Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2010 - Endesa u Endesa Generacion vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-490/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Endesa, SA (Madrid, Spanja), Endesa Generación, SA (Sevilla, Spanja) (rappreżentant: M. Merola, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tiddikjara r-rikors fondat u tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess deċiżjoni inkwistjoni fil-Kawżi T-484/10, Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni u T-486/10, Iberdola vs Il-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi insostenn tar-rikors tagħhom:

1.    L-ewwel motiv huwa bbżat fuq l-iżball manifest li wettqet il-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-miżura nnotifikata taqa' taħt id-Direttiva 2003/54/KE 1. Fil-fatt:

Billi kkunsidrat li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE ma jeħtieġx li l-awtoritajiet nazzjonali jinvokaw u juru l-eżistenza ta' raġunijiet ta' sigurtà tal-provvista sabiex ikunu jistgħu jadottaw miżuri inkompatibbli mar-regoli ta' armonizzazzjoni li jinsabu fid-Direttiva, il-Kummissjoni wettqet żball manifest. Tali interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-obbligu li kull dispożizzjoni derogatorja tiġi interpretata b'mod strett.

L-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2004/54/KE hija tali li tawtorizza lill-Istati Membri jirrikorru b'mod indefinit għal regola li, skont l-Artikolu 114 tat-Trattat, tista' tapplika biss b'mod transitorju. Għalhekk, din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-bażi legali li fuqha ġiet adottata d-Direttiva 2003/54/KE.

Meta kkalkolat il-limitu ta' 15 % previst fid-Direttiva 2003/54/KE b'mod li jneħħilu l-effett utli intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest.

Il-Kummissjoni wettqet żball manifest peress li ma teżisti l-ebda problema ta' sigurtà tal-provvista fi Spanja li tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura nnotifikata.

Il-miżura nnotifikata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54/KE, li jipprovdu li l-obbligi ta' servizz pubbliku għandhom ikunu definiti b'mod ċar, ikunu trasparenti, nondiskriminatorji kif ukoll li jistgħu jiġu vverifikati u għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali.

2.    It-tieni motiv huwa dedott mill-iżball manifest li l-Kummissjoni wettqet meta kkunsidrat lil-Artikolu 106(2) tat-Trattat japplika għall-miżura nnotifikata. Fil-fatt:

Meta kkunsidrat li r-regola stabbilita fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE teżentha milli teżamina jekk il-kundizzjonijiet ta' eżistenza ta' obbligu ta' servizz pubbliku humiex sodisfatti f'dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet żball manifest.

Billi ma evalwatx korrettament in-natura proporzjonali tal-miżura nnotifikata u billi llimitat din l-analiżi sempliċiment għall-punt li jsir magħruf jekk kienx jeżisti kumpens eċċessiv jew le, il-Kummissjoni wettqet żball manifest.

Meta applikat l-Artikolu 106(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni ma analizzatx il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, li tinvolvi l-miżura nnotifikata.

3.    It-tielet motiv huwa dedott minn ksur tar-regoli dwar ċerti aspetti tal-proċedura. Fil-fatt:

Billi ma fetħitx investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta' indizzji oġġettivi u konkordanti li juru li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà u tal-miżura nnotifikata kellha problemi serji, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108 tat-Trattat kif ukoll l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 2.

Billi użat il-fażi ta' prenotifika sabiex tevita l-ftuħ ta' proċedura ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni saret ħatja ta' abbuż ta' poter.

____________

1 - Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).