuma 100 % minn, jew li tkun 100 % proprjetà ta’, entità kkunsidrata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari (iktar ’il quddiem l-“entità miżmuma”) ma tirriżultax minn evalwazzjoni tal‑Kunsill inkwantu għar-riskju li jiġi evitat l-effett tal-miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha, iżda toħroġ direttament mill‑implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni.

58      Għalhekk, argumenti li jikkontestaw il-proporzjonalità tal-iffriżar tal‑fondi ta’ entità miżmuma ma jirrigwardawx il-legalità ta’ kwalunkwe evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ bħal dik magħmula mill-Kunsill. Tali argumenti jikkonċernaw, b’mod definittiv, il-legalità tad‑dispożizzjonijiet ġenerali li jobbligaw lill-Kunsill jiffriża l-fondi tal‑entitajiet kollha miżmuma, bħalma huma l-Artikolu 20(1)(b) tad‑Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

59      Konsegwentement, meta l-entità miżmuma jkollha l-intenzjoni li tikkontesta l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi li jirrigwardawha, hija għandha tinvoka, fil-kuntest tar-rikors intiż għall-annullament tal-atti li permezz tagħhom l-imsemmija miżuri jkunu ġew adottati jew miżmuma fis-seħħ, l-inapplikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.

60      F’dan il-każ ma huwiex qed jiġi kkontestat li r-rikorrent huwa miżmum 100 % mill-BMI jew li huwa “proprjetà” ta’ dan tal-aħħar. Lanqas ma huwa kkontestat li l-BMI kien ikkunsidrat mill-Kunsill bħala involut fil-proliferazzjoni nukleari.

61      Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrent invoka eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni u tal-ħames motivi.

62      Fil-fatt, minn naħa, eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq dawn l‑argumenti ma ġietx ifformulata espressament, la fl-atti tar-rikorrent, la fit-tweġiba tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2012 għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, u lanqas matul is-seduta.

63      Min-naħa l-oħra, l-argumenti invokati mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni u tal-ħames motivi huma bbażati fuq ċirkustanzi li huma partikolari għalih stess, sa fejn huma fformulati b’riferiment għas-sitwazzjoni konkreta tiegħu u għall-miżuri speċifiċi li huwa ppropona lill-Kunsill. Għalhekk, tali argumenti ma humiex rilevanti fir‑rigward tal-eżami tal-legalità tar-regoli ġenerali previsti fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni u l-ħames motivi għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal‑prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

65      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l‑obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn, minn naħa, ma kkomunikalux informazzjoni biżżejjed sabiex ikun jista’ jifformula osservazzjonijiet utli dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u sabiex ikun żgurat smigħ xieraq u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh huwa vvizzjat minn diversi żbalji.

66      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal‑argumenti tar-rikorrent. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li r-rikorrent ma jistax jinvoka b’mod validu l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

67      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar partikolari f’din il-kawża, fl‑Artikolu 24(3) tad‑Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 36(3) tar‑Regolament Nru 961/2010 u fl‑Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu l‑għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l‑oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, espress b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax isir derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għaldaqstant, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill għandu l-obbligu li jgħarraf lil entità kkonċernata mill-miżuri restrittivi bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom huwa jqis li dawn għandhom jiġu adottati. B’hekk il-Kunsill għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal‑att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal‑interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda anki fid-dawl tal‑kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad‑difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa kontra entità u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal‑proċedura inkwistjoni (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 91).

71      Minn naħa, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-provi miżmuma kontra l-entità kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju għandhom jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665, punt 93).

72      Għalhekk, fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux dan, il-komunikazzjoni tal-provi miżmuma kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tesprimi l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi ladarba l-att jiġi adottat. Taħt l-istess riżervi, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha bħala regola ġenerali tiġi ppreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi ġodda miżmuma kontra l-entità kkonċernata u minn possibbiltà ġdida għall‑entità kkonċernata li ssostni l-pożizzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, punt 137).

73      Barra minn hekk, għandu jingħad li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li permezz tagħha l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miżmuma kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      It-tielet nett, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit‑tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie rikonoxxut fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389). L-effettività tal‑istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika r-raġunijiet ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħha għal rimedju legali. L-osservanza ta’ dan l‑obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni kif tkun mitluba tagħmel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 335 sa 337, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-argument preliminari tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni fis-sens li r-rikorrent ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ rispett tad‑drittijiet tad-difiża. It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l‑argument dwar l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li seħħ peress li ma ngħatax informazzjoni suffiċjenti dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir‑rigward tiegħu. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ser tindirizza l‑argumenti dwar l-allegati difetti fl-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent.

–       Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-prinċipju ta’ rispett tad‑drittijiet tad-difiża

76      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għal din il-kawża. Filwaqt li jirreferu għas‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il‑Kunsill (T-181/08, Ġabra p. II-1965, punti 121 sa 123), huma jsostnu li r-rikorrent ma ntlaqatx mill-miżuri restrittivi minħabba l-attività tiegħu, iżda minħabba li jaqa’ fil-kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet li għenu fil-proliferazzjoni nukleari. Konsegwentement, il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi ma nfetħitx fil-konfront tar-rikorrent fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 70 iktar ’il fuq u għalhekk huwa ma jistax isostni d-drittijiet tad‑difiża jew jista’ biss isostnihom b’mod restrittiv.

77      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

78      Fil-fatt, minn naħa, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq, ġiet annullata fl-intier tagħha fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P). Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet magħmula fl-imsemmija sentenza ma għadhomx jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għalhekk ma jistgħux jiġu validament invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

79      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 46(3) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012 jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn it-testi. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 37).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ rispett tad‑drittijiet tad-difiża, kif imfakkar fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq, jista’ jiġi invokat mir-rikorrent f’din il-kawża.

–       Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar‑rikorrent u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mill-allegat fatt li ma kienx kiseb informazzjoni suffiċjenti dwar l‑adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontrih

81      Fit-tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ippreżentata fir-Reġistru ta’ din tal-aħħar fit-8 ta’ Ġunju 2012 (ara l-punti 32 u 54 iktar ’il fuq), ir‑rikorrent sostna li, wara s-sentenza tat-13 ta’ ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, huwa ma baqax isostni li l‑Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża tiegħu peress li ma kienx ikkomunikalu, minn naħa, ir-raġunijiet għalfejn huwa kkunsidra li kien miżmum mill-BMI u, min-naħa l-oħra, elementi li jsostnu din il-konstatazzjoni.

82      Ir-rikorrent isostni madankollu li, minkejja t-talbiet għal informazzjoni repetuti, huwa ma rċeviex informazzjoni biżżejjed dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tal-BMI u b’mod partikolari ma rċieva ebda prova dwar l-allegat involviment tal-BMI fil-proliferazzjoni nukleari. Huwa jikkontesta, f’dan ir-rigward, il-kunfidenzjalità tal-proposta inizjali, imqajma bħala oppożizzjoni mill-Kunsill, u enfasizza li l‑elementi kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009 ma humiex adegwati.

83      Minn dan ir-rikorrent iddeduċa li l-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi ma ppermettitlux li jifformula osservazzjonijiet utli li jikkonċernaw l‑adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kemm fir-rigward tiegħu kif ukoll fir‑rigward tal-BMI u ma ppermettitlux li jkollu smigħ xieraq.

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikorrent ilu suġġett għall‑miżuri restrittivi sa mit-23 ta’ Ġunju 2008. Bejn din id-data u d‑data tal‑adozzjoni tal-ewwel wieħed mill-atti kkontestati, jiġifieri s-26 ta’ Lulju 2010, diversi dokumenti ġew skambjati bejn ir-rikorrent u l-Kunsill, fosthom, b’mod partikolari, l-ittri ta’ dan tal-aħħar tal-1 ta’ Ottubru u tat-18 ta’ Novembru 2009 li permezz tagħhom huwa informa lir-rikorrent bir-raġunijiet supplimentari għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi u kkomunikalu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-proposta supplimentari. Dawn id-dokumenti jifformaw parti mil-kuntest tal‑adozzjoni tal-atti kkontestati u jistgħu, konsegwentement, jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami ta’ dan il-motiv.

85      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent għandhom bażi doppja, jiġifieri, minn naħa, il-proposta inizjali u, min-naħa l‑oħra, l-elementi kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009.

86      Madankollu, peress li dawn iż-żewġ bażijiet għandhom natura awtonoma, ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent f’dak li jikkonċerna l-proposta inizjali, jekk jiġi stabbilit, ikun jista’ jiġġustifika biss l‑annullament tal-atti kkontestati jekk jiġi stabbilit ukoll li l‑elementi kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009 ma setgħux iservu ta’ bażi, waħedhom, għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir‑rigward tar-rikorrent.

87      F’dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq li r‑raba’ motiv, li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-fondatezza sostanzjali tar-raġunijiet ikkomunikati fl-1 ta’ Ottubru 2009, huwa inammissibbli.

88      Barra minn dan, kif jirriżulta mill-punt 82 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal‑ewwel motiv, ir-rikorrent ikkontesta n-natura suffiċjenti tal-elementi kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009, filwaqt li jenfasizza b’mod partikolari li dawn l-elementi ma jinkludu ebda provi fir-rigward tal-allegat involviment tal-BMI fil-proliferazzjoni nukleari.

89      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet supplimentari għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, ikkomunikati fl-1 ta’ Ottubru 2009, huma suffiċjentement preċiżi sabiex jissodisfaw il-kriterji ġurisprudenzjali esposti fil-punti 67 sa 74 iktar ’il fuq. Għalhekk, dawn l-elementi jippermettu l-identifikazzjoni tal-entitajiet li lilhom il-BMI pprovda servizzi finanzjarji u li huma koperti mill-miżuri restrittivi adottati mill‑Unjoni jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess mod bħalma jistgħu jiġu identifikati l-perijodu li matulu s-servizzi inkwistjoni kienu ġew ipprovduti u, f’ċertu każi, it-tranżazzjonijiet speċifiċi li magħhom kienu marbuta.

90      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni tal-provi, għandu jiġi nnotat li, skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika elementi għajr dawk li jagħmlu parti mill-fajl tiegħu. Madankollu, f’dan il-każ, il‑Kunsill isostni, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrent, li l-fajl tiegħu ma fihx provi supplimentari dwar ir-raġunijiet ikkomunikati fl-1 ta’ Ottubru 2009.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq in-natura allegatament insuffiċjenti tal-elementi kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil‑punti 85 u 86 iktar ’il fuq, għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrent li jikkontesta l-assenza ta’ komunikazzjoni tal‑proposta inizjali.

–        Fuq id-difetti li allegatament jaffettwaw l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent

93      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma għamilx verament eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh sa fejn ibbaża ruħu biss fuq l-elementi eżistenti, inklużi l-elementi li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrent. B’mod partikolari, il-Kunsill ma eżaminax il‑garanziji li huwa kien ippropona, intiżi li jipprevjenu kull riskju ta’ evitar tal‑miżuri restrittivi fir-rigward tal-BMI.

94      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li mill-punti 85 u 86 iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżuri restrittivi fir-rigward tar‑rikorrent għandhom bażi doppja, jiġifieri, minn naħa, il-proposta inizjali u, min-naħa l-oħra, l-elementi kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-difetti li jaffettwaw l-eżami mill-ġdid tar-raġunijiet inklużi fil-proposta inizjali, anki jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma għandhomx jaffettwaw il-legalità tal-eżami mill-ġdid tar-raġunijiet ibbażati fuq il‑provi kkomunikati f’dawn id-dati.

95      It-tieni nett, il-Kunsill isostni, mingħajr ma jiġi kontradett mir‑rikorrent, li, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, id‑delegazzjonijiet tal-Istati Membri kienu rċevew l-osservazzjonijiet sottomessi mill-BMI u mir-rikorrent, b’tali mod li dawn l‑osservazzjonijiet setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, mill-ittri tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2009, tal-11 ta’ Mejju u tat-28 ta’ Ottubru 2010, tal-5 ta’ Diċembru 2011 u tal-24 ta’ April 2012 jirriżulta li dan tal-aħħar eżamina l-imsemmija osservazzjonijiet u li rrispondihom, anki f’dak li jirrigwarda l-garanziji supplimentari proposti mir-rikorrent.

96      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna dawn l-imsemmija garanziji, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 57 iktar ’il fuq, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità miżmuma ma tirriżultax minn evalwazzjoni tal-Kunsill inkwantu għar-riskju li din l-entità tasal tevita l-effett tal-miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha, iżda toħroġ direttament mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad‑Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar‑Regolament Nru 267/2012, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi magħmul mill-Kunsill, dan tal-aħħar ma kienx, fi kwalunkwe każ, obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-garanziji supplimentari proposti mir-rikorrent sabiex inaqqas ir-riskju li jiġu evitati l-miżuri inkwistjoni.

97      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrent, minn sorsi diplomatiċi jirriżulta li l-Istati Membri, b’mod partikolari r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, saritilhom pressjoni min-naħa tal-Gvern tal-Istati Uniti tal‑Amerika intiża sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entitajiet Iranjani. Skont ir-rikorrent, dan il-fatt jitfa’ dubju fuq il-legalità tal-miżuri adottati u tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħhom.

98      Madankollu, il-fatt li allegatament ċerti Stati Membri saritilhom pressjoni diplomatika, anki jekk jiġi stabbilit, ma jimplikax, waħdu, li din il-pressjoni affettwat l-atti kkontestati li ġew adottati mill‑Kunsill jew l-eżami magħmul minn dan tal-aħħar fil-kuntest tal-adozzjoni tagħhom.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l‑argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ difetti li allegatament jaffettwaw l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar‑rikorrent.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, filwaqt li t-talba sabiex l-atti kkontestati jiġu annullati b’effett immedjat tilfet għalhekk l-iskop tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal‑Kunsill f’dan is-sens.

102    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Melli Bank plc għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l‑ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Frar 2013.

Firem

WERREJ


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tal-aġġustament tal-kapi tat-talbiet tar-rikorrent

Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-involviment tal-BMI fil-proliferazzjoni nukleari

Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tal-Kunsill dwar l-ammissbbiltà tal‑motivi bbażati fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward taż‑żamma jew tal-kontroll tar-rikorrent mill-BMI, u fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, tad-dritt ta’ proprjetŕ u tad-dritt għall-eżerċizzju ta’ attivitŕ ekonomika

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal‑prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

– Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-prinċipju ta’ rispett tad‑drittijiet tad-difiża

– Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar‑rikorrent u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mill-allegat fatt li ma kienx kiseb informazzjoni suffiċjenti dwar l‑adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontrih

– Fuq id-difetti li allegatament jaffetwaw l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.