Language of document : ECLI:EU:T:2013:80

Kawża T‑492/10

Melli Bank plc

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Entità li hija miżmuma 100 % minn entità rikonoxxuta bħala involuta fil-proliferazzjoni nukleari — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Frar 2013

1.      Proċedura — Deċiżjoni jew regolament li fil-mori tal-kawża jissostitwixxu l-att ikkontestat — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali

2.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi rrikonoxxuti mill-Kunsill bħala li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari — Obbligu li din il-miżura tinkludi lill-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn tali entità — Kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata — Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni — Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 16(2)(a), u Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 20(1)(b))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 36(3), u Nru 267/2012, Artikolu 46(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 24(3))

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4) u (6))

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti — Dritt suġġett għat-tressiq ta’ talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Nru 961/2010 u Nru 267/2012; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/KE )

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 42)

2.      Meta l-fondi ta’ entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari jkunu ffriżati, ikun hemm riskju mhux insinjifikattiv li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm jew tikkontrolla jew li huma proprjetà tagħha sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jittieħdu kontra tagħha. Konsegwentement, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bħalma huma l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet, li huwa impost mill-Kunsill permezz tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, dan l-iffriżar huwa neċessarju u xieraq sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u sabiex jiġi ggarantit li dawn il miżuri ma jkunux evitati. Barra dan, meta entità tkun 100 % proprjetà ta’ entità meqjusa bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari, il-kundizzjoni li entità tkun proprjetà ta’ entità oħra msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 tkun issodisfatta. L-istess konklużjoni għandha tiġi applikata għall-kunċett ta’ entità “li [tkun] proprjetà” ta’ entità kkunsidrata bħala involuta fil-proliferazzjoni nukleari, li jidher fl-Artikolu 23(2)(a) tar Regolament Nru 267/2012. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità miżmuma 100 % minn, jew li tkun 100 % proprjetà ta’ entità kkunsidrata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari ma tirriżultax minn evalwazzjoni tal‑Kunsill inkwantu għar-riskju li jiġi evitat l-effett tal-miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha, iżda toħroġ direttament mill‑implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni.

(ara l-punti 55-57, 96)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 67-69)

4.      Il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, min-naħa waħda, li l-provi użati kontra l-entità interessata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi.

Għaldaqstant, fil-każ tal-att inizjali li permezz tiegħu l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, sakemm ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-komunikazzjoni tal-provi mressqa kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew simultanjament mal-adozzjoni tal-att ikkontestat jew fl-iqsar żmien possibbli wara l-imsemmija adozzjoni. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tinstema’ fuq dawn il-provi ġaladarba l-att ikun ġie adottat. Taħt l-istess riżervi, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha bħala regola ġenerali tiġi ppreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi ġodda miżmuma kontra l-entità kkonċernata u minn possibbiltà ġdida għall entità kkonċernata li ssostni l-pożizzjoni tagħha.

Barra dan, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika r-raġunijiet ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħha għal rimedju legali. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni kif tkun mitluba tagħmel.

(ara l-punti 71, 72, 74)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73)